19.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea

CE 41/14


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2008 dwar l-istrateġija Komunitarja 2007–2012 għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (2007/2146(INI))

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Intejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol: Strateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-siġurtà fuq il-post tax-xogħol”(COM(2007)0062) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkompanjawha (SEC(2007)0214) u, (SEC(2007)0215), (SEC(2007)0216),

wara li kkunsidra t-Trattat KE, u b'mod partikulari l-Artikoli 2, 136, 137, 138, 139, 140, 143 u 152 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea (1) u b'mod partikulari l-Artikoli 27, 31 u 32 tiegħu,

wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' l-ILO fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol,

wara li kkunsidra d-direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jitħeġġeġ it-titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (2)(direttiva qafas) u d-direttivi individwali tagħha,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000, dwar il-ħarsien tal-ħaddiema mir-riskji marbuta ma' meta wieħed jiġi espost għal aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Ġunju 2007 li temenda d-Direttiva 89/391/KEE tal-Kunsill, id-Direttivi partikulari tagħha kif ukoll id-Direttivi tal-Kunsill 83/477/KEE, 91/383/KEE, 92/29/KEE u 94/33/KE, bil-ħsieb li jiġu simplifikati u razzjonalizzati r-rapporti dwar l-implimentazzjoni prattika (4),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza wara il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-8 sad-9 ta' Marzu 2007,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2002 dwar l-istrateġija tal-Komunità dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-24 ta' Frar 2005 dwar il-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 b-rakkomandazzjonijiet dwar il-ħarsien tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa Ewropej minn infezzjonijiet ġejjin mid-demm minħabba korrimenti li jirriżultaw minn labar tas-siringi (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-promozzjoni ta' xogħol deċenti għal kulħadd (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2007 dwar statistiċi tal-Komunità dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (9),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007, dwar l-epatite Ċ (10),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0518/2007),

A.

billi hemm korrelazzjoni pożittiva bejn il-kwalità ta' l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u r-rendiment finanzjarju f'termini ta' rendiment globali, assenteiżmu, rati ta' rotazzjoni tal-persunal, motivazzjoni tal-ħaddiema, immaġni korporattiva mtejba u produttività,

B.

billi li l-biċċa l-kbira ta' l-ekonomiji kompetittivi għandhom l-aqwa rekords ta' saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol (occupational health and safety — OHS), u li livelli għolja ta' ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà għandhom effett pożittiv fuq il-finanzi pubbliċi f'termini ta' ffrankar ta' sigurtà soċjali u produttività ogħla; billi l-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà ma jikkontribwixxix biss għall-produttività, ir-rendiment u l-benesseri tal-ħaddiema iżda jirriżulta wkoll fi frankar għall-ekonomija u għas-soċjetà kollha kemm hi,

C.

billi hemm bżonn ta' aktar riċerka dwar l-effetti fuq perjodu ta' żmien twil ta' xi attivitajiet tax-xogħol sabiex il-ħaddiema jiġu mħarsa aħjar, minħabba li ċertu mard jitfaċċa biss wara li jkunu għaddew diversi snin minn meta tkun twettqet l-attività li tikkawżah,

D.

billi hemm tħassib li t-tnaqqis fin-numru ta' każijiet ta' aċċidenti fuq il-post tax-xogħol ma kienx mifrux b'mod uniformi minħabba li ċerti kategoriji ta' ħaddiema (eż. migranti, ħaddiema b'kuntratti prekarji, nisa, ħaddiema iktar żgħażagħ jew ixjeħ), ċerti kumpaniji (b'mod partikulari ntrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u mikrointrapriżi), ċerti setturi ta' attività (b'mod partikulari tal-bini, tas-sajd, ta' l-agrikoltura u tat-trasport), u ċerti Stati Membri juru rati ta' aċċidenti u ta' mard fuq il-post tax-xogħol ħafna ogħla mill-medja ta' l-UE,

E.

billi l-miżuri tal-ħarsien tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għandhom dejjem jiffurmaw parti mill-kultura tan-negozju, u billi din il-kultura għandha timxi id f'id mat-taħriġ ta' tul il-ħajja tal-ħaddiema u tal-maniġers,

F.

billi kultura ta' ħarsien tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol implimentata b'mod konsistenti fin-negozju tista' tgħin biex il-proċeduri OHS jiġu implimentati b'mod mhux burokratiku u b'hekk jiġi żgurat ħarsien effettiv,

G.

billi l-perjodi ta' serħan huma ta' importanza kbira għal standard għoli ta' ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema,

H.

billi l-ILO tagħmel stima li fl-2006 madwar 167,000 persuna mietu fl-UE minħabba aċċident tax-xogħol jew marda relatata max-xogħol, u billi l- Kummissjoni fil-komunikazzjoni dwar it-titjib tal-kwalità u tal-produttività fuq ix-xogħol — tagħmel stima li kull sena madwar 300, 000 ħaddiem isofru minn diżabilità permanenti fi gradi different,

I.

billi strateġija ġenwina dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għandha tkun ibbażata fuq it-taħlita t-tajba ta' li ġej: kuxjenza suffiċjenti min-naħa ta' kulħadd, edukazzjoni u taħriġ iffokati, servizzi u kampanji ta' prevenzjoni adegwati, djalogu soċjali u parteċipazzjoni tal-ħaddiema, leġiżlazzjoni u implimentazzjoni adegwati, enfasi partikolari fuq gruppi speċifiċi, għall-setturi ta' attività u għal tipi differenti ta' intrapriżi, ispezzjonijiet effiċjenti u penali proporzjonati u dissważivi,

J.

billi l-ħaddiema li qed jixjieħu għandhom iżommu saħħithom, il-kapaċità tax-xogħol u d-dispożizzjoni għall-impjieg tagħhom sakemm ikun possibbli u li għandhom jiġu adottati miżuri għal dan il-għan,

