19.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 279/113


L-arrest ta' priġunieri politiċi fil-Belarus

P6_TA(2008)0239

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2008 dwar l-arrest ta' dissidenti politiċi fil-Belarus

(2009/C 279 E/24)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-qagħda fil-Belarus, b'mod partikulari dik tal-21 ta' Frar 2008 (1).

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-21 ta' Novembru 2006 dwar ir-rieda min-naħa tal-Unjoni Ewropea biex iġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Belarus u l-poplu tiegħu fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-UE tal-28 ta' Marzu 2008 dwar il-Belarus,

wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Presidenza tal-UE tad-29 ta' April 2008 dwar il-priġunerija mill-ġdid u l-fastidju ta' avversarji politiċi fil-Belarus,

wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Presidenza tal-UE tas-6 ta' Mejju 2008 dwar l-iżviluppi riċenti fir-relazzjoni bejn il-Belarus u l-Istati Uniti;

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi żewġ attivisti pro-demokratiċi mill-Belarus, Andrei Kim u Siarhei Parsyukevich, ingħataw sentenzi ħorox talli hadu sehem f'dimostrazzjonijiet paċifiċi tal-intraprendituri fl-10 u fil-21 ta' Jannar 2008,

B.

billi d-detenzjoni kontinwa ta' Aliaksandr Kazulin, hija eżempju ulterjuri tal-indifferenza tal-Belarus għall-obbligi tiegħu li jirrispetta l-prinċipji u l-impenji tal-Organiżżazzjoni għas-Sigurta' u Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) li l-Belarus huwa membru tagħha,

C.

billi l-Parlament Ewropew stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iressqu proposti biex jagħmlu pressjoni ulterjuri fuq ir-reġim ta' Lukashenko f'organizzazzjonijiet internazzjonali u talab li jitressaq pakkett sħiħ ta' sanzjonijiet speċifiċi u mmirati — li jikkastigaw bl-aħrax lil dawk li qed iwettqu l-oppressjoni mingħajr ma jżidu aktar it-tbatija taċ-ċittadini tal-Belarus,

D.

billi kkundanna l-użu tal-vjolenza u tal-arresti ta' numru kbir ta' parteċipanti fl-okkażjoni ta' Jum il-Ħelsien fil-25 ta' Marzu 2008, f'Minsk u bliet oħrajn tal-Belarus.

E.

billi d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Belarus li jiddikkjara 10 diplomatiċi mill-Istati Uniti bħala personae non gratae u t-tkeċċija furzata tal-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għal Belarus huma miżuri mhux ġustifikati u ta' ħsara għall-interessi tal-poplu tal-Belarus,

1.

Jiddispjaċih ħafna li s-sitwazzjoni tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt m'hix titjieb fil-Belarus; jiġbed l-attenzjoni li arresti arbitrarji kontinwi ta' membri tas-soċjetà ċivili u ta' attivisti tal-oppożizzjoni, b'mod partikulari d-detenzjoni temporanja ta' Aleksander Milinkevich, u l-infurzar aktar strett fuq il-media indipendenti, tmur kontra r-retorika tal-Gvern tal-Belarus rigward ix-xewqa tiegħu li jtejjeb ir-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea;

2.

Jikkundanna s-sentenzi ħorox li ngħataw lil Syarhei Parsyukevich u lil Andrei Kim fit-22 u fit-23 ta' April 2008 f'Minsk minħabba s-sehem tagħhom fid-dimostrazzjonijiet tal-intraprendituri tal-10 ta' Jannar 2008; fl-istess ħin, jiddeplora il-forza, li skond ir-rapporti kienet eċċessiva, li ntużat mis-siġurtà tal-forzi tal-Belarus kontra ċittadini paċifiċi miġbura f'Minsk fil-25 ta' Marzu 2008 biex ifakkru d-disgħin anniversarju tal-Fondazzjoni għar-Repubblika Indipendenti tal-Poplu tal-Belarus u l-arrest tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet tal-Belarus sabiex mingħajr kondizzjonijiet jibqgħu lura minn kull forma ta' użu ta' forza kontra r-rappreżentanti tal-oppożizzjoni demokratika;

3.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Belarus biex jeħilsu immedjatament u mingħajr kondizzjonijiet il-priġunier politiku li fadal, Aliaksandr Kazulin, u biex jieqfu jużaw l-intimidazzjoni, il-fastidju, l-arresti mmirati u l-prosekuzzjonijiet motivati politikament kontra l-attivisti tal-oppożizzjoni demokratika u s-soċjetà ċivili fil-Belarus;

4.

Itenni li l-konformità mal-prinċipji demokratiċi hija l-kwistjoni ewlenija għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Belarus;

5.

Jikkundanna d-detenzjoni ta' ġurnalisti ta' media indipendenti, tfittxijiet fid-djar tagħhom u l-konfiska jew il-qerda tat-tagħmir tagħhom mis-servizzi sigrieti tal-Belarus (KGB) u jikkundanna l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Belarus biex jiksru l-libertà tal-media;

6.

Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jipprovdu appoġġ sostanzjali għall-vittmi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarus; huwa tal-opinjoni li aktar għajnuna finanzjarja għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikulari l-media ħielsa, hija meħtieġa għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

7.

