27.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 286/20


Il-Ħamis, 19 ta' Ġunju 2008
L-erbgħin anniversarju tal-Unjoni Doganali

P6_TA(2008)0305

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar l-erbgħin anniversarju tal-Unjoni Doganali

2009/C 286 E/05

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-adozzjoni reċenti tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (1),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 624/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2007 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni għad-dwana fil-Komunità (Dwana 2013) (3),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija għall-evoluzzjoni tal-Unjoni Doganali” (COM(2008)0169),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-politika kummerċali permezz ta' regoli u proċeduri effiċjenti ta' importazzjoni u esportazzjoni (4),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ta' Inkjesta tiegħu dwar is-Sistema ta' Tranżitu Komunitarju (Jannar 1996 — Marzu 1997),

wara li kkunsidra l-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar il-koperazzjoni doganali u l-għajnuna reċiproka fi kwistjonijiet marbuta mad-dwana (5), iffirmata fit-28 ta' Mejju 1997,

wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Komunitajiet Ewropej mal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana u l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi li jixbhu s-sħubija ad interim (COM(2007)0252),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2008 dwar l-istrateġija għall-evoluzzjoni tal-Unjoni Doganali,

wara li kkunsidra r-rapport dwar l-attivitajiet doganali Komunitarji dwar l-iffalsifikar u l-piraterija, ippubblikat mill-Kummissjoni fid-19 ta' Mejju 2008,

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi mill-1968 l-Unjoni Doganali kellha rwol kruċjali fil-preservazzjoni u l-iżvilupp tas-Suq Wieħed, u ħolqot prosperità billi ffaċilitat il-kummerċ leġittimu u kompetittiv mal-Unjoni u fi ħdan l-Unjoni filwaqt li ħarset liċ-ċittadini tagħha,

B.

billi l-eżistenza ta' unjoni doganali tfisser in-nuqqas ta' dazji fil-fruntieri interni bejn l-Istati Membri, dazji komuni fuq importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, regoli komuni tal-oriġini għal prodotti minn pajjiżi terzi u definizzjoni komuni tal-valur ta' merkanzija fid-dwana,

C.

billi l-għan tal-iżvilupp tal-liġi Komunitarja kien li jkun iggarantit li l-istess regoli japplikaw għall-prodotti kollha importati fl-UE,

D.

billi l-awtoritajiet doganali tal-UE għandhom rwol doppju, partikolarment li jiġbru t-taxxi u d-dazji fuq l-importazzjonijiet u li jissalvagwardjaw is-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini fil-fruntieri esterni tal-UE,

E.

billi l-ewwel Kumitat ta' Inkjesta tiegħu kkonċentra fuq kwistjonijiet doganali u fil-punt 17.3.1 tar-rapport imsemmi hawn fuq ikkonkluda li “sabiex l-operaturi ekonomiċi u l-biċċa l-kbir tal-pubbliku jingħataw il-fiduċja meħtieġa li l-ambjent kummerċjali tas-Suq Wieħed huwa protett b'mod xieraq, il-ħolqien ta' qafas wieħed tal-UE għas-servizzi doganali jrid ikun objettiv għall-futur imbiegħed tal-UE”,

F.

billi l-globalizzazzjoni wasslet għal żieda enormi fil-kummerċ internazzjonali u għall-iżvilupp ta' tendenzi ġodda ta' produzzjoni u tal-konsumaturi, iżda daħħlet ukoll theddid ġdid bħat-terroriżmu dinji, il-bidla fil-klima u l-kummerċ illeċitu,

G.

billi t-tnaqqis tal-konformità u tal-ispejjeż amministrattivi saret kwistjoni ewlenija għall-amministrazzjoni effiċjenti u effettiva fl-UE,

L-evoluzzjoni tal-Unjoni Doganali

1.

Iqis li 40 sena tal-Unjoni Doganali rrappreżentaw kisba pożittiva sostanzjali u pprovdew benefiċċji għan-negozji u għaċ-ċittadini tal-UE;

2.

Jafferma li l-awtoritajiet doganali, li huma responsabbli l-aktar għas-sorveljanza tal-kummerċ internazzjonali tal-UE, jikkontribwixxu għal garanzija ta' kummerċ miftuħ u ġust, filwaqt li jiġu implimentati d-dimensjoni esterna tas-suq intern, il-politika kummerċjali komuni u politiki komuni oħra tal-UE, kif ukoll biex tkun żgurata s-sigurtà tal-katina kollha tal-forniment;

3.

