25.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 162/79


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-istrumenti tal-ġestjoni bbażati fuq id-drittijiet tas-sajd

(2008/C 162/16)

Nhar is-27 ta' Settembru 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew idddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-istrumenti tal-ġestjoni bbażati fuq id-drittijiet tas-sajd

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta' Jannar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Sarró Iparraguirre.

Matul l-442 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet nhar it-13 u l-14 ta' Frar 2008 (seduta tat-13 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'110 voti favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jemmen li ġaladarba l-perijodu ta' diskussjoni jintemm, il-Kummissjoni għandha tagħmel studju li jiffoka fuq il-kapaċitajiet attwali tal-flotot Komunitarji u l-kwoti meħtieġa għall-kompetittività tagħhom filwaqt li jirrispetta s-sostenibbiltà taż-żoni Komunitarji tas-sajd.

1.2

Dan l-istudju għandu jindirizza l-aġġornamenti tad-drittijiet ta' l-Istati Membri li saru fuq il-bażi tal-prinċipju ta' stabbiltà relattiva u għandu jikkunsidra t-tibdiliet li saru f'24 sena, mill-1983 'l hawn.

1.3

F'dan l-aġġornament għandu jkun hemm provvedimenti għall-allokazzjoni perjodika tal-kwoti, per eżempju għal perijodu ta' ħames snin, sabiex il-kwoti jkunu jistgħu jitqassmu mill-ġdid f'każ li jerġa' jkun hemm xi żbilanċi.

1.4

Dan l-aġġornament għandu joffri l-aħjar soluzzjonijiet sabiex jiġu evitati l-iżbilanċi li bħalissa qed jolqtu lill-kwoti għal xi speċi pelaġiċi u tal-qiegħ f'żoni partikolari ta' sajd. Fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri dawn l-iżbilanċi jwasslu għal kwoti eċċessivi jew mhux adegwati.

1.5

Ikun xi jkun il-każ il-kwoti involuti għandhom ikunu bbażati fuq data xjentifika. Għaldaqshekk, il-KESE jemmen li għandhom isiru iktar sforzi biex jittejjeb l-għarfien xjentifiku tar-riżorsi. Il-biċċa l-kbira tal-kwoti bħalissa huma stabbiliti fuq il-bażi ta' l-approċċ ta' prekawzjoni minħabba n-nuqqas ta' data xjentifika.

1.6

Barra minn hekk, il-KESE jaħseb li mal-kriterju ta' stabbiltà relattiva jintrabtu ċerti drittijiet li kisbu l-Istati Membri. Dawn id-drittijiet m'għandhomx jisparixxu u jintesew, iżda jistgħu jiġu aġġornati b'konformità mas-sostenibbiltà tar-riżorsi u l-kompetittività tal-flotot Komunitarji li qed tintalab bħalissa mill-Politika Komuni tas-Sajd.

1.7

Il-KESE jemmen li jekk il-Kummissjoni tiskopri li hemm bżonn ta' sistema tal-ġestjoni tar-riżorsi bbażata fuq id-drittijiet tas-sajd, din għandha titwaqqaf fil-livell Komunitarju.

1.8

Il-KESE jaħseb li bis-saħħa ta' drittijiet tas-sajd aġġornati kif imiss wieħed jista' jnaqqas b'mod konsiderevoli s-sajd eċċessiv u r-rimi ta' ħut fil-baħar.

1.9

Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li d-drittijiet tas-sajjieda ż-żgħar, li jinsabu l-aktar fl-Istati Membri gżejjer u fir-reġjuni gżejjer huma prijoritarji u għaldaqstant is-sajd fuq skala żgħira (jiġifieri s-sajd li jsir b'bastimenti ta' inqas minn 12-il metru (1)) m'għandux jagħmel parti minn sistema tal-ġestjoni bbażata fuq id-drittijiet tas-sajd fil-livell Komunitarju.

1.10

Il-Kumitat jemmen li jekk il-Kummissjoni twaqqaf sistema tal-ġestjoni bbażata fuq id-drittijiet tas-sajd, din għandha tibda b'dawk l-oqsma tas-sajd fejn, minħabba l-iżbilanċi bejn kwoti eċċessivi u kwoti mhux adegwati, hemm qbil wiesa' fost l-Istati Membri kkonċernati.

