52008DC0866

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Qorti tal-Awdituri - Lejn għarfien komuni tal-kunċett ta' riskju tollerabbli ta' żball {SEG(2008) 3054} /* KUMM/2008/0866 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.12.2008

KUMM(2008) 866 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL U L-QORTI TAL-AWDITURI

Lejn għarfien komuni tal-kunċett ta' riskju tollerabbli ta' żball

{SEG(2008) 3054}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL U L-QORTI TAL-AWDITURI

Lejn għarfien komuni tal-kunċett ta' riskju tollerabbli ta' żball

1. il-kuntest tal-proposta

Meta ppreżentat ir-Rapport Annwali tagħha għall-2007, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri rrappurtat li sabet "livell materjali" ta' żbalji f'oqsma tal-baġit li jirrappreżentaw 54% tal-baġit tal-UE. B'mod aktar preċiż, il-Qorti sabet rati ta' żball ogħla mil-limitu ta' 2% f'"L-Iżvilupp Rurali", "L-Ambjent", "Il-Koeżjoni", "Ir-Riċerka", "L-Enerġija", "It-Trasport", "L-Għajnuna Esterna", "L-Għajnuna għall-iżvilupp", "It-Tkabbir", "L-Edukazzjoni" u "Iċ-Ċittadinanza".

Bħala rizultat ta' dan, l-awtorità baġitarja u l-pubbliku ġenerali qed jingħataw l-impressjoni li l-UE mhix kapaċi tiġġestixxi kif xieraq il-biċċa l-kbira tal-linji ta' politika ewlenin tagħha. Ir-rapport tal-Qorti jpoġġi bnadar "sofor" u "ħomor" fuq xi wħud mill-prijoritajiet probabbli futuri ta' nfiq fil-baġit tal-UE, fil-kuntest tar-reviżjoni tal-baġit u tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. Il-Kummissjoni għamlet sforzi kbar biex tindirizza din is-sitwazzjoni, u sar progress sinifikanti u tanġibbli matul dawn l-aħħar erba' snin.

Żieda fil-kontrolli, u kontrolli aħjar, f'kull livell, ikunu ovvjament ta' għajnuna. Anki s-semplifikazzjoni leġiżlattiva tkun tista' tindirizza l-proporzjon għoli ta' żball li jista' jiġi attribwit lill-benefiċjarji finali li jiddikjaraw spejjeż għolja żżejjed, li jifhmu hażin jew japplikaw ħażin ir-regoli u regolamenti ta' spiss kumplessi li jirregolaw il-fondi tal-UE.

Iżda hekk kif turi l-Qorti, il-mod li bih il-fondi tal-UE jitħallsu lil miljuni ta' benefiċjarji madwar l-Unjoni, abbażi ta' dikjarazzjoni minn dawk stess li jirċievu l-fondi, hu ta' riskju minnu nnifisu. U lil hinn mill-konfini tal-Unjoni, l-Ewropa hija attiva fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u fi sforzi umanitarji u sfidi globali oħra, ta' spiss f'ambjenti diffiċli u riskjużi, madankollu b'appoġġ wiesa' mill-pubbliku Ewropew.

Dawn l-obbligi politiċi jridu jiġu attwati u mwettqa b'kontrolli effiċjenti fuq l-ispejjeż. Filwaqt li hemm tolleranza żero fejn tidħol il-frodi, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi għandhom jifhmu li ċerti skemi huma minnhom innifishom riskjużi. Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi huma mdorrija jevalwaw u jassumu li jkun hemm riskji bħal dawn, u jaċċettaw li xi żbalji se jseħħu, li jistgħu jiġu kkoreġuti biss wara li jinstabu.

Bħalissa l-Qorti tuża limitu ta' 2%, bħal ma jagħmlu ħafna istituzzjonijiet ta' verifika għolja, essenzjalment għall-materjalità tad-dikjarazzjonijiet tal-kontijiet. Dan il-livell uniformi, li ma jeħux f'kunsiderazzjoni l-profili ta' riskju differenti tal-linji ta' politika, huwa wkoll użat mill-Qorti biex tasal għall-konklużjonijiet dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti. Wieħed jista' jobsor mingħajr eżitazzjoni li l-awtorità baġitarja tistabbilixxi limitu differenti, jekk tkun tqis fl-istess ħin il-ħtiġijiet politiċi, il-benefiċċji ta' linja ta' politika (anki dik mhux finanzjarja), ir-riskju inerenti, il-potenzjal għal aktar simplifikazzjoni u l-ispiża addizzjonali marbuta mat-tnaqqis ta' rati ta' żball permezz ta' aktar kontrolli.

Il-kunċett ta' "riskju tollerabbli ta' żball" huwa l-implimentazzjoni prattika ta' dan l-approċċ politiku lejn il-verifika, u huwa dibattitu li messu ilu li sar fir-rigward tal-baġit tal-UE.

Fil-fatt, il-kunċett ta' riskju tollerabbli ta' żball iddaħħal l-ewwel darba fil-livell tal-UE mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri fl-"opinjoni dwar verifika unika" tagħha[1]. Il-Qorti argumentat li ' kull sistema ta' kontroll hija kompromess bejn l-ispiża sabiex tiġi operata l-intensità definita tal-kontrolli fuq naħa, u l-benefiċċji li dawn il-kontrolli jġibu fuq in-naħa l-oħra. Fil-kuntest tal-Komunità il-benefiċċju jinvolvi t-tnaqqis tar-riskju li jinħlew il-fondi u jiġi kkontrollat ir-riskju tal-iżball għal wieħed li jista' jiġi ttollerat'.

Il-Qorti tkompli tiddikjara, f'konformità mal-istandards internazzjonali tal-verifika, li tranżazzjonijiet sottostanti ftit li xejn jistgħu qatt ikunu għal kollox ħielsa mill-iżbalji, u għalhekk huwa aċċettabbli li jkun hemm livell ta' tolleranza fl-eżattezza tagħhom[2]. Din it-tolleranza hija riflessa mil-livell ta' 2% ta' materjalità applikat mill-Qorti għall-oqsma kollha ta' politika għall-evalwazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti[3]. Għaldaqstant, rata ta' żball estrapolata ta' aktar minn 2% ibbażata fuq il-kampjun tal-Qorti twassal għal opinjoni kwalifikata jew kuntrarja.

Fl-Opinjoni tagħha, il-Qorti kompliet tikkonkludi li ' huwa probabbli li l-livell ta' żball tollerabbli jew ta' irregolarità tkun tvarja bejn oqsma baġitarji differenti, sew skont l-ispiża tal-kontrolli kif ukoll skont ir-riskju inerenti'. Sabiex jiġu bbilanċjati l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-kontroll, il-Qorti indikat li l-livell ta' 2% mhux neċessarjament l-aħjar livell ta' referenza sabiex tingħata opinjoni fuq il-ġestjoni tar-riskju mill-Kummissjoni f'xi oqsma tal-baġit. Hija għalhekk appellat biex il-Kummissjoni tipproponi li jiġu stabbiliti rati ta' riskju tollerabbli, u li tittieħed deċiżjoni dwarhom f'livell politiku. Il-Kummissjoni inkludiet is-suġġerimenti tal-Qorti dwar ir-riskju tollerabbli fil-Pjan ta' Azzjoni lejn Qafas ta' Kontroll Intern Integrat (Action 4), tal-2006, u nediet eżerċizzju ta' ġbir ta' dejta dwar l-ispejjeż tal-kontrolli (Action 10)[4].

