15.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 9/33


Il-Ħamis, 9 ta’ Ottubru 2008
L-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u tan-nixfa fl-Unjoni Ewropea

P6_TA(2008)0473

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar l-indirizzar tal-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u tan-nixfa fl-Unjoni Ewropea (2008/2074(INI))

2010/C 9 E/06

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 2007 bl-isem “Li tindirizza l-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u l-perjodi ta’ nixfa fl-Unjoni Ewropea” (COM(2007)0414) (“il-Komunikazzjoni”),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (1) (“id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma”),

wara li kkunsidra r-rapport dwar l-evalwazzjoni tal-impatt u l-istudji mħejjija mill-Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2003 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immaniġġjar tal-ilma fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-prijoritajiet għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (nirien tal-foresti, nixfa u għargħar) — l-aspetti agrikoli (3),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għall-Agrikoltura (A6-0362/2008),

A.

billi l-kwistjoni tal-iskarsezza tal-ilma u tan-nixfa mhix limitata ġeografikament għall-Unjoni Ewropea iżda għandha riperkussjonijiet internazzjonali u hija problema globali; billi diġà jeżistu kunflitti internazzjonali dwar l-ilma u hemm perikolu dejjem jikber li dawn jiżdiedu fil-frekwenza,

B.

billi l-ilma huwa essenzjali għall-ħajja u huwa prodott komuni li m’għandux jiġi mminimizzat għal sempliċiment prodott bażiku; billi l-politika kollha dwar l-ilma għandha tkun immexxija mill-assigurazzjoni li kulħadd ikollu aċċess ġust għall-ilma, inklużi l-ġenerazzjonijiet futuri,

C.

billi l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa jirrappreżentaw sfida maġġuri b’impatti soċjo-ekonomiċi u ambjentali relevanti fl-UE; billi l-impatt ekonomiku totali tan-nixfa fil-livell tal-UE fl-aħħar 30 sena hu stmat għal EUR 100 biljun,

D.

billi l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa diġà jaffettwaw diversi partijiet tal-UE b’madwar għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni tal-UE li tgħix f’pajjiżi li r-riżorsi tal-ilma tagħhom jgħaddu minn stress,

E.

billi d-deżertifikazzjoni li qed taffettwa l-pajjiżi tal-komunità f’livelli differenti qed tfaqqar l-ambjent naturali u qed twassal għad-degradazzjoni tal-ħamrija u konsegwentament għat-telf tal-valur agrikolu tagħha,

F.

billi l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa ma jinħassux bl-istess intensità fir-reġjuni kollha tal-UE, filwaqt li l-ikbar intensità tinħass fl-Istati Membri li qegħdin iktar lejn in-Nofsinhar,

G.

billi hemm differenzi reġjonali sinifikanti fix-xejra li qed jieħdu l-problemi li qed jirriżultaw mill-iskarsezza tal-ilma u min-nixfa; billi l-aħjar mod hu li miżuri għall-iffaċċjar ta’ dawn il-problemi jkunu bbażati fuq approċċ reġjonali,

H.

billi l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa ġraw bi frekwenza u severità dejjem jiżdiedu matul l-aħħar 30 sena u billi l-bidla fil-klima possibilment taggrava s-sitwazzjoni, billi tikkontribwixxi għal żieda ta’ avvenimenti idroloġiċi estremi fl-UE u barra l-UE, li probabilment jaffetwaw kemm il-kwalità kif ukoll il-kwantità tar-riżorsi tal-ilma,

I.

billi t-tendenzi fl-użu tal-ilma mhumiex sostenibbli peress li l-UE qed tkompli taħli 20 % mill-ilma tagħha minħabba l-ineffiċjenza,

J.

billi n-nixfa intensa, flimkien ma’ anqas xita, qed iżidu dejjem aktar il-periklu ta’ nirien tal-foresti, kif deher ċar fin-nirien devastanti li riċentement ħakmu l-Ewropa tan-Nofsinhar,

K.

billi ma teżisti ebda valutazzjoni komprensiva, teknika u xjentifikament solida dwar is-sitwazzjoni tal-kwantità tal-ilma fl-UE; billi d-data disponibbli fil-livell reġjonali u dwar il-varjazzjonijiet tal-istaġun hija limitata ħafna,

L.

billi l-iskarsezza tal-ilma tista’ tkun ir-riżultat ta’ kawżi naturali, attivitajiet tal-bniedem jew tar-relazzjoni reċiproka bejn it-tnejn, kemm permezz ta’ użu żejjed tal-provvista naturali jew permezz tad-degradazzjoni tal-kwalità tal-ilma; billi l-użu ħażin tal-ilma huwa wieħed mill-kawżi tad-deżertifikazzjoni,

M.

billi t-turiżmu jżid aktar it-talba għall-ilma, partikolarment matul il-perjodu tas-sajf u fiz-zoni tal-kosta tal-Ewropa tan-Nofsinhar,

N.

