19.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 279/1


L-evalwazzjoni tal-Programm PEACE u l-istrateġiji għall-ġejjieni

P6_TA(2008)0205

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Mejju 2008 dwar l-evalwazzjoni tal-Programm PEACE u l-istrateġiji għall-ġejjieni (2007/2150(INI))

(2009/C 279 E/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 158 tat-Trattat tal-KE,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali għall-Fondi Strutturali (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/93 tal-20 ta' Lulju 1993 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-ħidmiet tal-Fondi Strutturali u tal-effettività tagħhom u dwar il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji eżistenti l-oħra (2),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93 tal-20 ta' Lulju 1993 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 4253/88 li jistabbilixxi disposizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2052/88 dwar il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji eżistenti l-oħra (3),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 214/2000 tal-24 ta' Jannar 2000 dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (4),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/2002 tal-10 ta' Diċembru 2002 dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2003-2004) (5),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1105/2003 tas-26 ta' Mejju 2003 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1260/1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (6),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 173/2005 tal-24 ta' Jannar 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1260/1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali fir-rigward tal-estensjoni tad-dewmien tal-programm PEACE u l-għoti ta' approprjazzjonijiet ta' impenn ġodda (7),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 177/2005 tal-24 ta' Jannar 2005 dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2003-2006) (8),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1968/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007 — 2010) (9),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Grupp Ewropew ta' Koperazzjoni Territorjali (EGTC) (10),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titlu Programm Speċjali ta' Appoġġ għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq (COM(1994)0607),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titlu Rapport dwar il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 177/2005 (COM(2006)0563),

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru. 7/2000 dwar il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda u l-Programm Speċjali ta' Appoġġ għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq u fil-pajjiżi li jinsabu mal-fruntiera tal-Irlanda (mill-1995 sa l-1999), flimkien mat-tweġibiet tal-Kummissjoni (paragrafu 58) (11),

wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ pubbliku dwar l-evalwazzjoni tal-programm PEACE u l-istrateġiji għall-ġejjieni organizzat mill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Parlament Ewropew fl-20 ta' Novembru 2007,

wara li kkunsidra l-Forza tax-Xogħol (Task Force) għall-Irlanda ta' Fuq (TFNI), li nħolqot wara ż-żjara tas-Sur Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, f'Belfast f'Mejju 2007,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0133/2008),

A.

billi l-programmi PEACE I u II tal-UE, iffinanzjati skond ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1105/2003 u 173/2005, kellhom l-għan li jiżguraw il-paċi u jinkludu żewġ elementi prinċipali: it-teħid tal-opportunitajiet li jirriżultaw mill-paċi u l-indirizzar tal-konsegwenzi tal-konflitt u tal-vjolenza,

B.

billi l-parteċipazzjoni tal-UE fil-programmi PEACE kienet u għadha ta' valur pożittiv kbir u r-rabta tal-UE ma' proġetti ta' tkattir tal-paċi bħal dawn, apparti li tipprovdi strument finanzjarju, uriet ulterjorment l-importanza tal-UE bħala awtorità newtrali bl-għarfien espert u bil-viżjoni fit-tul meħtieġa għat-tfassil tal-programm,

C.

billi l-proċess ta' rikonċiljazzjoni jaħdem fuq bosta livelli, u billi għandu jkun inkoraġġut attivament iżda ma jistax ikun impostRikonċiljazzjoni wara Konflitt Vjolenti, International IDEA, 2003, Stokkolma (12),

D.

billi t-tkattir tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni huma fin-natura tagħhom stess prekarji iżda huma essenzjali biex ikunu megħluba l-problemi politiċi, ekonomiċi u soċjali fir-reġjun, u billi proġetti għat-tkattir tal-kunfidenza għandhom għalhekk jingħataw spazju għall-esperimentazzjoni u għall-innovazzjoni sabiex jingħataw bidu,

E.

billi l-kunflitt fit-Tramuntana tal-Irlanda ħoloq komunitajiet segregati, li wasslu għal qsim soċjali, ekonomiku u politiku kbir,

F.

billi l-kuntatt u t-tkattir tal-kunfidenza jistgħu jirriżultaw fil-bidla tal-opinjonijiet negattivi u billi t-trawwim ta' fehim reċiproku fost iż-żgħażagħ jgħin il-mexxejja ta' għada biex jifhmu l-istorja u l-kultura taż-żewġ komunitajiet,

