Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda - L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa {SEG(2008) 3058} /* KUMM/2008/0868 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussell, 10.12.2008 KUMM(2008) 868 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa {SE G(2008) 3058} KONTENUT 1. Ħiliet ġodda: il-muftieħ għal aktar impjiegi u aħjar 3 1.1. Tqabbil tal-isfida tal-ħiliet 3 1.2. Titjib fil-ħiliet f'kull livell u l-promozzjoni tal-kapaċità għall-impjieg 3 1.3. Tlaqqigħ tal-ħiliet mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol 4 1.4. Titjib tal-kapaċità tal-Unjoni għall-evalwazzjoni tal-ħiliet, antiċipazzjoni u tlaqqigħ 5 2. L-ewwel valutazzjoni tal-ħiliet u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol sal-2020 6 2.1. Xejriet għat-tul taż-żmien fil- ħolqien tal-impjieg u provvista tax-xogħol 6 2.1.1. Suq tax-xogħol dejjem jikber, dejjem iktar iddominat mis-settur tas-servizzi 6 2.1.2. Riskju ta' nuqqas ta' xogħol u bżonn ta' rati iktar għolja ta' impjieg 7 2.2. Xejriet fil-ħiliet meħtieġa u professjonijiet 7 2.2.1. Ħtiġijiet ta' ħiliet għoljin fl-professjonijiet kollha 7 2.2.2. Ħolqien sinifikattiv ta' impjiegi b'ħiliet għolja, u riskju tal-polarizzazzjoni tas-suq tax-xogħol 8 3. Antiċipazzjoni u tqabbil Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda 12 3.1. Indirizzar tan-nuqqas tat-tlaqqigħ 12 3.2. Tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni għat-tbassir u antiċipazzjoni 13 3.3. Approfondiment tal-kooperazzjoni internazzjonali 14 3.4. Immobilizzar tal-istrumenti tal-Komunità 15 1. Ħiliet ġodda: il-muftieħ għal aktar impjiegi u aħjar 1.1. Tlaqqigħ tal-isfida tal-ħiliet Is-severità tal-kriżi finanzjarja żżid grad eċċezzjonali ta' imprevidibbiltà dwar il-futur fi żmien qasir tal-ekonomija dinjija – għad li sabiex l-Ewropa titqiegħed mill-ġdid fit-triq tal-irkupru hu meħtieġ li jittejbu l-kapital uman u l-opportunitajiet tal-impjieg permezz tal-aġġornar tal-ħiliet. Imma l-aġġornar tal-ħiliet mhux biżżejjed: li jiġi żgurat qbil aħjar bejn il-provvista tal-ħiliet u domanda tas-suq tax-xogħol hu daqshekk iehor neċessarju. Bħala parti mill-Pjan Ewropew biex l-Ekonomija Tirkupra propost mill-Kummissjoni [1] biex jgħin lill-Ewropa ttaffi l-kriżi immedjata u tipprepara għat-titjib ekonomiku, il-Kummissjoni nidiet inizjattiva Ewropeja importanti ta' appoġġ għall-impjieg. Din l-inizjattiva għandha l-għan li ġġib l' quddiem l-impjieg u tintegra mill-ġdid fis-suq tax-xogħol permezz ta' miżuri ta' attivazzjoni, taħriġ mill-ġdid u aġġornar tal-ħiliet lill-ħaddiema li spiċċaw qegħdha. L-aġġornar tal-ħiliet hu ta' importanza kritika għall-irkupru tal-Ewropa fuq żmien qasir u għat-tkabbir u l-produttività fuq żmien twil, għall-impjiegi tagħha u l-kapaċità tagħha li tadatta ruħha għal bidliet, għal ekwità, ugwaljanza bejn is-sessi u koeżjoni soċjali. Madwar l-Ewropa, il-bidla għal ekonomija b’karbonju baxx u l-importanza dejjem tikber tal-ekonomija tal-għerf, b'mod partikolari t-tixrid tal-ICTs u nanoteknoloġiji joffru potenzjal kbir għall-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli. Il-globalizzazzjoni, il-popolazzjoni dejjem tikber fl-età, l-urbaniżmu u l-evoluzzjoni tal-istrutturi soċjali jħaffu wkoll il-pass tal-bidla fis-suq tax-xogħol u l-bżonnijiet tal-ħiliet. L-iżvilupp ta' ħiliet ġodda u kompetenzi biex jġu sfruttati kompletament il-potenzjal għall-irkupru hu prijorità u sfida għall-UE u l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, għal min jagħti servizz ta' edukazzjoni u taħriġ, kumpaniji, ħaddiema u studenti. Is-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri u r-reġjuni huma sinifikament differenti f'dak li jikkonċerna l-profil tal-ħiliet tal-popolazzjonijiet tagħhom jew id-distribuzzjoni tas-settur tal-impjieg. It-titjib tal-monitoraġġ, ivvalutar u antiċipazzjoni kif ukoll it-tqabbil tal-ħiliet huwa kruċjali biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi fuq l-impjieg u l-prospetti tal-forza tax-xogħol tal-UE għal impjiegi fuq żmien twil. 1.2. Titjib fil-ħiliet f'kull livell u l-promozzjoni tal-kapaċità għall-impjieg L-aġġornar tal-ħiliet huwa kruċjali għall-ekwità, ladarba dawk b'ħiliet baxxi huma iktar vulnerabbli fis-suq tax-xogħol u jistgħu jkunu huma l-ewwel li jintlaqtu mill-kriżi. L-aġġornar tal-ħiliet mhuwiex biss il-lussu għal dawk li għandhom kwalifiki għolja f'impjiegi tat-teknoloġija avvanzata: hu neċessarju għal kulħadd. Adulti b'kwalifiki baxxi huma seba' darbiet anqas probabbli li jipparteċipaw f'tagħlim li jtul għall-ħajja kollha minn dawk li għandhom edukazzjoni għolja; ftit wisq qiegħed isir biex jiżdiedu u jiġu addattati l-ħiliet ta' forza ta' xogħol li qed tixjieħ. L-edukazzjoni, it-taħriġ u l-politika tax-xogħol