Wara l-opinjoni dwar verifika unika tal-Qorti, il-Kunsill ikkonkluda f'Novembru 2005 'li għandu jilħaq ftehim mal-Parlament Ewropew rigward ir-riskji li għandhom jiġu ttollerati fit-tranżazzjonijiet bażi, filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-kontrolli għall-oqsma ta' politika differenti u l-valur tal-infiq ikkonċernat'[5]. F'konformità ma' dan, il-Presidenza Slovena iddikjarat f'Ġunju 2008 li ' l-Presidenza temmen, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2005 [..] li għandu jintlaħaq ftehim komuni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-riskju residwu li għandu jiġi ttollerat fit-tranżazzjonijiet ta' bażi, b'mod li jittieħed kont tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-kontrolli għall-oqsma differenti ta' politika u tal-valur tan-nefqa kkonċernata' [6] .

Il- Parlament Ewropew ukoll b'mod konsistenti appoġġja l-implimentazzjoni ta' approċċ ta' riskju tollerabbli (speċjalment fid-deċiżjonijiet ta' rilaxx tiegħu tal-2003 u tal-2006), u f'April tal-2008 ir-riskju tollerabbli kien is-suġġett ta' dokument ta' ħidma[7] miċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontroll Baġitarju. Id-dokument jissuġġerixxi li 'għandu jkun inkoraġġit għarfien politiku tar-riskji kkalkulati involuti f'azzjonijiet tal-UE' u li 'għandha tingħata informazzjoni preċiża u affidabbli dwar is-sitwazzjoni preżenti'.

Il-Qorti tal-Awdituri rrakkomandat fir-Rapport Annwali tal-2007[8] li l-awtoritajiet leġiżlattivi u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu progress biex iġibu 'l quddiem il-kunċett ta' riskju tollerabbli. Fid-dawl tal-pożizzjonijiet dikjarati tagħhom, il-Kummissjoni tqis li hemm qbil ġenerali bejn l-Istituzzjonijiet dwar il-ħtieġa li wieħed jimxi lejn approċċ ta' riskju tollerabbli, li jkun jipprovdi trasparenza dwar ir-riskji involuti fejn jidħlu linji ta' politika differenti tal-UE, u l-ispejjeż tal-ġestjoni ta' dawn f'livell partikolari. Kull deċiżjoni dwar livell ta' riskju tollerabbli għandha tkun ibbażata fuq kunsiderazzjoni konġunta tal-ħtiġijiet politiċi, il-benefiċċji tal-linja ta' politika (anki dik mhux finanzjarja), ir-riskju inerenti, il-potenzjal għal aktar simplifikazzjoni u l-ispiża addizzjonali marbuta mat-tnaqqis ta' rati ta' żball permezz ta' aktar kontrolli.

Din il-Kommunikazzjoni tiddefinixxi riskju tollerabbli u tiddeskrivi l-approċċ użat biex jiġi illustrat il-kunċett (sezzjoni 2); tipprovdi eżempji illustrattivi f'oqsma ta' nfiq ċentrali ("dwal ħomor" fl-2006 u fl-2007 skont il-Qorti), tisfrutta r-riżultati tal-eżerċizzju ta' ġbir ta' dejta wara l-ewwel stima tal-ispejjeż tal-kontrolli (sezzjoni 3), u tipproponi d-direzzjoni 'l quddiem dwar kif għandhom jiġu stabbiliti livelli ta' riskju tollerabbli (sezzjoni 4).

2. Id-Definizzjoni u l-approċċ meħud għal din il-Komunikazzjoni

2.1. Definizzjonijiet

Ir-riskju tollerabbli huwa l-livell ta' żball mhux misjub aċċettat jew tollerat, wara li r-riskju inerenti jkun ġie mtaffi permezz ta' kontrolli bl-użu effiċjenti ta' fondi:

Riskju tollerabbli = Riskju inerenti – riskju mtaffi permezz ta' kontrolli bl-użu effiċjenti ta' fondi |

F'din l-ekwazzjoni, ir-riskju inerenti huwa r-riskju marbut mal-attività nnifisha. Indikaturi dwar ir-riskju inerenti għal attivitajiet tal-Kummissjoni jinkludu l-kumplessità tal-leġiżlazzjoni; il-qafas ġestjonarju, bħal ma huma aġenżiji, amministrazzjonijiet nazzjonali (pereżempju taħt ġestjoni konġunta) u korpi nazzjonali ta' implimentazzjoni; l-istabbiltà tal-ambjent ta' politika; l-għadd u t-tipi ta' benefiċjarji u n-natura tal-azzjonijiet. Pereżempju, regoli u kriterji kumplessi ta' eliġibbiltà huma xi minn daqqiet neċessarji biex jinkisbu riżultati mmirati ta' politika, li l-benefiċċji tagħhom ikunu jitqiesu utlli, anki jekk dawn fihom infushom jistgħu jwasslu għal żbalji fit-tranżazzjonijiet. Fi kliem ieħor, regoli u regolamenti mfassla sew u li huma ċari biex ikunu interpretati u sempliċi biex jiġu applikati, inaqqsu r-riskju tal-iżbalji.

Sistemi ta' kontroll interni jitwaqqfu biex iniżżlu jew itaffu r-riskju inerenti ta' żball għal livell aċċettabbli. Id-dispożizzjonijiet ta' kontroll fil-leġiżlazzjoni jinfluwenzaw il-probabbiltà li jiġu ffranakti u jiġu skoperti l-iżbalji – pereżempju livelli minimi ta' kontroll iffissati għall-Agrikoltura jew għall-Fondi Strutturali. L-għażliet magħmula mil-leġiżlatur dwar strateġiji ta' kontroll u l-implimentazzjoni ta' dawn mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, u l-grad ta' konformità tal-awtoritajiet tal-Istati Membri mal-obbligi regolatorji ta' kontroll taħt ġestjoni konġunta għandhom impatt dirett fuq il-livell ta' riskju.

Il-Qorti tiddefinixxi żewġ tipi ta' żball finanzjarju − dawk li jaffettwaw direttament l-ammont li għandu jitħallas u dawk li ma jkollhom l-ebda impatt dirett fuq il-pagament iżda li jimplikaw riskju finanzjarju u/jew li jkunu jistgħu jwasslu għal korrezzjonijiet finanzjarji. Huwa importanti li wieħed jinnota li l-ebda wieħed minn dawn l-iżbalji mhu indikatur ta' frodi.

