28.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-Demokrazija ekonomika fis-suq intern”

(2009/C 175/04)

Nhar is-27 ta’ Settembru 2007 il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

Id-demokrazija ekonomika fis-suq intern.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Novembru 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura SÁNCHEZ MIGUEL.

Matul l-449 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-3 u l-4 ta’ Diċembru 2008 (sessjoni tat-3 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’110 voti favur, 29 vot kontra u 22 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Waħda mill-kundizzjonijiet fundamentali biex niżguraw li d-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej jiġu rrispettati hija li jkun hemm demokrazija reali fis-suq intern. Huwa biss meta din l-idea tiġi adottata li ser inkunu f’sitwazzjoni fejn il-partijiet kollha involuti fis-suq jifhmu u jappoġġjaw l-importanza tas-suq għall-integrazzjoni Ewropea.

1.2   Il-protezzjoni tal-konsumaturi s’issa kienet il-mezz li ppermetta li nersqu lejn bilanċ bejn il-partijiet involuti fis-suq, anke jekk huwa minnu li l-politika tal-kompetizzjoni Ewropea pprovdiet l-istrumenti leġiżlattivi li jillimitaw ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, li tant tagħmel ħsara lill-konsumaturi, lill-ħaddiema u liċ-ċittadini b’mod ġenerali.

1.3   Id-demokrazija ekonomika fis-suq teħtieġ li mhux biss ikun hemm ugwaljanza bejn il-partijiet kollha involuti fis-suq, iżda li l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tittejjeb. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’:

l-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-istrumenti leġiżlattivi tal-politika tal-kompetizzjoni, kif ukoll l-inklużjoni tal-konsumaturi u l-partijiet involuti l-oħra u l-korpi kompetenti fil-qasam, kemm fil-livell Komunitarju kif ukoll f’dak nazzjonali;

espansjoni ta’ din il-politika, sabiex jiġu sodisfatti l-interessi ekonomiċi ta’ dawk li huma direttament milquta mill-prattiki pprojbiti fil-qasam tal-kompetizzjoni.

1.4   Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, jeħtieġ li jiġu żviluppati azzjonijiet konkreti li jtejbu u jiggarantixxu l-kunfidenza ta’ dawk kollha li huma involuti fis-suq intern. Eżempji ta’ kif dan jista’ jsir huma:

l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet kollha b’tali mod li jkunu komparabbli, mill-inqas fil-kwistjonijiet ewlenin kemm tal-liġi sostantiva kif ukoll ta’ dik proċedurali;

il-protezzjoni tal-partijiet involuti fis-suq għandha tkun marbuta mad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fit-Trattati, mingħajr il-bżonn li jiġu stabbiliti proċeduri ġodda sabiex ma jiżdiedx il-piż amministrattiv;

il-parteċipazzjoni tad-diversi partijiet involuti fis-suq fil-korpi tal-kompetizzjoni u t-twaqqif ta’ netwerk ta’ informazzjoni tajjeb huma proposti li l-KESE ressaq f’bosta opinjonijiet.

1.5   Il-KESE kien attiv fir-rigward tal-promozzjoni tal-applikazzjoni tad-drittijiet tal-ugwaljanza fil-politiki kollha, kif ukoll fil-parteċipazzjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili fil-korpi Komunitarji, u speċjalment fil-politika tal-kompetizzjoni. Il-KESE jemmen li bħalissa l-ksib tal-objettivi tal-Aġenda ta’ Liżbona, permezz ta’ ekonomija iktar kompetittiva u dinamika, jiddependi mill-garanzija tad-demokrazija ekonomika fis-suq intern.

2.   Sfond

2.1   It-Trattat ta’ Liżbona, fl-Artikolu 6 tat-TUE (1), jirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji msemmijin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2), li ser ikollha l-istess valur legali bħat-Trattati.

2.2   Fost id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, il-Karta tistabbilixxi, fost oħrajn, l-ugwaljanza, id-dritt tal-proprjetà, il-ħarsien tal-konsumaturi u l-aċċess għas-servizzi ta’ interess ġenerali, drittijiet li għandhom impatt fuq il-funzjonament u l-istabbiliment tas-suq intern.

2.3   Il-prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini huwa wieħed mill-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (Artikolu 2) u fl-istess ħin, bħala prinċipju demokratiku tal-Unjoni, jikkostitwixxi obbligu li, skont l-Artikolu 9 tat-TUE, l-Unjoni għandha tirrispetta fl-attivitajiet kollha tagħha, inklużi l-attivitajiet ekonomiċi tas-suq intern.

