19.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 279/89


Strateġija għas-Saħħa tal-Annimali (2007-2013)

P6_TA(2008)0235

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Mejju 2008 dwar Strateġija ġdida għas-Saħħa tal-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007-2013) (2007/2260(INI))

(2009/C 279 E/20)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija ġdida għas-Saħħa tal-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007-2013) (COM(2007)0539) (“Komunikazzjoni dwar Strateġija għas-Saħħa tal-Annimali”), skond liema “Il-Prevenzjoni hija aqwa mill-kura” u d-dokumenti ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni (valutazzjoni tal-impatt u sommarju tal-valutazzjoni tal-impatt) li jakkumpanjaw dik il-komunikazzjoni (SEC(2007)1189 u SEC(2007)1190),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0147/2008),

A.

billi s-saħħa tal-annimali hija marbuta sewwa mas-saħħa tal-bniedem, minħabba l-possibilità ta' trażmissjoni diretta jew indiretta ta' ċertu mard,

B.

billi s-saħħa tal-annimali hija importanti mil-lat ekonomiku minħabba li l-mard tal-annimali jnaqqas il-produzzjoni tal-annimali u jwassal għall-mewt tal-annimali, għall-qtil u għat-telfa ekonomika konsegwenzjali,

C.

billi l-annimali huma ħlejjaq ħajjin senzjenti u l-ħarsien u t-trattament korrett tagħhom huwa waħda mill-isfidi għal Ewropa kkulturata u ċċivilizzata tas-seklu 21,

D.

billi t-tifqigħat kbar tal-mard tal-annimali jistgħu spiss jirriżultaw f'diżlokazzjoni soċjali u problemi soċjali f'zoni rurali,

E.

billi l-benesseri tal-annimali huwa fattur wieħed, iżda mhux l-uniku wieħed, li jikkontribwixxi għas-saħħa tal-annimali u huwa ġġustifikat għal raġunijiet etiċi, soċjali, morali u ekonomiċi, u jrid ikun ibbażat fuq sisien xjentifiċi sodi,

F.

billi l-kummerċ kulma jmur qed isir aktar globalizzat u l-kummerċ tal-prodotti tal-annimali qed jiżdied, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll b'mod internazzjonali,

G.

billi hemm bżonn ta' koperazzjoni koordinata dwar kwistjonijiet tas-saħħa tal-annimali fuq il-livell Ewropew u fuq dak globali,

H.

billi l-effikaċja ta' azzjoni fuq is-saħħa tal-annimali tiddependi mhux biss mill-miżuri amministrattivi meħuda iżda wkoll mill-koperazzjoni infurmata u b'impenn bejn il-partijiet interessati kollha,

I.

billi l-aħjar mezz biex issir il-ġlieda kontra l-mard tal-annimali huwa billi ssir il-prevenzjoni ħalli l-anqas biss jibda, skond il-prinċipju li ’l-prevenzjoni hija aqwa mill-kura’ u l-prinċipju li “t-tilqim huwa aqwa mill-qtil bla bżonn tal-annimali”,

J.

billi m'hemm l-ebda differenza bejn il-kwalità tal-prodotti li ġejjin minn annimali mlaqqma (b'emerġenza) u l-kwalità tal-prodotti li ġejjin minn annimali li m'humiex imlaqqma, iżda s-swieq ta' ġo l-UE u barra minnha jistgħu ma jaċċettawx prodotti li ġejjin minn annimali mlaqqma (b'emerġenza) u l-bdiewa li jrabbu l-bhejjem u operatori oħra jeħtieġu garanziji suffiċjenti li s-swieq ikunu lesti biex jilqgħu dawk il-prodotti mingħajr tnaqqis fil-prezzijiet,

K.

billi aktar fruntieri miftuħa u d-domanda globali akbar għall-ikel, il-kummerċ globali, il-mobilità globali ta' persuni, it-tisħin globali u l-kummerċ illegali jwasslu għal żieda fir-riskji għas-saħħa tal-annimali,

1.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-iżvilupp ta' approċċ strateġiku għall-politika tal-UE għas-saħħa tal-annimali u jappoġġja l-għanijiet, l-objettivi u l-prinċipji ġenerali mfissra fil-Komunikazzjoni dwar is-Saħħa tal-Annimali, li se jħallu lill-UE ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta' prevenzjoni li għandha kif ukoll issaħħaħ it-tħejjija tagħha quddiem it-tifqigħ ta' mard epiżotiku ġdid;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta pjan ta'azzjoni, kif previst fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Strateġija għas-Saħħa tal-Annimali;

3.

Jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għall-fatt li hija ħaġa impossibbli li wieħed ikun konformi mal-limitu ta' żmien tal-2007-2013 stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar Strateġija għas-Saħħa tal-Annimali minħabba li d-diskussjonijiet marbuta mal-Komunikazzjoni għadhom għaddejjin u l-leġiżlazzjoni bażika meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha mhix se titlesta qabel l-2010 mill-inqas;

4.

Jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm ambizzjoni akbar u li jkun hemm previżjoni għal medda ta' żmien fit-tul min-naħa tal-Kummissjoni meta tkun qed tressaq il-proposti leġiżlattivi tagħha, li se jippermetti li jinsiltu benefiċċji minn diskussjonijiet oħra li jaffettwaw ir-riżorsi baġitarji u l-prijoritajiet politiċi tal-UE;

5.

Japprova x-xewqa li ġiet espressa biex l-istrateġija/il-politika l-ġdida tinbena fuq qafas legali waħdieni għas-saħħa tal-annimali fl-UE li jqis kif xieraq l-istandards u l-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE);

6.

Jisħaq fuq il-fatt li l-bdiewa, dawk li jrabbu l-annimali u s-sidien għandhom parti essenzjali fl-immoniterjar, fis-sostenn u fil-promozzjoni tas-saħħa tal-annimali tal-irziezet, u fil-prevenzjoni u l-osservazzjoni tal-mard;

7.

