|
19.8.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 211/82 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar In-negozjati dwar il-ftehimiet il-ġodda tal-kummerċ — Il-pożizzjoni tal-KESE
(2008/C 211/21)
Matul is-sessjoni plenarja li nżammet nhar is-26 ta' Settembru 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni dwar:
“In-negozjati dwar il-ftehimiet il-ġodda tal-kummerċ — Il-pożizzjoni tal-KESE”.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta' April 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Peel u l-ko-rapporteur kienet is-Sinjura Pichenot.
Matul l-444 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta' April 2008 (seduta tat-22 ta' April 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'101 voti favur, 6 voti kontra u 7 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ġenerali
|
1.1 |
Il-Kumitat jilqa' l-affermazzjoni mill-ġdid tal-Kummissjoni dwar l-impenn ġenerali tagħha lejn il-liberalizzazzjoni multilaterali tal-kummerċ. Huwa jagħraf li l-għażla tal-KE li ddur lura lejn aġenda bilaterali hija dovuta għal nuqqas ta' progress fil-qasam ta' l-aġenda multilaterali. |
|
1.2 |
Il-Kumitat jemmen li l-ftehimiet bilaterali għandhom jitqiesu bħala fatturi li huma kompatibbli mal-multilateraliżmu u li eventwalment ser issaħħuh. Il-profitt li jkun sar fuq livell bilaterali jista' jservi sabiex iqanqal il-proċess multilaterali. Kif tistqarr sewwa l-KE, ir-riżq jiddependi mill-kummerċ. |
|
1.3 |
Madanakollu l-Kumitat jisħaq fuq il-bżonn ta' bidla kwalitattiva fl-approċċ lejn din is-sensiela ġdida ta' negozjati: li wieħed jirrepeti fuq livell bilaterali dawk il-politiki li ma kellhomx suċċess fuq livell multilaterali mhuwiex biżżejjed. |
|
1.4 |
L-approċċ bilaterali jippermetti aktar rispett lejn id-differenzi reġjonali u nazzjonali milli jippermettu l-ftehimiet multilaterali, li bilfors ikollhom isegwu aproċċ aktar ġenerali. |
|
1.5 |
Għalhekk il-Kumitat jilqa' b'mod pożittiv id-deċiżjoni tad-DĠ Kummerċ li jfittex l-assistenza tal-Kumitat huwa u jittratta n-negozjati dwar il-ftehimiet il-ġodda tal-kummerċ ta' l-UE hekk kif bassret il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha L-Ewropa Globali f'Ottubru 2006. |
|
1.6 |
Il-Kumitat jafferma mill-ġdid l-għan fundamentali tiegħu li f'isem is-soċjetà ċivili Ewropea u bħala msieħeb sħiħ tal-Kummissjoni Ewropea, ikompli jżomm u jiżviluppa l-livell għoli ta' kooperazzjoni u sensibilizzazzjoni fil-ħidma futura tiegħu mal-Kummissjoni u ma' l-istituzzjonijiet ewlenin l-oħra ta' l-UE. |
|
1.7 |
Il-Kumitat jilqa' din l-opportunità li jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tassigura livell ogħla ta' monitoraġġ u trasparenza f'dawn in-negozjati u li testendi u tiżviluppa l-involviment tagħha mas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi u r-reġjuni tad-dinja li għandhom sehem fihom. |
|
1.8 |
Il-Kumitat jemmen li l-istruttura tiegħu tippermettilu li jaqdi rwol attiv fil-qasam tal-monitoraġġ. L-esperjenza li għandu l-Kumitat b'mod partikolari, tippermettilu li jagħraf jidentifika msieħba potenzjali f'pajjiżi oħra. |
|
1.9 |
Filwaqt li jinnota li f'dan il-każ il-Kummisjoni qiegħda tfittex il-fehma u l-kooperazzjoni ġenerali tiegħu fir-rigward tan-negozjati proposti, il-Kumitat jinnota wkoll il-firxa wiesgħa tal-punti u l-kwistjonijiet li ser ikopru dawn in-negozjati, li ħafna minnhom jissemmew f'din l-opinjoni. Il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda li fil-futur, f'opinjonijiet differenti, huwa janalizza f'aktar dettall uħud minn dawn il-kwistjonijiet speċifiċi per eżempju x-Xogħol Deċenti u l-aċċess għas-suq. |
|
1.10 |
Il-Kumitat jilqa' b'mod partikolari l-fatt li l-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid temi soċjali u ambjentali u tagħraf li l-iżvilupp sostenibbli jinkludi konsiderazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Madankollu l-Kumitat jinnota wkoll li ħafna mill-kwistjonijiet ekonomiċi li tqajmu jikkonċernaw lis-soċjetà ċivili, inklużi dawk li jikkonċernaw il-moviment ħieles tan-nies. |
|
1.11 |
Il-Kumitat jemmen li huwa importanti ħafna li approċċ bilaterali jkun ibbażat fuq id-drittijiet fundamentali u universali, li jiffurmaw ukoll il-bażi li fuqha nbnew l-istandards ta' l-ILO. Il-Kumitat jemmen ukoll li x-Xogħol Deċenti, li jkun kemm aċċettabbli kif ukoll prattikabbli, għandu jinbena fuq standards bħal dawn. |
2. Sfond — L-importanza tal-kummerċ
|
2.1 |
Il-kummerċ huwa verament il-qalba tar-relazzjonijiet internazzjonali. Il-pajjiżi jikkomunikaw bejniethom fuq diversi livelli, b'mod speċjali permezz ta':
Fost dawn il-mezzi ta' interazzjoni bejn il-pajjiżi, il-kummerċ huwa l-istrument li joffri l-aktar possibbiltajiet effettivi għall-ħolqien ta' netwerks ta' kuntatti serji u permanenti bejn il-pajjiżi u r-reġjuni globali li minnhom jistgħu faċilment jiżviluppaw kuntatti u rabtiet oħra. |
|
2.2 |
Il-kummerċ u l-investiment internazzjonali jmexxu t-tkabbir ekonomiku Ewropew u d-dimensjoni esterna tal-kompetittività ta' l-UE. Kif tistqarr sewwa l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha “L-Ewropa Globali”, “ġidna jiddependi mill-kummerċ”. Huwa importanti li wieħed jinnota li filwaqt li f'diversi oqsma tar-relazzjonijiet internazzjonali, il-Kummissjoni tista' tħaddan biss aspirazzjonijiet politiċi, fil-qasam tal-kummerċ hija għandha kompetenza sħiħa. Madanakollu, il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni f'dan il-qasam hija waħda problematika u jeħtieġ li filwaqt li n-negozjati jkomplu għaddejjin, din tkompli tiġi sorveljata. |
|
2.3 |
