52008DC0789

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u Llll-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn strateġija tal-UE dwar speċijiet invażivi [SEC(2008) 2887 u SEC(2008) 2886] /* KUMM/2008/0789 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 3.12.2008

COM(2008) 789 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

LEJN STRATEĠIJA TAL-UE DWAR SPEĊIJIET INVAŻIVI [SEC(2008) 2887 u SEC(2008) 2886]

1. X'INHUMA L-ISPEĊIJIET INVAŻIVI?

Il-flora u l-fawna tad-dinja evolvew matul biljuni ta' snin u l-oċeani, l-ibħra, il-firxiet ta' muntanji, id-deżerti u saħansitra x-xmajjar kbar tagħha ħolqu barrieri fiżiċi għaċ-ċaqliq tal-ispeċijiet. B'dan il-mod ikkontribwew b'mod sinifikanti fil-bijodiversità wiesgħa tal-pjaneta u fl-iżvilupp tal-komunitajiet tal-annimali u tal-pjanti li aħna nqisuhom bħala tipiċi ta' reġjuni jew lokalitajiet partikulari. Madankollu, bl-influwenza tal-bniedem, il-barrieri fiżiċi li taw spinta lill-iżvilupp tal-flora u tal-fawna distinti tar-reġjun ġew megħluba u l-ispeċijiet qed jaslu, jew inċidentalment jew bi ħsieb, f'lokalitajiet mijiet u eluf ta' kilometri 'l bogħod mill-ħabitat normali tagħhom. F'ħafna każijiet dawn l-ispeċijiet li mhumiex nattivi ma jadattawx tajjeb fl-ambjent ġdid tagħhom u jmutu rapidament. Madankollu, f'każijiet oħra jirnexxilhom jgħixu, jirriproduċu u jistabbilixxu ruħhom. Hemm xi każijiet fejn dawn l-ispeċijiet li jkunu għadhom jaslu tant jirnexxilhom jadattaw li ma jibqgħux kurżità bijoloġika iżda jsiru theddida, jikkawżaw ħsara serja mhux biss fl-ekosistemi iżda wkoll fl-għelejjel u fil-bhejjem, u b'hekk ifixklu l-ekoloġija lokali, b'impatt fuq is-saħħa tal-bniedem u jipproduċu effetti ekonomiċi serji. L-ispeċijiet li mhumiex nattivi u li għandhom impatt tant negattiv huma magħrufa bħala Speċijiet Invażivi jew IS [1].

2. IL-BżONN TA' TWEġIBA URġENTI FIL-LIVELL TAL-UE

IL-FATTURI PRINċIPALI LI JAFFETTWAW DIRETTAMENT IL-BIJODIVERSITÀ HUMA L-BIDLA FIL-ħABITAT, IL-BIDLA FIL-KLIMA, L-ISFRUTTAMENT żEJJED, IT-TNIġġIS U L-IS [2]. Filwaqt li strumenti tal-UE qegħdin hemm biex jitrattaw erbgħa minna dawk il-ħames fatturi, m'hemm l-ebda strument komprensiv f'livell tal-UE li jitratta l-IS, u dan b'kuntrast ma' bosta pajjiżi oħra tal-OECD. Dan in-nuqqas hemm bżonn li tingħatalu l-attenzjoni ladarba l-UE trid tilħaq l-għan tagħha ''li sal-2010 twaqqaf il-bijodiversità milli tmur lura''[3]. Barra minn hekk, l-IS jirrappreżentaw theddida ekonomika maġġuri għall-UE. Il-ħsara kkawżata mill-IS u l-miżuri ta' kontroll neċessarji huma stmati li jiswew mill-inqas EUR 12-il biljun kull sena, skont informazzjoni dokumentata disponibbli.

Il-ħtieġa għall-azzjoni koordinata sabiex tiġi trattat l-kwistjoni tal-IS ġiet espressa fl-ogħla livelli politiċi. Il-Kunsill tal-Ambjent[4], il-Parlament Ewropew[5], il-Kumitat tar-Reġjuni[6] kif ukoll il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[7] kollha saħqu fuq il-bżonn li jkun hemm strateġija tal-UE dwar l-IS kif ukoll sistema effettiva ta' twissija bikrija u mekkaniżmi ta' rispons effettivi f'livell tal-UE. Impenji simili ġew inklużi fis-Sitt Programm Ambjentali ta' Azzjoni (is-sitt EAP), Il-Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Twaqqif tat-Telf tal-Bijodiversità sal-2010 u lil hinn[8] kif ukoll il-Pjan ta' Azzjoni assoċjat tagħha, fejn ġie magħruf li ''għandha tiġi żviluppata strateġija komprensiva tal-UE'' sabiex jitnaqqas sostanzjalment l-impatt tal-ispeċijiet eżotiċi invażivi fuq il-Bijodiversità tal-UE.

Il-modi prinċipali għall-introduzzjoni tal-IS huma assoċjati direttament jew indirettament mal-kummerċ. Attivitajiet ta' kummerċ u trasport li qed jikbru rapidament iwessgħu l-opportunitajiet għall-introduzzjoni tal-IS, u pressjonijiet ambjentali bħalma huma konċentrazzjonijiet ta' CO li qed jiżdiedu, temperaturi iktar sħan, depożizzjoni akbar ta' nitroġenu, skemi mibdula ta' disturbi u degradazzjoni mkabbra tal-ħabitat għandhom ċans jiffaċilitaw iktar invażjonijiet. Il-kummerċ huwa kompetenza esklussiva tal-Komunità u ladarba l-oġġetti jitqiegħdu fis-suq Komunitarju jkunu jistgħu jiċċirkulaw liberament. It-trattament ta' kwistjonijiet relatati mal-kummerċ jista' jsir b'mod effikaċi biss fil-fruntiera esterna tal-KE. L-eżistenza ta' suq uniku jfisser li ladarba l-IS tidħol fit-territorju ta' Stat Membru wieħed, jew bħala merkanzija kummerċjalizzata jew li tinġarr fuq merkanzija kummerċjalizzata, tista' tixtered rapidament madwar l-UE. Meta wieħed jara kif dawn l-ispeċijiet jistabbilixxu ruħhom u jinfirxu, il-miżuri li jittieħdu minn Stat Membru wieħed jistgħu jiġu rrifjutati jekk il-pajjiżi ġirien ma jieħdux azzjoni jew jirrispondu b'mod mhux ikkordinat.