Ifakkar li fil-21 ta' Novembru 2006 l-Unjoni Ewropea ddikjarat li lesta ġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Belarus u l-poplu tiegħu fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) hekk kif l-Gvern tal-Belarus juri rispett għall-valuri demokratiċi u għad-drittijiet fundamentali tal-poplu tal-Belarus;

8.

Jenfasizza li, sabiex jinvolvi ruħu fi kwalunkwe djalogu sostanzjali mal-UE, il-Belarus jeħtieġ iwettaq il-kondizzjonijiet li fadal, stipulati fin-'non-paper' tal-Kummissjoni bit-titlu “X'tista' tagħti l-UE lill-Belarus”, li tinkludi l-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha, it-tneħħija tal-pieni tal-mewt, l-assigurazzjoni ta' media ħielsa u l-libertà tal-espressjoni, l-indipendenza tal-ġudikatura kif ukoll ir-rispett għall-valuri demokratiċi u għad-drittijiet fundamentali tal-poplu tal-Belarus;

9.

Jinkundanna l-fatt li l-Belarus huwa l-aħħar pajjiż fl-Ewropa li għad għandu l-piena tal-mewt, li tmur kontra l-valuri Ewropej u universali;

10.

Jiddispjaċih ħafna li l-Liġi dwar ir-Reliġjon u l-Organiżazzjonijiet Religjużi tal-2002, li tikser il-prinċipji internazzjonali tal-libertà tar-reliġjon u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk stipulati fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), u jagħraf li bħala riżultat ta' din il-leġiżlazzjoni, l-attivitajiet ta' ħafna komunitajiet reliġjużi ġew limitati u l-mexxejja tagħhom qed ikunu soġġetti għal fastidju, prosekuzzjoni, multi u priġunerija b'mod kostanti;

11.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Belarus sabiex jimplimentaw b'mod sħiħ l-istandards tal-OSCE fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin maħsuba għall-ħarifa 2008, u biex joħolqu l-kundizzjonijiet għal-votazzjoni libera u ġusta; jistieden lill-gvern tal-Belarus biex jagħti aċċess ħieles lir-rappreżentanti tal-oppożizzjoni demokratika għall-kummissjonijiet tal-elezzjoni distrettwali, jagħti r-reġistrazzjoni lill-kandidati parlamentari kollha u l-osservaturi tagħhom, u ma joħloqx xkiel biex il-missjoni ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet tkun komprensiva u sħiħa;

12.

Jistieden lill-Gvern tal-Belarus sabiex japprova u jassigura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem kollha u jassigura l-konformità ta' Belarus mal-istandards internazzjonali u b'mod partikulari mal-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);

13.

Jistieden lill-Gvern tal-Belarus sabiex jirrevedi l-Liġi tal-2002 dwar il-Libertà tar-Religjon u tal-Organizzazzjonijiet Reliġjużi u sabiex irodd lura proċeduri li jiggarantixxu r-rispett għal-libertà tar-reliġjon;

14.

Jesprimi s-solidarjetà mal-oppożizzjoni demokratika magħquda tal-Belarus u maċ-ċittadini kollha tal-Belarus li qed jirsistu għal Belarus indipendenti, miftuħ u demokratiku bbażat fuq l-istat tad-dritt; iħeġġeġ lill-mexxejja tal-oppożizzjoni biex juru għaqda u determinazzjoni bejniethom fl-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin;

15.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu passi ulterjuri lejn il-faċilitazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-proċeduri tal-viża għaċ-ċittadini tal-Belarus, għaliex dan biss jista' jgħin biex jitwettaq l-għan ewlieni tal-politika tal-UE lejn il-Belarus, jiġifieri li jiġu ffaċilitati u intensifikati l-kuntatti bejn il-popli u biex il-pajjiż ikollu d-demokrazija; iħeġġiġhom, f'dan il-kuntest, biex jikkunsidraw l-possibilitajiet li titnaqqas l-ispiża tal-viża għaċ-ċittadini tal-Belarus li jkunu deħlin fiz-zona ta' Schengen, li huwa l-unika mod kif jiġi evitat li l-Belarus u ċ-ċittadini tiegħu jkunu dejjem aktar iżolati;

16.

Jiddeplora r-rifjut imtenni tal-awtoritajiet tal-Belarus biex jagħtu viżas ta' dħul lill-Membri tal-Parlament Ewropew u l-parlamentari nazzjonali f'dawn l-aħħar sentejn; jistieden lill-awtoritajiet tal-Belarus biex ma joħolqux xkiel ulterjuri li jxekklu lid-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Belarus milli żżur l-pajjiż u tosserva l-elezzjonijiet ġenerali li ġejjin u tikseb esperjenza diretta fil-Belarus;

17.

Jesprimi s-solidarjetà mal-Istati Uniti u s-servizz diplomatiku tagħha, u jistieden lill-Gvern tal-Belarus sabiex jerġa' jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu u jieħu passi immedjati li jippermettu normalizzazzjoni tar-relazzjoni bejn il-Belarus u l-Istati Uniti fuq bażi ta' koperazzjoni ta' benefiċċju reċiproku;

18.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assembleji Parlamentari tal-OSCE u tal-Kunsill tal-Ewropea, kif ukoll lill-gvern tal-Belarus.


(1)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0071.