19.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 279/5


Il-kummerċ ta' materja prima u ta' prodotti bażiċi

P6_TA(2008)0209

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Mejju 2008 dwar il-kummerċ ta' materja prima u ta' prodotti bażiċi (2008/2051(INI))

(2009/C 279 E/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-3 ta' Settembru 2002 dwar il-kummerċ u l-iżvilupp għall-qerda tal-faqar (1), tat-30 ta' Jannar 2003 dwar il-ġuħ fid-dinja u t-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ mal-ifqar pajjiżi (2), tal-10 ta' April 2003 dwar il-kriżi fis-suq internazzjonali tal-kafè (3), tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kummerċ u l-faqar: it-tfassil tal-politika tal-kummerċ biex jiġi mmassimizzat il-kontribut tal-kummerċ biex jittaffa l-faqar (4), tal-15 ta' Frar 2007 dwar l-impatt makroekonomiku taż-żieda fil-prezz tal-enerġija, tat-22 ta' Mejju 2007 dwar l-Ewropa Globali — l-aspetti esterni tal-kompetittività (5), tat-23 ta' Mejju 2007 dwar l-għajnuna tal-UE għall-kummerċ (6). (Aid for Trade) (7) u tad-29 ta' Novembru 2007 dwar il-kummerċ u l-bidla fil-klima (8),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tat-8 ta' Settembru 2000, li tistabbilixxi l-Għanijiet Ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) bħala kriterji mwaqqfa flimkien mill-komunità internazzjonali għall-qerda tal-faqar, kif ukoll ir-reviżjoni u l-aġġornament tagħha fil-Laqgħa Għolja Dinjija tan-NU tal-2005 li sar bejn l-14 u s-16 ta' Settembru 2005,

wara li kkunsidra r-rapporti tat-tliet gruppi ta' hidma tal-Bord tal-Esperti Intergovernattivi dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC) bit-titolu, “Il-Bidla fil-Klima 2007: Il-Bażi tax-Xjenza Fiżika”, “Il-Bidla fil-Klima 2007: Impatti, Adattazzjoni u Vulnerabilità” u “Il-Bidla fil-Klima 2007: Il-Mitigazzjoni tal-Bidla fil-Klima”, ippubblikati lkoll fl-2007,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu Katini ta' Prodotti Bazici Agrikoli, Dipendenza u Faqar — Proposta ghal Pjan ta' Azzjoni tal-UE (COM(2004)0089),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat għar-Reġjuni bl-isem “Ewropa Globali: Kompetizzjoni dinjija — Kontribut lill-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi” (COM(2006)0567) u “Ewropa Globali: Sħubija aktar b'saħħitha biex jingħata aċċess għas-suq lil esportaturi Ewropej” (COM(2007)0183),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bl-isem ta' “dwar il-Kompetittività tal-Industriji tal-Metall — Kontribut lill-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi” (COM(2008)0108),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Programm ta' Azzjoni adottat fil-15 ta' Settembru 1995 mir-Raba' Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) bit-titolu “Livestock's Long Shadow”, ippubblikat fl-2006,

wara li kkunsidra l-ħidma tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) u l-Ftehim u d-Dikjarazzjoni ta' Accra li ġew konklużi fil-25 ta' April 2008 waqt it-XII-il Konferenza tal-UNCTAD f'Accra, il-Ghana,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Strateġija Tematika għall-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali”, ippubblikata fil-21 ta' Diċembru 2005 (COM(2005)0670),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Laqgħa Għolja tal-G8 dwar “it-tkabbir u r-responsabilià fl-ekonomija dinjija” ffirmata f'Heiligendamm fis-7 ta' Ġunju 2007, partikularment il-kapitolu tagħha dwar ’ir-Responsabilità għall-materja prima: tkabbir trasparenti u sostenibbli’ li skond dan il-kapitolu“swieq ħielsa, trasparenti u miftuħa huma fundamentali għat-tkabbir globali, għall-istabbilità u għall-iżvilupp sostenibbli”,

wara li kkunsidra r-Raba' Rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kompetittività, l-Enerġija u l-Ambjent tal-11 ta' Ġunju 2007 li jappoġġja l-iżvilupp ta' politika dwar il-materja prima, mibnija fuq suq globali ħieles, ġust u li jitħaddem tajjeb għall-materja prima billi tintuża politika ta' kummerċ, partikularment ftehim internazzjonali multilaterali u bilaterali, sabiex ikun żgurat li l-UE u l-pajjiżi terzi jappoġġjaw swieq miftuħa u mhux imxekkla,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0134/2008),

