9.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 204/113


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-riforma fil-baġit ta' l-UE u l-finanzjament tiegħu fil-futur

(2008/C 204/23)

Nhar il-25 ta' Settembru 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-artikolu 29(2) tar-Regolament intern li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

Ir-riforma fil-baġit ta' l-UE u l-finanzjament tiegħu fil-futur (opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja, Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett ifformulat l-opinjoni tagħha nhar il-20 ta' Frar 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Florio.

Matul l-443 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-12 u t 13 ta' Marzu 2008 (seduta tat-12 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'113-il vot favur, 18-il vot kontra u 15-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fid-dawl tal-bidliet radikali li seħħu matul dawn l-aħħar deċenni, l-Unjoni Ewropea qed terġa' tniedi aġenda politika li fost il-prijoritajiet politiċi għandha l-bidla fil-klima, l-enerġija, u l-immigrazzjoni: problemi ġodda li għandhom bżonn risposta ta' malajr. Għalhekk il-KESE iqis li għandu jipparteċipa fid-diskussjoni miftuħa mill-Kummissjoni dwar il-politiki tal-baġit, li huwa l-istrument fundamentali sabiex jiġu affrontati dawn l-isfidi.

1.2

Ir-reviżjoni tal-baġit ta' l-Unjoni Ewropeja trid tiġi kkontestwalizzata fil-perijodu delikat tat-traspożizzjoni tat-Trattat ta' Lisbona u marbuta direttament mad-dibattitu dwar il-politiki ta' koeżjoni, ir-riċerka u l-“istat tas-saħħa” tal-PAK. Fi żmien qasir ser isiru l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u ser titwaqqaf Kummissjoni ġdida. Għal din ir-raġuni il-KESE jenfasizza d-diffikultà li jsir dibattitu tant importanti fi żmien ta' bidla f'żewġ istituzzjonijiet importanti. Barra minn hekk, il-KESE jawgura li l-gvernijiet tas-27 pajjiż ta' l-Unjoni jkunu disposti li jiffaċċjaw għażliet strateġiċi mingħajr reżistenza. Jistieden lill-Kummissjoni ukoll sabiex tiċċara b'liema mezzi beħsieba tkompli l-konsultazzjoni.

1.3

It-tfassil tal-politiki tal-baġit ma jistax isir mingħajr l-għażla fundamentali bejn il-federaliżmu jew is-sistema intergovernattiva. Huwa ċar li l-grad ta' progress fl-integrazzjoni Ewropea jitkejjel ukoll fuq il-bażi ta' kif jiġi ffinanzjat il-baġit.

1.4

Qabel ma ssir analiżi dwar liema riżorsi eknomiċi huma meħtieġa u kif ser jinġabru, ser ikun hemm bżonn li tiġi vvalutata l-attwalità tal-politiki Komunitarji, b'mod partikolari dawk li għandhom storja twila u li, anke jekk taw riżultati pożittivi għall-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku, għandhom jiġu adattati u msaħħa sabiex jirrispondu għall-isfidi l-ġodda. B'mod kuraġġuż trid terġa' ssir analiżi approfondita dwar il-fondi strutturali, il-fondi ta' koeżjoni, il-politiki reġjonali eċċ... sabiex jiġi studjat b'mod partikolari, l-impatt u l-effettività tagħhom fil-pajjiżi l-ġodda li ngħaqdu, fid-dawl tar-“Raba' Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali” (COM(2007) 273 finali), li dwaru l-KESE fassal opinjoni reċentement (1).

1.5

Ir-reviżjoni trid tiġi ispirata mill-prinċipji li fuqhom tibbaża l-integrazzjoni Ewropea li tibda mill-idea ta' żvilupp sostenibbli: is-solidarjetà, il-proporzjonalità, il-paċi, il-prosperità, il-libertà, is-sikurezza, il-ġid kollettiv u mifrux, l-ekwità u r-ridistribuzzjoni. Il-qafas ta' riferiment ta' kull proposta dwar il-prospetti finanzjari tal-futur irid ikun risposta effettiva għar-riskji gravi marbuta mal-bidliet fil-klima. Fl-istess waqt, għandu jsir sforz kbir fid-direzzjoni ta' aktar informazzjoni dwar it-trasparenza u ċ-ċarezza fil-mezzi li bihom jinġabru u jintefqu l-kontribuzzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej, dan huwa indispensabbli anke sabiex tingħata risposta lill-Ewroxettiċiżmu.

1.6

Hemm bżonn li ssir analiżi dwar il-possibbiltà li jiġu ssuperati b'mod definittiv it-tnaqqis, il-prerogattivi u d-derogi li jikkaratterizzaw il-baġit attwali: ir-reviżjoni trid tagħmel pass 'il quddiem importanti fejn jidħlu dawn id-dispożizzjonijiet li m'humiex koerenti ma' l-ispirtu ta' solidarjetà ta' l-integrazzjoni Ewropea.

