30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-ristrutturar u l-evoluzzjoni tal-industrija tal-apparat domestiku (apparat elettroniku fl-Ewropa) u l-impatt tagħha fuq l-impjiegi, il-bidla fil-klima u l-konsumaturi

2009/C 100/12

Nhar is-17 ta’ Jannar 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess dwar

Ir-ristrutturar u l-evoluzzjoni tal-industrija tal-apparat domestiku (apparat elettroniku fl-Ewropa) u l-impatt tagħha fuq l-impjiegi, il-bidla fil-klima u l-konsumaturi.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Settembru 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Darmanin u l-korapporteur kien is-Sur GIBELLIERI.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2008 (seduta tat-22 ta’ Ottubru 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’86 vot favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jemmen li s-saħħa tal-industrija Ewropea tal-apparat domestiku (1) tinsab fil-kapaċità tagħha li tipproduċi prodotti ta’ kwalità għolja u sostenibbli; din is-saħħa għandha tiġi appoġġjata u msaħħa permezz ta’ politika Ewropea adegwata bbażata fuq l-impenn u t-titjib kontinwu fl-innovazzjoni teknoloġika u fuq attività kontinwa ta’ taħriġ sabiex tiżdied il-kompetenza tal-impjegati. Politika bħal din għandha tippromwovi l-iżvilupp ta’ apparat domestiku li huwa effiċjenti fl-enerġija, b’kapaċità mtejba ta’ riċiklaġġ. L-impatt globali ambjentali, ibbażat fuq l-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja, għandu jitnaqqas kemm jista’ jkun.

1.2   Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea tista’ tinfluwenza direttament il-kompetittività tas-settur, l-iktar permezz tal-proposta għall-estensjoni tad-Direttiva dwar id-Disinn Ekoloġiku u l-proposta għar-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Ittikkettar Ekoloġiku, u dan iwassal għal żieda fl-effiċjenza tal-enerġija u fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2. B’hekk jitnaqqsu t-theddida u t-tendenza ta’ rilokazzjoni tal-industrija barra mill-Ewropa, it-telf ta’ impjiegi u r-riskju li jitrażżan l-interess tal-konsumaturi.

1.3   Is-sorveljanza tas-suq hija tal-ikbar importanza sabiex titħares l-industrija Ewropea, il-ħaddiema f’din l-industrija, l-interess tal-konsumaturi u l-ambjent, u għandha tiġi implimentata permezz tal-użu tal-miżuri li ġejjin:

it-trasferiment ta’ iktar riżorsi mill-Istati Membri u mill-UE (2) għall-verifika iktar stretta tal-konformità tal-prodott mal-istandards u l-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku Ewropew, b’mod partikulari fuq prodotti importati;

it-tneħħija tal-kompetizzjoni inġusta u d-dumping. Il-miżuri anti-dumping għandhom jiġu studjati bir-reqqa sabiex ma jkunux ta’ ħsara għall-produttività tal-industrija Ewropea u ma jħeġġux ir-rilokazzjoni tal-industrija barra mill-Ewropa jew iż-żieda fl-importazzjonijiet; għandhom jiġu applikati mhux biss għall-apparat sħiħ iżda wkoll għall-komponenti;

ir-reviżjoni tas-sistema tal-ittikkettar sabiex tikkunsidra l-progressi tal-innovazzjoni teknoloġika bla ma tagħti perċezzjonijiet qarrieqa tal-bidliet fil-valur;

kontroll iktar strett sabiex jitnaqqsu l-fenomeni tal-iffalsifikar u ċ-ċirkolazzjoni ta’ prodotti daqslikieku kienu ġenwini;

kontrolli sabiex it-tikketti, partikularment dawk ta’ prodotti importati, jirriflettu tassew dak li jiddeskrivu u ma jkunux qarrieqa.