L-Unjoni għandha l-kompetenza (3) esklużiva għat-twaqqif tar-regoli tal-politika tal-kompetizzjoni li huma neċessarji għat-tħaddim tas-suq intern (Artikolu 3(1)(b)).

2.4.1   Fil-prattika, dawn huma inkompatibbli mas-suq intern, u l-prattiki kollużivi u l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti (regoli antimonopolju) huma pprojbiti, b’mod speċjali għax fost affarijiet oħra jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-konsumaturi, il-kumpaniji u l-partijiet l-oħra involuti fis-suq, bħall-ħaddiema.

2.4.2   Applikazzjoni inadegwata jew nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-inkorporazzjoni tal-kumpaniji (mergers) tista’ tkun ta’ ħsara kbira għall-konsumaturi, l-intrapriżi u l-partijiet l-oħra involuti fis-suq intern, bħall-ħaddiema.

2.4.3   Il-punt ta’ referenza għall-evalwazzjoni taż-żieda fl-effiċjenza hija li l-konsumaturi ma jbatux minħabba l-inkorporazzjoni. Għal din ir-raġuni, iż-żieda fl-effiċjenza għandha tkun sostanzjali u rapida, u għandha tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi ta’ dawk is-swieq rilevanti li mingħajrha jkollhom problemi ta’ kompetizzjoni.

L-Unjoni għandha kompetenza maqsuma fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumaturi (Artikolu 4(2)(f)).

2.5.1   Meta jiġu ddefiniti u implimentati politiki u azzjonijiet oħrajn tal-Unjoni, għandhom jitqiesu l-eżiġenzi tal-ħarsien tal-konsumaturi, b’konformità mal-Artikolu 12 il-ġdid tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

2.5.2   Dan huwa approċċ orizzontali għall-politika tal-konsumaturi, li huwa rikonoxxut b’mod espliċitu mil-liġi Komunitarja, li tistipula li huwa kruċjali għas-suq intern li l-interessi tal-konsumaturi jitqiesu fl-oqsma politiċi u ekonomiċi kollha, bil-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ ħarsien għal kulħadd fl-Unjoni Ewropea.

2.5.3   Fil-proposti dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumaturi, il-Kummissjoni Ewropea għandha l-obbligu li tieħu bħala bażi livell għoli ta’ ħarsien (Artikolu 114(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE). Dan l-obbligu tal-Kummissjoni jfisser li għandha d-dmir li tippromovi l-interessi tal-konsumaturi u li għandha tiggarantihom permezz ta’ livell għoli ta’ ħarsien min-naħa tal-Unjoni (Artikolu 169 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE).

2.5.4   B’mod ġenerali (4), l-armonizzazzjoni fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumaturi kienet ibbażata fuq il-prinċipju tal-armonizzazzjoni minima, li tistipula li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jadottaw jew iżommu l-miżuri li jiżguraw protezzjoni mtejba, ħaġa li f’ċerti okkażjonijiet wasslet għal kunflitti leġiżlattivi bejn il-ħarsien tal-konsumatur u t-twettiq tas-suq intern.

Fl-opinjoni tiegħu dwar “Ir-regolazzjoni tal-kompetizzjoni u l-konsumaturi” (5), il-KESE enfasizza l-fatt li għalkemm il-kompetizzjoni ħielsa timplika benefiċċju għal dawk kollha li jikkompetu fis-suq, b’mod speċjali għall-konsumaturi, is-setturi liberalizzati ewlenin qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ limitazzjoni serja tal-kompetizzjoni ħielsa, b’effetti ta’ esklużjoni għall-kompetituri u limitazzjoni tad-drittijiet ekonomiċi tal-konsumaturi.

2.6.1   L-opinjoni tenfasizza l-bżonn li jissaħħu s-sistemi ta’ informazzjoni u konsultazzjoni tal-konsumaturi. Għal dan il-għan, in-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni għandu jadatta l-attivitajiet tiegħu biex jinkorpora l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet li l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi nazzjonali jew Komunitarji jkunu jixtiequ jressqu sabiex itejjeb l-effiċjenza tal-politiki tal-kompetizzjoni fis-swieq u sabiex jagħmel mezz li d-drittijiet ekonomiċi jkunu rikonoxxuti.

2.6.2   Fir-rigward tal-kumpens għall-ħsara mġarrba minħabba l-ksur tar-regoli tal-ħarsien tal-kompetizzjoni, il-KESE diġà esprima l-fehma tiegħu (6) dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea favur it-tħejjija ta’ linji gwida Komunitarji li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għal azzjoni legali kontra l-ħsara mġarrba mill-ksur tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat.

