12.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 271/7


Il-Ħamis, 8 ta' Mejju 2008
Id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja fl-2007 u l-Politika tal-UE dwar il-Kwistjoni

P6_TA(2008)0193

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Mejju 2008 dwar ir-Rapport Annwali 2007 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni (2007/2274(INI))

2009/C 271 E/02

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra id-disa' Rapport Annwali tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (2007) (1),

wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6, 11, 13 u 19 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 177 u 300 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali rilevanti kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem (2),

wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet kollha tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli mhux obbligatorji tagħhom,

wara li kkunsidra l-istrumenti reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi b'mod partikolari l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, il-Protokoll mhux obbligatorju dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika, il-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra d-dħul fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2002 tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) u r-riżoluzzjonijiet tiegħu relatati mal- ICC (3),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Azzjoni kontra t-Traffikar ta' Bnedmin u l-pjan tal-Unjoni Ewropea tal-2005 dwar l-aħjar prattiki, standards u proċeduri għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-prevenzjoni tiegħu (4),

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 13 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (ECHR), rigward l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fiċ-ċirkostanzi kollha,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħrajn li huma Krudili, Inumani jew Degradanti (il-Konvenzjoni kontra t-Tortura),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-protokoll mhux obbligatorju tagħha,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (5),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE u r-reviżjoni tiegħu (6),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta' strument ta' finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (7) (Strument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, EIDHR)

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-ħames u s-seba' sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR), adottati fis-7 ta' Ġunju 2007 (8) u fil-21 ta' Frar 2008 (9) b'mod rispettiv, u r-riżultat tan-negozjati dwar l-UNHRC,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2006 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-klawżola tad-demokrazija fil-ftehim tal-Unjoni Ewropea (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-1 ta' Frar 2007 (11) u tas-26 ta' April 2007 (12) dwar l-inizjattiva favur moratorju universali fuq il-piena tal-mewt u r-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottata fit-18 ta' Diċembru 2007 dwar moratorju dinji fuq l-użu tal-piena tal-mewt,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Settembru 2001 dwar il-mutilazzjoni tal-ġenitali tan-nisa (13), li tafferma li kwalunkwe tip ta' mutilazzjoni bħal din, ta' kwalunkwe grad, huwa att ta' vjolenza kontra n-nisa u jikkostitwixxi vjolazzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2007 dwar il-funzjonament tad-djalogi u l-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi (14), inklużi d-drittijiet tan-nisa li għandhom jiġu indirizzati b'mod espliċitu fid-djalogi kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar il-liberta? tal-espressjoni fuq l-Internet (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet kollha adottati minnu dwar każijiet urġenti ta' ksur ta d-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat ta' dritt,

wara li kkunsidra l-Forum dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għall-NGOs tal-Unjoni Ewropea, li sar f'Liżbona f'Diċembru 2007,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilitajiet, li ġiet iffirmata mill-Komunita' Ewropea u l-maġġoranza tal-Istati Membri tagħhom fit-30 ta' Marzu 2007 u li tistipula obbligu li jiġu inkorporati l-interessi u t-tħassib ta' persuni b'diżabilitajiet fl-azzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward ta' pajjiżi terzi,

wara li kkunsidra n-Nota ta' Gwida dwar id-Diżabilita? u l-Iżvilupp għad-delegazzjonijiet u s-servizzi tal-Unjoni Ewropea, ippubblikata f'Lulju 2004,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-attivitajiet tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sitwazzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Furzat, adottata f'Diċembru 2006,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-liġi umanitarja internazzjonali (IHL) (16), dwar it-tfal u l-kunflitti armati u dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll dwar il-piena tal-mewt, it-tortura u trattament ieħor krudili, inuman jew degradanti, dwar id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi u dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal,

wara li kkunsidra l-Artikoli 45 u 112(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0153/2008),

A.

billi d-disa' r-Rapport Annwali tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (2007), magħmul mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem ġewwa u barra l-Unjoni Ewropea,

B.

billidin ir-riżoluzzjoni teżamina, jevalwa u, f'każijiet speċifiċi, joffri kritika kostruttiva dwar l-attivitajiet tad-drittijiet tal-bniedem tal-Kummissjoni, tal-Kunsill, u tal-Parlament,

C.

billi r-rekord intern tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem bla ebda dubju għandu impatt dirett fuq il-kredibilità tagħha u l-abilità tagħha li timplimenta politika esterna effettiva,

D.

billi d-drittijiet tal-bniedem u l-ħarsien tagħhom jiddependu fuq l-istat tad-dritt, it-tmexxija demokratika, il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat u r-responsabilità politika, kif ukoll fuq drittijiet politiċi li jistgħu jippermettu lill-benefiċjarji tagħhom li jkunu huma stess difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u għandhom jiġu promossi b'mod parallel magħhom,

E.

billi għandhom isiru sforzi sabiex aktar attenzjoni tkun iffukata fuq ir-rispett tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet politiċi, fin-negozjati u l-implimentazzjoni ta' ftehim bilaterali jew ftehim kummerċjali reġjonali, anke dawk konklużi ma' msieħba kummerċjali importanti,

F.

billi l-ġustizzja, il-liberta?, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, li jiggarantixxu l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, huma l-pilastri tal-paċi sostenibbli, u billi l-paċi sostenibbli ma tistax tinkiseb permezz ta' negozjati biex ikunu protetti dawk responsabbli għal abbużi sistemaċi tad-drittijiet tal-bniedem jew għal vjolazzjonijiet tal- IHL.

G.

billi l-politiki li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem għadhom mhedda f'diversi reġjuni tad-dinja, peress li l-vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem inevitabbilment tmur id f'id mal-isforz min-naħa ta' min jagħmel dawn il-vjolazzjonijiet biex jitnaqqas l-impatt ta' kwalunkwe politika li tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari f'pajjiżi fejn il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem huma kruċjali sabiex jinżamm gvern mhux demokratiku fil-poter,

H.

billi 82 % tal-persuni b'diżabilita? għadhom jgħixu taħt il-linja tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw and għadhom jiġu esposti għall-aktar abbużi gravi li jmorru kontra d-drittijiet tal-bniedem, inkluż ir-rifjut tad-dritt għall-ħajja u li jiġu esposti għal trattament inuman u degradanti, u billi s-sitwazzjoni tat-tfal b'diżabilitajiet hija ta' tħassib partikolari f'dan ir-rigward,

I.

billi, skond il-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), 'it-tgawdija tal-ogħla standard li jista' jinkiseb fis-saħħa hija wieħed mid-drittijiet fundamentali ta' kull bniedem mingħajr l-ebda distinzjoni ta' razza, reliġjon, twemmin politiku, u kundizzjoni ekonomika jew soċjali', u billi s-saħħa tal-popli kollha hija fundamentali għall-kisba tal-paċi u s-sigurta?,

1.

Jikkundanna l-fatt li l-Unjoni Ewropea għadha 'l bogħod milli tħaddem politika koerenti u ta' impatt kbir biex tiddefendi u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, u jenfasizza l-ħtieġa li politika bħal din titmexxa b'mod iktar effettiv; jemmen li hemm il-ħtieġa li jsir progress sostanzjali biex jiġi żgurat ir-rispett rigoruż tad-dispożizzjonijiet diġà eżistenti tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;

2.

Jemmen li biex ikun hemm titjib sinifikanti fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, għandhom jittieħdu passi biex tissaħħaħ il-politika barranija u ta' sigurtà komuni (CFSP) tal-UE, li spiss tkun imxekkla mill-prevalenza tal-interessi nazzjonali tal-Istati Membri, bil-għan li jkun żgurat li l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem titqies bħala prijorità, u biex jiġi żgurat li l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bħala għan tas-CFSP, kif imfisser fl-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tiġi implimentatata b'mod rigoruż;

3.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jagħmlu aktar sforzi biex titjieb il-kapaċità tal-Unjoni Ewropea li tirrispondi malajr għal vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem minn pajjiżi terzi, mhux lanqas billi l-politika għad-drittijiet tal-bniedem tiġi integrata fil-politiki esterni kollha tal-Unjoni Ewropea vis-à-vis dawn il-pajjiżi u billi jkunu indirizzati b'mod sistematiku il-kwistjonijiet marbutin mad-drittijiet tal-bniedem fil-qafas tad-djalogu politiku fil-livelli kollha;

Prinċipji ġenerali u proposti dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-paċi u n-nonvjolenza

4.

Jerġa' jafferma li d-drittijiet tal-bniedem — kif inhuma definiti fl-istrumenti u l-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — huma drittijiet universali, indiviżibbli, li r-rispett effettiv tagħhom fil-prattika huwa mezz essenzjali biex jiġu garantiti kemm l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi u l-ordni internazzjonali, u kif ukoll il-promozzjoni tal-paċi, tal-libertà, tal-ġustizzja u tad-demokrazija;

5.

Jikkunsidra li l-possibilità li d-drittijiet tal-bniedem ikunu soġġetti b'mod effettiv għall-ġurisdizzjoni tal-qrati lokali u nazzjonali fid-dinja kollha jew, meta dan ma jkunx possibbli, tal-qrati sopranazzjonali, trid tkun stabbilita bħala objettiv espliċitu u ċentrali tal-politiki tal-UE, qabel kollox tal-politika barranija u ta' sigurtà komuni;

6.

Jikkunsidra li wieħed mill-għanijiet politiċi ewlenin tal-Unjoni Ewropea għandu jkun li tappoġġja l-istituzzjonijiet ġudizzjarji fil-livelli kollha, bħala parti mill-isforzi sabiex tkun żgurata konformità effettiva mad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari sabiex ikun ipprovdut appoġġ lill-qrati internazzjonali;

7.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex jieħdu azzjoni prijoritarja — bħal dik li ttieħdet fir-rigward tal-istabbiliment tal-ICC — biex jiġu appoġġjati l-attivitajiet tal-qrati kollha li huma involuti fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem; jikkunsidra, b'mod partikolari, li t-tagħbija żejda ta' każijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għandha tiġi indirizzata permezz ta' allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji addizzjonali, u kif ukoll li għandu jingħata appoġġ massimu għax-xogħol tal-Qorti Interamerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, u li għandhom jittieħdu miżuri sabiex ikun iffaċilitat l-istabbiliment ta' Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-Istati fl-Ażja u fil-Paċifiku;

8.

Jikkunsidra li d-dritt għad-demokrazija — jiġifieri d-dritt ta' kull ċittadin li jipparteċipa fl-eżerċizzju tas-sovranità popolari fil-qafas ta' istituzzjonijiet soġġetti għall-istat tad-dritt — huwa dritt uman universali li nkiseb tul l-istorja u li hu rikonoxxut b'mod espliċitu mill-ECHR, mill-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, mid-Dikjarazzjoni ta' Vjenna tal-Konferenza Dinjija fuq id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1993 u mid-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti; jikkunsidra li mad-dritt għad-demokrazija jikkorrispondi d-dover tal-istituzzjonijiet tal-komunità internazzjonali, tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri kollha li jaġixxu biex jitneħħew l-ostakoli li jfixklu l-eżerċizzju sħiħ tagħhom mad-dinja kollha; jikkunsidra li sabiex jintlaħaq dan, għandha tittieħed miżura addizzjonali ġdida, jiġifieri l-istabbiliment ta' netwerk ġenwin ta' demokraziji madwar id-dinja permezz tat-trasformazzjoni u tat-tisħiħ ta' organizzazzjonijiet eżistenti;

9.

Jikkunsidra in-nonvjolenza bħala l-aktar mezz xieraq biex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem jitgawdew, jitħarsu, jiġu promossi u jiġu rispettati bi sħiħ; jemmen li l-promozzjoni ta' dan il-prinċipju għandu jikkostitwixxi objettiv prijoritarju fil-politika tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija tal-Unjoni Ewropea, u biħsiebu jagħti kontribut għall-aġġornament u għall-istudju tat-teoriji u l-prattiki nonvjolenti moderni, parzjalment permezz ta' analiżi komparattiva tal-aqwa prattiki li ntużaw fil-passat; bil-għan li din l-idea tingħata rwol politiku ċentrali, jipproponi li fl-2009 titlaqqa' Konferenza Ewropea dwar in-Nonvjolenza u li s-sena 2010 tkun iddikjarata bħala “s-Sena Ewropea tan-Nonvjolenza”; jistieden lill-Istati Membri biex jaħdmu, fin-Nazzjonijiet Uniti, sabiex jiġi ddikjarat “id-Deċennju tan-Nonvjolenza 2010-2020”;

Ir-Rapport Annwali tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem 2007

10.

Jenfasizza l-importanza tar-Rapport Annwali tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-analiżi u l-evalwazzjoni tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jagħraf li r-Rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn il-volum li dejjem qed jikber tal-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea relatati mad-drittijiet tal-bniedem;

11.

Jikkunsidra li għandha tiġi provduta aktar informazzjoni u informazzjoni aħjar għall-evalwazzjoni tal-politiki preċedenti u li għandhom jiġu proposti elementi u linji gwida sabiex jiġi mmodifikat il-metodu ġenerali u kif ukoll jiġu aġġustati l-prijoritajiet ta' politika skond il-pajjiż, bil-għan li tiġi adottata Strateġija għal kull Pajjiż fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem jew, għallinqas, kapitolu dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Karti Strateġiċi ta' kull Pajjiż; itenni t-talba tiegħu għal evalwazzjoni perjodika regolari dwar l-użu u r-riżultati tal-politiki, l-istrumenti u l-inizjattivi tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jiżviluppaw indiċijiet u punti ta' referenza speċifiċi u kwantifikabbli biex ikejlu l-effikaċja ta' dawk il-politiki;

12.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-preżentazzjoni pubblika tar-Rapport 2007 mill-Kunsill u l-Kummissjoni fis-sessjoni plenarja tal-Parlament ta' Diċembru 2007, b'mod parallel mal-għoti tal-Premju annwali tiegħu Sakharov għal-Liberta? tal-Ħsieb lil Salih Mahmoud Mohamed Osman mis-Sudan; issa waqqaf prattika regolari u s-sessjoni plenarja ta' Diċembru saret tiffoka kull sena fuq l-attivitajiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

13.

Għal darba oħra jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jidentifikaw “il-pajjiżi ta' tħassib partikolari” fejn huwa partikolarment diffiċli li jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u, għal dak il-għan, biex jiżviluppaw kriterji li bihom il-pajjiżi jitkejlu b'referenza għal-livell tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem, biex b'hekk ikunu jistgħu jiġu stabbiliti prijoritajiet speċifiċi ta' politika;

L-attivitajiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem f'fora internazzjonali

14.

Jikkunsidra li titjib kwantitattiv u kwalitattiv tas-segretarjat tal-Kunsill għad-drittijiet tal-bniedem jippermetti lill-Unjoni Ewropea li tgħolli l-profil tagħha u ssaħħaħ l-irwol tagħha fil-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-politika esterna tagħha u sabiex dan ir-rispett jiġi żgurat; jistenna li l-ħatra ta' Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, li jkun ukoll Viċi President tal-Kummissjoni, għandha ssaħħaħ b'mod konsiderevoli l-koerenza u l-effikaċja tal-UE f'dan il-qasam;

15.

Jikkunsidra li l-progress li sar fl-istabbiliment tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali jirrappreżenta l-ewwel pass bħala reazzjoni għat-talba tal-Parlament li jkun stabbilit qafas integrat ta' regoli u istituzzjonijiet imfassal biex jagħti setgħa li torbot lill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u biex tkun żgurata konformità mas-sistema prevista fl-ECHR; u kif ukoll biex titfassal politika komprensiva tal-UE dwar id-drittijiet tal-minoranzi; jenfasizza l-importanza tal-fatt li l-mandat tal-Aġenzija jkopri wkoll dawk il-pajjiżi li kkonkludew Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-UE;

16.

Jikkunsidra bħala fattur essenzjali li r-rappreżentanti speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-ġejjieni jkollhom mandat li jsemmi b'mod speċifiku l-promozzjoni u l-assigurazzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

17.