A.

billi l-materja prima u l-prodotti bażiċi, il-metall, il-minerali u l-prodotti tal-enerġija li huma dħul fil-proċess industrijali, kemm jekk proċessati, mhux proċessati jew permezz ta' riċiklaġġ ta' prodotti bħall-iskrapp,

B.

billi mill-2002 l-indiċi tal-prezzijiet għall-prodotti bażiċi li mhumiex fjuwils għola b'159 %, il-prezzijiet tal-metalli u tal-minerali għolew b'285 % u l-prezzijiet tal-materja prima agrikola għolew b'133 %,

C.

billi l-ekonomija tal-UE tiddependi b'mod konsiderevoli fuq l-importazzjoni ta' materja prima minn pajjiż terzi u l-aċċess għal materja prima għandu rwol kruċjali fl-assigurazzoni talkompetittività tal-UE,

D.

billi ż-żieda riċenti fil-prezz tal-materja prima wassal għal nuqqas ta' tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea u dan jhedded il-kompetittività tal-UE,

E.

billi fil-futur hija mistennija żieda fit-talba dinjija għall-materja prima; billi din iż-żieda se tkun kaġun ta' tkabbir ekonomiku f'ekonomiji li qed jiżivluppaw,

F.

billi fil-passat, il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-materja prima u tal-prodotti bażiċi, fuq tul ta' żmien qasir, wrew volatilità estrema u biż-żmien marru għall-agħar u għaddew minn fażijiet ta' produzzjoni żejda segwiti minn perjodi ta' nuqqas,,

G.

billi ż-żidiet riċenti fis-swieq internazzjonali m'għandhomx jaħbu l-fatt li l-prezzijiet tal-materja prima u tal-prodotti bażiċi, meta jitqabblu ma' dawk tal-prodotti manifatturati, issa ilhom juru tendenza ta' roħs,

H.

billi din iż-żieda fil-prezzijiet — speċjalment meta tkun riżultat ta' raġunijiet industrijali min-naħa ta' ekonomiji li qed jiżviluppaw — offriet sfidi ta' kompetittività lill-industrija tal-manifattura tal-UE u qajjmet kwistjonijiet fuq żmien aktar twil relatati mas-sigurtà u l-forniment ta' materja prima,

I.

billi l-esportazzjoni ta' prodotti bażiċi tifforma mill-inqas 50 % tal-qligħ kollu mill-esportazzjoni ta' 95 mill-141 pajiż li qegħdin jiżviluppaw,

J.

billi l-Unjoni Ewropea hija kompetitur ewlieni fil-kummerċ internazzjonali tal-materja prima u l-prodotti bażiċi, l-aktar bħala importatur nett tal-materja prima,

K.

billi l-Unjoni Ewropea, minħabba l-karatteristiċi tal-bażi industrijali Ewropea, hija dipendenti ħafna fuq l-importazzjoni tal-materja prima sabiex tkun kompetittiva u għall-iżvilupp ekonomiku tagħha,

L.

billi hemm ħafna eżempji ta' politiki u miżuri introdotti minn pajjiżi terzi, kif ukoll tendenza lejn il-ħolqien ta' ostakli għall-aċċess ħieles u ġust tal-materja prima f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, li għandhom l-effett li jillimitaw l-aċċess tal-industriji tal-UE għall-materja prima u l-prodotti bażiċi,

M.

billi t-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni għandu rwol importanti fl-inkoraġġar ta' forniment sostenibbli ta' materja prima,

N.