L-inkoraġġiment tal-kummerċ, tariffi aktar baxxi u t-tneħħija ta' l-ostakli fl-oqsma tal-kummerċ u l-investiment, huma kollha fatturi li jaqdu rwol importanti sabiex il-maġġoranza tal-poplu tasal biex taċċetta aħjar l-aspetti pożittivi tal-globalizzazzjoni. Il-qawwiet ekonomiċi l-ġodda bħaċ-Ċina, il-Brażil u l-Indja, li kollha ġew inklużi fl-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni, qegħdin jadottaw prattiki kummerċjali anqas restrittivi u huma sinjal ta' kif il-globalizzazzjoni kull ma jmur qiegħda tiżdied. Aktar kummerċ ifisser aktar rabtiet ekonomiċi li jssaħħu b'mod konsiderevoli r-relazzjonijiet kulturali u, b'rilevanza partikolari għall-KESE, il-kuntatti fil-livell tas-soċjetà ċivili. Ħafna jemmnu wkoll li dawn ir-rabtiet ser jippromovu u jqanqlu l-aċċettazzjoni u l-iżvilupp ta' l-aħjar prattika fil-qasam tal-ħarsien ta' l-ambjent, il-promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli kif ukoll l-iżvilupp ta' standards ogħla soċjali u ta' l-impjieg. Peress li għad m'hemmx garanzija li dan ser ikun ir-riżultat, il-Kumitat jemmen fil-bżonn ta' monitoraġġ serju bil-parteċipazzjoni diretta tas-soċjetà ċivili. |
|
2.4 |
Il-Kumitat jagħti importanza kbira lir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni u l-mekkaniżmi ta' segwitu għal dawk il-partijiet speċifiċi tal-ftehimiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-iżvilupp sostenibbli. Aħna nagħrfu l-fatt li djalogu bbażat fuq il-kooperazzjoni jqanqal kunfidenza fost l-imsieħba kkonċernati u hu l-uniku mod ta' kif wieħed għandu jindirizza l-kwistjonijiet sensittivi involuti. |
|
2.5 |
Aħna nilqgħu l-fatt li l-mandat għan-negozjati tal-ftehimiet il-ġodda ġabar fih il-linji gwida importanti, li jispeċifikaw li l-ftehimiet għandhom ifittxu li jippromovu rispett lejn l-iżvilupp sostenibbli (b'mod speċjali lejn l-istandards soċjali u ambjentali). Il-mandat għandu jitqies fil-kuntest tal-kwistjonijiet globali bħall-bidla fil-klima, l-Għanijiet ta' żvilupp tal-Millennju, il-ġlieda kontra l-faqar u l-istandards tax-xogħol deċenti u tas-saħħa (b'mod partikolari fil-qasam ta' l-ikel). |
|
2.6 |
Il-Kumitat jirrakkomanda li fost is-soċjetà ċivili, jerġa' jinfetaħ id-dibattitu dwar il-preferenzi kollettivi li jirfdu l-bażi tal-mudell Ewropew ta' l-ekonomija soċjali tas-suq. Il-ftehimiet bilaterali għandhom juru biċ-ċar li l-Ewropa ser tibqa' tħaddan il-preferenzi kollettivi tagħha fejn jidħlu kwistjonijiet soċjali u fl-oqsma tas-sigurtà ta' l-ikel u ta' l-ambjent. Il-Kummissjoni saħqet fuq dan l-għan fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Ottubru 2007 (COM 581(2007)) fejn tistqarr li “Jeħtieġ li l-UE tiżgura li l-pajjiżi terzi joffru livelli proporzjonati ta' nuqqas ta' xkiel lill-esportaturi u l-investituri Ewropej u li jkollhom regoli bażiċi li ma jkollhomx effett negattiv fuq il-kapaċità tagħna li nipproteġu l-interessi tagħna u li nħarsu l-istandards għall-prodotti għolja relatati mas-saħħa, is-sigurtà, l-ambjent u l-ħarsien tal-konsumatur.” |
|
2.7 |
Il-Kummissjoni ħabbret li mhix sa ddum ma tressaq proposti ġodda ta' kif wieħed għandu jindirizza dawn l-isfidi prinċipali, ibbażati dejjem fuq l-impenn ta' l-UE li tiftaħ is-swieq u tiżgura kompetizzjoni ġusta. Il-Kumitat jemmen għalhekk li l-ftehimiet bilaterali għandhom ikomplu mexjin 'il quddiem b'ċertu urġenza u bbażati fuq politika li għandha bħala l-objettivi tagħha l-protezzjoni, il-ġustizzja u r-reċiproċità biex b'hekk tkun inħolqot tassew ġenerazzjoni ġdida ta' ftehimiet. |
3. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Ewropa Globali” — Bidla importanti fil-politika tal-kummerċ ta' l-UE
|
3.1 |
Meta l-Kunsill tal-Ministri approva l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Ewropa Globali: Kompetizzjoni Dinjija” f'April 2007, seħħ avveniment globali importanti ħafna. B'sehem ta' 26 % fil-kummerċ dinji fil-qasam tas-servizzi u ta' 17.5 % fil-qasam tal-merkanzija, l-UE hija fost l-imsieħba kummerċjali ewlenin tad-dinja (EU25 — statistika tal-KE għall-2005). L-istrateġija proposta mill-Kummissjoni |
|
3.2 |
Dan il-qafas ġdid irriżulta min-nuqqas ta' progress prattiku fiċ-Ċiklu ta' Doha għall-Iżvilupp u għandu jintlaqa' bħala dikjarazzjoni ta' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssegwi aġenda favur il-liberalizzazzjoni. Il-Kumitat jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni għażlet li tenfasizza li l-intenzjoni ta' din l-aġenda mhix li tieħu post il-multilateraliżmu iżda li tippermetti li x-xogħol ikompli għaddej. Il-konklużjoni taċ-Ċiklu ta' Doha għadha neċessità politika u strateġika. |
|
3.3 |
Madankollu, din il-Komunikazzjoni hija l-ewwel bidla li saret mill-1999 fid-direzzjoni tal-politika tal-kummerċ ta' l-UE. Il-Kumitat diġà laqa' (1) l-Komunikazzjoni u b'mod partikolari l-konferma li reġgħet tat ta' l-impenn tal-Kummissjoni lejn l-iżvilupp tal-kummerċ u tar-rabta ta' l-UE mal-multilateraliżmu. Importanti li l-ftehimiet bilaterali ma jfixklux il-multilateraliżmu. |
|
3.4 |
Iżda għandhom ikunu ristretti li jipprovdu appoġġ lill-approċċ multilaterali. Huma għandhom jitqiesu bħala fatturi kompatibbli mal-multilateraliżmu u li eventwalment ser issaħħuh. Il-Kumitat jemmen li l-qligħ li jkun sar b'mod bilaterali jista' jservi biex iqanqal il-proċess multilaterali u dan b'riżultat ta' diskussjonijiet aktar dettaljati u ta' allinjament eqreb tal-pożizzjonijet li ġejjin minn approċċ bilaterali. |
|
3.5 |
Il-Professur Patrick Messerlin semma l-komplessitajiet li jeżistu f'dan il-qasam b'mod ċar (2). Ir-riżorsi umani tant huma skarsi f'ċerti stati jew reġjuni żgħar li l-għażla bejn multilaterali jew bilaterali hija waħda kritika u importanti. |
|
3.6 |
Għalhekk huwa importanti li l-Kummissjoni tinnegozja biss dawk l-FTAs (Ftehimiet tal-Kummerċ Ħieles) li ġie ppruvat li għandhom valur miżjud ġenwin. L-approċċ bilaterali huwa kapaċi jippermetti aktar rispett lejn id-differenzi reġjonali u nazzjonali milli jippermettu l-ftehimiet multilaterali li bilfors ikollhom isegwu approċċ aktar ġenerali. F'dan ir-rigward il-Kumitat jemmen li t-tliet kwistjonijiet prinċipali msejħa “l-kwistjonijiet ta' Singapor” jiġifieri l-kompetizzjoni, l-investiment u l-akkwist pubbliku għandhom jerġgħu jiġu enfasizzati. Il-Kummissjoni beħsiebha tindirizzahom permezz tan-negozjati ta' l-FTA minkejja li l-UE warrbet dawn il-kwistjonijiet min-negozjati tad-DDA (l-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp) f'Cancun. |
|
3.7 |