Jikkunsidra li l-kapaċità tal-Unjoni Ewropea li tipprevjeni l-kriżijiet, tirrispondi għalihom, timmaniġġjahom u ssolvihom irriżulta li m'hijiex suffiċjenti, u jitlob lill-Kunsill, bħala segwitu għar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-istabbiliment ta' Korp Ewropew għall-Paċi Ċivili (ECPC), biex gradwalment ibiddel l-aspetti ċivili tal-Politika għas-Sigurtà u d-Difiża Ewropea f' “Servizz għall-Paċi Ċivili” għall-ġestjoni ta' kriżijiet ċivili ta' perjodu qasir ta' żmien u għall-bini tal-paċi fit-tul; huwa tal-fehma li, f'dan il-qafas, l-Unjoni Ewropea għandha ssaħħaħ in-networks tas-soċjeta? ċivili li jkunu tal-post — fil-livelli subnazzjonali, nazzjonali u reġjonali — sabiex trawwem il-bini tal-kunfidenza u tal-kapaċita?, il-monitoraġġ u t-tqajjim ta' kuxjenza, biex b'hekk tappoġġja l-istituzzjonalizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tas-soċjeta? ċivili fi strutturi reġjonali u sub-reġjonali għall-paċi u s-sigurta?;

18.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u lill-pajjiżi terzi li għaddejjin negozjati magħhom għall-adeżjoni futura tagħhom, biex jiffirmaw u jirratifikaw il-konvenzjonijiet prinċipali tad-drittijiet tal-bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill tal-Ewropa u l-protokolli mhux obbligatorji tagħhom; jiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea dwar, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti u tal-Membri tal-Familji Tagħhom tal-1990, li s'issa l-ebda Stat Membru ma rratifika (17);

19.

Jitlob ir-ratifika immedjata tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità mill-Komunità Ewropea u mill-Istati Membri tagħha; jinsisti li l-Protokoll mhux obbligatorju għall-Konvenzjoni għandu jitqies bħala parti integrali tal-Konvenzjoni, u jitlob li jkun hemm adeżjoni simultanja għall-Konvenzjoni u għall-Protokoll;

20.

Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ iktar l-involviment attiv tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha fir-rigward tal-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija f'dak li għandu x'jaqsam mal-parteċipazzjoni tagħhom f'diversi fora internazzjonali fl-2008, inkluż fil-ħidma tal-UNHRC, tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Kunsill Ministerjali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u tal-Kunsill tal-Ewropa;

21.

Jitlob titjib fil-koperazzjoni u fil-koordinazzjoni bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Memorandum ta' Ftehim bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea ġie ffirmat fil-11 ta' Mejju 2007, u jistieden liż-żewġ naħat biex idaħħluh fis-seħħ; b'mod partikolari, jirreferi għar-rakkomandazzjonijiet li ġejjin, li jinsabu fir-Rapport Juncker tal-11 ta' April 2006 ntitolat:“Il-Kunsill tal-Ewropa-Unjoni Ewropea: ambizzjoni wahda għall-kontinent Ewropew”

ir-rakkomandazzjoni li jinħoloq b'mod espliċitu mekkaniżmu għall-Unjoni Ewropea sabiex kwistjonijiet ikunu referuti lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem, filwaqt li tkun komplementata l-azzjoni ta' korpi eżistenti tal-Unjoni, kemm jekk fil-kuntest tat-tkabbir, tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) jew tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni;

ir-rakkomandazzjoni li jitfassal makkinarju biex tiġi msaħħa u promossa d-demokrazija u biex isir użu sħiħ mill-għerf espert tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa;

ir-rakkomandazzjoni li tinħoloq sistema biex kwistjonijiet ikunu referuti għall-kompetenza esperta tal-Kunsill tal-Ewropa, bil-għan li jkunu żgurati l-koerenza u l-komplementarjetà bejn il-ħidma tal-Unjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Ewropa;

22.

Jitlob koperazzjoni msaħħa bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi u tal-protezzjoni tal-lingwi reġjonali u minoritarji; jitlob li jintużaw il-konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa li jorbtu b'mod legali, bħall-Konvenzjoni ta' Qafas għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali u Minoritarji, u l-mekkaniżmu għall-immonitorjar tagħhom li jaħdem tajjeb; iħeġġeġ li tiġi kkunsidrata l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv tal-Konvenzjoni dwar il-miżuri li ttieħdu mill-Istati ta' rapportar, u li jiġu kkunsidrati r-rapporti tal-Kumitat ta' Esperti tal-Karta dwar it-twettiq tar-responsabilitajiet tal-Istati Partijiet fil-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE, u b'mod partikolari matul il-proċess ta' adeżjoni b'rabta mal-pajjiżi kandidati;

23.

Jinnota li l-UNHRC għandu l-potenzjal li jiżviluppa f'qafas siewi għall-isforzi multilaterali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; jinnota bi tħassib l-fatt li matul l-aħħar sena ta' attivitajiet dak il-korp ġdid ma ppruvax il-kredibbiltà tiegħu imma jisħaq għal darb'oħra l-irwol kruċjali tal-UNHRC fl-arkitettura ġenerali tan-NU; għandu fiduċja li l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tar-Reviżjoni Perjodika Universali se tikseb l-ewwel titjib u riżultati konkreti; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex isegwu mill-qrib dan il-proċess sabiex jiżguraw li tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-15 ta' Marzu 2006 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, li tat bidu għar-reviżjoni perjodika universali, li hi bbażata fuq informazzjoni oġġettiva u affidabbli dwar kemm kull Stat ikun issodisfa l-obbligi u l-impenji tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem b'mod li jiġi żgurat li jkun ġie kopert kollox u li t-trattament ugwali jiġi żgurat fir-rigward tal-Istati kollha; jistieden ukoll lill-Kunsill biex jikkonsulta mal-Parlament dwar din il-kwistjoni;

24.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-proċedura tal-ilmenti, li hi bbażata fuq il-“proċedura 1503” preċedenti, se tkompli tippermetti li l-individwi u l-organizzazzjonijiet iressqu għall-attenzjoni tal-UNHRC ilmenti dwar vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li jkunu gravi u ppruvati b'mod affidabbli, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) ikomplu jinstemgħu fil-UNHRC, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-prerogattivi mogħtija mill-istatus konsultattiv tagħhom li jressqu komunikazzjonijiet bil-miktub u jagħmlu dikjarazzjonijiet orali;

25.

Jerġa' jafferma l-importanza tal-proċeduri speċjali u tal-mandati tal-pajjiżi fil-UNHRC; jinsisti li l-proċess għat-tiġdid tal-mandati għandu jkun trasparenti u li għandhom isiru sforzi sabiex jinħatru kandidati indipendenti u bl-esperjenza li huma rappreżentattivi kif xieraq, kemm b'mod ġeografiku u kif ukoll f'termini ta' sess; jinnota li l-mandat tal-panel tal-esperti għad-Darfur kellu jingħaqad ma' dak tar-Rapporteur Speċjali għas-Sudan; jinnota wkoll id-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li tappoġġja riżoluzzjoni li tipprevedi li ma jiġġeddidx il-mandat tal-esperti tad-drittijiet tal-bniedem għad-Darfur, u d-deċiżjoni tal-UNHRC li ma jġeddidx il-mandati għall-Belarus u għal Kuba;

26.

Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jagħmlu pressjoni bil-għan li jkunu stabbiliti kriterji ta' sħubija għall-elezzjoni għall-UNHRC, inkluż il-ħruġ ta' stediniet permanenti għall-Proċeduri Speċjali; jitlob ukoll l-immonitorjar tal-implimentazzjoni reali tal-wegħdiet elettorali tal-gvernijiet tal-Istati Membri tan-NU; jitlob li din ir-regola tiġi applikata fid-determinazzjoni ta' jekk l-UE għandhiex tappoġġja lill-pajjiżi kandidati;

27.

F'dan ir-rigward, jitlob lill-Unjoni Ewropea biex tissieħeb b'mod formali ma' gvernijiet demokratiċi oħrajn minn gruppi reġjonali oħrajn sabiex tibda koperazzjoni u konsultazzjoni formali fi ħdan il-UNHRC, bil-ħsieb li tiggarantixxi s-suċċess tal-inizjattivi favur ir-rispett tal-prinċipji li jinsabu fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; jikkunsidra li hu biss permezz ta' azzjoni meħuda flimkien minn alleanza transreġjonali bejn stati demokratiċi li l-isforzi multilaterali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem jistgħu jkunu effettivi fil-fora tan-Nazzjonijiet Uniti, kif intwera reċentement mill-adozzjoni b'suċċess, fit-18 ta' Diċembru 2007, ta' riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali 62/149 dwar moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt, li ssemmiet aktar 'il fuq;

28.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni użat il-pożizzjoni tagħha, bħala president tal-Proċess Kimberley tul l-2007, biex issaħħaħ il-mekkaniżmi mfassla biex iwaqqfu l-fluss tal-kummerċ tad-djamanti tal-gwerra; itenni l-importanza tal-Proċess Kimberley, fid-dawl tal-konnessjoni bejn il-waqfien tal-kummerċ tad-djamanti tal-gwerra u l-kisba ta' paċi u sigurtà sostenibbli; jilqa' b'sodisfazzjon ukoll lit-Turkija u lil-Liberija bħala parteċipanti ġodda fl-2007 u d-dħul mill-ġdid tar-Repubblika tal-Kongo fil-Proċess Kimberley (li tella' n-numru totali ta' parteċipanti għal 48, inkluża l-Komunità Ewropea li tirrappreżenta 27 Stat Membru);

29.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li t-tielet konferenza internazzjonali maħsuba biex tikkonkludi trattat internazzjonali li jipprojbixxi l-produzzjoni, l-użu, it-trasferiment jew il-ħażna ta' bombi taċ-ċomb (cluster bombs) b'konformità mal-prinċipji tal-IHL, saret fi Vjenna f'Diċembru 2007 bl-appoġġ sħiħ tal-Unjoni Ewropea (18); jistieden lir-Rumanija u lil Ċipru, bħala l-uniċi żewġ Stati Membri tal-UE li għadhom m'għamlux dan, biex japprovaw b'mod uffiċjali d-Dikjarazzjoni ta' Oslo dwar Cluster Munitions tat-23 ta' Frar 2007; jappoġġja bis-sħiħ il-konferenzi tal-Proċess ta' Oslo li saru f'Wellington mit-18 sat-22 ta' Frar 2008 u dik li hi ppjanata li ssir f'Dublin mid-19 sat-30 ta' Mejju 2008; jistenna li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea se jkunu f'qagħda li jiffirmaw it-trattat fiċ-ċerimonja li hija ppjanata li ssir f'Oslo lejn l-aħħar tal-2008;

30.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu bl-isforzi qawwija tagħhom biex jippromwovu r-ratifika universali tal-Istatut ta' Ruma u l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali implimentattiva meħtieġa, b'konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/CFSP tas-16 ta' Ġunju 2003 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali (19) (ICC) u l-Pjan ta' Azzjoni; jirrimarka li mhux il-presidenzi kollha tal-Kunsill jippruvaw jilħqu dan l-għan komuni bl-istess qawwa; jitlob lill-presidenzi kollha biex isemmu l-istatus tal-koperazzjoni fir-rigward tal-ICC fis-laqgħat għolja kollha li jkollhom ma' pajjiżi terzi; jitlob li dawn l-isforzi jiġu estiżi biex jinkludu r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-ICC, li għall-ICC huwa għodda operattiva importanti; jinnota d-dħul fis-seħħ fit-8 ta' Diċembru 2007 tal-ftehim mar-Renju Unit dwar l-infurzar tas-sentenzi (u d-dħul fis-seħħ ta' ftehim simili konkluż mal-Awstrija fl-2005), u jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jikkunsidraw jikkonkludu ftehim simili mal-ICC; jirrikonoxxi l-Ftehim ta' Koperazzjoni u Assistenza bejn l-Unjoni Ewropea u l-ICC bħala għodda importanti biex tissupplimenta l-obbligi li għandhom l-Istati Membri individwali;

31.

Jilqa' l-fatt li l-Ġappun irratifika l-Istatut ta' Ruma f'Lulju 2007, biex b'hekk f'Diċembru 2007 n-numru totali ta' Stati Kontraenti sar 105; iħeġġeġ lir-Repubblika Ċeka, bħala l-uniku Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li għadu m'għamilx dan, biex tirratifika l-Istatut ta' Ruma bla dewmien; jistieden għal darba oħra lill-pajjiżi kollha li għadhom ma rratifikawx l-Istatut ta' Ruma biex jagħmlu dan mingħajr dewmien (20); jistieden lir-Rumanija biex tirrevoka l-Ftehim Bilaterali ta' Immunità li għandha mal-Istati Uniti;

32.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkollaboraw bis-sħiħ mal-mekkaniżmi tal-ġustizzja kriminali internazzjonali, u b'mod speċjali biex il-kriminali maħrubin jinġiebu quddiem il-ġustizzja; f'dan ir-rigward, jinnota b'sodisfazzjon il-koperazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo fit-trasferiment ta' Germain Katanga quddiem l-ICC, il-koperazzjoni tas-Serbja fl-arrest u t-trasferiment ta' Zdravko Tolimir quddiem it-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugoslavja (ICTY) u l-koperazzjoni tas-Serbja u l-Montenegro fl-arrest u t-trasferiment ta' Vlastimir Đjorđjević lejn l-ICTY; madankollu, jinnota bi tħassib li s-Sudan naqas b'mod persistenti li jikkopera mal-ICC billi jarresta u jittrasferixxi lil Ahmad Muhammad Harun u lil Ali Muhammad Ali Abd-Al-Rahman; jinnota bi tħassib li l-mandati li ħarġet l-ICC għall-arrest ta' erba' membri tal-Lords Resistance Army fl-Uganda għadhom ma ġewx esegwiti; jinnota bi tħassib ukoll li Radovan Karadžić u Ratko Mladić baqgħu ma nqabdux u li għadhom ma nġibux quddiem l-ICTY; f'dan ir-rigward, jistieden lill-awtoritajiet tas-Serbja sabiex jiżguraw koperazzjoni sħiħa mal-ICTY, li għandha twassal għall-arrest u għat-trasferiment tal-akkużati kollha li għad fadal, sabiex ikun jista' jiġi ffirmat Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni; jikkunsidra ukoll li l-proċeduri legali attwali li tressqu kontra l-eks President tal-Liberja, Charles Taylor, mill-Qorti Speċjali għas-Sjerra Leone f'The Hague jikkostitwixxi żvilupp sinifikanti lejn it-tmiem tal-impunità;

33.

Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ is-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali, u f'dan ir-rigward jirrikonoxxi t-twaqqif tal-mekkaniżmu ta' Reazzjoni Ġudizzjarja Rapida f'Novembru 2007 bħala mekkaniżmu ġdid ta' koperazzjoni internazzjonali għall-provvista ta' kompetenza u assistenza meta l-identifikazzjoni, il-ġbir u l-preservazzjoni tal-informazzjoni jkunu jistgħu jgħinu f'firxa wiesgħa ta' għażliet ta' ġustizzja internazzjonali u tranżizzjonali; iħeġġeġ lill-ICC biex tintensifika l-isforzi tagħha bil-ħsieb li tinvolvi lill-komunitajiet f'sitwazzjonijiet taħt investigazzjoni fi proċess ta' interazzjoni kostruttiva mal-ICC, maħsub biex jippromwovi ftehim u appoġġ għall-mandat tagħha, biex jimmaniġġja l-aspettattivi u sabiex jippermetti lil dawk il-komunitajiet isegwu u jifhmu l-proċess tal-ġustizzja kriminali internazzjonali; jenfasizza l-irwol li jista' jkollhom il-mekkaniżmi mhux ġudizzjarji biex jiġu indirizzati l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi kriminali internazzjonali, sakemm dawn l-isforzi jirrispettaw il-proċess ġust u ma jkunux farsa;

34.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-dikjarazzjoni dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni u jifraħ lill-Kunsill u lill-Istati Membri talli appoġġjaw l-adozzjoni ta' dak it-test, li għandu joħloq qafas li fih l-Istati jistgħu jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tal-popli indiġeni mingħajr l-ebda esklużjoni jew diskriminazzjoni; fl-istess ħin, jinnota bi tħassib li, mingħajr strumenti ġodda biex tiġi garantita l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni kkonċernata, ma jista' jiġi mistenni l-ebda titjib reali fil-ħajja tal-popli indiġeni, speċjalment dawk li qed jgħixu taħt reġimi awtoritarji jew dittatorjali; għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issegwi l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni, b'mod partikolari permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) filwaqt li b'mod partikolari tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jirratifikaw b'urġenza l-Konvenzjoni 169 tal- Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Popli Indiġeni u Tribali, li tappoġġja l-prinċipji stabbiliti fid-dikjarazzjoni kkonċernata bi strument li jorbot b'mod legali;

35.