tal-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq iż-żieda u l-addattament tal-ħiliet u jipprovdu opportunitajiet aħjar ta' tagħlim f'kull livell, biex jiżviluppaw forza ta' xogħol ta' ħila għolja u li tirrispondi għall-bżonnijiet tal-ekonomija. Bl-istess mod, in-negozji għandhom interess akut li jinvestu fil-kapital uman u li jġibu 'l quddiem il-ġestjoni tar-riżorsi umani tagħhom. Barra minn hekk, l-ugwaljanza bejn is-sessi hija fattur ewlieni fir-risposta għall-bżonnijiet tal-ħiliet. It-titjib tal-ekwità u l-effiċjenza tal-edukazzjoni tal-UE u tas-sistema ta' taħriġ hu essenzjali biex tiġi evitata l-ħela tar-riżorsi umani u finanzjarji tagħha, tiżdied il-kapaċità tal-impjieg u titnaqqas l-inugwaljanzi[2]. Filwaqt li l-aġġornar tal-ħiliet jimplika spejjeż immedjati u għandu jiġi ikkonsidrat f'kuntest ta' sostenibbiltà finanzjarja, rendimenti privati, fiskali u soċjali fi żmien medju u fit-tul għandhom ikunu ta' importanza iktar mill-ispejjeż tal-bidu. Forza ta' xogħol kwalifikata ma tikkontribwixix biss għall-produttività: l-investiment f'sistemi ta' tagħlim mfasslin tajjeb u li jtulu għall-ħajja kollha jista' jagħmel tajjeb għall-ispiża ekonomika tal-iskarsezza ta' ħiliet u nuqqasijiet. Filwaqt li t-tnaqqis ekonomiku jpoġġi pressjoni dejjem tikber fuq l-ispiża pubblika u privata, issa mhux iż-żmien għat-tnaqqis tal-investiment fuq il-miżuri tal-edukazzjoni, ħiliet jew impjieg attiv. L-edukazzjoni u s-sistemi ta' taħriġ għandhom jiġġeneraw ħiliet ġodda, biex jirrispondu għan-natura tal-impjiegi ġodda li huma mistennija li jinħolqu, kif ukoll iġibu għall-aħjar l-adattabilità u l-kapaċità għall-impjiegi tal-adulti diġà fil-forza tax-xogħol. Li tipprovdi edukazzjoni ta' kwalità għolja lit-tfal sa minn età żgħira u edukazzjoni bażika lil kulħadd, li ttejjeb l-edukazzjoni milħuqa u li jkun evitat it-tluq mill-iskola qabel iż-żmien huma kruċjali biex in-nies ikunu mħejjija b'kompetenzi ewlenin, inklużi ħiliet bażiċi u tagħlim li huma l-kundizzjonijiet għal iktar aġġornament tal-ħiliet[3]. 1.3. Tlaqqigħ tal-ħiliet mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol Biex jiġi kkonfrontat in-nuqqas ta' impjieg għandu jinġieb 'il quddiem it-tlaqqigħ tal-ħiliet. It-tlaqqigħ ħażin tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol kienet preokkupazzjoni dejjem tikber ta' ħafna mill-Istati Membri. Minħabba informazzjoni mhux perfetta u riġiditajiet strutturali, is-suq ma jipprovdix b'mod effiċjenti ħaddiema u negozji b'livell tajjeb ta' ħiliet fl-oqsma t-tajba, u dan jagħmel ħsara lill-kompetittività b'mod partikolari tal-intrapriżi ż-żagħar. Il-kompożizzjoni tal-ħiliet li ħierġa mill-universitajiet tal-UE u s-sistemi tat-taħriġ ma tappoġġax kompletament ekonomija mmexxija realment mill-innovazzjoni. L-għażliet edukattivi u professjonali tal-irġiel u n-nisa żgħażagħ għadhom ikunu influwenzati mill-mogħdijiet tradizzjonali tas-sessi. It-tnaqqis tal-iżbilanċi bejn is-sessi fis-setturi u l-impjiegi jista' jindirizza parzjalment in-nuqqas ta' ħiliet fil-futur , per eżempju fl-impjiegi tekniċi u ta' tmexxija.[4]. It-tneħħija tal-ostakoli, anke l-ostakoli amministrattivi, għall-moviment ħieles tal-ħaddiema fl-UE, kif ukoll iktar informazzjoni trasparenti fuq ix-xejriet tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa, jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta' mobilità professjonali, settorjali u geografika u jippermettu tqabbil aħjar bejn il-ħiliet tal-popli u l-opportunitajiet tal-impjiegi. Perjodi ta' mobilità matul l-edukazzjoni u t-taħriġ (per eżempju permezz tal-programmi Erasmus u Leonardo) jgħinu lin-nies ikunu iktar miftuħa għall-mobilita' fil-ħajja tax-xogħol tagħhom iktar tard. Tfittxija iktar effettiva u effiċjenti għall-impjieg titlob koordinazzjoni aħjar bejn oqsma ta' politika differenti u istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari is-Servizzi ta' Xogħol Pubbliku u s-sistemi tas-sigurtà soċjali. Il-Kummissjoni u l-Patt Ewropew għall-Immigrazzjoni u l-Ażil jinsistu li l-impjieg u l-mobilità geografika tal-ħaddiema mill-pajjiżi terzi tista' tgħin fit-tnaqqis tad-differenzi fil-ħiliet, u tiżgura li l-ħiliet tagħhom jistgħu jiġu wżati fuq l-aħjar livell.