Il-Kumitat jisħaq fuq il-bżonn ta' bidla kwalitattiva fl-approċċ lejn din is-sensiela ġdida ta' negozjati: li wieħed sempliċement jirrepeti fuq livell bilaterali dawk il-politiki li ma kellhomx suċċess fuq livell multilaterali mhuwiex biżżejjed. |
|
3.8 |
L-UE għandha tapprezza wkoll li kull imsieħeb f'dawn in-negozjati ser ikun jixtieq jipproċedi b'mod u manjiera konformi mat-tradizzjonijiet tiegħu. Jeżistu differenzi kbar u f'diversi oqsma bejn l-approċċi ta' l-Ewropa u dawk ta' l-Ażja. Jeżistu differenzi kbar per eżempju bejn il-membri ta' l-ASEAN b'mod speċjali f'dak li għandu x'jaqsam ma' żvilupp. L-UE ma tistax testendi l-istandards tagħha mingħajr ma jkun sar negozjar. |
4. Rakkomandazzjonijiet ġenerali għall-futur ta' l-FTAs
|
4.1 |
Il-Kummissjoni stabbilixxiet sensiela ta' FTAs ewlenin u negozjati tal-kummerċ oħra kif ukoll sensiela ta' temi fil-qasam tan-negozji li jinkludu l-ostakli tekniċi u non-tariffarji u “l-kwistjonijiet ta' Singapor” li tixtieq tippromovi u li permezz tagħhom qiegħda timmira li tiżviluppa u ssaħħaħ “l-aġenda għall-kompetittività” tal-politika tal-kummerċ tagħha. In-negozjati għandhom ikunu mifruxa iżda hemm bżonn li l-ftehimiet jevitaw kontradizzjonijiet u standards li mhumiex kompatibbli. Il-Kumitat ser jara li jkunu qed jissegwew linji gwida ċari kemm fl-FTAs li ġejjin kif ukoll matul in-negozjati li hemm ċans li jsegwu f'dawn l-oqsma: |
|
4.2 |
Ostakli tekniċi għall-kummerċ: f'ħafna pajjiżi dawn qed ixekklu l-kummerċ u t-tkabbir ekonomiku bil-kbir u qed joħolqu aktar ostakli fl-aċċess għas-suq milli joħolqu l-ostakli tariffarji (b'mod speċjali għaliex diversi pajjiżi fit-triq ta' l-iżvilupp naqqsu t-tariffi b'mod unilaterali sabiex jiżviluppaw il-kummerċ u l-investiment). In-nuqqas ta' qbil dwar l-istandards huwa komuni ħafna, b'mod partikolari fir-rigward l-istandards tas-saħħa tal-bniedem, ta' l-annimali u tal-pjanti. L-UE għandha wħud mill-ogħla standards tad-dinja li ħafna drabi huma interpretati bħala skuża għall-protezzjoniżmu. L-Unjoni għandha tkun disposta li ssaħħaħ il-qasam tat-taħriġ, tibni fuq il-kapaċitajiet disponibbli u tibni wkoll fuq is-suċess li kellhom il-programmi ta' Għajnuna Teknika Relatata mal-Kummerċ (TRTA). |
|
4.3 |
L-ostakli tariffarji ser ikunu kwistjoni ewlenija tat-tliet negozjati prinċipali mal-Korea, l-Indja u l-ASEAN. L-Indja, b'mod partikolari, għandha tariffi għoljin ħafna rrinforzati b'dazji oħra bħad-Dazju Addizzjonali u d-Dazju Addizzjonali Straordinarju (Additional Duty u Extra Additional Duty) li flimkien jammontaw għal tariffa globali ta' 550 % għal ċerti prodotti. Fost il-pajjżi ta' l-ASEAN teżisti l-problema tan-nuqqas ta' armonizzazzjoni, fejn qed jiġu applikati tariffi differenti u sistemi tad-dazju diskriminatorji (3). |
|
4.4 |
Prijorità prinċipali fuq l-aġenda tan-negozjati ser tkun it-tneħijja ta' l-ogħla numru possibbli ta' ostakli non-tariffarji (NTBs) . Il-problemi li jistgħu jinħolqu f'dan il-qasam ġejjin minn burokraziji eċċessivi, regolamentazzjoni lokali restrittiva, nuqqas ta' impjieg ieħor għall-uffiċjali superfluwi u saħansitra l-korruzzjoni. L-istimi tad-WTO juru li jeżistu NTBs fuq 93 % ta' l-importazzjonijiet mill-Indja meta per eżempju fil-Brażil ir-rata hija ta' 22 % (4). L-NTBs fil-pajjiżi ta' l-ASEAN huma għoljin ukoll u jvarjaw ħafna (per eżempju fl-Indonesja l-NTBs jolqtu lil 31 % ta' l-importazzjonijiet filwaqt li f'Singapor jolqtu biss lil 2 % minnhom). Fil-Korea jolqtu lil 25 %. |
|
4.5 |
Il-kriterji ekonomiċi għandhom jingħataw importanza prijoritarja — is-swieq attwali u futuri għandhom ikunu l-fatturi li jiddeterminaw il-futur ta' l-FTAs. |
|
4.6 |
Il-ftehimiet għandhom jinkludu l-prodotti u s-servizzi kollha jiġifieri 90 % tal-kummerċ: l-Artikolu GATT XXIV jispeċifika li għandhom jiġu eliminati r-restrizzjonijiet bejn il-membri ta' l-FTA. Madanakollu ser ikun hemm bżonn li jsiru xi eċċezzjonijiet b'mod partikolari fejn jidħlu l-livelli ta' sussistenza agrikola. Din ir-restrizzjoni ma tistax tiġi applikata fil-qasam tas-servizzi fejn l-ogħla rata ta' inklużjoni possibbli ser tkun kwistjoni kritika. Hawnhekk qed nitkellmu fuq il-possibbiltà ta' akkwisti kummerċjali u kwantifikabbli kbar għal kull imsieħeb involut f'dawn il-ftehimiet. Il-moviment ħieles tal-kapital u tal-finanzi jaqdu rwol ċentrali sabiex kull imsieħeb ikun jista' jibbenefika bl-aħjar mod possibbli. Madanakollu, il-moviment ħieles tan-nies iqajjem problemi partikolari, b'mod speċjali skond “il-modalitajiet” 3 u 4. Is-sejba ta' soluzzjoni prattika ser tkun sfida kbira. Hawnhekk il-garanzija ta' l-aċċess liberu ta' Stat għall-professjonisti kkwalifikati ta' l-Istati l-oħra msieħba f'dawn il-ftehimiet, ser tkun sfida prinċipali. Is-soċjetà ċivili ser tkun trid issegwi mill-qrib l-iżviluppi u l-implimentazzjoni li jsiru f'dan il-qasam. Filwaqt li nifhmu li kull imsieħeb f'dawn in-negozjati ser ikollu qasam aktar sensittiv minn ieħor, jeħtieġ li l-ftehimiet kontradittorji jew li mhumiex kompatibbli ma' dawk li diġà saru jiġu evitati għal kollox. Il-Kumitat jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tibda l-ħidma tagħha fuq nota pożittiva hekk kif sar fin-negozjati ta' Doha għall-kuntrarju ta' l-approċċ negattiv ta' l-Istati Uniti. |
|
4.7 |
Jeħtieġ li l-UE tippromovi d-dimensjoni internazzjonali tas-suq intern sabiex tħeġġeġ żieda fl-integrazzjoni ekonomika dejjem jekk din tista' tkun ta' benefiċċju, bħal per eżempju fil-każ ta' l-istandards tal-kontabilità, sabiex, fost affarijiet oħra, jiġu assigurati kundizzjonijiet uniformi għall-imsieħba kollha. |
|
4.8 |
L-FTAs jeħtieġu klawżoli ta' salvagwardja, mekkaniżmu biex jissolva t-tilwim u aġenda soċjali għall-monitoraġġ tal-proċess. Il-KESE jirrakkomanda li jitwaqqaf mekkaniżmu li permezz tiegħu tkun tista' tinstab soluzzjoni rapida għall-problemi non-tariffarji. Dan ikun mekkaniżmu bilaterali maħluq biex iwassal għall-ftehim permezz ta' sistema flessibbli. L-Unjoni Ewropea diġà kisbet xi esperjenza f'dan il-qasam, permezz tan-netwerk intern “Solvit”. Il-KESE diġà indirizza l-kwistjoni tal-monitoraġġ ta' aġenda soċjali bħal din fil-kuntest tal-ftehimiet bilaterali u ppropona t-twaqqif ta' “osservatorji bilaterali konġunti” (5). |