Jistieden għal darba oħra lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa strateġija Ewropea ta' qafas dwar ir-Roma, minħabba s-sitwazzjoni soċjali speċjali tal-komunitajiet Roma fl-Unjoni Ewropea, fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi involuti fil-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni fir-rigward tal-Balkani tal-Punent;

36.

Iħeġġeġ lill-UE sabiex ikollha rwol ewlieni fil-Konferenza ta' Reviżjoni ta' Durban fil-promozzjoni ta' test bilanċjat li jiġġieled ir-razziżmu minflok ifittex li jneħħi l-leġittimità ta' Stati demokratiċi u li jippromwovi l-mibegħda, bħalma kien il-każ f'Durban fl-2001;

37.

Jinnota b'dispjaċir li, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni rrakkomandat ir-ratifika tal-Konvenzjoni 169 tal-ILO f'bosta okkażjonijiet, fil-preżent, kważi għoxrin sena mid-dħul fis-seħħ tagħha, tliet Stati Membri biss — id-Danimarka, l-Olanda u Spanja — irratifikawha; għaldaqstant, iħeġġeġ inizjattivi sabiex tiżdied il-kuxjenza dwar dan l-istrument leġiżlattiv importanti u tissaħħaħ l-effikaċja tiegħu mad-dinja kollha billi jkun żgurat li jkun irratifikat mill-Istati Membri kollha;

Il-prestazzjoni fir-rigward tal-linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem

38.

Jistieden mill-ġdid lill-Kummissjoni u lill-ambaxxati u lill-konsulati tal-Istati Membri biex jiżguraw li l-istaff tagħhom ikunu konxji bis-sħiħ mill-linji gwida dwar id-drittijiet tal-bniedem;jikkunsidra li l-ħolqien ta' Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna ġdid għandu jintuża b'mod proattiv biex jarmonizza l-metodi tal-missjonijiet tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni f'pajjiżi terzi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, billi jippermetti li jintużaw strutturi u staff komuni sabiex jinħolqu “Ambaxxati tal-Unjoni Ewropea” ġenwini;

39.

Jinnota l-entużjażmu tal-Presidenza Ġermaniża u dik Portugiża biex jiġu ffinalizzati il-linji gwida tad-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-drittijiet tat-tfal; qiegħed jistenna b'ħerqa li fis-sena li ġejja jirċievi l-abozzi tal-miżuri ta' implimentazzjoni speċifiċi li għandhom jikkonċentraw fuq l-implimentazzjoni ta' approċċ ħolistiku u komprensiv li se jkun żviluppat mil-linji gwida prinċipali;

40.

Jistieden lill-Presidenza biex issib modi biex ittejjeb il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn il-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill fir-rigward tat-tfassil ta' inizjattivi diplomatiċi f'oqsma ta' interess komuni, pereżempju bejn il-Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM) u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-Liġi Internazzjonali Pubblika lijaħdem mal-ICC, f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġustizzja kriminali internazzjonali u t-tfal u l-kunflitti armati;

41.

Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jaġġorna l-linji gwida sabiex jirrikonoxxi bis-sħiħ l-importanza tat-tgawdija tal-ogħla standard possibbli ta' saħħa bħala dritt fundamentali, b'mod partikolari fir-rigward tal-immaniġġjar tal-uġigħ;

Il-piena tal-mewt

42.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-Riżoluzzjoni 62/149 msemmija hawn fuq li ġiet adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-18 ta' Diċembru 2007, li titlob għal moratorju universali fuq l-użu tal-piena tal-mewt, u jirrikonoxxi n-natura transreġjonali pożittiva tal-inizjattiva;

43.

Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jaġġorna l-linji gwida dwar il-piena tal-mewt, sabiex jappoġġja l-attivitajiet kollha maħsubin biex tiġi implimentata bis-sħiħ ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali, li inter alia tistieden lill-Istati kollha li għad għandhom il-piena tal-mewt biex jirrispettaw l-istandards internazzjonali li jipprovdu salvagwardji li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet ta' dawk li jkunu qegħdin jiffaċċjaw il-piena tal-mewt, b'mod partikolari l-istandards minimi stipulati fl-anness għar-riżoluzzjoni 1984/50 tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tal-25 ta' Mejju 1984; jirrimarka li r-riżoluzzjoni tipprovdi lis-Segretarju Ġenerali b'informazzjoni konnessa mal-użu tal-piena kapitali u mal-osservanza tas-salvagwardji li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet ta' dawk li jkunu qed jiffaċċjaw il-piena tal-mewt, u tipprova dejjem iżjed tillimita l-użu tal-piena tal-mewt u tnaqqas in-numru ta' offiżi li fir-rigward tagħhom tista' tiġi imposta din il-piena; barra minn hekk jirrimarka li r-riżoluzzjoni tispiċċa billi titlob lill-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti biex jistabbilixxu moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet bil-ħsieb li jneħħu l-piena tal-mewt;

44.

Jistieden lill-Presidenza biex tinkoraġġixxi lill-Italja, lill-Latvja, lill-Polonja u lil Spanja, li għadhom ma rratifikawx il-Protokoll Nru 13 għall-ECHR dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fi kwalunque ċirkostanza, biex jagħmlu dan (21); jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, li l-linji gwida dwar il-piena tal-mewt ikunu jistgħu jiġu implimentati b'mod iżjed koerenti jekk l-Istati Membri jiffirmaw u jirratifikaw dawn il-protokolli u konvenzjonijiet;

45.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Intern tas-7 ta' Diċembru 2007 biex jissieħeb mad-Dikjarazzjoni Konġunta bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi Ġurnata Ewropea kontra l-Piena tal-Mewt, li se tibda tiġi ċċelebrata kull sena fl-10 ta' Ottubru; jilqa' b'sodisfazzjon il-proċeduri tal-Konferenza Ewropea f'Liżbona fid-9 ta' Ottubru 2007, li talbet mill-ġdid it-tneħħija tal-piena kapitali fl-Ewropa u ppromwoviet it-tneħħija universali ta' din il-piena;

46.

Jilqa' b'sodisfazzjon it-tneħħija tal-piena kapitali fl-Albanija fil-25 ta' Marzu 2007 (għar-reati kollha); fil-Kirgistan fis-27 ta' Ġunju 2007; fir-Rwanda fis-26 ta' Lulju 2007; fl-Istat ta' New Jersey (fl-Istati Uniti) fit-13 ta' Diċembru 2007; u fl-Użbekistan fl-1 ta' Jannar 2008; jesprimi t-tħassib tiegħu b'rabta mal-possibilità li l-piena tal-mewt jista' jkun li terġa' tibda tiġi infurzata fil-Gwatemala; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Gwatemala, sabiex għall-kuntrarju ta' dan, jikkommetti lilu nnifsu b'mod ġenwin għall-moratorju universali fuq il-piena tal-mewt; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni taċ-Ċina li tirrevedi l-każijiet kollha li jinvolvu l-piena tal-mewt fil-Qorti Suprema, iżda jibqa' mħasseb li ċ-Ċina xorta waħda twettaq l-ogħla għadd ta' eżekuzzjonijiet mad-dinja kollha; jikkundanna l-prattika tal-piena tal-mewt fil-Belarus, li tmur kontra l-valuri Ewropej; jikkundanna l-użu li kulma jmur qiegħed jiżdied tal-piena kapitali mir-reġim tal-Iran; huwa mħasseb ħafna li r-reġim tal-Iran għadu jikkundanna għall-mewt akkużati taħt l-età ta' 18-il sena;

It-tortura u trattamenti krudili, inumani jew degradanti oħrajn

47.

Jinnota li l-Greċja, l-Ungerija, il-Latvija, il-Litwanja u s-Slovakkja s'issa la ffirmaw u lanqas irratifikaw il-Protokoll Mhux Obbligatorju għall-Konvenzjoni Kontra t-Tortura (OPCAT); jinnota li l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall u r-Rumanija ffirmaw dan il-Protokoll iżda s'issa għadhom ma rratifikawhx; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea li s'issa għadhom ma ffirmawx u/jew ma rratifikawx il-Protokoll mhux obbligatorjugħall-OPCAT biex jagħmlu dan bla dewmien;

48.

Huwa mħasseb dwar il-ġenwinità tal-impenn lejn id-drittijiet tal-bniedem tal-Istati Membri tal-UE li jirrifjutaw li jiffirmaw il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Infurzat imsemmija hawn fuq; jitlob lill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea li għadhom m'għamlux dan biex jiffirmawha u jirratifikawha minnufih (22);

49.

Jirreferi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-istudju reċenti intitolat “L-Implimentazzjoni tal-Linjigwidi tal-Unjoni Ewropea dwar it-tortuta u trattamenti jew kastigi krudili, inumani jew degradanti oħra”, li ġie ppreżentat lis-Sottokumitat tal-Parlament għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-28 ta' Ġunju 2007 u lis-COHOM f'Diċembru 2007; jistedinhom it-tnejn biex isegwu r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, pereżempju r-rakkomandazzjoni li tiġi żviluppata viżjoni ċara globali li tikkunsidra id-dimensjoni nazzjonali u li tanaliżża l-kuntesti politiċi, soċjali, kulturali u legali lokali; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex wara din l-analiżi jibgħatu istruzzjonijiet lid-delegazzjonijiet tagħhom u lill-missjonijiet tal-Istati Membri bil-ħsieb li jgħinuhom jimplimentaw il-linji gwida;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex isaħħu l-koperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa bil-għan li tinħoloq zona fl-Ewropa ħielsa mit-tortura u minn għamliet oħrajn ta' trattament ħażin, bħala sinjal ċar li l-pajjiżi Ewropej huma impenjati b'mod ferm li jeqirdu dawn il-prattiki fil-fruntieri tagħhom ukoll;

51.

Qiegħed jistenna bil-ħerqa l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Linjigwidi tal-Unjoni Ewropea dwar it-Tortuta u Trattamenti jew Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti Oħrajn, li qiegħda titħejja biex titressaq lis-COHOM; fil-kuntest tar-reviżjoni ta' dawn il-Linjigwidi, jistenna li s-COHOM jiddiskuti kriterji speċifiċi għal azzjoni rigward każi individwali bil-ħsieb li tittejjeb l-implimentazzjoni tal-Linjigwidi; jirrakkomanda l-adozzjoni ta' miżuri li jiżguraw ir-rispett tal-projbizzjoni assoluta tat-tortura u ta' kastigi inumani u degradanti oħrajn u li jirreżistu kull tentattiv biex tiġi stabbilita xi pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea li tilleġittimizza l-użu tal-assigurazzjonijiet diplomatiċi li jiffaċilitaw it-trasferiment ta' persuni lejn pajjiżi fejn jistgħu jkunu f'riskju ta' tortura jew kastigi inumani jew degradanti oħrajn;

52.

Jitlob li jsir aġġornament tal-Linjigwidi tal-Unjoni Ewropea dwar it-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Krudili, Inumani jew Degradanti Oħrajn, fid-dawl tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, li jkun jirrigwarda l-libertà mit-tortuta jew minn trattamenti jew kastigi krudili, inumani jew degradanti;

53.

Jitlob il-preżenza regolari tal-Presidenza jew tas-Segretarjat tal-Kunsill fil-Kumitati rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll aktar koperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa u mal-Kumitat tiegħu għall-Prevenzjoni tat-Tortura sabiex jingħata kontribut konkret sostanzjali u utli fit-teħid ta' deċiżjonijiet li jikkonċernaw inizjattivi diplomatiċi lejn ċerti pajjiżi;

54.

Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu l-prattika ta' inizjattivi diplomatiċi fir-rigward tal-imsieħba internazzjonali kollha tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tar-ratifika u l-implimentazzjoni ta' konvenzjonijiet internazzjonali li jipprojbixxu l-użu tat-tortura u tat-trattament ħażin, u kif ukoll l-għoti ta' għajnuna għar-rijabilitazzjoni tas-superstiti tat-tortura; jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tikkunsidra il-ġlieda kontra t-tortura u t-trattament ħażin bħala prijorità ewlenija fil-politika tagħha għad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni msaħħa tal-linji gwida tal-Unjoni Ewropea u tal-istrumenti l-oħrajn kollha tal-UE bħall-EIDHR, u billi tiżgura li l-Istati Membri jżommu lura milli jaċċettaw assigurazzjonijiet diplomatiċi minn pajjiżi terzi fejn ikun hemm riskju reali li n-nies ikunu soġġetti għat-tortura jew għal xi trattament ħażin;

It-tfal u l-kunflitti armati

55.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rapport tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal u l-Kunflitti Armati, li ġie ppubblikat fit-13 ta' Awissu 2007, li kkonkluda li l-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom japplikaw miżuri konkreti u mmirati kontra dawk li jerġgħu jwettqu vjolazzjonijiet;

56.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għat-tfal u l-kunflitti armati fil-Burma; jikkundanna l-vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tat-tfal f'dak il-pajjiż u jistieden lis-COHOM sabiex jagħti prijorità lill-Burma fl-implimentazzjoni tal-linji gwida tiegħu dwar it-tfal u l-kunflitti armati;

57.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fl-applikazzjoni tal-istandards internazzjonali għall-ħarsien tat-tfal sabiex dawk li jabbużaw jirrispondu għal għemilhom, bħall-akkużi miġjuba mill-ICC konta mexxejja għolja ta' diversi fazzjonijiet li qed jiġġieldu fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-akkużi miġjuba kontra erba' membri għoljin tal-Armata ta' Reżistenza tas-Sinjur fl-Uganda; jikkunsidra bħala kisbiet notevoli s-sentenza tal-Qorti Speċjali għas-Sjerra Leone li tgħid li skond id-dritt internazzjonali konswetudinarju r-reklutaġġ jew l-użu ta' tfal ta' taħt il-15-il sena fil-ġlied jikkostitwixxi reat ta' gwerra, u kif ukoll il-kundanna min-naħa tal-Qorti ta' kmandanti militari talli rreklutaw lit-tfal;

58.

Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda fl-attenzjoni li qiegħda tingħata lid-drittijiet tat-tfal f'firxa wiesgħa ta' negozjati, ftehim, sforzi għall-bini u ż-żamma tal-paċi, aġendi u trattati; jenfasizza, madankollu, li l-klawsoli dwar it-tfal fil-ftehim ta' paċi għandhom ikunu speċifiċi u li l-objettivi tagħhom għandhom ikunu realistiċi;

59.

Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda fl-attenzjoni li qed tingħata lid-drittijiet tat-tfal f'mekkaniżmi ta' responsabilità għal delitti rregolati mil-liġi internazzjonali (waqt li f'dan ir-rigward jirrikonoxxi l-isforzi li saru għal dan il-għan mill-Kummissjoni għall-Verità u r-Rikonċiljazzjoni tal-Liberja fl-2007) bħala mezz importanti li permezz tiegħu jiġi implimentat id-dritt tat-tfal li jieħdu sehem f'deċiżjonijiet li jaffettwawlhom ħajjithom; jenfasizza, madankollu, li l-aqwa interessi tat-tfal għandhom jiggwidaw kwalunkwe involviment bħal dan, inkluż permezz tal-implimentazzjoni ta' politiki u proċeduri adattati skond l-età u l-promozzjoni tar-rijabilitazzjoni u r-rijintegrazzjoni tat-tfal li jisfaw vittmi;

60.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fit-tfassil tal-politika fir-rigward tal-Istandards Integrati għad-Diżarmament, id-Demobilizzazzjoni u l-Integrazzjoni mill-Ġdid (2006), il-Prinċipji u l-Linji Gwida ta' Pariġi dwar it-Tfal Assoċjati ma' Forzi Armati jew Gruppi Armati (2007); jenfasizza, madankollu, li issa hija meħtieġa implimentazzjoni effettiva;

61.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li seba' nazzjonijiet oħra (l-Arġentina, il-Kroazja, il-Gwatemala, Laos, il-Mawritanja, il-Marokk u l-Ukrajina) ssieħbu fl-impenn internazzjonali — magħruf bħala l-Impenji ta' Pariġi — li biex jitwaqqaf ir-reklutaġġ ta' tfal f'kunflitti armati, u jiddispjaċih li l-Istati Uniti ma ffirmatx minħabba l-oppożizzjoni tagħha għall-klawsola dwar l-ICC;

62.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li 11-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta' Ġinevra dwar il-Vjolanza bl-Armi u l-Iżvilupp, biex b'hekk l-għadd totali ta' Stati Kontraenti tela' għal 42; iħeġġeġ lis-16-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea l-oħra li għadhom ma ffirmawx id-Dikjarazzjoni ta' Ġinevra sabiex jagħmlu dan mingħajr ebda dewmien;

63.

Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jiffirmaw u jirratifikaw bla dewmien il-protokolli mhux obbligatorji għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (23);

64.

Ifakkar fin-nuqqas ta' ftehim finali f'kunflitti mhux solvuti fil-pajjiżi tal-ENP; jenfasizza li sitwazzjonijiet bħal dawn joħolqu kuntest fejn l-istat tad-dritt u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fiz-zoni tagħhom jiġu ttraskurati, u kif ukoll jirrappreżentaw xkiel ewlieni sabiex jiġu żgurati u rrispettati d-drittijiet tat-tfal; jitlob sabiex is-sitwazzjoni speċifika tat-tfal u tal-familji tagħhom fiz-zoni ta' kunflitti mhux solvuti fil-pajjiżi tal-ENP tiġi indirizzata bħala kwistjoni ta' prijorità fil-kuntest tal-azzjoni li tittieħed mill-UE f'dan il-qasam;

65.

Jinnota li l-Presidenza Portugiża segwiet l-inizjattivi Ġermaniżi skond il-linji gwida u tat istruzzjonijiet lill-missjonijiet diplomatiċi kollha tal-UE f'pajjiżi prijoritarji biex jikkunsidraw l-istrateġiji għall-pajjiżi speċifiċi adottati mis-COHOM fil-15 ta' Ġunju 2007 bħala istruzzjonijiet permanenti li għandhom jiġu inklużi fil-ħidma tal-Kapijiet tal-Missjonijiet fil-qasam tat-tfal f'kunflitti armati; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Presidenza attwali għaddiet ukoll lill-Presidenzi lokali r-rapporti li rċeviet mill-NGOs rilevanti rigward pajjiżi speċifiċi; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Presidenza Slovena li tikkummissjona studju dwar l-impatt tal-miżuri tal-UE fuq it-tfal affettwati mill-kunflitti armati; jenfasizza f'dan ir-rigward l-impatt limitat li l-linji gwida għandhom fuq it-tfal u l-kunflitti armati, b'mod partikolari minħabba l-fatt li l-maġġoranza tad-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-ambaxxati tal-Istati Membri ma kienux infurmati li l-pajjiż ospitanti tagħhom kien ikkunsidrat bħala pajjiż prijoritarju għall-applikazzjoni ta' dawk il-linji gwida;

66.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jinkludu fil-politiki umanitarji u kummerċjali tagħhom sforzi sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol furzat tat-tfal;

Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem

67.

Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jimpenjaw ruħhom f'implimentazzjoni iżjed trasparenti u sistematika tal-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, minħabba li dawn huma strument importanti u innovattiv u huma mfasslin biex jappoġġjaw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jipproteġu lil dawk li huma l-iżjed f'riskju;

68.

Jistenna li l-identifikazzjoni tal-Linji Gwida dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala element prijoritarju tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem se tkun akkumpanjata bl-implimentazzjoni effettiva ta' dawk il-Linji Gwida fi strateġiji lokali fir-rigward ta' 120 pajjiż; jinnota li n-nuqqas ta' inizjattivi diplomatiċi mill-UE f'isem difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'ċerti pajjiżi, bħaċ-Ċina, it-Tuneżija, l-Etjopja, l-Iran u r-Russja, jidher li jirrifletti nuqqas ta' qbil bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u l-fatt li hemm Stati Membri individwali li fil-politika barranija qegħdin jagħtu prijorità lil interessi differenti, u b'hekk l-azzjoni kollettiva tkun impossibbli;

69.

Jikkunsidra li metodu konsistenti għandu jiffoka wkoll fuq it-tisħiħ tal-bini tal-kapaċità fost l-attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk impenjati li jiddefendu d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, u fuq it-trawwim ta' mekkaniżmi ta' konsultazzjoni u interazzjoni bejnhom u bejn il-gvernijiet tagħhom dwar kwistjonijiet ta' riforma demokratika u ta' promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fejn il-proċessi tad-demokratizzazzjoni jkunu f'periklu;

70.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinkoraġġixxu b'mod attiv lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem biex iferrxu l-informazzjoni dwar it-teorija u l-prattika tan-nonvjolenza u biex ifittxu li jippromwovu l-għarfien dwar l-aħjar prattiki u l-iskambji bejniethom fir-rigward ta' dawn l-aħjar prattiki, li jkunu bbażati fuq esperjenza diretta fil-post;

71.

Jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw b'mod urġenti l-kwistjoni tal-viżi ta' emerġenza għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem billi jinkludu referenza ċara għas-sitwazzjoni speċifika tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kodiċi Komuni l-ġdid dwar il-Viżi u, għaldaqstant, joħolqu proċedura ta' viżi speċifika u mgħaġġla li tista' tibbaża fuq l-esperjenza tal-gvern Irlandiż u dak Spanjol b'rabta ma' din il-kwistjoni; jikkunsidra li l-kunfidenzjalità tal-inizjattivi diplomatiċi tal-Unjoni Ewropea favur id-drittijiet tal-bniedem ġieli tkun utli, iżda jitlob li, minkejja din il-kunfidenzjalità, il-persunal lokali tal-Unjoni Ewropea għandhom f'kull każ jgħarrfu lill-NGOs tal-post dwar dawn l-inizjattivi diplomatiċi b'mod kunfidenzjali;

72.

Jinnota li, minkejja riformi ekonomiċi sinifikanti, fiċ-Ċina għadhom iseħħu vjolazzjonijiet sistematiċi tad-drittijiet politiċi u dawk tal-bniedem, bħall-priġunerija politika, l-attakki fuq avukati, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti, inkluż il-moviment weiquan, u kif ukoll l-intimidazzjoni tagħhom, in-nuqqas ta' ġudikatura indipendenti, xogħol furzat, is-soppressjoni tal-libertà tal-espressjoni u tar-reliġjon u tad-drittijiet ta' minoranzi reliġjużi u etniċi, detenzjonijiet arbitrarji, is-sistema ta' kampijiet Laogai u l-allegat teħid tal-organi; daqshekk ieħor huwa mħasseb dwar iż-żamma ta' listi ta' nies suspettużi li fuqhom tniżżlu ġurnalisti u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, id-Dalai Lama u l-assoċjati tiegħu, u dawk li jipprattikaw il-Falun Gong;

73.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li ħames organizzazzjonijiet biss tad-drittijiet tal-bniedem għadhom reġistrati fil-Belarus, u li l-awtoritajiet il-ħin kollu jippruvaw jintimidaw u jikkontrollaw lil dawn il-gruppi, filwaqt li kemm-il darba jirrifjutaw applikazzjonijiet minn gruppi oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jirreġistraw b'mod legali; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU f'Mejju 2007 li tirrifjuta l-kandidatura tal-Belarus għal siġġu fil-UNHRC, filwaqt li enfasizzat ir-rekord fqir tiegħu tad-drittijiet tal-bniedem; għal darba oħra jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Belarus sabiex jieqfu milli jeżerċitaw intimidazzjoni, fastidju, arresti mmirati u prosekuzzjonijiet politikament motivati kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti tas-soċjetà ċivili fil-Belarus;

74.

Huwa mħasseb ħafna li fl-2007 l-awtoritajiet tal-Iran intensifikaw l-iffastidjar tagħhom ta' difensuri u avukati indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem f'tentattiv sabiex iwaqqfuhom milli jippubbliċizzaw u jsegwu vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; jiddispjaċih dwar l-għeluq mill-gvern tal-Iran ta' NGOs li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u li jqajmu kuxjenza dwar vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jipprovdu għajnuna legali u soċjali lil nisa li huma vittmi ta' vjolenza;

75.

Jenfasizza mill-ġdid l-importanza li l-manwal għall-implimentazzjoni tal-Linji Gwida jkun disponibbli għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-post; iħeġġeġ lis-COHOM biex iqassam, fost l-uffiċċji reġjonali u l-ambaxxati jew id-delegazzjonijiet, it-traduzzjonijiet tal-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-lingwi tal-Unjoni Ewropea li jkunu mitkellma l-iżjed fil-pajjiżi terzi u fil-lingwi prinċipali li m'humiex tal-Unjoni Ewropea; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, s'issa, jeżistu traduzzjonijiet f'lingwi bħar-Russu, l-Għarbi, iċ-Ċiniż u l-Farsi, iżda jenfasizza li hemm bżonn li jiġu prodotti iżjed traduzzjonijiet lokalment; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex jissimplifikaw il-kwistjoni tal-ħruġ ta' viżi għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jkunu mistednin jattendu avvenimenti organizzati fl-Unjoni Ewropea jew li jkunu qegħdin jaħarbu minn kundizzjonijiet ta' sigurtà li jkunu qegħdin jeħżienu;

Il-linji gwidi dwar id-djalogi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-konsultazzjonijiet rikonoxxuti ma' pajjiżi terzi

76.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jibdew evalwazzjoni komprensiva tal-linjigwidi dwar id-drittijiet tal-bniedem u biex jiżviluppaw indikaturi ċari għall-impatt ta' kull djalogu u indikaturi għall-bidu, il-waqfien u t-tkomplija mill-ġdid tad-djalogi;

77.

Jerġa' jtenni t-talba tiegħu li d-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ikunu estiżi sabiex jinkludu s-sitwazzjoni kemm fil-pajjiżi terzi kif ukoll fl-Unjoni Ewropea, sabiex tissaħħaħ il-kredibilità tad-djalogu konċernat;

78.

Jerġa' jtenni t-talba tiegħu li l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ikunu evalwati fl-ogħla livell politiku sabiex il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jingħataw iżjed piż politiku u sabiex l-Istati Membri jew pajjiżi terzi jkunu pprevenuti milli jiżolaw kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem mid-djalogu politiku; għal dan il-għan, jikkunsidra li huwa fundamentali li djalogu bħal dan ma jintużax biex jillimita s-suġġett għal-laqgħat bejn esperti biss, minħabba li dan jimmarġinalizza d-djalogu fir-rigward ta' temi politiċi oħrajn; għalhekk, jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jadottaw il-miżuri li ġejjin:

jippubblikaw l-objettivi li jkunu fasslu minn qabel għal kull djalogu u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tagħhom;

jistabbilixxu bħala regola li l-evalwazzjoni ta' kull djalogu ssir preferibbilment kull sena u għallinqas kull sentejn;

jipprevedu li kull laqgħa li ssir fl-ambitu tad-djalogu tkun akkumpanjata — flimkien ma' fażi ta' approfondiment “tekniku” fuq il-livell tal-uffiċjali — fażi politika li tinvolvi b'mod dirett lil dawk responsabbli fuq livell “ministerjali”;

79.

Jenfasizza, għal darba oħra, f'dan il-kuntest, il-proposti stipulati fir-reżoluzzjoni tal-Parlament imsemmija hawn fuq tas-6 ta' Settembru 2007 dwar it-tħaddim tad-djalogi u u l-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi; jisħaq, b'rabta ma' dan, li djalogu bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-Sottokumitat tal-Parlament dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tnieda f'Jannar 2008 bil-għan li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet ta' dik ir-riżoluzzjoni fir-rigward tal-involviment tal-Parlament fid-djalogi b'mod ġenerali; ifakkar, b'rabta ma' dan, l-obbligu tal-Kunsill li jikkonsulta lill-Parlament u li jieħu kont xieraq ta'l-opinjonijiet tiegħu f'konformità mal-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

80.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' intensifikazzjoni radikali tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina u huwa mħasseb li ċ-Ċina pprovdiet tweġibiet għal żewġ terzi biss tal-punti li tqajmu mill-UE f'każijiet individwali ta' tħassib bħala parti minn dan id-djalogu; Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina u jenfasizza li, minkejja l-wegħdi li għamel ir-reġim minħabba l-edizzjoni tal-Logħob Olimpiku li ġejja, is-sitwazzjoni b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem baqgħet ma tjibitx; b'konformità mal-Karta Olimpika, jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ċ-Ċina qiegħda taħdem sabiex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali dwar it-Tortura u dan l-aħħar tat istruzzjonijiet lill-qrati sabiex ma jserrħux fuq konfessjonijiet; jinnota li, minkejja l-assigurazzjonijiet ripetuti mill-gvern Ċiniż dwar l-intenzjonijiet tiegħu biex jirratifika l-Ftehim Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), din ir-ratifika għadha pendenti; jiddispjaċih li ma ġiet adottata l-ebda dikjarazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina fil-Laqgħa għolja bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina li saret fit-28 ta' Novembru 2007 f'Beijing, minkejja l-fatt li oriġinarjament kienet tħabbret l-intenzjoni li tinħareġ dikjarazzjoni bħal din; jistieden lill-Kunsill biex wara d-diskussjonijiet jipprovdi sommarju iżjed dettaljat lill-Parlament, li jkun jinkludi lista ta' inizjattivi diplomatiċi li jkunu ttieħdu f'każi individwali mill-Kunsill u mill-Istati Membri; jinnota li għandu jkun enfasizzat dan it-tħassib f'dan iż-żmien ta' qabel il-Logħob Olimpiku ta' Beijing, li se jirrappreżenta opportunità storika importanti għat-titjib tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina; f'dan ir-rigward, jibqa' mħasseb dwar il-leġiżlazzjoni Ċiniża, inkluża s-sistema tas-Sigrieti tal-Istat, li tfixkel it-trasparenza meħtieġa għall-iżvilupp ta' tmexxija tajba u ta' sistema li fiha jsaltan l-istat tad-dritt; huwa mħasseb dwar il-limiti stipulati fuq il-libertà tal-media Ċiniża u tal-media internazzjonali, inkluż l-internet, l-ibbloggjar u l-aċċess għall-informazzjoni għall-istampa Ċiniża u internazzjonali; jibqa' daqstant ieħor imħasseb dwar il-“blacklisting” ta' ġurnalisti u ta' attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-Dalai Lama, l-assoċjati tiegħu u dawk li jipprattikaw il-Falun Gong; jistieden, f'dan ir-rigward, għar-rilaxx immedjat tal-attivist prominenti tal-AIDS Hu Jia; jenfasizza l-ħtieġa li titkompla, anke wara l-Logħob Olimpiku, is-sorveljanza bir-reqqa tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-bidliet fil-leġiżlazzjoni fir-rigward ta' din il-kwistjoni; iħeġġeġ l-Unjoni Ewropea biex tiżgura li r-relazzjoni kummerċjali tagħha maċ-Ċina tkun kontinġenti fuq riformi tad-drittijiet tal-bniedem, u jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kunsill biex jagħmel evalwazzjoni komprensiva tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem qabel ma jiffinalizza kwalunkwe Ftehim ta' Qafas ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdid; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqajmu l-kwistjonijiet tar-Reġjun Awtonomu tal-Mongolja Interjuri, it-Turkestan tal-Lvant u r-Reġjun Awtonomu tat-Tibet, sabiex jappoġġjaw b'mod sħiħ djalogu trasparenti bejn il-Gvern Ċiniż u l-mibgħuta tal-Gvern Tibetan fl-Eżilju, u biex jintegraw il-kwistjoni tal-implikazzjonijiet tal-politiki Ċiniżi fl-Afrika; għadu allarmat minħabba l-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward ta' Uyghurs etniċi fir-Reġjun Awtonomu Xinjiang Uighur;

81.

