19.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 279/100


Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-2005 dwar l-Effettività tal-Għajnuna

P6_TA(2008)0237

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2008 dwar is-segwitu tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-2005 dwar l-Effettività tal-Għajnuna (2008/2048(INI))

(2009/C 279 E/22)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 177 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bl-isem ta' Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar it-Tqassim tax-Xogħol fil-“Politika tal-Iżvilupp” (COM(2007)0072),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-Għajnuna tal-UE għall-Kummerċ tat-23 ta' Mejju 2007 (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar aktar koperazzjoni u aħjar: il-pakkett effettiv tal-għajnuna tal-UE tat-28 ta' Settembru 2006 (2),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu: “L-Għajnuna tal-UE: Inwassluha aktar, b'mod aħjar u aktar malajr” (COM(2006)0087),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu “Inżidu l-impatt tal-Għajnuna tal-UE: qafas komuni għat-tfassil tad-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiżi u l-programmazzjoni multiannwali komuni” (COM(2006)0088),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu “Finanzjament għall-Iżvilupp u Effettività tal-Għajnuna — l-isfidi biex tiġi miżjuda l-għajnuna tal-UE 2006-2010” (COM(2006)0085),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu “Li tħaffef il-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp — Finanzjament għall-Iżvilupp u l-Effettività tal-Għajnuna” (COM(2005)0133),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titolu Il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp — It-tħaffif tal-progress biex jinkisbu l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju (COM(2005)0134),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu “Nittrasformaw il-Kunsens Monterrey fil-prattika: the contribution by the European Union” (COM(2004)0150),

wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għall-Politika tal-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea: “Il-Konsensus Ewropew” (Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp) iffirmat fl-20 ta' Diċembru 2005 (3),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ruma dwar l-Armonizzazzjoni, adottata fil-25 ta' Frar 2003 bħala segwitu għall-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Armonizzazzjoni f'Ruma, u d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività tal-Għajnuna (Id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi), adottata fit-2 ta' Marzu 2005 bħala segwitu għall-Forum ta' Livel Għoli dwar l-Armonizzazzjoni u l-Allinjament għall-Effettività tal-Għajnuna f'Pariġi (Forum ta' Livel Għoli ta' Pariġi),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni A/RES/55/2 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-NU,

wara li kkunsidra l-Kunsens Monterrey adottat waqt il-Konferenza Internazzjonali tan-NU dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp tal-21-22 ta' Marzu 2002,

wara li kkkunsidra s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Kumitat għall-Għajnuna tal-Iżvilupp (DAC) tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) fir-Reviżjoni tal-Pari tal-2007 tal-Komunità Ewropea,

wara li kkunsidra s-sejbiet prinċipali tal-istudju tal-2007 bit-titlu “Kemm hi effettiva l-Għajnuna tal-UE fuq il-post” ikkummissjonat mill-Kumitat għall-Iżvilupp tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tan-NU dwar l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju tal-2007,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0171/2008),

A.

billi l-attenzjoni attwali fuq l-effettività tal-għajnuna wasslet għall-konklużjoni li l-għajnuna għall-iżvilupp mhux qed tagħti prestazzjoni kemm suppost bħala riżultat ta' koordinazzjoni fqira fost id-donaturi u l-eżistenza ta' wisq proġetti u programmi bi proċeduri differenti,

B.

billi s-sitwazzjoni ta' nuqqas ta' riżultati twassal għal-livelli baxxi ta' teħid ta' responsabilità, għal inqas programmi effettivi u għal talbiet eċċessivi ta' donazzjonijiet fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għal diviżjoni bejn l-hekk-imsejħa d-donaturi “preferiti” u d-donaturi “orfni”, u għall-abbandun ta' setturi kruċjali bħas-saħħa, l-edukazzjoni u l-programmi favur il-ġendri,

C.

billi l-UE tipprovdi aktar minn nofs l-għajnuna kollha għall-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) fid-dinja, u billi għandha l-kapaċità li ssir l-aktar donatur effettiv u għalhekk għandha tieħu inizjattiva ta' tmexxija internazzjonali biex tippromwovi r-riformi meħtieġa sabiex ittejjeb l-effettività tal-għajnuna,

D.

billi l-objettiv wiesa' tal-politika tal-iżvilupp tal-UE huwa l-eliminazzjoni tal-faqar fil-kuntest tal-arkitettura l-ġdida tal-għajnuna, li jimmira lejn il-kisba tal-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs),

E.

billi l-iżvilupp ekonomiku, l-iżvilupp soċjali u l-ħarsien ambjentali huma elementi interdipendenti li jmorru id f'id mal-iżvilupp sostenibbli, li huwa l-isfond tal-isforzi tagħna biex intejbu l-kwalità tal-ħajja għal kulħadd, kif stipulat fil-Paragrafu 36 tad-Dikjarazzjoni ta' Beijing adottata fil-15 ta' Settembru 1995 fir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa f'Beijing,

F.

billi l-ħarsien ambjentali huwa waħda mill-prijoritajiet tal-UE, u billi l-Kummissjoni għalhekk għandha tqis dan l-objettiv fil-linji politiċi kollha li tipproponi fir-rigward ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw,