billi t-tqajjim tal-kuxjenza u l-provvista ta’ informazzjoni tajba liċ-ċittadini fil-forom differenti, pereżempju permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni u edukazzjoni, hija ta’ importanza elementari biex ikunu faċilitati bidliet fl-imġiba u fil-prattiki u biex titrawwem kultura li ma taħlix ilma u li l-ilma jintuża b’mod effiċjenti,

O.

billi l-provvista pubblika tal-ilma huwa servizz pubbliku fundamentali marbut mas-saħħa pubblika li m’għandux jiġi ostakolat,

P.

billi l-iskarsezza tal-ilma u l-perjodi ta’ nixfa huma kwistjonijiet ambjentali kumplessi, u għaldaqstant għandhom ikunu regolati mill-qrib ma’ kwistjonijiet ambjentali oħra u b’kunsiderazzjoni tagħhom,

Q.

billi l-agrikoltura, bħala settur produttiv, tbati ħafna mill-effetti tal-iskarsezza tal-ilma u tan-nixfa, waqt li fl-istess ħin għandha rwol importanti fil-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma disponibbli,

R.

billi l-agrikoltura multifunzjonali fl-UE għandha rwol importanti fil-preservazzjoni tal-pajsaġġi, tal-bijodiversità u tal-ilma nadif u għalhekk għandha bżonn l-appoġġ finanzjarju għal ċerti miżuri kif ukoll għall-pariri xjentifiċi dwar il-ġestjoni tal-ilma,

S.

billi l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa jirrappreżentaw fattur notevoli li jkompli jgħolli l-prezzijiet tal-materja prima agrikola; billi hu neċessarju li tkun garantita provvista stabbli tal-ikel,

T.

billi kwantitajiet kbar ta’ ilma huma meħtieġa fl-agrikoltura u, minħabba li din għaldaqstant tiddependi fuq il-provvista tal-ilma, l-agrikoltura trid tkun inkluża bħala parti responsabbli mis-sistemi reġjonali integrati ta’ ġestjoni tal-ilma fejn għandu x’jaqsam l-użu bbilanċjat tal-ilma, it-twaqqif tal-ħela tal-ilma, l-adattament tal-pajsaġġ u l-ippjanar tal-uċuħ tar-raba, kif ukoll il-ħarsien tal-ilma mit-tniġġis,

U.

billi n-nixfa tiffavorixxi wkoll il-proliferazzjoni ta’ ċerti pesti fitosanitarji, u b’hekk tipprovoka tnaqqis notevoli fil-ħsad,

V.

billi r-Raba’ Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (COM(2007)0273) jidentifika li l-bidla fil-klima, b’mod partikolari n-nixfa u l-iskarsezza tal-ilma, hi waħda mill-isfidi l-ġodda b’implikazzjonijiet territorjali kbar li trid tiġi trattata mill-politika ta’ koeżjoni, u li sa llum din il-problema affettwat lil 11 % tal-popolazzjoni u 17 % tat-territorju tal-Unjoni Ewropea,

1.

Jilqa’ b’sodissfazzjon il-Komunikazzjoni u jappoġġa l-ewwel sensiela proposta ta’ għażliet dwar il-politika, imma jiddispjaċih li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għal-livell tal-UE u tal-Istati Membri biss; ifakkar li l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa huma problemi b’dimensjoni internazzjonali u li għandha tittieħed azzjoni b’mod li jirrifletti dan;

2.

Jenfasizza li n-natura transreġjonali u transkonfinali tal-baċiri tax-xmajjar jista’ jkollha impatt transkonfinali fuq ir-reġjuni tan-naħa ta’ fuq u t’isfel tax-xmajjar, u li għaldaqstant huwa indispensabbli għall-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali li jikkooperaw fil-kwistjoni tal-iskarsezza tal-ilma u tan-nixfa, filwaqt li jkun żgurat użu sostenibbli u tajjeb tar-riżorsi tal-ilma; iqis li l-ispeċifiċità tal-iskarsezza tal-ilma u l-perjodi ta’ nixfa tirrikjedi azzjoni kkoordinata fil-livell ta’ UE u tal-Istati Membri, kif ukoll fil-livell tal-gvernijiet reġjonali u lokali;

3.

Jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tillimita ruħha għall-promozzjoni ta’ objettivi ġenerali, billi tipproponi numru limitat biss ta’ miżuri preċiżi u ebda skadenza konkreta għall-implimentazzjoni tagħhom f’reġjuni mminaċċati mill-iskarsezza tal-ilma u min-nixfa; jiddispjaċih li m’hemmx miri realistiċi u limiti ta’ żmien biex dawn jintlaħqu, kif ukoll li m’hemmx enfasi fuq il-bżonn ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta programm kontinwu, b’mod partikolari rapport dwar il-progress fl-2009 u r-reviżjoni u l-iżvilupp tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea;

4.