billi s-sistemi STABEX, SYSMIN u FLEX jirriflettu l-isforzi mgħoddija u attwali min-naħa tal-Unjoni Ewropea biex tgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li jkunu effettwati mill-instabilità tal-prezzijiet u tad-dħul,

O.

billi ż-żieda fil-prezzijiet riċenti tal-materja prima u l-prodotti bażiċi fis-swieq internazzjonali ġejja miż-żieda kbira fid-domanda min-naħa tal-ekonomiji l-ġodda bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil, mit-tibdil fix-xejriet meteoroloġiċi, minn uħud mill-prattiċi restrittivi min-naħa tal-pajjiżi li jesportaw u miż-żieda kbira tal-fjuwils agrikoli fis-suq kif ukoll tal-ispekulazzjoni fis-suq tal-produzzjoni tal-bhejjem,

P.

billi l-maġġoranza kbira tal-fqar fid-dinja huma nisa li sikwit jiddependu mix-xiri, mill-produzzjoni u t-trasformazzjoni tal-materja prima u l-prodotti bażiċi biex jgħixu u biex jaqalgħu l-għajxien tagħhom,

Q.

billi l-komunità internazzjonali ddikjarat il-ħtiega li jsir sforz internazzjonali biex jinqered il-faqar bis-saħħa ta' għanijiet konkreti stabbiliti fl-MDGs li għandhom jitwettqu qabel l-2015; billi għandha tingħata attenzjoni xierqa għall-importanza kbira tal-kwistjonijiet dwar il-prodotti bażiċi għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw,

R.

billi l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi naturali jista' jnaqqas il-faqar u jrawwem it-tkabbir ekonomiku jekk tiġi promossa tmexxija tajba; billi tmexxija dgħajjfa f'pajjiżi għonja bir-riżorsi naturali jista' wkoll jirriżulta f'faqar, korruzzjoni u kuflitt,

S.

billi l-preservazzjoni tal-bijodiversità u d-disponibilità ta' art kultivata huma elementi essenzjali għall-futur ta' kwalunkwe ekonomija fid-dinja; billi kwalunkwe forma ta' estrazzjoni ta' materji primi, għandha tikkunsidra dawn l-elementi essenzjali,

T.

billi l-bidla fil-klima qiegħda sseħħ u hija parzjalment ikkawżata mill-attività tal-bniedem; billi l-estrazzjoni, il-produzzjoni u t-trasformazzjoni tal-materja prima u tal-prodotti bażiċi jfissru emissjonijiet sinifikanti ta' gassijiet bl-effett ta' serra; billi l-industrija tal-UE qed tiffaċċja restrizzjonijiet li dejjem qed jiżdiedu bl-iskop li tindirizza din il-kwistjoni b'dannu għall-kompetittività tagħha,

U.

billi l-Unjoni Ewropea bħalissa ma tipprovdix għal strateġija koerenti biex tiffaċċja l-isfidi għall-kompetittività tal-ekonomija tagħha minħabba kompetizzjoni imtejba fl-aċċess għall-materja prima,

1.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-imsieħba kummerċjali tal-UE biex jindirizzaw serjament, fin-negozjati kollha dwar ftehimiet kummerċjali, l-elementi ewlenin tal-bidla fil-klima biex titnaqqas drastikament l-estrazzjoni u l-isfruttar tar-riżorsi naturali u biex titrawwem l-espansjoni ta' teknoloġiji li jiffrankaw l-enerġija, li jiġġeneraw enerġija li tiġġedded u li huma effiċjenti fir-riżorsi;

Fornitura sigura ta' materja prima għall-UE u aċċess assigurat għal materja prima fis-swieq tad-dinja

2.

Jirrikonoxxi li l-aċċess għall-materja prima u għall-prodotti bażiċi huwa vitali għall-ekonomija tal-UE, minħabba n-nuqqas ta' forniment domestiku ta' bosta materja prima;

3.

Jinnota, bi tħassib, il-prospetti ta' aktar domanda għal materja prima fis-swieq dinjin; jinsab imħasseb dwar il-limiti tal-kapaċità ta' esplorazzjoni fil-futur qarib; jinnota l-involviment limitat tal-kumpaniji Ewropej fl-esplorazzjoni ta' materja prima f'pajjiżi terzi;

4.

