3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/140


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-programmi Komunitarji ta' għajnuna ta' qabel l-adeżjoni lill-Albanija

(2009/C 27/28)

Nhar it-16 ta' Frar 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-programmi Komunitarji ta' għajnuna ta' qabel l-adeżjoni lill-Albanija

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-12 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Florio.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 ta' Lulju 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'122 vot favur u astensjoni waħda.

1.   Sfond

1.1

L-istabilità, il-paċi, l-iżvilupp u l-integrazzjoni tar-reġjun kollu tal-Balkani Oċċidentali għandhom importanza prinċipali għall-Ewropa tal-lum u tal-futur. Għalhekk, mal-medda taż-żmien, qiegħed jidher dejjem aktar il-bżonn li jissaħħu l-politiki ta' l-Unjoni Ewropea lejn il-pajjiżi taż-żona.

1.2

L-Albanija, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha fil-Mediterran u l-importanza tagħha fir-rigward tal-bilanċ tar-reġjun li xi daqqiet huwa fraġli, jistħoqqilha attenzjoni partikulari min-naħa ta' l-istituzzjonijiet Ewropej. Is-sħubija Ewro-Mediterranja kkostitwixxiet il-qafas ċentrali tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-imsieħba tagħha tan-Nofsinhar tal-Mediterran għal aktar minn għaxar snin bl-objettiv li jkun hemm stabilità fuq perijodu fit-tul f'dak ir-reġjun. L-Albanija daħlet fis-sħubija Ewro-Mediterranja fil-bidu ta' Novembru 2007.

1.3

L-azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea tipprevedi numru ta' azzjonijiet sabiex jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku, demokratiku u soċjali ta' l-istituzzjonijiet Albaniżi. Anke l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili jinsabu fil-qalba tal-programmi sabiex jitħeġġu l-parteċipazzjoni u s-sehem taċ-ċittadini fit-triq lejn l-integrazzjoni Ewropea.

1.4

B'din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja, il-KESE beħsiebu jenfasizza r-rwol tas-soċjetà ċivili u l-bżonn ta' monitoraġġ tal-progressi miksuba u ta' l-ostakoli li għadhom jeżistu fl-Albanija għat-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet demokratiċi u għal integrazzjoni aħjar tagħhom fil-politiki Ewropej.

1.5

Fil-31 ta' Marzu u l-1 ta' April 2008, delegazzjoni tal-KESE, magħmula minn membri rappreżentanti tat-tliet gruppi tal-Kumitati, marret f'Tirana, l-Albanija, fuq missjoni. F'din l-okkażjoni kien possibbli li jsiru diversi laqgħat ma' rappreżentanti ta' assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Albaniża; id-djalogu magħhom kien kostruttiv ħafna u dan tqis waqt it-tħejjija ta' din l-opinjoni.

2.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

2.1

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili, fil-forom tiegħu kollha, għandu importanza kruċjali għall-iżvilupp demokratiku u ċivili ta' kwalunkwe pajjiż (1). Dan jgħodd aktar għal pajjiż bħall-Albanija li, bis-saħħa tal-pożizzjoni ġeopolitika rilevanti, fl-aħħar snin ra progress notevoli fit-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet demokratiċi u fl-integrazzjoni lejn l-istituzzjonijiet Ewropej u korpi oċċidentali (NATO).

2.2

Il-monitoraġġ tal-politiki adottati mill-gvernijiet u l-kontribut taċ-ċittadini għall-istess politiki huma elementi neċessarji għal progress soċjali inklużiv u demokratiku.

2.3

Għalhekk il-KESE josserva li l-uffiċju tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fl-Albanija għandu jagħti aktar importanza u riżorsi lill-attivitajiet tas-soċjetà ċivili, li għandha tkun fost il-prijoritajiet tal-ħidma tiegħu. Dawn l-attivitajiet jridu jissaħħu fiż-żoni rurali u dawk anqas żviluppati ta' dak il-pajjiż.

2.4

Minħabba l-preżenza ta' diversi suġġetti internazzjonali li, b'diversi proġetti, isostnu l-attività tas-soċjetà ċivili fl-Albanija u minħabba xi diffikultajiet u karatteristiċi speċifiċi li jikkaratterizzaw il-fibra soċjali tal-pajjiż, il-mod li bih l-UE tinteraġixxi mar-realtà għandu importanza kbira. B'mod partikulari, l-aċċess għall-finanzjament għandu jkun marbut ma' rekwiżiti li jiffavorixxu organizzazzjonijiet li juru li għandhom objettivi u pjanijiet definiti tajjeb u assoċjazzjonijiet li juru rappreżentanza u rappreżenentattività ġenwina taċ-ċittadini.