G.

billi l-Kummissjoni trid tkun proponent tal-aġenda għall-effettività tal-għajnuna, fejn f'dan ir-rigward għandha żewġ objettivi relatati ħafna: (i) li timplimenta d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi u ttejjeb il-kwalità tal-programmi tal-għajnuna tagħha; u (ii) li tgħin lill-Istati Membri biex jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi u jtejbu l-effettività tal-għajnuna tagħhom stess,

H.

billi ċ-ċifri riċenti tal-OECD juri li, b'mod ġeneralim l-għajnuna tal-UE naqset b'mod sinifikanti fis-sena 2007,

I.

billi l-impenji tal-UE biex tingħata aktar għajnuna aħjar għandhom jinkludu ż-żieda tal-ODA tagħha għal 0.56 % tad-Dħul Gross Nazzjonali sa l-2010, l-iżvilupp ta' mekkaniżmi għall-għajnuna ġodda, aktar prevedibbli u stabbli flimkien mal-promozzjoni ta' koordinazzjoni u komplementarjeta? aħjar permezz ta' ħidma lejn programmar konġunt plurijennali bbażat fuq il-pjanijiet u s-sistemi tal-pajjiżi msieħba, sabiex jitkomplew l-isblukkar tal-għajnuna u r-riforma tal-assistenza teknika biex jindirizzaw il-prijoritajiet nazzjonali; billi bejn l-2006 u l-2007 l-persentaġġ tad-Dħul Gross Nazzjonali (DGN) tal-UE ddedikat għall-ODA waqa' għall-ewwel darba mis-sena 2000, minn 0,41 % għal 0,38 %, u billi l-UE għalhekk għandha tirdoppja l-isforzi tagħha biex tikseb l-objettiv iffissat fl-MDGs li fl-2015 tiddedika 0,7 % tad-DGN tal-UE lill-ODA;

J.

billi l-Artikolu 180 tat-Trattat KE, infurzat bl-Artikolu188 D miżjud mit-Trattat ta' Liżbona, jitlob li l-politika ta' koperazzjoni tal-Unjoni għall-iżvilupp u dik tal-Istati Membri għandhom “jikkumplimentaw u jsaħħu lil xulxin”, u jitlob biex l-Istati Membri u l-Unjoni jagħmlu ħilithom għal koordinazzjoni mtejba tad-donaturi u qsim tax-xogħol aħjar, li għandu jikkontribwixxi biex tiżdied l-effettività tal-għajnuna;

K.

billi hemm ir-riskju li l-objettivi ambizzjużi tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, inklużi objettivi oħra politiċi bħall-migrazzjoni u l-kummerċ, jistgħu jneħħu l-attenzjoni minn fuq l-iżvilupp u jagħmlu ħsara lill-kunsens miksub fl-aġenda għall-għajnuna internazzjonali dwar it-tnaqqis tal-faqar bħala riżultat ta' nuqqas ta' konsistenza bejn il-politiki varji tal-UE, u billi f'dan il-kuntest tal-Paragrafu 35 tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp jgħid li ’huwa importanti li politiki mhux tal-iżvilupp jgħinu l-isforzi tal-pajjiżi żviluppati biex jiksbu l-MDGs’;

L.

billi t-telf ta' mħuħ wassal għal nuqqas ta' ħaddiema fis-servizz tas-saħħa u ta' staff imħarreġ importanti ieħor fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u dan spiss iżomm l-għajnuna milli tingħata b'mod effettiv fuq il-post,

M.

billi s-sistema tal-għajnuna qed issir aktar kumplessa, bi proliferazzjoni ta' mezzi ta' għajnuna, frammentazzjoni ta' flussi ta' għajnuna, żieda allokata għall-għajnuna, ekonomiji emerġenti li jsiru parteċipanti b'setgħa akbar fil-koperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jwassal għall-frammentazzjoni tal-għajnuna u duplikazzjoni ta' attivitajiet tad-donatur fuq livell globali, tal-pajjiż jew tas-settur,

N.

billi fis-snin li ġejjin, waħda mill-isfidi istituzzjonali hija kif l-aħjar li jiġu integrati t-12-il membru ġdid tal-UE fl-irwol tagħhom bħala donaturi emerġenti, peress li bosta minn dawn id-donaturi jsibuha diffiċli jikkonformaw mal-linji gwida standard ta' koperazzjoni għall-iżvilupp tas-sistema ta' għajnuna promossa mid-DAC tal-OECD,

O.

billi s-sitwazzjoni tista' tkun ta' ostakolu għall-provediment ta' għajnuna effettiva,

P.

billi s-sistema attwali għall-allokazzjoni tal-għajnuna spiss ikollha n-nuqqasijiet, b' ħafna mill-pajjiżi foqra u kwistjonijiet kritiċi, bħas-saħħa, l-edukazzjoni, il-koeżjoni soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi, jirċievu allokazzjoni żgħira għall-għajnuna,

Q.