2.6.3   Barra minn hekk, il-KESE ppronunzja ruħu favur l-istabbiliment ta’ regolazzjoni, fil-livell Komunitarju, tal-azzjoni kollettiva ta’ kumpens min-naħa tal-entitajiet rappreżentattivi tal-partijiet soċjali u ekonomiċi involuti fis-suq intern, b’mod speċjali l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi (7).

2.6.4   Bħalissa qiegħda titfassal l-opinjoni dwar il-White Paper “Azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust” (8); dan is-suġġett ser jiġi indirizzat fiha.

2.6.5   Bl-istess mod, din l-opinjoni m’għandhiex l-intenzjoni li tindirizza l-kwistjonijiet marbutin mal-kumpens ċivili għall-ħsara mġarrba minħabba l-ksur tar-regoli tal-ħarsien tal-kompetizzjoni, u lanqas dwar l-azzjoni kollettiva tal-organizzazzjoni tal-konsumaturi fis-suq intern, billi dawn huma suġġetti li l-KESE diġà esprima ruħu dwarhom. F’din l-opinjoni ser nikkonċentraw fuq id-demokrazija ekonomika fis-suq intern.

3.   Il-kunċett tad-demokrazija ekonomika fis-suq intern

3.1   Il-politika tal-kompetizzjoni għandha l-għan li toħloq u tħares il-kundizzjonijiet li jippermettu li s-swieq jaħdmu b’mod kompetittiv, għall-benefiċċju kemm tal-konsumaturi kif ukoll tal-kumpaniji. Dan jimplika:

ġlieda effikaċi kontra l-prattiki li jwasslu għal distorsjoni tal-kundizzjonijiet kompetittivi tas-suq;

il-ħolqien tal-kundizzjonijiet neċessarji għal parteċipazzjoni attiva fil-politika tal-kompetizzjoni tal-konsumaturi u ta’ dawk kollha li għandhom drittijiet ekonomiċi marbutin mal-attivitajiet ekonomiċi tas-suq, inklużi l-ħaddiema;

li l-informazzjoni tingħata b’tali mod li jkollha effett kostanti u li l-konsultazzjoni ssir b’mod effikaċi, b’riżultati viżibbli;

it-twaqqif tal-istrumenti jew miżuri legali għal ħarsien adegwat tal-prinċipju tal-ugwaljanza tal-parteċipanti fis-suq — inklużi l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju li ser jibbenefikaw ukoll minn din il-politika Komunitarja — id-dritt tal-proprjetà, il-ħarsien tal-konsumaturi u l-aċċess għas-servizzi ta’ interess ġenerali.

3.2   Għalhekk hemm bżonn li tiġi ggarantita “d-demokrazija ekonomika fis-suq intern”. Dan l-għan huwa impliċitu fl-objettivi tal-Aġenda ta’ Liżbona li jsejħu sabiex l-UE ssir l-iktar ekonomija kompetittiva u dinamika fid-dinja, li tkun kapaċi tikseb tkabbir ekonomiku sostenibbli, b’żieda u titjib tal-impjiegi u koeżjoni soċjali ikbar (9).

Sabiex jiġi ggarantit suq intern fi ħdan demokrazija ekonomika li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-Ewropa, hemm tliet oqsma ewlenin fejn jeħtieġ li tittieħed azzjoni u jkompli jsir progress.

L-ewwel qasam jikkonċerna l-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-istrumenti tradizzjonali tal-politika tal-kompetizzjoni, jiġifieri r-regoli antimonopolju u r-regoli dwar l-inkorporazzjoni u l-għajnuniet statali, b’attenzjoni partikulari għas-setturi magħżulin, l-ewwel nett is-setturi liberalizzati.

3.3.1.1   Fi kliem ieħor, dan jirreferi għas-servizzi ta’ interess ġenerali, li għaddew minn sistema ta’ monopolju għas-sistema reċenti tas-suq miftuħ, fejn kumpanija waħda jkollha pożizzjoni dominanti fis-suq, ħaġa li twassal għal kompetizzjoni limitata minħabba l-iskarsezza ta’ operaturi ġodda fis-swieq.

3.3.1.2   F’dan il-kuntest, l-intervent tal-konsumaturi għandu jiġi ffaċilitat sabiex ir-regoli antimonopolju jkunu applikabbli. Fi kliem ieħor, għandhom ikunu l-konsumaturi li jagħtu bidu għall-proċeduri rilevanti meta josservaw ksur potenzjali tar-regoli antitrust, billi jkollhom il-kapaċità li jieħdu azzjoni legali. Il-mezzi ewlenin ta’ kif dan jista’ jsir huma l-informazzjoni, l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi stess, kif ukoll billi l-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jiġu awtorizzati jieħdu azzjoni u jingħataw aċċess għall-istituzzjonijiet u l-proċeduri rilevanti.

