6.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 184/71


Il-Ħamis, 21 ta' Frar 2008
Is-Seba' Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti

P6_TA(2008)0065

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Frar 2008 dwar is-Seba' Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti

2009/C 184 E/11

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti sa mill-1996, b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar il-ħames sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC) (1), kif ukoll dawk tas-16 ta' Marzu 2006 dwar ir-riżultat tan-negozjati dwar il-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem u dwar it-62 sessjoni tal-UNHCR (2), tad-29 ta' Jannar 2004 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti (3), tad-9 ta' Ġunju 2005 dwar ir-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti (4), tad-29 ta' Settembru 2005 dwar ir-riżultat tas-Summit Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti tal-14 u s-16 ta' Settembru 2005 (5) u tas-26 ta' April 2007 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2006 u l-politika tal-UE dwar din il-kwistjoni (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet urġenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti A/RES/60/251 li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

wara li kkunsidra s-sessjonijiet regolari u speċjali preċedenti tal-UNHRC, b'mod partikulari s-sitt sessjoni regolari, kif ukoll is-sitt sessjoni speċjali dwar “Il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżulta mill-attakki militari Iżraeljani u l-inkursjonijiet fit-Territorju Okkupat Palestinjan, b'mod partikulari fil-Medda ta' Gaża Okkupata”, li saret fit-23-24 ta' Jannar 2008,

wara li kkunsidra s-seba' sessjoni tal-UNHRC li se ssir f'Marzu 2008,

wara li kkunsidra l-ewwel u t-tieni round tar-Reviżjoni Perjodika Universali (UPR) li se jsiru mis-7 sat-18 ta' April 2008 u mill-5 sas-16 ta' Mejju 2008,

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi r-rispett għall-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalita? tad-drittijiet tal-bniedem huwa parti mill-acquis etiku u legali tal-Unjoni Ewropea u wieħed mill-pedamenti tal-unita? u l-integrita? Ewropea,

B.

billi l-UNHRC jipprovdi pjattaforma effettiva għat-tisħiħ tal-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan il-qafas tan-NU,

C.

billi s-seba' sessjoni tal-UNHRC se tkun waħda kruċjali, minħabba li se tkun l-ewwel waħda li se teżamina firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet ta' sustanza skond il-metodi ta' ħidma l-ġodda li ġejjin mir-riformi tal-bini tal-istituzzjonijiet adottati fl-2006 u l-2007, u minħabba li se tipperfezzjona l-modalitajiet tal-UPR,

D.

billi l-kredibilita? tal-UNHRC isserraħ fuq l-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi u l-mekkaniżmi b'mod li jsaħħaħ il-kapaċita? tiegħu li jindirizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja kollha,

E.

billi se titwaqqaf delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew għas-seba' sessjoni tal-UNHRC, l-istess bħalma kien hemm fis-sentejn preċedenti u, qabel dan, għall-predeċessur tal-UNHRC, il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

Il-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem

1.

Jenfasizza l-irwol kruċjali tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-arkitettura ġenerali tan-NU; jerġa' jtenni l-opinjoni tiegħu li l-objettiv prinċipali tiegħu għandu jkun dak li jindirizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, peress li sitwazzjonijiet politiċi ġenerali jaqgħu taħt ir-responsabilita? ta' korpi oħra tan-NU; jenfasizza l-ispeċifiċitajiet tal-UNHRC: partikolarment l-irwol importanti tal-Proċeduri Speċjali, is-sessjonijiet speċjali, l-UPR, id-djalogu interattiv u l-kapaċita? tiegħu li jindirizza kriżijiet urġenti;

2.

Jieħu nota tar-riżultati tal-ħidma tal-UNHRC; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li twettaq il-programm ambizzjuż li l-UNHRC impenja ruħu għalih, li kien jinkludi r-reviżjoni tal-proċeduri u l-metodi ta' ħidma tiegħu, b'mod partikulari l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-UPR u r-reviżjoni tal-Proċeduri Speċjali;

3.

Jirrikonoxxi l-kisbiet pożittivi tal-presidenza tal-UNHRC u b'mod partikolari l-kooperazzjoni tajba tagħha mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR); jistieden lill-UE biex tappoġġja bħala prijorita? lill-kandidati li għandhom standards għolja ta' integrita? għall-elezzjoni tal-President il-ġdid tal-UNHRC li se ssir fit-23 ta' Ġunju 2008;

4.

Jilqa' l-organizzazzjoni ta' sessjonijiet speċjali peress li dawn joffru rabtiet essenzjali bejn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għarfien speċjalizzat indipendenti; madankollu, huwa mħasseb minħabba li l-UNHRC ma rnexxilux jieħu azzjoni biex jindirizza ħafna mill-aktar ksur urġenti ta' drittijiet tal-bniedem fid-dinja;

5.