K.

billi l-ispezzjonijiet għandhom irwol ewlieni bħala strument biex tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni eżistenti u għalhekk biex tiġi evitata kwalunkwe forma ta' sfruttament fuq il-post tax-xogħol, biex b'hekk ikompli jiġi promoss il-kunċett ta' xogħol deċenti. jikkunsidra li l-ispetturi għandhom jiġu appoġġjati b'kooperazzjoni aktar mill-qrib u l-iskambju ta' informazzjoni bejn spetturi fl-Istati Membri,

L.

billi l-evalwazzjoni tar-riskju fuq livell ta' negozju ma tistax tiġi kkunsidrata bħala attività ta' darba biss, iżda għandha titwettaq b'mod perjodiku u għandha tiġi adattata skond ir-riskji u/jew iċ-ċirkostanzi ġodda, billi n-nuqqas li jsiru evalwazzjonijiet ta' riskju jew meta dawn ma jsirux b' mod xieraq, , huwa kontra l-liġi u huwa wieħed mill-kawżi ta' inċidenti u mard fuq il-post tax-xogħol,

M.

billi ma hemm l-ebda statistika disponibbli rigward l-effetti negattivi ta' nirien fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol,

N.

billi l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa jinsabu f'riskju li jaqbadhom iktar minn 20 virus potenzjalment fatali, inklużi l-epatite B, l-epatite Ċ, u l-HIV/AIDS,

O.

billi waħda mill-miri ta'l-Istrateġija ta' Liżbona hija rata ta' impjieg ġenerali ta' 70 % u kif ukoll rata ta' impjieg ta' 60 % għan-nisa u ta' 50 % fost il-ħaddiema aktar anzjani sa l-2010, u billi l-ħaddiema b'mard kroniku jew b'mard fit-tul ta' sikwiet ma jerġgħux lura għax-xogħol, minkejja li jkunu meqjusa li huma kapaċi li jagħmlu dan u billi dawk li jirritornaw għax-xogħol ta' sikwiet jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla bħal pereżempju tnaqqis fid-dħul tagħhom, u billi dan huwa veru b'mod partikulari għall-pazjenti tal-kanċer peress li l-parti l-kbira ta' studji riċenti juru li wieħed minn kull ħames pazjenti tal-kanċer tas-sider ma jirritornawx għax-xogħol, minkejja li jkunu jistgħu,

P.

billi aktar nisa milli irġiel huma impjegati fis-suq tax-xogħol klandestin mingħajr assigurazzjoni, fatt li inevitabilment għandu konsegwenzi sinifikattivi fir-rigward tal-kundizzjonijiet tas-saħħa u tas-sigurtà skond liema kundizzjonijiet dawn qed ikunu impjegati,

Q.

billi n-nisa u l-irġiel ma jiffurmawx grupp omoġenju, għalhekk strateġiji u miżuri biex itejbu l-OHS iridu jkunu aġġustati b'mod speċifiku għal postijiet tax-xogħol partikulari, li jikkunsidraw l-fatt li xi fatturi jistgħu jħallu impatt differenti fuq in-nisa milli fuq l-irġiel,

1.

Jilqa' l-mira ambizzjuża tal-Kummissjoni għal medja ta' tnaqqis ta' 25 % ta' l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol madwar l-UE; jirrikonoxxi li ċ-ċifri jistgħu jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor minħabba l-punt ta' tluq differenti, iżda jikkunsidra li xorta waħda huwa importanti li jkun hemm miżuri mmirati tajjeb u ċari flimkien ma' skeda u impenji finanzjarji li wara jkunu jistgħu jiġu mkejla u evalwati; dawn, jistieden lill-Kummissjoni biex fin-nuqqas ta' tali miżuir, skeda ta' żmien u impenji biex tieħu ħsieb li tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew fl-istadju tan-nofs tal-perjodu ta' l-istrateġija tagħha ta'l-2007-2012;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw kif jixraq l-inugwaljanzi mhux biss dawk bejn Stati Membri iżda wkoll dawk fi ħdan Stati Membri individwali, u biex jimpenjaw ruħhom li jnaqqsuhom;

3.

Jinnota l-proposti tal-Kummissjoni biex jintużaw strumenti li ma jorbtux fejn liġijiet obbligatorji mhumiex possibbli jew mhumiex xierqa, li jippermettu li l-Istati Membri jkollhom il-flessibilità biex isibu soluzzjonijiet li jagħtu l-aqwa riżultati ta' saħħa u sigurtà fiċ-ċirkustanzi partikulari tagħhom;

4.

Jilqa' l-enfasi akbar tal-Kummissjoni dwar is-simplifikazzjoni regolatorja u t-tnaqqis ta' piżijiet amministrattivi, filwaqt li jinnota li filwaqt li s-simplifikazzjoni tipprovdi benefiċċji aħjar liċ-ċittadini, din tgħin ukoll biex kemm min iħaddem u kif ukoll l-impjegati jikkonċentraw bl-istess mod fuq l-immaniġġjar prattiku tas-saħħa u s-sigurtà sabiex jiżguraw riżultati aħjar; jikkunsidra li huwa ta' importanza ewlenija li simplifikazzjoni bħal din bl-ebda mod ma tnaqqas mil-livell ta' protezzjoni li tingħata lill-ħaddiema;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti prijorità fl-istrateġija tagħha għal dawk l-attivitajiet u/jew l-industriji li jinvolvu riskji partikularibħal per eżempju, xogħol tal-metall, bini, elettriku jew foresterija;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi aktar mill-qrib lill-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fil-proċess tagħha, u b'mod partikulari biex tistidinha sabiex tippreżenta evalwazzjoni ta' liema industriji għandhom l-ogħla riskju ta' aċċidenti u mard fuq il-post tax-xogħol u kif tali riskju jista' jiġi megħlub b'mod effettiv;

7.