1.7

Il-KESE iqis li l-iffinanzjar tal-baġit Komunitarju jrid jiġi vvalutat mill-ġdid fid-dawl ta' l-artikolu 269 tat-Trattat (2) B'kunsiderazzjoni ta' l-għażliet varji ta' riforma, il-Kumitat jenfasizza li kwalunkwe soluzzjoni li tingħażel trid tiġi attwata b'mod gradwali. Hemm bżonn li ssir tfittxija għal kunsens wiesa' mal-parlamenti nazzjonali u l-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali, fuq kollox irid jiġi pprivileġġjat il-prinċipju tal-kapaċità fiskali ta' kull Stat Membru, filwaqt li jitqies ukoll il-volum li kiber ta' l-objettivi ta' l-ispiża. Dwar dan, il-KESE jisħaq fuq il-pożizzjoni li diġà ħa fl-opinjoni preċedenti “Sfidi u mezzi finanzjarji ta' l-Unjoni wara t-tkabbir 2007-2013” (3).

1.8

Fid-dawl tal-fenomenu tar-rinazzjonalizzazzjoni mifruxa tal-politiki, il-fażi ta' l-implimentazzjoni tal-baġit issir aktar delikata fejn tidħol ir-relazzjoni bejn l-istituzzjonijiet komunitarji u ċ-ċittadini kif ukoll il-perċezzjoni li dawn għandhom ta' l-azzjoni Komunitarja. Responsabbiltà aktar maqsuma bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-baġit huwa element importanti anke fil-parteċipazzjoni tal-parteċipanti ekonomiċi u soċjali kollha (kif stabbilit mill-Artikolu l-ġdid 274 tat-Trattat ta' Lisbona). Il-KESE jqis li l-istrateġiji fit-tul iridu jseħħu b'kontinwità finanzjarja, filwaqt li jista' jirriżulta li jkun hemm bżonn ta' ċertu flessibbiltà fil-każ ta' reazzjoni mgħaġġla jew ċirkustanzi li jkunu nbiddlu.

1.9

Jidher li l-prinċipju tal-parteċipazzjoni u l-kontribuzzjoni li huwa fil-bażi tas-sistemi fiskali ta' ħafna pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, ibbażat fuq l-ekwità u r-ridistribuzzjoni, huwa dak li l-aktar li wera effikaċja u effiċjenza.

1.10

Is-suġġetti kollha interessati, f'kull livell, mill-gvernijiet nazzjonali saċ-ċittadini individwalment, huma responsabbli mill-fondi Komunitarji u benefiċċjarji tagħhom.

1.11

Sabiex wieħed ikun jista' jadatta aħjar il-politiki l-ġodda u dawk qodma għall-isfidi internazzjonali u għalhekk ikun jista' jeżamina aħjar il-volum ta' riżorsi meħtieġa, hemm bżonn li tissaħħaħ is-sistema kollha ta' valutazzjoni ex ante ed ex post. Hemm bżonn li tiġi żgurata l-indipendenza u t-trasparenza tal-korp li jivvaluta.

1.12

Fil-valutazzjoni hemm bżonn li titqies l-effettività u l-interazzjoni tas-sistemi differenti ta' nefqa pubblika: Komunitarja, nazzjonali u reġjonali u barra minn hekk tal-possibbiltà li, fil-proċess, jinteraġixxu aktar interlokuturi (Bank Ewropew għall-investimenti, sħubijiet pubbliċi-privati, eċċ.).

1.13

Hemm bżonn li tiġi ggarantita l-koerenza bl-istrumenti tal-politika macro-ekonomika: per eżempju, il-patt ta' stabbiltà u tkabbir jipprovdi kriterji iebsin dwar l-istabbiltà, iżda ma jgħid kważi xejn dwar it-tkabbir u għalhekk l-investimenti pubbliċi. Barra minn hekk hemm bżonn li titjieb il-koordinazzjoni tal-politiki tal-baġit nazzjonali.

1.14

Tul dawn l-aħħar snin seħħew fenomeni ġodda ekonomiċi u finanzjarji fuq livell globali: il-kompetizzjoni bejn is-swieq u r-riskju għall-impjiegi fl-Unjoni Ewropea huma akbar. Fondi bħal dak ta' adattament għall-globalizzazzjoni huma eżempju ta' strumenti meħtieġa iżda mhux suffiċjenti biex jiġu affrontati dan it-tip ta' fenomenu.

2.   Sfond

2.1

Bil-Komunikazzjoni SEC(2007) 1188 finali, il-Kummissjoni Ewropea nidiet konsultazzjoni pubblika tal-partijiet kollha interessati fid-dawl tar-reviżjoni tal-baġit 2008-2009. Fuq il-bażi tar-riżultati ta' din l-ewwel konsultazzjoni, li ser tikkonkludi fil-15 ta' April 2008, il-Kummissjoni ser tippreżenta, probabbilment lejn l-aħħar ta' l-2008 jew fil-bidu ta' l-2009, test (għadu mhux ċar jekk hux ser ikun white paper) li ser jippreżenta l-proposta biex tivvaluta, tirrevedi u tbiddel is-sistema tar-riżorsi ta' l-UE u l-iffinanzjar u n-nefqa ta' l-attivitajiet Komunitarji.

2.2

Wara l-iskadenza tal-konsultazzjoni, prevista fil-15 ta' April 2008, il-konklużjonijiet ser ikunu ppreżentati mill-Kummissjoni waqt konferenza (27 ta' Mejju 2008). Għall-aħħar ta' l-2008, il-bidu ta' l-2009, il-Kummissjoni ser tippreżenta dokument ġdid ta' reviżjoni, filwaqt li l-proposta konkreta ser tiġi ppreżentata fit-tielet u l-aħħar fażi (2010-2011).

