14.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 8/12


It-Tlieta, 23 ta' Settembru 2008
It-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema

P6_TA(2008)0422

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Settembru 2008 dwar it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema' (2008/2068(INI))

2010/C 8 E/03

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 3(1)(q), 149 u 150 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Intejbu l-Kwalità tal-Edukazzjoni tal-Għalliema” (COM(2007)0392) u d-dokumenti ta' ħidma relatati tal-persunal tal-Kummissjoni (SEC(2007)0931 u SEC(2007)0933),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja (1), li jinkludi l-objettiv speċifiku li jiġu msaħħa l-kwalità u d-dimensjoni Ewropea tat-taħriġ tal-għalliema (Artikolu 17(2)(e)),

wara li kkunsidra t-tmien ħiliet ewlenin spjegati fir-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 intitolata “Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja — Qafas ta' Referenza Ewropew” (2),

wara li kkunsidra l-programm ta' ħidma ta' 10 snin “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” u speċifikament l-Objettiv 1.1 “It-titjib tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ għall-Għalliema u għal Min Iħarreġ” (3), kif ukoll ir-rapporti konġunti temporanji sussegwenti fuq il-progress lejn l-implimentazzjoni tiegħu,

wara li kkunsidra l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-multilingwiżmu u r-Rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar il-Multilingwiżmu (2007),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Speċjali Ewropew ta' Liżbona tat-23-24 ta' Marzu 2000,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona ta' Marzu 2002, li adotta objettivi konkreti għat-titjib, fost oħrajn, tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-għalliema u għal min iħarreġ,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Mejju 2003 dwar il-livelli ta' referenza tal-prestazzjoni medja Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (Benchmarks) (4),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill tal-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Kultura fil-laqgħa tiegħu tal-15-16 ta' Novembru 2007 u speċifikament il-konklużjonijiet dwar l-edukazzjoni tal-għalliema (5),

wara li kkunsidra l-istħarriġ trijennali PISA (Programm għall-Evalwazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti) tal-OECD kif ukoll ir-rapport tiegħu “L-Għalliema huma Importanti: L-Attirazzjoni u l-Iżvilupp ta' Għalliema Effettivi u l-Kapaċità li Jinżammu milli Jitilqu” (2005),

wara li kkunsidra r-rapport “Kif is-sistemi tal-iskola bl-aħjar prestazzjoni fid-dinja joħorġu fuq quddiem nett” (McKinsey & Co, Settembru 2007),

wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat mill-Parlament Ewropew fi Frar 2007 bl-isem “Is-sitwazzjoni preżenti u l-prospetti għall-edukazzjoni fiżika fl-Unjoni Ewropea”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2007 dwar l-irwol tal-isport fl-edukazzjoni (6),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6-0304/2008),

A.

billi l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità għolja għandhom benefiċċji minn ħafna aspetti li jmorru lil hinn mill-ħolqien tal-impjiegi u l-promozzjoni tal-kompetittività, u huma komponenti importanti tat-tagħlim li jibqa’ għaddej tul il-ħajja tal-bniedem,

B.

billi hemm bżonn li jiġu edukati individwi biex isiru awtosuffiċjenti, infurmati u impenjati lejn soċjetà koeżiva, u billi l-kwalità tat-tagħlim hija fattur kritiku fil-kontribuzzjoni għall-koeżjoni soċjali u ekonomika tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-ħolqien tal-impiegi, il-kompetittività u l-potenzjal tat-tkabbir tagħha f'dinja li qed tiġi globalizzata,

C.

billi l-Fond Soċjali Ewropew jista' jwettaq irwol importanti fl-iżvilupp tal-edukazzjoni u t-taħriġ peress li jikkontribwixxi għal edukazzjoni aħjar tal-għalliema,

D.

billi l-kwalità tat-taħriġ tal-għalliema huwa rifless fil-prattika edukattiva u għandu effett dirett mhux biss fuq il-livell tal-għarfien tat-tfal tal-iskola iżda wkoll fuq il-formazzjoni tal-personalità tagħhom b'mod partikulari matul l-ewwel snin tal-esperjenza skolastika tagħhom,

E.