2.5

Fi kwalunkwe soċjetà li qed tevolvi, id-djalogu soċjali tripartitiku għandu rwol importanti x'jaqdi. Il-KESE jilqa' b'mod pożittiv il-progressi li saru mill-1996 bit-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali tax-Xogħol; madankollu, s'issa kien hemm problemi fit-tħaddim ta' dan il-korp. Hemm bżonn ta' trasparenza, parteċipazzjoni u sehem mill-parteċipanti, li għandhom, fl-istess ħin, ikun rappreżentattivi u responsabbli. Il-Kunsill għandu jżomm laqgħat regolari u l-aġenda għandha tinkludi s-suġġetti kollha l-aktar importanti tal-politiki ta' żvilupp ekonomiku tal-pajjiż, b'diskussjonijiet li jħallu impatt reali fuq il-ħidma tal-gvern.

2.6

Fl-istess ħin, bil-għan li jiżdied ir-rwol taċ-ċittadini Albaniżi fil-proċess demokratiku, għandu jissaħħaħ id-djalogu ċivili. Għal dan, l-Unjoni Ewropea tista' taqdi rwol importanti fit-taħriġ professjonali ta' l-operaturi tas-soċjetà ċivili kollha, waqt li jiġu ffavoriti organizzazzjonijiet li b'mod konkret jaġixxu fis-soċjetà Albaniża.

2.7

Il-KESE jimpenja ruħu li jkompli bl-attività ta' monitoraġġ u sostenn għall-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-Albanija, waqt li jżomm f'moħħu li s-sitwazzjoni tevolvi b'mod rapidu u jtenni l-importanza tal-pajjiż għall-istabilità tar-reġjun kollu.

2.8

Kif previst fil-konklużjonijiet tat-II Forum tas-soċjetà ċivili tal-Balkani Oċċidentali (Ljubljana, 4 u 5 ta' Ġunju 2008), hekk ukoll għall-Albanija, il-ħolqien ta' Kumitat Konsultattiv Konġunt jista' jesprimi l-bżonnijiet tas-soċjetà ċivili, u jgħin jibni relazzjoni qawwija bejn dawn l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet Ewropej. Barra minn hekk, il-KESE, permezz tal-ħidma tiegħu fir-reġjun tal-Balkani, jista' jżid il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi f'dik iż-żona, bl-involviment totali ta' l-Albanija.

2.9

L-organizzazzjonijiet Ewropej tas-soċjetà ċivili għandhom rwol fundamentali x'jaqdu fl-involviment ta' u fl-informazzjoni lill-organizzazzjonijiet Albaniżi dwar il-politiki u l-programmi ta' l-UE.

3.   L-istrumenti ta' azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fl-Albanija

3.1

Il-qafas ġenerali tal-politiki ta' l-UE għall-pajjiżi tal-Balkani Oċċidentali huwa rrappreżentat mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li fih tipparteċipa wkoll l-Albanija.

3.2

F'Jannar 2006, il-Kunsill Ewropew approva Sħubija Ewropea għall-Albanija, li tidentifika numru ta' prijoritajiet fuq perijodu qasir u dak medju. B'konsegwenza, f'Lulju 2006, l-istituzzjonijiet Albaniżi adottaw pjan ta' azzjoni nazzjonali sabiex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet inklużi fis-Sħubija Ewropea. Attwalment, il-gvern Albaniż qiegħed jirrevedi l-pjan ta' azzjoni ta' l-2006 sabiex jimplimenta s-Sħubija Ewropea għall-2008. Fit-12 ta' Ġunju 2006, l-Albanija ffirmat Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA), li jiggarantixxi qafas għal impenji komuni dwar aspetti ekonomiċi, kummerċjali u politiċi waqt li jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni reġjonali.