2.3

Il-KESE għandu r-responsabbiltà u l-opportunità li jagħti r-risposta tiegħu għall-mistoqsijiet mressqa mill-konsultazzjoni tal-Kummissjoni, kif ukoll li jesprimi lilu nnifsu dwar il-proposti konkreti li interlokuturi oħra istituzzjonali resqu għar-riforma tas-sistema baġitarja ta' l-UE.

2.4

Il-ħtieġa ta' riforma serja tal-baġit Ewropew hija fundamentali u ta' importanza primarja mhux biss biex jiġi żgurat tħaddim li jkun ekwu u trasparenti ta' l-Unjoni, u tal-politiki tagħha, iżda wkoll sabiex tiġi megħluba l-kriżi istituzzjonali li dehret reċentement u jiġi sfruttat bl-aħjar mod ir-riżultat li nkiseb bit-Trattat ta' Lisbona.

3.   L-istorja tal-baġit ta' l-UE fil-qosor

3.1

Il-baġit ta' l-Unjoni Ewropea għandu jitqies bħala strument fundamentali biex jintlaħqu l-objettivi politiki ta' l-Unjoni. Minkejja l-fatt li f'termini assoluti l-piż tiegħu huwa impressjonanti, f'termini perċentwali l-baġit ta' l-UE huwa modest u f'dawn l-aħħar snin, minkejja t-tkabbir għal 27 pajjiż, naqas b'mod kostanti (4)

3.2

Xi politiki ta' l-Unjoni Ewropea, bħal per eżempju l-politika ta' koeżjoni, għandhom bżonn ta' sostenn finanzjarju sabiex jitwettqu filwaqt li politiki oħra, bħall-politika tal-konkorrenza, jużaw strumenti differenti sabiex jilħqu l-iskopijiet tagħhom. Għalhekk, l-iffinanzjar u t-tħaddim tal-baġit irid isir b'mod li jippermetti li jintlaħqu l-objettivi tal-politiki li għandhom il-bażi fundamentali tagħhom proprju fil-baġit.

3.3

Sa mill-bidu tiegħu, il-baġit ta' l-UE ġie mibdul u trasformat b'mod li segwa l-passi ta' l-integrazzjoni Ewropea, is-suq uniku, t-tkabbir u, b'mod partikolari, it-twessigħ tal-firxa tal-politiki ta' l-Unjoni Ewropea. Parti importanti tal-baġit ġiet tradizzjonalment ddedikata lil numru relattivament limitat ta' politiki, iżda l-objettivi politiċi segwiti, ukoll inbiddlu u evolvew u dan jiġġustifika r-reviżjoni tal-baġit.

3.4

Il-Komunità Ewropea tal-faħam u ta' l-azzar (KEFA), mwaqqfa fl-1952, ġiet iffinanzjata minn sistema ta' riżorsi proprji li ġew minn kwota fissa fuq kull tunnellata ta' azzar prodott, li l-intrapriżi tal-faħam u l-azzar kienu jħallsu direttament fil-kaxxa tal-Komunità. Fuq il-bażi tal-prinċipju tas-solidarjetà u biex tiġi ggarantita l-indipendenza minn pretensjonijiet nazzjonali, it-Tratta KE saħaq li “Salv kull dħul ieħor, l-estimi għandhom ikunu ffinanzjati kompletament minn riżorsi proprji” (artikolu 269).

3.5

Sistema ġenwina ta' finanzjar permezz tar-riżorsi proprji, li jiġu definiti bħala dħul li jingħata b'mod definittiv lill-Komunità sabiex tiffinanzja l-baġit u li huwa tagħha bi dritt mingħajr bżonn ta' xi deċiżjoni oħra ta' l-Istati Membri, daħlet fis-seħħ bid-deċiżjoni tal-21 ta' April 1970 tal-Kunsill Ewropew ta' Lussemburgu. Sal-lum, il-qafas finanzjarju huwa magħmul minn riżorsi proprji magħmula minn drittijiet agrikoli u dazji tad-dwana li jinġabru fuq l-importazzjonijiet mill-fruntieri esterni, ir-rata miġbura fuq il-bażi taxxabbli armonizzata fuq il-valur miżjud (VAT) u rata oħra fuq id-dħul gross nazzjonali (DGN), li tinġabar jekk u meta l-ewwel tliet riżorsi ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-impenji finanzjarji li tieħu l-Komunità.

3.6

Il-kalkolu tar-riżorsa tar-rata fuq il-VAT, bbażat fuq perċentwali medju kkalkulat fuq it-total nett tad-dħul (l-hekk imsejjah “metodu tad-dħul”) ittrasforma r-riżorsa tal-VAT minn riżorsa “proprja” għal strument statistiku li jistabbilixxi l-kontribut ta' kull Stat Membru u b'hekk tbiegħed mill-ispirtu li bih iddaħħal.