Ir-rati probabbli ta' żball jistgħu jiġu limitati minn aktar kontroll, u kontrolli aħjar, iżda investiment bħal dan irid jiġi bbilanċjat mill-benefiċċji li joħorġu minnu, imkejla l-aktar minn żbalji finanzjarji li x'aktarx ikunu skoperti u rranġati. Abbażi ta' din l-ekwazzjoni, ir-riskju li jibqa' wara l-applikazzjoni tal-kontrolli jista' jitqies bħala aċċettabbli jew tollerabbli sakemm ikun jista' jiġi ppruvat li ttieħdu l-miżuri kollha sabiex ir-riskju inerenti jiġi limitat fi ħdan il-limiti ta' ġestjoni finanzjarja soda. L-adozzjoni ta' approċċ ta' "riskju tollerabbli" jkun ifisser li jiġu ddefiniti l-livelli sal-punt li fih ikun raġjonevoli li wieħed jippretendi li l-Kummissjoni u l-imsieħba implimentattivi tagħha, fosthom l-Istati Membri, ikollhom inaqqsu l-iżbalji filwaqt li jużaw ir-riżorsi ta' kontroll b'mod effettiv. Din id-deċiżjoni hija waħda li għandha tittieħed fuq livell politiku.

Din il-Kommunikazzjoni tagħti stampa tal-approċċ ta' "riskju tollerabbli" billi tuża dejta li hemm disponibbli dwar tipi ta' żbalji u rati ta' żbalji, spejjeż ta' kontrolli preżenti u popolazzjonijiet ta' kontroll. Id-dejta dwar l-iżbalji hi meħuda mid-Dikjarazzjoni ta' Affidabbiltà (DAS) tal-2006 tal-Qorti tal-Awdituri jew minn riżultati ta' kontroll tal-Istati Membri. Id-dejta dwar l-ispejjeż ta' kontroll u l-popolazzjoni ta' kontroll hija parzjalment ibbażata fuq stħarriġ u parzjalment fuq stimi.

2.2. Stampa ta' riskju tollerabbli ta' żball

2.2.1. L-approċċ użat

Il-Kummissjoni tagħraf li jkun opportun li jkomplu jitjiebu l-livelli preżenti ta' konformità u tal-kwalità tal-kontrolli, pereżempju billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu aktar ta' gwida u joffru aktar taħriġ għal entitajiet ta' ġestjoni f'kull livell (nazzjonali, reġjonali, settorjali, eċċ) u lil benefiċjarji, billi jiffokaw fuq oqsma fejn ikun hemm l-aktar żbalji. Il-grad possibbli ta' titjib ikun jiddependi fuq kemm tkun effettiva l-Kummissjoni u l-imsieħba implimentattivi tagħha, pereżempju fl-Istati Membri, fl-applikazzjoni ta' miżuri bħal dawn[9] u fuq ir-riżorsi li jinvestu fil-kontrolli.

Wara dan it-titjib ta' kontrolli eżistenti mingħajr l-ebda spejjeż sinifikanti, kull tnaqqis ulterjuri fir-rata ta' żbalji ikun jista' jinkiseb biss permezz ta' intensità miżjuda ta' kontrolli fuq l-ewwel livell tal-ġestjoni, inkluż sew kontrolli bbażati fuq dokumenti kif ukoll fuq il-post. Kontrolli fuq il-post addizzjonali għandhom tendenza li jkunu jiswew ħafna flus minħabba l-għadd kbir ta' benefiċjarji ta' programmi tal-Komunità li jkunu jridu jiġu kkontrollati.

Sabiex jingħata eżempju tal-bilanċ bejn l-ispejjeż tal-kontrolli u l-benefiċċji tagħhom, wieħed jista' juża mudell sempliċi. Dan il-mudell għandu l-għan li jiddetermina l-livell teoretiku ta' riskju tollerabbli ("il-punt ta' riskju tollerabbli"), fejn l-ispejjeż marġinali ta' kontroll addizzjonali jkun daqs il-benefiċċju marġinali ta' dak il-kontroll.

Il-mudell huwa bbażat fuq iż-żewġ koordinati li ġejjin:

- il-punt (A): ir-rata preżenti ta' żball bl-ispiża stmata tal-kontroll fil-preżent[10].

- il-punt (B): punt teoretiku fejn il-koordinati huma l-ispejjeż preżenti ta' kontroll flimkien mal-ispiża stmata ta' kontroll fuq kull proġett fuq il-post kull sena, u billi wieħed jassumi li dan ikun iwassal għal rata ta' żball ta' żero.

Fuq il-bażi taż-żewġ koordinati tħażżeż sinjal ta' xejra bejn il-punt A u l-punt B.

[pic]

Dan l-approċċ huwa ssimplifikat peress li jassumi li kull element tal-popolazzjoni għandu l-istess karatteristiċi ta' riskju, li fil-programmi tal-Komunità probabbilment ma jkunx il-każ. Mudell aħjar tas-sitwazzjoni reali jista' għalhekk jinkiseb billi titħażżeż linja mgħawġa mil-linja li tirrappreżenta b'mod aktar ċar popolazzjoni b'karatteristiċi varji.

Tħażżet tanġenti ta' 135° biex tmiss il-kurva ħalli tidentifika l-punt li fih l-ispejjeż marġinali ta' kontrolli jkunu daqs il-benefiċċju marġinali. Dan il-punt insejħulu l-punt tollerabbli ta' riskju. Ikun probabbli li kull kontroll qabel dan il-punt fuq il-kurva jiskopri u jirranġa żbalji ta' valur għola mill-ispiża tal-kontroll addizzjonali. Iż-żieda ta' kontrolli lil hinn minn dan il-punt tkun tqum aktar mill-iżball li x'aktarx li jiġi skopert u msewwi, u strateġija ta' kontroll effiċjenti fejn jidħlu l-ispejjeż għandha għalhekk twassal għall-iffissar ta' rata tollerabbli ta' żball f'dan il-punt.

Aktar dettalji ta' dan l-approċċ huma mifruxa fid-dokument ta' ħidma mehmuż.

2.2.2. Is-suppożizzjonijiet li saru

L-approċċ jagħmel ċerti suppożizzjonijiet peress li l-analiżi f'dan l-istadju kienet limitata għal dejta li tista' tinkiseb malajr u li hija faċilment kwantifikabbli. Is-suppożizzjonijiet u s-simplifikazzjonijiet li ġejjin jistgħu potenzjalment iwasslu biex il-punt ta' riskju tollerabbli jiġi sopravvalutat:

- il-kontrolli għandhom effett dissważiv[11], iżda dan diffiċli li jitkejjel: f'dan il-mudell, l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-kontrolli huma mfissra f'termini finanzjarji purament kwantifikabbli.

- il-proġetti kollha (100%) għandhom jiġu kkontrollati kull sena fuq il-post biex jiġi żgurat livell ta' żball ta' 0%: il-mudell jeskludi l-effetti ta' taħriġ u ggwidar addizzjonali u l-estrapolazzjoni ta' żbalji li bihom jiġu applikati korrezzjonijiet ta' żbalji sistematiċi għal proġetti li ma tkunx saritilhom verifika.

