12.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 271/70


Il-Ħamis, 8 ta' Mejju 2008
Eżerċitar tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni

P6_TA(2008)0189

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Mejju 2008 dwar il-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-proċeduri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni, kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (C6-0009/2008 — 2008/2002(ACI))

2009/C 271 E/09

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-ittra tal-President tiegħu tas-27 ta' Marzu 2008 li tittrażmetti l-ftehima interistituzzjonali kif approvata mill-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2007,

wara li kkunsidra l-Artikolu 202 tat-Trattat tal-KE,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE tas-17 ta' Lulju 2006 li temenda d-Deċiżjoni 1999/468/KE li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (1),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-proċeduri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni, kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (minn hawn 'il quddiem imsejjħa “il-Ftehima”),

wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 120(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A6-0107/2008),

A.

billi ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar proċeduri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (2) (“il-Ftehima tas-Sena 2000”) sfortunatament ma ngħatawx attenzjoni mill-Kummissjoni, pereżempju d-dispożizzjoni li l-Parlament għandu jirċievi, fl-istess ħin bħall-membri tal-kumitat u taħt l-istess pattijiet, id-dokumenti varji tal-komitoloġija, billi dawn id-dokumenti kważi dejjem jintbagħtu tard wisq lill-Parlament u, f'kull każ, mhux fl-istess ħin bħal ma jintbagħtu lill-membri tal-kumitat,

B.

billi l-proċeduri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE ma kienu sodisfaċenti xejn u, bl-eċċezzjoni tal-proċeduri għall-proċedura regolatorja bi skrutinju l-ġdida, għadhom m'humiex sodisfaċenti, fost raġunijiet oħra minħabba l-mod kif tħaddmet il-ġabra ta' data tal-komitoloġija; billi d-dokumenti ħafna drabi jintbagħtu sparpaljati u mingħajr spjegazzjoni ċara ta' l-istatus tagħhom u xi drabi b'intestaturi li jiżgwidaw, pereżempju, l-abbozz tal-miżuri ta' implimentazzjoni li dwarhom ikun għadu ma tteħidx vot fil-kumitat, jintbagħat bl-intestatura “dritt għal skrutinju”, meta għandu jintbagħat bl-intestatura “dritt għal informazzjoni”, li joħloq inċertezza dwar liema skadenza tapplika,

C.

billi din il-problema fil-prattika tkompli tnaqqas il-kontroll diġà limitat ħafna tal-Parlament fuq kwistjonijiet ta' komitoloġija,

D.

billi l-Kummissjoni issa impenjat ruħha li tistabbilixxi reġistru elettroniku li jinkludi d-dokumenti kollha mibgħuta lill-Parlament, li għalih il-Parlament għandu jkollu aċċess dirett, u li jippermetti l-identifikazzjoni ċara tad-dokumenti koperti mill-istess proċedura, l-indikazzjoni tal-istadju tal-proċedura u tal-iskeda, id-distinzjoni ċara bejn l-abbozz ta' miżuri li jkunu waslu għand il-Parlament u l-abbozz finali wara l-opinjoni tal-kumitat, kif ukoll indikazzjoni ċara tal-modifiki li jsiru b'differenza mad-dokumenti li jkunu diġà ntbagħtu lill-Parlament,

E.

billi l-Ftehima għandha sinifikat prattiku kbir mhux biss b'relazzjoni mal-proċedura regolatorja bi skrutinju l-ġdida, iżda għall-proċeduri kollha tal-komitoloġija; billi l-Ftehima tista' tkun ta' preċedent għal ftehimiet interistituzzjonali oħrajn li għad isiru u li jkollhom għanijiet simili,

F.

billi, għalkemm il-Ftehima għandha tapplika għal perjodu qasir ta' tranżizzjoni, l-esperjenza ta' dan il-perjodu ta' tranżizzjoni tista' tgħallem ħafna, u billi l-għan tagħha hu li jkun żgurat li, wara li jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona, kull proċedura tal-komitoloġija bejn it-tliet istituzzjonijiet taħdem tajjeb,

1.