billi l-isfidi li tiffaċċja l-professjoni tal-għalliema qed jiżdiedu aktar ma l-ambjenti edukattivi kulma jmur isiru aktar kumplessi u eteroġeni; billi dawn l-isfidi jinkludu avvanzi fit-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT), bidliet fl-istrutturi soċjali u tal-familja, u t-taħlita dejjem aktar diversa ta' studenti f'ħafna skejjel li jiriżulta miż-żieda fl-immigrazzjoni u mill-fatt li qed jinbtu soċjetajiet multikulturali, iż-żieda fl-awtonomija tal-iskejjel, li ġġib magħha żieda fid-dmirijiet tal-għalliema, u l-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni lill-bżonnijiet ta' tagħlim ta' alljievi individwali,

F.

billi hemm korrelazzjoni ċara u pożittiva bejn it-taħriġ tal-għalliema li jkun ta' kwalità għolja u l-fatt li l-aljievi jiksbu rati ta' suċċess għolja,

G.

billi minħabba l-fatt li qed ikun ipprovdut aktar u aktar tagħrif flimkien mad-diġitalizzazzjoni li għaddejja fil-preżent, trid tkun żviluppata l-kapaċità biex jintużaw b'mod effettiv il-media u l-kontenut tagħhom skont l-għanijiet u l-ħtiġijiet tal-individwu, u billi l-edukazzjoni dwar il-media hija tip ta' approċċ pedagoġiku lejn il-media li għandu jħalli lill-utenti jiżviluppaw approċċ kritiku u ta' riflessjoni fl-użu tal-media kollha,

H.

billi aktar minn 80 % tal-għalliema tal-iskejjel primarji u 97 % tal-għalliema fl-edukazzjoni ta' qabel l-iskola formali fl-Unjoni huma nisa, filwaqt li fl-edukazzjoni sekondarja ċ-ċifra ekwivalenti hija biss ta' 60 %,

I.

billi l-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema tista' taffettwa l-livelli ta' kemm alljievi jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien u l-ħiliet tal-qari tal-istudenti,

J.

billi l-edukazzjoni ta' qabel tibda l-iskola formali u l-edukazzjoni primarja għandhom impatt partikularment kritiku fuq dak li t-tfal eventwalment jiksbu mil-lat edukattiv,

K.

billi b'aktar minn 27 sistema differenti ta' taħriġ tal-għalliema stabbilita madwar l-Unjoni, l-isfidi li qed jiffaċċjaw lill-professjoni tal-għalliema madankollu huma, essenzjalment, komuni għall-Istati Membri kollha,

L.

billi t-tagħlim huwa professjoni vokazzjonali li fiha livelli għolja ta' sodisfazzjoni bix-xogħol huma importanti biex staff tajjeb jinżamm milli jitlaq mill-impjieg,

M.

billi tkun ħaġa inġusta li l-għalliema jkunu mġiegħla jkunu responsabbli waħidhom għall-attività edukattiva tagħhom; billi jeħtieġ li jkun enfasizzat li l-kapaċità tal-għalliema li joffru edukazzjoni xierqa lill-alljievi kollha tagħhom, li joħolqu klima li fiha lkoll ikunu jistgħu jgħixu flimkien, u li jnaqqsu l-imġiba vjolenti, hija marbuta mill-qrib mal-kundizzjonijiet li fihom jgħallmu, il-mezzi ta' appoġġ disponibbli, il-għadd ta' alljievi b'diffikultajiet ta' tagħlim f'kull klassi, l-ambjent soċjali u kulturali fl-iskejjel, il-koperazzjoni tal-familji, u l-appoġġ soċjali li jingħata; billi l-livell ta' impenn tal-għalliema jiddependi ħafna mill-impenn tas-soċjetà lejn l-edukazzjoni, u ż-żewġ fatturi għandhom interazzjoni bejniethom fl-interess ta' tagħlim aħjar,

N.

billi jeħtieġ li jsir kull sforz biex ikun żgurat li l-għalliema kollha jħossu li huma jappartienu lil professjoni rispettata u apprezzata, peress li parti kbira mill-identità ta' professjoni tiddependi mill-mod kif taraha s-soċjetà,

O.

billi l-attirazzjoni ta' rekluti tal-aqwa prestazzjoni lejn il-professjoni tat-tagħlim teħtieġ livelli korrispondenti ta' għarfien soċjali, status u rimunerazzjoni,

P.

billi l-għalliema jwettqu rwoli soċjali u ta' żvilupp importanti li jestendu lilhinn mil-limiti tas-suġġetti tradizzjonali, u jistgħu jwettqu funzjoni importanti bħala mudelli ta' eżempju tajjeb,