Il-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE fis-seħħ diġà jipprovdu parti mis-soluzzjoni għall-problema tal-IS. Madankollu, bħalissa m'hemm l-ebda mekkaniżmu li jappoġġja l-armonizzazzjoni jew il-konsistenza tal-approċi bejn pajjiżi ġirien jew pajjiżi fl-istess sottoreġjun. M'hemm l-ebda rekwiżit formali sistematiku għall-analiżi tar-riskju b'konnessjoni mal-introduzzjoni intenzjonata ta' speċijiet li mhumiex nattivi u li jistgħu jaffettwaw il-bijodiversità, u introduzzjonijiet inċidentali jew traskurati jibqgħu mhumiex regolati kemm fil-livell ta' l-Istati Membri kif ukoll f'dak Komunitarju. M'hemm l-ebda sistema unifikata li timmoniterja u tikkontrolla l-IS u l-effetti tagħhom fuq il-bijodiversità Ewropea. Il-miżuri frammentati kurrenti ma tantx għandhom ċans jikkontribwixxu b'mod sostanzjali sabiex jitnaqqsu r-riskji li l-IS jitfgħu fuq l-ekosistemi Ewropej.

3. L-IS FL-EWROPA U L-IMPATT TAGħHOM

3.1 L-IS fl-Ewropa

Il-proġett DAISE[9] appoġġat mis-Sitt Programm tal-Qafas ta' Riċerka tal-UE identifika 10 822 speċi li mhumiex nattivi preżenti fl-Ewropa, 10-15 % minnhom huma mistennija li jkollhom impatt ekonomiku jew ekoloġiku negattiv. Gżejjer iżolati li għandhom bijodiversità għolja, inklużi ħafna mill-entitajiet barranin tal-UE, huma speċjalment vulnerabbli għall-invażjoni. Dan ukoll jista' jkollu impatt sproporzjonat fuq l-għixien lokali u opportunitajiet kulturali u ekonomiċi.

3.2 Modi

F'dak li jirrigwarda l-modi ta' introduzzjoni, il-parti l-kbira tal-pjanti invażivi oriġinarjament jaħarbu mill-ġonna jew mill-akkwarji, filwaqt li fawna invażiva tal-ilma ħelu tasal fl-ambjent selvaġġ permezz ta' ħrib mill-akkwakultura jew ħżin intenzjonat mis-sajjieda. B'kuntrast ma' dan, il-parti l-kbira tal-ispeċijiet invażivi fl-ambjent marittimu jiġu introdotti mhux intenzjonalment bħala ''hitchhikers'' jew kontaminanti (eż. permezz tal-ilma tas-saborra). Flimkien mal-ġarr fid-dinja kollha ta' volumi li dejjem jiżdiedu ta' materjali ta' pjanti u annimali minn iktar lokalitajiet, qed jiżdied ukoll il-potenzjal għall-introduzzjoni tal-IS.

3.3 L-impatt tal-IS fuq l-Ekoloġija

L-IS huma kkunsidrati bħala waħda mill-ikbar theddidiet għall-bijodiversità[10]. Modi kif iħallu impatt fuq l-ekoloġija lokali jinkludu:

- kompetizzjoni ma' organiżmi nattivi għall-ikel u l-ħabitat, bħal pereżempju l-iskojjattlu griż Amerikan ( Sciurus carolinensis) jieħu post l-iskojjattlu aħmar nattiv (Sciurus vulgaris) f'ħafna nħawi tal-Ewropa, jew inkella l-gambli signal Amerikani (Pacifastacus leniusculus) jieħdu post il-gambli nattivi Ewropej (Astacus spp.) jew il-bosta speċijiet ta' parrukketti li bħalissa qed jokkupaw ħafna bliet Ewropej jikkompetu ma' speċijiet ta' għasafar nattivi;

- It-tibdil ta' strutturi tal-ekosistemi, pereżempju l-alka tal-baħar Caulerpa taxifolia biddlet inħawi estensivi tal-kosta Mediterranja f'monokulturi Caulerpa;

- L-ibridiżmu ma' speċijiet nattivi, pereżempju l-papra ħamranija ( Oxyura jamaicensis) u ċ-ċerv Sika (Cervus nippon) jistgħu jheddu l-ispeċijiet nattivi bl-estinzjoni lokali minħabba tgħammir flimkien ta' speċijiet differenti u l-produzzjoni tal-ibridi ;

- tossiċità diretta;

- li ġġor fiha l-parassiti jew mezz ta' ġarr għall-patoġeni;

- tfixkil fis-servizzi tad-dakra minħabba l-kompetizzjoni mal-ispeċijiet lokali tan-naħal.