G.

billi l-ħidma fi sħubija mal-komunitajiet lokali tista' tieħu aktar żmien ladarba tinvolvi aktar parteċipanti u proċeduri, għalkemm huwa evidenti li l-benefiċċji żejda miksuba huma essenzjali, ladarba d-delegazzjoni f'livell iktar baxx ta' ġestjoni u ż-żieda fil-livell ta' parteċipazzjoni tkabbar l-għarfien kemm tal-programm kif ukoll tal-UE,

H.

billi gruppi preċedentement marġinalizzati u nies milquta ħafna mill-konflitt u l-vjolenza ġew imħeġġa permezz tal-programmi PEACE biex jikkontribwixxu ħalli jkabbru l-paċi b'mod attiv; billi l-proġetti li jaqgħu taħt il-programmi PEACE qed jaqdu l-aktar partijiet marġinalizzati tas-soċjetà billi jiżviluppaw attivitajiet għal individwi u gruppi bħall-vittmi ta' konflitt, il-persuni anzjani u dawk vulnerabbli, il-persuni b'diżabilità, il-vittmi ta' vjolenza domestika, l-eks priġunieri u ż-żgħażagħ mingħajr impjieg (13),

I.

billi ħafna nies li ħadmu fuq proġetti għat-tkattir tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni wettqu din il-ħidma fuq bażi volontarja,

J.

billi huwa essenzjali li l-programmi għat-tkattir tal-paċi, b'mod partikulari dawk li jinvolvu gruppi komunitarji u volontarji, ikomplu jkunu appoġġjati finanzjarjament meta l-fondi tal-PEACE jaslu fit-tmiem,

K.

billi s-setturi tal-volontarjat u tal-komunità huma magħrufa għall-kisbiet tagħhom biex jikkonfrontaw id-dekadenza u d-depravazzjoni soċjali u huma f'qagħda tajba li jiżviluppaw u jipprovdu l-ewwel servizzi għal dawk l-aktar żvantaġġati fis-soċjetà, u billi n-nisa għandhom irwol pożittiv ħafna fit-tkabbir tal-paċi,

L.

billi l-programmi PEACE għenu fl-iżvilupp ta' proġetti ekonomiċi f'żoni ta' depravazzjoni billi ħolqu intrapriżi ġodda,

M.

billi ħafna inizjattivi komunitarji u volontarji ffinanzjati mill-PEACE II joperaw fuq bażi kontinwa u jipprovdu servizzi komunitarji essenzjali b'mod partikulari lill-gruppi marġinalizzati, u qed jistennew konferma dwar il-finanzjament sabiex ikunu jistgħu jkomplu jipprovdu dawn is-servizzi,

N.

billi wieħed mill-aspetti tal-iżvilupp ekonomiku li rriżulta mill-appoġġ mogħti fl-ambitu tal-programm PEACE, kien li wassal għal benefiċċju kemm f'żoni urbani kif ukoll f'dawk rurali,

O.

billi l-finanzjament taħt il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (l-IFI) huwa ta' sikwit komplementari u ż-żewġ programmi, l-IFI u l-PEACE, għamluha possibbli għall-proġetti li jilħqu stadju fejn seta' jkollhom aċċess għal finanzjament ieħor tal-UE, bħal pereżempju l-Interreg,

P.

billi bosta mill-azzjonijiet fis-sotto-programmi PEACE, fil-programmi tal-IFI u fl-inizjattiva Interreg, urew livell għoli ta' similarità u sa ċertu punt l-irduppjar tal-attivitajiet f'ċertu oqsma,

Q.

billi r-responsabilità tal-azzjonijiet u t-trasparenza, il-parteċipazzjoni, ir-rikonoxximent tal-interdipendenza tan-nies kollha, l-eliminazzjoni tal-inugwaljanza, il-promozzjoni tad-diversità u l-attenzjoni għall-gruppi vulnerabbli u l-opportunitajiet ugwali huma elementi importanti fit-tkattir tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni,

R.

billi r-rapport tal-Kummissarju Temporanju għall-Vittmi u s-Superstiti ddikjara, li l-gruppi ta' appoġġ għall-vittmi u għas-superstiti għandhom dipendenza fuq finanzjament ta' darba mill-PEACE, u sab nuqqas ta' ċarezza f'dak li jirrigwarda l-mod ta' kif il-proġetti għall-vittimi u s-superstiti se jitkomplew meta ma jkunx għad fadal flus mill-finanzjament tal-PEACE, u billi riċentement inħatru erba' kummissarji ġodda għall-vittmi mill-Prim Ministru u Deputat Prim Ministru tal-Irlanda ta' Fuq (14),

S.

billi l-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem huma parti integrali tat-tkattir tal-paċi u l-bini mill-ġdid ta' soċjetajiet ta' wara l-konflitt,

1.