Q.

billi l-objettiv ta' “opportunitajiet indaqs għal kulħadd” huwa mnaqqax fit-Trattat KE, b'mod partikulari fl-Artikolu 13 tat-Trattat, li jipprovdi bażi legali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentament sesswali,

R.

billi l-kwalità tal-iskejjel hija fil-biċċa l-kbira tagħha dipendenti mil-livell ta' awtonomija marbuta mal-pjanijiet u l-immaniġġjar tagħhom,

S.

billi l-kwalifiki professjonali xierqa għall-għalliema tal-edukazzjoni fiżika (PE) għandhom irwol importanti ħafna fl-iżvilupp fiżiku u mentali tat-tfal u fl-inkoraġġiment tagħhom biex jadottaw stil ta' ħajja li jkun wieħed san,

1.

Jappoġġja bil-qawwa l-analiżi li żjieda fil-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema twassal għal akkwisti sostanzjali fil-prestazzjoni tal-istudenti;

2.

Jidhirlu li l-provvediment ta' aktar edukazzjoni tal-għalliema u ta' kwalità aħjar flimkien ma' politiki mmirati lejn ir-reklutaġġ tal-aħjar kandidati fil-professjoni tal-għalliema għandhom ikunu l-prijoritajiet ewlenin għall-ministeri tal-edukazzjoni kollha;

3.

Jemmen li żjiediet fin-nefqa tal-edukazzjoni għandhom jimmiraw lejn oqsma li jipproduċu l-aqwa titjib fil-prestazzjoni tal-istudenti;

4.

Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jagħtu importanza akbar lit-taħriġ tal-għalliema u jallokaw aktar riżorsi għalih jekk għandu jsir progress sinifikanti fl-ilħuq tal-objettivi tal-Istrateġija ta' Liżbona dwar “Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010”, jiġifieri li l-kwalità tal-edukazzjoni għandha tingħata spinta, u li t-tagħlim tul-il-ħajja għandu jkun msaħħaħ fl-Unjoni kollha;

5.

Jinkoraġġixxi bil-qawwa l-promozzjoni tal-iżvilupp professjonali kontinwu u koerenti għall-għalliema tul il-karriera kollha tagħhom; jirrakkomanda li l-għalliema kollha jkollhom opportunitajiet regolari akkademiċi, tax-xogħol u finanzjarji, bħal m'huma boroż ta' studju tal-gvern, biex itejbu u jaġġornaw il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom, kif ukoll l-għarfien pedagoġiku tagħhom; jikkunsidra li dawn l-opportunitajiet ta' taħriġ għandhom ikunu strutturati b'tali mod li l-kwalifiki jkunu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha;

6.

Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hrmm aktar djalogu u skambju transnazzjonali tal-esperjenza, speċjalment fil-provvediment u l-effikaċja tal-iżvilupp professjonali kontinwu fil-qasam tal-edukazzjoni tal-għalliema ta' qabel l-iskola formali, tal-primarja u tas-sekondarja;

7.

Iħeġġeġ li tingħata attenzjoni partikulari lill-proċess inizjali tad-dħul ta' għalliema ġodda; jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' networks ta' appoġġ u ta' programmi ta' għoti ta' pariri minn dawk bl-esperjenza (mentoring), li permezz tagħhom għalliema li jkunu ta' esperjenza u ta' kapaċità bil-provi jkunu jistgħu jwettqu rwol ewlieni fit-taħriġ ta' kollegi ġodda, billi jgħaddu l-għarfien li jkun ġie akkwistat matul karrieri li jkunu ta' suċċess, billi jippromowovu l-akkwist ta' tagħlim bħala tim u billi jgħinu biex jiġu affrontati r-rati ta' dawk li jħallu l-impjieg minn fost ir-rekluti l-ġodda; jemmen li meta jaħdmu u jitgħallmu flimkien, l-għalliema jistgħu jgħinu biex itejbu l-prestazzjoni li jkollha skola u l-ambjent ġenerali ta' tagħlim tagħha;

8.

Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li, filwaqt li jibqgħu jiffokaw fuq ir-reklutaġġ tal-aħjar għalliema u l-kapaċità li jinżammu milli jitilqu mill-impjieg, speċjalment billi jagħmlu l-prfessjoni attraenti biżżejjed, il-kompożizzjoni forza tax-xogħol tal-għalliema fil-livelli kollha tal-edukazzjoni skolastika tkun tirrappreżenta d-diversità soċjali u kulturali fi ħdan is-soċjetà;

9.