Jinsab imħasseb dwar it-tendenza ta' restrizzjoni għall-aċċess liberu ta' materja prima f'pajjiżi terzi permezz ta' miżuri li jxekklu, madankollu jirrikonoxxi d-dritt ta' pajjiżi terzi li jirrestrinġu l-aċċess għall-materja prima tagħhom għal skopijiet ambjentali jew, meta meħtieġ, biex jindirizzaw nuqqasijiet kritiċi ta' forniment; dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat flimkien ma' miżuri domestiċi oħra;

5.

Jinsab imħasseb dwar dawk l-attivitajiet ta' investiment li għandhom l-iskop li jkun hemm aċċess aħjar għal materja prima, li mhix konformi mal-istandards ta' kompetizzjoni ġusta u ħielsa u lanqas mal-prinċipji ta' tmexxija tajba u sostenibilità;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp f'teknoloġiji għar-riċiklaġġ ta' materja prima u l-użu effiċjenti u ekonomiku ta' materja prima; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħtu aktar importanza lil dan l-objettiv fl-attivitajiet tagħhom ta' riċerka;

7.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tindirizza l-kwistjoni ta' aċċess ħieles u ġust għas-swieq tal-materja prima fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjina tal-Kummerċ (WTO); jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi b'mod attiv l-objettiv ta' eliminazzjoni multilaterali ta' miżuri li jxekklu l-kummerċ fis-settur tal-materja prima, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ r-restrizzjonijiet imsejsa fuq motivazzjonijiet ta' żvilupp għall-pajjiż l-anqas żviluppati (LDCs);

8.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja aċċess ħieles u bla diskriminazzjoni għal aċċess għal teknoloġiji li jiffrankaw l-enerġija, teknoloġiji ta' enerġiji li jiġġeddu u li huma effiċjenti fir-riżorsi fin-negozjati bilaterali rigward ftehim dwar kummerċ ħieles jew sħubija fid-WTO; jistabbilixxi l-objettiv li jiġu abbandunati kwalunkwe miżuri li jxekklu l-kummerċ li jwasslu għal żieda fl-użu u l-konsum tal-materja prima bħala objettiv importanti f'kull ftehim possibbli, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ l-għanijiet ta' żvilupp;

9.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi l-kwistjoni tal-materja prima fl-istrateġija tal-aċċessgħas-swieq; jilqaħ l-konsultazzjoni dwar il-forniment ta' materja prima; jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal strateġija koerenti dwar il-forniment ta' materja prima; ifakkar li l-Parlament għandu ikun involut fil-fażijiet kollha ta' dawn l-attivitajiet,

Sforzi sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u partikularment l-LCDs jieħdu benefiċċju mil-materja prima

10.

Jiddispjaċih li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, u partikularment l-LDCs, ġew ristretti għall-produzzjoni u l-esportazzjoni ta' materja prima u prodotti bażiċi li l-prezzijiet volatili tagħhom kienu qed jonqsu fuq tul ta' żmien twil, u dan huwa impediment serju biex jittaffa l-faqar, kif ukoll it-twettiq tal-MDGs, imma jirrikonoxxi li ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi ikkontibwixxew għal titjib sinifikandi fil-kontijiet esterni ta' wħud mill-pajjiżi li qed jiżiviluppaw, li jiddependu fuq il-prodotti bażiċi; jenfasizza l-opportunitajiet li għandhom il-pajjiżi li jipproduċu, li qiegħdin fl-awtoesplorazzjoni u mmaniġġjar ta' depożiti ta' materja prima meta jiġu rrispettati r-regoli fundamentali ta' trasparenza u kompetizzjoni ġusta;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tfittex li jkun hemm tneħħija effettiva tal-kawżi tat-tfixkil billi tqajjem dawn il-kwistjonijiet f'konsultazzjonijiet u negozjati bilaterali u tippromwovi l-iżvilupp ta' regoli ġodda tad-WTO fuq livell multilaterali;

12.