3.3

Bejn l-2001 u l-2007, l-istrument finanzjarju prinċipali tal-Kummissjoni Ewropea għall-kooperazzjoni ma' l-Albanija kien il-programm CARDS (Community Assistance for Reconstruction, Development and Stabilisation), li pprovda għal ħames setturi prinċipali ta' azzjoni:

stabbilizzazzjoni demokratika permezz ta' proġetti żgħar li jinkoraġġixxu l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u ta' l-NGOs li jieħdu ħsieb il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, dawk soċjali u politiċi, u inizjattivi għat-tisħiħ tas-sistema elettorali;

ġustizzja u affarijiet interni — sostenn għall-proċess ta' riforma tas-sistema legali, tal-prosekuturi pubbliċi u tal-pulizija. Ħidma għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri marittimi u ta' l-art b'appoġġ għall-attività tal-pulizija tal-fruntiera.

it-tisħiħ tal-kapaċità ta' l-amministrazzjoni — programmi għar-riforma tas-sistema fiskali u ta' l-ipprezzar, għall-appalti u għall-ġbir u l-elaborazzjoni ta' l-informazzjoni statistika;

żvilupp ekonomiku u soċjali li jiffaċilita l-kummerċ u l-iżvilupp tal-komunitajiet lokali. Barra minn hekk jiġu sostnuti l-programmi Tempus u l-programmi għall-promozzjoni tat-taħriġ u t-tagħlim superjuri;

ambjent u riżorsi naturali — azzjoni ta' appoġġ għal-leġislazzjoni dwar l-ippjanar urban u reġjonali relatat ma' l-ambjent. Aspett ieħor relatat ma' l-appoġġ għall-programmi għall-kwalità ta' l-ilma u ta' l-arja u għat-tneħħija ta' l-iskart.

Il-programm CARDS fl-ewwel stadju kien prinċipalment iffokat fuq ir-rikostruzzjoni fiżika, u fit-tieni stadju kien ibbażat fuq it-titjib tal-funzjonament ta' l-amministrazzjoni ta' l-Istat sabiex jiġu ssodisfati l-prijoritajiet tas-sħubija Ewropea u l-ħtiġijiet għall-implimentazzjoni tal-FSA. Bejn l-2001 u l-2006, b'kollox ġew allokati EUR 282.1 miljun fir-rigward ta' l-Albanija (2) taħt il-proġett CARDS.

3.4

Minn Jannar 2007, b'segwitu għar-riforma ta' l-UE ta' l-assistenza esterna u għall-modifiki li seħħew, il-programm CARDS ġie sostitwit mill-Istrument l-ġdid ta' Assistenza Qabel l-Adeżjoni (IPA — Insrument for Pre-Accession Accession), li prinċipalment għandu l-għan li jgħaqqad fi programm wieħed l-istrumenti kollha ta' assistenza kemm għall-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni kif ukoll għall-kandidati potenzjali. Fil-kuntest ta' l-IPA, f'Mejju 2007 ġie adottat id-Dokument Indikattiv ta' Pjanar Pluriannwali (Multiannual Indicative Planning Document (MIPD)) 2007-2009 għall-Albanija, li fuq il-bażi tiegħu l-pajjiż ser jirċievi total ta' EUR 212.9 miljun.

3.5

F'Settembru 2007 ġie ffirmat ftehim bejn l-UE u l-Albanija dwar it-tħaffif tas-sistemi tal-visa u għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel sitt xhur ta' l-2008, meta l-kundizzjonijiet kollha previsti jkunu ssodisfati: dan għandu jippermetti liċ-ċittadini Albaniżi jivvjaġġaw aktar faċilment fl-UE.

3.6

Il-parteċipazzjoni ta' l-Albanija fil-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles fl-Ewropa Ċentrali (CEFTA) u fil-Patt ta' Stabilità għax-Xlokk ta' l-Ewropa, flimkien ma' l-involviment tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u tal-Bank Ewropew għall-Investimenti jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' netwerk ta' atturi differenti li jgħinu lill-Albanija twettaq progress lejn standards aktar Ewropej.

4.   Is-sitwazzjoni politika u ekonomika fl-Albanija

4.1

Fl-Albanija, it-tkabbir ekonomiku reċentement naqas xi ftit wara l-kriżi ta' l-enerġija li laqtet lill-pajjiż. Il-fattur prinċipali ta' appoġġ għall-ekonomija Albaniża jkompli jkun l-ammont ta' flus mibgħuta lura mill-emigranti, partikularment mill-Italja u mill-Greċja. L-agrikoltura tikkontribwixxi għal terz tal-PGD u r-rata uffiċjali ta' qgħad hija ta' 13.46 %, filwaqt li l-ekonomija informali hija piż sinjifikanti.