Jenfasizza l-importanza tar-reġjuni bħala forza ta’ tmexxija wara l-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam tal-ilma, meta jkun ikkunsidrat li l-effiċjenza tal-ilma hi fattur importanti għall-kompetittività; iħeġġeġ, għalhekk, lill-awtoritajiet reġjonali biex jikkunsidraw il-kooperazzjoni interreġjonali fil-livell nazzjonali u fil-livell internazzjonali, l-iskambju tal-informazzjoni u s-sħubiji strateġiċi bl-għan li tiġi organizzata ġestjoni reġjonali tal-ilma effiċjenti;

5.

Jistieden lill-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex japprofittaw ruħhom mill-opportunitajiet kbar offruti mill-Fondi Strutturali u jinvestu fit-titjib jew it-tiġdid tal-infrastruttura u t-teknoloġija eżistenti, b’mod partikulari f’reġjuni fejn ir-riżorsi tal-ilma jinħlew minħabba t-tnixxija fil-pajpijiet tal-ilma, inklużi, b’mod speċifiku, teknoloġiji nodfa li jiffaċilitaw l-użu effiċjenti tal-ilma u jistgħu jiġu marbuta mal-immaniġġjar integrat tar-riżorsi tal-ilma (IRM), b’mod partikulari sabiex jindirizzaw l-isfida tal-effiċjenża fir-rigward tal-ilma (mil-lat ta’ ffrankar u mil-lat ta’ użu mill-ġdid) fis-setturi industrijali u tal-biedja kif ukoll min-naħa tal-konsumaturi domestiċi, inkluż fil-ġżejjer u fl-ibgħad reġjuni;

6.

Jinsisti, f’dan ir-rigward, li l-allokazzjoni tal-fondi infrastrutturali għandha tkun orjentata lejn it-titjib tal-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma u konformi mal-ħtiġijiet eżistenti;

7.

Ifakkar li għandu jkun preferut l-approċċ min-naħa tat-talba fl-immaniġġjar tar-riżorsi tal-ilma; hu tal-opinjoni, madankollu, li l-UE għandha tadotta approċċ olitisku meta timmaniġġja r-riżorsi tal-ilma, li jgħaqqad flimkien miżuri ta’ mmaniġġjar tat-talba, miżuri li jtejbu r-riżorsi eżistenti fi ħdan iċ-ċiklu tal-ilma, u miżuri li joħolqu riżorsi ġodda, u li l-approċċ hemm bżonn li jintegra l-kunsiderazzjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi;

8.

Jinnota li l-miżuri min-naħa tal-provvista għandhom wkoll jitqiesu, bil-għan li tinkiseb l-aktar soluzzjoni li tkun ekonomikament u ambjentalment effiċjenti, filwaqt li l-bilanċ bejn il-provvista u t-talba jiġi ottimizzat, u filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm provvista pubblika kontinwa ta’ ilma inkluż waqt kundizzjonijiet ta’ nixfa, b’konformità mal-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli; huwa tal-fehma li għandha titħeġġeġ azzjoni sabiex tiġi stabbilita ġerarkija effettiva tal-użu tal-ilma, u li l-bini ta’ rotot sabiex l-ilma jiġi ttrasportat fuq distanzi kbar m’għandhiex tkun soluzzjoni għall-problema tal-iskarsezza tal-ilma; jisħaq, madankollu, fuq l-importanza li miżuri min-naħa tal-provvista jista’ jkollhom għar-reġjuni l-aktar affettwati mill-iskarsezza tal-ilma u min-nixfa, li jistgħu jieħdu forma ta’ possibilitajiet tradizzjonali, bħall-bini ta’ infrastruttura li tirregola minn fejn jgħaddi l-ilma, jew soluzzjonijiet alternattivi u innovattivi bħall-użu mill-ġdid sostenibbli ta’ ilma għar-rimi jew id-desalinazzjoni;

9.

Jenfasizza l-kontribut tal-popolazzjoni agrikola Ewropea fil-ġlieda kontra l-erożjoni tal-ħamrija u d-deżertifikazzjoni u jitlob li jkun rikonoxxut l-irwol kruċjali tal-produtturi Ewropej fl-ippreservar tal-veġetazzjoni f’reġjuni milquta minn nixfa persistenti jew mhedda mir-ramel li jinġarr mir-riħ; jenfasizza l-benefiċċji speċifiċi ta’ uċuħ tar-raba’ permanenti, tal-ġonna tas-siġar tal-frott u tal-għelieqi tad-dwieli, tal-mergħat u tal-foresti għall-ġbir tal-ilma;

10.

Jenfasizza l-importanza tal-kwistjoni tal-ġestjoni tal-ilma f’zoni muntanjużi u jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw sens ta’ solidarjetà bejn l-utenti fiz-zoni ta’ fuq u dawk fiz-zoni t’isfel;

11.