3.4 L-impatt tal-IS fuq l-Attivitajiet Ekonomiċi

L-IS jistgħu jnaqqsu l-produzzjoni mill-agrikultura, mill-forestrija u mis-sajd. Pereżempju, il-ħanfusa Ażjatika bl-antenni twal ( Anoplophora glabripennis ) iġġib ħafna ħsara fl-i stands b'weraq wiesa', inklużi l-pjantaġġuni tas-siġar tal-luq. Il- Comb jelly ( Mnemiopsis leidyi ) (xorta ta' brama) tnaqqas il-qbid kummerċjali tal-inċova fil-Baħar l-Iswed. L-IS huma magħrufa wkoll li jnaqqsu d-disponibbiltà tal-ilma u li jikkawżaw id-degradazzjoni tal-art. Il-pjanti invażivi bħalma hu l-balzmu tal-Himalaya ( Impatiens glandulifera ) jisbqu lil dawk nattivi li għandhom rwol importanti fir-rabta tal-ħamrija ma' għeruqhom u jistgħu jikkontribwixxu fiż-żieda tal-erożjoni tal-ħamrija.

L-IS jistgħu jagħmlu l-ħsara fl-infrastruttura minħabba t-tħaffir jew permezz tas-sistemi tal-għeruq tagħhom. Is-sistema tal-għeruq tal-ailantus-( Ailanthus altissima ) (magħrufa bħala siġra tal-ġenna) tista' tagħmel ħsara fil-bankini, fil-fdalijiet arkeoloġiċi u fil-ħitan. L-IS jistgħu jostakolaw ukoll it-trasport billi jibblukkaw il-passaġġi tal-ilma. Il-coypu ( Myocastor coypus ) (annimal gerriemi erbivoru semi-akkwatiku) kif ukoll il-far tal-misk tal-ilma ( Ondatra zibethicus ), li t-tnejn inġiebu lejn l-Ewropa mill-Ameriki minħabba l-fer tagħhom, issa huma stabbiliti mal-Ewropa kollha u jikkawżaw ħsara sinifikanti fid-digi, fil-kanali u fis-sistemi ta' irrigazzjoni u ta' protezzjoni mill-għargħar. Wieħed mill-ispeċijiet invażivi l-iktar magħruf huwa t-tamla zebra ( Dreissena polymorpha ) li, barra l-impatt ekoloġiku sinifikanti tagħha, tikkawża problemi kbar għall-industrija billi tħammeġ u tibblokka l-pajpijiet għall-estrazzjoni tal-ilma.

Il-felċi azolla ( Azolla spp. ) u l-prinjol abjad tal-Amerka ( Pinus strobus ) wasslu għat-tnaqqis ta' valuri rikreazzjonali u kulturali tal-wirt assoċjati ma' pajżaġġi u ilmijiet differenti.

3.5 L-impatt tal-IS fuq is-Saħħa tal-Bniedem

Għadd ta' problemi ta' saħħa fil-bniedem, bħalma huma l-allerġiji u problemi fil-ġilda, huma kkawżati mill-IS bħall-ħaxixa tal-Kawkażu ( Heracleum mantegazzianum ) u l-ambrosia bil-weraq tal-artemisia ( Ambrosia artemisiifolia ). In-nemusa tigra Ażjatika ( Aedes albopictus ), li hija dejjem iktar preżenti fl-Ewropa u li ġġorr mill-inqas 22 arbovirus (inklużi tad-dengue, taċ-Chikungunya, tar-Ross River u tal-West Nile), daħlet permezz tal-kummerċ tat-tajers użati. Il-bidla fil-klima kapaċi tinkuraġixxi t-tixrid tagħha iktar lejn it-tramuntana.

3.6 Spejjeż minħabba l-IS

L-ispejjeż prinċipali identifikati fl-Ewropa jinkludu spejjeż ta' qerda u ta' kontroll kif ukoll ta' ħsarat fl-agrikultura, fil-forestrija, fis-sajd kummerċjali, fl-infrastruttura u fis-saħħa tal-bniedem. Filwaqt illi jidher li hemm spejjeż ta' impatt jew ta' qerda, fil-fatt programmi parzjali ta' qerda u kontroll isiru b'mod parallel jew jibqgħu għaddejjin sabiex jippruvaw jillimitaw l-impatt. Fl-2008, stima inizjali ivvalutat l-ispejjeż annwali relatati mal-IS fl-Ewropa ta' bejn EUR 9 600 miljun u EUR 12 700 miljun kull sena (Kettunen et al. 2008). Bla dubju din iċ-ċifra hija stima baxxa, ladarba hija bbażata fuq l-ispejjeż kurrenti għall-qerda u l-kontroll tal-IS kif ukoll l-ispiża dokumentata tal-impatt ekonomiku. Ladarba ħafna pajjiżi għadhom jibdew jiddokumentaw l-ispejjeż u l-effetti, il-figuri kif tassew huma għall-ispejjeż finanzjarji involuti se jkunu konsiderevolment ogħla.

4. MILL-INTRODUZZJONI GħAN-NATURALIZZAZZJONI U D-DISSEMINAZZJONI

Sabiex l-IS jiġu trattati tajjeb huwa meħtieġ li wieħed jifhem kif u għaliex jinħolqu l-problemi.

Bosta speċijiet li mhumiex nattivi preżenti fl-Ewropa ġew introdotti intenzjonalment. L-użu tagħhom fil-biedja, fil-forestrija, fl-akwakultura, fil-marikultura u dak ornamentali/ortokulturali jew għal skopijiet rikreazzjonali żdied mal-Ewropa kollha sa mill-bidu tas-seklu 20. L-ispeċijiet li mhumiex nattivi jistgħu jiġu impurtati għax jikbru b'rata iktar mgħaġġla (eż. aktar qligħ minn siġar tal-foresrija, il-protezzjoni tal-ħamrija mill-erożjoni), jissodisfaw it-talba għall-prodotti eżotiċi (il-kummerċ tal-fer), jieklu u jrażżnu speċijiet oħra (aġenti bijoloġiċi ta' kontroll), jew sempliċiment għax in-nies iħobbuhom (annimali domestiċi, pjanti għall-ġnien).