billi l-UE hija impenjata li tittratta l-kwistjoni ta' pajjiżi u setturi “orfni” jew minsija fil-kuntest tal-Kodiċi ta' Kondotta tagħha dwar it-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika għall-Iżvilupp hawn fuq imsemmi, u qed tibda taħseb dwar allokazzjonijiet għal sitwazzjonijiet ta' fraġilità,

R.

billi l-Parlament, permezz tal-mekkaniżmu ta' skrutinju tal-Istrument tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), imwaqqaf mir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 (4) (Regolament DCI), u l-Istati Membri individwali esprimew tħassib dwar il-fatt li l-objettiv ewlieni tal-eliminazzjoni tal-faqar mhux dejjem qed jiġi rifless fit-twettiq fuq il-post,

S.

billi numru kbir ta' studji wrew li r-responsabbilità effettiva għall-użu ta' għajnuna li tinvolvi l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini hija waħda mill-indikaturi ewlenin tal-effettività tal-għajnuna, iżda l-għajnuna xorta għadha tbati minn nuqqas ta' trasparenza u ftuħ, billi n-nuqqas ta' trasparenza jxekkel l-aċċess għall-informazzjoni għall-gvernijiet, għal-awtoritajiet lokali u għas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi riċevituri u billi f'dan is-sens dan jirrappreżenta ostakolu kbir għat-titjib fl-allokazzjoni tal-għajnuna,

T.

billi l-għajnuna ħafna drabi hija mogħtija skond il-prijoritajiet u l-iskedi tad-donaturi, mingħajr ma jkun hemm sforzi biżżejjed għal rispett u konformità lejn il-prijoritajiet tal-ippjanar u l-iżvilupp nazzjonali, jew għaż-żmien ta' skadenza tal-ibbaġitjar nazzjonali, u dan jagħmilha diffiċli għar-riċevituri biex jippreparaw baġits effettivi, jew biex jippanjaw minn qabel, kif ukoll għall-parlamenti, għas-soċjeta? ċivili u oħrajn biex jimmoniterjaw il-flussi u l-effettività tal-għajnuna,

U.

billi l-użu tas-sistemi tal-pajjiż huwa komponent ewlieni tal-effettività tal-għajnuna u huwa meqjus mezz importanti biex tiżdied is-sjieda tal-pajjiżi msieħba f'dak li hu t-tfassil u t-twettiq tal-politika; billi, għalhekk, l-użu tas-sistemi tal-pajjiż huwa mistenni li jsaħħaħ l-istrateġiji nazzjonali tal-iżivilupp tal-pajjiżi msieħba u l-oqfsa ta' implimentazzjoni,

V.

billi skond Stħarriġ riċenti dwar il-Monitoraġġ tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi mill-OECD, in-nuqqas ta' assistenza teknika li tiddependi fuq id-domanda huwa kwistjoni prinċipali għall-gvernijiet ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw peress li ħafna assistenza teknika hija assistenza marbuta u pprezzata aktar milli suppost, u ħafna draba m'hijiex effettiva fil-bini ta' kapaċità lokali, li hija indirizzata fl-Artikolu 31 tar-Regolament DCI,

W.

billi l-irwol tal-parlamenti nazzjonali huwa fundamentali biex iqajjem kuxjenza u jinsisti għal riforma tal-istruttura tal-għajnuna, jiġifieri permezz tad-dibattitu u l-approvazzjoni ta' oqfsa ta' żvilupp u baġits, l-allokazzjoni ta' fondi għal setturi relatati mal-faqar, il-promozzjoni tad-diviżjoni tax-xogħol u li l-gvernijiet jinżammu responsabbli għal dak kollu li għandu x'jaqsam mat-twettiq tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi,

X.

billi l-awtoritajiet lokali huma parteċipanti fil-politiki għall-iżvilupp, minħabba li l-kompetezi u l-għarfien tagħhom tal-ħtiġijiet lokali jippermettulhom li jwasslu, ta' kuljum, l-aspirazzjonijiet tal-popli u biex iqarrbu d-distanza bejn dawn tal-aħħar u l-Istat,

Y.

billi l-irwol tas-soċjetà ċivili huwa essenzjali, kemm bħala sieħba fid-djalogu politiku dwar l-effettività tal-għajnuna u fl-ifissar tal-prijoritajiet tagħha, u kemm bħala għassiesa għal skopijiet ta' monitoraġġ fuq l-infiq tal-gvern,

Z.

billi d-DCI jipprovdi għal mhux iżjed minn 15 % tal-linja ta' kreditu tematika għall-atturi mhux statali u għall-awtoritajiet lokali biex jgħaddu għand dawn tal-aħħar, u billi din ix-xejra pożittiva, li aktarx ittejjeb l-effettività tal-għajnuna, għandha tkun akkumpanjata minn rikors ikbar għal koperazzjoni deċentralizzata min-naħa tal-Istati Membri,

AA.

billi l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura li l-aġenda għall-effettività tal-għajnuna li se tirriżulta mit-Tielet Forum f'Livell Għoli dwar l-Effettività tal-Għajnuna li se jsir f'Accra f'Settembru 2008 tkun iffukata fuq it-tnaqqis, u, fuq medda twila ta' żmien, fuq l-eliminazzjoni tal-faqar,