It-tieni qasam huwa marbut mal-istudju tal-politika tal-kompetizzjoni li taffettwa lill-konsumaturi u b’mod ġenerali lil dawk il-persuni li d-dħul tagħhom jiddependi mill-attivitajiet tagħhom fis-suq, inklużi l-ħaddiema.

3.3.2.1   Il-prattiki li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni, użati mill-kumpaniji li ma jirrispettawx ir-regoli, kemm fil-kuntest ta’ ftehim kif ukoll permezz tal-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, jistgħu eventwalment iwasslu għal tnaqqis fid-dħul tal-partijiet involuti jew żieda fl-ispejjeż ta’ dawk li ġarrbu l-ħsara, ħaġa li taffettwa d-dritt tal-proprjetà tagħhom fir-rigward ta’ dak id-dħul u li tagħmilhom vittmi ta’ ksur tal-liġi.

3.3.2.2   Għaldaqstant, l-effetti tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jistgħu jwasslu għal approprjazzjoni inġusta tad-dħul tal-konsumaturi u tal-persuni kollha li d-dħul tagħhom jiddependi mill-attivitajiet ekonomiċi tagħhom u tal-intrapriżi li joperaw fis-suq u jirrispettaw ir-regoli dwar il-kompetizzjoni. Din il-viżjoni l-ġdida tal-politika tal-ħarsien tal-kompetizzjoni għandha ssaħħaħ ukoll il-pożizzjoni tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju li jikkostitwixxu s-sinsla tal-ekonomija Ewropea, fatt li huwa rikonoxxut b’mod wiesa’.

It-tielet qasam jikkonċerna l-konsolidazzjoni u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn il-membri tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni u l-Kummissjoni, bejn il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni u bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-konsum, l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi u l-Kummissjoni.

3.3.3.1   L-assistenza reċiproka għandha tippermetti li d-deċiżjoni dwar min għandu jieħu l-azzjoni kkonċernata tittieħed fi żmien iqsar, kif ukoll li r-riżoluzzjoni tal-każijiet tkun iktar effikaċi.

4.   Kummenti dwar il-kwistjonijiet marbutin mal-kunċett tad-demokrazija ekonomika

4.1   Sabiex tinkiseb demokrazija ekonomika awtentika, l-UE għandha tadatta l-politika tal-kompetizzjoni tagħha, kif ukoll il-miżuri ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, għall-bżonnijiet u l-istennijiet tal-konsumaturi Ewropej u tal-partijiet kollha involuti fis-suq. Għal dan il-għan huwa kruċjali li jittieħdu azzjonijiet konkreti fir-rigward tal-kwistjonijiet li jiggarantixxu u jtejbu l-kunfidenza tal-partijiet kollha involuti fis-suq intern.

4.2   L-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet

Mingħajr leġiżlazzjoni komparabbli, mill-inqas fil-kwistjonijiet ewlenin kemm tal-liġi sostantiva kif ukoll ta’ dik proċedurali, wieħed ma jistax jitkellem dwar demokrazija ekonomika reali fil-qafas tas-suq intern, hekk kif stipulat fl-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE u l-Artikoli segwenti, b’mod speċjali l-Artikolu 116.

4.2.1.1   Wieħed jista’ biss jitkellem dwar suq intern meta l-konsumatur ikollu s-sigurtà u l-kunfidenza neċessarji biex jixtri fi kwalunkwe post tal-Unjoni Ewropea biċ-ċertezza li jibbenefika minn ħarsien ekwivalenti u effettiv kontra kwalunkwe tip ta’ ksur tad-drittijiet ekonomiċi tiegħu min-naħa tal-kumpaniji. Il-moviment transkonfinali tal-prodotti u s-servizzi għandu jippermetti lill-konsumaturi li jfittxu offerti favorevoli u prodotti u servizzi innovattivi li jgħinuhom jieħdu l-iktar deċiżjonijiet vantaġġużi. Għalhekk huwa essenzjali li nagħmlu mezz li l-varjazzjonijiet fir-regoli tal-ħarsien tal-konsumaturi fl-UE jkunu kemm jista’ jkun minimi.

Għalkemm l-Istati Membri adottaw dispożizzjonijiet nazzjonali ekwivalenti fl-Artikoli 101 u 102 (eż. Artikoli 81 u 82), għad hemm diskrepanzi konsiderevoli bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni. Dawn id-differenzi jinsabu kemm fid-definizzjonijiet materjali tal-kunċetti ta’ dominanza, abbuż u dipendenza ekonomika kif ukoll fid-drittijiet proċedurali tal-konsumaturi, fir-rikonoxxenza tar-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jew fir-relazzjonijiet bejn dawn tal-aħħar u l-awtoritajiet nazzjonali tal-ħarsien tal-kompetizzjoni.