4.2

Għad hemm differenzi bejn iż-żoni rurali tat-Tramuntana, ifqar u inqas avvanzati, u ż-żoni urbani tan-Nofsinhar, li jaqdu rwol prinċipali fit-tiswir tas-sitwazzjoni tal-pajjiż. Dawn id-diverġenzi huma parzjalment spjegati mill-avvenimenti reċenti, prinċipalment marbutin mal-kunflitti li seħħew fil-Balkani u l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u politiċi negattivi (inkluż l-embargo) li laqtu lill-pajjiżi involuti direttament jew indirettament.

4.3

Hemm bżonn li jsir progress sostanzjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tibqa' tirrenja f'diversi setturi ta' l-ekonomija u ta' l-amministrazzjoni.

4.4

Il-politiċi jaqblu li għandhom isiru sforzi sabiex jiġi aċċellerat il-proċess ta' adeżjoni fl-UE iżda, fil-prattika, m'hemmx kooperazzjoni effettiva bejn il-maġġoranza u l-oppożizzjoni fil-ksib tar-riformi neċessarji.

4.5

Fil-qafas tal-ftehim interim tal-FSA, dan l-aħħar kien hemm progress modest fis-sistema legali (notat anke mill-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Balkani tal-Punent (3)), iżda hemm ukoll bżonn kruċjali għal azzjoni dwar il-leġislazzjoni tal-midja, u fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u l-faqar. Hemm bżonn li tiġi ssorveljata l-firda li ta' sikwit tissepara r-riformi leġislattivi mill-implimentazzjoni tagħhom stess.

4.6

L-elezzjonijiet ġenerali ser jinżammu fl-2009. F'din il-perspettiva, il-Kumitat jixtieq jara t-tisħiħ tas-sistema elettorali u ta' l-infrastruttura neċessarja għal elezzjonijiet demokratiċi, bħal reġistru elettorali tal-persuni eliġibbli sabiex jivvutaw.

4.7

L-istedina uffiċjali ta' l-Albanija sabiex tissieħeb man-NATO matul is-Summit ta' Bukarest fit-2-4 ta' April li għadda hija element li għandu jitqies fl-istampa ġeopolitika kollha u l-proċess ta' integrazzjoni tal-pajjiż fl-istituzzjonijiet tal-Punent.

5.   Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fit-triq lejn l-integrazzjoni Ewropea

5.1

L-UE nediet strateġija li għandha tiġi appoġġjata fuq proċess parteċipattiv li jinvolvi lis-soċjetà ċivili, il-gvernijiet lokali u d-donaturi. Għal dan il-għan tħejja pjan parteċipattiv ta' azzjoni li jipprevedi l-involviment tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija tal-programm ta' nfiq fuq perijodu medju, li permezz tiegħu jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi fid-diversi setturi.

5.2

Twaqqfu wkoll gruppi ta' konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili f'erba' setturi prinċipali: l-agrikoltura, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-affarijiet soċjali, u l-impjieg; twaqqfu wkoll grupp konsultattiv nazzjonali u segretarjat tekniku fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi. Proġetti li jsaħħu l-istituzzjonijiet tal-gvernijiet lokali għandhom importanza fundamentali fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess.

5.3

L-involviment ta' l-awtoritajiet lokali u ta' korpi oħrajn li jaħdmu viċin iċ-ċittadini huwa importanti ħafna għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija u għall-għoti tal-kontroll liċ-ċittadini fuq il-ħidma ta' l-amministrazzjoni pubblika. Dan huwa partikularment il-każ f'pajjiż bħall-Albanija li qed ifittex li jadatta għall-kriterji Ewropej għal adeżjoni totali fil-futur.

5.4

L-attivitajiet tas-soċjetà ċivili fl-Albanija huma ostakolati minn demokrazija parteċipattiva limitata. L-organizzazzjonijiet internazzjonali u tal-programmi differenti ta' assistenza għall-iżvilupp għandhom rwol prinċipali fil-finanzjament ta' l-attivitajiet ta' l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili: dan huwa l-ewwel element li għandu jitqies fl-approċċ lejn soċjetà li qiegħda tibni u tikkonsolida, pass wara pass, l-istituzzjonijiet demokratiċi. Tajjeb li jiġi enfasizzat li anke l-Istati Uniti ta' l-Amerika għandhom preżenza qawwija fis-soċjetà Albaniża permezz ta' programmi ta' assistenza għall-iżvilupp, speċjalment permezz ta' l-aġenzija USAID.

