15.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 247/5


Il-Ħamis, 10 ta' April 2008
Is-sitwazzjoni fit-Tibet

P6_TA(2008)0119

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' April 2008 dwar is-sitwazzjoni fit-Tibet

2009/C 247 E/02

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina u t-Tibet, b'mod partikulari dwar:

a)

id-djalogu bejn il-Gvern Ċiniż u l-Mibgħuta tad-Dalai Lama (15 ta' Frar 2007) (1),

b)

is-Samit UE-Ċina – id-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem (13 ta' Diċembru 2007) (2),

c)

ir-releazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina (7 ta' Settembru 2006) (3),

d)

l-andament tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-konsultazzjonijiet fuq id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi (6 ta' Settembru 2007) (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi d-49 anniversarju tar-rivolta nazzjonali Tibetana kontra l-amministrazzjoni Ċiniża wassal għal dimostrazzjonijiet kbar mir-reliġjużi, mis-sorijiet u miċ-ċittadini Tibetani kontra r-repressjoni Ċiniża,

B.

billi, skond l-awtoritajiet Ċiniżi, mietu 20 persuna; billi, skond għejun indipendenti, aktar minn 140 persuna tilfet ħajjitha fil-ġlied, u numru ta' persuni oħra ġew arrestati,

C.

billi l-Gvern Ċiniż iddikjara stat ta' emerġenza u ngħalqu l-ħwienet u t-tempji f'Lhasa kif ukoll fi bliet oħra b'eluf ta' uffiċjali tal-pulizija armati u truppi tal-armata li miċ-Ċina marru fit-Tibet,

D.

billi l-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama sejjaħ din ir-reazzjoni esaġerata min-naħa taċ-Ċiniżi bħala “ġenoċidju kulturali” u, iżda fl-istess waqt ħeġġeġ lit-Tibetani biex “jipprattikaw in-non-vjolenza u biex ma jitbiegħdux minn din it-triq, tkun kemm tkun serja s-sitwazzjoni ħafna” (5); billi l-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama ma talabx l-indipendenza tat-Tibet imma talab biex jinstab kompromess fejn ikun hemm biss awtonomija kulturali u politika u l-libertà tal-kult – pożizzjoni li l-Parlament Ewropew jappoġġja;

E.

billi huma l-mezzi paċifiċi u djalogu sinċier biss li jistgħu jwasslu għal ftehim dejjiemi;

F.

billi, ħlief għal vjaġġ uffiċjali tal-ġurnalisti internazzjonali organizzat mill-Gvern Ċiniż, il-media internazzjonali iċċaħdet mill-tidħol fir-reġjun tat-Tibet biex tirraporta fuq l-avvenimenti u l-ġurnalisti kollha ġew imkeċċija; billi l-vjaġġ tal-ġurnalisti internazzjonali msemmi hawn fuq kien ikkontrollat sew u l-ġurnalisti li pparteċipaw iċċaħdilhom l-aċċess bla restizzjoni għall-poplu Tibetan,

G.

billi l-Gvern Ċiniż jidher li qed jimblokka websites barranin ġewwa ċ-Ċina u li qed jiċċensura xandiriet tat-televiżjoni barranin dwar is-sitwazzjoni fit-Tibet;

H.

billi huwa konvint li l-Logħob Olimpiku ta' Beijing huwa opportunità straordinarja għaċ-Ċina biex tiftaħ lilha nnfisha għad-dinja u viċe-versa, u biex turi li tista' tonora l-ħidmiet tagħha fir-rigward tal-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali għall-poplu Ċiniż kollu, bla distinzjoni ta' xejn

I.

billi d-djalogu ta' bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem stabbilit fis-sena 2000, naqas milli jikseb ir-riżultati mistennija;

1.

Jikkundanna bil-qawwa r-ripressjoni brutali min-naħa tal-forzi tas-sigurtà Ċiniżi kontra d-dimostranti Tibetani u l-atti vjolenti, għamilhom min għamilhom, li seħħu fit-toroq ta' Lhasa u f'imkejjen oħrajn fit-Tibet, u jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi;

2.

Jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jiggarantixxi kura medika xierqa għat-Tibetani feruti u assistenza legali għat-Tibetani arrestati; jagħmel appell lill-awtoritajiet biex jippreżentaw rendikont tan-nies miżmuma, jittrattawhom skond il-liġi internazzjontali dwar id-drittijiet tal-bniedem u, f'kull ċirkostanza, ma jużawx tortura; jitlob għall-ħelsien minnufih ta' dawk kollha li pprotestaw b'mod paċifiku billi eżerċitaw id-dritt leġittimu tagħhom għal-libertà tal-espressjoni;

3.

Jikkritika t-trattament, spiss diskriminatorju tal-minoranzi etniċi Ċiniżi non-Han; jistieden liċ-Ċina biex twettaq l-impenji tagħha lejn id-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi u lejn l-istat tad-dritt; iħeġġeġ liċ-Ċina biex ma tużax b'mod ħażin il-Logħob Olimpiku 2008 billi tarresta dissidenti, ġurnalisti u attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem biex tevita rapporti u dimostrazzjonijiet li l-awtoritajiet iqisu ta' mistħija; jitlob, f'dan ir-rigward, għall-ħelsien minnufih ta' Hu Jia, attivista prominenti dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'sentenza ta' tliet snin u nofs ħabs b'akkużi ta' sovverżjoni;

4.