Jikkunsidra li l-attenzjoni qawwija tal-Kummissjoni fuq l-għajnuna lill-SMEs biex jissodisfaw l-obbligi tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom hija eċċellenti u jappoġġja bis-sħiħ l-approċċ tagħha;

8.

Jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija siekta dwar il-miri għat-tnaqqis ta' mard relatat max-xogħol iżda jifhem id-diffikultà biex wieħed ikejjel mard relatat max-xogħol; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-użu u l-implimentazzjoni ta' proċeduri eżistenti ta' l-istatistika sabiex il-mard fuq il-post tax-xogħol jiġi identifikat u kkalkulat b'mod korrett, u b'mod partikolari l-kanċer fuq ix-xogħol, bl-iskop li jiġu ffissati miri għat-tnaqqis tiegħu; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra l-possibilità li tissostitwixxi r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/670/KE dwar l-iskeda Ewropea dwar il-mard b'rabta max-xogħol (11) b'direttiva;

9.

Jenfasizza l-ħtieġa li s-sessi jingħataw l-importanza xierqa meta jkunu indirizzati kwistjonijiet rigward is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol u jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistieden għall-preparazzjoni ta' metodi uniċi ta' l-analiżi ta' l-impatt fl-OHS fir-rigward ta' l-element speċifiku tas-sessi;madanakollu, jikkritika l-Kummissjoni għal falliment li tikkunsidra b'mod xieraq l-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi fil-komunikazzjoni tagħha, jew fil “Miri għall-Istrateġija Kommunitarja 2007-2012” jew fl- 'Evalwazzjonijiet ta'l-Impatt';

10.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza d-disponibilità ta' statistiċi klassifikati skond is-sessi fil-livell Komunitarju dwar mard fatali relatat max-xogħol u dak mhux fatali;

11.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw direttivi attwali OHS b'mod aktar sensittiv għas-sessi, biex jimplimentaw analiżi ta' l-impatt għas-sessi ta' dawn id-direttivi;

12.

Jenfasizza li r-rijabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema wara li jkunu mardu jew wara aċċident fuq il-post tax-xogħol huma vitali u jfaħħar l-attenzjoni speċjali fuq ir-rijabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid mitluba fl-istrateġiji nazzjonali; jikkunsidra li huwa importanti li l-gvernijiet jiżguraw, fl-istrateġiji tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom, l-obbligu taż-żamma tax-xogħol (permezz ta' taħriġ, allokazzjoni mill-ġdid tal-ħidmiet eċċ) għal dawk il-persuni li jkunu esperjenzaw mard fiżiku jew mentali waqt il-ħajja tax-xogħol tagħhom;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiġbor aktar ċifri u data dwar ħaddiema b'mard kroniku u biex tanalizza l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u biex tfassal karta għall-ħarsein tad-drittijiet tal-pazjenti tal-kanċer u persuni oħra b'mard kroniku u, bil-għan li l-kumpaniji jkunu meħtieġa biex jagħmluha possibbli sabiex il-pazjenti jkunu jistgħu jkomplu fl-impjieg tagħhom waqt il-kura tagħhom u sabiex ikunu jistgħu jirritornaw għas-suq tax-xogħol wara li tispiċċa l-kura;

14.

Jesprimi tħassib qawwi rigward ir-rata għolja wisq ta' aċċidenti fost ħaddiema temporanji u ħaddiema li jkunu qed jaħdmu għal terminu ta' żmien qasir, u bi kwalifiki baxxi, li f'xi Stati Membri hija ta' l-inqas id-doppju ta' dik tal-ħaddiema oħra, filwaqt li jirrikonoxxi l-korrelazzjoni bejn dawn il-kategoriji ta' impjiegi u l-impjiegi f'industriji b'riskju ogħla bħall-industrija tal-bini; jinnota li d-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE tal-25 ta' Ġunju 1991 li tissuplementa l-miżuri biex jitħeġġeġ it-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol ta' ħaddiema li għandhom relazzjoni ta' mpjieg b'dewmien fiss jew ta' mpjieg temporanju (12), tistabbilixxi bħala regola ġenerali li l-ħaddiema temporanji għandhom l-istess drittijiet tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol bħal ħaddiema b' kuntratt permanenti iżda tonqos milli tistabbilixxi mekkaniżmi speċifiċi biex dan il-prinċipju jkun jista' jitħaddem fil-prattika; jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza dawn in-nuqqasijiet bħala kwistjoni ta' urġenza;

15.

Jinnota wkoll in-numru jiżdied ta' kuntratti ta' l-impjieg atipiċi u jenfasizza li l-kundizzjonijiet li joffru jistgħu jkunu ta' riskju għas-saħħa u s-sigurtà ta' l-impjegati u l-kuntratturi;

16.

Jitlob għal miżuri li josservaw drittijiet tas-sigurtà u s-saħħa għal nisa f'postijiet tax-xogħol atipiċi bħal dawk tal-kura ta' persuni morda d-dar;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw bis-sħiħ l-implikazzjonijiet tal-bidla demografika fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; b'mod partikulari jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-miżuri ta' prevenzjoni u biex jadottaw miżuri maħsuba biex jikkumpensaw għad-deklin fiżiku, b'mod partikulari permezz ta' l-ergonomija u l-ippjanar tal-postijiet tax-xogħol, u permezz ta' miżuri u inċentivi mfassla biex iżommu l-motivazzjoni, il-kapaċitajiet u s-saħħa tal-ħaddiema li jkunu qed jixjieħu;

18.