3.7

Matul is-snin is-sorsi tar-riżorsi proprji għaddew min rivoluzzjoni kbira. Skond l-istess informazzjoni tal-Kummissjoni fid-dokument ta' konsultazzjoni (5), jekk fl-1988 ir-riżors bbażat fuq id-dħul gross nazzjonali kien jirrappreżenta perċentwali ta' inqas minn 11 %, meta mqabbla mat-28 % li nġabru mid-dazji tad-dwana u d-drittijiet agrikoli u s-57 % li jiġu mill-VAT, fl-2013 huwa previst li r-riżors mid-dħul gross nazzjonali jilħaq l-74 % tad-dħul tal-baġit, filwaqt li d-dazji tad-dwana u d-drittijiet agrikoli ser jilħqu t-13 % u r-riżors bbażat fuq it-taxxa tal-VAT 12 %.

3.8

Dan ifisser li l-maġġoranza tar-riżorsi li jiġu attribwiti lill-Unjoni Ewropea diġà joriġinaw u iktar ser ikomplu joriġinaw fil-futur qrib, mill-baġits ta' l-Istati Membri individwali fejn xi drabi jidhru bħala “entrata ta' spiża”. Biżżejjed li wieħed jaħseb li fl-2013 ir-riżorsi proprji bħala tali ser jonqsu għal 12 %, u b'hekk l-iffinanzjar tal-baġit ser ikun ikkaratterizzat minn distakk komplut kemm mill-ittra kif ukoll mill-ispirtu tat-Trattat.

3.9

Anke l-istruttura ta' l-ispiża tal-baġit, barra mis-sorsi ta' l-iffinanzjar tiegħu, inbidlet b'mod notevoli tul iż-żmien. Il-ħlasijiet iddestinati għall-politika agrikola komuni (PAK), per eżempju, laħqet quċċata ta' 70.8 % fl-1985 u fl-1988 u mbagħad waqfu fil-livell ta' 60 % ta' l-ispiża totali; fl-2013 l-ispejjeż għall-PAK ser ikunu mnaqqsa kważi bin-nofs sabiex jilħqu t-32 %. Il-politika tal-koeżjoni, min-naħa l-oħra, rat xejra opposta, jekk fl-1965 il-kwota ta' l-ispiża li setgħet tiġi attribwita kienet biss ta' 6 %, fl-1985 din telgħet għal 10.8 % u fl-1988 17.2 %, fl-2013 ser jirrappreżenta 35.7 % tal-baġit ta' l-UE. Fir-reviżjoni prevista tal-PAK hemm bżonn li wieħed iqis mhux biss l-appoġġ għall-agrikoltura, iżda wkoll il-benefiċċji speċjalment, f'termini ta' kwalità u kontroll, li din assigurat liċ-ċittadini ta' l-Unjoni.

3.10

B'mod partikolari, mit-Trattat ta' Maastricht 'il quddiem, wieħed jinnota problema ta' koerenza: ġew attribwiti lill-Unjoni Ewropea kompetenzi ġodda u bil-mod il-mod ġew iddikjarati objettivi ġodda (per eżempju, riċentement, l-impenn dwar il-kwistjonijiet ambjentali), iżda dan ma kellux konsegwenzi fuq id-daqs tal-baġit ta' l-UE, li fundamentalment baqa' l-istess.

3.11

Jeżistu serje ta' strumenti fosthom, per eżempju, “il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni” li ddaħħal reċentement li ma jidħlux fil-baġit: dawn m'humiex koperti finanzjarjament b'xi mod speċifiku, iżda t-tħaddim tagħhom u l-użu sussegwenti tagħhom jiddependi mill-bilanċ pożittiv tal-punti l-oħra ta' spiża u fondi oħra Komunitarji li jinħelsu. Dan il-mekkaniżmu, fil-prattika, jagħti importanza minuri lil dawn l-istrumenti u finanzjament u tħaddim li fil-fatti huma residwi.

3.12

Elementi oħra, bħad-dħul ta' l-hekk imsejħa “eċċezzjoni Brittannika” fl-1985, li mbagħad ġiet estiża għal Stati Membri oħra ukoll u d-derogi numerużi u l-iskwilibriji li jwasslu għall-inkomprensibbiltà u n-nuqqas ta' trasparenza tal-baġit, jikkontribwixxu sabiex ir-reviżjoni tiegħu u tal-mod ta' kif jitħaddem u jiġi ffinanzjat issir aktar urġenti u ta' ħtieġa assoluta.

4.   Ħtieġa ta' reviżjoni tal-baġit għal Unjoni Ewropea lesta għall-isfidi futuri

4.1

Il-KESE jqis li l-presupposti ta' baġit ta' realtà li hi unika fid-dinja bħall-Unjoni Ewropea jridu jikkorrispondu mal-prinċipji fundamentali ta' l-integrazzjoni Ewropea li jispiraw it-Trattati, speċjalment dawk tat-twaqqif. L-objettivi ta' paċi, prosperità, libertà, sikurezza, ġid kollettiv u mifrux, ekwità u ridistribuzzjoni jridu jkunu l-punt ta' riferiment prinċipali fil-mument li jridu jittieħdu d-deċiżjonjiet. Il-konsiderazzjoni ta' sfidi bħall-bidla fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali u s-sostenibbiltà għandhom jiġu inklużi wkoll bħala prinċipji ta' gwida importanti għall-infiq kollu fil-baġit tal-ġejjieni.

4.2

Is-soluzzjonijiet li ser jiġu adottati jridu jkunu fit-triq tat-trasparenza u ċ-ċarezza tal-qafas komplut li jkun ser jirregola l-baġit u b'hekk jikkontribwixxu ħalli joħolqu rabta aktar diretta bejn iċ-ċittadini Ewropej u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni.