Jappoġġja l-isforzi attwali li qed isiru fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u b'mod partikulari fl-LCDs, sabiex ikunu diversifikati l-ekonomiji tagħhom u jiġu żviluppati attivitajiet ekonomiċi fi stadji aktar avvanzti tal-proċess ta' produzzjoni, sabiex ikun inkluż ukoll l-ipproċessar u l-marketing u t-titjib tal-kwalità, tal-produttività u tal-produzzjoni ta' prodotti bi grad ogħla ta' valur miżjud; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp u d-diversifikazzjoni tal-prodott bażiku bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp meta meħtieġ;

13.

Jikkunsidra li t-twaqqif ta' oqsfa ekonomiċi reġjonali u aktar koperazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi li qed jiżiviluppaw huwa ta' importanza kbira għall-iżvilupp eknomiku sostenibbli ta' dawk il-pajjiżi; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza ta' kummerċ bejn in-Nofsinhar għall-iżvilupp ekonomiku ta' dawk il-pajjiżi;

14.

Jikkunsidra li fuq tul ta' żmien, għandha titrawwem il-koperazzjoni ekonomika u kummerċjali reġjonali, u dan jista' jwassal għal ftehim ta' kummerċ ħieles; fl-istess ħin jinnota li f'kuntesti reġjonali differenti, il-ftehim ta' kummerċ ħieles jiffaċċja diffikultajiet; jikkunsidra li l-ftehim tal-EuroMed dwar il-kummerċ ħieles għandu jkun prijorità minħabba l-importanza tal-kummerċ fil-materja prima f'dan ir-reġjun;

15.

Jinkoraggixxi lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u b'mod partikulari lill-LCDs biex iġibu l-investiment meħtieġ u jikkonsolidaw id-diversifikazzjoni ekonomika permezz ta' infrastruttura msaħħa u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet istituzzjonali, billi jippromwovu tmexxija tajba fl-immaniġġjar tal-iżvilupp ekonomiku, kif ukoll biex iħaffu l-aċċess u t-tqassim ta' prodotti mill-produtturi ż-żgħar għas-swieq lokali, li jsaħħu wkoll l-integrazzjoni reġjonali u l-ekonomija fil-kobor, filwaqt li jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-Għajnuna għall-Kummerċ (Aid for Trade) bħala għodda importanti għall-iżvilupp, kif ukoll biex issaħħaħ il-mekkaniżmi eżistenti għat-trasferiment tat-teknologija, l-aktar bhala mezz għall-kontroll tal-bidla fil-klima; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi t-trasparenza tad-dħul mill-materja prima permezz ta' programmi bħall-proċess tal-Inizjattiva ta' Trasparenza fl-Industriji tal-Estrazzjoni (EITI);

16.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-kumpaniji tal-UE biex jippromwovu u jinvestu fit-trasferiment ta' teknoloġiji li jirrispettaw l-ambjent;

17.

Iqis li l-effett tal-Aġenda tal-Iżvilupp ta' Doha għandu jiżgura li jkun hemm impenji ġusti, ibbilanċjati, ekwi u li jkunu miftuħa għas-swieq kollha tal-materja prima;

18.

Jirrikonoxxi li l-eżitu tan-negozjati tal-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha għandha tnaqqas b'mod sinifikanti ż-żieda fit-tariffi; jinnota li l-Unjoni Ewropea diġà neħħiet bil-mod it-tariffi tagħha fuq il-prodotti agrikoli mill-LDCs (permezz tal-inizjattiva Kollox barra l-Armi) u minn ħafna pajjiżi tal-ACP (permezz ta' Ftehim ta' Sħubija Ekonomika) u jappoġġja l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' regoli rigward prodotti speċjali u mekkaniżmi effettivi ta' salvagwardja għas-sostenibilità tas-swieq u tal-produzzjoni tagħhom;

19.

Jitlob lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll lis-imsieħba internazzjonali, fosthom l-ekonomiji l-ġodda, biex jirratifikaw l-istandards ewlenin tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) kif ukoll il-linji ta' gwida rilevanti tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), speċjalment f'dak li jirrigwarda l-esplorazzjoni u l-irfinar ta' materja prima; jemmen li l-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-parlamenti nazzjonali huwa kruċjali biex jinkiseb żvilupp ambjentali u soċjoekonomiku sostenibbli;

20.