Jirrikonoxxi li l-għan tal-miżuri li ttieħdu mill-awtoritajiet doganali huwa li jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, u li l-UE titħares kontra l-prattiki kummerċjali inġusti u illegali;

4.

Jirrikonoxxi wkoll li l-għan tal-miżuri huwa li jkunu garantiti s-sikurezza u s-sigurtà tal-UE u tar-residenti tagħha filwaqt li jitħares l-ambjent, kif ukoll li jinżamm bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li jsiru kontrolli doganali u li jkun iffaċilitat il-kummerċ leġittimu bil-għan li tittejjeb il-kompetittività Ewropea;

5.

Jifraħ lill-uffiċjali doganali, f'dan ir-rigward, għall-ħidma effettiva tagħhom fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar, li fl-2007 wasslet għall-qbid ta' 79 miljun oġġett iffalsifikat u kkuppjat illegalment f'madwar 43 000 każ dokumentat; minħabba ż-żieda esponenzjali tal-qbid ta' prodotti ffalsifikati, jappoġġja miżuri doganali prattiċi għall-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-piraterija, bħaż-żieda tal-għadd ta' uffiċjali doganali speċjalizzati li huma impenjati f'dan ix-xogħol fil-Kummissjoni u fl-Istati Membri, u riflessjoni dwar il-benefiċċji tat-twaqqif ta' Osservatorju Ewropew tal-Iffalsifikar (ECO);

6.

Jilqa' b'sodisfazzjon għalhekk, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni imsemmija hawn fuq li għandha l-għan li titfassal direzzjoni ċara għad-dwana fil-perjodu bejn l-2013 u l-2019;

7.

Jenfasizza li jeħtieġ li l-awtoritajiet doganali tal-UE jantiċipaw kontinwament l-isfidi li ġejjin u li jiżviluppaw u jużaw ħiliet, teknoloġiji u metodi l-aktar moderni biex jiffaċilitaw u jikkontrollaw il-kummerċ bil-mod l-aktar effiċjenti u effettiv;

8.

Jenfasizza l-importanza li pajjiżi kandidati jkunu konformi mal-istandards tal-UE fil-qasam tad-dwana u jirrikonoxxi l-għajnuna teknika lill-pajjiżi kandidati mogħtija mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri;

It-tisħiħ tal-koperazzjoni

9.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjonijiet ewlenin tad-diversi seminars organizzati bħala parti mill-Programm Customs 2013, partikolarment biex jittejjeb in-netwerk ta' koperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u ta' sorveljanza tas-suq, u sabiex jittejjeb l-immaniġġjar tar-riskju u jiġu skambjati l-esperjenzi, l-għarfien u l-aqwa prattika fir-rigward tal-koperazzjoni u l-kontroll;

10.

Iqis li l-koperazzjoni hija essenzjali biex tkun żgurata l-effikaċja tas-servizzi doganali tal-UE fid-dawl tal-ħafna theddid li jridu jikkumbattu;

11.

Jistieden għalhekk lill-Istati Membri biex isaħħu l-koperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet doganali tagħhom u bejn id-dwana u aġenziji governattivi oħra, bħall-awtoritajiet veterinarji u l-entitajiet responsabbli mis-sikurezza tal-prodotti, sabiex ikun żgurat li l-amministrazzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE tkun responsabiltà komuni u sabiex ikunu garantiti s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini tal-UE;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-koperazzjoni mal-imsieħba kummerċjali permezz ta' programmi eżistenti u futuri ta' koperazzjoni bejn id-dwani sabiex ikun iffaċilitat il-kummerċ għal negozjanti affidabbli u sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-katina ta' forniment;

13.

Jisħaq fuq l-importanza li jkun żgurat li l-partijiet interessati ekonomiċi kollha jkunu rappreżentati fil-Kumitat tal-Kodiċi Doganali;

14.