Ħafna introduzzjonijiet ta' speċijiet huma relatati direttament mal-kummerċ, fejn l-ispeċi nnifisha hija merkanzija (l-injam, il-fibri, pjanti u annimali ħajjin jew mejta) jew hija kontaminant tal-merkanzija (ħafna pesti – fungi, il-batterja, il-virus u l-insetti – jiġu introdotti mingħajr intenzjoni marbutin mal-merkanzija prinċipali kummerċjalizzata). Barra minn hekk l-ispeċijiet ''li jieħdu rikba'' jistgħu jiġu introdotti permezz tal-kummerċ jew modi ta' trasport indipendentement mill-merkanzija. Pereżempju, il-bwieq tal-vapuri huma magħrufa li jġorru organiżmi li jħammġu l-bwieq u organiżmi mferrxa bl-ilma tas-saborra. Dawn il-modi ta' introduzzjoni jistgħu jkunu internazzjonali (eż.it-trasport oċeaniku) jew lokali (eż. It-trasport ta' dgħajjes għall-gost minn xmara infestata għal xmara jew għadira mhux kontaminata).

It-tibdil fil-klima wkoll għandu impatt fuq id-distribuzzjoni tal-ispeċi. Is-sopravivenza u t-tixrid ta' xi IS jistgħu jinftiehmu minħabba x-xtiewi inqas kiefra u sjuf iktar sħan li kellna hawn fl-Ewropa dawn l-aħħar għaxar snin.

Ġeneralment, il-problemi minħabba l-ispeċijiet li mhumiex nattivi jibdew meta dawn jiċċaqalqu minn postijiet kontrollati u ristretti fiżikament. Pjanti u annimali ornamentali kif ukoll annimali domestiċi ma jikkawżawx problemi ladarba jibqgħu fil-ġonna, fl-akkwarji u fid-djar. Patoġeni jew pesti jistgħu jiġu eliminati kif jaslu permezz ta' miżuri sanitarji ta' kontroll. Il-krustaċji, il-molluski u l-ħut li jinġarru fl-ilma tas-saborra jistgħu jiġu eliminati jekk l-ilma tas-saborra jiġi ttrattat qabel ma jintrema.

Madankollu, jekk il-pesti u l-mard tal-pjanti u tal-annimali ma jiġux osservati u meqruda fil-fruntiera jew jekk pjanti u annimali domestiċi ornamentali jaħarbu jew jitħallew f'għadajjar u nixxigħat lokali jew jekk annimali minn irziezet tal-fer bħalma huma l-coypu (Myocastor coypus) , il-far tal-misk tal-ilma ( Ondatra zibethicus) , il-mink tal-Amerika tat-Tramuntana (Mustela vison) u r-rakkun ( Procyon lotor) jaħarbu fis-selvaġġ, ikun hemm riskju li jsiru speċijiet invażivi.

F'xi każijiet il-kundizzjonijiet klimatiċi jistgħu ma jkunux adattati jew il-flora u l-fawna lokali jistgħu jkunu iktar flessibbli u l-ispeċijiet li mhumiex nattivi jinqerdu. F'sitwazzjonijiet oħra, jekk il-klima tkun adattata u l-kompetizzjoni u l-predazzjoni minn speċijiet indiġeni hija dgħajfa, allura l-ispeċijiet li mhumiex nattivi jistgħu jibqgħu jgħixu, jikbru u jirriproduċu kif ukoll jirnexxilhom jistabbilixxu kolonja lokali.

Jekk il-kolonja lokali tal-ispeċijiet li jinvadu ma tiġix osservata u meqruda malajr, tistabbilixxi popolazzjoni sostenibbli f'livell lokali li jiġu disseminati f'territorji ġodda. Bla dubju, jekk hemm diversi popolazzjonijiet lokali stabbiliti minn stokk oriġinali differenti, allura l-proċess ta' disseminazzjoni jiġi mħaffef u l-ispeċijiet ikunu inqas vulnerabbli għall-estinzjoni lokali. Eventwalment, wara perjodu ta' snin jew għexieren ta' snin, l-ispeċi tista' tixtered ma' bosta pajjiżi u jkun kważi impossibli li tinqered.

5. STRATEġIJI BIEX JIġU TRATTATI L-IS

5.1 L-Approċ Ġerarkiku fi Tliet Stadji

F'dak li jirrigwarda l-politika tar-rispons għat-theddid tal-IS, ''approċ ġerarkiku fi tliet stadji'' maqbul fuq livell internazzjonali[11] jappoġġja miżuri bbażati fuq 1) il-prevenzjoni, 2) ir-rilevament bikri u l-qrid, u 3) il-kontroll u t-trażżin fit-tul. Dan l-approċ ikopri introduzzjonijiet u ġestjoni ġodda ta' IS stabbiliti. Jirriffletti l-kunsens xjentifiku u ta' politika li l- prevenzjoni hija ġeneralment iktar ekonomika u ta' ġid għall-ambjent mill-miżuri post-introduzzjoni. Madankollu, fejn tiġi introdotta l-IS, ir-rilevament bikri u l-qrid rapidu tagħha, imwieżna mit-twissija bikrija u skambju ta' informazzjoni, huma l-iktar modi ekonomiċi biex ma titħalliex tistabbilixxi ruħha u tinfirex iktar. Jekk il-qrid mhux prattiku, għandhom jiġu implimentati miżuri ta' kontroll u/jew ta' trażżin .