4.2.2.1   Il-prinċipju tal-“armonizzazzjoni minima” użat bħala mezz ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali huwa l-iktar wieħed adegwat biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti għas-suq intern u għall-ħarsien tal-konsumaturi. Min-naħa l-oħra, meta mqabbel mal-prinċipju tal-“pajjiż ta’ oriġini”, flimkien ma’ tip ieħor ta’ “klawżoli tas-suq intern” dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-liġijiet għall-ħarsien tal-konsumaturi, huwa inkompatibbli ma’ “livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumaturi.”

4.2.2.2   Sabiex nilħqu dan il-livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumaturi u b’konformità mal-aħħar strateġiji Komunitarji fil-qasam tal-politika tal-konsumaturi 2002/2006 u 2007/2013, ikun xieraq li nimxu fid-direzzjoni ta’ armonizzazzjoni totali għal kwistjonijiet individwali li huma meqjusin ta’ importanza kruċjali, bħall-prinċipji, id-definizzjonijiet u ċerti aspetti proċedurali.

Il-vittmi ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandhom jiksbu kumpens effettiv u sħiħ u l-ħatja m’għandhom jiksbu l-ebda benefiċċju inġust. Għal dan il-għan jistgħu jiġu adottati strumenti bħal dawn li ġejjin:

proċeduri li permezz tagħhom l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jikkonfiskaw il-benefiċċji inġusti. Il-fondi illegali miksuba b’dan il-mod għandhom jiġu użati għal skopijiet ta’ interess ġenerali stabbiliti bil-quddiem mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, b’mod speċjali biex jiffinanzjaw miżuri pubbliċi ta’ appoġġ għall-vittmi. Il-miżuri nazzjonali għandhom jikkonformaw mal-prinċipji tal-ekwivalenza u l-effettività stipulati mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja;

l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ infurzar amministrattivi jew penali li jkunu effikaċi, dissważivi u proporzjonali, għall-iktar ksur gravi li jaffettwa l-funzjonament u l-istabbiliment tas-suq intern. Id-definizzjoni ta’ “illegali” għandha tkopri oqsma fejn l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva, sabiex tiġi ggarantita l-iktar applikazzjoni effikaċi possibbli tal-liġi Komunitarja permezz ta’ definizzjoni ta’ kriterji minimi u komuni għar-reati (10). It-Trattat ta’ Liżbona jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati dispożizzjonijiet minimi fir-rigward tad-definizzjoni tar-reati u s-sanzjonijiet penali permezz ta’ proċedura ta’ kodeċiżjoni, bit-twaqqif ta’ regoli minimi għal reati partikolarment gravi b’dimensjoni transkonfinali (Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE);

il-fatt li s-sanzjonijiet isiru pubbliċi jista’ jkun miżura effettiva, bl-istabbiliment ta’ għodda aċċessibbli għall-pubbliku bħal bażijiet tad-data dwar dawk li jiksru l-liġi, eċċ. Is-sanzjonijiet għal imġiba antikompetittiva huma element dissważiv għal dawk li huma potenzjalment kapaċi jiksru l-liġi. Jekk is-sanzjonijiet ikunu pubbliċi, il-vittmi tar-reat ikunu infurmati bl-importanza tal-kwistjoni u ċ-ċittadini jsiru jafu iktar dwar il-mezzi ta’ ħarsien tal-kompetizzjoni.

Dawn il-miżuri jikkostitwixxu miżuri komplementarji li jiżdiedu mal-kumpens tal-ħsara mġarrba, li, kif diġà ntqal, mhux ser ikun is-suġġett ta’ din l-opinjoni, billi l-White Paper dwar dan intitolata “Azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust” għad trid tiġi adottata.

4.2.3.1   Sabiex il-kumpens għall-ħsara mġarrba jkun iktar effikaċi, ta’ min janalizza l-possibbiltà li l-qrati nazzjonali jkunu awtorizzati jiddeċiedu dwar l-użu finali tal-multi amministrattivi u jinkorporawhom fil-proċedura ċivili ta’ evalwazzjoni tal-kumpens tal-vittmi tar-reat.

4.2.4   Il-mod adattat kif nistgħu niksbu l-armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjonijiet f’ċerti kwistjonijiet u fl-istess ħin nevitaw tnaqqis fil-livell tal-ħarsien tal-konsumaturi f’ċerti Stati Membri, huwa wieħed mill-objettivi li għandna nqisu fir-riformi leġiżlattivi li jaffettwaw ir-regolazzjoni tas-suq intern.