5. Rakkomandazzjonijiet għall-ftehimiet kummerċjali tal-futur: l-aspetti soċjali u ambjentali (6)
|
5.1 |
Il-Kumitat b'mod partikolari jilqa' l-fatt li l-Komunikazzjoni tirreferi għall-importanza tal-Ġustizzja Soċjali meta tistqarr li għandna“nirrikonoxxu wkoll l-impatti tal-ftuħ tas-swieq għal ċerti reġjuni u ħaddiema, partikolarment dawk anqas kwalifikati”. Hija tenfasizza wkoll it-theddida tal-bidla fil-klima u f'dan il-kuntest tirreferi b'mod partikolari għall-enerġija u l-bijodiversità. |
|
5.2 |
Fis-sensiela ta' negozjati ma' l-Urugwaj, il-Kummissjoni appoġġjat klawżola soċjali għall-kummerċ dinji. Madanakollu din l-idea ma ntlaqgħatx mill-pajjiżi fit-triq ta' l-iżvilupp, li interpretaw kondizzjonalità bħal din bħala skuża għall-protezzjoniżmu, u għalhekk kellha titwarrab. |
|
5.3 |
Madanakollu fl-UE baqgħet tippersisti l-biża' “mid-dumping soċjali” jiġifieri minn pagi u minn spejjeż soċjali ferm baxxi sabiex tinħoloq kompetizzjoni “inġusta”. Il-KESE (7) huwa tal-fehma li ż-żoni ħielsa ta' dawk il-pajjiżi li huma involuti f'dawn in-negozjati bilaterali, għall-ebda raġuni ma jistgħu joperaw barra mil-limiti (ta' natura soċjali u ambjentali) stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dawn huma każijiet ġenwini ta' dumping soċjali u ambjentali. Il-ftehimiet għandhom jiggarantixxu li l-ebda negozju ma jistipula objettivi, permezz ta' kuntratti lil terzi persuni, b'livelli aktar baxxi minn dawk imwaqqfa mil-leġislazzjoni nazzjonali jew mill-konvenzjonijiet fundamentali ta' l-ILO. |
|
5.4 |
In-negozjati bilaterali kollha għandhom ikunu bbażati fuq il-qafas ta' l-impenji prinċipali internazzjonali: id-dikjarazzjoni ta' l-ILO ta' l-1998, is-Summit dwar l-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-2005, l-impenji li saru fil-qafas ta' l-Għanijiet ta' Żvilupp għall-Millennju għall-ġlieda kontra l-faqar u d-dikjarazzjoni ministerjali ta' l-2006 dwar ix-xogħol deċenti. |
|
5.5 |
Minkejja l-punti sensittivi li tqajmu u n-nuqqas ta' progress li kien hemm, li rriżultaw minn approċċ multilaterali lejn din l-aġenda soċjali, permezz tad-WTO, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra approċċ bilaterali. Kif intqal diġà, permezz ta' approċċ bilaterali, il-Kummissjoni għandha tikseb l-għanijiet tagħha b'mod aktar effettiv għax approċċ bilaterali jassigura djalogu li jirrispetta d-differenzi kulturali fil-kuntest ta' l-iżvilupp. |
|
5.6 |
In-numru ta' ċittadini Ewropej li huma mħassba dwar il-futur ta' l-Ewropa f'dinja globalizzata kulma jmur qiegħed jiżdied. Min-naħa tagħha l-Kummissjoni qed tfittex li tiddefinixxi “l-interess Ewropew” kif wera r-rapport sommarju ta' Diċembru 2007 dwar l-Istrateġija ta' Lisbona. Il-Kummissjoni tenfasizza d-dimensjoni esterna (8) u tagħraf il-bżonn dejjem jikber li jiġu assigurati kundizzjonijiet ugwali fil-livell internazzjonali. Sabiex issaħħaħ id-dimensjoni esterna ta' l-Istrateġija ta' Lisbona b'kunsiderazzjoni tad-difiża kif ukoll il-ftuħ leġittimu ta' l-interess Ewropew, il-Kummissjoni qablet li d-djalogu mal-pajjiżi terzi għandu jiżdied u jiġi razzjonalizzat u li għandhom jiġu enfasizzati kwistjonijiet ta' interess reċiproku bħall-aċċess għas-suq, il-konverġenza regolatorja, il-migrazzjoni u l-bidla fil-klima. Kull sena ser tadotta rapport wieħed dwar l-aċċess għas-suq fejn issemmi dawk il-pajjiżi u s-setturi li għadhom qed jiffaċċjaw ostakli kbar. Il-Kumitat jixtieq li s-soċjetà ċivili u l-imsieħba l-oħra tas-soċjetà jiġu involuti f'dan il-proċess u jemmen li permezz t'hekk il-politiki ta' l-Unjoni dwar il-kummerċ, ir-relazzjonijiet esterni u l-għajnuna għall-iżvilupp ikunu qed jingħataw aktar viżibilità u koerenza. |
|
5.7 |
Fil-preżent immedjat u b'kunsiderazzjoni tan-negozjati attwali dwar il-kummerċ, il-Kumitat jemmen li s-27 konvenzjoni li jagħmlu parti mis-sistema GSP Plus, jipprodvu bażi għall-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli (id-drittijiet soċjali, ambjentali u umani u l-aspetti ta' gvernanza). L-għan għandu jkun li din il-bażi ssir punt komuni ta' referenza. Ir-ratifika, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' dawn is-27 konvenzjoni internazzjonali għandhom jiffurmaw il-bażi minima tad-diskussjoni dwar il-kapitlu ta' l-iżvilupp sostenibbli, fin-negozjati attwali mal-pajjiżi ta' l-ASEAN. |
|
5.8 |
Fid-dawl tad-diversi livelli differenti ta' żvilupp fost il-pajjiżi Ażjatiċi u l-kapaċità istituzzjonali tagħhom li jimplimentaw dawn il-konvenzjonijiet b'mod effettiv, il-Kumitat jirrakkomanda li din il-kundizzjoni tiġi eżaminata każ b'każ u li kull pajjiż jingħata l-għajnuna finanzjarja li jeħtieġ sabiex ikun jista' jlaħħaq ma' l-esigenzi involuti. Fil-kuntest tal-pajjiżi li huma aktar żviluppati, bħall-Korea t'Isfel, din il-bażi hija biss il-bidu li jista' jwassal biex jittieħdu impenji aktar konsistenti fil-futur. |
|
5.9 |
Għalhekk il-ftehimiet tal-kummerċ ħieles għandhom jissaħħu permezz ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni li joffru l-assistenza finanzjarja meħtieġa sabiex jintlaħqu l-istandards internazzjonali. Impenn finanzjarju ta' dan il-livell ser jinfluwenza sew ir-rekwiżiti mitluba b'mod partikolari fil-qasam ambjentali. Jekk l-assistenza teknika tiġi abbinata mar-riżultati ta' l-implimentazzjoni ta' uħud mill-konvenzjonijiet, hija ser tkun aktar effettiva. Permezz ta' l-għajnuna finanzjarja jista' jseħħ monitoraġġ ta' l-impenji li jagħti spinta lill-progress soċjali. |
|
5.10 |
L-assistenza teknika ser twassal sabiex jitwaqqfu jew jissaħħu l-korpi lokali jew reġjonali li jħarsu l-implimentazzjoni (eż. spezzjonijiet fuq ix-xogħol, aġenzija għall-użu tal-pestiċidi, eċċ.). Il-Kumitat jemmen b'mod partikolari fil-bżonn li l-mekkaniżmi bilaterali tal-monitoraġġ isiru r-responsabbiltà tal-korpi reġjonali u lokali u li dawn jingħataw il-kapaċità li jissorveljaw il-produtturi tat-territorju kkonċernat u li jimponu s-sanzonijiet fil-każ ta' ksur tal-liġi. Aċċess ġenwin għall-akkwist pubbliku jirrikjedi parteċipazzjoni akbar ta' l-awtoritajiet territorjali fil-monitoraġġ u l-implimentazzjoni. |