Jenfasizza r-rabta mill-qrib li hemm bejn il-fatt li jkun żgurat li l-professjoni ta' għalliem hija waħda attraenti u ta' sodisfazzjoni bi prospetti tajba ta' progressjoni fil-karriera u l-fatt li jiġu rreklutati b'suċċess gradwati u professjonisti ta' suċċess għoli; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu aktar miżuri sabiex jippromwovu t-tagħlim bħala għażla ta' karriera għal individwi li jiksbu l-aqwa suċċess f'dak li jagħmlu;

10.

Jisħaq fuq l-importanza partikulari ta' politika tal-ugwaljanza tas-sessi; Jisħaq ukoll fuq kemm għandu importanza l-fatt li jkun żgurat li l-għalliema ta' qabel l-iskola formali u dawk tal-iskola primarja jkunu ta' kwalità għolja u li jirċievu l-livelli xierqa ta' appoġġ soċjali u professjonali li jitolbu r-responsabilitajiet tagħhom;

11.

Jagħraf l-importanza tal-parteċipazzjoni kontinwa tal-għalliema fil-gruppi ta' ħidma u ta' diskussjoni marbuta mal-attività tagħhom ta' għalliema; jemmen li din il-ħidma għandha tkun appoġġjata minn persuni li jagħtu l-pariri u mill-awtoritajiet edukattivi; jikkunsidra li l-parteċipazzjoni f'attivitajiet kritiċi ta' riflessjoni rigward il-proċess tat-tagħlim għandha tiġġenera interess akbar fix-xogħol tal-għalliema u b'hekk ittejjeb il-prestazzjoni tagħhom;

12.

Jinsisti fuq l-irwol importanti tal-iskola f'dik li hi l-ħajja soċjali tat-tfal u fl-edukazzjoni tagħhom kif ukoll f l-għoti tal-għarfien u l-ħiliet neċessarji għall-parteċipazzjoni f' soċjetà demokratika; jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm għalliema kwalifikati, kompetenti u bl-esperjenza li jkunu involuti fit-tnissil ta' metodi effettivi ta' taħriġ pedagoġiku għall-għalliema;

13.

Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkunu biss dawk li huma kwalifikati kif jixraq bħala għalliema tal-edukazzjoni fiżika (PE) li jkunu jistgħu jagħtu lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika fi ħdan is-sistema tal-edukazzjoni pubblika;

14.

Jagħmel enfasi fuq id-differenzi kbar li hemm bejn il-pagi medji tal-għalliema, mhux biss bejn l-Istati Membri differenti, iżda wkoll meta mqabbla mad-dħul nazzjonali medju u mal-prodott gross domestiku (GDP) per capita; jitlob li l-għalliema jibbenefikaw minn pakketti ta' rimunerazzjoni li jkunu jirriflettu l-importanza tagħhom għas-soċjetà, u jitlob li tittieħed azzjoni biex jiġi indirizzat il-fatt li l-aħjar għalliema qed jitilqu mill-iskejjel biex jieħdu impjiegi mħallsa aħjar fis-settur privat, b'mod partikulari fl-oqsma tax-xjenza u tat-teknoloġija;

15.

Jenfasizza li l-għalliema għandhom ikunu mħejjija aħjar biex jiffaċċjaw il-firxa ta' esiġenzi ġodda li jsirulhom; jagħraf l-isfidi li l-iżviluppi fl-ICT joffru lill-għalliema, iżda wkoll l-opportunitajiet; jinkoraġġixxi l-prijoritizzazzjoni tal-edukazzjoni fl-ICT matul it-taħriġ tal-bidu u t-taħriġ sussegwenti biex ikun żgurat għarfien aġġornat tal-iżviluppi teknoloġiċi riċenti u l-applikazzjoni edukattiva tagħhom u li l-għalliema jkollhom il-ħiliet meħtieġa biex japprofittaw ruħhom minn dawn fil-klassi;

16.