Prevenzjoni: Hemm sitt modi prinċipali għall-introduzzjoni tal-IS: Ir-rilaxx, il-ħarba, il-kontaminant, il-''hitchhiker'', il-kuritur jew l-introduzzjoni bla għajnuna. Il-biċċa l-kbira tal-introduzzjonijiet jokkorru direttament jew indirettament bħala riżultat tal-kummerċ. Sabiex jitnaqqsu jew jiġu evitati iktar introduzzjonijiet b'dan il-mod ikun meħtieġ li jkun hemm kontrolli u spezzjonijiet fil-fruntieri flimkien ma' proċedura ta' valutazzjoni sabiex tiġi determinata l-aċċettazzjoni tal-importazzjoni ta' merkanzija ġdida. Approċi bħal dawn jeħtieġu jiġu infurmati permezz tal-iskambju ta' informazzjoni bejn korpi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali li jaħdmu fuq il-kontroll tal-IS. Il-prevenzjoni fir-rigward tal-organiżmi 'li jieħdu rikba' li jinġiebu minn fuq il-bwieq tal-vapuri jew fl-ilma tas-saborra tal-vapuri għandha tgawdi bil-bosta mir-ratifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Ilma tas-Saborra.

Ir-rilevament bikri u l-Qrid Rapidu tal-IS jiddependu minn programmi effettivi ta' monitoraġġ flimkien ma' mekkaniżmu ta' twissija bikrija li jinforma malajr kemm jista' jkun żoni oħra li jistgħu jiġu affettwati u li jipprovdi skambju ta' informazzjoni fuq strateġiji potenzjali ta' qrid. F'każijiet fejn l-IS hija diġà stabbilita u mifruxa ma' żona ġeografika, tajjeb li jkun hemm programmi koordinati ta' qerda li jkollhom superviżjoni u jekk huwa possibbli jkollhom appoġġ finanzjarju minn entità ċentrali.

Kontroll u/jew Trażżin: Meta l-IS ikunu kemm stabbiliti u kemm mifruxa, l-enfasi għandu jkun fuq il-kontroll u t-trażżin. Għal darb'oħra dan jirrikjedi skambju effettiv ta' informazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni ta' kampanji/azzjonijiet koordinati sabiex it-tixrid tal-ispeċi kkonċernata jiġi kontrollat/imwaqqaf.

5.2 Għodod eżistenti għat-trattament tal-IS fl-Ewropa

Waqt li tikkunsidra l-elementi differenti ta' strateġija skont id-deskrizzjoni hawn fuq, il-Kummissjoni vvalutat il-leġiżlazzjoni kurrenti, programmi ta' riċerka, pjanijiet ta' azzjoni u inizjattivi oħra sabiex jiġi identifikat liema aspetti huma diġà koperti u fejn hemm xi lakuni.

Id- Direttiva dwar is-Saħħa tal-Pjanti (2000/29/KE) tikkonċerna primarjament il-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' organiżmi li jagħmlu l-ħsara lill-pjanti u lill-prodotti tal-pjanti. Jistgħu jiġu miżjuda speċijiet ġodda mal-lista tal-UE ta' organiżmi li jagħmlu l-ħsara taħt id-Direttiva bbażata fuq il-valutazzjoni tar-riskju tal-pesti. L-Istati Membri żviluppaw tajjeb ħafna mekkaniżmi għat-trażmissjoni tal-informazzjoni, kooperazzjoni, spezzjoni u kontroll. Id-Direttiva tagħti lok għal mekkaniżmi flessibbli biex jieħdu miżuri ta' emerġenza f'każ li jinstabu organiżmi ta' ħsara fit-territorju tal-Istati Membri. Madankollu, l-impatti tal-IS fuq is-saħħa tal-bniedem jew il-konsegwenzi ekonomiċi diretti li jirriżultaw, ngħidu aħna, mill-ibblukkar tal-passaġġi tal-ilma ma jidħlux fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE fuq il- mard tal-annimali tista' tkopri l-IS meta dawn ikunu qed iġorru l-mard tal-annimali. Il-proċeduri ta' kontroll u ta' spezzjoni jinsabu fis-seħħ fl-Istati Membri bħalma huma proċeduri ta' valutazzjoni fl-UE. Fin-netwerk Komunitarja għall-mard li jittieħed, ġew adottati regoli armonizzati li jeħtieġu notifika bikrija tal-miżuri għas-saħħa pubblika li jittieħdu jew huma maħsuba li jittieħdu mill-Istati Membri f'każ ta', ngħidu aħna, sitwazzjoni epidemoloġika ġdida jew theddid għas-saħħa minħabba l-okkorrenza tal-IS.

L-importazzjoni ta' erba' speċijiet[12] li jikkostitwixxu theddida ekoloġika hija pprojbita fir- Regolament dwar il-kummerċ fil-flora u l-fawna selvaġġi (ir-Regolament tal-Kunsill 338/97) magħmula primarjament sabiex tikkontrolla l-kummerċ fl-ispeċijiet li jinsabu f'periklu li jinqerdu. L-Istati Membri waqqfu proċeduri ta' spezzjoni u kontroll taħt ir-Regolament, iżda m'hemm l-ebda proċeduri ta' valutazzjoni.

Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura jipprovdi għall-valutazzjoni tar-riskji assoċjati mal-introduzzjonijiet intenzjonali ta' organiżmi tal-akkwakultura u speċijiet assoċjati li mhumiex fil-mira. Id-Direttivi dawr in-Natura (79/409/KEE u 92/43/KEE) jipproskrivu l-introduzzjonijiet fl-ambjent selvaġġ li jistgħu jheddu l-ispeċijiet nattivi. Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE) titlob lill-Istati Membri biex jiksbu status ekoloġiku tajjeb fl-ilmijiet relevanti. Id-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima (2008/56/KE). tagħraf l-introduzzjoni ta' speċijiet li mhumiex nattivi bħala theddida prinċipali għall-bijodiversità Ewropea u titlob speċifikament lill-Istati Membri biex jinkludu l-IS fid-deskrizzjoni ta' ''Status Ambjentali Tajjeb''.