Jinnota r-rabta pprovata xjentifikament bejn l-istress dejjem akbar fuq il-post tax-xogħol u l-mard ikkaġunat minn dan l-istress, b'mod partikulari l-mard kroniku, il-mard kardjovaskolari u l-mard muskoluskeletali;

19.

Jikkunsidra li huwa ferm importanti li tiġi żgurata applikazzjoni aħjar ta' l-istrumenti legali eżistenti dwar l-OHS u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw il-mezzi kollha disponibbli sabiex jiksbu dan; il-mużuri li għandhom jitqiesu għandhom jinkludu:

a)

rekwiżiti minimi għall-kwalità ta' servizzi preventivi u ispezzjonijiet tax-xogħol,

b)

sanzjonijiet aktar ħarxa,

c)

valutazzjonijiet aħjar ta' l-implimentazzjoni leġiżlattiva,

d)

skambju ta' l-aħjar prattika,

e)

kultura msaħħa tal-prevenzjoni u sistemi ta' twissija minn kmieni inkluż aċċess usa' tas-soċjetà għall-informazzjoni rigward il-kundizzjonijiet b'rabta max-xogħol u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol,

f)

involviment akbar ta' l-impjegati fuq il-post tax-xogħol,

g)

tħeġġiġ lil min iħaddem biex jissodisfa l-impenji tiegħu fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol,

h)

tisħiħ ta' l-użu tal-ftehim tad-djalogu soċjali;

20.

Jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha nuqqas kbir ta' riżorsi biex tivverifika sew it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni effettiva tad-direttivi dwar is-sigurtà b'rabta max-xogħol; jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tagħmel użu mill-mezzi kollha disponibbli għaliha, inkluż użu usa' tal-proċedimenti ta' ksur;

21.

Jinnota li l-ħarsien ta' l-OHS għandu japplika b'mod ugwali għall-ħaddiema kollha fl-Unjoni Ewropea, li tali ħarsien fl-aħħar mill-aħħar huwa bbażat fuq id-dritt fundamentali għall-integrità fiżika, u li d-derogi mil-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien ta' l-OHS jipperikolaw is-saħħa tal-ħaddiema u l-opportunitajiet indaqs, u jistgħu joħolqu sitwazzjoni fejn il-kompetizzjoni bejn l-istati differenti twassalgħat-triq tan-niżla fir-rigward ta' din il-protezzjoni;

22.

Jitlob lill-Kummissjoni biex timpenja ruħha bl-istess mod fl-evalwazzjonijiet ta' l-impatt fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol kif timpenja ruħha fl-ambjent;

23.

Jikkunsidra l-ispezzjonijiet tax-xogħol bħala parti essenzjali ta' l-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni għas-saħħa u s-sigurtà;

a)

għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex:

i)

tipprovdi lill-Kumitat ta'l-Ispetturi Anzjana tax-Xogħol (SLIC) bir-riżorsi neċessarji biex tiżgura li dan jista' jopera b'mod effettiv, wara studju dwar kif jista' jkun l-aktar effettiv u jipprovdi l-aħjar valur,

ii)

tkompli tiżviluppa sistemi ta' tqassim ta' għarfien biex jiġu żgurati reazzjonijiet effettivi għat-talbiet ta' informazzjoni u koperazzjoni,

iii)

tibda riċerka ta' evalwazzjoni dwar l-effikaċja u l-impatt ta' attivitajiet ta' ispezzjoni kif propost mill-SLIC, bl-iskop li jiġu stabbiliti objettivi ta' ispezzjoni kwantitattivi u kwalitattivi komuni, biex b'hekk tħeġġeġ l-użu ta' l-ispettorati bħala faċilitaturi fil-ħolqien ta' kultura effiċjenti u effettiva tas-saħħa u s-sigurtà fost il-ħaddiema kollha;

iv)

tintroduċi modijiet biex jiġu evalwati s-sistemi nazzjonali ta' ispezzjoni, l-aktar permezz ta' twaqqif ta' tabelli ta' evalwazzjoni,

b)

u jistieden lill-Istati Membri biex:

i)

jipprovdu riżorsi finanzjarji u ta' persunal adegwati għall-ispettorati nazzjonali tagħhom,

ii)

iżidu d-densità ta' l-ispetturi tax-xogħol, biex jiġi żgurat li ta' l-inqas ikun hemm proporzjon ta' 1 għal kull 10,000 ħaddiem, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet ta' l-ILO,

iii)

iżidu l-kwalità ta' l-ispetturi tax-xogħol billi jipprovdu iktar taħriġ multidixxiplinarju f'oqsma bħall-psikoloġija, l-ergonomija, l-iġjene, ir-riskji ambjentali u t-tossikoloġija,

iv)

jiffokaw l-ispezzjonijiet fuq oqsma ta' prijorità u fuq setturi u intrapriżi b'livelli għolja ta' inċidenti u b'livelli għolja ta' gruppi vulnerabbli bħal ħaddiema migranti, ħaddiema ta' aġenziji temporanji, ħaddiema ta' sengħa u edukazzjoni baxxi, u ħaddiema żgħażagħ u ħaddiema li qed jixjieħu;

24.

Jirrikonoxxi li l-prevenzjoni hija ta' importanza ċentrali u jistieden lill-Kummissjoni biex fl-istrateġijatagħha:

a)

tiżgura li min iħaddem jirrikonoxxi u jissodisfa r-responsabilitajiet tiegħu billi jipprovdi servizzi preventivi xierqa fuq postijiet tax-xogħol kollha, filwaqt li jirrikonoxxi li attitudini responsabbli mill-impjegati tiegħu għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom stess hija importanti wkoll;

b)

tinkuraġġixxi li s-servizzi ta' prevenzjoni jkunu multidixxiplinarji bis-sħiħ u jirriflettu l-ġerarkija tal-miżuri pprovduti fid-Direttiva 89/391/KEE;

c)

tenfasizza li l-evalwazzjoni tar-riskju għandha tkun proċess kontinwu u mhux obbligu ta' darba, bl-involviment sħiħ ta' l-impjegat;

d)

tiżgura li kemm jista' jkun l-attivitajiet ta' prevenzjoni jitwettqu internament;

e)

tiżgura li s-sorveljanza tas-saħħa timxi id f'id mal-prevenzjoni;

f)

tadatta l-leġiżlazzjoni tagħha dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol fuq bażi regolari biex tirrifletti l-progress teknoloġiku;

25.