Jenfasizza l-importanza tal-irwol li għandu jkollhom il-professjoni veterinarja u l-professjoni tat-trobbija tal-annimali tal-irziezet, li għandhom ikunu fuq quddiemnett fl-iżvilupp u t-twassil ta' servizzi speċjalizzati u proattivi bħal m'hu l-ippjanar tas-saħħa tal-annimali; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kopertura veterinarja ta' ċerti zoni rurali fl-UE;

8.

Jenfasizza, barra minn hekk, is-sehem tal-bnedmin fit-tixrid tal-mard tal-annimali bħala riżultat taż-żieda fiċ-ċaqliq;

9.

Jaqbel mal-objettiv tal-istrateġija dwar is-saħħa tal-annimali ta' iktar investiment f'miżuri ta' prevenzjoni u f'sistema ta' kontroll, biex b'hekk tonqos il-possibilità li jfaqqa' l-mard; jaqbel mal-prinċipju li “l-prevenzjoni hija aqwa mill-kura”;

10.

Jissottolinja l-fatt li m'hemm l-ebda differenza bejn prodotti ġejjin minn annimali mlaqqma u prodotti ġejjin minn annimali mhux imlaqqma;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-prodotti li ġejjin minn annimali mlaqqma (tilqim ta' ħarsien) jkunu jistgħu jiġu kkummerċjati fl-UE;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw l-aċċettazzjoni ta' prodotti minn annimali mlaqqma f'livell internazzjonali;

13.

Jiddikjara ruħu favur il-viżjoni u l-għan imfissra fil-Komunikazzjoni dwar Strateġija għas-Saħħa tal-Annimali, li skond din il-viżjoni u dan il-għan il-“konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati” kif ukoll l-’impenn sod favur standards għoljin għas-saħħa tal-annimali’ se jgħinu kemm fl-iffissar ta' prijoritajiet konsistenti mal-għanijiet strateġiċi kif ukoll fir-reviżjoni ta' x'jikkostitwixxi standards aċċettabbli u xierqa;

14.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fil-Komunikazzjoni dwar Strateġija għas-Saħħa tal-Annimali hemm ir-rikonoxximent tar-relazzjoni kruċjali li teżisti bejn is-saħħa tal-annimali u l-benesseri tagħhom, u jistenna li jara li ż-żewġ kwistjonijiet ikunu marbuta flimkien fil-politika li ġejja;

15.

Jistenna b'interess ir-riżultat tal-proġett preparatorju dwar il-postijiet ta' waqfa għall-annimali u dwar is-sejbiet ta' stħarriġ li se jkopru l-ħtiġijiet u l-mezzi neċessarji sabiex titjieb is-saħħa tal-annimali waqt it-trasport u waqt li jkunu f'postijiet ta' kontroll;

16.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-istrateġija tkopri s-saħħa tal-annimali kollha fl-UE sabiex annimali domestiċi (pets) maħruba, li m'humiex imsemmija espressament, ukoll huma koperti jekk ikun hemm ir-riskju li huma jistgħu jgħaddu l-mard lil annimali oħra jew lill-bnedmin;

17.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħsieb tal-Kummissjoni li tadotta strateġija ta' komunikazzjoni dwar ir-riskju, immaniġġjata mill-partijiet interessati u mill-konsumaturi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għalkemm il-produzzjoni tal-Ewropa ta' bhejjem tat-trobbija hija aktar sikura minn qatt qabel u suġġetta għal spezzjonijiet rigorużi, il-mod kif il-pubbliku jara dan is-settur m'hu sodisfaċenti xejn, ħaġa li, fil-każ ta' xi kriżijiet riċenti, diġà ħoloq problemi għas-suq minħabba li ntilfet il-fiduċja;

18.

Japprova l-popolazzjoni mmirata identifikata u indirizzata fil-Komunikazzjoni dwar Strateġija għas-Saħħa tal-Annimali: is-sidien tal-annimali, membri tal-professjoni veterinarja, in-negozji tal-katina tal-ikel, l-industriji tas-saħħa tal-annimali, il-gruppi ta' pressjoni favur l-annimali, ir-riċerkaturi u l-għalliema, il-korpi ta' regolamentazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-isport u rikreattivi, il-faċilitajiet edukattivi, il-konsumaturi, il-vjaġġaturi, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet tal-UE, u jqis li hu meħtieġ li jiġu inklużi repreżentanti tal-professjoni ta' inġinerija tal-annimali tal-irziezet.

19.

Jinnota li l-istrateġija dwar is-saħħa tal-annimali għandha tkopri wkoll l-attivitajiet tal-biċċeriji, l-impriżi tal-ġarr tal-annimali u l-manifatturi u l-fornituri tal-għalf tal-annimali, filwaqt li titqies il-ħtieġa għal simplifikazzjoni amministrattiva;

20.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istrateġija għas-saħħa tal-annimali bl-approċċ preventiv tagħha għandha tiżviluppa l-miżuri legali u finanzjarji meħtieġa kemm biex timmoniterja l-annimali domestiċi (pets) u l-annimali li jiġru mat-toroq kif ukoll biex tevita t-tixrid ta' mard żoonotiku u ta' problemi tas-saħħa tal-annimali; b'mod partikulari, l-istrateġija għandha tinkludi programmi ta' tilqim u miżuri oħra preventivi f'rabta mal-mard mgħoddi minn klieb u qtates li jiġru fit-toroq speċjalment fejn fil-preżent l-ebda tilqima ma hija possibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistudja l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali possibbli tat-tixrid ta' mard żoonotiku u miċ-ċaqliq tan-nies u l-annimali domestiċi (pets) tagħhom;

21.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istrateġija proposta tista' tipproduċi riżultati pożittivi jekk jiġu stabbiliti arranġamenti ċari u trasparenti għall-finanzjament tal-miżuri individwali, ħaġa li l-Komunikazzjoni dwar Strateġija għas-Saħħa tal-Annimali ma tagħmilx; jikkritika lill-Kummissjoni talli fil-Komunikazzjoni fuq imsemmija ma tagħmel l-ebda referenza għall-ħtiġijiet ta' finanzjament għall-politika tagħha;

22.