Il-programm LIFE jiffinanzja l-proġetti li jitrattaw il-kontroll u l-qerda tal-IS: Bejn l-1992 u l-2002, 'il fuq minn 100 proġett kienu ffinanzjati (it-total tal-ispejjeż kien EUR 27 miljun), u 80 kienu ffinanzjati bejn l-2003 u l-2006 (it-total tal-ispejjeż kien EUR 17 miljun). Is-Sitt Programm ta' Qafas għar-Riċerka iffinanzja 2 proġetti relatati mal-IS: ALARM[13] u DAISIE[14]. Il-proġett DAISIE wassal l-ewwel inventarju pan-Ewropew tal-Ispeċijiet Eżotiċi Invażivi. Il-Proġett tan-Nofsinhar tal-Atlantiku dwar l-Ispeċijiet Eżotiċi Invażivi (SAIS), appoġġjat mid-Disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp , għandu l-għan li jżid il-kapaċità reġjonali sabiex jitnaqqas l-impatt tal-ispeċijiet invażivi fit-Territorji Barranin fin-Nofsinhar tal-Atlantiku tar-Renju Unit.

Fl-2003, l-Istrateġija Ewropea fuq l-Ispeċijiet Ezotiċi Invażivi ġiet adottata taħt il- Konvenzjoni ta' Bern . L-Organizzazzjoni Ewropea u Mediterranja dwar il-Protezzjoni tal-Pjanti (EPPO) tħaddem sistema ta' rappurtaġġ fuq il-pesti u żżomm listi tal-ISA rakkomandati għar-regolament nazzjonali sabiex jiġu evitati iktar introduzzjonijiet u tixrid, inklużi l-pjanti eżotiċi invażivi. Erba' ISA kienu suġġett ta' valutazzjonijiet mwettqa mill-EPPO u kkunsidrati mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), imma s'issa l-ebda valutazzjoni mhi kkunsidrata sodisfaċenti mill-EFSA.

6. L-ALTERNATTIVI TA' POLITIKA

Hemm għadd ta' risponsi possibbli għat-trattament tal-IS li jistgħu jiġu kkunsidrati fl-UE. Din il-Kommunikazzjoni tiddeskrivi erba' għażliet[15] fl-ordni tal-intensità li qed tiżdied. Madankollu, l-għażliet mhumiex diskreti jew esklussivi reċiprokament u l-elementi mill-għażliet differenti jistgħu jiġu kkombinati. Għal kull għażla hemm deskrizzjoni tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi.

A) Kollox bħas-soltu

L-għażla li kollox jibqa' bħas-soltu tipprovdi punt ta' referenza li skontu jiġu vvalutati għażliet oħra. Bla dubju, jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni, l-IS jibqgħu jistabbilixxu ruħhom fl-UE b'konsegwenzi ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali assoċjati li jiżdiedu u spejjeż relatati.

B) Jiġi massimizzat l-użu ta' strumenti legali fis-seħħ flimkien ma' miżuri volontarji

Ir-rekwiżiti formali u legali għandhom jibqgħu kif inhuma llum iżda ssir deċiżjoni konxja sabiex jiġu indirizzati proattivament il-problemi tal-IS taħt il-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Dan jimplika li jitwettqu valutazzjonijiet ta' riskju bl-użu ta' istituzzjonijiet u proċeduri eżistenti bħalma hi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza tal-Ikel. B'mod volontarju l-Istati Membri jagħmlu kwistjonijiet tal-IS parti mill-funzjoni ta' kontroll tal-fruntiera tagħhom. Sistema ta' Twissija Bikrija u ta' Informazzjoni bbażata fuq l-attivitajiet fis-seħħ[16] tista' titwaqqaf mal-Ewropa kollha[17]. L-inventarju DAISIE tal-IS jista' jinżamm u jiġi aġġornat regolarment. Pjanijiet għall-qerda tal-isoeċi jiġu żviluppati u appoġġjati mill-fondi nazzjonali. Gruppi tal-partijiet ikkonċernati mis-setturi kollha jistgħu jiġu mwaqqfa f'livelli xierqa biex iħeġġu l-iskambju tal-aqwa prattika, tiġi żviluppata gwida b'mira u biex isolvu l-kunflitti ta' interess. Jistgħu jiġu msejsa kodiċi volontarji ta' kondotta biex iħeġġu mġiba responsabbli min-naħa tal-bejjiegħa bl-imnut, tal-utenti u tal-konsumaturi.

Il-vantaġġ prinċipali ta' din l-għażla hu ma teħtieġx leġiżlazzjoni ġdida. Proċeduri ta' valutazzjoni u proċeduri ta' kontroll u ta' spezzjoni tal-Istati Membri diġà jeżistu. Madankollu, il-kopertura ma tkunx sħiħa saħansitra b'approċ proattiv, jibqa' jkun hemm inċertezza legali konsiderevoli, u l-livell ta' rispons għat-theddida tal-IS ivarja b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri. Il-koordinazzjoni ta' għadd ta' arranġamenti ad-hoc tista' tkun ta' sfida. Sistema mibnija fuq impriżi volontarji mill-Istati Membri u kodiċi ta' kondotta volontarji tkun effettiva daqs l-iktar ħolqa dgħajfa f'katina.

B+) Leġiżlazzjoni adattata u li tinsab fis-seħħ

Din l-għażla tixbaħ lill-għażla B f'ħafna aspetti, iżda tinkludi emendi fil-leġiżlazzjoni li tinsab fis-seħħ fuq is-saħħa tal-pjanti/annimali biex tkopri medda usa' ta' organiżmi potenzjalment invażivi u l-estensjoni tal-lista ta' speċijiet li huma ta' theddida ekoloġika' li ma jistgħux jiġu importati u lanqas ma jistgħu jiċċaqalqu internament skont ir-Regolament dwar il-Kummerċ fl-Ispeċijiet Selvaġġi. Jekk jiġi implimentat dan l-approċ, ikun hemm bżonn li jiġu dedikati riżorsi addizzjonali għall-IS fil-proċess ta' valutazzjoni u fl-attivitajiet ta' kontroll tal-fruntiera mwettqa mill-Istati Membri.

