21.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 15/61


Il-Ħamis, 23 ta' Ottubru 2008
Il-piraterija fuq il-baħar

P6_TA(2008)0519

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar il-piraterija fuq il-baħar

2010/C 15 E/12

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar politika marittima integrata għall-Unjoni Ewropea (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar il-qtil rikurrenti ta' ċittadini ċivili fis-Somalja (2),

wara li kkunsidra l-konklużjonjiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali tal-15 ta' Settembru 2008 (13028/2008),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tar-Relazzjonijiet Esterni tas-26 ta' Mejju 2008 (9868/2008),

wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/749/CFSP tad-19 ta' Settembru 2008 dwar l-azzjoni kkoordinata militari tal-Unjoni Ewropea b'appoġġ għar-riżoluzzjoni 1816(2008) (EU NAVCO) (3) u għar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1838 (2008),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1988 dwar it-Trażżin ta' Azzjonijiet Illegali kontra s-Sikurezza tan-Navigazzjoni Marittima,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1814 (2008) tal-15 ta' Mejju 2008 u 1816(2008) tat-2 ta' Ġunju 2008 dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja,

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-piraterija fl-ibħra miftuħa jirrappreżentaw theddida dejjem tikber għall-ħajja u s-sikurezza tal-bniedem, b'mod partikulari fl-ibħra li jinsabu 'l barra mis-Somalja u mill-ibħra li jinsabu 'l barra mis-Somalja u l-Qarn tal-Afrika, inkluża l-għajnuna umanitarja lil xi 3.5 miljun ruħ li għandhom bżonn l-għajnuna;

B.

billi, barra minn hekk, diġà saru rapporti dwar iż-żieda fil-piraterija f'zoni oħra tad-dinja, bħall-Kanal ta' Mozambique, ibħra speċifiċi qrib l-Indja u l-Karibew;

C.

billi l-kunflitt kontinwu u l-instabilità politika fis-Somalja wasslet għal attivitajiet ta' piraterija u ta' serq bl-armi,

D.

billi s-sena l-oħra l-attakki kriminali fuq il-bastimenti Komunitarji tas-sajd, tal-merkanzija u tal-passiġġieri fl-ibħra internazzjonali qrib ix-xtut Afrikani żdiedu kemm fin-numru u kemm fil-frekwenza, u billi dawn qed ipoġġu f'riskju l-ħajja tal-ekwipaġġ u qed ikollhom impatt negattiv fuq il-kummerċ internazzjonali,

E.

billi l-passaġġ bla xkiel ta' bastimenti li jkunu qed ibaħħru bis-snajja' tagħhom b'mod legali fuq ibħra miftuħa huwa prekundizzjoni assoluta biex ikun hemm il-kummerċ internazzjonali;

F.

billi piraterija bħal din hija theddida immedjata għall-baħħara li l-għixien tagħhom jiddependi fuq l-eżerċitar sikur u legali tas-sengħa u l-professjoni tagħhom fuq il-baħar;

G.

billi s-sajjieda tal-UE fl-ibħra miftuħa daħlu fil-mira tal-pirati, u billi t-theddida tal-piraterija qed twassal biex numru sinifikanti ta' bastimenti tas-sajd tal-UE jirtiraw mill-baħar f'distanzi ta' mijiet ta' kilometri bogħod mis-Somalja jew biex inaqqsu l-attività tas-sajd tagħhom fir-reġjun;

H.

billi numru ta' vittmi tal-piraterija kienu ċittadini ordinarji li kienu għaddejin bl-attivitajiet tagħhom b'mod paċifiku fuq dgħajjes għar-rikreazzjoni fl-ibħra li jinsabu 'l barra mill-Qarn tal-Afrika;

I.

billi sa ċertu punt din it-tip ta' piraterija tirriżulta mill-vjolenza u mill-instabilità politika li hemm fis-Somalja, u għandha effett indirett fuq il-bqija tar-reġjun tal-Qarn, u billi l-piraterija tikkontribwixxi għalihom u anke għall-konsegwenzi konkomitanti fuq il-popolazzjoni ċivili tas-Somalja, l-iżjed f'dak li għandu x'jaqsam mal-esponiment għat-theddid, man-nuqqas ta' żvilupp u mal-waqfien fl-għajnuna tal-ikel u fi sforzi umanitarji oħrajn;

J.

billi fl-2007 ġie rrappurtat li nqatlu 20 membru tal-ekwipaġġ, 153 ġew midruba jew attakkati u 194 inħatfu;

K.

billi, b'reazzjoni għad-deterjorament ta' dan il-fenomenu, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti attwalment qed jaħdem fuq riżoluzzjoni ġdida, bil-għan li jimmobilizza l-komunità internazzjonali fir-rigward tal-użu aħjar tal-għodod tas-soppressjoni u l-prevenzjoni eżistenti, fil-qafas tal-liġi marittima jew fil-qafas tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà;

1.