1.11

F'dan il-każ, il-Kumitat iħoss li tkun ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiddetermina f'liema livell għandhom jiġu nnegozjati d-drittijiet tas-sajd (jiġifieri, fil-livell tal-Komunità, ta' l-Istati Membri, ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew ta' l-intrapriżi), u li tissorvelja t-transazzjonijiet.

1.12

Il-Kumitat jaħseb li jekk l-iżbilanċi attwali jitranġaw b'konformità mal-kriterju ta' stabbiltà relattiva, dan ikun pass ewlieni lejn sistema tal-ġestjoni bbażata fuq id-drittijiet tas-sajd.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-għan tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni dwar l-għodod ta' ġestjoni bbażati fuq id-drittijiet għas-sajd  (2) kien li tiftaħ diskussjoni, għall-perijodu ta' madwar sena (27.02.08), dwar il-ħtieġa ta' mezzi effiċjenti biex jintlaħqu l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) il-ġdida, jiġifieri s-sostenibbiltà tar-riżorsi u l-kompetittività tal-flotot Komunitarji.

2.2

Fil-Green Paper dwar il-Futur tal-Politika Komuni tas-Sajd  (3), il-Kummissjoni sejħet għal studju dwar metodi ta' ġestjoni ġodda, bħas-sistemi bbażati fuq is-suq għall-allokazzjoni tal-kwoti, bħall-kwoti individwali trasferibbli u l-irkantijiet li jiġġeneraw suq tad-drittijiet tas-sajd u li kapaċi jqawwu l-interess ta' dawk li għandhom id-drittijiet fis-sostenibbiltà tas-sajd fuq perijodu twil ta' żmien.

2.3

Fil-Linji gwida għar-riforma tal-PKS  (4), il-Kummissjoni tgħid li l-qasam tas-sajd għadu marbut ma' aspetti speċifiċi li jxekklu l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ekonomiċi normali, bħall-kompetizzjoni ħielsa bejn il-produtturi u l-libertà ta' l-investiment, fuq perijodu qasir ta' żmien. Dawn l-aspetti huma marbuta ma' l-iżbilanċ strutturali bejn l-iskarsezza tar-riżorsi tas-sajd u d-daqs tal-flotot Komunitarji, u mal-fatt li ċerti komunitajiet tal-kosta jiddependu b'mod kontinwu mis-sajd. Fil-linji gwida l-Kummissjoni fasslet il-kalendarju ta' l-inizjattivi li jibda fl-2002 bl-organizzazzjoni ta' workshops dwar il-ġestjoni ekonomika sabiex tiġi diskussa sistema ta' drittijiet tas-sajd negozjabbli (individwali jew kollettivi). Fl-2003 l-Kummissjoni kellha tinforma lill-Kunsill dwar ir-riżultat ta' dawn id-diskussjonijiet. Fl-2007 ġie organizzat workshop, xi ftit jew wisq iktar tard milli ppjanat, dwar id-dimensjoni ekonomika tas-sajd u matulu, fost ħwejjeġ oħra, ġiet diskussa t-tema tad-drittijiet tas-sajd (5).

2.4

Il-KESE ħass li għandha titħejja din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja sabiex jippreżenta l-fehmiet tiegħu fid-diskussjoni li fetħet il-Kummissjoni dwar kif wieħed jista' joqrob iktar lejn sistema ta' ġestjoni tar-riżorsi iktar effiċjenti. Din is-sistema għandha tkun il-pilastru ewlieni tal-PKS biex tiggarantixxi s-sostenibbiltà tar-riżorsi fit-tul filwaqt li tiżgura l-kompetittività tal-flotot Komunitarji.

2.5

L-għan ta' din l-opinjoni huwa li tenfasizza l-problemi li jeżistu fl-implimentazzjoni tal-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi tas-sajd ibbażata fuq id-drittijiet u li tirrakkomanda xi soluzzjonijiet li jistgħu jsolvu dawn il-problemi.