|
5.11 |
Il-Kumitat jitlob li l-valutazzjonijiet ta' l-impatt fl-oqsma soċjali u ambjentali ta' kull pajjiż, ikunu disponibbli sa mill-fażijiet inizjali tan-negozjati sabiex in-negozjaturi jkollhom idea obġġettiva u ġenerali tal-possibbiltajiet u d-diffikultajiet li jiġi stabbilit impenn realistiku mal-pajjiż ikkonċernat. Ikun aħjar li l-proċess tan-negozjati jsir aktar bil-mod biex ikun jista' jinkiseb riżultat tajjeb u jsir b'kunsiderazzjoni tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt li għaddejjin bħalissa li ser jagħtu l-kapaċità lis-soċjetà ċivili li tanalizza l-iżviluppi b'mod trasparenti għall-aħħar u l-għajnuna finanzjarja meħtieġa sabiex jintlaħqu l-aħjar objettivi soċjali u ambjentali. |
|
5.12 |
F'ħafna pajjiżi, it-tnaqqis tat-tariffi tad-dwana jfisser telf fir-riżorsi finanzjarji allokati għas-servizzi pubbliċi. Din hija sitwazzjoni kumplessa li jeħtieġ li tiġi eżaminata aħjar. Għalhekk dawn il-ftehimiet tal-kummerċ ħieles m'għandhom jinkludu l-ebda proposti jew miżuri li ser iħallu effett fuq it-tħaddim tas-servizzi pubbliċi. |
6. Approċċ dinamiku lejn ix-xogħol deċenti fil-ftehimiet kummerċjali ta' l-Unjoni
|
6.1 |
Il-Kumitat jemmen li x-xogħol deċenti, kif imfisser mill-ILO għandu jsir punt ta' referenza prijoritarju fil-kummerċ Ewropew u globali. Hawnhekk qed nitkellmu fuq kunċett li huwa rrikonoxxut fuq livell internazzjonali minn dawk li jħaddmu, mill-istati u mill-ħaddiema. Il-garanzija ta' xogħol deċenti li tiġbor fiha wkoll l-impjieg, ir-rispett lejn id-drittijiet tal-ħaddiema, id-djalogu soċjali u l-protezzjoni soċjali, hija kruċjali għall-ġlieda kontra l-faqar u għall-ksib tal-progress globali (9). |
|
6.2 |
Il-kumitati inkarigati mill-monitoraġġ tal-ftehim tal-kummerċ ħieles għandhom jipprovdu appoġġ għall-proċeduri ta' djalogu eżistenti, b'mod speċjali f'dawk il-każijiet fejn sħubija jew ftehim ta' assoċjazzjoni ħolqu struttura għal djalogu dwar “l-impjieg u l-affarijiet soċjali”. |
|
6.3 |
Il-Kumitat jikkunsidra li l-progress fil-qasam ta' l-istandards soċjali għandu jagħmel parti mill-approċċ ta' żvilupp sostenibbli li ġie stipulat fil-mandat. Fl-1996 ġie stabbilit li l-ħidma konġunta ta' l-ILO u d-WTO kellha bżonn tissaħħaħ. Dan wassal biex fl-2007 sar rapport konġunt dwar il-kummerċ u l-impjieg. Il-ħidma ser tkompli għaddejja fil-forma ta' studju dwar is-settur “informali”. Il-Kumitat jirrakkomanda lill-UE li tikkunsidra l-interventi ta' l-ILO fil-livell reġjonali, hija u teżamina l-impatt ta' l-integrazzjoni tal-kummerċ fuq ix-xogħol deċenti u fuq it-tfassil tal-politiki tax-xogħol, tal-protezzjoni soċjali u ta' l-istandards tax-xogħol. Il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni tan-negozjaturi lejn l-importanza li jitwaqqfu indikaturi li huma kompatibbli ma' l-aġenda tax-xogħol deċenti. |
|
6.4 |
Fl-istadju attwali tan-negozjati, il-Kumitat jemmen li tinħtieġ ir-ratifika u l-implimentazzjoni tat-tmien konvenzjonijiet bażiċi (10) (soġġetti għal verifikazzjoni minn grupp ta' ħidma konġunt tad-WTO u l-ILO), u jsejjaħ ukoll għall-kunsiderazzjoni ta' l-erba' konvenzjonijiet prijoritarji l-oħra dwar is-saħħa u s-sigurtà u l-ispezzjonijiet tax-xogħol. Huwa jitlob ir-ratifika ta' l-akbar numru possibbli ta' konvenzjonijiet li huma rilevanti għall-pajjiż kkonċernati, dejjem skond il-prinċipju tad-differenzjazzjoni. |
|
6.5 |
Il-Kumitat jirrakkomanda li n-negozjati dwar il-ftehimiet il-ġodda tal-kummerċ jiġu akkumpanjati mill-introduzzjoni ta' programmi nazzjonali tax-xogħol deċenti. Huwa jħeġġeġ lill-pajjiżi kkonċernati ta' l-ASEAN sabiex jitolbu l-għajnuna ta' l-ILO biex iwettqu dijanjosi tripartitika u biex iħaffu r-rikonoxximent ta' dan il-pjan mill-istituzzjonijiet internazzjonali kollha. Il-Kumitat jixtieq li l-kwistjoni tan-negozjati bilaterali tkun tagħmel parti mill-komunikazzjoni ta' segwitu dwar ix-xogħol deċenti, ippjanata għall-2008. |
|
6.6 |
Il-Kumitat jitlob lill-UE u lill-Istati Membri biex jipprovdu l-għajnuna finanzjarja u d-donazzjonijiet tagħhom fl-istadju li jmiss tal-monitoraġġ tal-ftehimiet sabiex tiġi megħjuna l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali tax-xogħol deċenti. Fir-rapporti annwali tagħha għal kull pajjiż, l-UE għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-eżerċizzju tad-drittijiet tat-trade unions u r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat għall-istandards tax-xogħol ta' l-ILO. |
|
6.7 |
Dwar il-mekkaniżmu ta' monitoraġġ, il-Kumitat jemmen li l-imsieħba soċjali fil-livelli reġjonali u lokali għandhom jitħeġġu jagħtu l-kontribut tagħhom fl-evalwazzjonijiet ta' l-impatt. Huwa jissuġġerixxi li jitwaqqfu strutturi settorjali għall-analiżi dettaljata tad-diffikultajiet speċifiċi li ġejjin minn kull settur. |
7. Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) — u l-infurzar tagħhom
|
7.1 |
Il-Kumitat jilqa' l-enfasi li għamlet il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni fuq it-tisħiħ tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali permezz tal-mezzi msemmija b'mod partikolari billi toffri għajnuna lill-SMEs u operaturi oħrajn li huma involuti f'kummerċ ma' l-ekonomiji l-ġodda. Sabiex l-UE tkun tista' tilħaq l-għan tagħha li tnaqqas il-ksur ta' l-IPR u l-produzzjoni u l-esportazzjoni ta' merkanzija falza, hemm bżonn li tiżviluppa strateġija għall-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u għat-tisħiħ ta' l-attività ta' l-infurzar. L-infurzar huwa importanti ħafna f'dan il-kuntest. Jeħtieġ l-implimentazzjoni tal-ftehim TRIPs mill-imsieħba ta' l-FTA. Hija u tikkonkludi l-ftehimiet, l-UE għandha tikseb l-impenn sħiħ tal-pajjiżi għall-infurzar konkret tal-leġiżlazzjoni eżistenti ta' l-IPR flimkien ma' kontroll suffiċjenti u valutazzjoni tar-riżulati miksuba, aktar milli taħdem għal ftehimiet kompletament ġodda. Il-kapaċità u l-ħila ta' l-UE fil-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp li tant ġie enfasizzat fl-istrateġija ta' Lisbona, huma fatturi importanti għall-kompetittività ta' l-Ewropa f'dinja fejn l-akbar sfida ekonomika kull ma jmur dejjem aktar sa tkun ġejja minn barra l-Ewropa. |