[5]. Is-suċċess tal-integrazzjoni tal-immigranti u d-dixxendenti tagħhom hu l-muftieħ għall-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-UE. 1.4. Titjib tal-kapaċità tal-Unjoni għall-evalwazzjoni tal-ħiliet, antiċipazzjoni u tlaqqigħ Li ġġib 'il quddiem il-monitoraġġ u l-antiċipazzjoni tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet meħtieġa hu neċessarju biex tgħin lin-nies jirritornaw għas-suq tax-xogħol, tiffaċilita it-tlaqqigħ mal-postijiet battala tax-xogħol eżistenti u torjenta l-iżvilupp tal-ħiliet biex iġġib 'il quddiem prospetti ta' xogħol għal tul ta' żmien. Titjib sostanzjali fl-Istati Membri u l-kapaċità tal-Unjoni li tbassar, tantiċipa u tlaqqa' l-ħiliet futuri u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol hi l-pre-kondizzjoni għat-tfassil ta' politiki ta' impjieg effiċjenti, edukazzjoni u politiki ta' taħriġ u għażliet individwali ta' karriera. Kapaċità miġjuba hekk 'il quddiem jista' jkollha sehem ewlieni fis-suċċess ta' politiki integrali tal-flessigurtà fi ħdan l-Istrateġija tat-Tkabbir u tal-Impjieg, kif enfasizzat mill-Missjoni għall-Flessigurtà tal-UE[6]. Il-Kunsill Ewropew stqarr b'enfasi f'Marzu 2008 li waħda mill-erba' oqsma ta' prijorità tal-Istrateġija ta' Lisbona hija li tinvesti fin-nies u l-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol, u stieden lill-Kummissjoni "biex tippreżenta valutazzjoni komprensiva tal-ħtiġiet tal-ħiliet futuri fl-Ewropa sal-2020, b'kont meħud tal-impatti tal-bidla teknoloġika u l-popolazzjonijiet li qed jixjieħu u biex tipproponi passi biex ikunu antiċipati bżonnijiet futuri". Bħala reazzjoni għal mandat tal-Kunsill Ewropew, kapitlu 2 ta' din il-Komunikazzjoni jippreżenta l-ewwel valutazzjoni tar-rekwiżiti tal-ħiliet tal-futur sal-2020 . Imma din l-analiżi ma' tistax tkun eżerċizju ta' darba. Għandha tkun segwita minn sforz sostenibbli u strateġiku hekk kif setturi ġodda jżidu l-potenzjal tagħhom li jkunu l-kawża ta' tkabbir u ta' ħolqien ta' impjieg, valutazzjonijiet għandhom ikunu aġġornati b'mod regolari biex jintegraw dawn l-iżviluppi ġodda. Għal dan l-għan, il-kapitolu 3 jissuġġerixxi modi li jġibu 'il quddiem gradwalment il-kapaċitajiet, u jistabbilixxi l-valutazzjoni tal-ħiliet u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol fil-qafas tal-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Impjiegi tal-UE. Flimkien ma' din l-inizjattiva, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ biex issostni lill-Istati Membri fit-tkabbir tal-livelli tal-ħiliet permezz ta' tagħlim li jtul għall-ħajja kollha. 2. L-ewwel valutazzjoni tal-ħiliet u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol sal-2020 Il-kriżi finanzjarja tat-tieni nofs tal-2008 turi l-limitazzjonijiet ta' kull eżerċizzju ta' tbassir. Ħafna mill-ħiliet u mill-impjiegi li jkunu jidhru komuni għaċ-ċittadini Ewropej fl-2020 – per eżempju bħala konsegwenza tal-bidliet fl-użu ta' teknoloġiji "nodfa" – anqas biss jistgħu jiġu mmaġinati llum. Imma filwaqt li t-tbassir ma jistax jipprovdi stampa eżatta tal-futur, jista' jipprovdi indikazzjoni tax-xejriet ġenerali, u jagħmel enfasi fuq ir-reazzjonijiet tal-politika[7]. Tlett konklużjonijiet ċentrali joħorġu mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni: l-ewwel, fiż-żmien medju u fiż-żmien twil hemm potenzjal kbir għall-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa – kemm għall-impjiegi ġodda u dawk ta' sostituzzjoni. It-tieni, il-ħiliet, kompetenzi u kwalifiki rikjesti jiżdiedu b'mod sinifikanti, u fit-tipi u l-livelli kollha ta’ professjoni. It-tielet, hemm il-bżonn li jiġi żgurat tlaqqigħ li jtul għall-medda ta' żmien bejn il-provvista tal-ħiliet u d-domanda tas-suq tax-xogħol. Din l-ewwel valutazzjoni hija fil-biċċa l-kbira tagħha bbażata fuq tbassir elaborat tal-ħiliet meħtieġa fil-futur magħmul f'Ġunju 2008 miċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Professjonali (Cedefop)[8] Iktar dettalji, metodoloġija u deskrizzjoni tat-tbassir tal-Istati Membri jista' jinstab fid-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff mehmuż ma' din il-Komunikazzjoni. 2.1. Xejriet għat-tul taż-żmien fil- ħolqien tal-impjieg u provvista tax-xogħol 2.1.1. Suq tax-xogħol dejjem jikber, dejjem iktar iddominat mis-settur tas-servizzi L-analiżi taċ-Cedefop tissuġġerixxi li jista' jkun hemm bejn wieħed u ieħor 100 miljun possibbiltà ta' impjiegi fl-UE 25[9] fil-perjodu bejn l-2006 u 2020. Flimkien mal-ħolqien ta' 19.6 miljun impjieg addizzjonali, jistgħu jkunu disponibbli 80.4 miljun impjieg sostituttiv ieħor hekk kif il-ħaddiema jirtiraw jew iħallu s-suq tax-xogħol. Il-bidla bil-mod imma soda fis-settur tad-distribuzzjoni tal-impjiegi tal-UE, mill-agrikoltura u industriji tradizzjonali ta' manifattura għal servizzi, x'aktarx se tkompli minkejja t-tnaqqis tal-attività ekonomika li seħħet dan l-aħħar. Fl-2002, kważi tlett kwarti mill-impjiegi jkunu fis-servizzi. Il-ħolqien tal-impjiegi fis-servizzi x'aktarx ikun sostanzjali sal-2020, b'mod speċjali fis-servizzi tan-negozju. Is-settur primarju jista' jitlef 2.9 miljun impjieg waqt li l-kostruzzjoni għandha jkollha x-xejra li tkun stabbli. Il-manifattura tagħmel l-esperjenza ta' telf nett ta' 800,000 impjieg minkejja ż-żieda fl-inġinerija; madankollu, minħabba l-impatt ta' domanda qawwija ta' sostituzzjoni, xorta jibqa' jkun hemm opportunitajiet importanti ta’ xogħol