Jenfasizza li, meta jkun applikabbli, ir-referenza għall-proċedura regolatorja bi skrutinju hija obbligatorja għat-tliet istituzzjonijiet u mhix suġġetta għal ikkurdar jew negozjar; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-kumitati parlamentari kollha biex jikkunsidraw b'mod xieraq din iċ-ċirkustanza fil-proċeduri leġiżlattivi rilevanti kollha;

2.

Ifakkar li l-proċedura regolatorja bi skrutinju għandha tkun applikata b'relazzjoni mal-miżuri kollha tal-kamp ta' applikazzjoni ġenerali li għandhom l-għan li jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia, billi jitneħħew xi wħud minn dawk l-elementi jew billi l-istrument jissaħħaħ biż-żieda ta' elementi ġodda mhux essenzjali;

3.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, f'każijiet li m'humiex daqshekk ċari, fejn jista' ma jkunx ċar jekk għandhiex tapplika l-proċedura regolatorja bi skrutinju l-ġdida, jew xi proċedura oħra tal-komitoloġija, biex tkun applikata l-proċedura regolatorja bi skrutinju;

4.

Jenfasizza li l-iskop ewlieni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju huwa li jsaħħaħ id-dritt ta' kontroll tal-Parlament, u li dan bl-ebda mod ma jbiddel il-kamp ta' applikazzjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni;

5.

Huwa tal-opinjoni li l-Ftehima tirrappreżenta pass fid-direzzjoni t-tajba f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet u s-setgħat tal-Parlament rigward il-leġiżlazzjoni delegata;

6.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Ftehima tiddefinixxi b'mod iktar preċiż l-obbligi tal-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament skond l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE billi tistipula li l-Parlament għandu jkun infurmat dwar il-proċeduri tal-kumitati f'konformità mal-arranġamenti li jiżguraw li s-sistema ta' trażmissjoni tkun trasparenti u effiċjenti u li l-informazzjoni mibgħuta u d-diversi stadji ta' proċedura jkunu identifikati;

7.

Jistenna li l-Kummissjoni se timxi għal kollox mad-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehima, li sfortunatament m'huwiex il-każ rigward il-Ftehima tas-Sena 2000;

8.

Jitlob li b'mod konsistenti jkun hemm livell għoli ta' rekords sommarji, bil-listi tal-attendenza li jkunu jindikaw, bħala minimu, l-ismijiet tal-persuni li jkunu attendew għal-laqgħa msemmija, l-affiljazzjoni tagħhom u l-indirizzi tal-email tagħhom;

9.

Jiġbed l-attenzjoni li t-tħaddim effettiv tar-reġistru l-ġdid se jkun l-element deċiżiv għall-implimentazzjoni sħiħa u sodisfaċenti tal-Ftehima u, għalhekk, jistenna bil-ħerqa li l-operazzjoni tibda tiġi applikata; jirrakkomanda li, wara l-perjodu ta' tranżizzjoni, il-Parlament u l-Kummissjoni jagħmlu analiżi tar-reġistru l-ġdid u jsewwu xi diffikultajiet u żbalji prattiċi li jista' jkun hemm; jirrakkomanda li l-Parlament jikseb tagħrif dwar it-tħaddim tar-reġistru mill-partijiet ikkonċernati waqt il-perjodu tal-bidu;

10.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet il-ġodda li bihom ir-reġistru għandu jidentifika b'mod ċar l-istatus tad-dokumenti kollha tal-komitoloġija li jkunu waslu, kull rabta li jista' jkun hemm ma' dokumenti oħra li jkunu diġà ntbagħtu, kif ukoll kull bidla li tkun saret;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni f'dan il-kuntest biex tibdel il-proċeduri interni tagħha sabiex tiżgura li ssir distinzjoni bejn, min-naħa l-waħda, abbozz ta' miżuri li għandu jintbagħat lill-Parlament skond id-dritt tiegħu għall-informazzjoni fl-istess waqt li jintbagħat ukoll lill-kumitat rilevanti u, min-naħa l-oħra, l-abbozz ta' miżuri li għandu jintbagħat lill-Parlament skond id-dritt tiegħu għall-iskrutinju;

12.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-introduzzjoni ta' “sistema ta' twissija bikrija” li permezz tagħha l-Parlament ikun infurmat malli jkun evidenti li l-abbozz ta' implimentazzjoni ta' miżuri urġenti se jitressaq quddiem kumitat, iżda jinsisti li dan m'għandux jintuża biex kwistjonijiet li ma jkunux urġenti jsiru urġenti, minħabba li l-limiti ta' żmien imqassra jistgħu japplikaw biss f'każijiet ġustifikati u eċċezzjonali;

13.