Għadu mħasseb li d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Iran twaqqaf mill-2004 'l hawn minħabba n-nuqqas ta' kwalunkwe progress pożittiv fit-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u nuqqas ta' koperazzjoni mill-Iran; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex ikomplu dan id-djalogu bil-għan li jingħata appoġġ lill-partijiet interessati kollha fis-soċjetà ċivili li kkommettew ruħhom li jaħdmu favur id-demokrazija, u biex isaħħu — permezz ta' mezzi paċifiċi u mhux vjolenti — proċessi eżistenti li jistgħu jippromwovu riformi demokratiċi, istituzzjonali u kostituzzjonali, kif ukoll biex jiżguraw is-sostenibilità ta' dawk ir-riformi u biex jikkonsolidaw l-involviment tad-difensuri Iranjani kollha tad-drittijiet tal-bniedem u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-proċessi fejn titfassal il-politika, filwaqt li jissaħħaħ l-irwol tagħhom fid-djalogu politiku ġenerali; huwa mħasseb ħafna minħabba li r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, speċjalment il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda, kompla jiddeterjora fl-2007; jikkundanna l-kampanja l-ġdida tal-moralità mnedija mill-awtoritajiet Iranjani mill-bidu ta' April 2007, kampanja li fiha eluf ta' rġiel u nisa kienu arrestati sabiex “tingħeleb imġiba immorali”; jiddenunzja l-fatt li r-reġim Iranjan qed juża l-piena kapitali dejjem aktar;

82.

Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' riżultati mill-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem u jistieden lill-Parlament biex jieħu sehem fi proċess bħal dan; jinkuraġġixxi l-isforzi li saru mill-Kunsill u mill-Kummissjoni biex joħolqu ċirkustanzi fejn il-konsultazzjonijiet isiru b'mod alternattiv fir-Russja u fl-Unjoni Ewropea, fejn il-Ministeri Russi għajr il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ikunu jistgħu jieħdu sehem ukoll fil-konsultazzjonijiet, u fejn id-delegazzjoni Russa tieħu sehem fil-laqgħat ta' NGOs jew korpi parlamentari Russi u Ewropej organizzati flimkien mal-konsultazzjonijiet; jiddispjaċih li l-Unjoni Ewropea ma rnexxiliex tibdel il-politika fir-Russja partikularment rigward kwistjonijiet sensittivi bħas-sitwazzjoni fiċ-Chechnya u f'Repubbliki oħra tal-Kawkasu, l-impunità u l-indipendenza tal-ġudikatura, it-trattament tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-priġunieri politiċi inkluż Mikhail Khodorkovsky, l-indipendenza tal-media u l-libertà tal-espressjoni, it-trattament tal-minoranzi etniċi, ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-forzi armati, id-diskriminazzjoni msejsa fuq l-orjentament sesswali kif ukoll kwistjonijiet oħra; jemmen li d-dibattitu li ilu sejjer dwar iċ-Chechnya għandu jiġi estiż biex ikopri is-sitwazzjonijiet preokkupanti f'Ingushetia u f'Dagestan; jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jipproteġu l-minoranzi nazzjonali fir-Repubblika ta' Mari-El u jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi b'mod konformi mal-Kostituzzjoni ta' Mari-El u mal-istandards Ewropej u; jiddeplora l-persekuzzjoni kontinwa tal-ġurnalisti, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-NGOs, pereżempju l-attakki riċenti fuq Novaya Gazeta u fuq il-Fondazzjoni Nizhny Novgorod għall-Promozzjoni tat-Tolleranza; huwa mħasseb minħabba li fl-2007, deher li l-leġiżlazzjoni Russa l-ġdida dwar l-NGOs, wara d-dħul fis-seħħ tagħha fl-2006, kienet miftuħa għal implimentazzjoni arbitrarja u selettiva u ntużat biex timpedixxi, tirrestrinġi jew tikkastiga attivitajiet leġittimi tal-NGOs, u b'hekk ikkontribwixxiet għan-nuqqas ta' sigurtà u l-vulnerabilità, li qegħdin ikomplu jiżdiedu, tal-NGOs; jesprimi iżjed tħassib huwa dwar dak li ħareġ mir-Rapport ta' Diċembru 2007 tal-Amnesty International, rigward in-nuqqas kontinwu min-naħa tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, li jirrispetta d-dritt ta' Mikhail Khodorkovsky u s-soċju tiegħu Platon Lebedev għal proċess ġust li jkun konformi mal-istandards internazzjonali, u huwa inkwetat minħabba r-rifjut li jingħata trattament mediku biex tkun salvata ħajjet Vasily Alexanyan, ex-Viċi-President ta' Yukos, minkejja li kemm il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll il-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa talbu biex dan jiġi pprovdut; iħeġġeġ lir-Russja biex iddaħħal aktar miżuri għall-ħarsien tal-libertà tal-espressjoni u għas-sigurtà tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jikkunsidra, f'dan ir-rigward, li kopereazzjoni Russa mal-OSCE, mekkaniżmi għad-drittijiet tal-bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa u tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll ir-ratfika tal-konvenzjonijiet rilevanti kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem għandhom jitqiesu bħala prijorità mill-Unjoni Ewropea, speċjalment ir-ratifika tal-Protokoll Nru 14 għall-ECHR, li jemenda is-sistema ta' kontroll tal-Konvenzjoni; jiddeplora n-nuqqas ta' rieda tar-Russja li tistieden numru xieraq ta' osservaturi internazzjonali tal-elezzjonijiet u ħafna qabel ma jsiru l-elezzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jissorveljaw l-elezzjonijiet sew skond l-istandards tal-OSCE, b'hekk dan wassal biex ikun impossibbli li l-Uffiċċju tal-OECD għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem iwettaq il-missjoni ppjanata tiegħu ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet b'mod konformi mal-mandat tiegħu, u għalhekk ikollu jiddubita l-kredenzjali demokratiċi tal-elezzjonijiet parlamentari tal-2007 u l-elezzjonijiet presidenzjali 2008; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqajmu kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi każijiet individwali, mal-awtoritajiet Russi fl-ogħla livell u fil-Ftehim l-ġdid ta' Sħubija u Koperazzjoni mar-Russja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistipula obbligi aktar ċari u twaqqaf mekkaniżmi ta' monitoraġġ aktar effiċjenti, flimkien mal-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex isir titjib veru fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

83.

Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u biex iwaqqfu sottokumitati għad-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiżi kollha tal-viċinat; itenni t-talba tiegħu biex il-parlamentari jieħdu sehem fit-tħejjija għal dawk il-laqgħat u biex ikunu infurmati dwar l-eżitu tagħhom; huwa tal-fehma li, filwaqt li l-ewwel ċiklu ta' laqgħat, bħalma ġara fit-Tuniżija, jista' jiffoka fuq it-twaqqif ta' sottokumitat dejjiemi u t-trawwim tal-fiduċja fost l-imsieħba, sottokumitati bħal dawn, speċjalment issa mal-Marokk, għandhom jimxu lejn fażi li timmira li jinkisbu r-riżultati, bit-twaqqif ta' benchmarks konkreti u ta' indikaturi tal-progress, kif ukoll il-possibilità li jitqajmu każi individwali; jenfasizza li d-diskussjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, bla ebda dubju, m'għandhomx ikunu limitati għal dawn is-sottokumitati u jissottolinea l-ħtieġa li dawn il-kwistjonijiet jiġu inklużi fl-ogħla livell tad-djalogu politiku sabiex tiżdied il-koerenza tal-politika tal-UE f'dan il-qasam u jitnaqqsu d-diskrepanzi f'dikjarazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li jingħataw lill-istampa miż-żewġ naħat; jilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ottubru 2007, li d-diskussjonijiet li jikkonċernaw qafas ta' ftehim bejn l-UE u l-Libja fil-ġejjieni, se jindirizzaw speċifikatament, inter alia, il-koperazzjoni u l-progress dwar id-drittijiet tal-bniedem;

84.

Ifakkar is-sitwazzjoni, li sejra għall-agħar, fis-Sirja, fejn l-awtoritajiet tar-reġim qegħdin jirrifjutaw li jikkonċedu stejtus uffiċjali lil gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem u fejn il-gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem qegħdin jiġu tturmentati mis-servizzi tas-sigurtà u l-membri tagħhom qegħdin jintbagħtu l-ħabs minħabba nuqqas ta' stejtus legali; jikkundanna l-arresti ta' dissidenti u persuni mill-partiti tal-oppożizzjoni, u jħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jistiednu lill-Gvern Sirjan biex jillibera lill-ġurnalisti, l-attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem u l-avukati indipendenti arrestati b'dan il-mod u biex ineħħi l-istat ta' emerġenza;

85.

Jikkundanna l-miżuri meħuda kontra l-oppożizzjoni mill-awtoritajiet tal-Belarus; jinnota li dawn il-miżuri qegħdin ikomplu jieħdu l-forma ta' attentati sistematiċi biex jiġu umiljati u mmaltrattati membri tal-oppożizzjoni; bħala eżempju, jirreferi għall-arrest riċenti tar-rebbieħ tal-Premju Sakharov, Alexander Milinkiewicz; jinnota li l-Unjoni Ewropea ma kellha l-ebda suċċess fir-rigward tat-titjib tas-sitwazzjoni relatata mar-riformi dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Belarus;

86.

Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kriżi umanitarja katastrofika fl-Istrixxa ta' Gaza; jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati sabiex jirrispettaw id-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jerġa' jafferma l-kontenut tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 dwar is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża (24),

87.

Jirrikonoxxi t-tentattivi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni biex f'Mejju 2008 jorganizzaw ċiklu ieħor ta' djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u l-Uzbekistan dwar id-drittijiet tal-bniedem u jfaħħar lill-Kummissjoni għall-isforzi tagħġha biex torganizza seminar għas-soċjetà ċivili dwar l-espressjoni tal-media fil-marġini tad-djalogu, possibbilment f'Tashkent; jerġa' jiġbed l-attenzjoni li djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem u laqgħat tal-esperti dwar il-massakru f'Andijan fl-2005 fihom infushom ma jistgħux jitqiesu bħala progress u ma jistgħux jintużaw bħala raġuni biex jitneħħew is-sanzjonijiet; jinnota li n-nuqqas ta' inkjesta internazzjonali indipendenti dwar il-massakru f'Andijan u n-nuqqas ta' titjib fil-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uzbekistan — il-kundizzjonijiet stipulati mill-Unjoni Ewropea sabiex is-sanzjonijiet jitneħħew — loġikament wasslu sabiex is-sanzjonijiet kontra l-Uzbekistan jiġu estiżi; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2007 daħħlu kundizzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfati fi żmien perjodu ta' sitt xhur sabiex tinżamm is-sospensjoni tar-restrizzjoni fuq il-viżi; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iwetqqu evalwazzjoni serja tal-impatt tad-deċiżjoni li jiġu sospiżi għal sitt xhur uħud mir-restrizzjonijiet fuq il-viżi li huma parti mis-sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kontra l-Uzbekistan, u biex jerġgħu jeżaminaw is-sitwazzjoni globali tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jiddeplora l-fatt li sal-lum l-Uzbekistan ma għamilx progress f'dan ir-rigward; jirrikonoxxi x-xogħol li sar mis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem li jimmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem kull sitt xhur sabiex jipprovdi lill-Kunsill b'evalwazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet parlamentari fir-rigward tal-politika tal-UE li għandha tiġi adottata rigward din il-kwistjoni; huwa mkexkex mill-elezzjoni presidenzjali tat-23 ta' Diċembru 2007 fl-Uzbekistan, li skond l-ODIHR “saret f'ambjent politiku kkontrollat b'mod strett, b'ebda possibiltà ta' oppożizzjoni vera, u … u b'mod ġenerali naqset milli tissodisfa ħafna mill-impenji tal-OSCE għall-elezzjonijiet demokratiċi”; jikkundanna l-qtil ta' Mark Weil, fundatur u direttur tal-arti tat-Teatru indipendenti Ilkhom, f'Tashkent fid-9 ta' Settembru 2007, u tal-ġurnalist u kritiku tar-reġim Uzbeki Alisher Saipov fil-belt Kirgiża ta' Osh fl-24 ta' Ottubru 2007; itenni t-talba tiegħu biex il-priġunieri politiċi jinħelsu minnufih (25);

88.

Jappoġġja r-rieda tal-Kunsill li jinbdew djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' kull wieħed mill-erba' pajjiżi li baqa' fl-Ażja Ċentrali; jitlob li d-djalogi jwasslu għal riżultati u li jitmexxew għalkollox skond il-Linji gwida tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ma' Pajjiżi Terzi, filwaqt li tkun garantita l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-Parlament Ewropew; jitlob li jinbdew djalogi li jkunu appoġġjati minn riżorsi xierqa fi ħdan is-segretarjati tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;

89.

Jinnota l-importanza kemm tal-impenn tat-Turkija kif ukoll dak tal-Unjoni Ewropea fil-proċess tal-adeżjoni tat-Turkija għar-riformi li għaddejjin bħalissa tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija;

90.

Jittama li min kien responsabbli għall-qtil ta' Benazir Bhutto jinstab u jittella' l-qorti mill-aktar fis possibbli; jinnota li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Pakistan marret għall-agħar matul l-2007, anke b'mod partikulari t-theddidiet għall-indipendenza tal-ġudikatura u għal-libertà tal-media; b'dan il-ħsieb, jikkundanna il-kampajna ta' malafama kontra Iftikhar Mohammad Choudhry, l-ex Prim Imħallef tal-Pakistan, kif ukoll il-fatt li ġie mneħħi mill-kariga tiegħu u tpoġġa taħt arrest domiċilju; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jappoġġjaw il-moviment għad-demokrazija mibdi mill-ġudikatura u l-qorti, b'mod partikulari billi jistiednu wkoll uħud mir-rappreżentanti tagħhom, inkluż is-Sur Choudhry; jinnota li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Pakistan marret għall-agħar matul l-2007, anke b'mod partikulari t-theddidiet għall-indipendenza tal-ġudikatura u għal-libertà tal-media; jinnota l-adozzjoni ta' Dokument ġdid dwar Strateġija għal kull Pajjiż għall-Pakistan u jilqa' b'sodisfazzjon l-integrazzjoni tal-prevenzjoni tal-kunflitti u tad-drittijiet tal-bniedem fid-dokument kollu kemm hu; jinnota li l-ewwel laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta Pakistan-Komunità Ewropea saret f'Iżlamabad fl-24 ta' Mejju 2007 u jenfasizza l-ħtieġa li d-drittijiet tal-bniedem jingħataw prijorità fl-aġenda għal-laqgħat sussegwenti kollha;

Il-mutilazzjoni tal-organi ġenitali femminili u prattiki tradizzjonali oħra li jagħmlu l-ħsara

91.

Jenfasizza li l-isforzi biex jinqerdu l-forom kollha ta' mutilazzjoni tal-organi ġenitali femminili għandhom ikunu intensifikati kemm fil-livell primarju kif ukoll matul il-proċess ta' tfassil tal-politika, sabiex ikun enfasizzat il-fatt li mutilazzjoni bħal din hija kemm kwistjoni ta' ġeneru kif ukoll vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem relatata mal-integrità fiżika;

92.