4.3

Ir-reviżjoni tal-baġit trid tiggarantixxi li l-prinċipju ta' l-ekwità bejn l-Istati Membri differenti jkun rispettat, u dan jissupera kull deroga, konċessjoni u prerogattiva. L-iffinanzjar tal-baġit min-naħa ta' kull Stat Membru trid tqis il-livell ġenerali ta' prosperità u żżomm ukoll mal-prinċipji tas-solidarjetà.

4.4

Ir-reviżjoni tal-baġit trid toffri miżuri speċjali biex l-Istati Membri individwali li jgawdu mid-derogi, privileġġi u eċċezzjonijiet joħorġu minn din is-sistema ħalli jiġi segwit il-prinċipju tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni u ta' l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha Ewropej.

5.   Għal superament tas-sistema ta' finanzjament attwali

5.1

Id-dokument ta' konsultazzjoni propost mill-Kummissjoni Ewropea jrid isir l-okkażjoni sabiex tibda diskussjoni serja fost is-suġġetti kollha, istituzzjonali, politiċi u soċjali ħalli jiġu ssuperati l-kuntradizzjonijiet li jikkaratterizzaw il-baġit Ewropew u fuq kollox l-iffinanzjar tiegħu.

5.2

Il-KESE jenfasizza li, minħabba fin-natura delikata tas-suġġett, hemm bżonn li waqt il-proċess li ser jimplimenta l-bidliet deċiżi, jitfittex kunsens wiesa' fost il-partijiet kollha interessati, mill-parlamentari nazzjonali għall-partijiet soċjali u s-soċjetà ċivili, u għandu jkun hemm sforz sabiex l-affarijiet isiru b'mod gradwali ħalli jiġi żgurat kunsens mifrux għall-proġett ta' riforma bil-ħsieb li jiġu evitati trattamenti li jiffavorixxu xi Stat Membru fuq ieħor.

5.3

Fuq il-bażi tat-Trattat il-ġdid ta' Lisbona, il-KESE iqis li r-reviżjoni tal-baġit trid twassal għal sistema ta' finanzjar tal-baġit permezz ta' forom ġodda ta' riżorsi proprji. L-ewwel nett iridu jiġu riżolti żewġ inkongruwenzi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni attwali: il-fatt li 70 % tar-riżorsi jiġu mid-dħul nazzjonali gross li, ta' l-anqas formalment, għandu karattru residwu u li perċentwali ta' madwar 8 5 % tat-total jiġi minn riżorsi li, fil-fatt, m'humiex “proprji” u għalhekk assenjati direttament lill-Unjoni.

5.4

Għalhekk wieħed jittama li jkun hemm ritorn għall-ittra u l-ispirtu ta' l-Artikolu 269 tat-Trattat, li jistabbilixxi b'mod inekwivokabbli l-primat tar-riżorsi proprji fl-iffinanzjar tal-baġit. Jidhrilna li huwa interessanti d-dibattitu miftuħ mir-rapport Lamassoure tal-Parlament Ewropew (6) fejn, fost l-aspetti l-oħra, jiġu mfakkra, per eżempju l-ideat dwar ir-reviżjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji:

VAT

dazju tas-sisa fuq karburanti għat-trasport u taxxi oħra fuq l-enerġija;

dazju tas-sisa fuq it-tabakk u l-alkoħol;

taxxi fuq il-qligħ ta' l-intrapriża.

5.5

Iċ-ċittadini Ewropej għandhom igawdu iktar informazzjoni ta' kwalità aħjar, trasparenza u effiċjenza tas-sistema. Barra min hekk iridu jkunu f'sitwazzjoni li jkunu jistgħu jivverifikaw u jivvalutaw id-destinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet li jagħmlu lill-UE għall-iffinanzjar tagħha u tal-politiki tagħha, sabiex jipparteċipaw bl-aktar mod infurmat possibbli. Dan il-metodu huwa fundamentali għal kull gvern demokratiku.

5.6

Huwa ċar li l-grad ta' progress fl-integrazzjoni Ewropea jitkejjel ukoll fuq il-bażi ta' kif jiġi ffinanzjat il-baġit. F'sistema li hi aktar federali, taxxa Ewropea tkun aktar ġusta u trasparenti. Madankollu huwa żbaljat li wieħed jimmaġina li fis-sitwazzjoni attwali l-ekonomisti Ewropej ma jirnexxilhomx isibu soluzzjoni u dan juri nuqqas ta' rieda politika.

6.   Il-politiki u r-rwol ta' l-Unjoni Ewropea

6.1

Il-Kummissjoni Ewropea, fil-komunikazzjoni SEC(2007) 1188 finali, telenka serje ta' fatturi (7) li jaffettwaw b'mod dirett jew indirett l-għażliet strateġiċi u l-aġenda politika ta' l-Unjoni. Dawn il-fatturi ivarjaw mix-xjuħija tal-popolazzjoni għall-progress xjentifiku u teknoloġiku, mill-kompetittività tas-swieq globali għall-bidliet klimatiċi, mis-solidarjetà bħala impenn ta' l-Ewropa għall-politiki fil-qasam ta' l-iżvilupp rurali.