|
7.2 |
Fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, il-Kumitat iħeġġeġ lin-negozjaturi, b'mod partikolari l-Indja, li jiddiskutu l-miżuri għall-ħarsien tal-konsumaturi mir-riskji assoċjati mal-falsifikazzjoni. Is-segwitu tal-ftehim għandu jinkludi kumitat konġunt UE-Indja dwar il-falsifikazzjoni (kif sar maċ-Ċina) (11). |
|
7.3 |
L-Indja hija involuta fil-proċess ta' Heiligerdamm (li tnieda f'Ġunju 2007) bejn il-pajjiżi tal-G8 u l-ħames ekonomiji l-ġodda, sabiex jinħoloq djalogu strutturat dwar il-promozzjoni ta' l-innovazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Ikun utli għan-negozjati bilaterali għalhekk, li s-soċjetà ċivili tikkunsidra l-monitoraġġ ta' dan il-proċess. |
8. Ir-regoli ta' l-oriġini
|
8.1 |
Għandu jingħata permess għall-akkumulazzjoni ta' l-oriġini bejn l-imsieħba li magħhom l-UE daħlet fi Ftehim tal-Kummerċ Ħieles (FTA). Ir-regoli ta' l-oriġini għandhom jiġu armonizzati sabiex jitħaffef il-kummerċ ma' l-imsieħba tagħna fl-FTA. In-nuqqas ta' akkumulazzjoni u differenzi bejn ir-regoli ta' l-oriġini għall-kummerċ multilaterali (“regoli mhux preferenzjali”) u għaż-żoni tal-kummerċ ħieles (“regoli preferenzjali”) jimponu diffikultajiet fuq l-operaturi ekonomiċi meta dawn jiġu biex japprofittaw mit-tariffi aktar baxxi ta' l-FTAs. Illum il-ġurnata, ħafna mill-importaturi Ewropej jippreferu jħallsu d-dazju mhux preferenzjali milli d-dazju irħas ta' l-FTA, sabiex jevitaw il-multi li jistgħu jeħlu talli jkunu aċċettaw ċertifikati ta' l-oriġini dubjużi. F'każijiet bħal dawn, l-FTAs mhumiex qed iservu l-għan tagħhom li jespandu l-kummerċ. |
9. Is-swieq ta' l-akkwist tal-gvern u r-regoli ta' l-investiment u l-kompetizzjoni fil-pajjiżi terzi
|
9.1 |
Il-Kumitat jinsab imħasseb dwar id-DDA u dwar kemm issa huwa ż-żmien opportun li fih jiġu introdotti “l-kwistjonijiet ta' Singapor”. Madanakollu huwa jilqa' l-proposti dettaljati tal-Kummissjoni għall-ftuħ tas-swieq ta' l-akkwist pubbliku (li kull ma jmur aktar qiegħed jissejjaħ l-akkwist tal-gvern) fil-pajjiżi terzi, ir-regoli ta' l-investiment, il-kompetizzjoni u l-għajnuna statali, minħabba r-restrizzjonijiet li japplikaw l-imsieħba kummerċjali prinċipali ta' l-UE. Kif intqal diġà, biex FTA verament ikun jagħmel sens jeħtieġ li jitqies bħala wieħed li jħalli valur miżjud. |
|
9.2 |
Il-Kumitat jinnota li fil-qasam ta' l-akkwist tal-gvern jeżisti grupp ta' ħidma tad-WTO li jippermetti lil dawk il-pajjiżi ta' l-istess fehma li jagħmlu progress konsenswali fil-qasam ta' l-akkwist pubbliku taħt id-WTO. B'hekk ikun qiegħed jitħaffef il-pass mingħajr ma ssir pressjoni fuq il-pajjjiżi biex jikkommettu ruħhom aktar milli jifilħu. Wieħed jista' jagħmel użu minn sistema bħal din għall-ftehimiet bilaterali wkoll. |
|
9.3 |
Kif stqarret il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha L-Ewropa Globali, l-akkwist tal-gvern huwa “qasam ta' potenzjal sinifikanti li għadu mhux sfruttat għall-esportaturi ta' l-UE.” Dan il-qasam huwa importanti ħafna għall-esportaturi ta' l-UE fid-diversi setturi tas-swieq il-ġodda. B'kunsiderazzjoni ta' l-eżempju ta' l-FTA bejn l-UE u ċ-Ċili, il-Kumitat jemmen li l-istandards stabbiliti mill-Ftehim dwar l-Akkwist tal-Gvern (GPA) ta' l-1994 għandhom ikunu l-istandards minimi tal-ftehimiet ukoll. Fejn meħtieġ, l-UE għandha toffri assistenza teknika jew għajnuna oħra għat-tisħiħ tal-kapaċità (capacity building) lill-partijiet ikkonċernati sabiex tgħinhom jikkonformaw mal-ftehim. Nixtiequ niġbdu attenzjoni lejn il-fatt li l-Istati Uniti, fin-negozjati tagħha, wriet biċ-ċar li tixtieq tikseb dan l-għan. Aħna nilqgħu il-garanzija li tat il-Kummissjoni li dan huwa l-għan ta' l-UE wkoll. M'għandna l-ebda illużjoni falza li l-ksib ta' dan l-objettiv ser ikun wieħed faċli, b'mod partikolari fl-Indja fejn il-kompetenza taqa' taħt il-livell statali u mhux federali. |
|
9.4 |
Huwa importanti li jittejbu l-kundizzjonijiet ta' l-investiment fil-pajjiżi terzi sabiex ikun jista' jseħħ it-tkabbir kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi benefiċjarji. Numru kbir, jekk mhux il-maġġoranza ta' l-imsieħba kummerċjali ta' l-UE jżommu livell għoli ta' protezzjoni mill-investiment barrani dirett. Dan jagħmluh permezz ta' sistemi diskriminatorji u regoli ta' awtorizzazzjoni li jinvolvu spejjeż amministrattivi u/jew burokratiċi kbar. Barra minn hekk jeżistu wisq setturi li għalihom jew għal partijiet sostanzjali tagħhom, l-investiment Ewropew m'għandu l-ebda aċċess, b'mod partikolari s-settur tas-servizzi (banek, finanzi, assigurazzjoni, u trasport). L-għan prinċipali ta' dawn in-negozjati ser ikun it-tneħħija tar-restrizzjonijiet li mhumiex neċessarji u l-assigurazzjoni li n-negozjati u l-proċessi stabbiliti jkunu kompletament trasparenti u li l-proċedura ta' awtorizzazzjoni min-naħa ta' imsieħeb fl-FTA tkun ġusta, rapida u effiċjenti. Il-Kumitat jinnota li l-mudell ta' l-FTA li tuża l-Istati Uniti fin-negozjati tagħha jagħmel użu minn approċċ komprensiv li jiġbor fih ukoll il-ħarsien ta' l-investituri. |
|
9.5 |
Aħna nilqgħu x-xewqa ta' l-UE li fin-negozjati ta' l-FTA tinkludi xi dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni. Ħafna drabi l-investiment u l-kummerċ ma jkunux faċli minħabba n-nuqqas ta' sistemi adegwati ta' kompetizzjoni fil-pajjiżi kkonċernati. Dan in-nuqqas ifixkel il-kummerċ globali. L-ostakli fil-flussi ta' l-investiment ħafna drabi huma kkawżati minn distorsjonijiet fis-suq ikkaġunati min-nuqqas ta' kompetizzjoni (jew min-nuqqas gravi ta' implimentazzjoni tar-regoli). Dawn huma l-kwistjonijiet fundamentali ta' gvernanza globali. Kemm il-ftehim ma' l-Afrika t'Isfel kif ukoll il-ftehim maċ-Ċili jipprovdu għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtorità lokali li għandha l-kompetizzjoni f'idejha. Il-Kummissjoni għandha tinkludi dispożizzjonijiet bħal dawn fl-FTAs. Dan ser ikun pass diffiċli (possibbilment bl-eċċezzjoni tal-Korea t'Isfel). |
|
9.6 |