1.4   Il-KESE jemmen li hemm bżonn li tiġi aġġustata s-sistema tal-ittikkettar. It-tikketta għandha tkun dejjem aġġornata meta apparat li jkun iktar effiċjenti b’mod teknoloġiku jgħolli l-istandard. Is-sistema għandha tkun waħda dinamika li biha prodotti ġodda fis-suq bi speċifikazzjonijiet aħjar jaqgħu taħt tikketta ġdida u mhux ibaxxu l-livell ta’ apparat li jkun diġà ngħata grad. Din ir-reviżjoni għandha tkun marbuta mal-innovazzjoni teknoloġika iżda għandha sseħħ bi skadenza ta’ 5 snin, kif iddikjarat fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza tal-Enerġija. Huwa kruċjali li l-partijiet interessati jkunu kollha involuti f’dan il-proċess ta’ reviżjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tippromwovi t-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni u tbiddel it-tikketta f’għodda aktar konvinċenti għall-manifatturi, importaturi u bejjiegħa bl-imnut.

1.4.1   Ikun ta’ benefiċċju għas-sostenibilità tal-UE li tinfluwenza wkoll pajjiżi oħrajn sabiex jadottaw l-istandards għoljin li l-UE nnifisha qiegħda tadotta fis-suq intern, peress li dan jirriżulta f’ iffrankar potenzjali fl-enerġija globali.

1.5   L-industrija Ewropea tal-apparati domestiċi tista’ tingħata spinta ′l quddiem enormi bl-introduzzjoni ta’ skemi ta’ inċentivi fl-Istati Membri sabiex titħeġġeġ is-sostituzzjoni ta’ apparat ma’ wieħed iktar modern u effiċjenti fl-enerġija, li l-industrija diġà qiegħda tipproduċi iżda li għadu mhuwiex popolari biżżejjed fis-suq. Din is-sistema għandha tkun maħsuba b’mod li tiffavorixxi lin-nies li huma inqas sinjuri permezz ta’ strumenti finanzjarji xierqa u li ma jkunux diskriminatorji. Għandna nitgħallmu minn stejjer ta’ suċċess kemm fl-Ewropa kif ukoll barra mill-Ewropa.

1.6   Huwa raġonevoli wkoll li terġa’ tissaħħaħ l-assistenza lill-konsumaturi f’termini ta’ manutenzjoni u spare parts tal-apparat domestiku; b’dan il-mod jiġu assigurati t-titjib u l-aġġornament kontinwi tal-kompetenzi tal-impjegati sabiex jiġi pprovdut servizz effiċjenti u affidabbli. Dan jista’ jkun li jirriżulta fiż-żieda u/jew fiż-żamma stabbli tar-rata tal-impjieg.

1.7   Il-KESE jemmen li l-politika tal-UE għandha tiffaċilita t-tranżizzjoni tal-industrija għal prodotti iktar innovattivi u servizzi relatati, li huma strateġikament rilevanti minħabba l-impatt tagħhom fuq l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-enerġija, bħall-panewijiet solari, unitajiet fotovoltajċi, pompi tas-sħana, ċelloli tal-idroġenu, impjanti tal-mikroġenerazzjoni u impjanti bi prestazzjoni għolja għall-arja kkundizzjonata. Dan jista’ jwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi u għażla ikbar għall-konsumatur.

1.8   Il-KESE jerġa’ jafferma li s-suċċess fil-ksib tar-rakkomandazzjonijiet li qed isiru sabiex l-industrija tal-apparat domestiku fl-Ewropa tiġi ristrutturata b’mod effettiv, ħalli tiġi aktar sostenibbli, jista’ jinkiseb u jitkattar biss meta jkun hemm djalogu settorjali sfiq u effettiv fil-livell Ewropew.

2.   Sfond

2.1   Il-migrazzjoni tal-industrija tal-apparat domestiku mhux biss lejn il-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, iżda anke lejn ir-Russja, it-Turkija u ċ-Ċina hija l-iktar problema inkwetanti tas-settur f’dan iż-żmien. Għalhekk, ir-rilokazzjoni qiegħda ssir mhux biss fl-Istati Membri tal-UE, imma segmenti sħaħ ta’ apparat domestiku qegħdin jiġu kważi kompletament rilokati mill-Ewropa għaċ-Ċina.