5.5

Mil-lat politiku, l-appoġġ ta' l-Unjoni Ewropea u tal-korpi internazzjonali l-oħra li għandhom l-għan li jintlaħqu l-istandards meħtieġa għal integrazzjoni sħiħa, għandu jakkumpanja r-rieda politika preċiża u awtonoma tal-poplu Albaniż u tar-rappreżentanti tagħhom favur ir-riformi li għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-pajjiż. F'dan ir-rigward, il-KESE jilqa' b'mod pożittiv id-deċiżjoni, min-naħa tal-gvern Albaniż, li jalloka EUR 1 miljun lis-soċjetà ċivili fl-aħħar baġit. Il-Kumitat jispera li l-mezzi li jħaddmu u jallokaw dawn il-fondi (li għadhom ma ġewx deċiżi) ser ikunu ġenwinament trasparenti u kkontrollati b'mod effikaċi.

5.6

Sabiex jiġi żviluppat ir-rwol tas-soċjetà ċivili hemm bżonn li jissaħħaħ id-djalogu, li jidher li għadu dgħajjef wisq u ineffettiv, bejnha u l-gvern. L-involviment ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċessi leġislattivi, kemm fil-fażi ta' tħejjija kif ukoll fil-fażi ta' monitoraġġ, huwa utli kemm għal riformi effettivi kif ukoll sabiex dawn jiġu aċċettati.

5.7

Hemm numru ta' organizzazzjonijiet non-governattivi li joperaw fl-Albanija f'setturi differenti: inklużi d-drittijiet tan-nisa, id-difiża tad-demokrazija, it-trasparenza u l-meritokrazija fl-istituzzjonijiet, iċ-ċentri ta' riċerka, l-assoċjazzjonijiet ta' protezzjoni tal-konsumaturi, eċċ. Hemm tendenza li jkollhom ċertu limiti bħal per eżempju li l-parti l-kbira tagħhom tinsab f'Tirana mingħajr preżenza usa' fil-pajjiż kollu, l-objettivi huma wiesa' wisq biex ikunu effettivi, u b'kunċett tal-ħidma wisq “professjonali”.

5.8

Matul il-missjoni tagħhom fl-Albanija, il-membri tal-KESE setgħu josservaw, fis-soċjetà ċivili Albaniża, ċerti tendenzi li sfortunatament huma preżenti wkoll f'ħafna pajjiżi simili għall-Albanija, bħall-ħolqien ta' organizzazzjonijiet li ta' spiss ikollhom ftit wisq membri u l-“professjonalizzazzjoni” eċċessiva ta' l-atturi fis-soċjetà ċivili, li tagħmel lis-soċjetà ċivili entità oħra li ssegwi l-istess regoli tas-suq.

5.9

Is-settur ta' l-agrikoltura, li għadu jikkostitwixxi parti kbira mill-PGD tal-pajjiż u li fih għadhom jaħdmu ħafna ħaddiema, għadu qed iħallas il-prezz tal-privatizzazzjonijiet tas-snin 90 (li saru skond il-pjan issuġġerit mill-Bank Dinji), li ħolqu numru kbir ta' intrapriżi agrikoli żgħar li diffiċli jorganizzaw ruħhom b'tali mod li jkunu jistgħu jaġixxu għall-interessi komuni. Għalhekk, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa kkonfermaw l-impenn tagħhom għal riforma bil-għan li tiġi modernizzata s-sistema ekonomika u produttiva ta' l-agrikoltura Albaniża.

6.   Is-sitwazzjoni tad-djalogu soċjali

6.1

Fl-Albanija, id-djalogu soċjali u r-rappreżentattività ta' l-imsieħba soċjali ma evolvewx bl-istess mod tal-pajjiżi l-oħra ta' l-Unjoni Ewropea. Is-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u politika f'dawn l-aħħar snin ma ppermettietx il-ħolqien ta' djalogu soċjali kkonsolidat.

6.2

Għad fadal ħafna ostakoli għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-gvern u l-imsieħba soċjali (speċjalment it-trade unions) u l-kriżi laħqet il-quċċata meta f'Awissu 2007, uffiċjali tal-qorti akkumpanjati mill-pulizija ordnaw liż-żewġ trade unions sabiex jitilqu mill-kwartieri mikrija tagħhom. L-unions filfatt jakkużaw lill-gvern b'din id-deċiżjoni. Il-KESE jikkunsidra li hemm bżonn li tinstab soluzzjoni konġunta għal din il-problema, bil-għan li r-relazzjonijiet bejn l-unions u l-gvern jitjiebu kemm jista' jkun malajr sabiex kull parti taqdi r-rwol tagħha b'mod aktar effettiv.