Il-vantaġġ ta' dan l-approċ hu li waqt li jiġu indirizzati xi inċertezzi u lakuni, ma tkun teħtieġ l-ebda biċċa leġiżlazzjoni ġdida. Madankollu, il-kopertura tal-problema tal-IS xorta tkun għadha mhix komprensiva jew sħiħa u l-koordinazzjoni tkun sfida sinifikanti.

C) Strument legali, komprensiv u dedikat tal-UE

Din l-għażla tinvolvi t-twaqqif ta' qafas legali komprensiv u dedikat għat-trattament tal-IS bi proċeduri indipendenti għall-valutazzjoni u l-intervenzjoni waqt li tiġi kkunsidrata l-leġiżlazzjoni fis-seħħ. L-aspetti tekniċi tal-implimentazzjoni jistgħu jkunu ċentralizzati minn aġenzija dedikata[18], kieku din kienet ħaġa mixtieqa u ekonomika. L-Istati Membri inklużi r-Reġjuni l-aktar imbiegħda Ewropej ikunu obbligati jwettqu l-kontrolli fil-fruntieri għall-IS kif ukoll iwettqu skambju ta' informazzjoni fuq l-IS. Jistgħu jitwaqqfu wkoll proċeduri mandatorji ta' monitoraġġ u rappurtaġġ kif ukoll mekkaniżmi effiċjenti ta' rispons rapidu. Filwaqt li huwa possibbli li wieħed jikkunsidra xi fondi tal-UE biex jiġu appoġġati azzjonijiet ta' qerda u ta' kontroll, l-Istati Membri jistgħu wkoll jiffinanzjaw dawn l-azzjonijiet direttament.

Din l-għażla tkun l-iktar waħda effettiva f'termini ta' kontroll tal-IS. Tista' tipprovdi l-akbar ċarezza legali waqt li tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. Madankollu, ikun hemm spejjeż amministrattivi għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni kif ukoll spejjeż diretti għall-operaturi ekonomiċi.

7. KWISTJONIJIET ORIZZONTALI

Huwa importanti li l-pubbliku jkun infurmat u impenjat sabiex il-kwistjonijiet tal-IS jiġu trattati b'mod effettiv, speċjalment l-introduzzjonijiet mhux intenzjonati li l-instrumenti amministrattivi/legali ma jistgħu ikopru b'mod sodisfaċenti. Attivitajiet ta' kommunikazzjoni u edukazzjoni għandhom jibnu sens ta' responsabbiltà fost iċ-ċittadini Ewropej, l-awtoritajiet u l-industriji fir-rigward tal-kummerċ u l-moviment tal-IS potenzjali, kif ukoll programmi ta' qerda u/jew kontroll. Pubbliku li jkun infurmat tajjeb għandu jġib inqas speċijiet li mhumiex nattivi fil-ġonna u fl-għadajjar tiegħu.

Iktar riċerka tista' tikkontribwixxi għal ftehim aħjar tal-IS u l-modi tal-introduzzjoni tagħhom kif ukoll ir-riskji u s-severità tal-okkorrenzi tal-IS, eż. It-tbassir tal-invażjoni ta' speċijiet ġodda u kontroll ekonomiku u metodi ta' ġestjoni. Ir-riżultati tar-riċerka u tal-moniteraġġ flimkien ma' inizjattivi bħall-ġurnali online b'aċċess miftuħ jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' sistemi ta' informazzjoni fuq l-IS. L-inizjattiva ta' Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u għas-Sigurtà (GMES)[19]tista' sservi ta' għodda utli għall-monitoraġġ u l-kontroll tal-impatt tal-IS fuq l-ambjent.

Kwalunkwe strateġija tal-UE fil-futur fuq it-trattament tal-IS għandha tqis il-possibiltajiet tal-użu ta' strumenti ta' fondi tal-UE biex tiġi appoġġjata l-politika. Il-potenzjal għall-involviment tas-settur privat, inkluż dak tal-assigurazzjoni, għandu jiġi vvalutat ukoll.

Il-pajjiżi terzi huma s-sors għall-wasla tal-IS fl-UE. Madankollu, l-UE tista' tirrappreżenta wkoll sors potenzjali tal-IS għal dawn il-pajjiżi terzi. L-IS fil-pajjiżi terzi jistgħu jwasslu għad-deterjorament tal-għixien u b'hekk għall-migrazzjoni msaħħa u għall-kunflitti eventwali. Filwaqt li se jibqgħu jsiru l-isforzi fil-kuntest tal-konvenzjonijiet internazzjonali bħalma huma l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Konvenzjoni ta' Bern, il-Komunità Ewropea għandha potenzjal konsiderevoli għal azzjonijiet bilaterali diretti ma' pajjiżi terzi sabiex titnaqqas il-pressjoni mill-IS fiż-żewġ direzzjonijiet. Il-Komunità Ewropea tista' tappoġġja l-pajjiżi terzi kif ukoll attivitajiet reġjonali jew internazzjonali permezz tal-Instrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tagħha (b'mod partikulari il-Programm dawr it-Tematika tar-Riżorsi Ambjentali u Naturali), il-Fondi Ewropew għall-Iżvilupp u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu appoġġ addizzjonali permezz tal-instrumenti ta' kooperazzjoni għall-żvilupp tagħhom stess.