6.2

Peress li l-baġit huwa wieħed mill-istrumenti essenzjali sabiex jintlaħqu l-objettivi li huma fil-bażi tal-progress ta' l-UE, ir-reviżjoni tiegħu trid issir fid-dawl ta' diskussjoni wiesgħa u profonda dwar ir-rwol u l-iskopijiet ta' l-Unjoni tas-27.

6.3

Għalhekk, il-KESE jqis li f'din il-fażi tal-konsultazzjoni hemm bżonn, li jinbena kunsens madwar il-politiki, li huma kkunsidrati ta' importanza fundamentali għall-futur Ewropew, ġewwa u barra l-istituzzjonijiet. Imbagħad hemm bżonn li jiġi deċiż kif l-Unjoni Ewropea tkun saħħet ir-rwol tagħha u l-firxa ta' l-intervent tagħha f'dawk is-setturi. Dan għandu jseħħ iktar u iktar fid-dawl tat-Trattat il-ġdid.

6.4

Fid-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-politiki li għandhom ikunu fiċ-ċentru ta' l-azzjoni ta' l-Unjoni fis-snin li ġejjin, hemm bżonn li ssir analiżi bir-reqqa ta' l-inkonsistenzi u d-dewmien li kien hemm fil-passat, fuq kollox fis-sistema ta' l-iffinanzjar, b'tali mod li tiġi evitata ripetizzjoni ta' l-istess żbalji.

6.5

Mill-firxa ta' interventi u ta' politiki aktar speċifiċi deskritti mill-Kummissjoni fid-dokument ta' konsultazzjoni bħala sfidi tal-futur, hemm bżonn li l-miżuri favur il-koeżjoni ekonomika u soċjali jingħataw importanza partikolari anki f'termini ekonomiċi. B'mod partikolari wara t-twessigħ reċenti ta' l-Unjoni, id-disparitajiet kibru u r-reviżjoni tal-baġit trid tkun ukoll l-okkażjoni sabiex ikompli jiġi promoss l-iżvilupp tar-reġjuni inqas avvanzati, għar-raġuni ovvja li l-progress ekonomiku u soċjali anke tar-reġjuni inqas sinjuri ta' l-Unjoni għandu effetti pożittivi fuq l-Istati Membri kollha u l-ekonomiji tagħhom.

6.6

Barra minn hekk, is-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali, jridu jkunu, kif diġà ġie mfakkar, valuri li jibqgħu jispiraw l-azzjonijiet ta' l-UE. Quddiem l-isfidi bħal, per eżempju, l-immigrazzjoni, l-UE trid tkun taf tipproġetta r-rwol tagħha u l-mudell soċjali tagħha barra mill-fruntieri tagħha wkoll, permezz ta' strumenti, anke finanzjarji, li jkollhom l-iskop li jneħħu l-kawżi ta' l-immigrazzjoni fil-pajjiżi ta' l-oriġini.

6.7

L-indirizzar ta' l-isfida tal-bidla fil-klima qiegħed isir prijorità dejjem iktar importanti għall-Ewropa u għandu jiġi rifless fil-prijoritajiet fl-infiq fil-ġejjieni. Jenħtieġ li jiġu allokati fondi addizzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji fl-avangwardja fil-qasam ta' l-enerġija u t-trasport li jiġu żviluppati metodi għall-ġbir u l-ħażna tal-karbonju. Fondi ewlenin għandhom jiġu allokati wkoll għal miżuri ta' appoġġ ta' adattament u mitigazzjoni fil-pajjiżi l-inqas żviluppati u li jiġu appoġġjati investimenti fl-użu baxx tal-karbonju fl-ekonomiji emerġenti.

7.   Tqarrib taċ-ċittadini Ewropej lejn il-politiki tal-baġit

7.1

L-istruttura stess tal-baġit, li għandha bżonn ta' riforma indispensabbli, kkontribwixxiet għall-kriżi istituzzjonali ta' l-Unjoni Ewropea: id-dibattitu, li ma għandux viżjoni twila, dwar ir-riżorsi proprji li seħħ dawn l-aħħar snin, jkompli jagħti xejra negattiva lill-Unjoni fis-sitwazzjoni attwali. Il-kumplessità, in-nuqqas ta' ċarezza u l-eżistenza ta' derogi u eċċezzjonijiet huma kollha elementi li jitbiegħdu mill-prinċipji ta' l-integrazzjoni Ewropea u jkomplu jżommu l-Ewroxettiċiżmu ħaj.

7.2

Anke quddiem id-diffikultajiet tal-proċess lejn it-Tratta kostituzzjonali (u sussegwentement it-Trattat ta' Lisbona) il-baġit u r-reviżjoni meħtieġa tiegħu ma jridux iżidu ma' l-idea li l-flus taċ-ċittadini Ewropej qed jintefgħu f'“barmil bla qiegħ”. Proprju minħabba f'hekk hemm bżonn ta' rabta aktar ċara bejn l-ispiża u r-riżultati li jintlaħqu.