fil-manifattura, li allura xorta jibqa' settur kruċjali għall-ekonomiji tal-UE. B'perspettiva ta' żmien iktar qasir, tista' tiġi provduta stampa iktar dettaljata ta' xejriet fis-servizzi. Sal-2015 l-aħjar prospetti għall-ħolqien tal-impjiegi huma mistennija fis-servizzi tan-negozju (bħal IT, assigurazzjoni jew konsultazzjoni), kura tas-saħħa u ħidma soċjali, distribuzzjoni, servizzi personali, lukandi u servizzi tal-ikel, u sa ċertu punt għalkemm b’mod anqas l-edukazzjoni (Figura 1). Il-prospetti għas-servizzi tan-negozju u setturi oħra għandhom mnejn ikollhom il-bżonn li jiġu rranġati fid-dawl tal-kriżi finanzjarja. It-transizzjoni lejn ekonomija b’konsum baxx tal-karbonju ikollha wkoll impatt importanti fuq l-impjieg, speċjalment fl-enerġija, ilma u trattament tal-iskart, kostruzzjoni, trasport, industrija, agrikoltura u forestrija. Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, is-suq globali għas-servizzi u prodotti ekoloġiċi għandu jirdoppja u fl-2020 jilħaq l-2740 blijun dollaru [10]. 2.1.2. Riskju ta' nuqqas ta' xogħol u bżonn ta' rati iktar għolja ta' impjieg Xejriet demografiċi jkollhom impatt ewlieni fuq il-provvista tax-xogħol, għalkemm għal diversi snin dan ikun parzjalment ikkumpensat minn żieda fir-rati ta' attività[11]. L-Eurostat tikkalkula li l-popolazzjoni fl-età tax-xogħol tal-UE (15-64 sena) ser tilħaq il-qofol tagħha fl-2012 u imbagħad tibda nieżla hekk kif il-koorti tal-"baby-boom" jonqsu. Hekk kif ir-rata ta' parteċipazzjoni tan-nisa u tal-ħaddiema anzjani ser tkompli tiżdied, il-forza effettiva tax-xogħol għandha tkompli tikber bil-mod sal-2020; imbagħad l-"effett tal-età" jaqbeż iż-żieda fir-rati ta' parteċipazzjoni, u jirriżulta f'nuqqas zgħir imma kontinwu tal-provvista totali tax-xogħol tal-UE; dan ser jaffettwa lill-Istati Membri b'modi differenti. Flussi migratorji jistgħu jikkumpensaw għal ftit in-nuqqas fir-rati tat-twelid, imma ma jsolvux id-defiċit demografiku - jekk xejn minħabba li għat-tul taż-żmien il-popolazzjonijiet immigranti għandhom it-tendenza li jakkwistaw ix-xejriet demografiċi tal-pajjiż tagħhom ta' residenza. Nuqqasijiet ta' tqabbil tas-suq tax-xogħol kwalitattiv tal-UE x'aktarx se jkomplu jiħżienu minn skarsezzi kwantitattivi: it-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol ikun meħtieġ għal użu effettiv tal-kapital uman. 2.2. Xejriet fil-ħiliet meħtieġa u professjonijiet 2.2.1. Ħtiġijiet ta' ħiliet għoljin fil-professjonijiet kollha Diversi fatturi kollaterali għandhom jistimulaw ħtieġa għal ħiliet aħjar u adattati: globalizzazzjoni u żieda fil-kummerċ internazzjonali; it-transizzjoni lejn ekonomija b’konsum baxx tal-karbonju; l-aplikazzjoni tat-teknoloġiji, b'mod partikolari ICT; u bidliet fl-organizzazzjoni tax-xogħol li fihom infushom huma konsegwenza in parti ta' bidla teknoloġika u aġġornar tal-ħiliet[12]. L-għaxar snin li ġejjin ser jaraw domanda dejjem tiżdied għal forza ta' xogħol bi kwalifiki għoljin u adattata u iktar impjiegi li jiddependu fuq il-ħiliet. Ix-xejra ġenerali dejjem tielgħa fid-domanda tal-ħiliet tista' tiġi murija billi tingħata ħarsa lejn il-livelli meħtieġa tal-edukazzjoni milħuqa, għalkemm dawn huma approssimament varjabbli għall-livelli tal-ħila. Fl-UE 25, bejn l-2006 u l-2020, il-proporzjon tal-impjiegi li jirrikjedu livelli għoljin ta' edukazzjoni milħuqa għandhom jitilgħu minn 25.1% għal 31.3% tat-total; impjiegi li jirrikjedu kwalifiki medji ser jiżdiedu bi ftit ukoll, minn 48.3% għal 50.1%. Dan għandu jammonta rispettivament għal 38.8 u 52.4 miljun ta' opportunitajiet ta' impjiegi ta' livell għoli u medju. Fl-istess waqt, is-sehem tal-impjiegi li jirrikjedu livelli baxxi ta' edukazzjoni milħuqa ser jinżlu minn 26.2% għal 18.5%, minkejja l-10 miljun opportunità ta' impjieg (Figura 2). Ħafna mill-impjiegi fil-professjonijiet ta' ħila mhux manwali jkunu jeħtieġu ħaddiema b'kwalifiki għolja; ħaddiema b'edukazzjoni medja milħuqa ser ikomplu jimlew l-pożizzjonijiet ta' ħila. Ladarba r-rati tal-edukazzjoni b'mod ġenerali qed jiżdiedu b'rata iktar magħġġla mill-bidliet tas-suq tax-xogħol, il-ħaddiema b'edukazzjoni baxxa milħuqa għad iżommu biss nofs l-impjiegi elementari (Figura 3). Fis-settur tas-servizz, hemm tendenza ċara lejn it-tqabbil tal-portafol tal-ħiliet meħtieġa fil-livelli kollha pożizzjonali, marbuta mal-ħidmiet "mhux ta' rutina". Pereżempju, professjonisti tal-ICT għandhom jiżviluppaw ħiliet fit-tqegħid fis-suq u amministrazzjoni. Ħaddiema fis-servizzi għandhom jiżviluppaw ħiliet orjentati lejn il-konsumatur u litteriżmu diġitali. F'ħafna setturi ta' għerf intensiv, ħiliet amministrattivi u għerf xjentifiku huma t-tnejn meħtieġa. Fil-kura soċjali u edukazzjoni, hu meħtieġ iktar aġġornar tal-ħiliet biex il-kwalità tas-servizzi tiġi 'l quddiem. Dan jirrifletti domanda dejjem tikber minn dawk li jħadmu għal kompetenzi ewlenin trażversali, bħal soluzzjoni ta' problemi u ħiliet analitiċi, eżerċitar ta’ mmaniġġar personali u ħiliet fil-komunikazzjoni, ħiliet lingwistiċi, u b'mod aktar ġenerali, "ħiliet mhux ta' rutina". 