Ifakkar fir-rabta bejn il-bidla fil-klima, l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa u l-kura territorjali integrata mmirata lejn il-manteniment u l-preservazzjoni tar-riżorsi lokali tal-ilma u hu mħasseb ħafna dwar l-impatt li possibilment ikun hemm fuq is-saħħa pubblika; jitlob li jitqies l-impatt fuq ir-riżorsi tal-ilma meta jiġu mfassla l-politiki għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima; jitlob li jsir studju fil-fond dwar ir-relazzjoni reċiproka bejn l-iżvilupp tal-bijofjuwils u d-disponibilità tar-riżorsi tal-ilma; jitlob, bl-istess mod, li ssir evalwazzjoni speċifika tal-installazzjonijiet b’konsum għoli tal-ilma; jisħaq fuq il-bżonn li l-kwistjoni tal-ilma tkun integrata sistematikament fl-oqsma kollha tal-politiki u li jinħoloq approċċ tassew integrat meta din tkun indirizzata, inklużi l-istrumenti finanzjarji u legali kollha tal-UE; jissottolinja li l-livelli politiċi kollha (nazzjonali, reġjonali u lokali) għandhom ikunu involuti fil-proċess;

12.

Jemmen li għandha tiġi stabbilità rabta bejn l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa u l-bidla fil-klima u l-istrateġiji speċifiċi għalihom, filwaqt li wieħed għandu jżomm f’moħħu li t-tħassib fir-rigward tal-adattament għall-bidla fil-klima għandu jiġi integrat bħala prijorità fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma;

13.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jirrikonoxxu li d-deforestazzjoni u l-iżvilupp urban bla rażan qed iwasslu għal żieda fl-iskarsezza tal-ilma; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet ikkonċernati biex iqisu kwistjonijiet marbuta mal-ilma fl-ippjanar tal-użu tal-art, l-aktar f’dak li jikkonċerna l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi f’baċiri ta’ xmajjar sensittivi, inkluż fil-gżejjer u fl-ibgħad reġjuni; jenfasizza li kwalunkwe provvista ta’ ilma, independentement mill-iskop tal-konsum tagħha, trid tkun konformi mal-prinċipju ta’ tariffi ġusti għall-ilma, u b’hekk tinkoraġġixxi lill-kumpanniji b’mod speċjali sabiex jużaw l-ilma b’mod aktar effiċjenti;

14.

Jenfasizza li r-reviżjoni tal-prijoritajiet tal-baġit tal-Komunità għandha tagħti prijorità aktar għolja lill-miżuri ambjentali u, b’mod partikulari, lill-politiki mfassla biex jikkumbattu l-effetti tal-bidla fil-klima, li jinkludu n-nixfa u l-iskarsezza tal-ilma, waqt li tiżgura li jkunu disponibbli r-riżorsi addizzjonali meħtieġa;

15.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra r-rabta intersettorjali bejn l-impatt soċjali u dak ekonomiku tal-bidla fil-klima fuq l-użu tal-art u l-ispejjeż tal-enerġija assoċjati mal-bidla fil-klima; iħeġġeġ lill-UE sabiex twettaq l-evalwazzjonijiet kollha dwar l-effiċjenza tal-ilma billi tuża indikaturi oġġettivi u ekonomiċi;

16.

Jagħraf li l-iskarsezza tal-ilma u l-perjodi ta’ nixfa għandhom effetti diretti fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; isostni li dan għandu jitqies b’mod adegwat fl-iżvilupp tal-politika ġejjiena tal-koeżjoni, u li l-miżuri kollha baġitarji u l-istrumenti oħra meħtieġa għandhom isiru disponibbli għal dan l-għan;

17.

Jiġbed l-attenzjoni fuq il-fatt li s-sitwazzjoni ekonomika, il-kompetittività u l-opportunitajiet tal-iżvilupp ta’ reġjun huma ddeterminati mill-kwistjonijiet ambjentali kumplessi msemmija fil-komunikazzjoni hawn fuq;

18.

Jirrikonoxxi l-importanza tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma bħala qafas biex jinkiseb “status tajjeb” għall-ilmijiet Ewropej kollha, biex jiġu promossi l-kooperazzjoni interreġjonali, l-użu sostenibbli tal-ilma u l-ħarsien tar-riżorsi disponibbli tal-ilma filwaqt li jingħata kontribut biex jittaffu l-effetti tal-għargħar u tan-nixfa, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha biex jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tagħha u biex jiġi żgurat li miżuri dwar l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa ma jkollhom ebda effett negattiv fuq l-objettivi għall-kwalità tal-ilma;

19.

Jisħaq dwar il-ħtieġa li tiġi ċċarata d-definizzjoni ta’ “nixfa fit-tul” (fil-kuntest tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma) u l-implikazzjonijiet tagħha għall-kisba tal-objettivi ambjentali tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma f’perjodi ta’ nixfa u wara perjodi bħal dawn; jirrimarka li l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa huma relatati imma differenti, u għalihom għandhom jiġu adottati strateġiji differenzjati;

20.

Jisħaq li hemm rabta mill-qrib bejn in-nixfa, it-telf tal-ħamrija, id-deżertifikazzjoni u n-nirien tal-foresti;

21.