Jistieden lill-Gvern Tranżitorju tas-Somalja biex, b'koperazzjoni man-NU u mal-Unjoni Afrikana, iqis il-piraterija u s-serq bl-armi li sar fix-xtut Somali fuq bastimenti li kien qed iġorru għajnuna umanitarja bħala azzjonijiet kriminali li għandhom ikunu segwiti bl-arrest ta' dawk involuti abbażi tal-liġi internazzjonali tal-mument;

2.

Jieħu nota tal-Azzjoni Konġunta 2008/749/CFSP li tistabbilixxi azzjoni kkoordinata militari b'appoġġ għar-riżoluzzjoni 1816(2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU intitolata EU NAVCO;

3.

Jitlob lill-Istati Membri li huma parti tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU biex iġeddu l-awtorizzazzjonijiet konċessi fir-riżoluzzjoni 1816(2008), bi qbil mal-intenzjoni stipulata fir-riżoluzzjoni 1838 (2008);

4.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tfittex modi kif tipprovdi protezzjoni kontra l-piraterija ta' bastimenti li jġorru l-bandiera tal-UE u bastimenti tas-sajd oħra li jkunu joperaw f'ibħra internazzjonali fil-Majjistral tal-Oċean Indjan, possibilment permezz tal-koperazzjoni mal-Kummissjoni tat-Tonn tal-Oċean Indjan;

5.

Juri dispjaċir rigward in-nuqqas ta' konsultazzjoni mill-Kunsill tal-Parlament dwar id-deċiżjoni li tiġi mnedija din l-operazzjoni tal-Politika Ewropea ta' Sigurta u Difiża (ESDP), u jħeġġeġ lill-Kunsill biex jipprovdi informazzjoni lill-Parlament dwar l-ambitu ta' din l-azzjoni u dwar il-ħidmiet eżatti li ċ-“Ċellola ta' Koordinazzjoni tal-UE” se twettaq b'appoġġ għall-missjoni marittima tal-ESDP; EU NAVCO;

6.

Jitlob lill-Kunsill biex jiddistingwi b'mod ċar bejn il-mandat ESDP għall-ġejjieni u l-ħidmiet ta' kontra l-piraterija magħmula mill-Istati Membri tagħha fi ħdan il-qafas tal-Operazzjoni Ħelsien Dejjiem-Qarn tal-Afrika, li għandha l-għan li xxejjen l-attivitajiet terroristi; jitlob li jkun hemm linji gwida ċari fir-rigward tad-detenzjoni u tal-prosekuzzjoni tal-pirati maqbuda; jitlob lill-Kunsill biex jevita l-involviment tal-EU NAVCO fil-kunflitt kurrenti fis-Somalja; jitlob biex ikun hemm koordinazzjoni effettiva ma' bastimenti navali oħra fir-reġjun, b'mod speċjali fl-Istati Uniti u fir-Russja;

7.

Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jistinkaw ħalli jiżguraw li l-istrumenti legali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) li jittrattatw il-piraterija u s-serq bl-armi jkunu riveduti u aġġornati kemm jista' jkun malajr sabiex l-awturi tar-reati jkunu jistgħu jiġu insegwiti u kkundannati;

8.

Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati kostali u lill-Istati Mermbri kollha tal-UE biex jirratifikaw il-Protokoll 2005 għall-Konvenzjoni dwar it-Trażżin ta' Azzjonijiet Illegali kontra s-Sikurezza tan-Navigazzjoni Marittima,

9.

Jistieden lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex kemm jista' jkun malajr jittrasponu fil-liġi domestika tagħhom id-dispożizzjonijiet relevanti tal-Konvenzjonijiet dwar il-liġi tal-baħar tan-Nazzjonijiet Uniti u il-Konvenzjoni dwar “Suppression of unlawful acts against the safety of martime navigation” li jippermettu li jiġu stabbiliti b'mod ċar il-ġurisdizzjonijiet u b'hekk li jiġu żgurati proċedimenti penali b'ċertezza legali sħiħa fil-każ li jinqabdu l-pirati jew l-awturi ta' attakki armati fil-baħar;

10.

Jilqa' b'sodisfazzjoni l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb il-koordinazzjoni tagħha mal-aġenziji Ewropej li huma responsabbli mis-sorveljanza marittima, billi jenfasizza, b'mod speċjali, il-prevenzjoni ta' attivitajiet illegali (l-ittraffikar tal-bnedmin u tad-droga u l-immigrazzjoni illegali) b'attenzjoni speċjali fuq l-ibħra internazzjonali; iħeġġeġ lill-Kunsill biex ma jitfax fl-istess keffa l-isfida tat-terroriżmu u l-kwistjoni tal-immigrazzjoni illegali u tal-ittraffikar tal-bnedmin u tad-droga;

11.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippromwovi negozjati dwar l-immaniġġjar aħjar tal-ispazju marittimu ma' pajjiżi terzi, u jappoġġja bil-qawwa l-koperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi ġirien favur il-ħarsien tal-ibħra li jkunu jinsabu lil hinn mill-ġurisdizzjonijiet nazzjonali;

12.