- l-assi tal-ispejjeż tal-kontrolli tassumi li kull kontroll iqum l-istess u li ma hemm l-ebda ekonomija ta' skala minn kontrolli fl-istess ħin fuq diversi proġetti għall-istess benefiċjarju jew il-kontroll fuq in-nefqa tul għadd ta' snin miġbura f'kontroll wieħed.

- wieħed jassumi li l-popolazzjoni ta' proġetti hija omoġenja bħala daqs u f'termini ta' riskju ta' żball filwaqt li fir-realtà l-kontrolli ikunu diretti lejn żoni ta' riskju għola biex b'hekk jonqos ir-riskju ta' żball mhux skopert b'anqas spejjeż.

- il-mekkaniżmi ta' korrezzjoni multiannwali li hemm (pereż. għall-politika tal-koeżjoni) għandhom impatt fuq ir-rata ta' żball, peress li ħafna mill-proġetti li ssirilhom verifika fil-kampjun annwali tal-Qorti ma jkunux suġġetti għall-grupp sħiħ ta' kontrolli meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tul il-perjodu tal-programmi[12]. Il-punt ta' riskju tollerabbli (annwali) f'dan l-eżempju illustrattiv huwa għalhekk totalment distint mil-livell ta' żball fl-għeluq ta' kull programm individwali (multiannwali) u mid-dikjarazzjonijiet ta' assikurazzjoni fir-Rapport Annwali ta' Attività tas-servizzi tal-Kummissjoni li huma bbażati fuq apprezzament tal-kapaċitajiet tas-sistemi li jiskopru u jikkoreġu żbalji fuq numru ta' snin.

Is-suppożizzjonijiet ulterjuri li ġejjin fil-mudell jistgħu potenzjalment iwasslu biex il-punt ta' riskju tollerabbli jiġi sopravvalutat:

- titjib fil-kontrolli ex ante eżistenti biex tkun aġġustata r-rata ta' żball minima rappurtata mill-Qorti fl-2006, pereżempju permezz ta' ggwidar u taħriġ aħjar mill-Kummissjoni lill-Istati Membri u mill-Istati Membri lejn l-awtoritajiet u l-benefiċjarji tagħhom, huwa stmat li ma jkollu l-ebda spejjeż (jew l-ebda spejjeż sinifikanti).

- ir-riskju tal-verifika mhux ikkunsidrat: wieħed jassumi li l-kontrolli li jsiru jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbalji kollha fi proġett.

Barra minn dan, l-eżempji mogħtija kienu bbażati fuq sena waħda u wieħed jassumi li din is-sena hija rappreżentattiva. L-effett ikkombinat ('il fuq u 'l isfel) ta' dawn is-suppożizzjonijiet jistgħu jibbilanċjaw lil xulxin. Barra minn dan, l-introduzzjoni ta' approċċi matematiċi aktar sofistikati (bl-użu ta' funzjonijiet paraboliċi u funzjonijiet logaritmiċi u l-kunċett ta' spejjeż ta' għażla) tat prova li tipproduċi riżultati kumparabbli, u wieħed għalhekk jemmen li l-metodu huwa affidabbli sa livell raġjonevoli (ara l-Anness).

Huwa ċar li xi wħud mis-suppożizzjonijiet ta' hawn fuq huma pjuttost mifruxa, u bil-benefiċċju ta' analiżi estensiva ta' tranżazzjonijiet finanzjarji u rati ta' żbalji[13], flimkien ma' ġabra u analiżi estensiva ta' dejta dettaljata, fuq livell ta' proġett, il-mudell jista' jkompli jiġi żviluppat biex ikun jista' jieħu kont ta':

- in-natura tal-proġetti, biex jiġu identifikati livelli inerenti ta' riskji għal tipi differenti ta' proġetti;

- il-livelli differenti ta' riskju ta' attivitajiet differenti u tipi ta' benefiċjarji, sabiex jiġi assigurat li dawk bl-ogħla riskju jiġu kkontrollati l-ewwel;

- id-daqs tal-proġetti, sabiex f'livell partikolari ta' riskju l-akbar fosthom ikunu jistgħu jiġu prijoritizzati għall-kontroll, b'hekk jintużaw riżorsi ta' kontroll b'mod aktar effiċjenti. kif ukoll

- it-tul ta' proġetti, sabiex il-perjodi tal-kontrolli jkunu jistgħu jitkejlu sabiex ikun jista' jiġi kkontrollat l-akbar ammont ta' fondi.

Madankollu, peress li l-iżvilupp ta' din il-verzjoni avvanzata tal-mudell ikun jimplika eżerċizzju ta' ġbir ta' dejta fl-Istati Membri li jkun irid ħafna żmien u ħafna fondi, l-għażla mhix segwita aktar f'dan il-mument.

3. Eżempji illustrattivi tal-ispejjeż tal-kontroll u tar-riskju ta' żball

Bl-użu tal-mudell sempliċi mfisser hawn fuq, it-taqsima li jmiss tħares lejn partijiet partikolari ta' żewġ oqsma ta' politika li għalihom il-Qorti kkonkludiet fir-Rapport Annwali tagħha sew għall-2006 kif ukoll għall-2007 li r-rata ta' żball hija għolja[14]. Is-suppożizzjonijiet fil-bażi huma sempliċi u jipprovdu riżultati indikattivi. Fiż-żewġ każijiet, il-mudell bażiku huwa adattat sabiex jakkomoda l-ispeċifikajiet ta' dejta disponibbli għal kull qasam. Wieħed ma jistax għaldaqstant iqabbel ir-riżultati bejn iż-żewġt oqsma. Fiż-żewġ każijiet, l-ammonti monetarji u l-persentaġġi ppreżentati huma mqarrba lejn l-eqreb żero, meta wieħed iqis in-natura approssimattiva tagħhom.

3.1. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF).

Fil-perjodu tal-programm 2000-2006 l-ERDF ikkofinanzja madwar 700,000 proġett individwali. Il-Fond huwa implimentat b'ġestjoni konġunta b'ħidmiet ta' implimentazzjoni, inkluż il-kontroll tal-benefiċjarji, delegati lill-Istati Membri fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-leġiżlazzjoni settorjali tistabbilixxi strutturi ta' kontroll u livelli minimi ta' kontroll għall-awtoritajiet tal-immaniġġjar, l-awtoritajiet ta' pagament/iċċertifikar u l-entitajiet ta' verifika, u tistipula li l-iżbalji u l-irregolaritajiet għandhom jiġu evitati, skoperti u kkoreġuti fl-ewwel istanza mill-Istati Membri[15]. Il-Kummissjoni tissorvelja dawn is-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll u d-DGs jiġbdu konklużjonijiet dwar l-effettività tagħhom fir-Rapport Annwali ta' Attività tagħhom. Fi Frar tal-2008 il-Kummissjoni adottat Pjan ta' Azzjoni biex issaħħaħ ir-rwol tagħha ta' superviżjoni, b'ġestjoni konġunta ta' azzjonijiet strutturali[16].