Jinsisti li d-drittijiet tan-nisa jissemmew b'mod espliċitu fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u b'mod partikulari l-ġlieda u l-qerda tal-forom kollha ta' diskriminazzjoni u vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, inklużi, b'mod l-iżjed prominenti, l-abort magħżul skond is-sess, il-forom kollha ta' prattiki tradizzjonali u użanzi li jagħmlu ħsara, pereżempju l-mutilazzjoni tal-organi ġenitali femminili u ż-żwiġijiet bikrija jew sfurzati, il-forom kollha ta' traffikar tal-bnedmin, il-vjolenza domestika, il-qtil tan-nisa, l-isfruttar fuq il-post tax-xogħol u l-esplojtazzjoni ekonomika, u li l-invokazzjoni mill-Istati ta' kwalunkwe drawwa, tradizzjoni jew kunsiderazzjoni reliġjuża ta' kwalunkwe tip, sabiex jevadu d-dmir tagħhom li jeliminaw brutalità bħal din, tiġi rrifjutata, kif ukoll kwalunkwe prattika li tista' thedded il-ħajja tan-nisa;

93.

Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw il-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem sabiex il-ġlieda kontra l-forom kollha ta' mutilazzjoni tal-organi ġenitali femminili ssir kwistjoni ta' prijorità fir-relazzjonijiet ma' Stati li m'humiex membri, partikolarment ma' dawk l-Istati li għandhom relazzjonijiet preferenzjali mal-Unjoni Ewropea permezz tal-Ftehim ta' Cotonou, u jistedinhom biex jagħmlulhom pressjoni biex jadottaw il-miżuri leġiżlattivi, amministrattivi, ġudizzjarji u preventivi li huma meħtieġa biex jitwaqqfu dawn il-prattiki;

94.

Ifakkar fl-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp, u jisħaq li l-aċċess għall-edukazzjoni u għas-saħħa huma drittijiet bażiċi tal-bniedem; jemmen li l-programmi għas-saħħa, inklużi dawk li jkopru s-saħħa sesswali, il-promozzjoni tal-ugwaljanza tas-sessi, l-għoti tas-setgħa lin-nisa u d-drittijiet tat-tfal għandhom ikunu prominenti fil-politika għall-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem tal-UE, b'mod partikulari fejn il-vjolenza bbażata fuq is-sess hija mifruxa u fejn in-nisa u t-tfal jitpoġġew f'riskju ta' HIV/AIDS, jew ma jingħatawx aċċess għall-informazzjoni, għall-prevenzjoni u/jew għall-kura; jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra d-drittijiet ċentrali tax-xogħol u l-aġenda ta' xogħol deċenti fil-politika ta' żvilupp tagħha, b'mod partikulari fil-programmi ta' assistenza relatati mal-kummerċ;

95.

Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu b'mod partikulari r-ratifika u l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-Unjoni Afrikana tal-Protokoll tal-Unjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika;

96.

Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-EIDHR u biex jiżguraw l-allokazzjoni ta' fondi għal attivitajiet li jittrattaw il-qerda tal-forom kollha ta' mutilazzjoni tal-organi ġenitali femminili;

Skrutinju ġenerali tal-attivitajiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni inklużi r-rendimenti taż-żewġ Presidenzi

97.

Jiddeplora l-vjolazzjonijiet kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija mill-ġunta militari f'Burma u jappoġġja l-impenn tal-Unjoni Ewropea biex tilħaq l-objettivi dikjarati tagħha, partikolarment “djalogu tripartitiku” inklużiv u ġenwin bejn ir-reġim militari, l-oppożizzjoni demokratika (jiġifieri l-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija, li rebħet l-elezzjonijiet tal-1990) u n-nazzjonalitajiet etniċi bil-għan li tinkiseb ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali li hija meħtieġa għat-transizzjoni f'Burma għad-demokrazija u t-twaqqif ta' gvern ċivili leġittimu u demokratiku li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem tal-poplu tiegħu u li jerġa' jistabbilixxi relazzjonijiet normali mal-komunità internazzjonali; jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni mill-Kunsill f'Novembru 2007 ta' pożizzjoni komuni sabiex jiġġeddu miżuri restrittivi eżistenti u biex jiddaħħlu miżuri restrittivi addizzjonali, iżda jiddispjaċih għall-esklużjoni ta' ċerti oqsma kruċjali bħall-enerġija minn dawk il-miżuri u sanzjonijiet finanzjarji u bankarji kontra r-reġim militari; f'dan ir-rigward, jikkunsidra li l-adozzjoni ta' miżuri ristrettivi għandha tkun akkumpanjata, bħala ħaġa ta' rutina, minn appoġġ sod tas-soċjetà ċivili, li ma kienx il-każ f'Burma; jikkundanna r-reazzjoni brutali tal-awtoritajiet Birmani għad-dimostrazzjonijiet mill-patrijiet Buddisti u mid-dimostraturi paċifiċi kollha; jiddeplora l-arresti u d-detenzjonijiet kontinwi tal-attivisti demokratiċi u ġurnalisti, u jistieden lill-Kunsill biex ikompli jenfasizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Burma bħala prijorità ewlenija fil-UNHRC u biex ikompli jagħmel pressjoni biex is-Sur Tomas Ojea Quintana, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Burma biex ikompli jevalwa iktar l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħatra ta' Piero Fassino bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Burma. u jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja attivament il-moviment prodemokratiku ta' Burma fil-qafas tal-EIDHR; jikkundanna l-qtil ta' Padoh Mahn Sha, is-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni Nazzjonali ta' Karen (KNU), fl-14 ta' Frar 2008, li nqatel fid-dar tiegħu fit-Tajlandja; jitlob li ssir investigazzjoni taċ-ċirkostanzi ta' dan il-qtil, u li l-UE tesprimi għadab għar-reġim militari u jħeġġeġ għal protezzjoni aħjar tal-mexxejja demokratiċi eżiljati minn Burma li qegħdin jgħixu fit-Tajlandja; huwa mħasseb minħabba li r-refuġjati minn Burma li jinsabu fil-Malażja huma estremament vulnerabbli u jinsabu f'riskju li jisfaw arrestati, detenuti, imsawwta bil-qasba jew iddeportati mill-awtoritajiet Malażjani; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jistieden lill-awtoritajiet Malażjani biex iwaqqfu t-trattament brutali tagħhom tar-refuġjati, biex jinkuraġġixxi lill-UNHCR biex tirreġistra r-refuġjati kollha sabiex tkun ipprovduta iktar protezzjoni u biex iktar pajjiżi jiġu mħeġġa jaqblu li jaċċettaw refuġjati mill-Burma li jinsabu l-Malażja, sabiex dawn jistabbilixxu ruħhom mill-ġdid;

98.

Jistieden lill-presidenza tal-Kunsill biex tiffoka fuq il-pajjiżi li għandhom sitwazzjoni partikolarment preokkupanti fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; b'mod partikulari, jinkuraġġixxi lill-Kunsill biex jimplimenta għalkollox il-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u biex jalloka riżorsi addizzjonali għal proġetti inklużi fl-EIDHR, b'mod partikulari għall-promozzjoni tad-demokrazija fil-Belarus, fil-Burma, f'Kuba, fl-Eritrea, fil-Laos, fil-Korea ta' Fuq, fl-Uzbekistan, fil-Vjetnam u fiż-Żimbabwe; jikkunsidra li l-ħsieb u l-implimentazzjoni ta' dawk il-proġetti m'għandhomx jiddependu mill-kunsens jew mill-koperazzjoni tar-reġimi rispettivi;

99.

Jilqa' b'sodisfazzjon li għall-ewwel darba fit-18 ta' Ottubru 2007 kien iċċelebrat Jum l-Unjoni Ewropea Kontra t-Traffikar, maħsub biex iqajjem kuxjenza dwar it-traffikar tal-bnedmin u biex ikun enfasizzat l-impenn li l-Unjoni Ewropea għandha biex dan jinqered;

100.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-Forum bejn l-Unjoni Ewropea u l-NGOs dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, organizzat mill-Presidenza Portugiża u mill-Kummissjoni u li sar f'Liżbona f'Diċembru 2007 dwar is-suġġett tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali; jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Forum, li reġgħu affermaw l-indiviżibiltà u l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u li rnexxielu jorbot l-aspetti esterni u interni tal-politika tal-Unjoni Ewropea; jinkuraġġixxi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, għaldaqstant, isaħħu l-Evalwazzjoni tal-Impatt tas-Sostenibilità mħejjija mid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ tal-Kummissjoni permezz ta' evalwazzjoni tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem adegwata;

101.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-raba' laqgħa tan-Network tal-Unjoni Ewropea ta' Punti ta' Kuntatt fir-rigward tal-persuni responsabbli għal ġenoċidju, għal reati tal-gwera u għal reati kontra l-umanità, laqgħa li saret fl-Aja fis-7 u fit-8 ta' Mejju 2007; jinnota x-xogħol li sar f'dik il-laqgħa, li kienet kollha dwar ir-Rwanda u l-investigazzjonijiet ta' suspettati Rwandin minn stati Ewropej; jiddispjaċih li ma ġietx organizzata l-ħames laqgħa tan-Network taħt il-Presidenza Portugiża; ifakkar lill-Kunsill fl-impenn li tiġi organizzata laqgħa bħal din taħt kull Presidenza;

102.

Jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill biex tittratta n-nuqqas ta' azzjoni mill-Unjoni Ewropea fid-Darfur; jilqa' b'sodisfazzjon l-operazzjoni ibrida Unjoni Afrikana/Nazzjonijiet Uniti fid-Darfur (UNAMID) approvata unanimament fil-31 ta' Lulju 2007 mir-Rizoluzzjoni 1769(2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti bħala pass żgħir fid-direzzjoni t-tajba; jinnota li l-UNAMID ħadet post il-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Sudan (AMIS) fil-31 ta' Diċembru 2007, u għandha mandat inizjali li jintemm fil-31 ta' Lulju 2008; jistenna li l-forza ta' 7 000 ruħ tal-AMIS, li s'issa kienet responsabbli miż-żamma tal-paċi, tingħaqad f'din il-forza l-ġdida u li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex ikun żgurat li UNAMID tkun kapaċi tissodisfa l-mandat tagħha, inkluża r-reviżjoni perjodika tan-numru ta' persuni li jkunu ntbagħtu għaż-żamma tal-paċi; jinsisti, madankollu, li l-mandati ta' arrest li nħarġu mill-ICC fir-rigward tad-Darfur għandhom jitwettqu mill-aktar fis possibbli; jinnota li l-inadegwatezza tal-miżuri għall-ġlieda kontra d-diżastru umanitarju fid-Darfur kienet waħda mir-raġunijiet li wasslu biex is-sitwazzjoni politika u soċjali fiċ-Chad tmur għall-agħar; jitlob li jittieħdu miżuri immedjati biex tkun ipprovduta għajnuna ikbar għal dak il-pajjiż;

103.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-offensiva tar-ribelli fi N'Djamena, il-belt kapitali taċ- Chad fil-bidu ta' Frar 2008; jenfasizza l-importanza tal-involviment tal-UE fiż-żieda tal-pressjoni diplomatika għall- waqfien l-isparar fiċ-Chad sabiex jiġu protetti persuni f'diffikultajiet kbar u jiġu appoġġjati diskussjonijiet immirati lejn il-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali f'dak il-pajjiż; jikkundanna r-rażan tal-avversarji politiċi fil-belt kapitali ta' N'Djamena mill-Gvern taċ-Chad wara l-attentat ta' kolp ta' stat fi Frar; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jagħmel dak kollu possibbli biex jiżgura l-libertà tal-oppożizzjoni politika fiċ-Chad; jissottolinea l-gravità tal-kriżi tar-refuġjati u tal-persuni spustati internament (l-IDPs) fil-lvant taċ-Chad, fejn iktar minn 400 000 refuġjat u IDPs qegħdin jingħataw kenn fi 12-il kamp matul il-fruntiera tal-lvant taċ-Chad; jilqa' b'sodisfazzjon t-twaqqif tal-missjoni għaż-żamma tal-paċi Forzi tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Chad u fir-Repubblika tal-Afrika Ċentrali (EUFOT TCHAD/RCA) u l-objettiv vitali tagħha li tipproteġi r-refuġjati, l-IDPs u l-istaff umanitarju f'dan ir-reġjun fi kriżi;

104.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li bdiet il-ħidma fin-Nazzjonijiet Uniti biex jinħoloq standard ta' imġiba uniformi għall-kategoriji kollha tal-persunal involut f'missjonijiet għaż-żamma tal-paċi; jinnota li l-Pjan ta' Azzjoni tal-Grupp ta' Ħidma jsemmi l-ħtieġa li jiġi inkorporat sett ta' sitt prinċipji ewlenin fil-kodiċijiet ta' kondotta kollha tal-Kumitat Permanenti ta' Bejn l-Aġenziji (IASC), inkluż prinċipju li jipprojbixxi l-attività sesswali ma' persuni iżgħar minn 18-il sena, tkun xi tkun l-età meta wieħed jitqies adult jew l-età għall-kunsens li tapplika f'kull pajjiż; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li issa dan il-kodiċi ta' kondotta japplika għall-persunal kollu umanitarju u għaż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' unitajiet dwar il-kondotta personali fi ħdan il-Missjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Burundi, fil-Kosta tal-Avorju, fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u f'Ħaiti, biex jinvestigaw allegazzjonijiet u jassistu lill-vittmi; jistenna li l-kodiċi ta' kondotta jkun implimentat għalkollox fil-Missjonijiet kollha tan-Nazzjonijiet Uniti, anke fejn ikun xieraq l-infurzar ta' sanzjonijiet penali kontra membri tal-persunal li jkun ġie ppruvat li stupraw jew li sfruttaw sesswalment lit-tfal;

105.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kunsill jistabbilixxi u jaġġorna regolarment listi ta' pajjiżi li qegħdin fil-mira u li fir-rigward tagħhom isiru sforzi konġunti bil-għan li jiġu implimentati l-Linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar it-tfal u l-kunflitti armati, dwar il-piena kapitali (l-hekk imsejħa pajjiżi li waslu biex jadottaw bidliet f'dan ir-rigward) u dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jinnota li prattika simili hija prevista wkoll fl-Istrateġija ta' Implimentazzjoni tal-Linji gwida ġodda tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal; jinkuraġġixxi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jestendu din il-prattika tajba, li tippermetti lill-Unjoni Ewropea inter alia li tirreaġixxi b'mod iktar effettiv permezz ta' proċeduri politiċi, dikjarazzjonijiet u forom oħra ta' azzjoni, għal-Linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar it-tortura; jinkuraġġixxi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jużaw il-Mekkaniżmi Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti u biex jikkunsidraw rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet ta' urġenza tal-Parlament Ewropew meta jidentifikaw il-pajjiżi li jitqiegħdu fil-mira;

106.

Itenni t-talba tiegħu biex id-diskussjonijiet kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija ma' pajjiżi terzi kif ukoll l-istrumenti, id-dokumenti u r-rapporti, inklużi r-Rapporti Annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem, jittrattaw b'mod espliċitu l-kwistjonijiet dwar id-diskriminazzjoni inklużi l-kwistjonijiet dwar il-minoranzi etniċi, nazzjonali u lingwistiċi, il-libertajiet reliġjużi inklużi l-intolleranza lejn kwalunkwe reliġjon u prattiki diskriminatorji kontra reliġjonijiet f'minoranza, il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-popli indiġeni, id-drittijiet tal-bniedem tan-nisa, id-drittijiet tat-tfal,, tal-persuni b'diżabilità inklużi l-persuni b'diżabilitajiet intellettwali, u l-persuni b'kull tip ta' orjentament sesswali, filwaqt li jiġu involuti għalkollox l-organizzazzjonijiet tagħhom, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll f'pajjiżi terzi, meta xieraq;

Il-programmi ta' għajnuna esterna tal-Kummissjoni u l-EIDHR

107.