8.   Liema futur għar-riżorsi proprji?

8.1

Id-dibattitu dwar il-metodi ta' ffinanzjar ta' l-Unjoni huwa wieħed mill-aspetti li l-aktar iqanqlu diskussjoni dwar ir-reviżjoni tal-baġit. Il-qafas attwali ta' l-iffinanzjar tal-baġit (mfakkar f'punt 3.7) jitbiegħed b'mod oġġettiv minn iffinanzjar ibbażat sostanzjalment fuq ir-riżorsi proprji. Fid-dawl tar-reviżjoni, l-għażliet ivarjaw mill-introduzzjoni ta' riżorsa proprja ġdida li tbiddel il-forom preċedenti ta' finanzjar għal soluzzjonijiet li jibbażaw fuq id-dħul gross nazzjonali ta' l-Istati Membri.

8.2

Il-Parlament Ewropew, bir-rapport dwar il-futur tar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni Ewropea, approvat f'Marzu li għadda (rapporteur Lamssoure) (8), ikkritika l-istruttura attwali tal-baġit u l-iffinanzjar tiegħu u ppropona riforma tiegħu f'żewġ fażijiet, li però huma parti minn deċiżjoni waħda. L-ewwel fażi, li hija tranżitorja, twassal għal titjib fis-sistema attwali ta' kontribuzzjonijiet nazzjonali, filwaqt li t-tieni fażi trid twassal, skond il-PE, għall-ħolqien ta' riżors proprju li jieħu post il-mekkaniżmi attwali.

8.3

Filwaqt li saħaq li l-introduzzjoni ta' taxxa Ewropea ma tkunx rivoluzzjonarja peress li ma tbiddel xejn fil-but tal-kontribwenti, il-Parlament Ewropew għamel lista tal-kriterji li magħhom tkun trid iżomm is-sistema l-ġdida: suffiċjenza, stabbiltà, viżibbiltà, u sempliċità, spiża baxxa tat-tħaddim, tqassim effettiv tar-riżorsi, ekwità vertikali (ridistribuzzjoni), ekwità orizzontali (l-istess impatt fuq il-kontribwenti kollha Ewropej) u ekwità tal-kontribuzzjonijiet (konsistenza mar-rikkezza u l-ġid ta' l-Istati differenti).

8.4

Fuq il-bażi ta' l-osservazzjoni li għamel f'numru ta' okkażjonijiet dwar l-insuffiċjenza tal-baġit Ewropew fir-rigward ta' l-objettivi li l-UE qed issegwi u l-isfidi li qed tiffaċċja, il-KESE jixtieq iniedi dibattitu dwar il-possibbiltà ta' taxxa Ewropea. Wara li ssir valutazzjoni tal-gradi ta' importanza differenti tal-leġislazzjoni Komunitarja, waħda mill-ideat li tista' titwettaq hija li tiġi imposta multa fuq il-pajjiżi li ma jirrispettawx it-traspożizzjoni ta' xi direttivi ta' importanza fundamentali, sabiex jiġu ffinanzjati proġetti ta' interess Ewropew.

8.5

Il-KESE japrezza l-koerenza u r-rikkezza tal-proposti tar-rapport tal-Parlament u jaqbel ma' l-analiżi dwar l-istat ta' saħħa attwali tal-baġit u dwar il-ħtieġa li jiġi riformat. Madnakollu, bl-istess mod, jixtieq jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet li jkollha l-introduzzjoni ta' sistema bħal dik li ġiet deskritta. L-introduzzjoni ta' finanzjar li hu bbażat fuq “taxxa Ewropea” żgur li jkollu reżistenza qawwija, l-ewwel nett minħabba fil-problemi tal-komunikazzjoni maċ-ċittadini.

8.6

Għal dan l-iskop l-Unjoni Ewropea għandha tfittex li b'aktar qawwa tiżviluppa bis-sħiħ, flimkien mal-kompetittività, il-ħarsien u l-promozzjoni tal-koeżjoni, l-ambjent, l-okkupazzjoni u l-mudell soċjali Ewopew.

8.7

Il-KESE jittama li fid-deċiżjonjiiet li jittieħdu għar-riformi ta' l-iffinanzjar tal-baġit ta' l-UE, ikun hemm sforz biex jinstabu soluzzjonijiet li, jissuperaw id-derogi u l-eċċezzjonijiet, u jduru lejn il-kapaċità kontributtiva ta' kull Stat Membru, fid-direzzjoni ta' l-ekwità, l-ugwaljanza u s-solidarjetà. Barra min hekk, irid jingħad li d-dibattitu dwar ir-riżorsi, anke jekk huwa ta' importanza primarja, ma għandux iċajpar jew jagħti importanza minuri lid-diskussjoni dwar l-għażliet strateġiċi ta' l-Unjoni, ir-rwol tagħha u l-politiki tagħha.

9.   Lejn forom ta' implimentazzjoni tal-baġit trasparenti u effettivi

9.1

L-implimentazzjoni tal-baġit hija tema oħra importanti li trid tiġi riveduta. It-trasparenza, l-affidabbiltà u ċ-ċarezza huma kriterji li jridu jidħlu partikolarment f'din il-fażi u, barra minn hekk, huwa b'mod speċjali fil-fażi ta' l-implimentazzjoni li ċ-ċittadini Ewropej jiġu f'kuntatt mal-miżuri ta' l-UE u jiġġudikaw ir-riżultati konkreti. Wieħed ikun irid jiggarantixxi wkoll is-sinkronizzazzjoni taċ-ċiklu tal-baġit ma' dak tal-mandati istituzzjonali tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew.