Jissottolinja, bil-għan li jiżgura kundizzjonijiet indaqs, il-ħtieġa li jkun iċċarat l-irwol tal-UE, tal-Istati Membri u tas-settur agrikolu fil-finanzjament ta' miżuri għas-saħħa tal-annimali bħal m'huma l-iżgurar tas-sikurezza bijoloġika fl-irziezet, programmi ta' tilqim, riċerka xjentifika u standards aktar għolja ta' benesseri tal-bhejjem, u jistieden lill-Kummissjoni biex iċċara dawk il-kwistjonijiet fl-istrateġija tagħha għas-saħħa tal-annimali;

23.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-politika komuni dwar is-saħħa tal-annimali hija waħda mill-politiki l-aktar integrati tal-UE u li l-parti l-kbira tal-finanzjament tagħha għandu jkun kopert mill-baġit tal-Komunità, li m'għandux jipprekludi r-responsabilità finanzjarja tal-Istati Membri u tal-bdiewa;

24.

Jagħraf il-fatt li, madankollu, is-swieq ġewwa u barra mill-UE mhux dejjem huma lesti li jimpurtaw laħam li jkun imlaqqam u mħares; jisħaq fuq il-fatt li l-bdiewa li jrabbu l-bhejjem u operaturi oħra tas-suq jeħtieġu garanziji li huma jkunu jistgħu jbiegħu il-prodotti tagħhom mingħajr tnaqqis fil-prezzijiet; iqis din il-ħaġa bħala kwistjoni kruċjali li l-Komunità trid issolvi malajr sabiex tiggarantixxi l-moviment ħieles tal-oġġetti;

25.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li f'għadd ta' setturi tat-trobbija tal-bhejjem hemm il-problema dejjem akbar tar-reżistenza batterjoloġika għall-antibijotiċi, ħaġa li tista' twassal ukoll għal problemi fir-rigward tas-saħħa pubblika; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta analiżi rigward din il-problema, fejn ikun meħtieġ, akkumpanjata minn proposti fl-ambitu tal-qafas tal-istrateġija għas-saħħa tal-annimali;

26.

Jesprimi bil-qawwa kemm m'huwiex sodisfatt minħabba l-indikazzjonijiet li miżuri individwali se jkunu ffinanzjati minn fondi eżistenti u jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefendi t-tisħiħ tal-possibilitajiet tal-fond veterinarju preżenti, filwaqt li tħejji l-argumenti tagħha għad-diskussjonijiet tal-baġit li se jitniegħdu fl-2009;

27.

Jiġbed l-attenzjoni lejn kemm hu importanti li l-miżuri għas-saħħa tal-annimali jkunu kkoordinati madwar l-UE kollha u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti sehem aktar attiv fil-koordinazzjoni milli tat s'issa;

28.

Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-riskji dejjem akbar li hemm għas-saħħa tal-annimali bħala konsegwenza taż-żieda fil-mobilità globali, id-domanda għall-ikel li qed dejjem tikber, iż-żieda fil-kummerċ internazzjonali u l-bidla fil-klima; u jissottolinja l-ħtieġa ta' strateġija adegwata ta' tilqim ta' emerġenza kemm għall-mard eżistenti u kemm għall-mard li qed jitfaċċa;

1. Il-prijoritizzazzjoni tal-intervent tal-UE

29.

Jirrikonoxxi l-importanza kruċjali li jkun jsiru l-profil u kategorizzazzjoni tar-riskju, inkluż li jiġi stabbilit livell aċċettabbli tar-riskju għall-Komunità kif ukoll il-prijorità relattiva għal azzjoni biex jitnaqqas ir-riskju; jemmen li għandhom isiru sforzi biex jiġu definiti b'mod ċar is-sitwazzjonijiet li fihom ir-riskju ta' mard jogħla u jaqbeż il-livell aċċettabbli, u kif ukoll il-konsegwenzi relattivi;

30.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-densitajiet għolja ta' stokkjar f'sistemi ta' biedja intensiva jistgħu jgħollu r-riskju tat-tixrid tal-mard u jxekklu l-kontroll tal-mard fejn ikunu ikun hemm miżuri inadegwati għall-kontroll tal-mard; u li l-istess jista' jiġri f'sistemi oħra ta' biedja jekk il-miżuri għall-kontroll tal-mard ma jkunux implimentati tajjeb;

31.

Jiġbed l-attenzjoni, f'dak li hu l-kontroll ta' mard epidemiknu, lejn l-importanza tad-distanza bejn l-irziezet;

32.

Jagħraf il-fatt li l-UE għandha stabbiliti regolamenti stretti dwar il-ġarr tal-annimali, li jissodisfaw il-ħtieġa ta' standards għolja ta' benesseri tal-annimali u l-ħtieġa ta' miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard; iħeġġeġ li dawk l-istandards għoljin ikunu implimentati b'mod sħiħ mill-Istati Membri kollha; jemmen li l-istandards għandhom ikunu ssodisfati minn pajjiżi li jkunu qed jesportaw prodotti tal-annimali lejn l-UE sabiex jiġu promossi u żgurati standards għolja ta' benesseri u ta' saħħa tal-annimali globalment; Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-riskji li potenzjalment jitgħollew li huma involuti fil-ġarr ta' annimali ħajjin fuq distanzi twal, ħaġa li kapaċi xxerred il-mard u li xxekkel il-miżuri tal-kontroll tal-mard fejn ikun hemm miżuri inadegwati għall-prevenzjoni tal-mard; għalhekk huwa tal-opinjoni li r-regoli sanitarji u tal-benesseri tal-annimali li jikkonċernaw it-trasport ta' annimali ħajjin għandhom jkunu kkontrollati b'intensità u ristretti jekk jinħass il-bżonn; jappella għall-introduzzjoni bla intoppi tas-sistema elettronika integrata Ewropea għar-reġistrazzjoni tal-annimali, inkluż l-ittraċċar tat-trakkijiet permezz tan-navigazzjoni satellitari (GPS); jemmen li l-kwalità tat-trasport hija importanti aktar mit-tul tat-trasport stess għall-benesseri tal-annimali;

33.