Jikkundanna kategorikament il-kummerċ fl-armi u l-munizzjon ma' gruppi organizzati li jwettqu atti ta' piraterija; jitlob lill-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti biex jirrakkomandaw miżuri xierqa biex ma jħallux armi jaslu għand gruppi ta' pirati bħal dawn;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi l-informazzjoni lill-Parlament dwar kwalunkwe deċiżjoni li taf tieħu dwar il-finanzjament ta' proġetti relatati ma' rottot marittimi kritiċi fil-Qarn tal-Afrika, fl-istretti ta' Bab al Mandab u l-Golf tal-Aden;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra kif jista' jingħata appoġġ prattiku lill-aġenda Sana's/Dar es Salaam tal-IMO u b'mod partikulari mat-twaqqif ta' Ċentru ta' Informazzjoni Marittimu Reġjonali jew ma' sistema relatata ma' dan;

15.

Jifraħ bil-progress li sar mill-Kunsill Ewropew fit-tħejjija ta' operazzjoni navali tal-Unjoni Ewropea kontra l-piraterija bil-għan li tiġi garantita s-sigurtà tal-bastimenti tal-merkanzija li jkunu qed jivvjaġġaw f'rotta navali fil-Golf ta' Aden;

16.

Jisogħbih li l-azzjoni tal-Kunsill ma tikkonċernax iz-zoni ta' sajd ta' dan ir-reġjun, u jitlob li jittieħdu malajr azzjonijiet f'dan is-sens;

17.

Jitlob lill-Kummissjoni biex, mal-ewwel opportunità, fil-qafas ta' Politika Marittima Integrata ġdida, twaqqaf sistema Komunitarja għal koperazzjoni u koordinazzjoni reċiproċi, li tippermetti lil dawk il-bastimenti navali li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru f'ibħra internazzjonali li jħarsu l-bastimenti tas-sajd u tal-merkanzija minn Stati Membri oħra;

18.

Jilqa', għaldaqstant, l-adozzjoni ta' emenda tal-Parlament fl-ewwel qari tal-baġit ġenerali tal-Unjoni tal-2009 bl-għan li tinħoloq linja baġitarja ġdida biex tiffinanzja proġett pilota li janalizza l-possibilitajiet ta' finanzjament, ġestjoni u koordinazzjoni ta' pjan ta' azzjoni Komunitarju għall-ħarsien tal-bastimenti Komunitarji li jgħaddu minn, u joperaw f'zoni mhedda mill-piraterija internazzjonali;

19.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw b'mod attiv, fil-qafas tan-NU u tal-IMO, l-inizjattiva promossa minn diversi Stati Membri li d-dritt għal insegwiment attiv fuq il-baħar u fl-ajru jiġi estiż għall-istati kostali, bil-kundizzjoni li jkun hemm kunsens mill-pajjiżi inkwistjoni, kif ukoll biex jiżviluppaw mekkaniżmu ta' assistenza kkoordinata f'każi ta' piraterija marittima; jitlob ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu b'mod attiv sabiex tiġi żgurata l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni ġdida tan-Nazzjonijiet Uniti, billi r-Riżoluzzjoni 1816 (2008) se tiskadi fit-2 ta' Diċembru 2008;

20.

Jixtieq li, b'mod parallel mal-iżgurar tas-sikurezza tal-konvojs u mal-eżerċitar tad-dritt tagħhom ta' insegwiment tal-agressuri tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti ma jittraskurawx it-triq tal-koperazzjoni u n-normalizzazzjoni politiċi mal-Istati tar-reġjun sabiex ikunu jistgħu jipprevjenu u jiġġieldu b'mod aħjar id-delinkwenza marittima u l-kawżi multipli tagħha;

21.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jispjegaw l-objettivi tal-operazzjoni navali militari tal-UE fi ħdan il-qafas tar-Riżoluzzjoni 1816 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti favur it-trażżin tas-serq bl-armi u l-piraterija fi xtut li jinsabu 'l barra mis-Somalja; jirrikonoxxi li l-abbozzi tal-UNSC 1816(2008) u 1838 (2008) kienu saru taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU bħala l-uniku mod biex jiġi leġittimizzat l-użu tal-forza; jenfasizza, madanakollu, li taħt l-ebda ċirkustanza l-atti ta' piraterija kif ukoll atti kontra l-piraterija ma għandhom jiġu kkunsidrati bħala atti ta' gwerra; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew biex jittratta l-piraterija bħala attività kriminali fil-kuntest tal-liġi internazzjonali eżistenti;

22.

Jitlob lill-Kunsill biex jagħmel kull ma jista' biex jiġu identifikati u żarmati n-netwerks ta' kriminalità organizzata li qed jisiltu qligħ minn dawn l-azzjonijiet;

23.

Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u anke lill-komunità internazzjonali, biex jimmobilitaw ir-riżorsi umani u finanzjarji kollha li hemm bżonn biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' reġim demokratiku u stabbli fis-Somalja biex il-piraterija fil-baħar miftuħ tiġi miġġielda b'mod effikaċi u fit-tul;

24.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jadottaw regoli ta' involviment ċari u legalment indiskutabbli għall-forzi navali impenjati f'dawn l-operazzjonijiet;

25.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0213.

(2)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0313.

(3)  ĠU L 252, 20.9.2008, p. 39.