2.6

Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li għandu jinħoloq ambjent aħjar għad-dħul ta' kundizzjonijiet ekonomiċi iktar normali u għat-tneħħija ta' l-ixkiel li jtellef l-attività ekonomika normali, bħall-allokazzjonijiet nazzjonali tal-possibbiltajiet ta' sajd u l-prinċipju ta' stabbiltà relattiva (6).

2.7

Għaldaqstant, l-għan ta' din l-opinjoni huwa l-ewwelnett li titwessa' l-analiżi tal-kriterju ta' stabbiltà relattiva. Skond l-assoċjazzjonijiet professjonali tas-sajd prinċipali (7) u l-Kummissjoni dan il-kriterju huwa wieħed mill-ikbar ostakli għall-implimentazzjoni ta' sistema tad-drittijiet tas-sajd fil-livell Ewropew — in-negozjar jew it-trasferiment tal-pussess definittiv tad-drittijiet bejn kumpaniji fl-Istati Membri jistgħu jbiddlu l-persentaġġi attwali tat-tqassim tal-kwoti bejn l-Istati u b'hekk jaffettwaw l-istabbiltà relattiva. It-tieni objettiv ta' din l-opinjoni huwa li tipprovdi informazzjoni li tgħin fit-twaqqif ta' din is-sistema tal-ġestjoni, li diġà qiegħda topera fuq skala nazzjonali f'xi Stati Membri u f'xi pajjiżi mhux fl-UE li qed jikkompetu fis-suq Komunitarju.

2.8   Sfond

2.8.1

Fl-1972 (8) il-Kunsill irrevoka l-prinċipju ta' aċċess ekwu għar-riżorsi tas-sajd ta' l-Istati Membri, li twaqqaf fl-1970 (9), għall-perijodu transizzjonali li kellu jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 1982.

2.8.2

Konsegwentement, sabiex jiġu protetti r-reġjuni tal-kosta wara li jispiċċa dan il-perijodu transizzjonali, fl-1976 il-Kunsill approva l-Preferenzi ta' l-Aja  (10) bil-għan li, fil-livell intern, jipproteġu s-sajd mal-kosta billi jqisu l-bżonnijiet vitali tal-komunitajiet lokali li jiddependu mis-sajd.

2.8.3

In-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar it-tqassim tal-qabdiet totali permissibbli (TACs — total allowable catches) issoktaw sa l-1983 meta ġie approvat ir-Regolament (KEE) Nru 170/83 li stabbilixxa sistema Komunitarja għall-ħarsien u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd (11) u ħejja t-tqassim definittiv b'konformità ma' dawn il-kriterji: l-attivitajiet tradizzjonali tas-sajd f'kull Stat Membru, il-bżonnijiet partikolari tar-reġjuni fejn il-popolazzjoni lokali tiddependi fil-biċċa l-kbira mis-sajd (hawnhekk tqiesu wkoll il-preferenzi ta' l-Aja) u l-possibbiltà li jintilfu l-qabdiet fl-ilmijiet ta' pajjiżi terzi bħala riżultat tat-tkabbir taż-żoni ekonomiċi esklussivi għal 200 mil nawtiku.

2.8.4

Is-sistema tat-tqassim, li hija rikonoxxuta bħala kriterju ta' l-istabbiltà relattiva, iggarantixxiet lill-Istati Membri (12) persentaġġ invarjabbli ta' TAC għal kull speċi. Fil-fehma tal-Kunsill, l-istabbiltà relattiva hija kunċett li filwaqt li tikkunsidra s-sitwazzjoni bijoloġika temporanja ta' l-istokkijiet għandha tħares il-bżonnijiet partikolari tar-reġjuni fejn il-popolazzjoni lokali tiddependi fil-biċċa l-kbira mis-sajd u l-industriji relatati miegħu (13). Fi kliem ieħor, il-preferenzi ta' l-Aja, kif stabbilixxiehom il-Kunsill fl-1976, inżammu, u b'hekk twessgħet id-deroga tal-prinċipju ta' aċċess ekwu.

2.8.5

Skond ir-Regolament (KEE) Nru 170/83, il-Kummissjoni kellha tħejji rapport dwar is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika tar-reġjuni tal-kosta sal-31 ta' Diċembru 1991. Fuq il-bażi ta' dan ir-rapport il-Kunsill kellu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti meħtieġa, iżda jżomm il-possibbiltà li jestendi s-sistema tal-kundizzjonijiet ta' aċċess u l-kriterji tat-tqassim tal-kwoti sal-31 ta' Diċembru 2002.