Jemmen li jinħtieġ ukoll li jitqies il-fatt li l-globalizzazzjoni, il-bidla fil-klima u ċ-ċaqliq tan-nies huma fatturi li jiffavorixxu t-tixrid tal-mard tal-annimali, ħaġa li tagħmilha aktar diffiċli li l-mard ikun ikkontrollat;

34.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' strateġija ta' komunikazzjoni koerenti fir-rigward tal-istrateġija l-ġdida għas-saħħa tal-annimali, li għandha tinvolvi kooperazzjoni mill-qrib fost l-organizzazzjonijiet kollha tal-partijiet interessati fil-livell tal-UE, f'dak nazzjonali kif ukoll f'dak lokali;

Pilastru 2 — Il-qafas legali tal-UE

35.

Huwa tal-fehma li l-qafas legali tal-UE dwar is-saħħa tal-annimali huwa kkumplikat frammentat u jeħtieġ li jkun issimplifikat; huwa tal-fehma li r-regoli fundamentali li jirregolaw l-azzjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali, fejn possibbli, għandhom jiġu stipulati f'att leġiżlattiv wieħed;

36.

Barra minn hekk, jenfasizza li s-sostituzzjoni tas-sett attwali ta' miżuri ta' politika inter-relatati u inter-dipendenti b'qafas legali wieħed li jqis b'mod partikulari r-rakkomandazjonijiet, l-istandards u l-linji gwida tal-OIE u tal-Codex Alimentarus tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa/Organizzazzjoni għall-Ikel u l-Biedja (il-“Codex”) għandha tkun pjattaforma ċentrali tal-istrateġija, mingħajr ma tkun qed tinjora r-regoli Ewropej bħal m'huma t-trasparenza u l-involviment tal-partijiet interessati kollha, filwaqt li tkun qed tevita kull deterjorament fl-istatus tas-saħħa fl-UE;;

37.

Jaqbel li hemm bżonn li jiġi żgurat li r-regoli nazzjonali u reġjonali mhux ġustifikati dwar is-saħħa tal-annimali ma jikkostitwixxux ostaklu għall-funzjonament tas-suq intern, u, b'mod partikulari, li r-riżorsi użati bħala reazzjoni għal meta jfaqqa' l-mard ikunu proporzjonali għat-theddida li tkun qed tiġi ffaċċjata u li ma jintużawx għal skopijiet mhux ġustifikati ta' diskriminazzjoni kummerċjali, speċjalment fir-rigward ta' prodotti ġejjin minn annimali mlaqqma;

38.

Huwa tal-fehma li l-qafas leġiżlattiv tal-UE għandu jistipula b'mod ċar, u b'modadegwatament flessibbli, l-obbligi tas-sidien tal-annimali, inklużi l-annimali li jinżammu għal skopijiet mhux kummerċjali, f'sitwazzjonijiet ta' riskju, b'tali mod li dan ma jwassalx għal tilwim u kunflitti mhux ġustifikati; jemmen li l-kontroll tal-mard fost l-annimali selvaġġi ukoll huwa element sinjifikanti tal-istrateġija preventiva;

39.

Jaqbel mal-konklużjonijiet tal-istudju ta' qabel l-attwazzjoni tal-25 ta' Lulju 2006 dwar l-għażliet li hemm għal skemi armonizzati ta' qsim ta' spejjeż għal mard epidemiku tal-bhejjem tat-trobbija, immexxija mill-Konsulenza Ċivika (Civic Consulting) (fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Politika Komunitarja dwar is-Saħħa tal-Annimali (CAHP) 1995-2004 u alternattivi għall-ġejjieni, imħejjija f'isem il-Kummissjoni u bħala parti mill-proġett pilota dwar l-iffinanzjar ta' mard tal-annimali li jittieħed, mniedi mill-Parlament fil-baġit tal-2004), li urew il-ħtieġa li s-sistemi tal-qsim tal-ispejjeż stabbiliti mill-Istati Membri jkunu armonizzati; jinnota, barra minn hekk, li peress li l-qsim tal-ispejjeż imur id f'id mal-qsim tar-responsabilità, sistemi bħal dawn jirrekjiedu s-sehem sħiħ u l-impenn kollu tal-partijiet kollha inklużi dawk li huma sidien ta' annimali, u li għandhom jiddaħħlu mekkaniżmi ġodda biex il-partijiet interessati jkunu involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta' politika sinjifikanti;

40.

Jagħraf il-ħtieġa li jkun irrivedut l-istrument preżenti tal-kofinanzjament, sabiex ikun possibbli li jkun żgurat li dawk kollha li għandhom parti jassumu r-responsabilitajiet tagħhom u jieħdu sehem fis-sejbien u l-qierda tal-mard, u sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-bdiewa fl-Istati Membri differenti; jitlob li ssir kategorizzazzjoni tal-mard tal-annimali fil-qafas ta' arrangamenti ta' kofinanzjament fil-futur fuq il-bażi tan-natura tal-miżuri ta' ġlied kontra l-mard li għandhom jiġu applikati, tar-riskji għas-saħħa pubblika u ta' effetti esterni oħra; jinnota li fondi ta' kumpens għas-sidien tal-bhejjem li jkunu msejsa fuq sistema ta' riżerva jsaħħu r-responsabilità kemm dik individwali u kemm dik komuni;

41.

Jaqbel għal kollox mal-fehma li s-sistema ta' kumpens m'għandhiex tkun ristretta għall-għoti ta' kumpens lil sidien ta' bhejjem li jkunu nqatlu apposta b'reazzjoni għat-tifqigħ tal-mard, imma għandha tkun magħquda flimkien mal-inċentivi għall-prevenzjoni tar-riskju imsejsa it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet għall-fondi nazzjonali jew reġjonali tas-saħħa tal-annimali minn bdiewa li jieħdu miżuri iżjed għat-tnaqqis tar-riskju u l-promozzjoni tal-użu tat-tilqim (ta' emerġenza) minflok azzjoni drastika ta' qirda, li jkun juri għarfien li dan ikun jikkostitwixxi garanziji ta' dħul għas-sid tal-bhejjem tat-trobbija mlaqqma (b'emerġenza); huwa tal-fehma li l-istess prinċipju għandu japplika wkoll għall-Istati Membri, bħala inċentiv biex jitnaqqsu l-livelli tar-riskju;

42.