2.2   Il-kumpaniji issa qegħdin jiskopru lir-Russja, fejn qegħdin jinħolqu impjanti ġodda tal-magni tal-ħasil u tal-friġġijiet u qegħdin jinxtraw kumpaniji eżistenti fis-settur tal-apparat domestiku elettroniku. Bejn ħmistax u għoxrin impjant tal-apparat domestiku elettroniku attwalment qegħdin jinbnew fuq territorju Russu. Madankollu għandha tingħata attenzjoni għall-fatt li fil-futur, dawn l-impjanti mhux ser ikunu biss ta’ servizz għas-suq nazzjonali tagħhom iżda ser jesportaw ukoll il-produzzjoni tagħhom lejn l-Ewropa, jekk ma nindirizzawx il-kwistjonijiet prinċipali tas-suq Ewropew.

2.2.1   Hemm potenzjal ukoll għall-esportazzjoni ta’ prodotti Ewropej f’reġjuni bħall-Ażja, l-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani, fejn diġà hemm tendenza dejjem tikber ta’ esportazzjoni tal-apparat domestiku lejn l-UE. Il-manifatturi Ewropej jistgħu japprofittaw mill-kundizzjonijiet attwali, bħaż-żieda fil-klassi medja f’dawn ir-reġjuni, reputazzjoni tajba tal-prodott Ewropew, eċċ. sabiex ikomplu jidħlu f’dawn is-swieq potenzjali.

2.3   L-importazzjoni dejjem tiżdied ta’ prodotti rħas u dubjużi qed twassal biex il-kriżi fl-industrija Ewropea tal-apparat domestiku tmur għall-agħar. Kwalità dgħajfa żżid mas-sistemi differenti tat-taxxa, mal-vantaġġi relatati mal-ispejjeż tal-ħaddiema u mal-ispejjeż pjuttost baxxi tat-trasport sabiex jiġu attakkati l-manifatturi stabbiliti fl-Ewropa.

2.4   Hija ħaġa ovvja li l-Ewropa ma tistax tikkompeti mal-pagi mħallsin eż. fiċ-Ċina. Friġġ jew friżer magħmula fiċ-Ċina ma tistax tkun orħos, u l-istess japplika għal komponenti sempliċi bħal muturi jew kompressuri. Ma jistgħux jinkisbu vantaġġi kompetittivi jekk il-prodotti Ewropej jinbiegħu biss skont il-prezz u mhux għal vantaġġ kwalitattiv. Is-saħħa tas-settur tal-apparat domestiku fl-Ewropa tinsab fil-kapaċità tiegħu li jipproduċi prodotti ta’ kwalità għolja. Vantaġġi kompetittivi oħrajn jirrigwardaw id-disinn, il-garanziji tal-prodott, is-servizz, il-kompatibilità tal-ispare parts u t-tiswija. Din is-saħħa tista’ tissaħħaħ u tiżdied permezz ta’ politika Ewropea artikulata.

2.5   Il-fabbriki Ewropej jipproduċu friġġijiet u friżers li jaqgħu fil-kategoriji ta’ enerġija A++, A+, A u B. Il-maġġoranza tal-prodotti magħmulin bħalissa jaqgħu fil-kategoriji A+ u A. Il-prodotti A++ jirrappreżentaw inqas minn 4 %.

2.6   L-interess tal-konsumaturi fil-friġġijiet li huma effiċjenti fl-enerġija għadu baxx. Skont is-CECED (Kumitat Ewropew tal-Manifattura ta’ Apparat Domestiku), fid-djar Ewropej għad hemm bejn wieħed u ieħor 188 miljun friġġ u friżer li għandhom iktar minn għaxar snin. L-apparat antik (mill-1990) jikkonsma madwar 600 kWh/sena, l-apparat A+ madwar 255 kWh/sena u l-apparat A++ madwar 182 kWh/sena. Bil-prezzijiet u l-kundizzjonijiet attwali (3), apparat A++ irid jintuża għal madwar tnax-il sena sabiex ikun akkwist tajjeb għall-konsumaturi.

