19.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 279/98


L-istrateġija tal-UE għat-tielet Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Aarhus f'Riga, il-Latvja

P6_TA(2008)0236

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2008 dwar l-istrateġija tal-UE għat-tielet Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Aarhus f'Riga, il-Latvja

(2009/C 279 E/21)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali tal-25 ta' Ġunju 1998 u t-tielet Laqgħa tal-Partijiet (MOP-3), li se ssir f'Riga, il-Latvia, mill-11 sat-13 ta' Ġunju 2008,

wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali B6-0157/2008 f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Konvenzjoni ta' Aarhus daħlet fis-seħħ fit-30 ta' Ottubru 2001,

B.

billi l-Konvenzjoni tiċċelebra l-għaxar anniversarju tagħha f'Ġunju 2008,

C.

billi l-Konvenzjoni ta' Aarhus kienet irratifikata mill-Komunità Ewropea fis-17 ta' Frar 2005 (1) u kienet irratifikata mill-Istati Membri kollha tagħha ħlief wieħed,

D.

billi fil-preżent hemm 41 parti fil-Konvenzjoni ta' Aarhus,

E.

billi l-Parlament u l-Kunsill diġà adottaw tliet strumenti leġiżlattivi għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus (2) u billi l-adozzjoni ta' strument leġiżlattiv dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali għadha blukkata mill-Kunsill (3),

F.

billi l-Konvenzjoni ta' Aarhus isservi biex l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jassumu r-responsabilità individwali u kollettiva tagħhom li jħarsu u jtejbu l-ambjent għall-ġid u l-benessri tal-ġenerazzjonijiet tal-preżent u tal-futur u biex b'hekk jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli,

G.

billi l-Protocol dwar ir-rilaxx ta' aġenti li jniġġsu u r-reġistri (4) ta' trasferiment jikkontribwixxi biex tiżdied ir-responsabilità tal-intrapriżi, biex jitnaqqas it-tniġġis u biex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli,

1.

Iħeġġeġ lill-UE biex biex tieħu rwol mexxej, trasparenti u kostruttiv fin-negozjati u biex tikkontribwixxi b'mod attiv għall-pjan strateġiku fit-tul tal-Konvenzjoni, inkluż it-tfassil ta' kamp ta' applikazzjoni possibilment usa' għall-Konvenzjoni sabiex l-iżvilupp sostenibbli fl-aspetti kollha tiegħu jkun kopert mill-istess prinċipji ta' trasparenza, parteċipazzjoni u responsabilità;

2.

Jemmen li l-MOP-3 se tipprovdi opportunità tajba kemm għar-reviżjoni tal-progress li inkiseb sa issa u kemm biex wieħed jirrifletti dwar l-isfidi tal-ġejjieni; iqis li l-assigurazzjoni effettiva tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus għandha tkun prijorità ewlenija għall-futur;

3.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li d-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-MOP-3 jimplimentaw u jiżviluppaw b'mod ulterjuri l-Konvenzjoni, u biex jinħolqu sinerġiji bejn il-Konvenzjoni ta' Aarhus u l-ftehimiet multilaterali dwar l-ambjent relevanti;

4.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod partikolari jiżguraw li:

il-pjan strateġiku fit-tul jinkludi dispożizzjonijiet biex iżidu l-kuxjenza tal-pubbliku fid-drittijiet u r-responsabilitajiet tiegħu skond il-Konvenzjoni ta' Aarhus;

l-MOP-3 tiċċara l-kundizzjonijiet għad-dħul fis-seħħ tal-emenda dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati adottata fl-2005 (5) u kwalunkwe emendi futuri għall-Konvenzjoni, bil-għan li tkun żgurata l-implimentazzjoni bikrija tagħhom;

ikunu adottati arranġamenti finanzjarji prevedibbli, stabbli u xierqa għall-Konvenzjoni;

jittejjeb iktar il-mekkaniżmu ta' konformità, fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba;