Jenfasizza l-importanza ta' l-Istati Membri li jiżguraw li l-aċċess għal dokumenti tekniċi u regoli li jikkonċernaw is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fuq livell nazzjonali jkun b'xejn;

26.

Jifraħ lill-Kummissjoni rigward il-proposti dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ li hemm fil-Komunikazzjoni tagħha u jikkunsidra li dan huwa fattur importanti fl-iżvilupp ta' kultura preventiva u li barra minn hekk dan għandu jkun proċess kontinwu li jibqa' għaddej, adattat għas-sitwazzjoni teknoloġika ġdida fuq il-post tax-xogħol; u dan japplika wkoll għal dawk il-ħaddiema li jmorru lura x-xogħol wara mard jew waqfiet fil-karriera minħabba responsabbilitajiet ta' kura tal-familja;

27.

Jikkunsidra li għandhom jiġu offruti taħriġ vokazzjonali adattat u taħriġ mill-ġdid fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol lill-impjegati u lir-rappreżentanti tas-saħħa u tas-sigurtà b'attenzjoni speċifika mogħtija lil: sotto-kuntratti, xogħol temporanju, xogħol part-time, ħaddiema nisa u ħaddiema migranti; jikkunsidra li fondi nazzjonali u ta' l-UE għandhom jibqgħu jintużaw f'dan ir-rigward;

28.

Jikkunsidra li min iħaddem għandu jkun obbligat jiffaċilita l-eżamijiet mediċi għal min jaħdem bil-ġurnata u għal nies b'kuntratti ta' impjieg part-time;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża bis-sħiħ il-fondi Komunitarji eżistenti (speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew) fi kwistjonijiet relatati mas-saħħa u s-sigurtà (prevenzjoni u żvilupp ta' kultura preventiva, tqajjim ta' kuxjenza, taħriġ vokazzjonali, edukazzjoni tul il-ħajja kollha, rijabilitazzjoni u integrazzjoni mill-ġdid ta' ħaddiema li jkunu ġarrbu inċident fuq ix-xogħol jew mard) u indirizzati b'mod partikulari lill-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni biex talloka fondi Komunitarji oħra (pereżempju fondi mis-7 Programm ta' Qafas dwar ir-Riċerka) u fondi nazzjonali għar-riċerka dwar mard relatat max-xogħol;

30.

Jikkunsidra li huwa importanti, meta wieħed jikkunsidra r-riskju akbar li huma esposti għalih il-ħaddiema fis-setturi tal-minjieri, tal-metallurġija, tal-produzzjoni tal-ħadid u l-azzar u l-bini tal-vapuri, li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jallokaw fondi suffiċjenti għall-investimenti meħtieġa biex ikunu ggarantiti l-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

31.

Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżguraw approċċ sistematiku sensittiv għas-sessi, meta jiżviluppaw strateġiji nazzjonali u Komunitarji OHS u meta jiġbru statistiki, meta jwettqu sondaġġi u meta jwettqu riċerka OHS; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jużaw il-possibilitajiet ta' ffinanzjar provduti f'dan ir-rigward mill-programm PROGRESS, b'mod partikulari skond it-taqsima rigward l-ugwaljanza tas-sessi;

32.

Jistieden lill-Istati Membri biex jivvalutaw l-adozzjoni ta' inċentivi finanzjarji biex jippromwovu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, b'mod partikulari r-rifużjonijiet tat-taxxa jew preferenzi fis-sejħiet għal offerti għal intrapriżi mingħajr perikli u negozji ċertifikati fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà, l-introduzzjoni ta' sistema ta' “no-claims discount” fil-poloz ta' l-assikurazzjoni u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u inċentivi finanzjarji biex jinbidel apparat skadut jew perikoluż;

33.

Barra minn dan, jissuġġerixxi li l-Istati Membri jikkunsidraw il-possibilità li jinkorporaw ċerti standards ta' saħħa u sigurtà meta jagħtu kuntratti pubbliċi;

34.

Filwaqt li jikkunsidra l-bidliet soċjali u ekonomiċi li għaddejjin bħalissa, li jinfluwenzaw u jbiddlu wkoll is-suq tax-xogħol, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ politiki tajbin ta' impjieg u kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol, u sabiex tħeġġeġ lil min iħaddem sabiex jippromwovi stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa fuq il-post tax-xogħol permezz ta' kampanji li jippromwovu s-saħħa fuq ix-xogħol, l-infurzar tal-projbizzjoni tat-tipjip fuq il-post tax-xogħol u skemi biex l-impjegati li jpejpu jiġu appoġġjati biex jieqfu mit-tipjip, u sabiex tiżgura koerenza politika ma' oqsma oħrajn, speċjalment is-saħħa pubblika.

35.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tibda reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jitħeġġeġ titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta' ħaddiema tqal u nisa li jkunu welldu reċentement jew li jkunu qed ireddgħu (13);

36.