4.3   L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali

4.3.1   Il-ksur tar-regoli tas-suq intern jaffettwa sensiela ta’ drittijiet fundamentali tal-Unjoni, bħall-prinċipju tal-ugwaljanza (Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), id-dritt tal-proprjetà (Artikolu 17 tal-Qafas Komuni ta’ Riferiment QKR), il-ħarsien tal-konsumaturi (Artikolu 38 QKR) u l-aċċess għas-servizzi ta’ interess ġenerali (Artikolu 36 QKR), li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni għandhom id-dmir li jħarsu. Uħud minn dawn id-drittijiet — b’mod partikulari l-prinċipju tal-ugwaljanza u l-projbizzjoni tat-trattament inġust — ingħataw forma legiżlattiva fl-ambitu tal-kompetizzjoni bħala linja gwida għall-imġiba tal-operaturi ekonomiċi kollha, kemm b’rabta mal-kompetituri tagħhom kif ukoll fir-rigward tal-konsumaturi (11).

4.3.2   Dan iqajjem il-mistoqsijiet li ġejjin:

Hemm bżonn ta’ miżuri speċjali għall-ħarsien ta’ dawn id-drittijiet?

Liema miżura tista’ tkun l-aħjar fl-ambitu tal-liġi Komunitarja?

Ikun xieraq li, b’konformità mal-Artikoli 17, 20 u 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-drittijiet tal-konsumaturi, tal-intrapriżi u tal-persuni kollha li d-dħul tagħhom jiddependi mill-attivitajiet ekonomiċi tagħhom fis-suq, inklużi l-ħaddiema, jieħdu l-forma ta’ regoli speċifiċi fi ħdan il-liġi Komunitarja tal-kompetizzjoni?

4.3.3   L-istabbiliment ta’ “livell għoli ta’ ħarsien” jista’ jitqies bħala mezz ta’ applikazzjoni u protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fis-suq, fuq kollox billi t-twaqqif ta’ metodu speċjali jew proċedura unika kieku jwassal għal piż amministrattiv ikbar. Il-KESE jqis li jkun iktar adattat li jintużaw l-istrumenti li diġà jeżistu, sabiex b’hekk tissaħħaħ il-kapaċità ta’ intervent legali tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi. Ikun xieraq li bis-saħħa tal-politiki u l-miżuri adattati, tiġi promossa l-inklużjoni fir-regoli speċifiċi tal-UE u tal-Istati Membri — b’mod speċjali f’setturi determinati bħax-xiri tal-prodotti u s-servizzi essenzjali, il-ħarsien tal-kompetizzjoni, il-prattiki inġusti — ta’ klawżoli speċifiċi ta’ rikonoxximent tad-drittijiet tal-konsumatur jew ta’ kwalunkwe persuna oħra bi drittijiet ekonomiċi, inklużi l-ħaddiema, u tal-garanzija li dawn ikunu mħarsa mil-liġi. Dan għandu jgħin ukoll sabiex iċ-ċittadin ikun infurmat u konxju, kundizzjoni li, kif diġà ntqal f’din l-opinjoni, hija essenzjali għall-KESE.

4.4   Il-parteċipazzjoni tad-diversi partijiet involuti fis-suq

4.4.1   It-Trattat ta’ Liżbona, permezz tal-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, jistipula li sabiex tiġi promossa gvernanza tajba u tiġi ggarantita l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-entitajiet tal-Unjoni ser jaġixxu bl-ikbar rispett possibbli għall-prinċipju ta’ ftuħ. It-trasparenza hija prerekwiżit bażiku biex iċ-ċittadini jaċċettaw il-politiki Komunitarji.

Il-parteċipazzjoni għandha tiġi żviluppata permezz tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ komunikazzjoni effikaċi u effettivi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni preventiva bikrija fir-rigward tar-reati ta’ natura transkonfinali. Għal dan il-għan ikun xieraq li jiġu solvuti l-kwistjonijiet li ġejjin:

Liema miżuri jistgħu jippermettu li tittejjeb il-kooperazzjoni?

Kif jistgħu jissaħħu l-aspetti preventivi?