Jirrikonoxxi li l-ispekulazzjoni għandha sehem importanti fl-iffissar tal-prezzijiet tal-materja prima u l-prodotti bażiċi bil-konsegwenza ta' volatilità akbar;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex timplimenta strateġija komprensiva u bbilanċjata fil-qasam tal-aċċess għall-materja prima billi tikkunsidra l-interessi tal-industrija tal-UE u tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-iskema finanzjarja kompensatorja tagħha (FLEX) biex tiżgura li tkun reattiva u effettiva fl-appoġġ tagħha għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u b'mod partikulari l-LDCs; jemmen li hemm il-ħtieġa li jittieħdu miżuri rilevanti fuq il-livell nazzjonali sabiex tiġi appoġġjata l-ħidma tal-UNCTAD;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiġbor data u tiġġenera statistika dwar il-kummerċ internazzjonali fil-materja prima u fil-prodotti bażiċi li jsir f'termini reali; jemmen li hemm il-ħtieġa ta' stampa ċara tal-flussi fil-kummerċ globali tal-prodotti bażiċi u tal-materja prima, mhux biss kif iffalsifikati minn transazzjonijiet purament spekulativi sabiex il-miżuri ta' politika ekonomika jkun milħuqa aħjar;

24.

Jirrikonoxxi li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tal-prodotti agrikoli tal-ikel u ta' prodotti bażiċi agrikoli primarji espona lill-bdiewa ż-żgħar fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u partikularment fl-LDCs, għal bosta sfidi ġodda. Billi bosta minnhom huma nisa, dan jista' jkollu effett negattiv sproporzjonat fuqhom jekk ma jirnexxilhomx ilaħħqu ma' kompetizzjoni esterna;

25.

Jisħaq fuq in-natura fundamentali tad-dritt għall-ikel u fuq il-ħtieġa li jitjieb l-aċċess għan-nies kollha l-ħin kollu għal ikel biżżejjed għal ħajja attiva u f'saħħitha;

26.

Jirrakkomanda bil-qawwa, għalhekk, li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa fl-Ewropa u fid-dinja sabiex ikunu żgurati prezzijiet moderati bħala soluzzjoni immedjata għall-kriżi tal-ikel; għal żmien itwal, jeħtieġ li tinħoloq regolamentazzjoni xierqa biex tindirizza aħjar l-attivitajiet spekulattivi; barra minn hekk, jirrakkomanda li ssir analiżi tas-setgħat u l-kompetenzi tal-entitajiet nazzjonali u internazzjonali ta' sorveljanza fil-qasam tal-prodotti bażiċi tal-ikel sabiex ikun żgurat li għall-ġejjieni jkun hemm garanzija ta' swieq stabbli u sikuri, u sabiex l-ispekulazzjoni ma tiksirx id-dritt għall-ikel;

27.

Jilqa' t-twaqqif tat-task force b'setgħat qawwija tan-NU sabiex tindirizza l-kriżi attwali tal-ikel u l-impatt tagħha fuq il-faqar. Iħeġġeġ lill-mexxejja dinjin biex jieħdu sehem fil-Konferenza ta' Livell Għoli dwar is-Sigurtà Dinjija tal-Ikel li se ssir f'Ruma bejn it-3 u l-5 ta' Ġunju 2008;

28.

Jagħti l-appoġġ tiegħu lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jiżguraw li l-popolazzjonijiet lokali jkollhom aċċess għall-ikel; jemmen li l-ispazju għal politika vijabbli għandu jkompli jissaħħaħ biex isiru regoli u miżuri nazzjonali għall-iżvilupp ta' dan is-settur, kif ukoll biex jgħin lil dawk in-nisa li jkollhom ir-responsabilità ewlenija li jitimgħu l-familji tagħhom u l-komunitajiet lokali;

29.