Jikkunsidra li l-problemi tas-saħħa relatati ma' l-esponiment għall-asbestos huma magħrufa sew u li r-regolament Ewropew dwar l-asbestos huwaxieraq; jenfasizza l-fatt li huwa maħsub li fl-Ewropa se jkun hemm rata għolja ta' mard li ġej mill-asbestos għall-ħafna snin li ġejjin; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex torganizza sessjoni ta' smigħ dwar kif għandhom jiġu trattati l-problemi kbar ta' l-OHS relatati ma' asbestos eżistenti fil-bini u kostruzzjonijiet oħra bħall-vapuri, ferroviji u makkinarji; jistieden ukoll lill-Istati Membri biex ifasslu pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni biex jitneħħa l-asbestos, inklużi obbligi biex ikun hemm pjanta ta' l-asbestos fil-bini u provvediment għat-tneħħija ta' l-asbestos mingħajr perikli;

37.

Jiddispjaċih li minkejja t-talbiet ripetuti u speċifiċi tal-Parlament, il-Kummissjoni għad trid tipproponi l-emendar tad- Direttiva 2000/54/KE bil-ħsieb li tindirizza r-riskji serji għas-saħħa tal-ħaddiema, li ġejjin minn xogħol bil-labar u strumenti mediċi li jaqtgħu; jitlob lill-Kummissjoni biex tħaffef tikkompleta l-istudju dwar l-impatt permezz tas-Sejħa għall-Offerti (2007/S 139-171103) u jitlob li ssir emenda xierqa li għandha tiġi adottata sewwa qabel it-tmiem tal-leġiżlatura f'nofs l-2009, b'konformità mar-riżoluzzjoni msemmija qabel dwar il-protezzjoni ta' ħaddiema Ewropej fis-settur tas-saħħa minn-infezzjonijiet fid-demm minn feriti magħmula permezz tal-labra tas-siringa; jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta miżuri ta' prevenzjoni u ta' screening adegwati biex jitnaqqas ir-riskju ta' mard li jittieħed mid-demm bħalma hi l-epatite Ċ;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu t-tmexxija f'idejha biex jiġi żviluppat u miftiehem kodiċi ta' prattika ta' l-UE dwar il-prevenzjoni ta' infezzjonijiet relatati mal-kura tas-saħħa;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb is-saħħa u s-sigurtà f'ambjenti tal-kura tas-saħħa, inklużi djar ta' kura, billi jittieħdu miżuri biex jiġi mħeġġeġ iskrining ta' rutina għall-persunal tal-kura tas-saħħa biex jippermetti skoperta u trattament bikrija sabiex jitnaqqsu l-infezzjonijiet marbuta max-xogħol jew li huma komunikabbli fuq ix-xogħol, bħall-MRSA;

40.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rekwiżit biex l-Istati Membri jfasslu strateġiji nazzjonali; jenfasizza li dawn l-istrateġiji għandhom ikopru l-istess perjodu ta' żmien u jibdew fl-istess sena sabiex ikun aktar faċli li jsir paragun kemm ta' l-istrateġiji nazzjonali u kif ukoll tar-riżultati tagħhom u li għandhom ukoll jistabbilixxu miri ċari u li jistgħu jitkejlu u b'attenzjoni speċjali fuq l-SMEs u l-gruppi vulnerabbli bħal ħaddiema migranti, ħaddiema żgħażagħ u ħaddiema li qed jixjieħu, nisa, ħaddiema ta' aġenziji temporanji u ħaddiema b'diżabilità;

41.

Jenfasizza l-fatt li huwa essenzjali li l-post tax-xogħol isir aċċessibbli u jkun mingħajr perikli għall-ħaddiema b'diżabilità, permezz tal-provvediment ta' akkomodazzjoni raġjonevoli, il-provvediment ta' apparat speċjali adattat għall-ħtiġijiet individwali, u permezz tal-provvediment ta' dawk is-servizzi tas-saħħa meħtieġa minn nies b'diżabilità, speċifikament minħabba d-diżabilità tagħhom, inklużi servizzi mfassla biex jiġu minimizzati u evitati diżabilitajiet oħra;

42.

Jitlob kemm lill-Kummissjoni u kif ukoll lill-Istati Membri biex japplikaw u jinfurzaw bis-sħiħ, irrispettivament mill-istejtus legali tagħhom, id-direttiva qafas u d-dispożizzjonijiet eżistenti tas-saħħa u s-sigurtà għall-ħaddiema kollha u biex jemendaw il-leġiżlazzjoni attwali għal ċerti professjonijiet fir-riskju, jekk din ma rriżultatx effikaċi, inklużi dawk li ta' sikwit jiġu injorati, bħall-ħaddiema fis-settur agrikolu, il-ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa, ix-xufiera professjonali, il-ħaddiema domestiċi u l-ħaddiema tad-dar u tal-militar, fejn ikun xieraq; kif ukoll biex jiżguraw l-applikazzjni u l-infurzar bis-sħiħ tad-Direttiva 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjieg u x-xogħol (14); jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-għażliet kollha disponibbli sabiex jestendu d-dispożizzjonijiet ta' l-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà għal dawk li jaħdmu għal rashom u għas-servizzi ta' impjieg mingħajr perikli offruti lil nies b'diżabilità;

43.

Jistieden lill-Istat Membri biex jikkunsidraw b'mod serju r-riskji differenti relatati mas-sigurtà u s-saħħa fil-post tax-xogħol għal impjegati nisa u rġiel u biex jipprovdu infrastruttura differenti soċjali u fiżika biex jilqgħu għal dawn ir-riskji;

44.

Jenfasizza li l-ħtieġa li jkunu analizzati r-riskji li n-nisa u l-irġiel jiffaċċjaw u li jittieħdu miżuri xierqa, ma jfissirx l-introduzzjoni mill-ġdid ta' politiki protettivi ta' esklużjoni, jew l-iżvilupp ta' impjiegi differenti għan-nisa u għall-irġiel;

45.