2.7   Barra mill-apparat iktar antik, il-manifatturi Ewropej huma iktar imħassbin dwar importazzjonijiet li huma potenzjalment perikolużi, ineffiċjenti fl-enerġija u mhux affidabbli. Dan it-tħassib b’mod partikulari japplika għal importazzjonijiet ta’ oġġetti frott ta’ kummerċ istantanju (spot imports), li jinbiegħu malajr fis-swieq Komunitarji.

2.7.1   Konsegwenza ta’ dan, il-ħtiġijiet tal-enerġija għad-djar jirrappreżentaw 25 % mid-domanda totali għall-enerġija fl-UE, bl-elettriku għall-apparat domestiku juri żieda sostanzjali f’dawn l-aħħar snin minħabba l-introduzzjoni ta’ applikazzjonijiet u prodotti ġodda.

2.8   L-użu ta’ materjal ta’ kwalità aħjar għall-komponenti manjetiċi, flimkien mal-ottimizzazzjoni tad-disinn skont il-karatteristiċi tal-materjal il-ġdid jistgħu jżidu l-effiċjenza (sa 15 %) tal-muturi elettriċi fl-apparat domestiku u jikkontribwixxu b’mod sinjifikanti fl-iffrankar tal-enerġija elettrika tal-konsum domestiku.

2.9   Żvilupp ieħor li ser jiġi appoġġjat mill-KE huwa dak tal-iżvilupp ta’ apparat domestiku adegwat għall-manutenzjoni u għar-riċiklaġġ. Għandu jiġi enfasizzat il-fatt li l-manifatturi Ewropej għamlu sforz kbir f’dan ir-rigward u naqqsu drastikament il-konsum tal-enerġija u tal-ilma ta’ apparat kbir. Minkejja dan, varjetà dejjem tikber ta’ materja prima minn dakinhar ’il hawn saret kritika f’termini mhux biss tal-ambjent iżda anke tal-ispejjeż. Dan japplika għall-azzar, il-plastik, in-nikil, il-kromju, ir-ram, eċċ. Il-prezzijiet ta’ din il-materja prima, bħal dawk tal-prodotti sekondarji taż-żejt, qegħdin jogħlew. Dawk li jistgħu jnaqqsu l-kontenut materjali fi prodott jiksbu vantaġġ kompetittiv kbir. Il-possibiltajiet offruti lill-industrija tal-apparat domestiku min-nanoteknoloġija u mill-metodoloġiji tal-Analiżi taċ-Ċiklu tal-Ħajja (Life Cycle Analysis) sabiex titjieb u tiġi evalwata l-għażla korretta tal-materjal mhumiex qegħdin jiġu esplorati biżżejjed sabiex jinkiseb dan il-vantaġġ.

2.9.1   Tħassib li jeżisti bħalissa huwa l-fatt li mhux il-materjal kollu għar-riċiklaġġ, skont ir-Regolamenti attwali WEEE, qed jiġu rritornat b’mod effettiv lill-manifatturi, u għalhekk il-manifatturi jkollhom iħallsu tar-riċiklaġġ mingħajr ma jkunu fil-fatt qed jirċievu l-oġġetti.