2.2.2. Ħolqien sinifikattiv ta' impjiegi b'ħiliet għolja, u riskju tal-polarizzazzjoni tas-suq tax-xogħol Il-projezzjonijiet tal-ħolqien nett tal-impjiegi juru espansjoni polarizzata tal-impjiegi fost il-professjonijiet, b'enfasi qawwija favur impjiegi ta' ħila għolja. Sal-2020, fl-UE25 17.7 miljun impjieg addizzjonali jistgħu jinħolqu fi 'professjonijiet mhux manwali ta' ħila għolja bħal amministrattivi, kummerċjali, loġistiċi u managers tal-bejgħ, amministraturi tas-sistemi tal-IT, professjonisti tat-tagħlim u tekniċi. Fl-istess waqt, il-previżjonijiet jagħmlu enfasi dwar prospettivi baxxi u anke ħżiena ta' ħolqien ta' impjiegi għal xi xogħolijiet ta' ħila, imma wkoll ħolqien nett konsiderevoli ta' impjiegi elementari (5 miljuni), speċjalment fis-settur tas-servizz – per eżempju staff ta' sigurtà, ajjutanti domestiċi, kaxxiera jew ħaddiema fis-settur tat-tindif. (Figura 4). Teknoloġiji ġodda u żviluppi fl-organizzazzjoni tax-xogħol donnhom jirriżultaw fi tkabbir importanti tal-impjiegi fit-trufijiet tal-firxa tal-impjiegi (speċjalment fil-livell għoli). Teknoloġiji ġodda ma jistgħux jieħdu post il-ħidmiet tipiċi "mhux ta' rutina" tal-professjonijiet ta' ħila għolja (per eżempju ħdmiet konoxxittivi u ta' komunikazzjoni), jew impjiegi ta' ħiliet baxxi, speċjalment fis-settur tas-servizzi (per eżempju l-kura jew is-sewqan ta' vettura). Madanakollu, ħidmiet ta' rutina ta' ħila medja u xogħol repettitiv jistgħu jiġu sostitwiti mill-awtomazzjoni u l-kompjuterizzazzjoni, jew esternati. Polarizzazzjoni bħal din hi perċettibbli f'xi Stati Membri. Madankollu, mhix fenomenu ċar, u t-tendenza tal-polarizzazzjoni fil-ħolqien tal-impjiegi netti għandha tkun prinċipalment ibbilanċjata b'domanda għolja ta' sostituzzjoni għall-ħaddiema b'ħiliet medji, għalkemm id-domanda ta' sostituzzjoni se tenfasizza wkoll it-tendenza 'l fuq dwar id-domanda tal-ħiliet. Bidliet bħal dawn fid-domanda tas-suq tax-xogħol iqajmu preokkupazzjonijiet dwar id-differenzi tal-pagi bejn l-impjiegi. Ix-xejra fid-dħul mill-ishma tax-xogħol fl-UE sa mill-1980 kienet dejjem 'il fuq b'mod ċar għal dawk b'ħiliet għoljin, imma l-isfel għal dawk b'ħiliet baxxi, waqt li l-livelli tal-pagi għal dawk b'ħiliet baxxi u medji kellhom it-tendenza li joqorbu lejn xulxin[13]. Impjiegi fis-settur tas-servizzi "b'ħiliet baxxi" qed jinkludu dejjem aktar ħidmiet mhux ta' rutina; madanakollu xorta ftit għad hemm għarfien finanzjarju għall-kompetenzi ġodda u ħiliet neċessarji għal dawn l-impjiegi fl-istruttura tal-pagi. Dan huwa wkoll impatt fuq l-inugwaljanza bejn is-sessi, ladarba in-nisa, speċjalment in-nisa migranti, iħaddnu b'mod sproporzjonat impjiegi fis-settur tas-servizzi[14]. Figura 1. Xejriet fil-livelli tal-impjiegi fis-settur tas-servizzi sal-2015, UE -25 [pic] Sors: Cedefop, 2008 Figura 2. Struttura tal-passat u tal-futur tal-impjiegi skont l-edukazzjoni milħuqa, UE -25 [pic] Sors: Cedefop, 2008 Figura 3. Projezzjoni tal-livelli tal-impjieg fl-2020, skont kategoriji ġenerali tal-impjiegi u livell tal-edukazzjoni milħuqa, UE -25 [pic]Sors: Cedefop, 2008 Figura 4. Possibiltà ta' impjieg bejn l-2006 u l-2020 minn kategoriji wiesgħin ta' impjiegi, UE -25 [pic] Sors: Cedefop, 2008 3. Antiċipazzjoni u Tlaqqigħ Aġenda għal Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda Biex ikunu ffaċċjati aħjar l-isfidi deskritti, hu kruċjali li tinġieb 'il quddiem informazzjoni aktar komprensiva dwar il-ħiliet futuri tal-Unjoni u r-rekwiżiti għall-impjiegi u li tagħmel iktar faċli t-tqabbil u l-antiċipazzjoni. Din tqiegħed fiċ-ċentru tal-istrateġija tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi il-bżonn tal-aġġornar tal-ħiliet tal-popolazzjoni tal-UE u tassigura tlaqqigħ aħjar mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, biex tindirizza l-impjieg immedjat u l-impatti soċjali tal-kriżi u tikkontribwixxi għall-kompetittività u l-ekwità tal-Unjoni għat-tul taż-żmien. Imfassla fuq baġits eżistenti u programmi tal-UE, hija organizzata taħt erba' linji ta' azzjoni. 