Jirrikonoxxi, meta titqies it-tensjoni fis-sitwazzjoni tas-suq dinji tal-għalf tal-annimali, li l-bdiewa Ewropej jeħtieġu, apparti l-ħut mitħun, b'mod urġenti, għalf bi kwantità għolja ta' sustanzi, mingħajr perikli, mimli proteini u bi prezz aċċessibbli; jenfasizza, fl-istess ħin, l-importanza tal-applikazzjoni koerenti tal-prinċipju ta' prevenzjoni fil-każ tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-proteini mill-annimali fl-ikel tal-annimali, bl-eċċezzjoni tal-annimali li jixtarru, u għalhekk fil-katina tal-ikel, b'rispett lejn il-motto tal-istrateġija ġdida għas-saħħa tal-annimali: “il-prevenzjoni hija aqwa mill-kura”; jiġbed l-attenzjoni, għalhekk, lejn il-bżonn ta' sforzi akbar għall-introduzzjoni ta' mekkaniżmi effiċjenti ta' kontroll u ta' sorveljanza fir-rigward tat-tneħħija tal-fatturi patoġeni kollha fil-produzzjoni kif ukoll għall-garanzija li jiġu rintraċċjati u evitati l-kontaminazzjoni u t-taħlit ta' tipi differenti ta' sustanzi mitħuna li ġejjin mill-annimali fl-għalf impurtat jew prodott fl-Istati Membri;

43.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi komparattiva tas-sistemi ta' kumpens li jeżistu fl-Istati Membri u fuq il-bażi ta' dik l-analiżi tfassal mudell ta' qafas għall-UE kollha; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex toħloq qafas legali għal skema effiċjenti ta' qsim ta' spejjeż fl-Istati Membri sabiex ikun żgurat li l-ispejjeż diretti maħsuba għall-qirda ta' marda tal-annimali ukoll ikunu kofinanzjati mis-settur;

44.

Juri l-ħtieġa ta' kontribuzzjoni Komunitarja sostanzjali fir-rigward ta' dawk il-mardiet ewlenin, sabiex ikunu żgurati trattament u opportunitajiet indaqs fejn dawn ma jkunux jistgħu jiġu akkwistati jew milħuqa mir-riżorsi tal-pajjiżi u tal-produtturi kkonċernati;

45.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni biex tippreżenta rapport li jispjega l-possibilitajiet għal sistema effettiva ta' garanziji finanzjarji għall-operaturi tan-negozju tal-għalf;

46.

Jaqbel li għandu jsir provvediment fil-qafas legali tal-UE għall-appoġġ għall-possibilità li jiġi kopert telf indirett li ma jirriżultax minn miżuri għall-qerda tal-mard biss; jinnota li t-telf indirett, f'xi każijiet, jista' jkun iktar serju mit-telf dirett u li għalhekk għandu jsir provvediment għall-kumpens ta' dak it-telf; għalhekk, jesprimi l-appoġġ tiegħu biex issir aktar riċerka dwar l-istabbiliment ta' strumenti ta' assigurazzjoni mill-bdiewa li jrabbu l-bhejjem u biex il-Komunità tappoġġja dan l-istabbiliment ta' strumenti; jinnota, madankollu, li assigurazzjoni privata tista' tkun strument aktar effettiv biex tittratta telfiet bħal dawn f'ċerti każi;

47.

Jisħaq fuq il-fattl li l-leġiżlazzjoni tal-UE diġà hija bbażata b'mod sinjifikanti fuq il-konformità mal-istandards tal-OIE/Codex u li hemm raġunijiet tajbin għaliex wieħed għandu jagħmel ħiltu kollha biex ikun konformi ma' dawn l-istandards u għaliex l-UE għandha tippromwovi l-istandards tagħha stess dwar is-saħħa tal-annimali bil-għan li jiġu adottati fuq livell internazzjonali; għalhekk, bil-għan li titqawwa s-saħħa tal-UE fl-innegozjar fi ħdan l-OIE, jappoġġja possibilità ta' sħubija tal-UE fl-OIE; barra minn hekk, jisħaq fuq kemm hu importanti li jkun salvagwardjat il-kontribut tal-partijiet interessati fil-livell tal-OIE/Codex;

48.

Iħeġġeġ lill-UE biex tiddefendi l-istandards għoljin tagħha tas-saħħa u l-benesseri tal-annimali f'livell internazzjonali fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, sabiex iżżid l-istandards tas-saħħa u l-benesseri tal-annimali globalment; jagħraf li l-produtturi tal-UE jiffaċċjaw spejjeż akbar minħabba l-istandards tal-UE ogħla li hemm stabbiliti u jagħraf li huma għandhom ikunu mħarsa minn prodotti tal-annimali importati li l-produzzjoni tagħhom tkun suġġetta għal standards aktar baxxi;

49.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-passi proposti lejn strateġija tal-esportazzjoni fuq livell Komunitarju u jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tagħmel kull sforz biex ittejjeb l-aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi u biex tneħħi x-xkiel għall-esportazzjoni;

Pilastru 3 — Il-prevenzjoni tat-theddid, is-sorveljanza u t-tħejjija għall-kriżijiet relatati mal-annimali

50.

Jiġbed l-attenzjoni għat-titjib tal-livell tal-bijosigurtà tal-impriżi u sabiex l-operaturi kollha jitħeġġu jgħollu l-istandards, filwaqt li jirrikonoxxi l-fatt li l-mard li jittieħed jista' jfaqqa' kemm f'farms żgħar kif ukoll kbar, f'impriżi fejn l-annimali jinżammu għall-pjaċir, fiż-żoos, fir-riservi naturali, fil-biċċeriji u waqt it-trasport u t-tranżitu tal-annimali; iqis li miżuri bħall-iżolament ta' annimali ġodda li jinġabu fl-irziezet, l-iżolamnet ta' annimali morda u r-regolamentazzjoni taċ-ċaqliq tan-nies jista' jkollhom impatt ewlieni fir-restrizzjoni tat-tixrid tal-mard;

51.