2.10   Il-promozzjoni ta’ riċerka bħal din, l-imbuttatura tal-minjaturizzazzjoni ta’ komponenti bħal muturi, radjaturi, kumpressuri, eċċ. għandhom ikunu l-għan ta’ politika ta’ riċerka ffinanzjata mill-Kummissjoni. Minn din il-perspettiva, l-iżvilupp ta’ apparat domestiku bl-użu minimu ta’ materjal ifisser l-iżvilupp ta’ apparat aktar adattat għar-riċiklaġġ. Id-Direttiva Qafas tal-UE ta’ Mejju 2005 dwar id-disinn ekoloġiku u r-rekwiżit tagħha dwar id-disinn ekoloġiku ta’ apparat li jaħdem bl-enerġija hija punt ta’ tluq importanti hawnhekk. Il-Kummissjoni Ewropea m’għandhiex bżonn tivvinta l-istrumenti tal-politika tagħha, imma pjuttost għandha ssaħħaħ dawk li jeżistu diġà. Dan japplika wkoll għat-tikketti eżistenti tal-enerġija u l-konsum. F’kuntest ta’ kriżi tal-enerġija li qiegħda tiggrava u t-tnaqqis ta’ materja prima, il-Kummissjoni għandha tikkomplementa din it-tikketta b’regolament obbligatorju għat-tqegħid ta’ prodotti fis-suq. Dawk li jimmanifatturaw prodotti ta’ kwalità ta’ livell għoli biss għandhom ikunu awtorizzati jbigħu apparat domestiku fis-suq intern Ewropew fil-futur: din għandha tkun ir-raġuni fundamentali ta’ leġiżlazzjoni li tesiġi li l-kumpaniji jimmanifatturaw apparat domestiku ta’ kwalità għolja u li jservi.

2.11   Huwa sensibbli wkoll li, permezz ta’ Direttiva, il-manifatturi u l-bejjiegħa bl-imnut, ikunu obbligati jipproduċu u jbigħu apparati domestiċi li jistgħu jissewwew, iżommu spare parts lesti għal tiswijiet u joffru servizz lill-klijent. Il-konsumaturi Ewropej jistennew servizz bħal dan u, meta jipprovduh, il-manufatturi u l-bejjiegħa bl-imnut Ewropej jistgħu jiddistingwixxu rwieħhom mill-manifatturi ta’ prezzijiet baxxi li l-prodotti tagħhom ma jistgħux jissewwew iżda minflok iridu jintremew u jinbidlu b’oħrajn ġodda. Dan ma jistax ikun konformi ma’ strateġija ta’ żvilupp sostenibbli.

2.11.1   F’dan ir-rigward, il-KESE huwa ħerqan li jkun hemm aktar diskussjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-“Pjan ta’ Azzjoni (4)” tal-Kummissjoni dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u l-industrija.

2.12   Is-settur tal-apparat domestiku fl-Ewropa għadu jħaddem madwar 200 000 ħaddiem. Ilu sejjer lura għal ħafna snin. Fl-Ewropa tal-Punent spiċċaw madwar 57 000 impjieg matul dawn l-aħħar għoxrin sena. L-industrija tal-apparat domestiku sfaxxat fl-Ewropa Ċentrali u dik tal-Lvant wara t-tmiem tas-sistema politika l-antika u madwar 20 000 impjieg ġdid biss inħolqu minn dakinhar ′il hawn.

2.13   Is-setturi tal-apparat domestiku li ntlaqtu l-agħar mir-rilokazzjonijiet lejn pajjiżi barra mill-Ewropa (ir-Russja, iċ-Ċina, it-Turkija) huma s-setturi tal-air conditioners u tal-apparat żgħir. Il-fabbriki Ewropej tal-friġġijiet/friżers għadhom iħaddmu madwar 23 000 impjegat.

2.14   Ir-ristrutturar fis-settur Ewropew tal-apparat domestiku ser ikompli fis-snin li ġejjin. L-ambitu tiegħu mhux ser jiddependi biss fuq żviluppi tas-suq u dawk teknoloġiċi, iżda wkoll fuq deċiżjonijiet politiċi u miżuri leġiżlattivi.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1   Il-politika Ewropea għandha ssib soluzzjoni għal erba’ problemi:

3.1.1   Kif ikun żgurat li l-industrija ma tintilifx għal vantaġġ tal-pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea? It-tendenza hija ċara: l-industrija qed tbiddel il-post ġeografiku, għalhekk għandna niġġieldu kontra t-theddida prevista u reali li din l-industrija nitilfuha għal pajjiżi li mhumiex fl-UE.