Jiġbed l-attenzjoni li sabiex ikun eżerċitat id-dritt ta' skrutinju bbażat fuq informazzjoni adegwata, il-Parlament jeħtieġ li jkun provdut b'mod regolari bid-dokumentazzjoni kollha ta' sfond li tispjega għaliex il-Kummissjoni tkun qiegħda tipproponi ċerti miżuri; jilqa' b'sodisfazzjon ir-rieda tal-Kummissjoni biex tgħin lill-Parlament sabiex tkun żgurata koperazzjoni sħiħa meta jkunu ttrattati miżuri ta' implimentazzjoni speċifiċi, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq quddiem il-Parlament, fuq talba, kull dokument ta' sfond relatat mal-abbozz ta' miżura ta' implimentazzjoni;

14.

M'huwiex tal-istess fehma tal-Kummissjoni li l-abbozz ta' miżuri ta' implimentazzjoni mressqa quddiemu m'għandhomx ikunu ppubblikati sakemm jittieħed vot fil-kumitat, u jinsisti fuq id-dritt tiegħu li jikkonsulta ma' min irid dwar l-abbozz ta' miżuri; jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' tikkunsidra l-fehma tagħha u biex tippubblika l-abbozz ta' miżuri ta' implimentazzjoni hekk kif dawn ikunu proposti b'mod formali;

15.

Japprova l-konklużjoni tal-Ftehima u jistenna l-implimentazzjoni sħiħa tagħha mingħajr dewmien wara l-approvazzjoni tagħha;

16.

Jiddeċiedi li jehmeż il-Ftehima mar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, biex tissostitwixxi l-Anness XII tagħhom;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deċiżjoni u l-Anness tagħha, bħala informazzjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11.

(2)  ĠU L 256, 10.10.2000, p. 19.


Il-Ħamis, 8 ta’ Mejju 2008
ANNESS

PARLAMENT EWROPEW

KUMMISSJONI

FTEHIM BEJN IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUMMISSJONI DWAR IL-PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 1999/468/KE LI TISTABBILIXXI L-PROĊEDURI GĦALL-EŻERĊIZZJU TAS-SETGĦAT TA’ IMPLIMENTAZZJONI KONFERITI LILL-KUMMISSJONI, KIF EMENDATA MID-DEĊIŻJONI 2006/512/KE

Informazzjoni lill-Parlament Ewropew

1.

Skond l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE (1), il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat mill-Kummissjoni dwar il-proċedimenti tal-kumitati (2) fuq bażi regolari skond l-arranġamenti li jiżguraw li s-sistema tal-għoti tal-informazzjoni hija trasparenti u effiċjenti u li l-informazzjoni mibgħuta u l-bosta stadji tal-proċedura ikunu identifikati. Għal dak il-għan, huwa għandu jirċievi, fl-istess waqt mal-membri tal-kumitati u bl-istess kondizzjonijiet, l-abbozz tal-aġendi tal-laqgħat tal-kumitati, l-abbozz tal-miżuri tal-implimentazzjoni mressqa quddiem dawk il-kumitati skond l-istrumenti bażiċi adottati bil-proċedura prevista fl-Artikolu 251 tat-Trattat, u r-riżultati tal-votazzjoni u r-rekords sommarji tal-laqgħat u l-listi tal-awtoritajiet li għalihom jappartjenu l-persuni nominati mill-Istati Membri biex jirrappreżentawhom.

Reġistru

2.

Il-Kummissjoni se toħloq reġistru li jkun fih id-dokumenti kollha li ġew imressqa lill-Parlament Ewropew (3). Il-Parlament Ewropew ser ikollu aċċess dirett għal dan ir-reġistru. Skond l-Artikolu 7(5) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, ir-referenzi kollha mibgħuta lill-Parlament Ewropew se jsiru pubbliċi.