Jiġbed l-attenzjoni għall-punt li l-fatt li l-annimali jinżammu fil-miftuħ huwa karatteristika speċifika ta' diversi sistemi ta' produzzjoni u din il-prattika għadha partikularment spissa f'ċerti reġjuni u għal ċerti speċijiet; jagħraf li dik il-prattika hija appoġġjata mill-pubbliku u permezz ta' fondi pubbliċi; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-prattika jista' jkun li tikkontradixxi l-għandijiet tal-bijosigurtà; huwa tal-fehma li l-bdiewa għandhom jirċievu appoġġ mis-soċjetà meta jkunu qed jassiguraw kontra riskji ogħla għas-saħħa tal-annimali marbuta ma' dawn it-tipi ta' trobbija tal-bhejjem, u li l-objettivi politiċi fl-oqsma tas-saħħa tal-annimali u tal-ħarsien tal-annimali għandhom jiġu allinjati bejniethom;

52.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-taħriġ għall-maniġers tal-irziezet u għall-istaff li jaħdem f'razzett hu kruċjali għall-benesseri tal-annimali u għas-saħħa tal-annimali; għalhekk, huwa favur li jiġu appoġġjati t-taħriġ u aktar miżuri għat-taħriġ;

53.

Jistenna' l-għarfien ta' sistemi ta'mmaniġġjar ta' kwalità għall-kategorizzazzjoni tar-riskju assoċjat ma' tipi differenti ta' sistemi ta' produzzjoni; jinsab konvint li sistemi tat-trobbija tal-bhejjem li huma ppreferuti mill-konsumaturi u li jippreżentaw ċerti problemi fir-rigward tal-bijosigurtà (trobbija tal-annimali fil-miftuħ) jistgħu jsiru aktar sikuri permezz ta' mmaniġġjar xieraq;

54.

Jemmen li l-ittraċċar tal-prodotti, fuq il-bażi ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni, huwa importanti b'mod partikulari fl-immoniterjar tas-saħħa tal-annimali u l-prevenzjoni tal-mard u fis-sikurezza tal-ikel; f'dan ir-rigward, jappoġġja azzjoni li tkopri l-identifikazzjoni obbligatorja elettronika u ġenetika bbażata fuq id-DNA tal-annimali u r-reġistrazzjoni obbligatorja tal-annimali fil-livell tal-UE u l-introduzzjoni ta' sistema komprensiva u sikura għall-monitoraġġ tal-moviment tal-annimali, iżda jiġbed l-attenzjoni lejn l-ispejjeż li tinvolvi sistema bħal din, b'mod partikulari għal irziezet li jaħdmu bi struttura ta' razzett li ma tkunx ekonomikament favorevoli; jistieden lill-Kummissjoni biex tgħin lill-bdiewa jkampaw mal-ispejjeż għolja li jsiru permezz tal-akkwist tat-tagħmir meħtieġ, billi toħloq il-possibilità li l-Istati Membri jinkorporaw miżuri bħal dawn fi ħdan il-programmi tagħhom ta' żvilupp rurali;

55.

Jiġbed l-attenzjoni lejn id-differenzi kbar li jeżistu fost l-Istati Membri fl-ammont ta' frat meqruda bħala riżultat tan-nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-UE dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni; jistenna l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni ta' dawn id-differenzi fi ħdan l-UE;

56.

Jaqbel mal-fehma li bijosigurtà konfinali aħjar hija partikularment importanti minħabba l-fatt li l-UE hija l-ikbar importatur dinji tal-ikel, inklużi l-prodotti tal-annimali; jidhirlu li, minħabba r-riskju li jiddaħħlu fl-UE annimali li jkunu jġorru infezzjoni jew li jkunu morda, l-ispezzjonijiet veterinarji u sanitarji fuq il-fruntieri tal-UE jridu jsiru partikularment bir-reqqa u b'mod strett u m'għandhomx ikunu limitati biss għall-ispezzjoni ta' dokumenti, imma għandhom jagħmluha possibbli wkoll li jiġi aċċertat jekk l-annimali jkunux ġew imrobbija skond l-istandards tal-benesseri tal-annimali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE;

57.

Jisħaq fuq l-importanza tal-ispezzjonijiet tas-saħħa tal-annimali fi ħdan pajjiżi terzi u jitlob li jkun hemm żieda fir-riżorsi finanzjarji tal-Uffiċċju tal-Ikel u Veterinarju tal-Kummissjoni;

58.

Huwa tal-fehma li l-kontrolli veterinarji u doganali fuq il-fruntieri tal-UE għandhom ikunu partikularment rigorużi bil-għan li tiġi evitata l-importazzjoni illegali jew it-traffikar tal-annimali u tal-prodotti tal-annimali, minħabba r-riskju mill-akbar tat-tixrid ta' mard li tali importazzjoni u traffikar iġibu magħhom; f'dan ir-rigward, jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li tiġi fornuta assistenza organizzattiva, ta' taħriġ u finanz- jarja għas-servizzi veterinarji fuq il-fruntieri esterni tal-UE, inklużi fuq il-fruntieri marittimi tagħha, b'mod partikulari fl-Istati Membri l-ġodda, f'pajjiżi terzi ġirien tal-UE, u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; aktar minn hekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex ifasslu pjanijiet ta' komunikazzjoni xierqa sabiex jinfurmaw liċ-ċittadini bir-riskji marbuta mal-importazzjoni privata tal-annimali u tal-prodotti tal-annimali;

59.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu mekkaniżmi biex ikun żgurat koordinament aħjar bejn is-servizzi tad-dwana, is-servizzi veterinarji u l-operaturi tal-ivvjaġġar, bil-għan li tkun imħaffa l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi;

60.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tqawwi b'mod sinjifikanti l-kooperazzjoni tagħha ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw billi tipprovdilhom għajnuna teknika min-naħa l-waħda biex tgħinhom jissodisfaw l-istandards sanitarji tal-UE u min-naħa l-oħra biex tnaqqas ir-riskju li l-mard tal-annimali jixtered minn dawk il-pajjiżi għal ġo l-UE; jemmen li fil-kooperazzjoni veterinarja ma' pajjiżi terzi għandha tingħata prijorità lill-pajjiżi li jmissu mal-fruntieri tal-UE;

61.