Jesprimi tħassib dwar it-tbagħbis evidenti fil-votazzjoni fl-elezzjoni presidenzjali fil-Kenja f'Diċembru 2007 li ġiet segwita minn vjolenza f'dak il-pajjiż, u jitlob li jkunu ggarantiti d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-dritt tal-espressjoni libera, id-dritt tal-għażla u d-dritt tal-assoċjazzjoni, kif ukoll elezzjonijiet ħielsa u ġusti; huwa mħasseb dwar il-ħlas ta' finanzjament tal-UE lill-Kenja ġurnata wara l-elezzjonijiet f'Diċembru 2007; iħeġġeġ biex fil-ġejjieni, il-ħlasijiet lill-gvernijiet m'għandhomx isiru fi żmien daqshekk qasir wara elezzjoni ġenerali u, b'mod partikulari, li tali ħlasijiet m'għandhomx isiru qabel ma jkun intlaqa' rapport mill-Missjoni tal-UE ta' Osservazzjoni tal-Elezzjoni; jinnota, fid-dawl tad-diskussjonijiet għall-paċi, li l-importanza tal-involviment kontinwu tal-UE fl-appoġġ tal-isforzi li qegħdin isiru bħalissa biex fil-Kenja jinkisbu gvern u presidenza demokratiċi stabbli u li jiffunzjonaw;

108.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-EIDHR bħala strument finanzjarju għall-għajnuna esterna li jippromwovi speċifikatament id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u l-fatt li l-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew ġew ikkunsidrati fid-dokumenti ta'l-ipprogrammar tal-2007 u l-2008;

109.

Jitlob trasparenza kompleta fir-rigward ta' kif jintefqu l-flus u ta' kif jintagħżlu u jiġu evalwati proġetti fl-EIDHR; jitlob li l-proġetti kollha li jintagħżlu jiġu ppubblikati fuq l-internet, kulmeta dan ikun fl-interess tal-ħarsien tar-riċevitur;

110.

Jilqa' b'sodisfazzjon it-tnedija, fl-EIDHR, ta' proġett ġdid li jippermetti li tittieħed azzjoni urġenti għall-ħarsien tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta din il-miżura ġdida malajr u b'mod effettiv;

111.

Jipproponi li l-baġit tal-EIDHR jiżdied mill-2009 bil-għan, partikolarment, li finanzjamenti addizzjonali jkunu disponibbli kemm għal proġetti f'pajjiżi “diffiċli” kif ukoll għal proġetti mmaniġġjati direttament mid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni ma' organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili, sabiex kwalunkwe pajjiż li fih qegħdin jiġu implimentati proġetti bħal dawn jkun jista' jkollu aċċess għall-fondi tal-Komunità;

112.

Jistieden lill-Kummissjoni biex taġġusta l-livell ta' staff allokat għall-implimentazzjoni tal-EIDHR, kemm fil-kwartieri ġenerali kif ukoll fid-delegazzjonijiet, sabiex jitqiesu l-pekularitajiet u l-problemi ta' dan l-istrument il-ġdid, biex ir-riżorsi u l-għarfien espert meħtieġ ikunu disponibbli filwaqt li jitqiesu n-natura sensittiva ħafna tal-proġetti li tappoġġja, il-ħtieġa li tipproteġi l-atturi fis-soċjetà ċivili li jwettqu dawk il-proġetti u l-importanza tal-għan politiku li jirrapreżentaw;

113.

Jitlob li jingħata taħriġ speċifiku fid-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija lill-istaff tad-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi, sa l-ogħla livell, partikolarment fid-dawl tal-proġetti mwettqa skond il-linji gwida, u tal-ħtieġa urġenti li jingħata appoġġ lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob ukoll li t-taħriġ ta' kull sentejn tal-kapijiet tad-delegazzjonijiet jinkludi komponent tad-drittijiet tal-bniedem fid-dawl tad-dmirijiet il-ġodda tad-delegati f'dan il-qasam;

114.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura koerenza bejn il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni u l-proġetti u l-programmi li tappoġġja, partikolarment rigward l-ipprogrammar bilaterali tagħha mal-pajjiżi terzi; jitlob ukoll li tiġi ggarantita iktar koerenza bejn il-programmi u l-istrumenti tematiċi, u biex dawn l-istrumenti jissaħħu peress li dawn huma l-uniċi mezzi li jistgħu jippermettu lill-Unjoni biex twettaq proġetti f'pajjiżi terzi mingħajr l-appoġġ tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati;

115.

Jinnota li fl-2007 l-fondi tal-EIDHR allokati għal missjonijiet tal-Unjoni Ewropea ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet kienu 23 % tal-fondi totali tal-EIDHR li ntużaw (EUR 30,1 biljun) u li saru 11-il missjoni bħal din;

116.

Jinnota li proporzjon kbir (madwar 50 %) mill-finanzjament totali tal-EIDHR għal proġetti li ngħataw b'kuntratt fl-2007 ngħata għal proġetti tematiċi kbar u proporzjon żgħir biss (24 %) ingħata għal skemi ta' appoġġ ibbażati fil-pajjiżi (ekwivalenti għal mikroproġetti); jinnota wkoll li parti żgħira biss mill-fondi ġiet allokata għall-Ażja u jissuġġerixxi li jerġa' jkun evalwat il-bilanċ ġeografiku;

117.

Jinnota li għandu jitqies sew l-iffinanzjar ta' organizzazzjonijiet internazzjonali li l-fondi tagħhom jingħataw permezz ta' kontribuzzjonijiet evalwati ta' Stati Membri, bħall-ICC, peress li l-finanzjament li jingħata lil organizzazzjonijiet bħal dawn iwassal biex ikunu ffinanzjati Partijiet Terzi, li jkollhom l-obbligu li jiffinanzjaw lil dawk l-organizzazjonijiet, filwaqt li jitqiegħdu f'riskju proġetti u istituzzjonijiet oħra li jiddependu mill-EIDHR, bħall-proġetti tal-NGOs u l-programm ta' rikostruzzjoni ġudizzjarja u ta' ħidma favur il-popli tal-Qorti Speċjali għas-Sjerra Leone;

L-assistenza elettorali u l-osservazzjoni tal-elezzjonijiet

118.

Jinnota b'sodisfazzjoni li l-UE qiegħda tagħmel dejjem iktar użu mill-assistenza elettorali u l-osservazzjoni tal-elezzjonijiet biex tippromwovi d-demokrazija fil-pajjiżi terzi, u li l-kwalità u l-indipendenza ta' dawn il-missjonijiet huma rikonoxxuti fil-wisa';

119.

Iħeġġeġ iktar viġilanza fir-rigward tal-kriterji għall-għażla tal-pajjiżi li fihom titwettaq assitenza elettorali / osservazzjoni tal-elezzjonijiet u tal-konformità mal-metodoloġija u r-regoli stabbiliti fuq livell internazzjonali, partikolarment dawk li jikkonċernaw in-natura indipendenti tal-missjoni;

120.

Jikkunsidra li, f'dan l-istadju, fid-dawl tal-esperjenza tal-imgħoddi, l-assistenza elettorali u l-osservazzjoni tal-elezzjonijiet għandhom ikunu inkorporati fi proċess kontinwu inklużi stadju pre-elettorali ta' appoġġ għat-twaqqif tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u l-iktar importanti, ta' stadju post-elettorali li jappoġġja u jevalwa l-proċess demokratiku bil-għan li jiġi msaħħaħ l-istat tad-dritt, li jiġu kkonsolidati l-istituzzjonijiet demokratiċi, il-pluraliżmu politiku, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-irwol tas-soċjetà ċivili;

121.

Ifakkar li l-ħtieġa għal politika post-elettorali hija parti mill-bażi legali tal-EIDHR;

122.

Jitlob li l-proċess elettorali jinkludi kemm stadju pre-elettorali kif ukoll stadju post-elettorali, li għandhom ikunu inkorporati fil-livelli differenti tad-djalogu politiku mal-pajjiżi terzi kkonċernati bil-għan li tkun assigurata koerenza tal-politiki tal-UE u biex jiġi affermat mill-ġdid l-irwol kruċjali tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija;

123.

Ifakkar ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li d-demokrazija u l-istrateġiji tad-drittijiet tal-bniedem jeħtieġ ikunu mfassla għal kull pajjiż, kif xi wħud mill-Istati Membri diġà bdew jagħmlu, peress li dawn huma mezzi essenzjali biex tkun assigurata koerenza tal-politiki segwiti, anki matul il-proċessi elettorali;

124.

Jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin biex qabel l-analiżi ta' nofs it-term, jara fiex qiegħda l-implimetazzjoni tal-komponenti varji tal-EIDHR;

L-implimentazzjoni ta' klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-ftehim estern

125.

Jiddeplora l-fatt li l-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, element essenzjali tal-ftehim kollha ta' koperazzjoni u sħubija ma' pajjiżi terzi, għadha m'hijiex qed tiġi implimentata b'mod konkret, minħabba n-nuqqas ta' mekkaniżmu li jippermetti li tkun infurzata;

126.

Jerġa' jenfasizza f'dan il-kuntest il-proposti stipulati fir-riżoluzzjoni tal-Parlament imsemmija hawn fuq tal-14 ta' Frar 2006 dwar il-klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-ftehim tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza partikolarment il-ħtieġa li jiġu inklużi klawżoli bħal dawn fil-ftehim kollu tal-UE, inklużi ftehim speċifiku għal kull settur;

127.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu vantaġġ mill-kuntest attwali tal-iskadenza tal-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni ma diversi pajjiżi tal-viċinat u r-Russja, u tan-negozjati għal ftehim ġdid, sabiex jiġu integrati d-drittijiet tal-bniedem u d-djalogu effettiv li jikkonċernahom fil-ftehim futur, anki permezz ta' mekkaniżmu ta' segwitu;

128.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fi ħdan il-politiki ta' żvilupp, tal-kummerċ barrani u investiment tagħha, biex tiżgura li l-attivitajiet ekonomiċi ta' kumpaniji privati tal-UE f'pajjiżi terzi jikkonformaw ma' standards tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali, b'mod partikulari fir-rigward tal-isfruttament ta' riżorsi naturali u l-obbligu internazzjonali biex ikun akkwistat il-kunsens minn qabel u infurmat ta' komunitajiet lokali u persuni indiġeni affettwati; iqis li l-Parlament għandu jimmonitorja u jirrapporta l-progress imwettaq f'dan ir-rigward;

129.

Itenni t-talba tiegħu biex il-klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem jiġu implimentati permezz ta' proċedura ta' konsultazzjoni iktar trasparenti bejn il-partijiet, li tfisser il-mekkaniżmi politiċi u legali li għandhom jintużaw fil-każ ta' talba biex tiġi sospiża l-koperazzjoni bilaterali minħabba vjolazzjonijiet ripetuti u/jew sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem li jiksru l-liġi internazzjonali; jikkunsidra li klawżoli bħal dawn għandhom jinkludu wkoll dettalji dwar mekkaniżmu li jippermetti s-sospensjoni temporanja ta' ftehim ta' koperazzjoni kif ukoll “mekkaniżmu ta' twissija”;

130.

Jinnota li fl-2007 l-Unjoni Ewropea ma kkonkludietx ftehim ġdid li fih klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem;

131.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fl-2007 l-Kunsill u l-Kummissjoni ssospendew il-preferenzi ta' kummerċ mogħtija lill-Belarus fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (GSP) minħabba li l-gvern tal-Belarus ma implimenta ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet imressqa mill- ILOl-2004;

132.

Jemmen li għandha tiġi assigurata protezzjoni effettiva tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fuq il-fruntieri esterni tal-UE u li din għandha tikkostitwixxi prijorità ewlenija fl-isforzi tal-UE biex tintegra d-drittijiet tal-bniedem; tistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jikkonsolidaw l-isforzi tagħhom għall-integrazzjoni fi ħdan il-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP), l-isħubija strateġika mar-Russja u r-relazzjonijiet mat-Turkija u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, u wkoll għal dak il-għan, biex jagħmlu użu sħiħ tal-oqfsa reġjunali ta' koperazzjoni eżistenti f'dawk ir-reġjuni; itenni l-ħtieġa partikulari li jkunu indirizzati l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fiż-żoni ta' kunflitti li għadhom ma ssolvewx fil-pajjiżi msemmija, li jfixklu konsiderevolment il-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt u d-demokrazija fil-fruntieri esterni attwali tal-UE;

L-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem

133.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tibqa' timmoniterja mill-qrib l-għoti ta' benefiċċji fis-“Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi +”lil pajjiżi li wrew nuqqasijiet kbar fl-implimentazzjoni tat-tmien konvenzjonijiet tal-ILO dwar l-istandards tax-xogħol ewlenin, minħabba l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet ċivili u politiċi jew minħabba l-użu ta' xogħol sfurzat; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa kriterji li jiddeterminaw meta l-GSP għandha tkun irrevokata minħabba vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

134.

Ifakkar id-Dikjarazzjoni dwar id-Dritt għall-Iżvilupp, adottata mir-riżoluzzjoni 41/128 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-4 ta' Diċembru 1986, li tirrikonoxxi li d-dritt għall-iżvilupp huwa dritt tal-bniedem inaljenabbli u li l-Istati għandhom ir-responsabiltà ewlenija għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet favorevoli għat-twettiq tad-dritt għall-iżvilupp, u jridu jieħdu passi biex ifasslu politiki ta' żvilupp internazzjonali bil-għan li jitħaffef it-twettiq sħiħ ta' dak id-dritt; jitlob li jiddaħħlu miżuri li jiżguraw li programmi ta' żvilupp internazzjonali mfassla biex jittrattaw ir-responsabiltà tal-Istati jinkludu lill-persuni b'diżabilitajiet u jkunu aċċessibbli għal dawn il-persuni, skond l-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabiltajiet, iffirmata mill-Komunita' Ewropea fit-30 ta' Marzu 2007;

135.

Ifakkar lill-Kunsill dwar l-impenn tiegħu li jintegra d-drittijiet tal-bniedem fis-CFSP u f'politiki oħra tal-UE, kif hemm deskritt fid-dokument approvat mill-Kumitat għall-Politika u s-Sigurtà fis-7 ta' Ġunju 2006; jitlob li jsir iktar progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li fih dak id-dokument; ifakkar lill-Kunsill, partikolarment, dwar l-obbligi li huma responsabilità tal-partijiet ta' ħidma ġeografiċi, li jidentifikaw ta' kwistjonijiet, prijoritajiet u strateġiji ewlenin relatati mad-drittijiet tal-bniedem bħala parti mill-ippjanar ġenerali, u li jkun stabbilit skambju iktar sistematiku mal-NGOs internazzjonali u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

136.

Ifakkar li l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2008 jistipula li l-approprjazzjonijiet li jkopru d-diżabiltà għandhom ikunu kkontrollati biex ikun żgurat li, bħall-għajnuna Komunitarja, ikunu konformi mal-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabiltajiet, u jitlob li dawn id-dispożizzjonijiet tal-baġit jiġu implimentati u segwiti b'mod strett;

137.

Jistieden lill-Kunsill biex jagħmel l-almu tiegħu biex jimplimenta d-dritt fundamentali għas-saħħa fir-rigward tat-trattament tal-uġigħ u l-aċċess għall-analġeżiċi opjojdi, filwaqt li jinnota li l-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi talab lill-komunità internazzjonali biex tippromwovi l-preskrizzjoni ta' mediċini li jtaffu l-uġigħ, bil-kundizzjoni li jkunu kkontrollati minn aġenti ta' sorveljanza internazzjonali u nazzjonali rikonoxxuti, bħalma huma l-gvernijiet nazzjonali u l-aġenziji speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti, speċjalment f'pajjiżi fqar, billi nuqqas kbir ta' trattament huwa rrappurtat f'aktar minn 150 pajjiż; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaħdmu sabiex is-sħubija fil-WHO tinfetaħ għall-Istati kollha, kif stipulat fl-Artikolu 3 tal-Kostituzzjoni tagħha, b'hekk tissaħħaħ l-effikaċja u l-universalità tal-programmi tal-WHO;

138.