3.1. Indirizzar tan-nuqqas tat-tlaqqigħ L-awtoritajiet pubbliċi fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali, in-negozju, sħab soċjali, dawk li jipprovdu t-taħriġ u persuni individwali igawdu minn tagħrif fuq bażi regolari dwar il-bidliet għal żmien qasir fis-suq tax-xogħol tal-UE, l-offerti ta' impjieg disponibbli madwar l-UE, u l-projezzjonijiet tar-rekwiżiti tal-ħiliet. Biex iġġib 'il quddiem il-mobilità professjonali u ġeografika, il-Kummissjoni se: - Tistabilixxi sa mill-2009 "Osservatur għas-Suq tax-Xogħol Ewropew" b'informazzjoni perjodika aġġornata fuq xejriet ta' żmien qasir dwar is-suq tax-xogħol Ewropew. L-Osservatur jiġbor, janalizza u jqassam l-informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala u dawk reġistrati li qed ifittxu impjieg permezz ta' netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg u, biż-żmien, minn sorsi aktar wiesgħa bħal setturi, kumpaniji u aġenziji ta' reklutaġġ; - Tiżviluppa sa mill-2009 dizzjunarju standard multilingwistiku tal-pożizzjonijiet u ħiliet, biex tkabbar il-kwalità u t-trasparenza tal-informazzjoni fuq l-postijiet tax-xogħol battala biex iġġib 'il quddiem it-tlaqqigħ bejn dawk li jfittxu l-impjieg u l-postijiet ta' xogħol battala; - Toħloq fl-2009 servizz online Laqqa' u Fassal faċli biex jintuża u trasparenti għaċ-ċittadini, li jipprovdi informazzjoni kwalitattiva dwar il-professjonijiet, il-ħiliet, it-tagħlim u l-opportunitajiet ta' taħriġ madwar l-UE. Bħala parti mill-EURES, u f'għaqda mal-portali PLOTEUS u EURAXESS[15], dan ser jipprovdi pjan ġeografiku ċar tal-offerti tal-impjiegi fl-UE li jaqblu ma' profil tal-utent, rispons dwar għaliex l-impjiegi u l-kapaċitajiet ma jaqblux, u informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' tagħlim. 3.2. Tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni għat-tbassir u antiċipazzjoni Ħafna mill-Istati Membri diġa qegħdin jiżviluppaw l-għodda tat-tbassir u antiċipazzjoni[16]. Madanakollu, dawn l-inizjattivi ivarjaw b'mod sinifikanti fil-għan u metodoloġija u jeħtieġu li jinġiebu flimkien fi sforz organizzat. Ir-riżorsi u l-esperjenza taċ-Cedefop u l-Fondazzjoni Ewropea għal Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għandhom jiġu sfruttati għal dan il-għan. Il-Kummissjoni se: - Tistabilixxi valutazzjoni regolari u sistematika tal-provvista u d-domanda għat-tul ta' żmien fis-swieq tax-xogħol tal-UE sal-2020, mqassma skont setturi, impjiegi, livelli ta' kwalifika u pajjiżi. Projezzjonijiet aġġornati jkunu ppublikati kull sentejn, li jibdew fl-2010, flimkien ma' twissijiet ad hoc sa minn kmieni ta' żbilanċi potenzjali fis-suq tax-xogħol; - Iżżid il-kapaċitajiet tal-UE fit-tagħlim metodoloġiku, analitiku u reċiproku għall-antiċipazzjoni tal-ħiliet u l-impjiegi. Sa mill-2009, il-Kummissjoni ser tikkonċentra l-isforzi tal-PROGRESS u programmi ta’ Tagħlim li jtul għall-Ħajja kollha biex tiżviluppa metodi ġodda tal-kejl tal-kompetenzi; - Iżżid il-kapaċità tal-UE biex tivvaluta l-effetti fuq l-impjiegi ta' tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju. In-negozji għandhom sehem ewlieni x'iwettqu fil-valutazzjoni tal-bżonnijiet tal-ħiliet, u għandhom ikunu involuti b'mod attiv f'din l-inizjattiva. Il-Kummissjoni se: - Iġġib il-quddiem djalogu bejn in-negozju u l-edukazzjoni u dawk li jipprovdu t-taħriġ, għat-twaqqif ta' sħubija biex tindirizza l-bżonnijiet tal-ħiliet fuq perjodu medju; u tipprovdi intwizzjoni fuq l-aspettattivi tal-impjegati fir-rigward tal-istudenti u gradwati, permezz ta' studji prospettivi ta' kwalità bħal "Konverġenza tal-Istrutturi tal-Edukazzjoni fl-Ewropa"; - Tkabbar l-għarfien, il-konoxxenza u l-involviment tan-negozji fit-tbassir tal-ħiliet meħtieġa, permezz ta' għodda ta' stħarriġ għal min iħaddem u studji kwalitattivi fuq il-ħiliet meħtieġa tan-negozju, b'mod partikolari l-SMEs; - Tgħin lill-pjattaformi ta' kumpaniji, lil dawk li jipprovdu t-taħriġ u l-ispeċjalisti fir-reklutaġġ biex ifasslu flimkien korsijiet speċifiċi ta' taħriġ u jorganizzaw ta' kull sena avveniment : "Sħubija għall-ħiliet u l-impjieg", biex jirrikonoxxu s-sħubija l-iktar innovattiva tat-tlaqqigħ tal-provvista u d-domanda tal-ħiliet. Il-livell tas-settur hu ta' relevanza speċjali meta nħarsu lejn l-adattament għall-bidla. Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE, sħab soċjali u l-aġenziji tal-UE Eurofound u Cedefop, diġa żviluppaw prospettiva metodoloġika previżta bejn is-setturi għall-antiċipazzjoni tal-bżonnijiet tal-ħiliet tas-setturi, li tagħti xenarji għall-evoluzzjoni tas-setturi u l-impatt fuq il-professjoni u l-impjieg. Il-Kummissjoni ser: - Tipprovdi analiżi tal-ħiliet u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol tas-setturi ewlenin. Ser ikunu disponibbli f'nofs l-2009 riżultati komprensivi għas-16–il settur li jkopru 75% mit-total tas-settur privat tal-impjiegi tal-UE, li jipprovdu stampa kompleta tad-domanda għax-xogħol u l-implikazzjonijiet tagħhha għar-ristruturazzjoni; - Tiddiskuti mal-partijiet interessati, b'mod partikolari s-settur eżistenti tal-kumitati tad-djalogu soċjali, il-possibiltà tat-twaqqif ta' "kunsilli settorjali fuq l-impjieg u l-ħiliet" fuq livell tal-UE, biex tiġbor informazzjoni disponibbli fl-Istati Membri u r-reġjuni u tipprovdi gwida mfassla mill-partijiet interessati u mis-sistemi tal-edukazzjoni u taħriġ. Sabiex titfassal fuq l-esperjenza tal-Istati Membri, sħab kummerċjali u soċjali, dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ, akkademiċi u istituzzjonijiet internazzjonali, il-Kummissjoni ser tistabbilixxi grupp żgħir ta' esperti biex isostnu l-inizjattiva Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda. Tul iż-żmien ta' sena waħda, il-grupp ser jipprovdi kompetenza u pariri dwar l-analiżi, il-metodoloġiji komuni u r-reazzjonijiet tal-politika. 