AB.

billi kemm it-titjib fil-kwalità tal-għajnuna u kemm iż-żieda fil-kwantità tal-għajnuna huma vitali biex jinkisbu l-MDGs, u billi l-effettività tal-għajnuna ma tistax tkun pretest biex ma jiġux rispettatti l-impenji li ħadu l-Istati Membri taħt il-Konsensus Monterrey imsemmi hawn fuq,

AC.

billi l-Konsensus Ewropew għall-Iżvilupp jirrikonoxxi l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala għan fih innifsu u jimpenja lill-UE biex issaħħaħ l-approċċ tagħha lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-koperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE kollha, u billi l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata “L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Empanċipazzjoni tan-Nisa fil-Koperazzjoni għall-Iżvilupp” (COM(2007)0100) timpenja lid-donaturi tal-UE biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġiji u l-prattiki li jġibu riżultati konkreti għan-nisa,

AD.

billi l-kisba tal-paċi fuq livell lokali, nazzjonali, reġjonali u globali hija possibbli u billi din hija konnessa bis-sħiħ mal-avanz tan-nisa, peress li n-nisa huma l-forza fundamentali mhux biss għall-ħajja tal-familja u l-edukazzjoni tat-tfal iżda wkoll għall-inizjattivi pubbliċi, għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u għall-promozzjoni tal-paċi dejjiema fuq il-livelli kollha, kif indikat fil-Paragrafu 18 tad-Dikjarazzjoni ta' Beijing imsemmija hawn fuq,

1.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex flimkien jagħmlu kull sforz sabiex jiżguraw li l-UE titkellem b'leħen wieħed, biex jallinjaw it-tqassim tal-għajnuna mal-prijoritajiet tal-pajjiżi u biex l-azzjonijiet tagħhom isiru aktar armonizzati, trasparenti, prevedibbli u effettivi kollettivament;

2.

Jenfasizza li l-Kummissjoni se jkollha żżomm l-integrità tal-aġenda għall-iżvilupp u attenzjoni ċara fuq l-objettiv aħħari tal-eliminazzjoni tal-faqar, u jenfasizza l-implimentazzjoni effettiva ta' politika ta' prijorità, inkluża attenzjoni ffukata fuq ir-riżultati;

3.

Jenfasizza li l-għoli fil-prezzijiet tal-materji primi lagħab parti kruċjali fl-ikkaġunar tal-kriżi alimentari globali attwali, li qiegħda thedded li tgħarraq l-isforzi kollha li diġà saru biex tittejjeb l-effettività tal-għajnuna, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-kull Stat Membru biex jappoġġja kwalunkwe miżura li tista' tgħin biex il-prezzijiet tal-materji primi jiġu stabilizzati għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tgħin fl-integrazzjoni tal-membri ġodda fl-approċċi internazzjonali — li dejjem qed isiru aktar koordinati — għall-politika tal-iżvilupp u biex twettaq dan bil-mekkaniżmi xierqa, biex taħdem mal-Istati Membri ħalli biex tiddefinixxi kif se tilħaq l-objettivi adizzjonali tal-UE dwar l-effettività tal-għajnuna maqbula fil-F orum ta' Livel Għoli ta' Pariġi), u biex tesplora kif għandhom isiru l-eżerċizzji ta' programmazzjoni konġunta; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-Istati Membri l-ġodda impenjaw ruħhom biex jilħqu t-targets tal-ODA ta' 0,17 % tad-Dħul Gross Nazzjonali (DGN) sa l-2010 u ta' 0,33 % sa 2015, filwaqt li l-kontribuzzjonijiet futuri tagħhom għandhom jirrinfurzaw l-irwol tal-koperazzjoni fl-iżvilupp tal-UE;

5.

Jirrikonoxxi li l-parteċipazzjoni demokratika u tal-kontroll parlamentari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom sehem kruċjali fil-garanzija tal-effettività tal-għajnuna, għall-ħtieġa tal-UE li tipprovdi riżorsi u appoġġ fl-iżvilupp ta' kapaċità għall-parlamenti tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġi żgurat li jkollhom kapaċità suffiċjenti fl-iskrutinju u fil-kontroll tal-baġits tal-gvernijiet tagħhom; jirrikonoxxi l-importanza li rapportar aħjar tar-riżultati lill-Parlament Ewropew, lis-soċjetà ċivili u lill-Istati Membri jista' jkollu fuq il-bini tal-kunfidenza fil-programmi tal-Komunità, fiż-żieda fir-responsabilita u fil-possibilità ta' forom strateġiċi ġodda ta' kontroll Parlamentari; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi indikatur ġdid li jissorvelja l-iskrutinju Parlamentari;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex flimkien jidentifikaw indikaturi ta' rendiment iffukati fuq l-indikaturi MDG, b'mod partikulari fir-rigward ta' għajnuna baġitarja, sabiex il-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u s-soċjeta? ċivili lokali, kif ukoll il-Parlament Ewropew, ikunu jistgħu jintraċċaw ir-riżultati tal-kontribuzzjonijiet tal-UE;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-politiki tal-UE kif ukoll l-arkitettura tal-għajnuna jappoġġjaw il-prinċipju tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-ġestjoni maħsuba għar-riżultati, b'mod partikulari biex jinkisbu riżultati fl-MDGs li għandhom l-inqas ċans li jinkisbu skond ir-rapport tan-NU dwar l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju tal-2007, bħall-Ħames MDG;