L-istrateġiji u l-prattiċi ta' kontroll tal-Kummissjoni nnifisha huma bbażati fuq approċċ multiannwali[17]. Il-mekkaniżmi ta' kontroll u ta' korrezzjoni fl-Istati Membri huma wkoll multiannwali, u jinkludu verifikazzjonijiet tal-ewwel livell (reviżjonijiet ibbażati fuq dokumenti u ta' fuq il-post) qabel ma ssir dikjarazzjoni ta' nefqa lill-Kummissjoni; kontrolli ex post fuq il-post dwar operazzjonijiet wara dikjarazzjoni ta' nefqa lill-Kummissjoni; verifiki tas-sistema, u dikjarazzjoni ta' għeluq minn entità indipendenti ta' winding-up.

Minħabba l-annwalità tad-DAS imnaqqxa fit-Trattat, il-kalkolu li ġej ta' punt ta' riskju tollerabbli possibbli huwa annwali, u huwa bbażat fuq id-DAS tal-Qorti tal-2006, u d-definizzjonijiet ta' żball u l-iskoperti rrappurtati mill-Qorti.

Fl-2006 u fl-2007, azzjonijiet strutturali (inklużi l-ERDF)[18] irċevew valutazzjoni negattiva mill-Qorti tal-Awdituri, li kkwotat rata ta' żbalji fir-rimborsi għall-Fondi Strutturali ta' mill-anqas 12% u 11% rispettivament abbażi tal-kampjun tagħha.

Bl-użu tar-rata ta' żball minima ta' bħalissa, misjuba mill-Qorti tal-Awdituri u billi din titnaqqas għal madwar 9% sabiex jittieħed kont tal-benefiċċji stmati li jinkisbu meta jitjiebu l-kontrolli ex ante eżistenti bi spejjeż limitati, jew l-ebda spejjeż ulterjuri sinifikanti, il-Kummissjoni stabbiliet l-ispiża annwali tal-kontrolli, flimkien mal-punt ta' riskju tollerabbli kif muri fit-taqsima 2.2.1 aktar 'l fuq.

Abbażi ta' dejta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għamlet stima preliminari li l-ispiża totali ta' kontroll għall-ERDF fl-2006 kienet ta' madwar €215 miljun, madwar 0.7% tal-ispiża pubblika totali fuq attivitajiet ikkofinanzjati mill-ERDF dik is-sena.

Il-grafika li ġejja turi r-relazzjoni teoretika bejn rati ta' żball u l-ispejjeż ta' kontroll għall-ERDF (ara l-anness għal aktar dettalji):

[pic]

Fuq il-bażi ta' ċifri stmati għall-ammont ta' nefqa/għadd ta' proġetti kkontrollati fl-2006, l-ispiża biex tinkiseb rata teoretika ta' żbalji żero billi jiġu kkontrollati n-nefqiet/il-proġetti kollha fuq il-post tkun ta' €2.25 biljun (ekwivalenti għal 8% tal-ispiża pubblika totali għal attivitajiet ikkofinanzjati mill-Fond). Fuq din il-bażi, tħażżet kurva sabiex tiġi illustrata r-relazzjoni possibbli bejn rati ta' żball u l-ispiża tal-kontroll[19].

Il-punt fuq il-kurva fejn l-ammont li kull Euro supplimentari minfuq fuq kontroll irendi eżattament Euro wieħed aktar fl-aspettattiva ta' skoperta ta' żball imbagħad kien ikkalkulat biex jiġi determinat il-punt ta' riskju tollerabbli (fejn l-ispiża marġinali tal-kontroll tkun daqs il-benefiċċju marġinali). Dan il-punt jista' jkun fuq ir-rata ta' żball ta' madwar 4% u spejjeż ta' kontroll ta' €996 miljun, ekwivalenti għal 3.5% tan-nefqa pubblika totali. Dan ikun jindika li aktar infiq fuq il-kontroll tal-ERDF ikun effiċjenti fejn jidħlu l-ispejjeż sal-punt li tinkiseb rata ta' żball ta' madwar 4%. Deċiżjoni politika dwar dan tkun trid tieħu kont tal-kapaċità li tiżdied in-nefqa fuq il-kontrolli u jista' jkun li tirriżulta f'livell immirat ta' riskju tollerabbli bejn ir-rata ta' żball minima tal-Qorti ta' bħalissa aġġustata għal 9% (biex tieħu kont tal-benefiċċju stmat ta' kontrolli ex ante mtejba mingħajr spejjeż sinifikanti) u l-mira teoretika ta' 4% identifikata hawn fuq.

Peress li l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri mhux dejjem kienet kompluta u konsistenti[20], il-Kummissjoni evalwat kif il-kalkolu jista' jkun affettwat mill-possibbiltà ta' sottostima tal-ispejjeż tal-kontrolli. Kieku dawn kienu 50% għola milli stmat mill-Istati Membri, il-punt ta' riskju tollerabbli kien jiżdied b'punt perċentwali wieħed (sa 5%). Dan, flimkien mar-riżultati ta' analiżi ta' sensittività bl-użu ta' tekniċi statistiċi aktar sofistikati, ibbażati fuq l-istess dejta, wera varjazzjoni limitata fil-punt ta' riskju tollerabbli (ara l-Anness).

Ta' min wieħed jinnota wkoll li d-dejta użata hawn fuq għandha x'taqsam ma' nefqa tal-Fondi Strutturali regolata mil-leġiżlazzjoni 2000-2006. Ir-regoli li jmexxu l-perjodu tal-programm 2007-2013 jinkludu dispożizzjonijiet imsaħħa u aktar ċari ta' kontroll għall-awtoritajiet nazzjonali, li huma intenzjonati bħala għajnuna biex jitnaqqsu r-rati ta' żbalji. Dan l-effett għandu jkun aċċentwat bl-attivitajiet preventivi f'rabta mal-perjodu 2007-2013 li qed jitwettqu skont il-Pjan ta' Azzjoni.

Dan l-aħħar ġew ukoll proposti simplifikazzjonijiet addizzjonali lill-awtorità leġiżlattiva u dawn ukoll x'aktarx ikollhom impatt fuq ir-rata ta' żbalji u għalhekk fuq il-punt ta' riskju tollerabbli. Madankollu l-biċċa l-kbira tan-nefqa tal-Fondi Strutturali mhux se tkun irregolata bil-leġiżlazzjoni 2007-2013 sal-2010 u 'l quddiem. Sa dakinhar, il-biċċa l-kbira tan-nefqa ddikjarata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni se tkun koperta mill-qafas legali 2000-2006[21]. Peress li kull analiżi ulterjuri, aktar dettaljata ta' riskju tollerabbli tkun trid tinkorpora l-effett tal-leġiżlazzjoni 2007-2013 u tal-Pjan ta' Azzjoni, din tkun trid tiġi bbażata fuq id-dejta ta' implimentazzjoni tal-2010 u għalhekk tista' tkun disponibbli mill-2011 (ara t-taqsima 4.1 hawn taħt).