Jinnota li l-iskop tas-sessjonijiet speċjali huwa li jindirizzaw kriżijiet urġenti, filwaqt li l-ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem għandu jiġi indirizzat f'sessjonijiet regolari, li jagħtu lok għal analiżi iktar profonda u jipprovdu soluzzjonijiet għal medda twila ta' żmien;

6.

Jenfasizza li s-sessjonijiet speċjali jirrikjedu preparazzjoni minn qabel u metodi ta' ħidma strutturati biex jinkiseb riżultat pożittiv; f'dan ir-rigward, jinnota s-suċċess ta' inizjattivi ewlenin tal-UE;

7.

Jinnota l-impatt dirett tas-sessjoni speċjali dwar Burma, li saret f'Ġinevra f'Ottubru 2007, li rriżultat fil-kundanna tar-ripressjoni governattiva u ż-żjara tar-Rapporteur Speċjali sabiex tkun investigata s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burma; jiddeplora n-nuqqas ta' segwitu u ta' mmoniterjar tar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali, meta s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burma sejra għall-agħar;

L-elezzjoni ta' membri ġodda tal-UNHRC tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

8.

Jistieden sabiex f'Mejju 2008 jkun hemm elezzjonijiet kompetittivi fir-reġjuni kollha, sabiex ikun hemm għażla vera fost l-Istati Membri tan-NU; jiddispjaċih li s'issa ġew eletti xi pajjiżi b'rekords ta' problemi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, minħabba li ngħataw bidu ġdid;

9.

Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jagħmlu pressjoni biex ikunu stabbiliti kriterji ta' sħubija għall-elezzjoni tal-UNHRC, inkluż il-ħruġ ta' stediniet permanenti għal Proċeduri Speċjali, kif ukoll il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni attwali tal-wegħdiet elettorali tal-Istati Membri tan-NU; sakemm isiru tali riformi jistieden biex tiġi applikata din ir-regola fid-determinazzjoni tal-appoġġ tal-Istati Membri tal-UE lill-pajjiżi kandidati fil-UNHRC;

Proċeduri u mekkaniżmi

Il-UPR

10.

Iqis il-mekkaniżmu UPR bħala mezz potenzjali biex tittejjeb l-universalità tal-immoniterjar tal-impenji favur id-drittijiet tal-bniedem u l-prattiki madwar id-dinja billi l-Istati Membri kollha tan-NU jkunu soġġetti għall-istess trattament u skrutinju;

11.

Ifakkar li l-għan tal-UPR huwa li jagħmel reviżjoni oġġettiva tas-sitwazzjoni f'pajjiż partikolari biex jiġu identifikati oqsma fejn hemm ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jistgħu jiġu mtejba permezz ta' skambju ta' prattiki tajba u koperazzjoni msaħħa li twassal għal rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni biex jikkunsidraw dawn ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet biex jiddefinixxu objettivi u prijoritajiet ta' programmi ta' assistenza tal-UE;

12.

Jitlob li l-proċess UPR, li l-ewwel u t-tieni rounds tiegħu se jsiru mis-7 sat-18 ta' April 2008 u mill-5 sas-16 ta' Mejju 2008, biex jilħqu l-aspettattivi li nstemgħu s'issa; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex imexxu l-UPR b'mod trasparenti u oġġettiv fl-ispirtu tar-Riżoluzzjoni 60/251 imsemmija hawn fuq; jistieden lill-Istati Membri tal-UE suġġetti għall-UPR biex ikunu awto-kritiċi u ma jillimitawx il-preżentazzjonijiet tagħhom biss għall-kisbiet pożittivi tagħhom;

13.

Jinnota li għad iridu jiġi indirizzati numru ta' mistoqsijiet, inkluża l-għażla ta' dawk li jissejħu “Trojki tal-UPR” li għandhom jiffaċilitaw ir-reviżjoni tal-Istati Membri tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; f'dan il-kuntest iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex ma jaċċettawx il-possibilità li pajjiżi li qed ikunu eżaminati jirrifjutaw l-għażla ta' pajjiżi inkarigati mir-reviżjoni tagħhom;

14.

Jistieden lill-Membri tal-UNHRC biex jaħtru esperti indipendenti bħala r-rappreżentanti tagħhom għall-grupp ta' ħidma responsabbli mit-tmexxija tal-UPR; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jieħdu pożizzjoni ta' tmexxija fil-promozzjoni ta' dan l-approċċ billi jadottaw linji gwida komuni dwar il-modalitajiet tal-UPR;

15.