8.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal matriċi tal-istrumenti finanzjarji kollha li minnhom tat fondi għall-governanza tajba, kemm jekk mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF), kemm jekk mid-DCI, sew jekk mill-Istrateġija EU-Afrika u sew jekk mill-finanzjament allokat għall-gvernijiet Afrikani għal tmexxija tajba, sabiex tiġi vverifikata l-konsistenza tal-politiki u l-ġestjoni tajba ta' dawn il-fondi;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-ħolqien u l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi innovattivi ta' finanzjament biex jagħtu kontribut sinifikanti għall-kisba tal-MDGs fl-iskadenzi stipulati; jenfasizza li dawn ir-riżorsi addizzjonali m'għandhomx jieħdu post l-impenji meħudin fil-qasam tal-għajnuna għall-iżvilupp pubblika;

10.

Jappoġġja l-għażla tal-Kummissjoni biex tuża dejjem iżjed l-appoġġ baġitarju, iżda fl-istess waqt jirrikonoxxi lill-Kummissjoni biex tkompli tinvestiga l-isfidi ta' din il-modalità ta' għajnuna;

11.

Jitlob lill-Istati Membri u lill-parlamenti nazzjonali tagħhom biex jippromwovu d-diviżjoni tal-aġenda tax-xogħol, b'mod partikulari kif stipulat fil-Kodiċi tal-Kondotta fuq imsemmi dwar id-Diviżjoni tax-Xogħol fil-Politika għall-Iżvilupp, u biex jagħmlu pjanijiet ta' azzjoni dwar kif biħsiebhom jimplimentawhom sabiex jittejbu l-isforzi Ewropej fl-għajnuna, filwaqt li jiżguraw li l-mutur ta' din l-aġenda jkunu l-pajjiżi sħab ukoll u mhux id-donaturi biss;

12.

Jenfasizza li d-diviżjoni tax-xogħol għandha tkun immexxija mill-pajjiżi inkwistjoni, abbażi tal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi u tar-riżultati, u li għandha twassal għal finanzjament suffiċjenti tas-setturi kollha f'kull pajjiż imsieħeb;

13.

Iħeġġeġ ir-reviżjoni u l-estensjoni tal-inizjattiva tal-Atlas tad-Donaturi sabiex tippromwovi djalogu politiku bejn pajjiż u ieħor li jkun aktar koerenti bejn id-donaturi Ewropej;

14.

Ifakkar li l-korruzzjoni jibdlu d-direzzjoni tal-fondi maħsuba għall-iżvilupp, u li għalhekk, din hija ostakolu għat-tisħiħ tal-effettività tal-għajnuna; jitlob lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-monitoraġġ tal-allokazzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp u biex tinkuraġġixxi lir-riċevituri tal-għajnuna biex japplikaw b'mod strett il-ftehimiet internazzjonali u reġjonali applikabbli f'dan il-qasam;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li jkun hemm iżjed responsabilità u trasparenza fil-ġestjoni tas-sistemi ta' mmaniġġar tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi fejn ikun hemm ċertezza li l-għajnuna se tintuża għall-iskopijiet maħsuba, sabiex jiġu ffaċilitati s-sjieda u t-tnaqqis tal-faqar;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni u fil-Kunsill biex jieħdu miżuri prattiċi biex jiġġieldu l-korruzzjoni, b'mod partikulari billi jappoġġjaw inizjattivi tas-soċjetà ċivili maħsuba biex tiġi żgurata t-trasparenza tal-użu li jsir mill-għajnuna provduta mill-UE u billi jħeġġu lill-Istati Membri u lill-Istati Msieħba biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni tal-2003;

17.

Jappoġġja l-irwol li għandha l-Kummissjoni sabiex tikkoordina l-koperazzjoni tal-iżvilupp fost l-Istati Membri fil-kwartieri u fuq il-post, u jenfasizza l-valur miżjud provdut mill-Kummissjoni fit-teħid ta' pożizzjoni ewlenija fid-djalogu politiku bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba, ibbażat fuq il-valuri komuni tal-UE bħall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tisimplifika l-proċeduri, inklużi l-proċessi tat-twassil tal-għajnuna, biex ir-responsabilità tkun iżjed iddeċentralizzata u biex tipprovdi lid-delegazzjonjiet b'kapaċità biżżejjed (staff u ħiliet) u aktar kontroll jew influwenza fuq il-forma u l-proċedura ta' approvazzjoni tal-linji tal-baġit tematiċi u reġjonali sabiex iwettqu dak li huma responsabbli għalih; jenfasizza l-importanza li jitgħammar is-Servizz ta' Azzjoni Esterna Ewropew b'kapaċità suffiċjenti li tkun orjentata lejn l-iżvilupp;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkuraġġixxi wkoll il-kuntatt regolari u l-ħidma maqsuma bejn id-delegazzjonijiet tagħha u s-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, sabiex jitqiesu b'mod aħjar il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-pajjiżi msieħba u b'hekk tiġi promossa allokazzjoni aħjar tal-għajnuna, li hija l-għan prinċipali tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi;

20.