Iqis li filwaqt li l-obbligu ta' sigurtà ta' min iħaddem huwa strettament limitat għal dawk il-persuni li magħhom huwa marbut b'mod legali permezz ta' kuntratt ta' impjieg, sabiex il-politika tas-saħħa u s-sikurezza tiġi inkluża fil-politika CSR dawk li jħaddmu għandhom ikunu mħeġġa, fejn ikun possibbli, li jeżaminaw il-politiki tas-saħħa u tas-sikurezza tas-sottokuntratturi tagħhom u tal-katina tas-sottokontratti;

46.

Jistenna r-riżultat tat-tieni fażi ta' konsultazzjoni ta' l-imsieħba soċjali dwar il-problemi skeletro-muskolari (MSDs) u jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-possibilita' tipproponi direttiva, minħabba l-okkorrenza dejjem ikbar ta' MSDs u li l-leġiżlazzjoni attwali tista' tkun inadegwata u ma tindirizzax is-sitwazzjonijiet kollha tax-xogħol u l-anqas ma tkopri r-riskji kollha li jikkonċernaw l-MSDs relatati max-xogħol; jinnota li l-prinċipji xjentifiċi għandhom jiġu kkunsidrati bis-sħiħ;

47.

Jistenna r-riżultat tat-tieni fażi ta' konsultazzjoni ta' l-imsieħba soċjali dwar ir-reviżjoni tad-direttiva ta' l-2004 dwar karċinoġeni u jikkunsidra li l-għażla mixtieqa għandha tkun li tiġi emendata dik id-direttiva sabiex tinkludi sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni u li tipproponi reviżjoni tal-valuri massimi vinkolanti għall-espożizzjoni (BOELVs) għal karċinoġeni u mutaġeniċi elenkati fid-direttiva u biex jitwaqqfu BOELVs ġodda għal xi karċinoġeni, mutaġeniċi u sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni li għadhom mhux inklużi fid-direttiva;

48.

Ifakkar li t-theddid għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol mhux marbut biss max-xogħol manwali; jitlob li tingħata aktar attenzjoni lill-kawżi li jwasslu għall-mard mentali u lis-saħħa mentali, il-vizzji u lill-perikli psikoloġiċi fuq il-post tax-xogħol, bħal m'huma l-istress, il-fastidju u l-aggressjoni minn klikek (mobbing), kif ukoll il-vjolenza u barra minn hekk jitlob li ssir enfasi akbar fuq il-politiki ta' min iħaddem għall-promozzjoni ta' saħħa fiżika u mentali tajba;

49.

Jidhirlu li huwa essenzjali li jkun hemm koordinazzjoni akbar ma' l-Aġenzija Ewropea tal-Kimiċi (ECHA) il-ġdida f'Helsinki u li jiġu ċċarati numru ta' kwistjonijiet li jirriżultaw f'rabta mar-relazzjoni ta' bejn ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 rigward ir-Reġistrazzjoni, l-Evalwazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni tal-Kimiċi (REACH) (15) u d-direttivi l-oħra rigward is-saħħa fuq il-post tax-xogħol;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw kif jixraq l-implimentazzjoni simultanja ta' l-istrateġija Komunitarja u r-Regolament tar-REACH: l-istrateġija għandha tfittex li tikkumplementa r-Regolament tar-REACH dwar il-ħarsien kontra l-perikli kimiċi u għandha tapprofitta ruħha mill-opportunità li tqawwi l-azzjoni preventiva kontra l-perikli kimiċi fuq il-post tax-xogħol f'rabta ma' l-implimentazzjoni tar-REACH;

51.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjoni riċenti tal-ftehim ta' qafas bejn l-imsieħba soċjali dwar fastidju u vjolenza fuq il-post tax-xogħol; madankollu, jiddispjaċih li dan l-ftehim ta' l-aħħar ma jkoprix b'mod espliċitu l-kwistjoni ta' vjolenza ta' partijiet terzi; għalhekk jistieden lill-imsieħba soċjali biex jiddiskutu ftehim multisettorjali dwar din il-kwistjoni;

52.

Jenfasizza l-kundizzjonijiet diffiċli tax-xogħol għal ħafna xufiera tat-trakkijiet li jsuqu fl-Ewropa, minħabba n-nuqqas ta' aċċess għal faċilitajiet xierqa ta' mistrieħ: L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 (16), dwar il-ħin ta' sewqan u ta' mistrieħ, jirrikonoxxi b'mod espliċitu l-importanza ta' numru suffiċjenti ta' faċilitajiet ta' mistrieħ u mingħajr periklu għal xufiera professjonali tul in-network ta' l-awtostrada ta' l-UE; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli l-proġett pilota għal zoni mingħajr periklu u mgħammra bis-sigurtà ta' pparkjar li ġie mibdi mill-Parlament, filwaqt li tikkunsidra l-miżuri rakkomandati fl-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar zoni għall-ipparkjar mingħajr periklu u mgħammra bis-sigurta (17)?;

53.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tibda r-riċerka dwar il-fattibilità u l-benefiċċji għas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol u għas-soċjetà kollha kemm hi, li jkun hemm rekwiżit li, fejn dan ma jkunx ta' periklu, il-binjiet kollha ġodda li huma maħsuba bħala postijiet tax-xogħol jiġu installati bi sprinklers kontra n-nar;

54.

Jenfasizza l-importanza ta' djalogu kontinwu bejn il-partijiet interessati kollha inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, min iħaddem, ir-rappreżentanti tagħhom u s-soċjetà ċivili bħala għodda ewlenija fl-iżvilupp effettiv ta' standards għolja tas-saħħa u s-sigurtà; dan id-djalogu għandu jwassal għal għarfien aħjar tar-riskji reali għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kif ukoll tal-ħtiġijiet u rekwiżiti speċifiċi ta' ċerti gruppi ta' ħaddiema fil-livelli settorjali u tan-negozju u għal skambju ta' l-aħjar prattiki;

55.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw rappreżentanza xierqa tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-livelli kollha fir rigward ta' l-OHS;

56.