2.8.6

Fid-dawl tar-rapport li ressqet il-Kummissjoni, il-Kunsill ħa d-deċiżjoni politika li jestendi s-sistema tal-kundizzjonijiet ta' aċċess u l-kriterji tat-tqassim tal-kwoti sa l-31 ta' Diċembru 2002 (14).

2.8.7

Fl-aħħarnett, Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd jgħid li “(l-) Opportunitajiet tas-sajd għandhom jitqassmu bejn l-Istati Membri b'mod li jassigura lil kull Stat Membru stabbilità relattiva ta' attivitajiet tas-sajd għal kull ħażna jew żona tas-sajd”. L-Artikolu 17 tar-Regolament estenda iktar id-deroga tal-prinċipju ta' aċċess ekwu sa l-31 ta' Diċembru 2012, u reġa' bassar rapport ieħor dwar id-deroga ta' dan il-prinċipju.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jemmen li l-kriterju ta' stabbiltà relattiva, jiġifieri l-persentaġġ invarjabbli ta' TACs allokat lil kull Stat Membru 24 sena ilu, ma jikkunsidrax l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-popolazzjonijiet li qed jiddependu mis-sajd u l-industriji relatati miegħu llum. Il-kapaċità tal-flotot Komunitarji ta' llum, l-isfruttar attwali tar-riżorsi u l-investimenti li saru fir-reġjuni tal-kosta ftit li xejn għandhom x'jaqsmu ma' kif kienet is-sitwazzjoni fl-1983, meta ċerti Stati Membri li għandhom interess fis-sajd kienu għadhom ma ngħaqdux fil-Komunità.

3.2

Mir-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar l-aġġustamenti tal-kwoti (15) joħroġ fid-dieher li kull sena f'xi meded ta' baħar għas-sajd u f'xi żoni Komunitarji tas-sajd ikun hemm diskrepanzi sostanzjali bejn il-kwoti allokati lill-Istati Membri u l-qabdiet li jsiru, f'termini ta' speċi pelaġiċi kif ukoll tal-qiegħ. Dawn l-iżbilanċi — li jiġġeneraw kwoti eċċessivi, kwoti mhux adegwati u saħansitra kwoti li ma jintużawx minħabba n-nuqqas ta' flotot — jaffettwaw lill-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri skond il-meded ta' baħar għas-sajd u ż-żoni tas-sajd. Dan ma jiġrix biss minħabba raġunijiet bijoloġiċi, iżda wkoll minħabba l-konsegwenzi ta' l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' stabbiltà relattiva.

3.3

Il-KESE huwa tal-fehma li l-ewwel ħaġa li għandha tiġi kkunsidrata meta jiġu allokati d-drittijiet fil-qafas tat-TAC (qabdiet totali permissibbli) hija l-assigurazzjoni li l-istokkijiet ta' l-ispeċi differenti ta' ħut u riżorsi marittimi oħra jkunu rikostitwiti (u miżmuma) f'livelli ogħla u aktar sostenibbli. Il-KESE jirrakkomanda li għandhom isiru aktar sforzi biex jitjieb l-għarfien xjentifiku dwar l-istat ta' l-istokkijiet tal-ħut, u kif l-aħjar li l-allokazzjonijiet u l-prattiki tas-sajd jiġu ġestiti sabiex jinkisbu l-aħjar riżultati possibbli kemm għaż-żamma ta' l-istokkijiet tal-ħut innifishom u kemm għall-prosperità ekonomika tal-komunitajiet tas-sajjieda li jiddependu minnhom. Għandu jiġi żgurat li l-allokazzjonijiet ma jaqbżux ir-rendiment sostenibbli massimu stabbilit xjentifikament u l-kwoti individwali allokati għandhom jiġu sorveljati u infurzati b'mod effikaċi.