Jinnota l-importanza tal-involviment tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-Proċeduri Speċjali; itenni l-opinjoni tiegħu li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom għalhekk jikkostitwixxu l-bażi ta' reviżjoni indipendenti u kredibbli;

Ir-reviżjoni tal-mandati u n-nomini tad-detenturi ta' mandati ta' Proċeduri Speċjali

16.

Jenfasizza li l-Proċeduri Speċjali huma fil-qofol tal-mekkaniżmu tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, u għandhom irwol kruċjali b'mod speċjali fil-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-membri tal-UNHRC jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jikkoperaw bis-sħiħ mal-Proċeduri Speċjali;

17.

Jenfasizza li l-kredibilità tal-UNHRC se tiddependi fuq il-ħatriet il-ġodda ta' detenturi tal-mandati tal-Proċeduri Speċjali f'Marzu 2008;

18.

Jitlob li jkun hemm nomina, bħala detenturi ta' mandati, ta' persuni imħarrġa fid-drittijiet tal-bniedem u rikonoxxuti, li għandhom esperjenza rilevanti, indipendenza, imparzjalità, integrità personali u oġġettività kif ukoll għarfien sostanzjali tas-sistema ta' Proċeduri Speċjali;

19.

Iħeġġeġ lill-gvernijiet, lill-NGOs u lill-assoċjazzjonijiet professjonali rilevanti biex jibagħtu l-ismijiet ta' kandidati eleġibbli għall-inklużjoni fuq ir-roster pubbliku ta' kandidati eleġġibbli mmaniġġjat mill-OHCHR;

20.

Jistieden lill-Grupp Konsultattiv inkarigat mir-reviżjoni tal-kandidati għall-mandati tal-Proċeduri Speċjali u li jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-ħatra tal-President tal-Kunsill, biex iwettaq il-mandat tiegħu b'mod oġġettiv u trasparenti u biex jibbaża l-għażliet tiegħu fuq kriterji ta' professjonalità u integrità personali;

21.

Jikkundanna d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem biex ma jġeddidx il-mandati tar-Rapporteurs Speċjali dwar il-Belarus u dwar Kuba;

22.

Jilqa' t-tiġdid tal-mandati tal-pajjiż tar-Rapporteur Speċjali dwar is-Sudan, u tal-Esperti Indipendenti dwar il-Liberja, Haiti u Burundi;

23.

Jiddispjaċih dwar l-appoġġ tal-UE għad-deċiżjoni tal-UNHRC biex jitneħħa l-grupp ta' esperti tiegħu dwar id-Darfur; jinnota li s-segwitu tal-ħidma tal-grupp ta' esperti żdied mal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-Sudan; għalhekk, jinsab imħasseb dwar ir-riskju li l-mandat tagħha jidgħajjef biż-żieda tat-tagħbija tax-xogħol tar-Rapporteur Speċjali;

24.

Peress li għandhom valur miżjud importanti, jinkoraġġixxi li fil-futur ikun hemm aktar attenzjoni fit-tneħħija tal-mandati tal-gruppi ta' esperti;

25.

Jilqa' b'sodisfazzjoni it-tiġdid tal-mandati tematiċi riveduti s'issa;

26.

Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jiżguraw it-tiġdid tal-mandati tar-Rapporteur Speċjali dwar il-Burma u dwar ir-Repubblika Popolari Demokratika tal-Korea, u t-titwil tal-mandati tal-Esperti Indipendenti dwar is-Somalja u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

27.

Jilqa' bi pjaċir il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' esperti, b'ħames membri indipendenti, dwar id-drittijiet tal-bniedem ta' popolazzjonijiet indiġeni;

28.

Jinkoraġġixxi li malajr kemm jista' jkun u f'kull każ matul l-2008 jsiru diskussjonijiet dwar il-kwistjoni ta' vjolenza kontra n-nisa taħt kull forma u manifestazzjoni, u l-ħolqien ta' prijoritajiet biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni fl-impenji u fil-programmi ta' ħidma tal-UNHRC fil-ġejjieni, kif miftiehem fir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali A/RES/61/143 tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar l-intensifikazzjoni tal-isforzi sabiex jiġu eliminati l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa;

29.

Jinnota l-adozzjoni, fit-18 ta' Ġunju 2007, ta' Kodiċi ta' Kondotta għad-Detenturi ta' Mandati ta' Proċeduri Speċjali; jistieden lill-UNHRC biex jimplimenta dan il-Kodiċi ta' Kondotta fl-ispirtu tar-Riżoluzzjoni imsemmija hawn fuq 60/251 u jirrispetta l-indipendenza tal-Proċeduri Speċjali;

30.