Il-Parlament Ewropew jipproponi (12) li tinħoloq il-pożizzjoni ta’ “medjatur Ewropew għall-konsumaturi” u jappoġġja l-idea li jiġu nnominati xi kunsilliera inkarigati mir-relazzjonijiet mal-konsumaturi fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea. Għal dan il-għan ikun xieraq li wieħed jikkunsidra l-ħolqien ta’ korp ad hoc bħala medjatur Ewropew għall-konsumaturi, jew li jiġu estiżi l-kompetenzi tal-medjatur Ewropew attwali. Bil-għan li jiġi introdott kriterju ta’ razzjonalità fir-rigward tal-mezzi użati għall-garanzija ta’ livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumaturi fil-politika tal-kompetizzjoni u sabiex ir-riżorsi eżistenti jiġu użati bl-aqwa mod possibbli, il-KESE jemmen li fil-prinċipju jkun biżżejjed li jiġi nnominat Kunsillier inkarigat mir-relazzjonijiet mal-konsumaturi (13) f’dawk id-dipartimenti tal-Kummissjoni li huma partikolarment ikkonċernati mill-politika tal-konsumaturi.

4.4.3   Huwa possibbli li jkun hemm bżonn li l-proċedura amministrattiva fil-Kummissjoni tiġi riformata sabiex jiġu stabbiliti l-proċeduri penali, b’rispett sħiħ għall-prinċipju tar-riservatezza. Il-problema tista’ tiġi solvuta permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 41 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, li jiggarantixxu l-aċċess għall-fajl, id-dritt għal udjenza, ir-raġunijiet tad-deċiżjonijiet u d-dritt għar-rikors.

4.4.4   Għandu jittejjeb il-feedback dwar ir-regoli minimi ta’ konsultazzjoni, billi kull Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni jkollha l-obbligu li twettaq evalwazzjoni ta’ impatt tal-konsultazzjonijiet għall-proposti kollha li jitressqu u mhux għall-proposti strateġiċi biss, hekk kif fakkar il-KESE (14). Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha teżamina l-kwistjonijiet li huma importanti għaċ-ċittadini Ewropej kollha, kif ukoll il-lingwi li fihom isiru l-konsultazzjonijiet, in-newtralità tal-mistoqsijiet u d-dewmien tat-tweġibiet.

4.4.5   Ir-rwol li jistgħu jaqdu l-għaqdiet tal-konsumaturi u entitajiet rappreżentattivi oħra huwa wieħed mid-dibattiti li jeħtieġ li jiġu solvuti, ġaladarba dawn l-għaqdiet ikunu ngħataw il-kapaċità legali li jipparteċipaw fil-proċess kollu ta’ ilment. Din il-kwistjoni ser teħtieġ strument leġiżlattiv adegwat meta d-dibattitu dwar il-White Paper “Azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust” ikun intemm.

4.4.6   Is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar l-importanza tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-politika tal-kompetizzjoni hija punt fundamentali. Prattiki pprojbiti, bħall-kartelli li jsiru minn ċerti intrapriżi, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala suġġetti li ċ-ċittadini ma jistgħux jikkontrollaw, jew li jistgħu biss jiġu indirizzati fl-isferi politiċi u ekonomiċi għoljin, iżda għandhom jitqiesu bħala attivitajiet li għandhom impatt soċjali gravi u li jistgħu jipperikolaw jew, f’ċerti każijiet, ikunu ta’ ħsara għad-dritt tal-proprjetà tal-vittmi. Għaldaqstant jeħtieġ li jitqajjem dibattitu u li jittieħdu l-iktar miżuri adegwati għall-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur Ewropew sabiex dan tal-aħħar ikun jaf bil-konsegwenzi ta’ dan it-tip ta’ prattiki illegali. Dan ifisser li l-aspetti kollha tal-attivitajiet tan-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur għandhom ikomplu jiġu appoġġjati. Huwa essenzjali li nkomplu ninvestu fil-ftuħ ta’ ċentri bħal dawn mill-inqas fil-bliet ewlenin kollha ta’ kull Stat Membru, kif ukoll fir-riklamar, kemm permezz ta’ kampanji ġenerali kif ukoll ta’ oħrajn iktar speċifiċi fi ħdan setturi determinati, li jippermetti, b’mod rapidu u sempliċi, li ċ-ċittadini jiġu mgħarrfa bid-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi u biċ-ċentri u entitajiet li għandhom jikkuntattjaw jekk ikunu jixtiequ jressqu ilment jew jitolbu parir.

4.5   Is-servizzi ta’ interess ġenerali

4.5.1   Il-bażi legali tal-azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ġenerali tinsab fl-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE u fil-Protokoll nru 26. Sabiex jitħarsu l-livell għoli ta’ kwalità, sigurtà u aċċessibilità ekonomika, it-trattament ugwali u l-promozzjoni tal-aċċess universali għal dawn is-servizzi u d-drittijiet tal-utenti, jeħtieġ li wieħed iwieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin:

Kif għandhom isiru l-evalwazzjonijiet regolari fil-livell Komunitarju?