Jenfasizza l-ħtieġa li jitjiebu l-linji gwida u l-metodoloġija għall-monitoraġġ tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi sabiex titjieb il-tifsira kollettiva tal-aġenda stipulata mill-Forum ta' Livell Għoli ta' Pariġi u jkun żgurat il-ġbir konsistenti ta' tagħrif dwar indikaturi fil-pajjiżi ewlenin li jirċievu l-għajnuna; jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li pajjiżi donaturi jżommu l-wegħdiet tagħhom ta' għajnuna u jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu aċċess aħjar għad-data relevanti tagħhom għal aktar trasparenza u responsabilità fir-rappurtaġġ dwar l-għajnuna; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li jintużaw indikaturi preċiżi għall-evalwazzjonijiet interim, li r-riżultati tagħhom se jippermettu l-aġġustament mill-ġdid u/jew l-intensifikar tal-azzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi stipulati għall-2010;

21.

Jenfasizza l-ħtieġa li jitħejja pjan ta' monitoraġġ għal medda medja ta' żmien għar-reviżjoni tal-progress u sabiex jippromwovi passi orjentati lejn l-azzjoni biex iħeġġu l-affidabilità fuq il-monitoraġġ fil-livell tal-pajjiżi, jippermettu s-sinerġiji bejn l-isforzi ta' monitoraġġ nazzjonali u dawk internazzjonali, u titnaqqas id-duplikazzjoni potenzjali tal-isforzi tal-monitoraġġ tal-impenni tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi mill-UE;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb iċ-ċarezza tad-definizzjonijiet relatati mal-allokazzjoni settorjali tal-ODA sabiex titjieb il-konsistenza tar-riżultati u jitnaqqsu l-ispejjeż tat-transazzjoni biex tiġi mmaniġġjata d-data tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-livell tal-pajjiżi; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li ma jkunux imwessgħa d-definizzjonijiet tal-ODA b'mod li jkunu jinkludu punti li mhumiex relatata mal-għajnuna, bħall-infiq militari;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex skond l-impenn li sar fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Soċjali f'Copenhagen bejn il-5 u t-12 ta' Marzu 1995, jikkonformaw mat-talba tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li għallinqas 20 % tal-għajnuna għall-iżvilupp ikun dedikat għat-titjib ta' servizzi pubbliċi bażiċi bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-aċċess għall-ilma u d-drenaġġ;

24.

Jistieden lill-membri tad-DAC tal-OECD, li hi l-awtorità relevanti, biex mill-aktar fis possibbli tfassal definizzjoni tal-koperazzjoni għall-iżvilupp li tkun tista' ttemm b'mod permanenti d-devjazzjoni tal-għajnuna lejn skopijiet li m'għandhom x'jaqsmu xejn mal-iżvilupp, għax din id-devjazzjoni sseħħ biss minħabba d-definizzjoni uffiċjali wiesgħa attwali tal-għajnuna għall-iżvilupp;

25.

Jisiteden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex ineħħu l-irbit tal-għajnuna tagħhom, b'mod partikulari l-assistenza teknika, l-għajnuna għall-ikel u l-għajnuna għat-trasport tal-ikel, skond ir-rakkomandazzjoni tal-2001 tad-DAC tal-OECD għal pajjiżi eleġibbli skond l-EDF u l-Artikolu 31 tar-Regolament tad-DCI;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex ftit ftit ineħħu l-kundizzjonalità orjentata mal-politika, b'mod speċjali l-kundizzjonalità tal-politika ekonomika, biex tkun appoġġata tifsira komuni tal-prijoritajiet ewlenin, u biex jużaw l-influwenza tagħhom biex jikkonvinċu lill-Bank Dinji u lill-Fond Monetarju Internazzjonali biex jappoġġaw l-istess pożizzjoni; jitlob b'mod partikulari li l-istrateġija tal-“kummerċ għall-għajnuna” tkun ta' benefiċċju għall-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw, u mhux biss għal dawk li jaqblu li jkun hemm liberalizzazzjoni akbar tas-swieq tagħhom, b'mod partikulari fil-kuntest tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika;

27.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u l-pajjiżi donaturi jippubblikaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna għall-iżvilupp, biex ikun jista' jiġi eżerċitat il-kontroll demokratiku ġenwin mill-parlamenti, mill-awtoritajiet lokali u mis-soċjetà ċivili;

28.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-għajnuna tingħata skond il-prijoritajiet u l-iskedi tal-imsieħba stess, u li jkun hemm konformità mal-ippjanar nazzjonali u l-prijoritajiet ta' żvilupp, jew mal-qafas taż-żmien tal-ibbaġitjar nazzjonali;

29.