9.2

Il-KESE jqis li jrid isir sforz sabiex ir-riżultati li nkisbu mill-politiki u l-fondi Ewropej jiġu kkomunikati aħjar liċ-ċittadini Ewropej, dan għal żewġ raġunijiet prinċipalment: 1) it-trasparenza; 2) sabiex jiġi miġġieled l-Ewroxettiċiżmu u l-informazzjoni li, b'mod li hu spiss insinwanti, għandha t-tendenza li tenfasizza l-fallimenti li huma inqas mis-suċċessi.

9.3

Fejn tidħol l-istabbiltà ta' l-oqfsa finanzjarji u l-flessibbiltà ta' madwarhom, il-KESE iqis li l-istrateġiji fit-tul ta' l-Unjoni Ewropea (per eżempju l-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-ambjent u l-enerġija) jridu jingħataw importanza permezz tal-kontinwità, filwaqt li ċerti marġini ta' flessibbiltà, li għandhom l-iskop li wieħed ikun jista' jadatta għat-tibdil fiċ-ċirkostanzi u jirreaġixxi malajr, iridu jiġu riżervati għall-prijoritajiet fuq perijodu ta' żmien qasir, b'mod li fuq kollox iħallu l-ispazju li f'dawn il-każijiet jaġixxu l-Istati Membri.

9.4

Id-diskussjoni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit inevitabbilment trid tirrigwarda wkoll it-tmexxija tiegħu u r-responsabbiltà li ssegwi. Fl-istat attwali ta' l-affarijiet, 80 % tal-baġit jiġi mmexxi direttament mill-Istati Membri, filwaqt li l-20 % li jibqa' mill-Kummissjoni Ewropea, li però għandha r-responsabbiltà sħiħa ta' l-implimentazzjoni tal-baġit. Il-KESE jindika li dan it-tqassim ukoll għandha ssir diskussjoni dwaru sabiex wieħed jara jekk għadux jirrispondi għall-ħtiġijiet attwali.

9.5

F'dan ir-rigward hemm bżonn li tingħata importanza kbira lit-Trattat il-ġdid, li fl-ewwel subparagrafu, ta' l-Artikolu 274 il-parti tas-sentenza fil-bidu “Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit” ġiet sostiwita bi “Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit f'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri”;; it-tieni subparagrafu ġie sostitwit bit-test li ġej: “Ir-regolament għandu jistabbilixxi l-obbligi ta' kontroll u ta' verifika ta' l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-baġit kif ukoll ir-responsabbiltajiet li joħorġu minn dan. Għandu jistabbilixxi wkoll ir-responsabbiltajiet u r-regoli dettaljati li magħhom għandha timxi kull istituzzjoni fl-implimentazzjoni ta' l-infiq tagħha”.

Brussell, it-12 ta' Marzu 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Ir-raba' Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali CESE 1712/2007

(2)  Artikolu 269(1) jgħid: “Salv kull dħul ieħor, l-estimi għandhom ikunu ffinanzjati kompletament minn riżorsi proprji”.

(3)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar Nibnu l-Futur Komuni Tagħna: Sfidi Politiċi u Mezzi Baġitarji ta' l-Unjoni wara t-Tkabbir 2007-2013, ĠU C74 tat-23.5.2005, pġ.32. 32.

(4)  Ara l-grafiċi annessi.

(5)  SEC(2007) 1188 fin., Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Riforma ta' l-estimi finanzjarji, nibdlu l-Ewropa: dokument ta' konsultazzjoni pubblika fid-dawl tar-reviżjoni ta' l-estimi 2008-2009.

(6)  Parlament Ewropew, Rapport dwar il-futur tar-riżorsi proprji ta' l-Unjoni Ewropea (A6-0066/2007),13 ta' Marzu 2007, Rapporteur Alain Lamassoure

(7)  Ara punt 2.1 tal-komunikazzjoni SEC(2007) 1188 fin.

(8)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+REPORT+A6-2007-0066+0+DOC+WORD+V0//EN


APPENDIĊI

għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin, li ġabru almenu kwart tal-voti mixħuta, ma ġewx aċċettati matul id-dibattitu (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta' Proċedura):

Punt 1.3

Ħassar il-punt 1.3:

“It-tfassil tal-politiki tal-baġit ma jistax isir mingħajr l-għażla fundamentali bejn il-federaliżmu jew is-sistema intergovernattiva. Huwa ċar li l-grad ta' progress fl-integrazzjoni Ewropea jitkejjel ukoll fuq il-bażi ta' kif jiġi ffinanzjat il-baġit.”

Riżultat tal-votazzjoni:

Voti Favur: 40 Kontra: 87 Astensjonijiet: 10

Punt 7.3

Wara l-punt 7.2 daħħal punt ġdid 7.3 kif ġej:

“Fost it-tħassib ewlieni dwar is-sistema attwali tal-finanzi ta' l-UE hemm in-nuqqas ta' ħila li dawn jiġu ġġestjonati b'tali mod li l-Awdituri jkunu jistgħu japprovawhom. It-teatrin ta' kull sena fejn l-Awdituri jirrifjutaw li japprovaw il-biċċa l-kbira tan-nefqa jwassal għal pubbliċità negattiva ħafna fl-Istati Membri. Kwalunkwe sistema ġdida għandha tindirizza din il-problema.”

Riżultat tal-votazzjoni:

Voti Favur: 37 Kontra: 94 Astensjonijiet: 12