Osservazzjonijiet prinċipali il-livell ta' riskju tollerabbli huwa ogħla minn 2% u jista' jkun, skont approċċ sempliċi teoretiku li jqabbel l-ispiża mal-benefiċċju, ta' madwar 4%. Dan ikun jimplika żieda ta' ħames darbiet fl-ispiża preżenti għall-kontroll, minn 0.7% għal madwar 3.5% tan-nefqa pubblika totali. Għaldaqstant, abbażi taċ-ċifri illustrattivi, €100 miljun infieq addizzjonali fuq kontroll 'l fuq mil-livelli preżenti jista' jirriżulta f'benefiċċju stmat nett ta' madwar €285 miljun ta' żbalji skoperti. il-kisba ta' rata ta' żbalji ta' 2%, fuq il-bażi taċ-ċifri illustrattivi, tkun tirrekjedi żieda ta' tmien darbiet fin-nefqa fuq il-kontroll biex tilħaq kważi 6% tan-nefqa pubblika totali fuq il-Fond. minħabba l-ispejjeż ta' kontroll addizzjonali sinifikanti li jridu jinġarru mill-Istati Membri sabiex jintlaħaq il-punt teoretiku ta' riskju tollerabbli, jista' jiġi stabbilit għan fuq terminu ta' żmien medju biex jevolvi mir-rata ta' żball minima tal-Qorti lejn mira ta' madwar 5%. |

- 3.2. Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD)

L-EAFRD huwa responsabbli għal madwar 20% tan-nefqa agrikola totali tul il-perjodu 2007-2013. Il-qafas ta' kontroll tiegħu huwa qrib ħafna dak għan-nefqa tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanziija (EAGF). Il-Qorti tikkonkludi li l-iżvilupp rurali jifforma parti sproporzjonatament kbira tar-rata ta' żball ġenerali ta' bejn it-2 u l-5 fil-mija għall-agrikoltura, filwaqt li għan-nefqa tal-EAGF il-valur tar-rata tal-iżball huwa stmat li hu ta' ftit anqas minn 2%[22]. Ir-rata ogħla ta' żball fl-iżvilupp rurali ġejja l-aktar mill-inċidenza għolja ta' żbalji f'miżuri agroambjentali. Ir-rapport speċjali Nru 3/2005 tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontroll tan-nefqa ambjentali fl-agrikolatura jikkonkludi li din in-nefqa mhix biss riskjuża min-natura tagħha stess iżda wkoll li mhux possibbli li tikiseb garanzija f'dan il-qasam fi ħdan spiża raġjonevoli.

L-eżerċizzju illustrattiv li ġej għalhekk iħares lejn dawn il-miżuri b'mod speċifiku. Meta tkun qed tagħmel dan, il-Kummissjoni tkun qed tirrispondi wkoll għar-riżoluzzjoni ta' rilaxx tat-22 ta' April 2008[23].

Mhux possibbli li wieħed jistma rata ta' żball għall-miżuri agroambjentali abbażi tal-eżerċizzju DAS tal-Qorti iżda l-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri jipprovdu statistiċi dwar ir-riżultati tal-kontrolli fuq il-post fis-sena finanzjarja 2007 għal diversi miżuri ta' żvilupp rurali, inkluż miżuri agroambjentali. L-Istati Membri pprovdew id-dejta mitluba li madankollu ma kinitx ġiet ivverifikata u vvalidata mill-entitajijet ta' ċertifikazzjoni − u barra minn dan f'xi każi ma kinitx kompluta. Madankollu d-dejta tikkonferma li r-rati ta' żball għal miżuri agroambjentali kienu ogħla milli għal miżuri oħra ta' żvilupp rurali u indikaw rata ta' żball ta' madwar 4% għal miżuri agroambjentali fl-2007.

Il-Kummissjoni talbet ukoll lill-Istati Membri biex jagħtu informazzjoni dwar l-ispejjeż tagħhom għall-kontroll dwar miżuri agroambjentali. Abbażi tad-dejta li daħlet, dawn l-ispejjeż ta' kontroll ippreżentati għal miżuri agroambjentali huma stmati li jiġu madwar € 360 miljun, ekwivalenti għal 13% tan-nefqa pubblika totali fuq il-miżuri tal-2005. Ta' min wieħed jinnota li dan huwa tliet darbiet aktar milli għal miżuri agrikoli b'mod ġenerali (madwar 4% tan-nefqa pubblika totali). Il-kontrolli fuq il-miżuri agroambjentali jikkontribwixxu wkoll għall-kisba tal-għan ta' politika li jitħares u jittejjeb l-ambjent. Dawn il-benefiċċji ambjentali ma ġewx ikkwantifikati f'dan l-eżerċizzju.

[pic]

L-ispiża biex jiġu kkontrollati l-benefiċjarji kollha kull sena kienet stmata li tiġi €1.4 biljun. Fuq din il-bażi, tħażżet kurva sabiex tiġi illustrata r-relazzjoni possibbli bejn rati ta' żball u l-ispiża tal-kontroll[24].

Osservazzjonijiet prinċipali Żieda fl-ispejjeż tal-kontroll fuq il-livell preżenti (13%) ma tkunx effiċjenti fejn jidħlu l-ispejjeż, minħabba li żieda marġinali ta' 1% fl-għadd ta' kontrolli fuq il-post fuq il-benefiċjarji tkun twassal għal iffrankar ta' spiża irregolari ekwivalenti għal madwar 10% biss tal-ispejjeż ta' dawn il-kontrolli addizzjonali. It-tnaqqis tal-livell ta' żball mill-4% ta' bħalissa għal-livell ta' materjalità tal-Qorti ta' 2%[25] iżid l-ispejjeż tal-kontroll minn madwar 13% għal kważi 30% tan-nefqa pubblika totali fuq dawn il-miżuri, u ma jkunx effettiv fejn jidħlu l-ispejjeż. Il-miżuri agroambjentali jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għar-rata ta' żball ġenerali għall-iżvilupp rurali. Peress li ma jkunx effiċjenti fejn jidħlu l-ispejjeż li jiżdiedu l-kontrolli, il-livell ta' riskju tollerabbli għal miżuri ta' żvilupp rurali huwa b'mod ċar aktar minn 2% u jista' jkun ta' madwar 5%. |

- 4. IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

4.1. Konklużjonijiet preliminari

Huwa importanti li wieħed jisħaq li l-qbil dwar riskju ta' żball tollerabbli ma jkunx jimplika li jkunu qed jiġu aċċettati sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll mhux xierqa fil-Kummissjoni jew fl-Istati Membri. Għal kull qasam ta' politika, il-Kummissjoni u l-imsieħba implimentattivi tagħha ikunu jridu jibqgħu għajnejhom miftuħa u jiksbu l-akbar kontroll possibbli fi ħdan riżorsi disponibbli. Fejn jistabu dgħufijiet, dawn għandhom jiġu indirizzati u l-kawżi analizzati biex effettivament dawn jiġu skartati, skoperti u kkoreġuti.

Il-Kummissjoni tagħraf ukoll li, f'xi setturi, is-sistemi ta' kontroll għal programmi tal-Komunità, inkluż dawk imħaddma mill-Istati Membri, jistgħu jiskartaw, jiskopru u jikkoreġu żbalji b'mod aktar effettiv fi ħdan in-nefqa preżenti. Qed tieħu azzjoni biex tikseb dan[26].