3.4

Għaldaqstant, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħmel studju li jiffoka fuq il-kapaċitajiet attwali tal-flotot Komunitarji u l-kwoti meħtieġa għall-kompetittività tagħhom u s-sostenibbiltà ta' l-istokkijiet tal-ħut. Dan l-istudju għandu jindirizza l-aġġornamenti tad-drittijiet li kisbu l-Istati Membri fuq il-bażi tal-prinċipju ta' stabbiltà relattiva bil-għan li jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet għall-iżbilanċi li bħalissa qed jaffettwaw il-kwoti għal ċerti speċi pelaġiċi u tal-qiegħ f'żoni tas-sajd partikolari. L-għan ġenerali għandu jkun l-iżgurar tas-sostenibbiltà tar-riżorsi fuq perijodu twil ta' żmien u l-kompetittività tal-flotot Komunitarji — li huma l-objettivi ewlenin tal-PKS.

3.5

Barra minn hekk, il-Kumitat jemmen li mal-kriterju ta' stabbiltà relattiva jintrabtu ċerti drittijiet li kisbu l-Istati Membri. Dawn id-drittijiet m'għandhomx jisparixxu u jintesew, iżda jistgħu jiġu aġġornati b'konformità mas-sostenibbiltà tar-riżorsi u l-kompetittività tal-flotot Komunitarji li qed tintalab bħalissa mill-Politika Komuni tas-Sajd.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħmel l-istudju mitlub mill-iktar fis possibbli, malli tintemm il-fażi ta' diskussjoni. Minħabba s-sitwazzjoni attwali tar-riżorsi Komunitarji tas-sajd u tal-kompetittività tal-flotot Komunitarji, m'għandux ikun hemm bżonn li l-Kummissjoni tistenna sa l-2012 biex tippubblika rapport ġdid dwar l-arranġament ta' l-iżbilanċi li qed jaffettwaw bħalissa il-kwoti ta' qabdiet u l-flotot Komunitarji.

4.2

F'dan l-aġġornament għandu jkun hemm provvedimenti għall-allokazzjoni perjodika tal-kwoti, per eżempju għal perijodu ta' ħames snin, sabiex il-kwoti jkunu jistgħu jitqassmu mill-ġdid f'każ li jerġa' jkun hemm xi żbilanċi.

4.3

Il-Kumitat jemmen li jekk mid-diskussjoni dwar is-soluzzjonijiet għas-sitwazzjoni attwali l-Kummissjoni tiskopri li tinħtieġ sistema tal-ġestjoni tar-riżorsi bbażata fuq id-drittijiet tas-sajd aġġornati ta' l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-possibbiltà li twaqqaf din is-sistema fil-livell Komunitarju.

4.4

Il-Kumitat huwa tal-fehma li, billi t-Trattat ta' Riforma (it-Trattat ta' Lisbona) ġie ffirmat f'Diċembru 2007, fost l-Istati Membri teżisti attitudni li tiffavorixxi sistema tal-ġestjoni għas-sajd bħal din.

4.5

Il-Kumitat jagħraf id-diffikultajiet marbuta mat-twaqqif ta' sistema tal-ġestjoni fil-livell Komunitarju li tkun ibbażata fuq drittijiet tas-sajd negozjabbli. Però jemmen li din tista' tkun mezz sabiex jinkiseb l-isfruttar tar-riżorsi li jgħixu fl-ilma b'mod li jipprovdi kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli (16) jekk jitqiesu, fost oħrajn, il-kriterji ta' hawn taħt.

4.5.1

Sabiex id-drittijiet tas-sajjieda ż-żgħar jkunu protetti (17), kwalunkwe sistema tal-ġestjoni tas-sajd fil-livell Komunitarju għandha teskludi s-sajd fuq skala żgħira, peress li ħafna komunitajiet tal-kosta, b'mod partikolari fi Stati u reġjuni gżejjer, jiddependu minnu.

4.5.2

Sabiex tiġi evitata l-eventwalità li Stat Membru jikseb pożizzjoni dominanti fis-suq bħala riżultat tal-possibbiltà ta' xiri u bejgħ tad-drittijiet tas-sajd, din tista' tkun limitata għal persentaġġ tal-qabda totali annwali massima għal kull speċi f'kull Stat Membru.