Jikkundanna inkondizzjonatament il-forom kollha ta' sfruttament tat-tfal, kemm jekk fil-forma ta' sfruttament sesswali, inklużi l-pornografija tat-tfal u t-turiżmu għas-sess mat-tfal, kif ukoll bħala xogħol sfurzat, u l-forom kollha ta' traffikar tal-bnedmin; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu bħala kwistjoni soċjali serja u relatata mad-drittijiet tal-bniedem, u biex jieħdu miżuri biex isolvu l-problemi ta' eluf ta' tfal fit-triq u tfal sfurzati jittalbu, u jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu sanzjonijiet kontra dawk responsabbli għad-degradazzjoni tat-tfal sfurzati jittalbu;

139.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tibqa' tippromwovi r-responsabiltà soċjali tal-kumpaniji fost il-kumpaniji Ewropej u lokali; jitlob lill-Kunsill biex jirrapporta lura lill-Parlament dwar kwalunkwe feedback mir-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozji u d-Drittijiet tal-Bniedem li tikkjarifika l-istandards ta' responsabiltà tal-kumpaniji u r-responsabiltà għal korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi tan-negozju oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;

140.

Jirrikonoxxi li l-politika tal-immigrazzjoni saret prijorità fl-aġenda tal-politika interna u esterna tal-UE u li fit-testi tagħha l-UE qed tipprova torbot l-immigrazzjoni u l-iżvilupp u tiżgura li d-drittijiet fundamentali tal-immigranti jkunu rispettati; isostni, madankollu, li r-realtà fil-fatt hija differenti minn dawk it-testi; jenfasizza li għandu jiġi konkluż ftehim għar-rijammissjoni ta' immigranti illegali ma' pajjiżi terzi li għandhom il-makkinarju legali u istituzzjonali meħtieġ sabiex tkun immaniġġjata r-rijammissjoni ta' persuni li oriġinaw minn dak il-pajjiż u biex jitħarsu d-drittijiet tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' ammissjoni mill-ġdid bħal dawn jirrispettaw b'mod sħiħ il-prinċipju li jipprojbixxi li jintbagħtu lura l-immigranti (non-refoulement principle), biex ikun żgurat aċċess għal proċedura ta' ażil ġusta; jistieden għal immonitorjar effettiv tat-trattament ta' persuni ritornati skond ftehimiet ta' ammissjoni mill-ġdid, b'mod partikulari fir-rigward ta' “katina ta' projbizzjoni li jintbagħtu lura l-immigranti”;

141.

Jistieden lill-Kunsill biex jiżgura li d-drittijiet tar-refuġjati, ta' min ifittex il-kenn u tal-migranti jkunu rispettati għalkollox fil-prattika meta tissaħħaħ il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi dwar il-migrazzjoni u l-kenn; jenfasizza li, b'mod partikulari, il-mekkaniżmu tal- ENP għandu jintuża biex ikun immoniterjat ir-rendiment tad-drittijiet tal-bniedem f'dan il-qasam; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li, fil-qasam tal-politika ta' koperazzjoni għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, isir dak kollu possibbli biex ikun żgurat li l-korpi tal-pulizija u dawk ġudizzjarji f'pajjiżi terzi jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li ma jingħata l-ebda appoġġ għal tagħmir tal-pulizija u tal-ġustizzja ta' pajjiżi li jiksru b'mod serju u sistematiku d-drittijiet tal-bniedem u/jew li ma jagħtux kont ta' kif intużaw il-fondi msemmija;

142.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu inizjattivi tal-Unjoni Ewropea f'livell internazzjonali għall-ġlieda kontra l-persekuzzjoni u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru; eż. billi jippromwovu riżoluzzjoni dwar din il-kwistjoni f'livell tan-Nazzjonijiet Uniti u billi jingħata appoġġ lill-NGOs u lill-persuni li jippromwovu l-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni; jikkundanna l-fatt li ħafna pajjiżi kkriminalizzaw l-imġiba omosesswali, li l-Iran, l-Għarabja Sawdita, il-Jemen, is-Sudan, il-Mawritanja, l-Emirati Għarab Magħquda u partijiet min-Niġerja imponew il-piena tal-mewt għal attivitajiet omosesswali, li 77 pajjiż għandhom liġijiet li jippermettu lill-awtoritajiet tal-istat itellgħu l-qorti, u possibilment li tingħata sentenza ta' ħabs lil persuni għal atti sesswali ma' persuni tal-istess sess, u li diversi pajjiżi bħall-Pakistan, il-Bangladexx, l-Uganda, il-Kenja, it-Tanżanija, iż-Żambja, il-Malawi, in-Niġer, il-Burkina Faso, is-Sjerra Leone, ill-Malasja u l-Indja (fejn bħalissa qiegħda ssir analiżi ġudizzjarja tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Penali) għandhom liġijiet li jistipulaw l-impożizzjoni ta' sentenzi fuq persuni li jvarjaw minn 10-il sena sa għomorhom il-ħabs; jappoġġja għalkollox il-Prinċipji ta' Yogyakarta dwar l-applikazzjoni tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu kenn lill-persuni li huma f'riskju ta' persekuzzjoni fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom minħabba l-orjentament sesswali jew l-identità tal-ġeneru tagħhom;

143.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw, qabel il-laqgħa ministerjali ppjanata għall-2009 tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Droga u l-Kriminalità, li l-fondi mogħtija lill-aġenziji internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti biex jiġu missielta d-drogi illegali ma jintużawx, la b'mod dirett u lanqas b'mod indirett, biex jiġu appoġġjati korpi ta' sigurtà f'pajjiżi li jikkomettu ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem jew li japplikaw il-piena tal-mewt f'każi relatati mad-droga; jitlob ukoll li jitħejja dokument li jippreżenta b'mod komprensiv u dettaljat l-aħjar prattiki implimentati mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-politika dwar id-droga meta ssir is-seduta li jmiss tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drogi Narkotiċi;

144.

Itenni l-importanza ta' politika interna tal-Unjoni Ewropea li tippromwovi l-aderenza mal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħtieġa li l-Istati Membri jilleġiżlaw b'mod konsistenti, inter alia, mal-obbligi li joriġinaw mill-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u mill-Protokolli Addizzjonali tagħhom, mill-Konvenzjoni kontra t-Tortura, mill-Konvenzjoni dwra il-Ġenoċidju u mill-Istatut ta' Ruma; jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fl-applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni universali f'xi Stati Membri; sabiex tinkiseb koerenza akbar fil-politiki interni u esterni, jinkuraġġixxi lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkorporaw il-ġlieda kontra l-impunità għal reati internazzjonali serji fl-iżvilupp ta' zona komuni tal-Unjoni Ewropea ta' libertà, sigurtà u ġustizzja;

145.

Itenni l-preokkupazzjoni tiegħu fir-rigward ta' restrizzjonijiet fuq kontenut tal-internet, kemm jekk japplikaw għat-tixrid kif ukoll għall-wasla ta' informazzjoni, li jiġu imposti minn gvernijiet u li ma jkunux f'konformità stretta mal-garanzija tal-libertà tal-espressjoni; f'dan ir-rigward, jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ifasslu liġijiet Komunitarji dwar il-kummerċ ma' pajjiżi terzi fir-rigward ta' oġġetti, inklużi s-softwer, il-ħardwer u oġġetti oħra simili b'għan wieħed, jiġifieri li jitwettqu attivitajiet ġenerali ta' kontroll u biex ikun ristrett l-aċċess għall-internet b'mod li m'huwiex konsistenti mal-libertà tal-espressjoni, u mal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' oġġetti bħal dawn, bl-eċċezzjoni ta' oġġetti li jintużaw biss għall-ħarsien tat-tfal; jikkunsidra li l-istess ħaġa għandha tapplika fir-rigward tat-teknoloġija ta' sorveljanza u/jew tat-teknoloġija militari li tintbagħat lil pajjiżi li jiksru d-drittijiet tal-bniedem b'mod sistematiku; jitlob ukoll li jinstabu soluzzjonijiet konkreti sabiex jiġi evitat li n-negozji Ewropej jipprovdu lil dawn il-pajjiżi b'data personali li tista' tintuża biex jinkisru dawn id-drittijiet, b'mod partikulari l-libertà tal-espressjoni;

L-effikaċja tal-interventi tal-Parlament Ewropew f'każijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem

146.

Jitlob lill-Kunsill biex jieħu sehem f'dibattiti dwar riżoluzzjonijiet dwar każijiet urġenti ta' ksur ta d-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat ta' dritt, u jitlob li s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem jingħata rwol iktar konsistenti fl-iżvilupp ta' kriterji konsistenti u trasparenti għall-għażla ta' suġġetti urġenti;

147.

Jirrakkomanda li riżoluzzjonijiet u dokumenti ewlenin marbuta ma' kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem jiġu tradotti fil-lingwa mitkellma fiz-zoni mmirati, b'mod partikulari f'dawk il-lingwi li l-użu tagħhom m'huwiex rikonoxxut jew huwa pprojbit minn awtoritajiet tal-istat li huma responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

148.

Jiddispjaċih ħafna li l-awtoritajiet Birmani u Kubani rrifjutaw it-talba tal-Parlament għall-qbil tagħhom biex tintbagħat delegazzjoni biex iżżur rebbieħa preċedenti tal-Premju Sakharov; jikkunsidra li l-Parlament għandu jiffaċilita t-twaqqif ta' network tar-rebbieħa tal-Premju Sakharov, b'laqgħat regolari li jsiru fil-Parlament;

149.

Jiċħad bil-qawwa l-vjolenza sistematika u l-atti riċenti ta' tkasbir li qed ibatu r-rebbieħa tal-Premju Sakharov id-“Damas de Blanco” (in-“Nisa bl-Abjad”) meta dawn jagħmlu dimostrazzjonijiet b'mod paċifiku u jitolbu l-ħelsien tal-qraba tagħhom, miżmuma f'ħabs f'Kuba issa ilu aktar minn ħames snin; jistieden lill-President tiegħu sabiex itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet Kubani li Oswaldo Payá, rebbiegħ tal-premju Sakharov fl-2002, jitħalla, b'konformità mal-istedina li ngħatatlu mill-istituzzjonijiet Ewropej jidher quddiemhom personalment u jispjega s-sitwazzjoni politika attwali f'Kuba; barra minn hekk jistieden lill-President tiegħu biex jesprimi r-rieda u d-determinazzjoni qawwija tal-Parlament biex fil-ġimgħat li ġejjin jilqa' d-“Damas de Blanco” f'wieħed mill-postijiet ta' ħidma tal-Parlament biex ikunu ppreżentati uffiċjalment bil-Premju Sakharov 2005;

150.

Ifakkar lid-delegazzjonijiet tal-Parlament li għandhom jinkludu sistematikament fl-aġenda taż-żjarat tagħhom f'pajjiżi terzi, dibattitu parlamentari dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

151.

Jirrikonoxxi l-ħidma tal-Kumitat Temporanju tiegħu dwar l-allegat użu ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri, kif ukoll ir-rapport ta' dak il-Kumitat li wassal għar-riżoluzzjoni f'dak ir-rigward adottata mill-Parlament fl-14 ta' Frar 2007 (26); jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien fil-livelli kollha biex jiddenunzjaw il-prattika tal-konsenja straordinarja issa u fil-ġejjieni; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni biex tirraporta lill-Parlament dwar it-tweġibiet għall-ittra tagħha tat-23 ta' Lulju 2007 lill-Gvern Pollakk u dak Rumen fejn talbet tagħrif dettaljat dwar l-eżitu tal-inkjesti li twettqu fiż-żewġ pajjiżi, u dwar ir-riżultati tal-kwestjonarju mibgħut lill-Istati Membri kollha tal-UE dwar il-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom ta' kontra t-terroriżmu, kif imħabbar fis-sessjoni plenarja ta' Settembru 2007;

*

* *

152.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsil, lill-kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-koperazzjoni fl-Ewropa u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi u territorji msemmija f'din ir-riżoluzzjoni.


(1)  Dokument tal-Kunsill 13288/1/07.

(2)  Għat-testi bażiċi rilevanti. ara l-Anness III għar-Rapport A6-0128/2007 tal-Kumitat ta'l-Affarijiet Barranin.

(3)  ĠU C 379, 7.12.1998, p. 265; ĠU C 262, 18.9.2001, p. 262; ĠU C 293 E, 28.11.2002, p. 88; ĠU C 271 E, 12.11.2003, p. 576.

(4)  ĠU C 311, 9.12.2005, p. 1.

(5)  ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.

(6)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3; ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27.

(7)  ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1.

(8)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0235.

(9)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0065.

(10)  ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 107.

(11)  ĠU C 250 E, 25.10.2007, p. 91.

(12)  ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 775.

(13)  ĠU C 77 E, 28.3.2002, p. 126.

(14)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0381.

(15)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 879.

(16)  ĠU C 327, 23.12.2005, p. 4.

(17)  Is-sitwaszzjoni sa Ġunju 2007.

(18)  Iżjed minn 140 rappreżentant tas-soċjetà ċivili u 138 stat ħadu sehem (li minnhom 94 approvaw id-Dikjarazzjoni ta' Oslo jew il-Proċess ta' Oslo).

(19)  ĠU L 150, 18.6.2003, p. 67.

(20)  Sat-13 ta' Marzu 2008, 87 stat kienu għadhom ma rratifikawx l-istatut ta' Ruma: L-Alġerija, l-Angola, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Baħamas, il-Bahrain, il-Bangladesh, il-Belarus, il-Bhutan, Brunej, il-Kamerun, Cape Verde, iċ-Ċili, iċ-Ċina, il-Kosta tal-Avorju, Kuba, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, l-Eġittu, El Salvador, il-Guinea Ekwatorjali, l-Eritrea, l-Etjopja, Grenada, il-Gwatemala, il-Guinea-Bissau, il-Ħaiti, l-Indja, l-Indoneżja, l-Iran, l-Iraq, Iżrael, il-Ġamajka, il-Każakstan, Kiribati, il-Kuwajt, il-Kirgistan, Laos, il-Libanu, il-Libja, il-Madagaskar, il-Malażja, il-Maldivi, il-Mawritanja, l-Istati Federati ta' Mikroneżja, il-Moldova, Monaco, il-Marokk, il-Mozambique, Myanmar/Burma, in-Nepal, in-Nikaragwa, Oman, Pakistan, Palau, Papua New Guinea, il-Filippini, il-Qatar, il-Federazzjoni Russa, ir-Rwanda, Saint Lucia, Sao Tome u Principe, is-Sawdi Arabja, is-Seychelles, Singapore, il-Gżejjer Solomon, is-Somalja, Sri Lanka, is-Sudan, Suriname, Swaziland, is-Sirja, it-Tajlandja, it-Togo, Tonga, it-Tuneżija, it-Turkija, it-Turkmenistan, Tuvalu, l-Ukrajina, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Użbekistan, Vanuatu, il-Vjetnam, il-Yemen, iż-Żimbabwe.

(21)  Sa l-10 ta' Jannar 2008, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja u Spanja kienu ffirmaw iżda ma rratifikawx il-Protokoll Nru 13.

(22)  Firmatarji (sa Diċembru 2007): L-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja. (S'issa l-Konvenzjoni rratifikawha żewġ pajjiżi biss — l-Albanija u l-Arġentina. Biex tidħol fis-seħħ din teħtieġ 20 ratifika.).

(23)  Protokoll Fakoltattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal (sa Novembru 2007): li għadu ma ġiex irratifikat mir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta u r-Renju Unit. Protokoll Fakoltattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar l-involviment tat-tfal f'kunflitti armati (sa Ottubru 2007): li għadu ma ġiex irratifikat mill-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija u l-Olanda; Ċipru la ffirmah u lanqas irratifikah.

(24)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0064.

(25)  B'mod partikulari ta' Mutabar Tadjibaeva, chairperson tal-organizzazzjoni għad-drittijiet tal-bniedem Plammenoe Serdtse, u ta' 9 difensuri tad-drittijiet tal-bniedem: Nosim Isakov, Norboi Kholjigitov, Abdusattor Irzaev, Habibulla Okpulatov, Azam Formonov, Alisher Karamatov, Mamarajab Nazarov, Dilmurad Mukhiddinov u Rasul Khudainasarov.

(26)  ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 309.