Jemmen li t-taħriġ għandu jimmira, fost objettivi oħra, biex jipprovdi lill-għalliema bil-qafas innovattiv li jinħtieġu sabiex fl-attivitajiet tagħhom u fl-oqsma tas-suġġetti l-ġodda jinkludu bħala ħaġa normali għal kulħadd il-perspettiva tal-ambjen,: huwa favur is-seminars lokali mmirati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet li jkunu nstabu f'kuntesti partikulari, u korsijiet maħsuba għall-istaff ta' stabbiliment partikulari bil-għan li jkunu implimentati proġetti konkreti li jieħdu kont tal-ħtiġijiet tagħhom u l-kuntest partikulari tagħhom;

17.

Jenfasizza li l-mobilità tal-għalliema, koperazzjoni aħjar u ħidma aħjar flimkien bħala tim, jistgħu jtejbu l-kreattività u l-innovazzjoni tal-metodi tat-tagħlim, u jkunu jiffaċilitaw li wieħed jitgħallem ibbażat fuq l-aħjar prattiki;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ ir-riżorsi finanzjarji disponibbli biex tiġi appoġġjata l-edukazzjoni tal-għalliema permezz tal-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja, u b'mod partikulari l-iskambji tal-għalliema bejn l-iskejjel f'pajjiżi u reġjuni ġirien; jenfasizza li l-mobilità tiffaċilita t-tifrix tal-ideat u tal-aħjar prattika fi ħdan il-professjoni tat-tagħlim, u tippromwovi diversi titjib fil-ħiliet fil-lingwi barranin kif ukoll konoxxenza ta' kulturi oħra; jisħaq li l-għalliema għandhom jibbenefikaw minn faċilitajiet aqwa ta' tagħlim tal-lingwi matul il-karriera kollha tagħhom, ħaġa li inter alia, se timmassimizza l-opportunitajiet ipprovduti mill-programmi ta' mobilità tal-Unjoni;

19.

Jitlob biex l-istudji tal-media jiġu assenjati prijorità fit-taħriġ tal-għalliema u biex il-moduli tal-istudji tal-media li diġà qed isiru jkunu komponent importanti fit-taħriġ bażiku tal-għalliema;

20.

Jenfasizza l-irwol kruċjali tas-sħubija skolastika bejn il-Comenius u l-Comenius-Regio f'dan il-qafas tal-mobilità tal-għalliema;

21.

Jappoġġja bil-qawwa t-tagħlim ta' lingwi barranin minn età bikrija ħafna u l-inklużjoni ta' lezzjonijiet tal-lingwa fil-kurrikula primarji kollha; jenfasizza li investiment suffiċjenti fir-reklutaġġ u t-taħriġ ta' għalliema ta' lingwi barranin huwa vitali biex jintlaħaq dan l-objettiv;

22.

Jenfasizza li kull għalliem għandu jkun mudell ta' eżempju tajjeb fir-rigward tal-padrunanza tal-lingwa tiegħu stess, peress li din hija għodda vitali għat-trażmissjoni korretta, u lill-alljievi tiffaċilitalhom li jitgħallmu l-bqija tas-suġġetti filwaqt li tiżviluppalhom il-kapaċità li jikkomunikaw, fattur li kulma jmur qed isir dejjem aktar importanti f'għadd kbir ta' attivitajiet professjonali;

23.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-għalliema fl-Istati Membri kollha jkollhom il-kompetenza ċċertifikata li jafu mill-inqas lingwa waħda barranija;

24.

Jitlob biex il-kompetenza fil-media tkun promossa fl-edukazzjoni tal-għalliema fl-iskola, wara l-iskola u fl-edukazzjoni estramurali tagħhom fil-kuntest tal-istudji tal-media u tat-tagħlim tul il-ħajja permezz ta' koperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat;

25.

Jenfasiżża l-fatt li m'hemm xejn li jista' jieħu l-post tal-ħin li l-għalliema jgħaddu fil-klassi mal-istudenti u jinsab imħasseb li ż-żjieda fix-xogħol amministrattiv u klerikali jistgħu jkunu ta' dannu għal dan u għall-ħin li jintuża għat-tħejjija tal-lezzjonijiet;

26.

Jitlob biex l-edukazzjoni ċivika ssir suġġett obbligatorju kemm fit-taħriġ tal-għalliema kif ukoll fl-iskejjel, sabiex l-għalliema u l-alljievi jkollhom l-għarfien meħtieġ dwar id-drittijiet u d-dmirijiet taċ-ċittadin u dawk tal-Unjoni u jkunu jistgħu janalizzaw u jevalwaw b'mod kritiku sitwazzjonijiet u proċessi politiċi u soċjali topiċi;

27.