Japprova l-iffirmar tad-diversi ftehimiet iffirmati mill-Komunità Ewropea mal-imsieħba kummerċjali ewlenin tagħha madwar id-dinja;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-koperazzjoni internazzjonali fil-qafas tal-organizzazzjonijiet internazzjonali (id-WTO l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana) u ma' pajjiżi terzi fil-qasam tad-dwana; jiġbed l-attenzjoni li l-għan ta' dan huwa li jkun hemm kontroll doganali aktar effettiv u li jkunu promossi l-istandards tal-UE filwaqt li l-kummerċ ikun jista' jkun ta' benefiċċju għall-UE u għall-imsieħba kummerċjali tagħha; jiġbed l-attenzjoni wkoll li dan jippermetti, b'mod partikulari, li jitwaqqfu operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni fil-prattika bejn l-UE u uffiċjali doganali ta' pajjiżi terzi;

Kwistjonijiet ta' sigurtà

16.

Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu aktar l-irwol tad-dwana fil-ġlieda kontra l-perikli partikulari marbuta mal-prodotti foloz, b'mod partikulari mal-mediċini u l-ġugarelli foloz;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm l-oppożizzjoni tagħha għal-leġiżlazzjoni reċenti tal-Istati Uniti dwar l-iskannjar ta'100 % ta' kontejners marittimi f'portijiet barranin; jiġbed l-attenzjoni li ma ntweriex li din id-deċiżjoni unilaterali mill-Istati Uniti hija meħtieġa u li hija effettiva fis-sens ekonomiku u fir-rigward tas-sigurtà;

18.

Iqis li r-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2005 li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabilixxi l-Kodiċi Komunitarju għad-Dwana (6) (“l-emenda dwar is-sigurtà”) diġà jissodisfa l-aspettattivi tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti fir-rigward tal-kontroll tas-sigurtà fl-Ewropa;

It-titjib tal-effiċjenza, l-effikaċja u r-rendiment tas-Suq Intern

19.

Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żewġ inizjattivi li l-awtoritajiet doganali Komunitarji bi ħsiebhom jiżviluppaw fl-għaxar snin li ġejjin biex jaqdu liċ-ċittadini tal-UE bl-aħjar mod possibbli, partikolarment il-proposta dwar is-sistemi doganali elettroniċi, diġà approvata mill-Parlament, u t-twaqqif ta' netwerk Ewropew ta' laboratorji doganali bil-għan ta' interpretazzjoni uniformi tal-istandards tekniċi ġodda tal-UE, u jappoġġja kull inizjattiva oħra li jkollha l-istess skop;

20.

Jirrikonoxxi li din il-modernizzazzjoni se tippermetti li tiħrax il-ġlieda kontra l-prodotti perikolużi u li jissaħħaħ il-ħarsien tal-konsumatur;

21.

Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw metodi ta' ħidma u teknoloġija ġodda b'mod sinkronizzat u armonizzat u sabiex tkun żgurata implimentazzjoni koordinata u komuni tal-leġiżlazzjoni doganali; jistieden lill-Kummissjoni biex timmoniterja mill-qrib l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali fl-Istati Membri u biex tlesti rapport għall-Parlament;

22.

Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-awtoritajiet doganli b'riżorsi biżżejjed (teknoloġiċi u umani) u investimenti lid-dwani biex jagħmlu xogħolhom, jimplimentaw sistemi ġodda bla karti u jħarrġu l-istaff tagħhom;

23.

Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw livell għoli ta' koperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u l-komunità kummerċjali biex tittejjeb il-konformità u titnaqqas il-burokrazija, b'mod partikulari billi jintuża approċċ ta' mmaniġġjar tar-riskji u billi jiġu żviluppati servizzi tat-tip “Single Window/One Stop Shop”;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikulari lill-problemi li jaffaċċjaw l-SMEs, speċifikament permezz ta' ffaċilitar tal-proċess għall-adattament tas-sistemi IT tagħhom għal dawk użati mill-amministrazzjonijiet doganali, bl-inqas spejjeż possibbli, u permezz ta' simplifikar tal-proċeduri biex ikun żgurat l-istatus ta' “operatur ekonomiku awtorizzat”;

*

* *

25.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 23, 26.1.2008, p21.

(3)  ĠU L 154, 14.6.2007, p.25.

(4)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0247.

(5)  ĠU L 222, 12.8.1997, p. 17.

(6)  ĠU L 117, 4.5.2005, p.13.