6.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 184/111


It-Tlieta, 19 ta' Frar 2008
Ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Witold Tomczak

P6_TA(2008)0048

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Frar 2008 dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Witold Tomczak (2007/2130(IMM))

2009/C 184 E/20

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba ta' Witold Tomczak għall-ħarsien tal-immunità tiegħu f'rabta mal-każ kriminali mmexxi mill-Qorti Distrettwali f'Ostrów Wielkopolski, il-Polonja, li saret fil-21 ta' Mejju 2007, imħabbra fis-seduta plenarja fl-24 ta' Mejju 2007,

wara li sema' lil Witold Tomczak fl-4 ta' Ottubru 2007 skond l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 9 u 10 tal-Protokoll tat-8 ta' April 1965 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej u l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 rigward l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew permezz tas-suffraġju universali dirett,

wara li kkunsidra s-sentenzi tat-12 ta' Mejju 1964 u tal-10 ta' Lulju 1986 (1) tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej,

wara li kkunsidra l-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni Pollakka,

wara li kkunsidra l-Artikoli 6(3) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0008/2008),

A.

billi Witold Tomczak kien elett għall-Parlament Pollakk (Kamra tad-Deputati, Sejm) fil-21 ta' Settembru 1997 u fit-23 ta' Settembru 2001; billi, wara l-iffirmar tat-Trattat ta' Adeżjoni fis-16 ta' April 2003 sar Osservatur; billi kien Membru tal-Parlament Ewropew mill-1 ta' Mejju 2004 sad-19 ta' Lulju 2004; billi kien ġie elett għall-Parlament Ewropew fit-13 ta' Ġunju 2004 u ż-żmien tal-kariga tiegħu fil-Parlament Pollakk għalaq fis-16 ta' Ġunju 2004,

B.

billi Witold Tomczak huwa akkużat li insulenta żewġ uffiċjali tal-pulizija fil-qadi ta' dmirijiethom f'Ostrów Wielkopolski fis-26 ta' Ġunju 1999 bi ksur tal-Artikolu 226(1) tal-Kodiċi Penali Pollakk; billi wara li Witold Tomczak naqas għal numru ta' drabi li jidher waqt is-seduti ta' smigħ, il-Qorti Distrettwali f'Ostrów Wielkopolski iddeċidiet fl-10 ta' Jannar 2005, skond l-Artikolu 377(3) tal-Kodiċi Pollakk tal-Proċedura Kriminali, li tibqa' għaddejja bil-ġuri in absentia,

C.

billi, skond l-Artikolu 9 tal-Att tat-23 ta' Jannar 2004 dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, “Persuna tkun eliġibbli għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew li jinżammu fir-Repubblika tal-Polonja jekk hi […] ma tkunx ġiet misjuba ħatja ta' xi reat kommess intenzjonalment u mħarrka bi proċess ta' akkuża …”; billi l-Artikolu 142, paragrafu 1(1) tal-Att jiddikjara li “It-telfa tad-dritt għal siġġu li jkollu Membru tal-Parlament Ewropew għandha tkun ir-riżultat tat-telfa tad-dritt għall-eliġibilità”; billi ma teżisti l-ebda dispożizzjoni bħal din fl-Att tat-12 ta' April 2001 dwar l-elezzjonijiet għas-Sejm u s-Senat tar-Repubblika tal-Polonja (il-parlament Pollakk);

D.

billi Witold Tomczak kien preċedentement (fid-29 ta' April 2005) talab lill-Parlament iħares l-immunità tiegħu f'dawn il-proċeduri kriminali; billi l-Parlament iddeċieda fil-plenarja fl-4 ta' April 2006 li ma jħarisx l-immunità tiegħu, minkejja li s-Sur Tomczak kien bagħat ittra qabel ma saret is-seduta plenarja li biha kien allega li kien se jirtira l-applikazzjoni aktar bikrija tiegħu għall-ħarsien tal-immunità tiegħu,

E.

billi Witold Tomczak qed jgħid li l-imħallef li qed jippresjedi l-każ m'huwiex oġġettiv, u li l-possibilità li l-ġuri jsir in absentia jkun qed jikser il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza,

F.

billi Witold Tomczak jilmenta li l-Qorti Distrettwali m'hijiex tagħtih aċċess għall-fajls fil-każ u li l-proċeduri kriminali kontrih huma mxaqilba għax fittex li jisfida l-legalità tal-azzjonijiet tal-pulizija lokali u tal-prosekutur lokali,

G.

billi, fuq il-bażi tat-tagħrif miksub, Witold Tomczak m'huwiex protett bl-immunità parlamentari fir-rigward tal-ebda waħda mill-affermazzjonijiet li nġiebu għall-attenzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew,

1.

Jiddeċiedi li ma' jħarisx l-immunità u l-privileġġi ta' Witold Tomczak.


(1)  Każ 101/63 Wagner v Fohrmann u Krier [1964] ECR 195, u Każ 149/85 Wybot v Faure u oħrajn [1986] ECR 2391.