3.1.2   X’forma għandha tieħu l-bidla strutturali fl-Ewropa sabiex ikun żgurat li l-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent ma jitilfux il-produzzjoni xjentifika u teknika tagħhom, il-kompetenza u l-impjiegi li jaqgħu taħtha filwaqt li jippermettu lill-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u dawk tal-Lvant sabiex jistabbilizzaw fil-futur l-industrija tagħhom li għadha qiegħda tiżviluppa tal-apparat domestiku?

3.1.3   Kif tista’ tinstab tweġiba ekonomikament sensibbli għall-attakk qawwi ta’ importazzjonijiet mill-Ażja li l-valur u l-kwalità huma aktar baxxi mill-ekwivalenti tagħhom Ewropej u li mhumiex konformi mal-istandards tas-suq intern?

3.1.4   Kif se miżguraw li l-Kisbiet fit-tixrid ta’ apparat sostenibbli jħallu l-frott fis-suq intern waqt li tiżdied id-domanda għal prodotti bħal dawn u li jibqa’ jsir investiment fir-riċerka u fl-iżvilupp ta’ apparat li għandu impatt inqas fuq il-bidla fil-klima u fuq is-sostenibilità?

3.2   Argumenti favur l-industrija

3.2.1   Dan is-settur huwa settur industrijali avvanzat f’termini tal-kisbiet fir-riċerka u fl-iżvilupp tal-effiċjenza tal-enerġija. Il-ftehimiet volontarji kienu effettivi u ġew onorati mill-industrija.

3.2.2   Sfortunatament, il-fattur skoraġġanti huwa li l-industrija teħtieġ li l-politika Ewropea tkun iktar stretta sabiex b’hekk tiżgura li l-isforzi li jkunu saru fl-industrija fil-fatt iħallu l-frott. Is-sena l-oħra l-industrija ddeċidiet li ma ġġeddidx il-ftehimiet volontarji li fil-passat kellhom suċċess kbir.

3.2.3   Is-sorveljanza tas-suq f’dan il-perijodu hija ta’ importanza konsiderevoli. Għandu jkun hemm kontrolli iktar stretti sabiex ikun żgurat li l-prodotti kollha li jitqiegħdu fis-suq jirriflettu tassew il-livell u l-kwalità speċifikati b’mod partikulari f’termini tal-effetti fuq il-bidla fil-klima.

3.2.4   Hemm bżonn ta’ iktar appoġġ mill-Istati Membri sabiex ikun żgurat li prodotti ta’ effiċjenza straordinarja li jitqiegħdu fis-suq fil-fatt jibdew jinxtraw mill-konsumaturi. L-A++ għadu jidher bħala prodott li huwa għali wisq u li r-redditu fuq l-investiment mhux vijabbli, u dan iħallina b’suq li primarjament għadu jagħżel apparat A+. L-inċentivi jistgħu jvarjaw u diġà hemm xi każijiet fl-Istati Membri u barra mill-Ewropa li jistgħu jiġu identifikati bħala prattiki tajbin. (5)

3.2.5   L-appoġġ mill-Istati Membri u l-kompetizzjoni ġusta għandhom isegwu l-ħeffa tal-innovazzjoni teknoloġika f’dan is-settur fil-livell tal-Istati Membri u anke fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

3.2.6   Ħolqa importanti fil-katina tal-provvista huwa l-bejjiegħ bl-imnut. Il-bejjiegħ bl-imnut Ewropew irid ikun aktar konxju tad-diversi implikazzjonijiet tal-importazzjoni tal-prodotti li qegħdin jiġu importati u mibjugħin fis-suq intern. Barra minn hekk, l-ambitu u l-isforzi tal-industrija jkunu għalxejn jekk is-settur tal-bejgħ bl-imnut ikompli jimporta u jbiegħ prodotti li huma ta’ kwalità baxxa, perikolużi u mhux sostenibbli. F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li għad hemm ħafna opportunitajiet fl-edukazzjoni tas-settur tal-bejgħ bl-imnut lejn is-sensibilizzazzjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-industrija tal-apparat domestiku fis-suq intern u l-kwistjonijiet sostenibbli ta’ apparat bħal dan.