Hu tal-fehma li l-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċir tax-xmara skont d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għandu jintegra wkoll l-immaniġġjar tan-nixfa u ta’ diżastri idrometeoroloġiċi oħra u jistabbilixxi mmaniġġjar tal-kriżi mfassal għall-bżonnijiet konkreti tal-baċiri tax-xmajjar li jkunu mminaċċati mill-iskarsezza tal-ilma u min-nixfa, inklużi kooperazzjoni transkonfinali, parteċipazzjoni pubblika u sistemi ta’ twissija bikrija f’livelli differenti, jiġifieri dak Ewropew, nazzjonali, reġjonali u dak lokali; jenfassizza l-ħtieġa li jiġi evitat il-ħolqien ta’ ostakoli għar-rotot naturali tax-xmajjar fi sforz sabiex l-għargħar jonqos, u jħeġġeġ evalwazzjoni tal-impatt aktar estensiva fir-rigward tal-issiġillar tar-rotot naturali tal-fluss tal-ilma;

22.

Jenfasizza l-irwol tal-foresti fiċ-ċiklu tal-ilma u l-importanza ta’ taħlita bbilanċjata ta’ foresti, mergħat u art agrikola għall-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma; jenfasizza, b’mod partikolari, l-irwol tal-ħamrija b’kontenut organiku għoli u l-adattazzjoni taċ-ċiklu tal-uċuħ tar-raba’; iwissi li l-konsum dejjem jiżdied tal-art huwa theddida għall-agrikoltura, is-sikurezza tal-ikel u l-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma;

23.

Jirrimarka li d-deżertifikazzjoni hija marbuta mill-qrib mal-ekonomija tal-foresti; iħeġġeġ li l-afforestazzjoni tintuża aktar sabiex il-fluss tal-ilma fil-wiċċ u taħt l-art jitrażżan u jittaffa u sabiex jonqsu d-degradazzjoni u t-telf tal-ħamrija;

24.

Jirrakkomanda li l-mekkaniżmu Komunitarju għall-protezzjoni ċivili tagħmel provvedimenti għal interventi f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi li jirriżultaw minn nixfa qawwija;

25.

Jenfasizza l-importanza li terġa’ ssir evalwazzjoni tal-kwantitajiet disponibbli tal-ilma ta’ taħt l-art fl-UE kollha u tar-regoli li jmexxu l-użu tiegħu, bl-għan ewlieni li jiġi żgurat l-użu razzjonali tar-riżorsi tal-ilma ta’ taħt l-art skont il-ħtieġa tal-pajjiż individwali;

26.

Jinnota li l-Komunikazzjoni ma tindirizzax il-problemi li jinħolqu f’diversi reġjuni minħabba li d-drenaġġ ma jiġix ippurifikat;

27.

Jisħaq li m’għandhiex tintesa l-ħtieġa li jkunu protetti r-riżorsi tal-ilma ta’ taħt l-art jekk dawn għandhom ikunu inklużi fl-immaniġġjar ġenerali tar-riżorsi tal-ilma;

28.

Jitlob lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex iqisu l-elementi ewlenin tal-komunikazzjoni dwar l-isfida tan-nuqqas tal-ilma u tan-nixfa fi ħdan setturi politiċi oħra, biex ikunu evitati effetti negattivi fil-qasam tal-ħarsien tar-riżorsi tal-ilma;

29.

Jisħaq li l-esperjenza dinjija turi li d-devjazzjoni tax-xmajjar twassal għal ħsara irreparabbli fil-kundizzjonijiet ekoloġiċi u idromorfoloġiċi, u tista’ tfisser li n-nies ikollhom jitilqu djarhom u li n-negozji jkollhom jirrilokaw, u b’hekk issir ħsara lill-koeżjoni soċjali u ekonomika; jistieden lill-Istati Membri sabiex jevitaw kwalunkwe deterjorazzjoni tal-baċiri tax-xmajjar tagħhom u sabiex jirrispettaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 1 u 4 tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex l-iffinanzjar tal-UE tagħtih biss lil proġetti li jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti;

30.

Iħeġġeġ lill-Kunsill biex mingħajr aktar dewmien jadotta deċiżjoni dwar il-proposta ta’ Regolament li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE (COM(2005)0108), biex titjieb id-definizzjoni tal-kriterji u tas-sitwazzjonijiet eliġibbli, inklużi sitwazzjonijiet ta’ nixfa, u b’hekk ikun aktar possibbli li tittieħed azzjoni kontra d-diżastri naturali b’mod aktar effettiv, flessibbli u bil-ħeffa, meta jitqies li l-Parlament diġà adotta l-pożizzjoni tiegħu fit-18 ta’ Mejju 2006 (4);

31.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-iffrankar tal-ilma hu l-ewwel prijorità tal-Kummissjoni bħala reazzjoni għall-iskarsezza u l-perjodi ta’ nixfa; f’dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-użu tal-Fondi Strutturali ma jaħdimx kontra din il-prijorità, sabiex tinkorpora l-immaniġġjar tal-ilma bħala kriterju li l-proġetti jridu jissodisfaw, u sabiex jikseb evidenza tal-użu sħiħ mill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-iffrankar tal-ilma u tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma, qabel ma jingħataw finanzjament mill-Fondi Strutturali;

32.