B'investiment f'kontrolli lil hinn mil-livell ta' bħalissa ikun possibbli li jiġu skoperti u kkoreġuti aktar żbalji. Kull żieda fil-kontrolli tkun tinħtieġ li jkollhom isiru disponibbli riżorsi addizzjonali mill-Kummissjoni u/jew l-Istati Membri u d-deċiżjonijiet dwar il-livell ta' żieda ikun irid jiġi bbażat fuq il-benefiċċji mistennija f'termini ta' rati ta' żball imnaqqsa.

L-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri juru li hemm differenza reali fir-rati ta' żball bejn qasam ta' politika u ieħor. L-analiżi ta' hawn fuq tikkonferma l-idea li, għal xi linji ta' politika, il-livell ta' materjalità ta' 2% għad-Dikjarazzjoni Annwali ta' Affidabbiltà (DAS) mhix kejl xieraq tal-istrateġija ta' kontroll, effettiva fejn tidħol l-ispiża. Bħala riżultat ir-riskju ta' żball tollerabbli ikun irid jiġi analizzat u deċiż b'mod separat għal kull qasam ta' politika fuq il-livell ta' Komunità.

Dan il-livell ta' żball tollerabbli stabbilit mill-awtoritajiet politiċi ikun bejn ir-rata ta' kontroll preżenti, kif aġġustata biex jittieħed kont tat-titjib possibbli fil-kontrolli eżistenti, u l-punt ta' riskju tollerabbli teoretiku. Il-mudell sempliċi mfisser f'din il-Komunikazzjoni, ibbażat fuq dejta u stimi disponibbli, jagħti l-ewwel indikazzjoni ta' dawn il-livelli:

- Għall-politika ta' koeżjoni l-Awtorità Baġitarja tista' tikkunsidra li għall-iskopijiet tal-eżerċizzju annwali tad-DAS, bħala l-ewwel indikazzjoni, il-livell ta' riskju tollerabbli jista' jkun fuq bażi annwali ta' madwar 5%; kif ukoll

- Għall-iżvilupp rurali, abbażi tad-dejta disponibbli, l-Awtorità Baġitajra tista' tikkunsidra li kwalunkwe kontroll ulterjuri sabiex jitnaqqsu l-iżbalji ma jkunx effettiv fejn jidħlu l-ispejjeż. Il-Kummissjoni tistma' fl-ewwel analiżi li l-livell ta' riskju tollerabbli għal dan il-qasam huwa madwar 5%.

Waqt li din il-Komunikazzjoni ikkonċentrat fuq żewġt oqsma fejn il-Qorti tal-Awdituri tat evalwazzjoni negattiva fl-2007, l-approċċ ikun jista' jiġi applikat ukoll f'oqsma oħra ta' politika inkluż il-linji ta' politika interna, b'mod partikolari riċerka fejn il-verifika intensifikata tkun ipprovdiet dejta preċiża dwar l-iżbalji u fejn l-ispejjeż tal-kontroll ikunu jistgħu jitkejjlu malajr, u azzjonijiet esterni li, filwaqt li jkunu jgawdu appoċċ politiku u pubbliku qawwi, jkunu joperaw f'ambjenti ħafna drabi riskjużi u diffiċli. Fiż-żewġt oqsma jkunu jistgħu jittieħdu f'kunsiderazzjoni elementi ta' simplifikazzjoni fejn dawn ikollhom effett fuq ir-riskju ta' żball u l-ispejjeż tal-kontroll. L-analiżi ta' riskju tollerabbli hija wkoll relevanti f'oqsma diġà koperti minn evalwazzjoni pożittiva mill-Qorti tal-Awdituri. Pereżempju għan-nefqa amministrattiva, il-Kummissjoni se teżamina jekk ir-riskju inerenti baxx u l-kontrolli effettivi li diġà hemm jiġġustifikawx riskju tollerabbli ta' żball taħt il-limiti preżenti ta' 2% ta' materjalità.

Għall-politika ta' koeżjoni, il-mudell jista' jissaħħaħ biex jittieħdu f'kunsiderazzjoni d-differenzi fir-riskju bejn membri tal-popolazzjoni. Dan ikun jinħtieġ analiżi aktar estensiva u li tqum il-flus li ma tkunx tista’ titlesta qabel tmiem l-2010, filwaqt li tkun għadha bbażata fuq leġiżlazzjoni ta' bejn l-2000-2006. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, din l-għażla la hi meħtieġa u lanqas ma hi effiċjenti fejn jidħlu l-ispejjeż. Min-naħa l-oħra, tista' tkun utli d-dejta riveduta għall-qasam tal-politika ta' koeżjoni, ibbażata fuq l-implimentazzjoni konkreta tal-qafas legali ġdid għall-2007-2013, inkluż is-simplifikazzjonijiet li ġew proposti dan l-aħħar. Dan ikun irid jiġi bbażat fuq dejta tal-2010, sa liema żmien il-programmi l-ġodda ikun ilhom li bdew jitħaddmu, u r-riżultati (li jkunu disponibbli fl-2011) ikunu jistgħu jiġu użati biex il-punt ta' riskju tollerabbli f'dan il-qasam ikun jista' jiġi rivedut u rfinut

4.2. Passi possibbli lejn ftehim dwar l-implimentazzjoni ta' approċċ ta' riskju tollerabbli

L-implimentazzjoni ta' approċċ ta' riskju tollerabbli, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, tkun investiment sod u tkun tipprovdi bażi soda għall-Awtorità tar-Rilaxx biex tkun tista' tiġġudika l-kwalità tal-ġestjoni tar-riskju tal-Kummissjoni. Huwa ċar, bħala l-entità li qed tiġi vverifikata, li l-Kummissjoni ma tistax hija stess tistabbilixxi l-livelli ta' riskju li jistgħu jiġu ttollerati.

Il-passi ewlenin biex nersqu lejn approċċ ta' riskju tollerabbli jistgħu jkunu dawn li ġejjin:

- jerġa' jitnieda d-dibattitu interistituzzjonali mal-Kunsill, il-Parlament u l-Qorti tal-Awdituri fuq il-bażi tal-komunikazzjoni preżenti u l-pożizzjoni meħuda mill-Awtorità Baġitarja fuq il-livelli ta' riskju li għandhom ikunu tollerati fil-Politika ta' Koeżjoni u Żvilupp Rurali ibbażata fuq l-analiżi ta' hawn fuq;

- f'każ li jkunu jippermettu l-konklużjonijiet ta' dan id-dibattitu, il-Kummissjoni se tippreżenta aktar analiżi ta' riskju tollerabbli, b'mod partikolari għar-riċerka, l-enerġija u t-trasport u għal għajnuna esterna, żvilupp u tkabbir, qabel nofs l-2010.

[1] L-Opinjoni Nru 2/2004 tal-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej dwar il-mudell ta’ kontroll uniku (u l-proposta għal qafas ta’ kontroll intern Komunitarju) (ĠU C107, 30.4.2004, p. 1).

