|
23.2.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 45/164 |
Il-mobilizzazzjoni tal-Istrument tal-Flessibilità
P6_TA(2008)0620
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument tal-Flessibilità, f'konformità mal-punt 27 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (COM(2008)0833 — C6-0466/2008 — 2008/2321(ACI))
(2010/C 45 E/50)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0833 — C6-0466/2008), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1) (IIA), u b'mod partikulari l-punt 27 tagħha, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2008, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżultati tat-trijalogu tal-4 ta' Diċembru 2008, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0493/2008), |
|
A. |
billi l-Parlament Ewropew jappoġġja bil-qawwa l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tinħoloq faċilità ġdida għal rispons rapidu għaż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (il-“Faċilità tal-Ikel”), li l-idea għaliha kienet ukoll ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2008, |
|
B. |
billi l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fil-laqgħa ta' konċiljazzjoni tal-21 ta' Novembru 2008, qablu fuq l-iffinanzjar tal-“Faċilità tal-Ikel” għal ammont totali ta' EUR 1 biljun mifrux fuq tliet snin, |
|
C. |
billi l-proposta tal-bidu tal-Kummissjoni kienet taħseb għall-finanzjament tal-“Faċilità tal-Ikel” mill-marġni tal-intestatura 2 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (MFF), imma din l-istrateġija ġiet miċħuda kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kunsill, |
|
D. |
billi l-Parlament Ewropew qies li l-aktar soluzzjoni xierqa kellha tkun ir-reviżjoni tal-limitu massimu tal-intestatura 4 tal-MFF, iżda l-Kunsill ċaħad din l-għażla, |
|
E. |
billi ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja fl-aħħar qablu li jiffinanzjaw il-“Faċilità tal-Ikel” permezz tal-aħjar kombinazzjoni tal-Istrument tal-Flessibilità, ir-Riserva tal-Għajnuna għall-Emerġenza u l-allokazzjoni mill-ġdid fl-intestatura 4 mill-Istrument għall-Istabilità, |
|
F. |
billi ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja qablu li l-Istrument tal-Flessibilità għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-“Faċilità tal-Ikel” permezz tal-mobilizzazzjoni ta' total ta' EUR 420 miljun għall-baġit tal-2009, mis-EUR 730 miljun disponibbli skont dan l-istrument, |
|
G. |
billi din hija t-tieni sena wara l-oħra li dan l-istrument intuża fit-tliet snin tal-eżistenza legali tat-IIA, |
|
H. |
billi dan juri kemm kienet imsejjsa tajjeb l-insistenza tal-Parlament Ewropew għal tip ta' strument bħat-IIA b'karatteristiċi bħal dawn, l-aktar il-possibilità li l-fondi mhux utilizzati jkunu jistgħu jiġu trasferiti għas-snin ta'wara, minkejja r-reżistenza ta' bosta Stati Membri, |
|
I. |
billi dan juri wkoll, kif turi l-ħtieġa rikorrenti li jiġu utilizzati mekkaniżmi eċċezzjonali oħrajn biex jilqgħu għal sitwazzjonijiet imprevisti urġenti, li hemm problema persistenti li l-fondi disponibbli fil-limiti ta' ċerti intestaturi fl-MFF mhumiex biżżejjed, l-aktar fl-intestatura 4, |
1. Jilqa' l-ftehima milħuqa waqt il-konċiljazzjoni dwar l-użu tal-Istrument tal-Flessibilità favur il-“Faċilità tal-Ikel” għal ammont totali ta' EUR 420 miljun għall-baġit tal-2009;
2. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Itenni, madankollu, li hu mħasseb dwar il-fatt li l-intestatura 4 ilha taħt pressjoni permanenti minħabba l-marġni limitat disponibbli, li jwassal għall-mobilizzazzjoni merġugħa tal-mekkaniżmi tal-flessibilità taħt din l-intestatura sabiex ikun hemm rispons għal sitwazzjonijiet imprevisti urġenti; jitlob li ssir evalwazzjoni bir-reqqa tal-ħtieġa li jiżdiedu l-ammonti disponibbli taħt din l-intestatura sabiex ikun jista' jseħħ l-iżvilupp bla diffikultà ta' attivitajiet programmabbli fit-tul f'dan il-qasam u b'hekk tiġi żgurata l-kapaċità tal-Unjoni li tagħti s-sehem sħiħ tagħha bħala protagonista globali fix-xena internazzjonali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma d-deċiżjoni mal-President tal-Kunsill u biex jagħmel l-arranġamenti għall-publikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-18 ta' Diċembru 2008
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument tal-Flessibilità f'konformità mal-punt 27 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
wara li kkunsidraw il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1), u b'mod partikulari l-ħames paragrafu tal-punt 27 tagħha,
wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Billi, fil-laqgħa ta' konċiljazzjoni tal-21 ta' Novembru 2008, iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja qablu li jimmobilizzaw l-Istrument tal-Flessibilità sabiex jikkomplementaw il-finanzjament tal-baġit 2009, lil hinn mil-limiti massimi tal-intestatura 4, ta' EUR 420 miljun għall-finanzjament tal-faċilità għal rispons rapidu għaż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.
IDDEĊIDEW DAN LI ĠEJ:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, l-Istrument tal-Flessibilità għandu jintuża biex jipprovdi s-somma ta' EUR 420 miljun f'approprjazzjonijiet għall-impenji.
Dak l-ammont għandu jintuża sabiex jikkomplementa l-finanzjament tal-faċilità għal rispons rapidu għaż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fl-intestatura 4.
Artikolu 2
Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Strasburgu, … 18 ta' Diċembru 2008.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
Għall-Kunsill
Il-President