Il-Kumitat jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni enfasizzat mill-ġdid l-istrateġija għall-aċċess għas-suq, flimkien ma' l-impenn tal-konċentrazzjoni tar-riżorsi f'pajjiżi ewlenin u t-twaqqif ta' prijoritajiet ċari fir-rigward tat-tneħħija ta' l-ostakli non-tariffarji u oħrajn kummerċjali f'pajjiżi prijoritarji. |
|
9.7 |
Il-Kumitat jinnota li attwalment għaddejja r-reviżjoni ta' l-istrumenti ta' difiża kummerċjali ta' l-UE. Il-Kumitat jemmen li l-istrumenti ta' difiża kummerċjali ta' l-UE għandhom ikomplu jaqdu rwol protettiv anke fi ħdan il-ftehimiet bilaterali (il-miżuri ta' kontra d-dumping, ta' kontra s-sussidji u ta' salvagward). |
10. Il-faċilitazzjoni tal-kummerċ
|
10.1 |
Ir-raba'“kwistjoni ta' Singapor”, li ssemmiet fil-Komunikazzjoni, għadha tagħmel parti integrali mill-aġenda ta' Doha. L-abbozz tat-test tad-WTO dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ dalwaqt ser jiġi adottat. Permezz ta' dan ser jitwaqqfu standards prinċipali għall-ġestjoni tal-fruntieri u tad-dwana fil-kummerċ dinji u b'hekk ser jitnaqqas ir-riskju ta' interventi għalgħarrieda min-naħa tal-gvern. Ftehim bħal dan għandu jinkludi proċeduri rapidi u semplifikati għall-ħruġ tal-merkanzija mid-dwana, il-proċeduri ta' rikors u l-appell legali, il-pubblikazzjoni tar-regolamenti tal-kummerċ, it-tnaqqis kemm jista' jkun tal-miżati u l-ħlasijiet u fuq kollox it-twaqqif ta' punt ta' referenza uniku (single window) permezz ta' l-użu tat-teknoloġija għall-proċeduri tad-dwana. B'hekk jonqsu x-xogħol doppju, l-ispejjeż u l-ħin involuti b'mod partikolari fil-każijiet fejn id-diversi dipartimenti tal-gvern ikunu qed jitolbu bejn wieħed u ieħor l-istess informazzjoni. Dan għandu importanza partikolari fin-negozjati ma' l-Indja. Skond il-Bank Dinji (12), l-esportazzjoni tal-merkanzija mill-Indja tieħu għaxart ijiem (seba' mill-Brażil) filwaqt li l-importazzjoni mill-Indja tieħu medja ta' 41 ġurnata (kontra l-24 mill-Brażil). Ta' min jinnota wkoll id-differenza vasta li teżisti bejn il-membri ta' l-ASEAN, b'mod partikolari bejn Singapor u t-Tajlandja. Inħeġġu lill-Kummissjoni sabiex tagħmel l-almu kollu tagħha sabiex tikseb ftehim bħal dan anki jekk in-negozjati tad-DDA jeħlu totalment. Ftehim bħal dan għandu jwassal għal standards ogħla u għal proċeduri eħfef, irħas u aktar effiċjenti mal-fruntieri u fid-dwana. |
|
10.2 |
L-ewwel fost dawk li jibbenefikaw minn ftehim bħal dan ikunu l-pajjiżi mingħajr kosta. Proċeduri trasparenti u teknoloġiċi jeliminaw it-telf u d-dewmien involuti waqt li l-merkanzija tkun għaddejja minn pajjiżi terzi fi triqitha lejn jew lil hinn minn port. |
|
10.3 |
In-negozji ż-żgħar huma l-aktar esposti għall-ispejjeż kummerċjali tad-dwana u ħafna drabi ma jkollhomx il-massa kritika neċessarja (f'termini ta' l-ekonomiji ta' l-iskala, l-ammont ta' bejgħ, in-networks ta' distribuzzjoni, il-faċilitajiet ta' trasport, eċċ.) sabiex ikopru spejjeż tad-dwana għoljin ġejjin minn dewmien amministrattiv, il-korruzzjoni u fatturi oħra, b'riżultat li jitilfu swieq potenzjali. L-SMEs ta' l-UE wkoll ser jibbenefikaw minn ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ. Fuq perijodu qasir, l-SMEs jistgħu jiggwadannjaw aktar minn ftehim ambizzjuż dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ milli minn tnaqqis fit-tariffi. |
|
10.4 |
Irrispettivament mill-progress li jsir fin-negozjati ta' Doha, il-Kumitat jemmen li għandu jkun hemm enfasi partikolari fuq in-negozjati ta' l-FTA dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ kif ukoll fuq it-tliet Kwistjonijiet l-oħra ta' Singapor. |
|
10.5 |
Il-Kumitat jinnota s-suċċess tal-programmi ta' Għajnuna Teknika Relatata mal-Kummerċ (TRTA) tal-Kummissjoni, li taw kontribut siewi sabiex dawk il-pajjiżi fit-triq ta' l-iżvilupp jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom li jlaħħqu ma' l-esiġenzi tas-sħubija fid-WTO, l-esiġenzi mitluba minnhom bħala esportaturi tal-merkanzija u s-servizzi lejn l-UE, u bħala benefiċjarji ta' investimenti ta' l-UE. Programmi bħal dawn jistgħu jagħmlu użu mill-għarfien tekniku ta' korpi internazzjonali oħra tan-Nazzjonijiet Uniti (eż. l-UNIDO, il-WIPO u l-ITC) li huma kapaċi jsaħħu l-profil ta' l-UE u jwasslu għal aktar kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet internazzjonali. Dan l-aspett ser jikseb sinifikat akbar meta jiġu biex jinvolvu ruħhom aktar il-membri l-anqas żviluppati ta' l-ASEAN u huwa importanti ħafna għall-progress ta' l-Amerika Latina. |
11. Ir-rwol tas-soċjetà ċivili
|
11.1 |
Il-Kumitat jilqa' l-għan tal-Kummissjoni li tassigura livell akbar ta' monitoraġġ u trasparenza fin-negozjati u li testendi u tiżviluppa l-kollaborazzjoni tagħha mas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi u r-reġjuni tad-dinja li għandhom sehem f'dawn in-negozjati. L-istruttura tal-Kumitat tippermettilu li jaqdi rwol attiv fil-qasam tal-monitoraġġ, filwaqt li l-esperjenza li għandu tippermettilu li jagħraf jidentifika l-imsieħba potenzjali fil-pajjiżi terzi. Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili issaħħaħ ukoll ir-rwol li din taqdi f'pajjiżha stess. |
|
11.2 |
Fil-kuntest tan-negozjati tal-Ftehim tas-Sħubija Ekonomika (EPA) u skond il-Ftehim ta' Cotonou, il-Kumitat għandu l-mandat li jorganizza konsultazzjonijiet u laqgħat mal-gruppi ta' interess ekonomiku u soċjali ta' l-ACP u sa mill-2003, skond it-talba tal-Kummissarju tal-Kummerċ li kien fil-kariga dak iż-żmien (is-Sur Lamy), jitlob minnu wkoll il-monitoraġġ tan-negozjati. Bil-parteċipazzjoni tan-negozjaturi tal-KE, impenn bħal dan irriżulta f'żewġ laqgħat fis-sena tal-Kumitat ta' Segwitu ta' l-ACP-UE, seminars reġjonali darba jew darbtejn fis-sena u konferenzi ġenerali bil-parteċipazzjoni ta' delegati mill-pajjiżi ta' l-ACP kollha fi Brussell. B'riżultat tal-konsultazzjonijiet, l-EPA tal-Karibew jiġbor fih kapitolu soċjali u ambjentali u l-ħolqien ta' Kumitat Konsultattiv tas-soċjetà ċivili responsabbli għall-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni ta' l-EPA u għall-analiżi mill-ġdid ta' l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali kollha tiegħu. |
|
11.3 |