6.3

It-trade unions (4) ta' l-Albanija qegħdin ifittxu involviment akbar, speċjalment fir-rigward ta' kwistjonijiet delikati bħall-miżuri li għadhom jiġu adottati fil-konfront taż-żjieda tal-prezzijiet, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-informalità ta' l-ekonomija, ir-riformi tas-settur ta' l-enerġija u ż-żejt u l-konsegwenza ta' l-istess setturi fuq l-impjieg.

6.4

L-organizzazzjonijiet imprenditorjali, minkejja li huma frammentati u ma tantx huma lesti li jikkollaboraw, kollha jilmentaw min-nuqqas ta' trasparenza, parteċipazzjoni u involviment fil-proċess leġislattiv, speċjalment għall-miżuri li l-aktar li jolqtu lill-attività ekonomika. Iħossu li l-partijiet kollha fid-djalogu tripartitiku jridu jirrispettaw ir-regoli u jassiguraw rappreżentanza effettiva.

6.5

L-akbar korp tad-djalogu tripartitiku fl-Albanija huwa l-Kunsill Nazzjonali tax-Xogħol, li nħoloq fl-1996. Din hija istituzzjoni li taħdem għall-armonizzazzjoni ta' l-interessi tad-diversi atturi ekonomiċi, għat-tnaqqis tal-kunflitti u ż-żamma tal-paċi soċjali (5).

6.6

Matul l-aħħar snin, l-attività tal-Kunsill ippermettiet lill-imsieħba soċjali jiksbu leġittimità u kellha ċertu livell ta' influwenza fuq deċiżjonijiet importanti, speċjalment fil-qasam tal-politiki relatati mas-salarji. L-instabilità politika ta' l-Albanija, partikularment fl-aħħar tas-snin 90, irriżultat f'tibdil frekwenti tal-Ministri għax-Xogħol, u dan għandu jitqies meta jiġi vvalutat il-Kunsill Nazzjonali tax-Xogħol.

6.7

Kemm ir-rappreżentanti tal-ħaddiema kif ukoll ir-rappreżentanti ta' min iħaddem m'humiex kuntenti b'kif jaħdem il-Kunsill Nazzjonali tax-Xogħol, peress li huwa kkaratterizzat minn nuqqas ta' kontinwità fil-ħidma tiegħu u minħabba li m'hux qiegħed jintalab jagħti l-fehma tiegħu fuq kwistjonijiet politiċi kruċjali bħall-privatizzazzjoni u l-liġi tal-baġit.

6.8

Il-KESE jikkunsidra l-Kunsill Nazzjonali tax-Xogħol bħala korp ta' importanza straordinarja għall-iżvilupp tad-djalogu soċjali fl-Albanija. Għandu jkun lok għal diskussjoni u medjazzjoni ġenwini fejn jiġu indirizzati temi ta' importanza nazzjonali. Ir-rappreżentattività tal-parteċipanti, l-iskeda u r-regolarità tal-laqgħat huma fatturi ta' importanza kruċjali għal funzjonament tajjeb ta' l-istituzzjoni.

6.9

Fl-Albanija ġiet adottata liġi li twaqqaf spettorat tax-xogħol. Madankollu, il-kapaċità u l-poter ta' dan il-korp fuq it-territorju għadhom limitati u għadhom jeżistu problemi minħabba leġislazzjoni batuta u implimentazzjoni dgħajfa dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  L-importanza u d-diffikultà tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-Balkani Oċċidentali ġew enfasizzati wkoll mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha “L-istrateġija għat-tkabbir u l-isfidi ewlenin 2007-2008”, COM(2007) 663 finali.

(2)  Kummissjoni Ewropea

http://ec.europa.eu/enlargement/albania/eu_albania_relations_en.htm.

(3)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Il-Balkani tal-Punent: Tissaħħaħ il-perspettiva Ewropea, COM(2008) 127 finali.

(4)  Hemm żewġ trade unions prinċipali fl-Albanija: l-Assoċjazzjoni tat-trade unions indipendenti ta' l-Albanija (BSPSH) u l-Konfederazzjoni tat-trade unions ta' l-Albanija (KSSH). It-tnejn li huma nħolqu fl-1992.

(5)  Ir-regoli li jiggvernaw il-Kunsill Nazzjonali tax-Xogħol jinsabu fl-Artikolu 200 tal-Kodiċi Albaniż tax-Xogħol (Liġi 7.961 tat-12.7.1995 u modifiki suċċessivi).