Jenfasizza li koordinazzjoni aħjar bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandha tittratta l-problema ta' pajjiżi u setturi orfni, u jenfasizza r-relevanza ta' verżjoni aġġornata u rfinata tal-Atlas tad-Donaturi f'dan ir-rigward;

30.

Jenfasizza l-ħtieġa partikulari ta' titjib fil-progress lejn l-ilħiq tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp relatati mas-saħħa, b' mod partikolari fir-rigward ta' sitwazzjonijiet ta' fraġilità, u li d-DG għall-Għajnuna umanitarja (ECHO) u d-DG Żvilupp tal-Kummissjoni jikkoordinaw ix-xogħol tagħhom waqt il-fażi tal-għajnuna umanitarja, il-fażi tranżizzjonali u l-fażi tal-iżvilupp (ir-rabta bejn l-għajnuna ta' emerġenza, ir-rijabilitazzjoni u l-iżvilupp) kif imsemmi, pereżempju, fil-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja (5);

31.

Jenfasizza l-ħtieġa li jkun intensifikati l-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni mal-imsieħba tas-soċjetà ċivili fil-kwartieri ġenerali u fuq il-post permezz ta' laqgħat strutturati aħjar dwar kwistjonijiet ta' politika, programmar strateġiku u effettività tal-għajnuna li jinkludu rekwiżiti għas-sejħiet għall-proposti, il-proċeduri tal-għoti, il-kontroll finanzjarju tal-proġetti, u proċessi ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni; jistieden lid-donaturi u lill-gvernijiet imsieħba biex jiżguraw il-parteċipazzjoni sħiħa u relevanti tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali fl-ippjanar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-baġits u l-programmi għall-iżvilupp, u biex jappoġġaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex iwettqu l-irwoli tagħhom;

32.

Jenfasizza li l-involviment tan-nisa u tal-movimenti tan-nisa fit-tfassil u t-twettiq tal-politika u l-programmi, l-implimnetazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni għandu jitqies bħala parti integrali fl-iżgurar ta' responsabbilizzazzjoni ġenwina, minħabba l-impatt sproporzjonat tal-faqar fuq in-nisa;

33.

Jenfasizza l-ħtieġa li jkunu involuti l-imsieħba lokali kemm tal-Istati Membri kif ukoll l-imsieħba tal-UE fil-proċess tal-kisba tal-għanijiet tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi, b'mod partikulari fl-istadji kollha tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki għall-iżvilupp;

34.

Ifakkar l-irwol deċiżiv li jista' jkollhom il-membri tad-djaspori fit-titjib tal-effettività tal-għajnuna Ewropea u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvolvuhom aktar fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-programmi Ewropej għall-iżvilupp; jenfasizza li l-involviment ta' persuni barranin jew ta' oriġini barranija fi sħubija bejn l-UE u l-pajjiżi ta' oriġini ta' dawn il-persuni hi fattur qawwi ta' integrazzjoni;

35.

Iqis li aktar trasparenza ta' tagħrif dwar il-flussi ta' għajnuna hija objettiv kritiku għal titjib fl-użu effettiv tal-għajnuna u r-responsabilità reċiproka, u sabiex ikun żgurat tixrid pubbliku f'waqtu ta' tagħrif komplut dwar l-għajnuna kollha mwegħda, allokata u mogħtija, inkluża l-pubblikazzjoni ta' skedi affidabbli pajjiż b'pajjiż tal-impenni u l-infiq tal-għajnuna, li għandu jkun hemm żvelar awtomatiku, f'waqtu u pro-attiv mill-Istati Membri u mill-imsieħba tad-dokumenti kollha relatati mat-tfassil, it-twettiq u l-evalwazzjoni ta' strateġiji u proġetti ta' għajnuna, u li dan l-iżvelar għandu jinkludi pubblikazzjoni ta' tagħrif li jippermetti parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet, fil-lingwi u fil-forom xierqa għall-partijiet konċernati;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu progress f'dan il-qasam billi jappoġġjaw it-twaqqif ta' standards ta' kontabbilità għar-rekwiżiti ta' żvelar fir-rigward ta' assistenza esterna u billi jaħdmu ma' organizzazzjonijiet tas-soċjeta? ċivili, parlamenti nazzjonali, awtoritajiet lokali u organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex jistabbilixxu prattiki tajba fir-reġistrazzjoni tal-flussi tal-għajnuna fil-baġits nazzjonali;

37.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jallinjaw l-għajnuna tagħhom mas-sistemi tal-pajjiżi permezz tal-użu ta' appoġġ baġitarju ġenerali u settorjali, li jrid ikun imsejjes fuq pjan sod għat-tnaqqis tal-faqar li jsaħħaħ ir-resposabilità domestika u li għandu jkun marbut mal-impenn komuni li jitnaqqas il-faqar u li jintlaħqu l-MDGs, li jkunu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u li jissaħħu u jitjiebu l-monitoraġġ, il-ġestjoni finanzjarja u r-responsabilità;

38.