Jikkunsidra r-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) bħala waħda mill-għodod effettivi biex tssaħħaħ il-kompetittività, ikun hemm sigurtà aħjar fuq il-post tax-xogħol, u ambjent aħjar tax-xogħol, u f'dan ir-rigward iħeġġeġ l-iskambju ta' prattiki tajbin fil-livelli lokali, nazzjonali u Ewropej fost l-Istati Membri u globalment fil-livell multinazzjonali kif ukoll l-applikazzjoni ta' CSR fuq bażijiet volontarja, iżda bħala parti integrali ta' l-istrateġiji ta' negozju għall-iżvilupp;

57.

Jikkunsidra li r-rappreżentanza ta' l-impjegati hija ta' importanza maġġuri għal kwalunkwe politika ta' saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol; jikkunsidra li l-korrelazzjoni pożittiva bejn l-eżistenza ta' rapprezentanti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u rendiment aħjar ma tistax tiġi sottovalutata u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-approċċ parteċipattiv u jiżguraw li kemm jista' jkun ħaddiema jkollhom aċċess għar-rappreżentanti tas-saħħa u s-sigurtà;

58.

Jikkunsidra li ħinijiet tax-xogħol eċċessivi/perjodi ta' mistrieħ insuffiċjenti huma fattur importanti fil-livell ogħla ta' aċċidenti u mard fuq il-post tax-xogħol u jitlob bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja;

59.

Jifraħ lill-OHSA u lill-Fondazzjoni Ewropea dwar it-Titijib ta' Kundizzjonijiet ta' Ħajja u Xogħol għax-xogħol li għamlu s'issa u huwa ta' l-opinjoni li l-għarfien speċjalizzat u l-poteri ta' dawn l-organizzazzjoniiet għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ; jikkunsidra li dawk il-korpi għandhom ikomplu jintużaw bħala strumenti ta' tqajjim ta' kuxjenza, ġbir, analiżi u skambju ta' informazzjoni, skambju ta' prattiki tajba u investigazzjoni biex jiġu antiċipati riskji ġodda u emerġenti, kemm jekk huma kkawżati minn bidla soċjali kif ukoll jekk huma marbutin ma' l-innovazzjoni teknika;

60.

Jikkunsidra li huwa kruċjali li jiġu identifikati u mmonitorjati r-riskji ġodda u li qegħdin jitfaċċaw — eż. riskji psikosoċjali; għalhekk jifraħ lill-osservatorju tar-riskji ta' l-OHSA tal--ħidma tiegħu u jitlob lill-Kummissjoni taġixxi fuq is-sejbiet tiegħu u tressaq il-proposti neċessarji meta jiġu identifikati riskji ġodda;

61.

Jirrakkomanda lill-Istati Membri li jimplimentaw il-miżuri meħtieġa sabiex ix-xogħol li jsir f'kundizzjonijiet iebsa u perikolużi jimxi id f'id mad-drittijiet ta' ħarsien soċjali tal-persuni kkonċernati, kemm waqt li jkunu qed jaħdmu u meta jkunu bil-pensjoni;

62.

Jirrakkomanda li l-OHSA twettaq riċerka speċifika dwar il-problemi u r-riskji partikulari li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema temporanji u l-ħaddiema ta' l-aġenziji u kif ukoll dawk f'intrapriżi subappaltati sabiex tgħin lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kontra r-riskji affaċċjati u biex jimplimentaw kif xieraq il-leġiżlazzjoni eżistenti li tikkonċerna dawn il-gruppi, filwaqt li jirrikonoxxi li t-tip ta' xogħol li jsir minn dawn il-gruppi, bħalma huwa l-bini, f'ċerti Stati Membri għandu, minħabba n-natura tiegħu, aktar tendenza li jinvolvi inċidenti;

63.

Huwa tal-fehma li f'ambjent globali, hemm bżonn ta' kooperazzjoni ma' organizzazjonijiet internazzjonali bħad-WTO, il-WHO, u l-ILO u hemm bżonn li jiġi żgurat li l-konvenzjonijiet u l-ftehim internazzjonali dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol jiġu adottati u implimentati mill-partijiet kollha; jikkunsidra li dan huwa fattur importanti sabiex tinżamm il-kompetittività ta' l-UE u biex jiġi evitat li l-intrapriżi Ewropej jiġu trasferiti lill-pajjiżi terzi sabiex ifittxu ambjent legali ta' saħħa u sigurtà aktar permissiv; barra minn hekk, jikkunsidra li din hija kwistjoni ta' ħarsien tad-drittijiet ta-bniedem u għalhekk għandha tiġi indirizzata waqt in-negozjati ma' pajjiżi terzi;

64.

Għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jirrispettaw id-dispożizzjonjiet internazzjonali dwar is-saħħa u s-sigurtà u b'mod partikulari biex jirratifikaw il-Konvenzjoni C-187 ta' l-ILO u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni R-197;

65.

Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.


(1)  ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.

(3)  ĠU L 262, 17.10.2000, p. 21.

(4)  ĠU L 165, 27.6.2007, p. 21.

(5)  ĠU C 300 E, 11.12.2003, p. 290.

(6)  ĠU C 304 E, 1.12.2005, p. 400.

(7)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p.754.

(8)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0206.

(9)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0501.

(10)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0102.

(11)  ĠU L 238, 25.9. 2003, p.28.

(12)  ĠU L 206, 29.7.1991, p.19.

(13)  ĠU L 348, 28.11.1992, p.1.

(14)  ĠU L 303, 2.12.2000, p.16.

(15)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(16)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.

(17)  ĠU C 175, 27.7.2007, p. 88.