Jirrikonoxxi li ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli tal-ikel u tal-prodotti bażiċi jista' jkollha effetti negattivi fuq is-sigurtà tal-ikel u fuq l-aċċess għall-ikel fih innifsu fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, bir-riskju tal-ġuħ, tan-nuqqas ta' ikel u ta' rvellijiet fost l-ifqar nies tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jitlob b'urġenza li tiżdied l-għajnuna umanitarja biex tittaffa l-kriżi tal-ikel li qiegħda thedded il-ħajja ta' mitt miljun ruħ;

30.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li ftehim ta' kummerċ multilaterali, reġjonali u bilaterali ffirmati mill-Unjoni Ewropea jkun konformi mal-għan tal-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa sabiex tiżgura l-integrazzjoni tal-Evalwazzjonijiet tal-Impatt Sostenibbli fl-iżvilupp tal-politika tal-kummerċ tal-UE, b'mod partikulari mill-perspettiva tal-klima, tal-ġeneru u tal-iżvilupp sostenibbli;

31.

Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li fl-2008 se tippreżenta Komunikazzjoni bil-għan li jittejjbu l-kundizzjonijiet ta' aċċess sostenibbli għall-minerali u għall-materja prima sekondarja fuq il-livell tal-UE u fuq il-livell internazzjonali;

32.

Jinnota ż-żieda fil-kritika rigward il-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali tal-produzzjoni tal-fjuwil agrikolu; jistieden lill-Kummissjoni biex tistimola r-riċerka u l-innovazzjoni dwar il-forniment sostenibbli ta' materja prima permezz ta' estrazzjoni u żvilupp effiċjenti ta' riżorsi, użu ta' materjali u rkupru meta dawn ma jibqgħux jintużaw;

33.

Jemmen li l-estrazzjoni, il-ġbir u l-produzzjoni ta' materja prima u ta' prodotti bażiċi għandhom isiru skond il-prinċipju ta' sostenibilità, li jirrispetta l-proċess naturali tal-ekosistemi, minflok jibdilhom;

34.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha sabiex tasal għal ftehim internazzjonali dwar ir-riżorsi li jqajmu kunflitt, li l-għan ewlieni tiegħu jkun li tipprojbixxi l-kummerċ kollu ta' riżorsi li jġib miegħu jew jirriżulta f'kunflitti armati, filwaqt li jinsisti fuq l-iżvilupp ta' regolament li jipprojbixxi l-kummerċ u l-kummerċjalizzazzjoni ta' riżorsi li jqajmu kunflitt fl-Unjoni Ewropea u jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha mdaħħla fil-kummerċ tad-djamanti biex jidħlu fl-iskema ta' ċertifikazzjoni Kimberley għall-kummerċ internazzjonali tad-djamanti mhux maħduma; jappella sabiex tiġi promossa t-trasparenza permezz tal-EITI u inizjattivi oħra;

35.

Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippromwovu l-Kummerċ Ġust u inizjattivi oħra ta' kummerċ li jkunu kkontrollati b'mod indipendenti, li jagħtu kontribut biex jgħollu l-istandards soċjali u ambjentali u jgħinu produtturi żgħar u marġinalizzati f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, filwaqt li jinkuraġġixxi l-awtoritajiet pubbliċi fl-Unjoni Ewropa biex jintegraw il-Kummerċ Ġust mal-kriterji ta' sostenibilità fil-politiki tagħhom dwar l-offerti pubbliċi u x-xiri;

36.

Jinsab imħasseb li proporzjon dejjem akbar tar-riżorsi tad-dinja huma użati għat-trobbija tal-bhejjem; ifakkar fir-rapport tal-FAO msemmi hawn fuq bit-titolu “Livestock's Long Shadow” ta' Novembru 2006, li jikkalkula li l-industrija tal-laħam u tat-trobbija tal-bhejjem jikkontribwixxu għal 18 % tat-total dinji tal-emissjonijiet ta' gassijiet bl-effett ta' serra, li wkoll iħaffu d-diforestazzjoni fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-azzjonijiet meħtieġa f'dan is-settur ukoll, sabiex jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' inċentivi biex tiġi evitata d-diforestazzjoni fi ħdan il-qafas tan-negozjati internazzjonali dwar il-klima;

37.