3.

Skond l-impenji meħuda mill-Kummissjoni fl-istqarrija tagħha dwar l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE (4), u ladarba jsiru l-arranġamenti tekniċi xierqa, ir-reġistru msemmi fil-paragrafu 2 se jippermetti, b’mod partikolari:

l-identifikazzjoni ċara tad-dokumenti li jaqgħu taħt l-istess proċedura u kwalunkwe tibdil fil-miżura tal-implimentazzjoni f’kull stadju tal-proċedura;

l-indikazzjoni tal-istadju tal-proċedura u ż-żmien skedat;

distinzjoni ċara bejn l-abbozz ta’ miżuri li l-Parlament Ewropew u l-membri tal-kumitati rċevew fl-istess waqt f’konformità mad-dritt għall-informazzjoni, u l-abbozz finali li jitfassal wara li tintbagħat l-opinjoni tal-kumitat lill-Parlament Ewropew;

l-identifikazzjoni ċara ta’ kull modifika meta mqabbla ma’ dokumenti diġà mressqa lill-Parlament Ewropew.

4.

Meta, wara perjodu tranżitorju li jibda mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jikkonkludu li s-sistema tiffunzjona u hi sodisfaċenti, it-trasmissjoni tad-dokumenti lill-Parlament Ewropew għandu jseħħ permezz ta’ notifika elettronika li jkun fiha link għar-reġistru kif stabbilit fil-paragrafu 2. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed permezz ta’ skambju ta’ ittri bejn il-presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet. Waqt il-perjodu tranżitorju, id-dokumenti għandhom jintbagħtu lill-Parlament Ewropew bħala anness fil-posta elettronika.

5.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni taqbel li tibgħat lill-Parlament Ewropew, għal finijiet ta’ informazzjoni, fuq it-talba tal-kumitat parlamentari responsabbli, abbozzi ta’ miżuri speċifiċi għall-implimentazzjoni ta’ strumenti bażiċi li, għalkemm mhux adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat, ikunu ta’ importanza partikolari għall-Parlament Ewropew. Dawn il-miżuri għandhom jiddaħħlu fir-reġistru kif stabbilit fil-paragrafu 2 flimkien ma’ notifika tagħhom lill-Parlament Ewropew.

6.

Barra mir-rekords sommarji msemmija f’paragrafu 1, il-Parlament Ewropew jista’ jitlob aċċess għall-minuti tal-laqgħat tal-kumitat (5). Il-Kummissjoni għandha teżamina kull talba każ b’każ u timxi mar-regoli tal-kunfidenzjalità stabbiliti fl-Anness 1 tal-Ftehim ta’ Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni (6).

Dokumenti kunfidenzali

7.

Id-dokumenti kunfidenzjali għandhom jiġu pproċessati skond il-proċeduri amministrattivi interni mħejjija minn kull istituzzjoni bil-għan li jiġu provduti l-garanziji kollha meħtieġa.

Ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew skond l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE

8.

Skond l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, il-Parlament Ewropew jista’ jindika, f’riżoluzzjoni li tagħti r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata, li l-abbozz tal-miżuri tal-implimentazzjoni ta’ strument bażiku, adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, jeċċedi s-setgħat ta’ implimentazzjoni stabbiliti f’dak l-istrument bażiku.

9.

Il-Parlament Ewropew għandu jadotta dawn ir-riżoluzzjonijiet skond ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu; huwa għandu jkollu perjodu ta’ xahar biex jagħmel dan, li jibda jgħodd mid-data li fiha jirċievi l-abbozz finali tal-miżuri tal-implimentazzjoni fil-verżjonijiet lingwistiċi mressqa lill-membri tal-kumitat ikkonċernat.

10.

Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jaqblu li jkun xieraq li jiġi stabbilit limitu ta’ żmien iqsar fuq bażi permanenti għal xi tipi ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni urġenti li fuqhom trid tittieħed deċiżjoni fi żmien iqsar sabiex ikun hemm tmexxija tajba. Dan japplika b’mod partikolari għal ċerti tipi ta’ miżuri ta’ azzjoni esterna, fosthom l-għajnuna umanitarja u dik ta’ emerġenza, il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà, is-sigurtà u s-sikurezza tat-trasport u l-eżenzjonijiet mir-regoli tal-akkwist pubbliku. Ftehim bejn il-Membru tal-Kummissjoni u ċ-Chairperson tal-kumitat parlamentari responsabbli se tistabbilixxi t-tipi ta’ miżuri kkonċernati u l-limiti ta’ żmien applikabbli. Dan il-ftehim jista’ jiġi rrevokat fi kwalunkwe ħin miż-żewġ partijiet.

11.

Mingħajr preġudizzju għall-każijiet imsemmija fil-paragrafu 10, il-limitu ta’ żmien se jkun iqsar għall-każijiet urġenti u fil-każ ta’ miżuri marbuta ma’ kwistjonijiet amministrativi ta’ kuljum u/jew li jkollhom perjodu limitat ta’ validità. Il-limitu ta’ żmien jista’ jkun qasir ħafna f’każi tassew urġenti, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika. Il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għandu jistabbilixxi limitu ta’ żmien addattat u jiddikjara r-raġuni għal dak il-limitu ta’ żmien. F’każijiet bħal dawn il-Parlament Ewropew jista’ juża proċedura fejn l-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE tiġi ddelegata lill-kumitat parlamentari responsabbli, li jista’ jibgħat risposta lill-Kummissjoni fil-limitu taż-żmien relevanti.

12.

Is-servizzi tal-Kummissjoni se javżaw b’mod informali lis-segretarjat tal-kumitat jew kumitati parlamentari responsabbli kkonċernat/i, hekk kif jipprevedu li l-abbozz ta’ miżuri msemmija f’paragrafu 10 u 11 jistgħu jkunu tressqu diġà lil xi kumitat. Hekk kif l-abbozz inizjali ta’ miżuri jitressqu lill-membri tal-kumitat, is-servizzi tal-Kummissjoni se jinnotifikaw lis-segretarjat tal-kumitat jew kumitati parlamentari dwar l-urġenza tagħhom u dwar il-limiti ta’ żmien li se japplikaw ladarba jitressaq l-abbozz finali.

13.

Wara l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew ta’ riżoluzzjoni, msemmija f’paragrafu 8, jew risposta kif imsemmi fil-paragrafu 11, il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għandu jinforma lill-Parlament Ewropew jew, fejn xieraq, lill-kumitat parlamentari responsabbli, bl-azzjoni li l-Kummissjoni tkun bi ħsiebha tieħu dwarha.

14.

Id-data relatata mal-paragrafi 10 u 13 se tiddaħħal fir-reġistru.

Il-proċedura regolatorja bi skrutinju

15.

Fejn tapplika l-proċedura regolatorja bi skrutinju, u wara l-vot tal-kumitat, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-limiti ta’ żmien applikabbli. Suġġett għall-paragrafu 16, dawn il-limiti ta’ żmien jibdew jiskorru biss ladarba l-Parlament Ewropew jirċievi l-verżjonijiet lingwistiċi kollha.

16.

Fejn japplikaw limiti ta’ żmien iqsar (Artikolu 5a(5)(b) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE) u f’każijiet urġenti (Artikolu 5a(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE), il-limiti ta’ żmien se jibdew japplikaw mid-data meta l-Parlament Ewropew jirċievi l-abbozz finali tal-miżuri tal-implimentazzjoni fil-verżjonijiet lingwistiċi mgħoddija lill-membri tal-kumitat, sakemm ma joġġezzjonax iċ-Chairperson tal-kumitat parlamentari. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tressaq il-verżjonijiet lingwistiċi kollha lill-Parlament Ewropew mill-aktar fis possibbli. Is-servizzi tal-Kummissjoni se javżaw b’mod informali lis-segretarjat tal-kumitat jew kumitati parlamentari responsabbli kkonċerna/ti, hekk kif jiprrevedu li l-abbozz ta’ miżuri msemmija f’Artikolu 5a(5)(b) jew 6 jistgħu jkunu diġà tressqu lil xi kumitat.