Liema miżuri għandhom jiġu adottati fid-dawl tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-setturi li ġew liberalizzati reċentement?

Kif nistgħu nagħmlu mezz li l-konsumatur jibbenefika mill-ftuħ tas-swieq?

4.5.2   B’mod ġenerali, in-nuqqas ta’ trasparenza fil-ġestjoni ta’ dawn is-servizzi u t-tariffi mhux iġġustifikati imposti fuq il-klijenti industrijali u l-konsumaturi jfissru li dawn il-kwistjonijiet iridu jiġu solvuti.

4.6   Ir-rwol tal-politika tal-kompetizzjoni fis-suq intern

4.6.1   It-twaqqif tar-regoli dwar il-kompetizzjoni neċessarji għat-tħaddim tas-suq intern huwa kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

4.6.2   Il-politika tal-kompetizzjoni għandha tiżgura li l-konsumaturi jkollhom l-aqwa possibbiltajiet f’termini ta’ prezz, kwalità u varjetà, b’mod partikulari fil-qasam tal-prodotti u s-servizzi bażiċi bħall-ikel, id-djar, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet, bi prezzijiet iktar baxxi għall-konsumaturi.

Madankollu, mal-effiċjenza tas-suq wieħed għandu jżid it-titjib tal-kwalità tal-ħajja u tal-benesseri tal-konsumaturi bħala għan aħħari. Sabiex l-ewwel premessa tinkiseb, jeħtieġ li l-liġi tagħti lill-konsumaturi d-dritt li jipparteċipaw b’mod attiv minflok ma tagħmilhom suġġetti passivi tal-kunċett tal-benesseri.

4.6.3.1   Għal dan il-għan, il-qafas legali attwali għandu jiġi żviluppat billi r-regoli jiġu interpretati b’mod differenti jew billi jinħolqu korpi legali ġodda għall-politika tal-kompetizzjoni. Fl-aħħar, ikun xieraq li tiġi kkunsidrata l-adozzjoni ta’ miżuri legali ġodda li jikkomplementaw jew jissostitwixxu l-miżuri attwali.

Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2008.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Martin WESTLAKE


(1)  Qed jintużaw in-numri tal-Artikoli tal-verżjoni kkonsolidata tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ppubblikata fil-ĠU C 115, 9.5.2008.

(2)  B’referenza għall-modifika tal-Karta tat-12 ta’ Diċembru 2007, li saret fi Strasburgu, ippubblikata fil-ĠU C 303, 14.12.2007. Din it-tieni verżjoni kienet neċessarja għax l-ispjegazzjonijiet fin-noti ta’ qiegħ il-paġna kienu ġew introdotti fil-Karta wara l-ewwel adozzjoni tagħha f’Diċembru 2000 fis-Summit ta’ Nizza.

(3)  Ara l-linji gwida dwar l-evalwazzjoni u l-konċentrazzjonijiet orizzontali b’konformità mar-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn il-kumpaniji, ĠU C 31, 5.2.2004, p. 5 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Id-Direttiva 2005/27/KE dwar il-prattiki kummerċjali inġusti hija eċċezzjoni.

(5)  ĠU C 309, 16.12.2006, p. 1.

(6)  ĠU C 324, 30.12.2006, p. 1.

(7)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 1.

(8)  COM(2008) 165 finali; ĠU C 309, 16.12.2006, p. 1.

(9)  Konklużjonijiet tal-Presidenza, Kunsill Ewropew ta’ Feira, 2000.

(10)  Ara l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ħarsien penali tal-ambjent COM(2007)51 finali, u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-każijiet C-176/03 u C-440/05.

(11)  Ara l-Artikoli 101(1)(d) u 102(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

(12)  Rapport tal-Membru tal-Parlament Ewropew Lasse Lehtinen dwar il-programm strateġiku dwar il-konsumaturi 2007-2013.

(13)  L-Artikolu 153.2 tat-Trattat tal-Unjoni jistipula li “Fid-definizzjoni u l-implementazzjoni ta’ politika u attivitajiet oħra tal-Unjoni għandu jingħata kont tal-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur.” Dan l-obbligu għandu jiġi rrispettat mill-uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet Ewropej. Il-funzjoni tal-Kunsillier inkarigat mir-relazzjonijiet mal-konsumaturi tista’ tikkontribwixxi sabiex twissi lill-uffiċjali u tfakkarhom fl-impenn li ħadu fir-rigward taċ-ċittadini fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum.

(14)  Ara l-Green Paper “Inizjattiva Ewropea favur it-trasparenza” (mhux disponibbli bil-Malti) — ĠU C 324, 30.12.2006.