Jenfasizza li l-għoti ta' setgħa fuq livell lokali hija parti essenzjali għat-tkattir tal-paċi u li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili ttejjeb it-tfassil tal-politika u l-mod li bih tkun iggvernata s-soċjetà;

2.

Jinnota li l-iżvilupp ta' bosta mekkaniżmi ta' implimentazzjoni flimkien mas-settur tal-volontarjat, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-awtoritajiet lokali pprovdew esperjenza mifruxa dwar il-ġestjoni tal-fondi tal-UE; jemmen li dan il-mekkaniżmu ta' dispożizzjoni bottom-up jista' jintuża fl-implimentazzjoni ta' programmi oħra ta' finanzjament;

3.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-kontribuzzjoni tal-programmi PEACE u l-IFI għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali; jinnota li ċentru imprenditorjali wieħed stabbilit, qabel l-implimentazzjoni tal-IFI, f'zona żvantaġġata, żviluppa bl-appoġġ tal-IFI u tal-kunsill distrettwali lokali, netwerk ta' 32 ċentru imprenditorjali, li għenu fit-tkattir tal-kunfidenza u t-tama fost dawk involuti;

4.

Jenfasizza li l-koperazzjoni bejn il-parteċipanti fi programmi ffinanzjati mill-PEACE u l-IFI ma għandhomx jiefqu meta l-programm jasal biex jintemm; jistieden lid-dipartimenti governattivi biex ikomplu din il-ħidma, li wriet li kienet effettiva, sabiex jiġi żgurat li jitkompla l-finanzjament ġenerali għal dan ix-xogħol imprezzabbli meta l-fondi tal-programm PEACE jiġu fit-tmiem;

5.

Jistieden b'mod speċjali lill-gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Irlanda biex jagħmlu arrangament għal iffinanzjar temporanju għal gruppi komunitarji u dawk volontarji, b'mod partikolari biex ikun hemm kontinwità bejn tmiem il-programmi ta' finanzjament tal-PEACE II u l-bidu tal-programmi ta' finanzjament għall-PEACE III;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet tar-Renju Unit u tal-Irlanda biex jagħmlu arranġament mal-Kummissarji għall-Vittmi u s-Superstiti bil-għan li jsibu mekkaniżmu kif il-gruppi ta' appoġġ għall-vittmi u s-superstiti jkomplu jirċievu għajnuna finanzjarja anki wara t-tmiem tal-finanzjament mill-PEACE;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni, fir-rigward tat-TNFI, biex terġa' tadottata l-istrateġija ta' ċittadinanza attiva, użata fil-programmi PEACE I u PEACE II, waqt l-istrutturar ta' inizjattivi fil-ġejjieni; ifakkar fl-importanza għall-istabilizzazzjoni tal-proċess ta' paċi li jkun hemm żvilupp reġjonali bbilanċjat inkluża attenzjoni għall-infrastruttura li hija sotto-żviluppata meta mqabbla ma' dik ta' reġjuni oħra fl-UE, u jistieden lit-TFNI biex tkun aktar pożittiva fl-appoġġ tagħha għat-titjib tal-infrastruttura;

8.

Jistieden għal żvilupp ulterjuri ta' xogħol transkonfinali, meta wieħed iqis li x-xogħol transkonfinali kien ċentrali għar-riġenerazzjoni ta' komunitajiet urbani u rurali fiz-zoni konfinali; iħeġġeġ l-iżvilupp ulterjuri tal-koperazzjoni bejn il-kmamar tal-kummerċ lokali u l-korpi tas-settur pubbliku kif ukoll bejn il-forums għas-setturi volontarji u s-setturi komunitarji fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera u l-organizzazzjonijiet volontarji li diġà joperaw fuq bażi transkonfinali;

9.

Jistieden lill-Gvern tal-Irlanda biex jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 immedjatament;

10.