3.3. Approfondiment tal-kooperazzjoni internazzjonali L-UE u ekonomiji oħra huma affetwati mit-tendenzi globali u sfidi, li min-naħa tagħhom għandhom impatt dirett fuq is-swieq tax-xogħol tal-UE; djalogu ta' politika u skambju ta' esperjenzi mal-imsieħba globali tagħna jistgħu jikkontribwixxu biex jagħtu forma lil dawn l-isfidi tal-llum u ta' għada. Flimkien mal-kooperazzjoni kontinwa mas-46 pajjiż membru tal-proċess ta' Bologna għal riforma tal-edukazzjoni ogħla, il-Kummissjoni ser tintensifika l-kooperazzjoni tal-pajjiżi terzi u istituzzjonijiet internazzjonali. B'mod partikolari, hija se: - Tipparteċipa b'mod attiv fil-programm ġdid tal-OECD "Programm għall-Valutazzjoni tal-Kompetenzi tal-Adulti (PIAAC), flimkien mal-Programmi li għaddejjin bħalissa PISA u AHELO dwar ir-riżultati tal-istudenti u l-edukazzjoni għolja. Il-Kummissjoni ser tikkoopera wkoll mal-OECD fl-iżvilupp ta' studji kwalitattivi dwar l-evoluzzjoni tad-domanda tal-ħiliet u l-indikaturi tan-nuqqas ta' tlaqqigħ; - Tikkopera mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), b'mod partikolari bil-għan li tiżviluppa pjattaforma ta' qsim tal-għarfien u biex tivvaluta l-impatt globali tal-politika tal-bidla fil-klima dwar il-ħiliet u l-impjiegi; - Tkabbar id-djalogi bilaterali ta' bħalissa mal-pajjjiżi terzi, b'mod partikolari maċ-Ċina, l-Indja, l-USA u l-Kanada, li jwasslu għal riċerka konġunta u kooperazzjoni dwar it-tbassir u l-metodoloġija; - Tiżviluppa mal-pajjiżi ġirien u fi ħdan l-Isħubija tal-Lvant id-djalogu tal-politika u fi ħdan l-Unjoni għall-Mediterran appoġġjati mill-Fundazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, partikolarment biex tiżviluppa s-settur tal-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ (VET) u oqfsa ta’ kwalifiki nazzjonali. 3.4. Immobilizzar tal-istrumenti tal-Komunità Il-preparazzjoni għall-irkupru permezz tal-aġġornar radikali tal-kapaċitajiet jirnexxi biss permezz ta' sforz komuni tal-partijiet kollha interessati fl-Istati Membri, bil-kontribuzzjoni tal-politiki Komunitarji, strumenti finanzjarji u proċessi: - L-Istrateġija tat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi u l-programmi Reċiproċi ta' Tagħlim fi ħdan il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni jipprovvdu qafas ġenerali ta' politika għall-inizjattiva Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda. Il-Pjan tal-Irkupru tal-Kummissjoni jissottolinja li enfasi b'saħħitha fuq il-politiki ta' flessigurtà, b'attenzjoni speċjali fuq miżuri ta' attivazzjoni, taħriġ mill-ġdid u aġġornar tal-ħiliet, hija essenzjali biex iġġib 'il quddiem kapaċità tal-impjieg u integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol; - Il-qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ jista' jistimula sħubija innovattiva bejn dawk li jipprovdu l-edukazzjpni u t-taħriġ u l-atturi soċjali u ekonomiċi, biex jġibu 'l quddiem sistemi iktar flessibbli u mmexxijin mid-domanda. L-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għandu jżid it-trasparenza tal-kwalifiki u jagħmel eħfef l-aċċess għal iktar tagħlim. Il-proċess ta' Kopenħagen dwar il-kooperazzjoini fil-VET ser jinkludi prijorità ġdida biex iġġib 'il quddiem ir-rabtiet mas-suq tax-xogħol; - Il-"Il-Ħames Libertà" – il-moviment ħieles tat-tagħlim – mitlub mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2008, ser jagħti l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp tal-inizjattiva Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda Ser jinkoraġġixxi l-mobilità ta' ħaddiema b’għarfien mal-fruntieri u s-setturi u b'hekk igħin fil-tqabbil bejn id-domanda u l-provvista fil-livell ta' kapaċità għolja; - L-inizjattiva Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda hija kollha kemm hi skont l-għanijiet tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Diversi Stati Membri diġa identifikaw bħala prijorità fl-ipprogrammar tagħhom tal-ESF 2007-2013 l-iżvilupp tal-politiki u servizzi biex jindirizzaw bżonnijiet ta' kapaċitajiet u nuqqasijiet ta' qbil fis-suq tax-xogħol, inklużi azzjonijiet bil-għan ta' bilanċ aħjar bejn is-sessi u gwida dwar għażliet edukattivi. Il-Kummissjoni ser tipprovdi politika ta' gwida għall-Istati Membri dwar l-aħjar użu tal-fondi