tkompli l-ħidma għal aċċess għall-ġustizzja billi jkun żgurat li l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha tal-gvern ikunu kompletament konxji tal-obbligi tagħhom skond il-Konvenzjoni ta' Aarhus, u billi l-awtoritajiet pubbliċi jitħeġġu biex jipprovdu r-riżorsi umani, finanzjarji u materjali meħtieġa sabiex iwettqu l-obbligi tagħhom;

il-partijiet jieħdu l-miżuri legali u baġitarji meħtieġa biex jiggarantixxu l-implimentazzjoni sħiħa tat-tielet pilastru tal-Konvenzjoni, li jiġu pprovduti rimedji effettivi għall-aċċess għall-ġustizzja u li l-aċċess għall-proċedimenti jkun ġust, ekwu, f'waqtu u mhux eċċessivament għali;

jitwaqqaf Grupp ta' Ħidma biex jevalwa l-implimentazzjoni tal-pilastru tal-parteċipazzjoni pubblika tal-Konvenzjoni, u jekk ikun hemm bżonn iwassal għal proposti għal aktar titjib fil-Konvenzjoni;

5.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu x-xogħol leġiżlattiv bil-għan li jiġi adottat strument leġiżlattiv li jimplimenta l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni fl-Unjoni Ewropea, minħabba li dan l-aħħar pilastru għadu ma ġiex inkluż kompletament fil-liġi Komunitarja; jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni biex, f'Ġunju 2008, torganizza konferenza dwar l-aċċes għall-ġustizzja biex tingħata spinta ulterjuri lix-xogħol leġiżlattiv fil-Komunità;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu s-sinerġiji u r-rabtiet ma' organizzazzjonijiet u Konvenzjonijiet internazzjonali relevanti oħra, b'mod partikolari l-Protokoll ta' Kartaġena dwar il-Bijosikurezza; jikkunsidra, madanakollu li l-Konvenzjoni ta' Aarhus hija l-forum xieraq fejn issir deliberazzjoni dwar principji orizzontali ta' access tal-pubbliku ghall-informazzjoni, il-partecipazzjoni u l-access ghall-gustizzja fi kwistjonijiet ambjentali;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti eżempju tajjeb lill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri billi timplimenta l-Konvenzjoni ta' Aarhus b'mod rigoruż;

8.

Iħeġġeġ lill-pajjiżi li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta' Aarhus u l-Protokoll dwar ir-rilaxx ta' aġenti li jniġġsu u r-reġistri ta' trasferiment biex jagħmlu dan u jħeġġeġ lill-pajjiżi oħra li mhumiex parti mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti biex isiru membri tal-Konvenzjoni;

9.

Jemmen li l-Membri tal-Parlament Ewropew li huma parti mid-delegazzjoni tal-KE għandhom kontribut essenzjali x'jagħtu u għalhekk jistenna li f'Riga, huma jkollhom aċċess għal-laqgħat ta' koordinazzjoni tal-UE mingħajr ma jkollhom id-dritt li jitkellmu;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti, u jitlob li r-riżoluzzjoni tkun iċċirkolata lill-partijiet kontraenti kollha li mhumiex parti mill-UE.


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta' Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 124, 17.5.2005, p. 1).

(2)  Direttiva 2003/4/KE dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26); Direttiva 2003/35/KE li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta' ċerti pjani u programmi li għandhom x'jaqsmu mal-ambjent (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17), Regolament (KE) Nru 1367/2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).

(3)  Proposta għal Direttiva dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (COM(2003)0624).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/61/KE tat-2 ta' Diċembru 2005 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll UN-ECE dwar ir-Rilaxx ta' Sustanzi li Jnisgu u r-Registri ta' Trasferiment (ĠU L 32, 4.2.2006, p. 54).

(5)  Approvata f'isem il-Komunità Ewropea mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/957/KE tat-18 ta' Diċembru 2006, dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, ta' emenda tal-Konvenżjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 46).