Jenfasizza l-ħtieġa għal finanzjament inkrementali u prevedibbli mingħand il-Kummissjoni u l-Istati Membri, fil-forma ta' impenni tal-għajnuna plurijennali (3 snin jew aktar) li jkunu msejsa fuq kriterji ċari u trasparenti u riżultati għall-qerda tal-faqar inklużi riżultati settorjali speċifiċi, miftehma mal-pajjiżi msieħba, u li jkunu mwettqa fil-ħin u b'mod trasparenti biex jagħtu lok għall-investiment fil-bini tar-riżorsi umani li huma kruċjali biex titjieb l-effettività tal-għajnuna; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva ta' kuntratti ta' MDGs biex tkun żgurata forma aktar prevedibbli ta' appoġġ baġitarju fuq medda twila ta' żmien; jinsisti madankollu li dan jinvolvi impenn sod għall-kisba tal-MDGs min-naħa tal-pajjiżi msieħba u li jinħtieġ monitoraġġ kontinwu b'fokus qawwi fuq ir-riżultati; jilqa' b'sodisfazzjon il-kuntratt tal-MDGs bħala wieħed mill-modi possibbli sabiex tiżdied il-prevedibilità tal-għajnuna;

39.

Jinnota li, f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, ħafna mill-miri tal-MDGs mhux se jintlaħqu sa l-2015; u jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iħejju skedi annwali sabiex iżommu l-wegħdiet li għamlu;

40.

Jagħraf l-importanza li jiġu stabbiliti objettivi sabiex gradwalment is-sitwazzjoni tkun tali li 100 % tal-assistenza teknika tkun immexxija mid-domanda u allinjata mal-istrateġiji nazzjonali tal-imsieħba;

41.

Jenfasizza li l-assistenza teknika maħsuba fid-dawl tal-ħtiġijiet imsemmija mill-pajjiżi riċevituri u mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili aktar milli l-prijoritajiet tal-pajjiżi donaturi għandha tagħmilha possibbli li jiżdiedu kemm il-kapaċitajiet tal-imsieħba tal-UE kif ukoll l-approprjazzjonijiet lokali;

42.

Jinnota li r-riforma tal-Għajnuna hija biss waħda mill-passi li għandha tieħu l-UE flimkien mal-fatt li l-politika tagħha tal-kummerċ, tas-sigurta?, tal-migrazzjoni, tal-biedja, tas-sajd, tal-enerġija, tal-ambjentali u tal-bidla fil-klima u politiki oħra koerenti mal-għanijiet tal-iżvilupp għall-benefiċċju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u sabiex jippromwovu sistema finanzjarja u kummerċjali internazzjonali ġusta favur l-iżvilupp; f'dan ir-rigward, ifakkar fil-Paragrafu 35 tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, li jgħid li ’hu importanti li politiki mhux tal-iżvilupp jgħinu l-isforzi tal-pajjiżi żviluppati biex jiksbu l-MDGs’;

43.

Ifakkar fl-impenni magħmula minn pajjiżi firmatarji tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi biex jagħmlu evalwazzjonijiet ambjentali strateġiċi fil-livell settorjali u nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, sabiex tirrispetta dan l-għan sabiex jiġi evalwat l-impatt tal-politiki tagħha, b'mod partikulari rigward il-bidla tal-klima, id-deżertifikazzjoni u l-bijodiversità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

44.

Jenfasizza li l-isforzi biex l-għajnuna tkun effettiva għandhom ikunu akkumpanjati minn tagħrif aħjar għaċ-ċittadini tal-pajjiżi donaturi dwar l-għanijiet, il-metodi ta' implimentazzjoni u r-riċevituri ta' għajnuna għall-iżvilupp;

45.

Ifakkar li l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp jirrikonoxxi l-ugwaljanza tal-ġeneri bħala għan minnu nnifsu, u għaldaqstant għandu jkun qasam ewlieni tad-diskussjoni dwar l-effettività tal-għajnuna;

46.

Jirrikonoxxi li l-kwantità u l-kwalità tal-għajnuna huma marbuta b'mod li ma jistax jinħall, u li biex jintlaħqu l-miri għall-effettività tal-għajnuna, jeħtieġ ikun hemm impenn kontinwu għall-miri kwantitattivi eżistenti kif miftehma mill-Istati Membri kollha tal-UE; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jerġgħu jikkonfermaw l-impenn tagħhom għall-ilħuq tal-mira kollettiva tagħhom għal ODA ta' 0,56 % tal-GNI fl-2010 u 0,7 % tal-GNI fl-2015, biex tiżdied l-għajnuna u jinħolqu skedi plurijennali ambizzjużi għall-kejl taż-żieda gradwali fil-baġits tal-għajnuna;

47.

Jenfasizza l-importanza li tiġi inkluża perspettiva soda tal-ġeneri f'kull stadju tal-livelli tal-programmazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni;

48.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat għall-Assistenza ta' Żvilupp tal-OECD, u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 291.

(2)  ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 373.

(3)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jwaqqaf strument ta' finanzjament għal-koperazzjoni fl-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41).

(5)  Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea ’Il-Kunsens Ewropew Dwar L-Għajnuna Umanitarja’ iffirmata fit-18 ta' Diċembru 2007 (ĠU C 25, 30.1.2008, p. 1).