3.3   L-aspett soċjali

3.3.1   Ir-realtà hi li meta l-industrija tirriloka jintilfu l-impjiegi. Għalhekk, dan iħalli numru ta’ persuni b’kompetenzi li ma jintużawx sakemm il-ħaddiem ma jirrilokax hu wkoll. Ir-ristrutturar tal-industrija huwa tal-ikbar importanza sabiex l-impjiegi ma jintilfux u sabiex din l-industrija tibqa’ waħda attraenti għall-aħjar ħaddiema.

3.3.2   Settur li għandu jingħata kunsiderazzjoni xierqa huwa dak tas-servizzi b’attenzjoni partikulari lis-settur tat-tiswija tal-apparat. Is-settur tat-tiswija jeħtieġ jitħalla jikber billi jkun żgurat li l-apparat ta’ kwalità għolja tassew ikun jista’ jissewwa u li jkun hemm disponibbli l-ispare parts li jagħmlu t-tiswija possibbli.

3.3.3   Fl-istess ħin, politika konġunta bejn l-Ewropa u l-Istati Membri għandha tippromovi t-tranżizzjoni tas-settur għall-produzzjoni ta’ prodotti innovattivi li joħolqu oppurtunitajiet ġodda għall-impjiegi. Dan il-proċess għandu jiġi appoġġjat minn djalogu soċjali strutturat tajjeb bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew, nazzjonali u tal-kumpaniji. Għandhom jiġu ggarantiti kondizzjonijiet professjonali ta’ kwalità Ewropea anke fis-siti ta’ produzzjoni ġodda li jinsabu fl-Istati Membri l-ġodda tal-UE.

3.3.4   Djalogu soċjali settorjali effettiv u kontinwu fil-livell Ewropew flimkien mas-sorveljanza tas-suq u l-infurzar tal-istandards fl-Ewropa kollha huma kruċjali sabiex ikun żgurat li jintilfu inqas impjiegi.

3.4   Argumenti favur il-konsumatur

3.4.1   Il-konsumatur irid ikollu l-garanzija ta’ prodotti bi prestazzjoni ta’ kwalità għolja li huma wkoll effiċjenti fl-enerġija u għalhekk l-informazzjoni dwar il-kwalità għandha tkun aċċessibbli għall-konsumatur b’mod sempliċi, veru u effettiv.

3.4.2   L-iskema tal-ittikkettar hemm bżonn li tkun waħda iktar dinamika b’sistema li tevolvi u li tiġi aġġornata hekk kif ikun hemm innovazzjoni fis-settur. Barra minn hekk, it-tikketti għandhom jirrapportaw b’mod preċiż l-istandards tal-apparat u għalhekk it-testijiet għandhom ikunu iktar stretti u iktar eżatti.

3.4.3   Is-sorveljanza tas-suq hija importanti ħafna fl-Istati Membri kollha sabiex b’hekk ikun żgurat li l-apparat tassew jagħti dak li jwiegħed u li l-konsumaturi jiksbu dak li jkunu ftiehmu dwaru.

3.4.4   Ta’ min wieħed jinnota l-possibilità tal-effett negattiv li jista’ jkollu x-xiri ta’ apparat domestiku ġdid fuq l-ambjent jekk il-konsumatur iżomm l-apparat l-antik flimkien mal-ġdid u b’hekk ikun qed joħloq effett “rebound”.

3.4.5.   L-aħjar promozzjoni ta’ apparat domestiku li huwa effiċjenti u effettiv hija t-testijiet tal-konsumaturi indipendenti. Dawn it-testijiet jiżguraw il-kwalità u l-istandards minimi tal-apparat u l-funzjonijiet bażiċi tal-prodott.

3.5   Argumenti favur l-ambjent

3.5.1   Il-KESE jagħraf li dan is-settur ukoll jista’ jagħti kontribuzzjoni partikulari sabiex jiġi ppreservat l-ambjent, jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u titnaqqas il-bidla fil-klima. F’dan ir-rigward, il-KESE itenni l-pożizzjoni tiegħu espressa fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar Il-Produzzjoni Ekoloġika  (6), li fiha jenfasizza li hemm opportunità għat-tkabbir ta’ suq favur l-ambjent fis-suq intern u wkoll l-ispeċifiċitajiet relatati mal-ittikkettar u ċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti.