[2] Il-metodoloġija tad-DAS, Qorti Ewropea tal-Awdituri, li tinkiseb minnhttp://eca.europa.eu/portal/page/portal/audit/StatementofAssurance, 7.10.2008.

[3] Il-livell ta' 2% tnissel mill-istandards ta' verifika marbuta mal-verifika finanzjarja fis-settur privat u oriġinarjament kien ġie ffissat bħala livell ta' referenza mill-Qorti stess fin-nuqqas ta' standard internazzjonali kumparabbli għall-verifika ta' tranżazzjonijiet sottostanti jew ta' xi indikazzjoni kuntrarja f'livell politiku. Anki xi istituzzjonijiet supremi fl-Istati Membri japplikaw limitu ta' 2% ta' materjalità.

[4] Pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni għal qafas ta’ kontroll intern integrat - KUMM(2006) 9, 17.1.2006.

[5] Stqarrija għall-istampa, l-2688 Laqgħa tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 8.11.2005, paragrafu 17.

[6] Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, nota mill-Presidenza lid-delegazzjonijiet − Ġestjoni finanzjarja soda mtejba tal-fondi tal-UE 10284/08 FIN 217, 3.6.2008.

[7] Dokument ta' ħidma Nru 2 dwar ir-reviżjoni tal-baġit, "Riskju tollerabbli ta' żball", MEP Herbert Bösch, 8.4.2008

[8] Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit dwar is-sena finanzjarja 2007 (ĠU C2861, 10.11.2008, p. 1).

[9] Eżempju: kontroll tal-ewwel livell fuq operazzjoni fi programm tal-Fondi Strutturali magħmul fuq il-post mill-awtorità tal-ġestjoni fi Stat Membru kien jista' jsir aħjar kieku l-istrument ta' kontroll (pereż. linji ta' gwida relevanti u checklists adegwati) kienu disponibbli u kienu użati b'mod effettiv matul il-kontroll.

[10] Għall-ERDF (ara s-sezzjoni 3.1) ir-rata ta' żball fil-punt A hija l-limitu ta' żball minimu fil-kampjun tad-DAS tal-2006 tal-Qorti, imnaqqas bl-impatt stmat ta' kwalità mtejba ta' kotnrolli ex ante. Għal miżuri agroambjentali (ara taqsima 3.2), il-punt A jirrappreżenta r-rata medja ta' żball irrappurtata mill-Aġenżiji ta' Pagament tal-Istat Membru.

[11] Dan jista' jinkludi l-possibbiltà li wieħed jiġi kkontrollat u l-effett preventiv li jirriżulta minn titjib kontinwi fis-sistema. Pereżempju l-effettività tal-IACS taħt is-CAP tista' tiġi parzjalment spjegata bl-effett disswasiv ta' sanzjonijiet flimkien ma' probbabbiltà raġjonevoli li jsiru kontrolli mill-awtoritajiet.

[12] L-implimentazzjoni ta' programm tista' tinfirex fuq 9 snin u b'hekk l-aħħar dikjarazzjonijiet ta' għeluq dwar kull programm – li tikkonferma l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet fil-bażi tiegħu, jew kull kwalifika għalihom – jistgħu jiġu ppreżentati sa 10 snin wara t-tnedija tal-programm.

[13] L-assistenza tal-Qorti fil-metodoliġiija dwar definizzjoni tal-iżball u ta' teħid tal-kampjuni tista' żżid is-siwi ta' dan l-eżerċizzju.

[14] Azzjonijiet strutturali (ERDF) u Agrikoltura (żvilupp rurali-miżuri agroambjentali)

[15] L-Artikolu 39.1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1260/1999

[16] KUMM(2008) 97.

[17] L-approċċ multiannwali huwa rifless fid-dikjarazzjonijiet ta' affidabbiltà fir-rapporti annwali ta' attività tas-servizzi tal-Kummissjoni.

[18] Azzjonijiet strutturali fl-2006 kienu jinkludu d-Direttorati Ġenerali REGIO, EMPL, AGRI (EAGGF Guidance) kif ukoll MARE (FIFG).

[19] Ta' min wieħed jinnota li sew l-ass x kif ukoll dak y oriġinarjament tħejjew bl-istess skala (€ miljun) sabiex l-analiżi tkun iffaċilitata, u r-rati ta' żball bil-perċentwali huma murija fil-grafika għall-ħeffa.

[20] Xi Stati Membri pprovdew dejta dwar biss xi tipi ta' kontroll. Il-ġbir tad-dejta ħafna drabi kien deċentralizzat fi ħdan l-Istati Membri u dan wassal għal interpretazzjoni inkonsistenti tal-metodoloġija ddefinita mill-Kummissjoni għall-evalwazzjoni tal-ispejjeż tal-kontroll.

[21] L-impatt tal-Pjan ta' Azzjoni fuq il-livell ta' żball fil-programmi 2000-2006 x'aktarx li jkun jidher biss fil-mument tal-għeluq.

[22] Il-Kummissjoni tistma li dak li sabet il-Qorti fl-2007 jindika rata ta' żball fl-iżvilupp rurali ta' aktar minn 5%. L-okkorrenza akbar ta' żbalji fl-EAFRD hija wkoll enfasizzata minn xi Stati Membri.

[23] "[...] tistieden lill-Kummissjoni biex b'mod intensiv tinvestiga u tevalwa l-ispejjeż u l-benefiċċji possibbli fil-qasam ta' miżuri agroambjentali, kif ukoll ir-rabta ma' oqsma oħra ta' nfieq, u biex tippreżenta din l-analiżi lill-Kunsill, il-Parlament u lill-Qorti tal-Awdituri Ewropea bħala bażi minima għad-diskussjoni dwar il-ħtieġa li jsiru riformi". Id-dokument ta' ħidma mehmuż tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprovdi l-ewwel stima approssimattiva tal-ispejjeż tagħhom ta' miżuri agroambjentali flimkien ma' ħarsa ġenerali tal-benefiċċji magħrufa b'mod estensiv.

[24] Ta' min wieħed jinnota li sew l-ass x kif ukoll dak y oriġinarjament tħejjew bl-istess skala (€ million) sabiex l-analiżi tkun iffaċilitata, u r-rati ta' żball bil-perċentwali huma murija għall-ħeffa fil-grafika

[25] Dan huwa riżultat ta' kalkolu bbażat fuq l-ipoteżi li r-rata ta' żball tonqos b'mod lineari meta r-rata ta' kontrolli tiżdied u mingħajr ma jiġu kkunsidrati xi effetti disswassiv addizzjonali ta' aktar kontrolli.

[26] Pereżempju il-'Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni lejn Qafas ta’ Kontroll Intern Integrat' - KUMM(2006) 9 - kif ukoll il-'Pjan ta’ Azzjoni biex jissaħħaħ ir-rwol ta’ superviżjoni tal-Kummissjonitaħt ġestjoni komuni ta’ azzjonijiet strutturali' - KUMM(2008) 97.