Fir-rigward tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni proposti ma' l-Amerika Ċentrali u r-reġjuni ta' l-Andina, ilu jeżisti djalogu regolari mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata ta' l-Amerika Latina u tal-Karibew sa mill-1999. Il-ħames laqgħa fi ħdan dan id-djalogu mistennija ssir f'April 2008. L-għan ta' dan id-djalogu huwa li jassigura li jingħata l-kontribut tas-soċjetà ċivili fis-summit UE-Amerika Latina li jsir kull sentejn. Il-Kumitat għandu kuntatti estensivi mal-Forum Ekonomiku u Soċjali tal-Mercosur, il-Kunsill Konsultattiv Andin għax-Xogħol, il-Kumitat Konsultattiv Andin għall-Kummerċ, il-Kumitat Konsultattiv tas-soċjetà ċivili għas-Sistema ta' Integrazzjoni ta' l-Amerika Ċentrali. |
|
11.4 |
Il-Kumitat jipparteċipa wkoll fir-round tables ta' l-UE u l-Indja u l-UE u ċ-Ċina fejn jifforma d-delegazzjoni ta' l-UE. Ir-round table ta' l-UE u l-Indja twaqqfet fl-2001 filwaqt li dik ta' l-UE u ċ-Ċina twaqqfet fl-2007. It-tnejn li huma jiltaqgħu regolarment u x-xogħol tagħhom ġie rikonoxxut fis-summits annwali. Fil-livell tas-soċjetà ċivili, il-Kumitat għandu kuntatt mal-Kumitat Ekonomiċi u Soċjali tal-Korea t'Isfel u tat-Tajlandja permezz ta' l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u Istituzzjonijiet Simili (IAESCSI). |
|
11.5 |
Il-Kumitat lest li jipprovdi l-għajnuna tiegħu sabiex jiġu organizzati laqgħat konsultattivi tas-soċjetà ċivili fuq livell reġjonali, dwar in-negozjati tal-kummerċ. F'dan ir-rwol, huwa jista' juża' d-diversi kuntatti reġjonali li għandu u l-esperjenza li kiseb matul il-monitarġġ tan-negozjati ta' l-EPA. Il-KESE jipproponi li jorganizza workshops jew laqgħat regolari oħra sabiex permezz tagħhom jiġu kkonsultati l-gruppi ta' interess ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi u r-reġjuni kkonċernati anki permezz ta' round tables. F'dawn il-laqgħat jiġu mistiedna n-negozjaturi ta' l-UE (u l-kontrapartijiet tagħhom) sabiex jirrappurtaw dwar l-istat tan-negozjati u sabiex jirċievu feedback mingħand ir-rappreżentati tas-soċjetà ċivili kemm mill-Ewropa u kemm minn pajjiżi terzi. Il-Kumitat jista' jkompli jibni fuq l-attivitajiet tal-KE billi jiffaċilita l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti Ewropej u tal-pajjiżi terzi fil-proċess ta' l-Istimi ta' l-Impatt tas-Sostenibbiltà u billi jipprovdu aċċess elettroniku dirett lill-kuntatti tas-soċjetà ċivili kollha tiegħu fil-pajjiżi u r-reġjuni kkonċernati. |
|
11.6 |
Il-Kumitat jeħtieġ li joqgħod attent għall-korpi u l-proċeduri li jintużaw għall-monitoraġġ ta' kwistjonijiet sensittivi dwar l-iżvilupp sostenibbli. Huwa jħoss li d-djalogu bilaterali għandu jinbena fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-mekkaniżmi li nħolqu skond is-27 konvenzjoni li ssemmew f'punt 5.8. Id-djalogu bilaterali jrid jinbena wkoll fuq l-osservazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll fuq analiżi ta' l-informazzjoni u l-valutazzjonijiet non-finanzjarji speċifiċi għal kull pajjjiż li pprovda l-Bank Dinji jew li pprovdew aġenziji oħra tar-rating. Is-soċjetà ċivili għandha twettaq stima preliminarja tad-diversi mekkaniżmi ta' segwitu kkonċernati. |
|
11.7 |
Speċifikament għall-Korea, il-Kumitat jissuġġerixxi li jintużaw ir-rapporti ta' l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), b'mod partikolari għall-moratorju ffirmat ma' l-imsieħba soċjali sa l-2010. |
|
11.8 |
Min-naħa tagħhom, il-kumpaniji, bħala inizjattiva ta' żvilupp sostenibbli, jistgħu, fuq bażi volontarja, jużaw ir-responsabbiltà soċjali korporattiva biex jgħinu l-implimentazzjoni ta' l-impenji soċjali u ambjentali li jagħmlu parti mil-ftehimiet il-ġodda tal-kummerċ. Approċċ bħal dan huwa bbażat fuq madwar ħamsin ftehim ta' qafas internazzjonali li saru ma' kumpaniji prinċipali, ħafna minnhom Ewropej. Dawn il-kumpaniji qegħdin jippromovu x-xogħol deċenti permezz ta' l-eżempju ta' djalogu soċjali li qed ixerrdu permezz tas-sussidjarji tagħhom fil-pajjiżi msieħba. Permezz t'hekk qegħdin jiġbdu lejhom ukoll il-ħaddiema lokali u mħarrġa. Meta l-kumpaniji multinazzjonali, jew is-sussidjarji tagħhom f'settur partikolari, jidħlu għal impenji ta' responsabbiltà soċjali korporattiva huma jkunu qed iħeġġu wkoll lil dawk li jagħmlu parti mill-katina sħiħa ta' valur (il-fornituri u s-sottokuntratturi), b'mod partikolari fl-ekonomiji l-ġodda bħaċ-Ċina. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-kwistjoni tat-tikkettar soċjali u ambjentali ssir parti mill-aġenda tal-kumitat tal-monitoraġġ tal-ftehim tal-kummerċ sabiex il-konsumaturi jingħataw informazzjoni ta' l-ogħla kwalità u sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti tat-traċċabilità. |
Brussell, it-22 ta' April 2008.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) Fl-opinjoni intitolata L-isfidi u l-opportunitajiet għall-UE fil-kuntest tal-globalizzazzjoni, Rapporteur: Henry Malosse, (REX/228 CESE 136/2007 fin), Mejju 2007.
(2) Patrick Messerlin: “Assessing the EC Trade Policy in Goods, European Centre for International Political Economy, 2007” (Jan Tumlir Policy Essay Nr. 01, 2007).
(3) CBI Briefing Paper, Marzu 2007.
(4) WTO Market access: Unfinished Business — Post Uruguay round Inventory, 2003.
(5) Ara REX/182 — Id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni.
(6) Opinjoni dwar L-isfidi u l-opportunitajiet għall-UE fil-kuntest tal-globalizzazzjoni, rapporteur: Is-Sur Malosse, 31 ta' Mejju 2007.
(7) Ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, Evelyne Pichenot, Diċembru 2006.
(8) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2007, valutazzjoni u sommarju dwar l-Istrateġija ta' Lisbona.
(9) Opinjoni dwar Id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni, rapporteurs: Is-Sur Etty u s-Sinjura Hornung-Draus.
(10) Tabella dwar il-progress tar-ratifiki fl-Asja fl-appendiċi.
(11) Irreferi wkoll għall-Opinjoni intitolata “Id-diveri miżuri politiċi, li jmorru lil hinn minn finanzjament adegwat, għall-iżvilupp ta' l-SMEs”. Rapporteur: Is-Sur Cappellini.
(12) Il-Bank Dinji, Doing Business 2007; Settembru 2006.