Is-servizzi finanzjarji

17.

Skond l-istqarrija tagħha stess dwar l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, il-Kummissjoni timpenja ruħha li fis-servizzi finanzjarji:

tiżgura li l-uffiċjal tal-Kummissjoni li jkun qed jippresjedi laqgħa tal-kumitat jinforma lill-Parlament Ewropew, jekk dan jitlob hekk, wara kull laqgħa dwar dibattiti li jikkonċernaw l-abbozz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni li ngħataw lil dak il-kumitat;

tagħti risposta orali jew bil-miktub għal kull mistoqsija marbuta mad-diskussjonijiet dwar l-abbozz ta’ miżuri tal-implimentazzjoni li ngħata lil xi kumitat.

Fl-aħħar il-Kummissjoni se tiżgura li jiġu rrispettati l-impenji meħuda waqt is-seduta plenarja tal-Parlament tal-5 ta’ Frar 2002 (7) u li ġew affermati mill-ġdid fis-seduta plenarja tal-31 ta’ Marzu 2004 (8) kif ukoll dawk l-impenji msemmija fil-punti 1 sa 7 tal-ittra tat-2 ta’ Ottubru 2001 (9) mill-Kummissarju Bolkestein liċ-Chairperson tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew meħuda fir-rigward tas-settur tas-servizzi finanzjarji kollu (fosthom titoli, banek, assigurazzjoni, pensjonijiet u l-kontabilità).

Kalendarju tax-xogħol parlamentari

18.

Meta tibgħat abbozz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni skond dan il-Ftehim, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-perjodi ta’ meta l-Parlament Ewropew jagħlaq għall-vaganzi (xitwa, sajf u elezzjonijiet Ewropej) sabiex ikun assigurat li l-Parlament ikun jista’ jeżerċita l-prerogattivi tiegħu fil-limiti ta’ żmien stipulati fid-Deċiżjoni 1999/468/KE u f’dan il-Ftehim, bl-eċċezzjoni ta’ fejn japplikaw limiti iqsar ta’ żmien jew f’każijiet urġenti, kif ġej:

Kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni

19.

Iż-żewġ istituzzjonijiet jesprimu r-rieda tagħhom li jgħinu lill-xulxin sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni sħiħa meta jiġu indirizzati miżuri ta’ implimentazzjoni speċifiċi. Għal dan il-għan, se jiġu stabbiliti l-kuntatti xierqa fil-livell amministrattiv.

Ftehim Preċedenti

20.

Il-Ftehim tas-sena 2000 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (10) jiġi hawnhekksostitwit. Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jqisu li l-ftehim li ġejjin ġew sorpassati u għalhekk m’għandhom ebda effett safejn huma kkonċernati huma stess: il-Ftehim Plumb/Delors tal-1988, il-Ftehim Samland/Williamson tal-1996 u l-modus vivendi tal-1994 (11).


(1)  ĠU L 184, 17.7. 1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(2)  F’dan il-Ftehim kollu, il-kelma ‘kumitat” se tirreferi għall-kumitati stabbiliti skond id-Deċiżjoni 1999/468/KE, ħlief fejn hu speċifikat li hemm referenza għal kumitat ieħor.

(3)  Id-data stabbilita għall-ħolqien tar-reġistru hija l-31 ta’ Marzu 2008.

(4)  ĠU C 171, 22.7.2006, p. 21.

(5)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ewwel Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tad-19 ta’ Lulju 1999 il-Każ T188/97 Rothmans v il-Kummissjoni [1999] ECR II-2463.

(6)  ĠU C 177 E, 18.5.2006, p. 123.

(7)  ĠU C 284 E, 21.11.2002, p. 19.

(8)  ĠU C 103 E, 29.4.2004, p. 446 u Rapport Verbatim tal-Proċedimenti (CRE) tas-seduta plenarja tal-Parlament tal-31 ta’ Marzu 2004, taħt ‘Vot”.

(9)  ĠU C 284 E, 21.11.2002, p. 83.

(10)  ĠU L 256, 10.10.2000, p. 19.

(11)  ĠU C 102, 4.4.1996, p. 1.