Jemmen li l-EITI, li l-għan tiegħu huwa li jsaħħaħ it-tmexxija billi jtejjeb it-trasparenza u r-responsabilità fis-setturi tal-estrazzjoni, għandu jiġi implimentat fid-dinja kollha, sabiex il-pajjiżi li qed jiżiviluppaw ikollhom opportunitajiet aħjar li jirċievu valur ekwivalenti għar-riżorsi naturali tagħhom;

38.

Jenfasizza li prezzijiet għolja taż-żejt iżidu l-ħtieġa li għal metodu urġenti u differenti fil-politika dwar l-eneriġija billi jimmira lejn l-effiċjenza tal-eneriġija u l-użu li qed jiżdied ta' għejun oħra ta' enerġija, ikluża l-enerġija li tiġġedded;

39.

Jirrealizza li l-bidla fil-klima se tolqot l-agħar lill-komunitajiet li diġà jħabbtu wiċċhom ma' problemi soċjali u ekonomiċi kbar; jifhem li n-nisa, b'mod speċjali, huma grupp vulnerabbli b'mod partikulari; jinkuraġġixxi l-isforzi biex jiġu adattati miżuri fuq il-livell lokali permezz tal-appoġġ internazzjonali finanzjarju u tekniku rilevanti;

40.

Jinsab imħasseb li ċ-Ċina ma tippermettix li kumpaniji barranin ikollhom sehem ta' maġġoranza f'setturi bħal dak tal-ħadid u introduċiet varjetà ta' mekkaniżmi li jillimitaw l-esportazzjoni ta' materja prima tal-metall jew li jipprovdu appoġġ għall-gvern fix-xiri tagħhom minn għejun barranin; jirrikonoxxi li prattiki bħal dawn joħolqu diffikultajiet serji għall-interessi tal-industrija tal-UE biex din l-industrija tirrispettal-objettivi dwar il-bidla fil-klima u l-esportazzjoni ta' teknoloġiji li jiffrankaw l-enerġija, ta' teknoloġiji ta' sorsi ta' enerġija li jiġġeddu u li huma effiċjenti fir-riżorsi u li dawn għandhom ikunu ffaċċjati permezz tal-iffaċilitar tat-trasferiment tat-teknoloġija kemm politikament u kemm finanzjarjament;;

41.

41 Jenfasizza li l-politika ġdida kummerċjali ta' wħud mill-pajjiżi emerġenti, speċjalment iċ-Ċina, li qed ifittxu għal materja prima madwar id-dinja, partikularment fl-Afrika, qed ikollha impatt negattiv kbir fuq is-sigurtà globali għall-aċċess għall-prodotti bażiċi; jenfasizza l-bżonn li jingħeleb l-approċċ attwali bbażat fuq relazzjonijiet bejn Stati individwali u li jittraskura r-referenzi għad-drittijiet tal-bniedem, ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji u l-istandards ambjentali u soċjali favur approċċ multilaterali bbażat fuq il-kriterji ta' suffiċjenza u sostenibilità tal-użu tar-riżorsi;

42.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni, imħabbra fil-Komunikazzjoni tagħha msemmijja hawn fuq dwar il-kompetitivita ta'l-Industriji tal-Metall, biex tkompli tuża l-istrumenti esterni kollha biex tindirizza prattiċi kummerċjali li jiksru l-ftehim ta' kummerċ internazzjonali;

*

* *

43.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti bħall-UNCTAD, id-WTO, il-Bank Dinji, lill-Fond Komuni għall-Prodotti Bażiċi (CFC) u lill-FAO.


(1)  ĠU C 272 E, 13.11.2003, p. 277.

(2)  ĠU C 39 E, 13.2.2004, p. 79.

(3)  ĠU C 64 E, 12.3.2004, p. 607.

(4)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 261.

(5)  ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 548.

(6)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 128

(7)  ĠU C 102E, 24.4.2008, p. 291.

(8)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0576.