3.5.2   Skadenza ta’ madwar 5 snin għandha tiġi applikata fuq il-prodotti kollha li huma taħt l-“istandard tajjeb” sabiex jilħqu l-istandard mixtieq. Fil-fehma tal-Kumitat, pereżempju l-friġġijiet li ma jilħqux limitu speċifiku wara din l-iskadenza m’għandhomx jidhru iktar fis-suq Ewropew. Dan huwa b’konformità mal-pjan ta’ azzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea għall-effiċjenza tal-enerġija fl-24 ta’ Ottubru 2006 (“Il-prodotti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi miftiehma m’għandhomx jitpoġġew fis-suq”). Dawn il-proposti huma wkoll konformi mad-Direttiva dwar id-Disinn Ekoloġiku u r-Regolament dwar l-Ittikkettar Ekoloġiku.

3.5.3   Barra minn hekk, huwa importanti li l-leġiżlazzjoni dwar id-disinn ekoloġiku tiġi applikata kemm jista’ jkun malajr lill-apparati kbar rilevanti u li l-leġiżlazzjoni dwar it-tikketta tal-enerġija tiġi riveduta sabiex jiġu żviluppati prodotti effiċjenti ħafna: dan ikun l-isfond leġiżlattiv li jesiġi li l-kumpaniji jipproduċu apparat domestiku ta’ kwalità għolja u li jservi.

3.5.4   Fir-rigward tal-politika eżistenti tal-UE dwar l-enerġija, u waqt li jitqies li l-mekkaniżmu tal-ittikkettar fih innifsu mhux biżżejjed sabiex jissodisfa l-objettivi tal-enerġija stabbiliti mill-UE, il-KESE iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tqis strumenti legali ġodda biex jintlaħqu dawn l-objettivi.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  It-terminu “apparat domestiku” jirreferi għal friġġijiet, magni tal-ħasil, magni għall-ħasil tal-platti, bojlers, ħiters u t-tagħmir elettroniku kollu użat fid-dar.

(2)  Il-Qafas Leġiżlattiv Ġdid, imsejjaħ ukoll “il-Pakkett Ayral”, huwa l-aħħar pakkett tar-Regolamentazzjoni Aħjar li jittratta s-sorveljanza tas-suq, l-ittikettar tal-prodotti u l-omologazzjoni. Dan ġie adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fit-23 ta’ Ġunju 2008. http://ec.europa.eu/enterprise/regulation/internal_market_package/index_en.htm

(3)  Inklużi l-prezz tal-enerġija u l-ispejjeż tal-karburanti.

(4)  COM(2008) 397 finali (16.07.2008).

(5)  L-Italja - 20 % mill-ispejjeż tal-friġġijiet/friżers A+ u A++, b’limitu ta’ EUR 200, jitneħħew mit-taxxa fuq id-dħul.

Spanja - L-iskema ta’ radd lura (rebate) – Fl-2008, il-klijenti li jixtru prodotti effiċjenti fl-enerġija ser ikunu eliġibbli għal sussidji ta’ EUR 50-125 skont it-tip ta’ apparat li jinxtara.

Il-Brażil - Ir-Repubblika Federali tal-Brażil ippjanat li tniedi programm sabiex tissussidja xiri ta’ 10 miljun friġġ għal ċittadini bi dħul baxx. Il-konsumaturi jridu jagħtu l-friġġ l-antika tagħhom, li s-soltu tkun tikkonsma iktar enerġija, sabiex jiksbu l-kreditu ħalli jkunu jistgħu jakkwistaw waħda ġdida u iktar ekonomika.

(6)  Opinjoni tal-KESE (ĠU C 224, 30.8.2008, p. 1), rapporteur is-Sinjura DARMANIN.