Iħeġġeġ l-użu wiesa' tal-konsultazzjoni, kemm fuq skala kbira kif ukoll fuq skala żgħira u b'iffukar lokali, fi ħdan il-programmi ta' finanzjament u jenfasizza l-importanza li jkunu żgurati skemi li jippermettu l-approvazzjoni ta' għotjiet żgħar biex jiffinanzjaw xogħol li jkun meħtieġ f'qasir żmien u xogħol li r-riżultati tiegħu ma jistgħux ikunu kwantifikati faċilment kif ukoll skemi li jippermettu sostenibilità fit-tul u li jistgħu jkunu ta' kontribut għall-komunitajiet lokali;

11.

Jistieden sabiex ikun hemm tnaqqis fil-burokrazija biex ikun żgurat li proġetti żgħar ma jkunux mgħobbija żżejjed;

12.

Jirrikonoxxi li t-tkattir tal-paċi huwa proċess fuq medda twila ta' żmien u evoluzzjonarju u li żvilupp qawwi lejn il-paċi u r-rikonċiljazzjoni jieħu ż-żmien; jitlob għal perjodu ta' żmien akbar għal għotjiet individwali sabiex il-proġetti jkunu aktar inċiżivi; jirrikonoxxi li mhux biss inizjattivi ekonomiċi iżda anki inizjattivi kulturali u sportivi jistgħu jagħtu kontribuzzjoni sinifikanti għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni u għandhom għalhekk ikomplu jiġu promossi;

13.

Jinnota li s-settur tal-ekonomija soċjali huwa sotto-settur tas-setturi komunitarji u tal-volontarjat, li l-konsultazzjoni tagħhom hija importanti biex jiġu żviluppati strateġiji u zoni lokali; iqis li l-negozji lokali l-oħra jinfluwenzaw ukoll il-parteċipanti;

14.

Jenfasizza li l-iżvilupp f'zoni rurali jeħtieġ sinerġiji ikbar bejn l-iffinanzjar tal-iżvilupp agrikolu, rurali u dak reġjonali kif ukoll bejn il-konservazzjoni tan-natura, l-ekoturiżmu u l-produzzjoni u l-użu ta' enerġija li tiġġedded, minn dak li kien il-każ s'issa;

15.

Jenfasizza li n-nies għandu jkollhom aċċess faċli għall-informazzjoni dwar stejjer ta' suċċess tal-proġetti ffinanzjati mill-PEACE I u l-PEACE II kif ukoll l-IFI; jemmen li l-esperjenza miksuba minn dawn il-proġetti għandha tkun imqassma fost dawk involuti f'xogħol ieħor ta' tkattir tal-paċi internazzjonali; jitlob, f'dan il-kuntest, għall-ħolqien ta' bażi tad-dejta bħala għodda ta' tagħlim għax-xogħol ta' paċi u rikonċiljazzjoni fi ħdan il-pajjiż u lilhinn minnu; jitlob, apparti dan, li kull livell ta' parteċipazzjoni ikun inkluż fil-ħolqien ta' netwerks reġjonali u metropolitani;

16.

Jirrakkomanda li jitwettqu strateġiji komprensivi biex mhux biss jiġi żgurat li jkunu disponibbli eżempji ta' prassi tajba, iżda anki li jintużaw f'kull stadju taċ-ċiklu tal-proġett, i.e. it-tfassil tal-proġett, l-implimentazzjoni, is-sorveljanza u l-evalwazzjoni;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 1.

(2)  ĠU L 193, 31.7.1993, p. 5.

(3)  ĠU L 193, 31.7.1993, p. 20.

(4)  ĠU L 24, 29.1.2000, p. 7.

(5)  ĠU L 341, 17.12.2002, p. 6.

(6)  ĠU L 158, 27.6.2003, p. 3.

(7)  ĠU L 29, 2.2.2005, p. 3.

(8)  ĠU L 30, 3.2.2005, p. 1.

(9)  ĠU L 409, 30.12.2006, p. 86.

(10)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19.

(11)  ĠU C 146, 25.5.2000, p. 1.

(12)  (Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet).

(13)  Il-Programm tal-UE għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni — L-Impatt, SEUPB.

(14)  Appoġġ għall-Vittmi u s-Superstiti — l-Indirizzar tal-Wirt tal-Bniedem, Jannar 2007.