8. KONKLUżJONI

IT-TWAQQIF TAT-TELF TAL-BIJODIVERSITÀ FL-UE MA JISTAX ISEħħ MINGħAJR IT-TRATTAMENT KOMPRENSIV TAL-IS. Il-konsegwenzi ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali tal-IS fl-UE huma sinifikanti u jeħtieġu rispons koordinat. Bħalissa, il-Komunità ma tistax titratta l-IS b'mod effiċjenti u żoni li huma rikki fil-bijodiversità, eż. entitajiet 'il barra mill-UE, ma tingħatalhomx l-attenzjoni xierqa. Il-leġiżlazzjoni tal-UE li tinsab fis-seħħ u li tkopri parzjalment aspetti differenti tal-IS tagħmel l-implimentazzjoni koordinata iktar diffiċli. Il-konsistenza tal-politika bejn bosta Stati Membri hija baxxa jew ma teżistix. Ix-xenarji xjentifiċi jimmiraw għal żieda drammatika fl-invażjonijiet bijoloġiċi. Għalhekk jidher li s-sitwazzjoni se tmur għall-agħar.

Din il-Kommunikazzjoni tiddeskrivi n-natura tat-theddida li jqiegħdu quddiemna l-IS kif ukoll l-approċi possibbli ta' kif tista' tiġi indirizzata l-problema. Ir-rispons tal-Kunsill, l-istituzzjonijiet tal-UE l-oħra u l-partijiet konċernati se jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni meta din tkun qed tifinalizza l-proposta tagħha għall-Strateġija tal-UE li bi ħsiebha tippreżenta fl-2010 bl-għan li tnaqqas b'mod sostanzjali l-impatt tal-IS fuq il-bijodiversità Ewropea. Sadattant, il-Kummissjoni se teżamina l-possibbiltà li tistabbilixxi Sistema ta' Twissija Bikrija u ta' Informazzjoni bbażata fuq inventorju li jiġi aġġornat regolarment flimkien ma' mekkaniżmi effettivi ta' rispons, li hija tqis li għandhom ikunu passi siewja 'l quddiem.

[1] It-terminu 'Speċi Invażiva' użat f'dan id-dokument jiġbor it-termini 'Speċi Eżotika Invażiva' kif tinsab fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika kif ukoll 'Speċi invażiva mhux nattiva'. L-Ispeċijiet Invażivi huma definiti fis-sens wiesa' tagħhom bħala speċijiet li d-dħul u/jew it-tixrid tagħhom jista' jhedded lid-diversità bijoloġika jew li jkollu konsegwenzi mhux imbassra.

[2] Il-Valutazzjoni tal-Ekosistema għall-Millenju, 2005.

[3] Konklużżjoni tal-Presidenza – il-Kunsill Ewropew ta’ Goteborg 15-16 ta' Ġunju 2001.

[4] Konklużjonijiet tal-Kunsill (Ambjent), 3 ta' Marzu 2008, paragrafu 13.

[5] Rapport fuq it-Twaqqif tat-Telf tal-Bijodiversità sal-2010 , il-Kumitat għall-Ambjent, Is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Parlament Ewropew, 28.3.2007.

[6] Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-6 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni: It-Twaqqif tat-telf tal-bijodiversità sal-2000 – u lil hinn (COM(2006) 216 finali), CdR 159/2006 fin.

[7] Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Frar 2007 dwar il-Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni fuq it-Twaqqif tat-Telf tal-Bijodiversità sal-2010 – u lil hinn (COM(2006) 216 finali), NAT/334 – CESE 205/2007 fin DE/HO/hn.

[8] COM (2006) 216 finali.

[9] DAISE (It-tqassim ta' Inventarji dwar l-Ispeċijiet Eżotiċi Invażivi lill-Ewropa), www.europe-aliens.org

[10] Il-Valutazzjoni tal-Ekosistema għall-Millenju, 2005.

[11] Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD): Prinċipji ta' Gwida għall-prevenzjoni, l-introduzzjoni u l-mitigazzjoni tal-impatti ta' speċijiet invażivi aljeni li jheddu l-ekosistemi, il-ħabitats jew l-ispeċijiet mehmuża mad-Deċiżjoni VI/23 (L-Aja, April 2002).

[12] Il-fekruna b'widnejn ħomor ( Trachemys scripta elegans ); Iż-żrinġ-barri Amerikan ( Rana catesbeiana ); Il-fekruna miżbugħa ( Chrysemys picta ); Il-papra ħamranija Amerikana ( Oxyura jamaicensis ).

[13] ALARM (Il-Valutazzjoni fuq skala kbira tar-Riskji għall-Bijodiversità bl-użu ta' Metodi ttestjati), www.alarmproject.net

[14] DAISE (It-Tqassim ta' Inventarji dwar l-Ispeċijiet Eżotiċi Invażivi lill-Ewropa), www.europe-aliens.org

[15] Jekk ikunx hemm għażla waħda jew għażliet ikkombinati jiddependi fuq ir-riżultati ta' analiżi minn qabel tal-impatt finanzjarju

[16] L-Inventarju tal-IAS għall-Ewropa mwassal minn DAISIE ara http://www.europe-aliens.org/index.jsp; NOBANIS (Netwerk tal-Ewropa tat-Tramuntana u Baltika fuq l-IAS); ġurnali xjentifiċi online inklużi ''Aquatic Invasions'' u ''Biorisk''.

[17] Studju dwar il-prattiċità qed jiġi mwettaq bħalissa mill-EEA.

[18] L-implimentazzjoni parzjali jew sħiħa ta' din l-alternattiva tiddependi wkoll fuq ir-riżultati tad-diskussjoni li se ssir tal-grupp ta' ħidma interistituzzjonali fuq l-aġenziji. Tista' tiġi kkunsidrata wkoll l-estensjoni tal-mandat tal-entitajiet ezistenti.

[19] COM(2008) 748 finali.