ESF; - Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jista' wkoll jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' ħiliet u antiċipazzjoni, billi jġib 'il quddiem tbassir teknoloġiku, innovazzjoni, riċerka u żvilupp u infrastruttura komunikattiva u pemezz ta’ kooperazzjoni trans-konfinali bejn l-organizzazzjonijiet ta' edukazzjoni u taħriġ; - Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEIR) jinvesti fl-innovazzjoni, teknoloġiji ġodda, riċerka u żvilupp, u jappoġġja l-aġġornar tal-ħiliet tal-bdiewa, speċjalisti forestali u dawk li jipproċessaw l-ikel kif ukoll lill-popolazzjoni rurali iktar wiesgħa permezz ta' taħriġ, informazzjoni u diffużjoni ta' azzjonijiet ta' għarfien. - Il-proposta tal-Kummissjoni biex temenda r-Regolament tal-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAĠ) ser tippermetti attivitajiet ta' aġġornar għat-tisħiħ tal-ħiliet; - Il-Fond Ewropew għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jista' wkoll jikkontribwixxi – jikkumplimenta lill-FSE – fl-aġġornar u l-addattament tal-ħiliet tal-immigranti, b'mod partikolari billi jappoġġja miżuri ta' qabel il-vjaġġ (eż. taħriġ vokazzjonali u lingwistiku) fil-pajjiż minn fejn ikunu ġejjin, u korsijiet lingwistiċi fl-Istati Membri ta' residenza; Id-djalogu soċjali Ewropew huwa strument ewlieni għall-mobilitazzjoni tal-isħab soċjali biex jinvestiu fil-ħiliet it-tajba permezz ta' edukazzjoni u tagħlim li jtul għall-ħajja kollha. Il-Kummissjoni ser tistieden imsieħba soċjali biex jiżviluppaw inizjattivi konġunti biex jġibu 'l quddiem it-tbassir u l-aġġornar tal-ħiliet, u biex jakkumpanjaw ristrutturazzjoni għal żmien qasir. *** L-aġġornar tal-ħiliet huwa ta' importanza kritika għall-futur tal-Ewropa; hekk ukoll, speċjalment illum, huwa tlaqqigħ aħjar bejn il-ħiliet u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol. L-inizjattiva Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda tagħmel enfasi fuq il-bżonn ta' edukazzjoni iktar effettiva u politiki ta' taħriġ u modernizzar tas-swieq tax-xogħol permezz ta' politiki ta' flessigurtà. Hija tipproponi sforz kollettiv lejn valutazzjoni komprensiva ta' ħiliet futuri u bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, fi sħab mal-Istati Membri, kumpaniji u partijiet oħra interessati. L-inizjattiva għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-istrateġija għat-Tkabbir Eekonomiku u l-Impjiegi, biex ttaffi l-impatt tal-kriżi ta' bħalissa fir-rigward ta' impjiegi u ħiliet, u tkabbar il-kompetittività għat-tul taż-żmien u l-ekwità. Fi sħab mal-Istati Membri, il-Kummissjoni ser tivvaluta l-effettività tal-miżuri fuq bażi kontinwa, u dan tibda tagħmlu fir-rapport tal-ewwel sentejn fl-2010. [1] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM (2008) [2] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Effiċjenza u Ekwità fis-Sistemi tal-Edukazzjoni u Taħriġ", COM (2006) 481, 8.09.2006 [3] "Qafas Ewropew ta’ Referenza dwar il-Kompetenzi Ewlenin għal Tagħlim tul il-Ħajja", Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/962/KE tat-18.12.2006. [4] Ir-Rapport tal-Kummissjoni fuq l-ekwità bejn l-irġiel u n-nisa 2009, għandu jiġi ppublikat. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà" COM (2007) 498 finali, 4.09.2007. [5] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa" COM (2008)359 final, 17.06.2008 [6] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn Prinċipji Komuni tal-Flessigurtà", COM(2007) 359, 27.06.2007. Rapport dwar il-Missjoni għall-Flessigurtà lill-Kunsill, Diċ. 2008. [7] Dwar ir-restrizzjonijiet u l-metodoloġija tat-tbassir, ara d-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni (SWD). [8] Cedefop, Ħiliet futuri mehtiega fl-Ewropa. Attenzjoni speċjali għall-2020Lussemburgu , 2008 [9] Din il-valutazzjoni preliminari ma tinkludix lill-Bulgarija u r-Romanija. Huma se jiġu inklużi fl-ewwel aġġornament tal-projezzjonijiet. [10] ILO, Impjiegi ħodor : fatti u figuri, 2008 [11] Ara l-ewwel Rapport Demografiku tal-Kummissjoni, SEC (2007) 638, 11.05.2007. [12] SWD paġna 18 [13] SWD paġna 30 [14] SWD paġna 31 [15] EURES, il-portal tas-Servizzi tax-Xogħol Ewropej, (http://eures.europa.eu) fil-preżent jinkludi 1.2 miljun offerti tax-xogħol, fuq 300,000 CV u 17,700 impjegat reġistrat. Jipprovdi anke informazzjoni meħtieġa għall-mobilità professjonali fl-Ewropa. PLOTEUS, il-Portal dwar l-Opportunitajiet ta’ Tagħlim maż-Żona Ewropea, (http://ec.europa.eu/ploteus/) jirċievi fuq 800,000 viżta kull sena. EURAXESS, il-websajt tar-Riċerkaturi f'Mmoviment, tinkludi Portal ta' Impjiegi (http://ec.europa.eu/euraxess/jobs) iddedikat lil dawk li jħaddmu u l-impjegati b'profil ta' riċerka; Din tippublika 5000 offerta għax-xogħol ta' kull sena. [16] Għal għarfien kumplessiv tal-inizjattivi nazzjonali, ara SWD, kapitlu 3.