Jappoġġja l-impenji tal-Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Proċeduri Speċjali fl-abbozzar ta' proċeduri xierqa li permezz tagħhom il-Kodiċi ta' Kondotta u dokumenti rilevanti oħra, inkluża l-Gwida ta' Proċeduri Speċjali, jkunu jistgħu jiġu implimentati b'tali mod li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Proċeduri Speċjali biex jaħdem b'mod effiċjenti u trasparenti biex jevita diskussjonijiet tekniċi li jistgħu jdewwmu dibattiti sostantivi u jfixklu l-mandati tal-Proċeduri Speċjali;

Il-Proċedura tal-ilmenti

31.

Jinnota li l-proċedura ta' lmenti spejgata bħala parti mill-proċess ta' bini ta' istituzzjonijiet tal-UNHRC tidher simili ħafna għal dik li qabel kienet “proċedura 1503”; jitlob li jkun hemm proċess ġdid li jkun aktar effettiv fl-identifikazzjoni, fil-prevenzjoni u fl-indirizzar ta' sitwazzjonijiet ta' ksur manifest u kbir tad-drittijiet tal-bniedem;

L-involviment tal-UE

32.

Jirrikonoxxi l-involviment attiv tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fl-ewwel sena ta' ħidma tal-UNHRC;

33.

Jilqa' l-involviment tal-UE fin-negozjati diffiċli tas-sitt sessjonijiet regolari li fittxeew li jinkisbu riżultati pożittivi rigward it-tiġdid tal-mandati tal-Proċeduri Speċjali;

34.

Ifakkar fil-ħtieġa li l-UE titkellem b'vuċi waħda biex tindirizza l-kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem kif ukoll għall-fatt tal-importanza li kull Stat Membru tal-UE jleħħen il-pożizzjoni tal-UE sabiex jagħtiha aktar importanza;

35.

Jistieden lill-UE biex tmexxi r-riżoluzzjoni tagħha stess sabiex jinkiseb konsensus fl-indirizzar tal-ksur attwali tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-imblokk ta' Gaża u l-attakki bil-missili kontra Iżrael;

36.

Jitlob li jkun hemm koperazzjoni mtejba mal-OHCHR u sabiex l-indipendenza tiegħu tkun preservata billi jingħata ffinanzjar xieraq;

37.

Jitlob li jkun hemm appoġġ kontinwu tal-Proċeduri Speċjali f'termini ta' finanzi u persunal; jesprimi l-appoġġ tiegħu lill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (7), peress li dan huwa għajn importanti ta' finanzjament għall-Proċeduri Speċjali; jilqa' l-inizjattivi tal-presidenza tal-Grupp ta' Ħidma għad-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM) biex ittejjeb il-koperazzjoni mar-Rapporteurs Speċjali primarjament billi jiġu mistiedna b'mod sistematiku fil-laqgħat relevanti;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jadottaw “pożizzjoni komuni” biex jiżguraw li l-Istati Membri tal-UE jiffirmaw b'mod awtomatiku u jirratifikaw kull strument internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

39.

Jinnota l-ħidma tal-UE favur l-adozzjoni ta' riżoluzzjonijiet b'kunsens; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex ikomplu fl-isforzi tagħhom biex jissieħbu ma' pajjiżi minn gruppi reġjonali oħra sabiex jiggarantixxu appoġġ wiesa' għal riżoluzzjonijiet li jsaħħu l-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE biex tagħmel użu aktar effettiv mill-għajnuna lil u l-appoġġ politiku tagħha lejn pajjiżi terzi, biex tagħtihom inċentiv biex jikkoperaw mal-UNHRC;

40.

Jagħti mandat lid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għas-seba' sessjoni tal-UNHRC biex issemma' t-tħassib espress fir-riżoluzzjonijiet tagħha, jistieden lid-delegazzjoni biex tagħmel rapport dwar iż-żjara tagħha lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem, u jikkunsidra li huwa xieraq li tibqa' tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew biex tattendi fis-sessjonijiet rilevanti tal-UNHRC;

*

* *

41.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tat-62 Assemblea Ġenerali, lill-President tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Grupp ta' Ħidma UE-NU imwaqqaf mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.


(1)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0235.

(2)  ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 409.

(3)  ĠU C 96 E, 21.4.2004, p. 79.

(4)  ĠU C 124 E, 25.5.2006, p. 549.

(5)  ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 582.

(6)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0165.

(7)  Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta' strument finanzjarju għall-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja (ĠU L 386, 29.12.2006, p.1).