Iqis li fejn mogħdija tal-ilma tgħaddi minn iktar minn Stat Membru wieħed, hu meħtieġ li tiddaħħal il-kooperazzjoni interreġjonali u transnazzjonali għall-ġestjoni integrata tal-mogħdijiet tal-ilma, b’mod partikolari b’rabta mal-agrikoltura;

33.

Ifakkar li kważi 20 % tal-ilma fl-UE qed jintilef minħabba l-ineffiċjenza tal-ilma u jisħaq fuq il-bżonn għal investimenti maġġuri sabiex jittejbu l-progress tekniku fis-setturi ekonomiċi kollha (b’attenzjoni speċjali fuq l-iżjed użi intensivi tal-ilma u s-setturi fejn il-potenzjal tal-iffrankar tal-ilma huwa l-iżjed sinifikanti); jinnota li l-immaniġġjar ħażin tal-ilma hija problema li taffettwa l-iskarsezza tal-ilma, u li jista’ jkollu iżjed impatti negattivi fiż-żminijiet tan-nixfa għad li ma jikkawżahiex, għax in-nixfa hija fenomenu naturali;

34.

Jipproponi lill-Kummissjoni — peress li l-problema tal-iskarsezza tal-ilma u tal-perjodi ta’ nixfa hija marbuta mill-qrib mal-kwistjonijiet kumplessi tal-użu ħali tal-ilma — li l-kriterju tal-użu ekonomiku tal-ilma għandu jiġi inkorporat mas-sistema ta’ kundizzjonijiet għall-għotja ta’ sussidji minn-fondi tal-UE;

35.

Iħeġġeġ lill-UE biex tappoġġja t-teknoloġija, l-iskambji tal-aħjar prattiki u l-innovazzjoni li jużaw inqas ilma u enerġija u li jkunu mmirati biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-ilma;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni — waqt li jżomm f’moħħu li t-telf ikkawżat mill-provvista tan-netwerk tat-tnixxijiet tal-ilma pubbliku f’ċentri urbani jista’ jaqbeż il-50 % — biex tikkunsidra l-possibilità li tippromwovi netwerk ta’ bliet biex jinkoraġġixxu l-użu sostenibbli tal-ilma bil-għan li jiskambjaw prattiki tajbin bħall-użu mill-ġdid, l-iffrankar u l-effiċjenza mtejba fl-ilma u biex jaħdmu flimkien f’proġetti pilota ta’ dimostrazzjoni; jistieden, bl-istess mod, lill-awtoritajiet lokali biex itejbu n-netwerks tal-provvista għad-distribuzzjoni tal-ilma li m’għadhomx jintużaw;

37.

Jisħaq li 40 % tal-ilma użut fl-UE jista’ ma jinħeliex; jitlob li jittieħdu miżuri u inċentivi finanzjarji konkreti biex ikun promoss użu iktar effiċjenti u sostenibbli tal-ilma; jistieden, bl-istess mod, li jkun hemm installazzjoni estensiva ta’ tagħmir ta’ kejl li jkejjel il-konsum tal-ilma sabiex jitħeġġeġ l-iffrankar, l-użu mill-ġdid u l-użu effiċjenti u razzjonali tal-ilma; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri l-iżjed milquta biex jużaw parti mill-fondi strutturali tagħhom għal proġetti li jtejbu l-użu tal-ilma u l-iffrankar tal-ilma; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-baċir tax-xmara biex jagħmlu analiżi tal-ispiża f’relazzjoni mal-benefiċċju għal miżuri ta’ mmaniġġjar alternattiv tal-ilma fis-setturi kollha;

38.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi missielet l-ħela tal-ilma u li jiġu bbilanċjati l-użi tal-ilma, b’mod partikulari permezz tal-użu mill-ġdid, filwaqt li jżomm f’moħħu l-valuri diversi li għandu: bijoloġiċi, soċjali, ambjentali, simboliċi, kulturali u f’termini tal-pajsaġġi u t-turiżmu;

39.

Ifakkar li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jistipula li “L-Istati Membri jridu jikkunsidraw il-prinċipju ta’ rkuprar tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma (…) bi qbil partikolarment mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas” u għandhom jiżguraw li, sas-sena 2010, “l-politika tal-apprezzament tal-ilma tipprovdi inċentivi adegwati għall-utenti biex jużaw ir-riżorsi tal-ilma effiċjentement (…) [u] kontribut adegwat għall-użi differenti tal-ilma (…) għall-irkupru tal-ispiża tas-servizzi tal-ilma”;

40.

Iqis li, filwaqt li l-politiki tal-immaniġġjar tal-ilma għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, dawn għandhom ikunu akkumpanjati wkoll b’miżuri li jwaqqfu t-telf sinifikanti li jirriżulta minn apparat difettuż u minn sistemi agrarji u wċuħ tar-raba’ mhux adegwati;

41.