Jitlob li ssir inkjesta miftuħa u indipendenti dwar l-irvellijiet riċenti u dwar ir-ripressjoni fit-Tibet taħt l-awspiċju tan-NU; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jagħmlu stedina permanenti lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-korpi l-oħra tan-NU biex iżuru t-Tibet;

5.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama stieden lill-poplu Tibetan biex jipprotesta b'mod mhux vjolenti u l-fatt li rrifjuta talbiet għall-indipendenza Tibetana u minflok din ippropona t-triq tan-nofs ta' awtonomija kulturali u politika ġenwina, u ħelsien reliġjuż; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-integrità territorjali taċ-Ċina;

6.

Jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jiftħu t-Tibet għall-media u d-diplomatiċi, b'mod partikulari għar-rappreżentanti tal-UE; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex minnufih ma jkomplux jiċċensuraw u jimblukkaw il-websites tal-aħbarijiet u l-informazzjoni bbażati barra l-pajjiż; jitlob li jinħelsu l-ġurnalisti, l-utenti u d-dissidenti tal-Internet kollha miżmuma fiċ-Ċina minħabba li eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-informazzjoni;

7.

Huwa mħasseb dwar il-marġinalizzazzjoni ekonomika li kull ma tmur qiegħda tiżdied tal-poplu Tibetan fit-Tibet, li qed iħabbat wiċċu ma għadd dejjem ikbar ta' ħaddiema li jemigraw miċ-Ċina għat-Tibet u li jieħdu l-postijiet tax-xogħol u l-art minn ħalq it-Tibetani; jinnota d-diskriminazzjoni kbira fis-sistema edukattiva, fejn it-tfal Tibetani jitgħallmu l-lingwa nattiva tagħhom bħala t-tieni lingwa;

8.

Jitlob liċ-Ċina biex tirrispetta l-impenji pubbliċi tagħha lejn id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi, id-demokrazija u l-istat tad-dritt li tħabbru fid-deċiżjoni tal-Kumitat Internazzjonali Olimpiku (IOC) li tħalli liċ-Ċina torganizza l-Logħob;

9.

Iħeġġeġ liċ-Ċina biex tirratifika, mingħajr aktar dewmien u f'kull każ qabel il-Logħob Olimpiku, il-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (NU, 1966); jistieden lil Beijing biex jistabbilixxi moratorju fuq il-piena tal-mewt, kif mitlub mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-Riżoluzzjoni 62/149 tat-18 ta' Diċembru 2007 dwar moratorium għall-użu tal-piena tal-mewt;

10.

Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li s-sitt sessjonijiet ta' taħditiet bejn l-awtoritajiet Ċiniżi u l-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama naqsu li jiksbu riżultati u jitlob li jinfetaħ djalogu kostruttiv mingħajr kundizzjonijiet minn qabel, bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim politiku komprensiv, li jinkludi soluzzjoni sostenibbli fir-rigward tal-awtonomija kulturali u politika tat-Tibet, il-libertà tal-kult u drittijiet veri tal-minoranzi għall-poplu Tibetan fi provinċji Ċiniżi oħra tal-viċinat;

11.

Jitlob lill-Kunsill, b'mod partikulari lill-Presidenza, biex tissorvelja l-iżviluppi mill-qrib, u biex tiżgura li l-UE tadotta pożizzjoni komuni konsistenti u li d-deċiżjonijiet meħuda fuq il-bażi tagħha jkunu implimentati kif jixraq, u jqis li r-rappreżentanti diplomatiċi tal-UE f'Beijing għandhom jieħdu l-inizjattiva li jżuru r-reġjun sabiex iħejju rapport lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni kurrenti;

12.

F′dan ir-rigward itenni l-istedina tiegħu sabiex il-Kunsill jaħtar mibgħuta speċjali għall-kwistjonijiet tat-Tibet sabiex jiffaċilitaw id-djalogu bejn il-partijiet u jsegwu mill-qrib in-negozjati, meta jergħu jinbdew;

13.

Japprova d-dikjarazzjoni tal-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama li l-Logħob Olimpiku huwa opportunità mill-aqwa għal-libertà għall-poplu Ċiniż kollu;

14.

Jistieden lill-Presidenza fil-kariga tal-UE biex tirsisti sabiex tinstab pożizzjoni komuni tal-UE fir-rigward tal-attendenza tal-Kapijiet tal-Gvern u tal-Istat u tar-Rappreżentant Għoli tal-UE fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob Olimpiku, bil-possibilità li ma jattendux fil-każ li ma jerġax jinbeda d-djalogu bejn l-awtoritajiet Ċiniżi u l-QdusijaTiegħu id-Dalai Lama;

15.

Iħeġġeġ lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex tieqaf tagħmel skrutinju u tiġġudika lill-atleti Olimpiċi fuq il-bażi tal-opinjoni politika tagħhom u biex tieqaf thedded li tipprojbilhom li jieħdu sehem fil-Logħob Olimpiku jekk ma jaqblux mal-pożizzjoni uffiċjali tal-Gvern Ċiniż;

16.

Jistenna bil-ħeġġa ż-żjara tal-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama fil-Parlament Ewropew biex jindirizza s-sessjoni plenarja li hija skedata għal tmiem l-2008, u jistieden lill-Konferenza tal-Presidenti biex tesplora l-possibilità ta' żjara iżjed bikrija;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi applikanti, lill-President u lill-Prim Ministru tar-Repubblika Popolari Ċiniża, lill-President tal-Kungress Popolari Nazzjonali taċ-Ċina, lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u lill-Qdusija tiegħu id-Dalai Lama.


(1)  ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 554.

(2)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0622.

(3)  ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 219.

(4)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0381.

(5)  Stqarrija maħruġa fis-6 ta' April 2008.