4.5.3

Il-Kumitat jemmen li din is-sistema tal-ġestjoni għandha tiġi implimentata fl-oqsma tas-sajd tal-Komunità bil-mod il-mod, pass wara l-ieħor; u tibda b'dawk l-oqsma fejn, minħabba l-iżbilanċi bejn kwoti eċċessivi u kwoti mhux adegwati, hemm qbil wiesa' fost l-Istati Membri kkonċernati.

4.5.4

Għall-oqsma tas-sajd milquta mis-sistema tal-ġestjoni bbażata fuq id-drittijiet, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk in-negozjar isirx fil-livell tal-Komunità, ta' l-Istati Membri, ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew ta' l-intrapriżi, u tfassal b'mod ċar kif dawn it-transazzjonijiet għandhom jiġu ssorveljati.

4.6

Il-KESE jemmen li bis-saħħa tad-drittijiet tas-sajd aġġornati kif imiss wieħed jista' jnaqqas b'mod konsiderevoli s-sajd eċċessiv u r-rimi ta' ħut fil-baħar.

4.7

Il-Kumitat jaħseb li jekk l-iżbilanċi attwali jitranġaw b'konformità mal-kriterju ta' stabbiltà relattiva, dan ikun pass ewlieni lejn sistema tal-ġestjoni bbażata fuq id-drittijiet fil-qasam tas-sajd. Bis-saħħa ta' din is-sistema, irregolata b'mod xieraq biex timpedixxi pożizzjonijiet dominanti fis-suq, se jkun possibbli li r-riżorsi jitqassmu b'mod iktar ġust u bbilanċjat fost id-diversi flotot Komunitarji, li jgħinu biex tinkiseb iktar sostenibbiltà tar-riżorsi u biex tkun żgurata l-kompetittività tal-flotot Komunitarji.

Brussell, it-13 ta' Frar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (ĠU L 223, 15.8.2006).

(2)  COM(2007) 73 finali, 26.02.07.

(3)  COM(2001) 135 finali, 20.03.01(mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  COM(2002) 181 finali, 28.05.02 (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Workshop li organizzat il-Kummissjoni nhar l-14 u l-15 ta' Mejju 2007 fi Brussell.

(6)  COM(2002) 181 finali, p. 25 (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Nhar it-18 ta' Settembru 2007, waqt il-laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma Riżorsi tal-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd, kemm l-EAPO kemm l-EUROPECHE/COGECA ppreżentaw dokumenti (Ref. EAPO 07-29 tas-17.3.2007; Ref. EUROPECHE/COGECA EP(07)119F/CP(07)1053.3, tas-17.9.2007) li fihom jissemma t-tħassib dwar id-drittijiet tas-sajd.

(8)  Skond l-Atti ta' l-Adeżjoni li ffirmat il-Komunità flimkien mad-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda, il-perijodu transizzjonali skada nhar il-31 ta' Diċembru 1982. Ara l-ĠU L 73, 27.3.1972 (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Regolament (KEE) Nru 2141/70, ippubblikat fil-ĠU L 236 tas-27.10.1970 (mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-3.11.1976 (ĠU C 105 tas-7.5.1981) (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  ĠU L 24, tas-27.1.1983.

(12)  Fl-1983, il-Komunità kienet tinkludi l-Ġermanja, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, ir-Renju Unit, il-Greċja, l-Olanda, l-Irlanda, l-Italja u l-Lussemburgu.

(13)  Premessi 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 170/83. ĠU L 24, 27.1.1983 (mhux disponibbli bil-Malti).

(14)  Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 170/83.

(15)  Dawk li jirrigwardaw l-aħħar tliet snin huma: Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 776/2005, ĠU L 130, 24.5.2005 (mhux disponibbli bil-Malti); (KE) Nru 742/2006, ĠU L 130, 18.5.2006 (mhux disponibbli bil-Malti); u (KE) Nru 609/2007, ĠU L 141, 2.6.2007.

(16)  Regolament tal-Kunsill (KE) 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni, ĠU L 358, 31.12.2002 (mhux disponibbli bil-Malti).

(17)  Is-“sajd fuq skala żgħira” huwa dak definit f'Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006, jiġifieri sajd li jsir minn bastimenti tas-sajd ta' tul totali ta' inqas minn 12-il metru.