Jisħaq li jista’ jinkiseb ħafna progress lejn użu iktar effiċjenti tal-ilma fis-settur agrikolu f’xi pajjiżi; jispera li l-kontroll tas-saħħa tal-Politika Agrikola Komuni se jikkkunsidra din il-problema u se jipproponi azzjonijiet konkreti li jippromwovu użu iktar sostenibbli tal-ilma permezz ta’ inċentivi biex jiġu mobilizzati l-aħjar prattiki u teknoloġiji disponibbli, b’mod partikolari l-appoġġ għall-iżvilupp rurali, permezz tal-konformità reċiproka, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u tal-prinċipju ta’ min juża jħallas, u l-Programmi għall-Iżvilupp Rurali; iqis li l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġja miżuri biex jittejjeb l-immaniġjar tal-ilma fl-agrikoltura, billi tippromwovi l-immodernizzar tas-sistemi tal-irrigazzjoni ħalli jitnaqqas il-konsum tal-ilma u billi ssaħħaħ ir-riċerka f’dan il-qasam;

42.

Jenfasizza l-irwol li għandhom il-programmi ambjentali fil-qafas tat-tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni fl-istabbiliment ta’ inċentivi għall-prattiki agrikoli li jħarsu s-sostenibilità u l-purezza tar-riżorsi tal-ilma;

43.

Jenfasizza l-fatt li l-produzzjoni tal-bijofjuwil se żżid it-talba għal kwantitajiet kbar ta’ ilma, u jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir sorveljanza mill-qrib fuq l-impatt tal-użu tal-bijofjuwils u li ssir reviżjoni regolari tal-politiki tal-Unjoni Ewropea u nazzjonali dwar il-bijofjuwils;

44.

Josserva li l-utenti ewlenin tal-ilma (bħall-impjanti tal-enerġija) ma jikkonsmawx l-ilma iżda jirillaxaw l-ilma fiċ-ċiklu tal-ilma wara li jkunu użawh fil-proċessi tagħhom; jenfasizza li meta jagħmlu dan ikollhom effett qawwi fuq id-disponibilità tal-ilma tal-wiċċ, fuq is-sistemi ekoloġiċi u fuq is-saħħa pubblika minħabba li jżidu t-temperatura tal-ilma; jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu dawn l-effetti;

45.

Ifakkar li l-konsumaturi għandhom rwol maġġuri jekk irridu niksbu użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma fl-UE, u għalhekk jitlob lill-UE biex tnedi kampanja pubblika ta’ informazzjoni u ta’ edukazzjoni biex tqajjem iktar il-kuxjenza tan-nies dwar il-kwistjoni tal-ilma u tħeġġiġhom biex jieħdu azzjonijiet konkreti;

46.

Jirrimarka lill-Kummissjoni li bit-tfassil ta’ politika effiċjenti tal-prezzijiet tal-ilma li turi l-valur reali tal-ilma, din tista’ tinkoraġixxi lill-konsumaturi biex ikunu aktar ekonomiċi fl-użu tagħhom tal-ilma;

47.

Jenfasizza l-irwol ewlieni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-kampanji tat-tqajjim ta’ kuxjenza u fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet edukattivi;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni u lir-reġjuni u l-bliet tal-Istati Membri sabiex iħeġġu l-iżvilupp ta’ kultura ta’ ffrankar tal-ilma fl-UE billi jippromwovu l-ġbir tal-ilma tax-xita u billi jnedu kampanji sabiex iqajmu l-kuxjenza pubblika dwar l-iffrankar tal-ilma, pereżempju permezz ta’ programmi edukattivi xierqa; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ l-iskambju tal-prattiki tajba fost ir-reġjuni, il-bliet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, filwaqt li jiffukaw fuq miżuri għall-iffrankar tal-ilma (inkluża l-purifikazzjoni tal-ilma tax-xita u tad-drenaġġ), għat-titjib fl-effiċjenza tal-ilma u għall-immaniġġjar tar-riskju ta’ perjodi ta’ nixfa;

49.

Iqis li hu meħtieġ li jkunu promossi kampanji ta’ informazzjoni, kuxjenza u taħriġ għall-produtturi sabiex jingħata kontribut attiv għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma;

50.

Hu tal-fehma li sistema ta’ ttikkettar għall-konsum tal-ilma tal-prodotti, li diġà teżisti għall-effiċjenza enerġetika, tkun għodda adegwata biex jinkiseb konsum tal-ima li jkun iżjed sostenibbli, iżda jisħaq li;

a)

sistema bħal din għandha tkun volontarja, u

b)

għandhom jitqiesu t-tikketti u l-iskemi ta’ ttikkettar eżistenti biex jiġi evitat li l-konsumaturi jitħawdu minħabba volumi kbar ta’ informazzjoni;

51.