Jidhirlu li kull skola għandha relazzjoni unika mal-komunità lokali tagħha, u li l-mexxejja tal-iskejjel għandu jkollhom responsabilità akbar ta' teħid ta' deċiżjonijiet li tkun tippermettilhom li jindirizzaw l-isfidi edukattivi u l-ħtiġijiet ta' tagħlim li jkunu partikulari għall-ambjent tagħhom, f'kollaborazzjoni mal-ġenituri u mal-partijiet interessati tal-komunità lokali; jenfasizza li, bil-wasla ta' popolazzjoni immigranta li hi bil-wisq diversa, il-professjoni tal-għalliema jeħtieġ li ssir konxja b'mod speċifiku tal-kwistjonijiet u l-proċessi interkulturali, mhux biss fi ħdan l-iskejjel imma wkoll fir-rigward tal-familji u tal-ambjent lokali immedjat tagħhom fejn tiffjorixxi d-diversità;

28.

Jisħaq fuq l-impatt estremament ta' ġid li għandu fuq l-għalliema l-programm Comenius u l-importanza tiegħu għal komunitajiet żgħar, speċjalment f'zoni li huma mċaħħda soċjalment u ekonomikament billi jippromwovi l-inklużjoni u kuxjenza akbar tad-dimensjoni Ewropea fl-Edukazzjoni;

29.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-qbil tal-Istati Membri li jaħdmu flimkien biex isaħħu l-koordinazzjoni tal-politiki tal-edukazzjoni tal-għalliema, b'mod partikulari permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex japprofittaw ruħhom bis-sħiħ minn din l-opportunità li jitgħallmu minn xulxin u jitlob li jiġi kkonsultat dwar l-iskeda taż-żmien u l-iżviluppi f'dan il-qasam;

30.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' statistika aħjar fuq it-taħriġ tal-għalliema madwar l-Unjoni, sabiex jiġu inkoraġġiti l-iskambju ta' tagħrif, koperazzjoni akbar u l-iskambju tal-aħjar prattika; jipproponi li l-Istati Membri, f'koperazzjoni mal-Kummissjoni, iħejju sistemi li jiżguraw li tkun disponibbli faċilment data komparattiva dwar l-edukazzjoni tal-għalliema fuq il-medda kollha tal-edukazzjoni pre-skolari, primarja u sekondarja;

31.

Jikkunsidra li, sabiex tiġi indirizzata l-vjolenza fl-iskejjel, hija ħaġa vitali li tintlaħaq koperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-kapijiet tal-iskola u l-ġenituri u li jinħolqu l-għodod u l-proċeduri biex il-fenomenu jkun affrontat b'mod effettiv;

32.

Jisħaq fuq l-importanza ta' tagħlim li jkun sensittiv għad-differenzi fit-trattament tas-sessi u fuq l-importanza tad-dimensjoni tal-ugwaljanza tas-sessi fit-taħriġ tal-għalliema;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni biex ixxerred il-mudelli tal-aħjar prattiki mill-Istati Membri li jtejbu l-ħiliet ġenerali tal-ħajja permezz ta' proġetti tal-iskola, e.g. is-saħħa, id-dieta u l-isport, ix-xjenza domestika u l-ippjanar finanzjarju privat;

34.

Jistieden l-Istati Membri biex fit-taħriġ tal-għalliema jinkludu programmi dwar ir-riżoluzzjoni ta' konflitti, sabiex l-għalliema jitgħallmu strateġiji ġodda għar-riżoluzzjoni ta' kull tip ta' konflitt ġewwa l-klassijiet, u biex jirnexxilhom jindirizzaw ukoll il-vjolenza u l-aggressjoni;

35.

Jistieden l-Istati Membri biex fit-taħriġ tal-għalliema jinkludu għarfien bażiku dwar l-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tagħha u l-mod kif jiffunzjonaw u jirranġaw biex isiru żjarat prattiċi fl-Istituzzjonijiet tal-Ewropa minn għalliema li jkunu għadhom qed jitħarrġu;

36.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-OECD, lill-Unesco u lill-Kunsill tal-Ewropa.


(1)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45.

(2)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(3)  ĠU C 142, 14.6.2002, p. 7.

(4)  ĠU C 134, 7.6.2003, p. 3.

(5)  ĠU C 300, 12.12.2007, p. 6.

(6)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0503.