Jenfasizza l-importanza tas-sorveljanza veterinarja f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u l-prevenzjoni tagħhom, fir-rigward tal-provvediment ta' twissija bikrija u s-sejbien fil-pront ta' theddid relatat mal-annimali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-Kuntest, biex teżamina l-possibilità li tiddaħħal sistema ta' verifika tal-irziezet għall-irziezet li m'humiex inviżtati regolarment minn professjonisti veterinarji;

62.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-operaturi ekonomiċi, il-membri tal-professjoni veterinarja u l-assistenti tagħhom, il-korpi tal-kontroll u awtoritajiet kompetenti oħra jingħataw taħriġ effettiv biex ikunu jistgħu jsibu theddidiet marbuta mal-annimali fil-pront, li jsir aġġornament tal-istandards minimi tal-UE dwar it-taħriġ veterinarju u li jkun hemm appoġġ għal taħriġ bħal dan fil-livell tal-UE, flimkien ma' miżuri biex tkun żgurata l-implimentazzjoni ta' dawk l-istandards u li jsir l-allinjament, malajr kemm jista' jkun, tal-programmi tal-iskejjel u tal-universitajiet f'dan il-qasam; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li sistema Ewropea ta' akkreditazzjoni ta' skejjel veterinarji tkun tista' tgħin biex jintlaħaq l-objettiv ta' edukazzjoni veterinarja ta' livell għoli;

63.

Jappoġġja bil-qawwa azzjoni biex jiżdied l-użu tat-tilqim ta' emerġenza (kemm dak għat-trażżin u kemm dak protettiv), li għandu jirriżulta fi prevenzjoni u restrizzjoni tat-tixrid tal-mard iktar effettivi bħala parti minn operazzjonijiet għall-qerda tal-mard; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-introduzzjoni ta' sistema effettiva ta' tilqim titlob garanziji ta' dħul għas-sidien tal-annimali mlaqqma li jistgħu jiffaċċjaw problemi biex ibiegħu prodotti minn annimali mlaqqma u l-forniment ta' appoġġ finanzjarju xieraq sabiex ikun inkuraġġit l-użu ta' tali sistema u sabiex jiġi żgurat li l-prodotti minn annimali mlaqqma ma jkunux suġġetti għal xi restrizzjoni; barra minn hekk, iqisha ħaġa essenzjali li l-banek tal-UE għat-tilqim jiġu mwessgħa; jidhirlu wkoll li jinħtieġ li jiġu applikati l-miżuri kollha li jistgħu jgħinu biex jitnaqqas il-għadd ta' bhejjem b'saħħithom li jinqatlu u jintremew, bħal m'huma testijiet biex jingħataw provi li l-bhejjem huma ħielsa mill-patoġeni u b'hekk issir possibbli l-qatla normali;

64.

Jappoġġja l-iżvilupp ta' strateġiji ta' tilqim għall-ispeċijiet u t-tipi ta' mard relevanti kollha;

65.

Jistieden lill-Kumissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li l-prodotti li ġejjin minn bhejjem imlaqqma jiċċirkulaw mingħajr diskriminazzjoni, prattika li n-nuqqas tagħha, s'issa, żamm lura ħafna l-użu tat-tilqim bħala għodda fil-ġlieda kontra t-tixrid tal-mard tal-annimali li jittieħed; għalhekk, jitlob, inter alia, li ssir projbizzjoni fuq it-tikkettar għall-konsumatur ta' prodotti ġejjin minn annimali mlaqqma, li jkun hemm strateġiji ta' komunikazzjoni pubblika effettivi rigward il-fatt li l-prodotti li ġejjin minn annimali mlaqqma ma jagħmlu l-ebda ħsara u li jiġu konklużi konvenzjonijiet bejn il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-operaturi tal-bejgħ bl-imnut u tal-kummerċ dwar iċ-ċirkulazzjoni ħielsa ta' prodotti ġejjin minn annimali mlaqqma;

66.

Huwa tal-fehma li, fir-rigward ta' azzjoni bħala reazzjoni għat-theddida ta' kriżi, huwa essenzjali li tiġi żgurata d-disponibilità ta' għarfien speċjalizzat u ta' mezzi benevolenti għat-twettiq ta' kull qtil meħtieġ tal-annimali li jiffrankawlhom it-tbatija bla bżonn, fl-għarfien tal-fatt li huma ħlejjaq ħajjin u senzjenti;

67.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-mediċini veterinarji u t-tilqim tal-annimali huma element tas-saħħa tal-annimali, u għalhekk ir-responsabilità fi ħdan il-Kummissjoni għandha tkun organizzata mill-ġdid kif jixraq;

Pilastru 4 — Ix-xjenza, l-innovazzjoni u r-riċerka.

68.

Jenfasizza li r-riċerka xjentifika għandha rwol essenzjali fis-sistemi tas-saħħa tal-annimali, peress li tippermetti li jsiru avvanzi, b'mod partikulari fl-immoniterjar tad-djanjożi u l-kontroll tal-mard tal-annimali, l-analiżi tar-riskju, l-iżvilupp ta' tilqim u ta' testijiet u ta' metodi effiċjenti ta' kura, li għandhom ikunu bbażati fuq għarfien xjentifiku; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-emenda li għamel il-Parlament fil-baġit tal-UE tal-2008, fejn żied l-approprjazzjonijiet għall-iżvilupp ta' tilqim (ta' sinjal) u ta' metodi ta' ttestjar; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu effettiv ta' dawk l-approprjazzjonijiet miżjuda;

69.

Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li ssir aktar riċerka xjentifika ddettaljata dwar l-impatt tal-għalf fuq is-saħħa tal-annimali u, b'mod indirett, fuq is-saħħa tal-bniedem;

70.

Jemmen li r-riċerka dwar is-saħħa u l-benesseri tal-annimali mmexxija taħt is-seba' programm ta' qafas u riċerka oħra mmexxija fuq livell nazzjonali u Ewropew jikkontribwixxu għal azzjoni iktar effettiva dwar is-saħħa tal-annimali;

71.

Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jiġi msaħħaħ in-netwerk tal-laboratorji ta' referenza Komunitarji u nazzjonali li jittrattaw il-mard tal-annimali, filwaqt li jenfasizza n-netwerks li diġà jeżistu, u jaqbel li għandhom jiġu applikati metodi ta' testijiet li jkunu xjentifikament uniformi, li jkunu “kompatibbli mal-kummerċ” (ivvalidati u aċċettati mill-OIE u mill-imsieħba ta' pajjiżi terzi);

72.

Jenfasizza kemm hu importanti li t-tagħrif xjentifiku dwar is-saħħa u l-benesseri tal-annimali jinġabar flimkien (pooling) u jinnota l-bżonn li jiġu żviluppati l-pjattaformi tal-informazzjoni ERA-NET u l-Pjattaforma Ewropea ta' Teknoloġija għas-Saħħa Dinjija tal-annimali; jissuġġerixxi li l-iżvantaġġi u l-iżvantaġġi ta' metodi dijanjostiċi li huma ġodda u aktar żviluppati, bħal ma hi r-Reazzjoni Katina Polymerase, iridu jkunu kkomunikati aħjar u jridu jintużaw għall-ġid tal-annimali u tal-bnedmin, bil-għan li jkun hemm kemm il-ħarsien tal-annimali kif ukoll il-provvista ta' ikel sikur għall-bnedmin madwar id-dinja kollha, b'mod speċjali fl-Istati Membri aktar ġodda;

73.

Jisħaq fuq kemm hi importanti l-komunikazzjoni mal-konsumaturi sabiex ikun żgurat li huma jifhmu l-mezzi li bihom jixxerred il-mard tal-annimali u l-impatt enormi tagħhom fuq, u b'hekk is-sinjifikat tagħhom, għall-forniment ta' ikel sikur;

74.

Jemmen bil-qawwa li l-ikklonjar tal-bhejjem għal għanijiet ekonomiċi għandu jkun ipprojbit;

75.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-istandards Ewropej jistgħu jiddgħajfu minħabba importazzjoni minn pajjiżi terzi fejn il-bdiewa tagħhom ma jiffaċċjawx l-istess obbligi fir-rigward tas-saħħa u l-benesseri tal-annimali; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga modi kif tista' tilqa' kontra kompetizzjoni bħal din minn pajjiżi terzi, inkluż billi tikkunsidra miżuri ta' importazzjoni, kif ukoll billi tqajjem din il-kwistjoni biex isir dibattitu dwarha fil-fora relevanti tad-WTO;

76.

Iqis li d-dewmien biex jittieħdu miżuri li jiżguraw li l-importazzjonijiet ta' ċanga mill-Brażil ikunu ġejjin biss minn baqar li huma ħielsa mill-marda tal-ilsien u d-dwiefer qed joħloq ir-riskju li tiddgħajjef il-fiduċja tal-pubbliku fir-reġim tas-saħħa tal-annimali tal-UE;

77.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-eżitu tan-negozjati tad-WTO ma jdgħajjifx il-kapaċità tal-bdiewa Ewropej milli jżommu u jsaħħu l-istandards tas-saħħa u l-benesseri tal-annimali; jidhirlu li l-possibilità li prodotti impurtati jkunu suġġetti għall-istess rekwiżiti bħall-prodotti Ewropej hija fattur ewlieni biex jiġi żgurat li n-negozjati jkollhom riżultat ibbilanċjat;

78.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-bajd ikun indikat bħala prodott sensittiv bħala riżultat tan-negozjati tad-WTO ħalli jiġi mħares il-progress li sar fis-saħħa u l-benesseri tal-annimali f'dak il-qasam tal-biedja;

79.

Jinsab imħasseb minħabba l-evidenza dejjem akbar li qed turi li hemm rabtiet bejn, fuq naħa, il-kummerċ internazzjonali ta' għasafar ħajjin u ta' prodotti tat-tjur u, fuq l-oħra, l-iżvilupp u t-tixrid ta' mard bħal ma hi l-influwenza tat-tjur; jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga din l-evidenza u tressaq proposti ta' politika adatti kif meħtieġ;

80.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrispetta l-impenji tad-WTO fir-rigward ta' miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS) imma jqis li dan m'għandux iħalli barra l-possibilità — speċifikament ammissibbli taħt il-Ftehima tal-WTO dwar l-Applikazzjoni ta' Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji — li jiġu introdotti miżuri li jwasslu għal standards ta' ħarsien ogħla fejn dan ikun ġustifikat xjentifikament b'mod suffiċjenti; barra minn hekk, jidhirlu li hu importanti li tiġi inkoraġġita l-adozzjoni ta' tali miżuri f' livell internazzjonali sabiex tkun żgurata l-konverġenza li timxi 'l fuq;

81.

Jemmen li l-ġenerazzjoni l-ġdida ta' Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles mal-Indja, il-Korea u l-pajjiżi tal-Ażja tax-Xlokk għandha tinkludi kapitlu bilanċjat dwar il-miżuri tal-SPS u l-benesseri tal-annimali;

82.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tintegra s-saħħa u l-benesseri tal-annimali fil-programmi ta' żvilupp kollha tagħha, ħalli tkun konsistenti mal-approċċ intern u testendi l-benefiċċji ta' dawk il-politiki lejn il-pajjiżi msieħba;

83.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi protokolli veterinarji ma' swieq ta' esportazzjoni potenzjali, bħal ma hi ċ-Ċina.

*

* *

84.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.