Iħeġġeġ biex il-kriterji tar-rendiment tal-ilma għandhom, fejn ikun possibbli, isiru parti mill-istandards tal-kostruzzjoni tal-bini;

52.

Iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha biex jiżviluppaw skema volontarja għat-tikkettar ta’ mmaniġġjar sostenibbli tal-ilma u biex ifasslu programmi volontarji ta’ ffrankar tal-ilma fid-diversi setturi ekonomiċi (pereżempju l-agrikoltura, it-turiżmu, il-manifattura);

53.

Huwa tal-fehma li l-ilma jrid jibqa’ meqjus bħala wieħed mill-beni pubbliċi u bħala element fundamentali tas-sovranità ta’ pajjiż li għandu jkun aċċessibbli għal kulħadd bi prezzijiet “soċjali u ambjentali” ġusti, b’kunsiderazzjoni partikulari tas-sitwazzjoni speċifika ta’ kull pajjiż u tad-diversi sistemi agrikoli li jeżistu, kif ukoll għall-irwol soċjali tal-agrikoltura;

54.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li fl-2009 tiffinanzja proġett pilota maħsub biex ikopri r-riċerka, is-sorveljanza u l-immoniterjar għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ prevenzjoni biex titwaqqaf id-deżertifikazzjoni u l-formazzjoni “steppe” fl-Ewropa biex b’hekk ikunu evitati l-erożjoni, id-deflazzjoni, it-telf agrikolu u tal-bijodiversità, jiżdiedu l-ħarsien u l-fertilità tal-ħamrija u l-kapaċità tal-ħamrija li żżomm l-ilma kif ukoll l-abilità tagħha li trażżan il-faħam; jerġa’ jtenni l-importanza li tiġi stabbilita data affidabbli u trasparenti sabiex il-politika tkun tista’ tkun tabilħaqq effettiva;

55.

Jilqa’ t-twaqqif tal-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa u tas-sistemi ta’ twissija bikrija; jenfasizza l-importanza ta’ diskussjoni estensiva dwar l-objettivi bażiċi, il-baġit u l-organizzazzjoni tagħhom;

56.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-bidu tal-operat tal-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa fil-qafas tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u jenfasizza li dan għandu jaħdem sabiex jikkomplementa d-data nazzjonali b’tagħrif reġjonali u lokali standard dwar ix-xita u l-konsum skont l-istaġuni u skont is-setturi sabiex jissaħħaħ it-teħid ta’ deċiżjonijiet sod u strateġiku;

57.

Jenfasizza l-importanza ta’ ħamrija li jkun fiha ħafna materjal organiku, sistema adattata ta’ rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u taħlita bbilanċjata ta’ foresti, mergħat u art tar-raba’ għall-ġestjoni sostenibbli tal-ilma; iwissi li l-konsum dejjem akbar tal-art jikkostitwixxi theddida għall-agrikoltura, għas-sigurtà tal-provvista tal-ikel u għall-ġestjoni sostenibbli tal-ilma;

58.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-Istati Membri biex jerġgħu jkabbru msaġar f’zoni affettwati minn nixfiet ċikliċi u nirien fuq bażi ta’ rispett għall-bijoklima u l-karatteristiċi ekoloġiċi tagħhom, u jittama li r-riabilitazzjoni tal-pajsaġġ rurali u urban tkun ittrattata bħala kwistjoni ta’ importanza partikolari, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-karatteristiċi lokali speċifiċi;

59.

Huwa tal-fehma li l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfiet ċikliċi aċċentwaw il-flaġell tan-nirien u tal-gravità tagħhom, żiedu l-fraġilità u r-riskju tal-qirda ta’ ħafna speċi li huma karatteristiċi tal-foresti fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, li għalihom il-foresti jirrappreżentaw, f’ħafna każi, ir-riżors naturali ewlieni;

60.

Jenfasizza li l-ippjanar għall-mudell agrikolu Ewropew għandu jqis il-perikli ambjentali l-aktar frekwenti u gravi kif ukoll l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa u li, f’dak il-kuntest, mekkaniżmu effettiv tal-immaniġġjar ta’ kriżijiet għandu jikkostitwixxi element fundamentali tal-Politika Agrikola Komuni;

61.

Huwa tal-fehma li l-valur ambjentali tal-foresti u l-produzzjoni agrikola jrid ikun evalwat mill-ġdid f’kuntest tal-bidla fil-klima fejn huwa assolutament vitali li jkun hemm bilanċ bejn iż-żieda fl-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra u ż-żieda fil-kopertura forestali li l-kontribut tagħha bħala ħażna ta’ karbonju jrid jitqies fil-politiki kollha dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra;

62.

Jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni li tibqa’ tenfasizza l-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u tan-nixfa f’livell internazzjonali, b’mod partikolari permezz tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ġlieda kontra d-Diżertifikazzjoni u l-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima;

63.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernjijet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(2)  ĠU C 76 E, 25.3.2004, p. 430.

(3)  ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 363.

(4)  OJ C 297 E, 7.12.2006, p. 331.