Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - L-Ewropa tista’ tiffranka aktar enerġija permezz tal-ġenerazzjoni kkombinata tas-sħana u tal-elettriku /* KUMM/2008/0771 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 13.11.2008 KUMM(2008) 771 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Ewropa tista’ tiffranka aktar enerġija permezz tal-ġenerazzjoni kkombinata tas-sħana u tal-elettriku KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Ewropa tista’ tiffranka aktar enerġija permezz tal-ġenerazzjoni kkombinata tas-sħana u tal-elettriku 1. Introduzzjoni L-GħANIJIET EWLENIN TA’ DIN IL-KOMUNIKAZZJONI HUMA LI JIġI PPREżENTAT L-ISTATUS ATTWALI TAL-ġENERAZZJONI KKOMBINATA TAS-SħANA U TAL-ELETTRIKU (CHP JEW KOġENERAZZJONI), U LI JIġU PPREżENTATI POSSIBBILTAJIET GħALL-IżVILUPP TAGħHA. HIJA U TAGħMEL DAN, IL-KUMMISSJONI TISSODISFA WKOLL L-OBBLIGI TA' RAPPURTAR TAD-DIRETTIVA 2004/8/KE [1] dwar il-potenzjal tal-koġenerazzjoni u l-progress fit-twettiq ta’ dawn il-potenzjali fl-Istati Membri. Madankollu, ir-rappurtar huwa biss parzjali minħabba fid-dewmien fl-implimentazzjoni tad-Direttiva u l-għadd żgħir ta’ rapporti nazzjonali disponibbli[2] f’dan l-istadju. Il-Komunikazzjoni tippreżenta t-triq ‘il quddiem sabiex il-proċess jaqbad pass aktar mgħaġġel fil-ġejjieni u l-potenzjal tas-CHP fl-Ewropa jittejjeb. 2. X’inhi s-CHP u r-rwol tagħha fil-portafoll tal-enerġija tal-ue? Bosta teknoloġiji tal-produzzjoni tal-elettriku jiġġeneraw ukoll is-sħana, li tinħela, kemm il-darba fit-torrijiet tat-tkessiħ u għad-detriment tal-ambjent. Il-livell medju attwali tal-effiċjenza fil-ġenerazzjoni tal-elettriku minn impjanti konvenzjonali tas-sħana hija madwar 40%[3] fl-Unjoni Ewropea. Jekk is-sħana ġġenerata bħala prodott sekondarju tkun tista’ tintuża, l-effiċjenza kumplessiva tal-impjant tal-produzzjoni kkombinata tista’ kważi tirdoppja. Fattur ta’ limitu jista’ jkun id-disponibbiltà tad-domanda parallela għas-sħana jiġifieri t-tagħbija (load) tas-sħana. Tagħbija tas-sħana kbira biżżejjed issoltu tkun tista’ tinstab f’netwerk distrettwali tat-tisħin, inkella fi proċess industrijali. Il-ġenerazzjoni kkombinata tas-sħana u tal-elettriku hija teknoloġija tal-enerġija effiċjenti ħafna, li tista’ tipprovdi ffrankar tal-enerġija meta mqabbla ma’ teknoloġiji oħra. Barra minn hekk, peress li l-impjanti tas-CHP għandhom ikunu relattivament qrib għall-konsumaturi finali, humiex komunitajiet inkella l-industrija, it-trażmissjoni tal-enerġija u t-telf fid-distribuzzjoni jibqgħu minimi. Bosta sorsi tal-enerġija jistgħu jintużaw fil-koġenerazzjoni, mill-faħam għall-gass naturali kif ukoll sorsi tal-enerġija li jiġġeddu[4]. Is-CHP tista’ tintuża f’raġġ wiesa' ta' kapaċitajiet, mill-mikrokoġenerazzjoni ta' kilowatt wieħed fid-djar privati għal mijiet ta' megawatts f'impjanti tat-tisħin distrettwali u impjanti industrijali. Mill-konsum finali tal-enerġija fl-UE (FEC)[5] fl-2006, is-CHP rrappreżentat 13.1%, livell li ma tjiebx b’mod sinifikanti[6]. Il-varjazzjoni bejn il-pajjiżi hija sinifikanti minn kważi żero għal aktar minn 40% fid-Danimarka u l-Finlandja (ara l-Grafika 1). [pic] Grafika 1: Il-proporzjon ta’ rendiment tal-enerġija CHP għall-FEC, imqassma skont l-Istati Membri (Eurostat – 2006) Il-kapaċità għall-elettriku CHP fl-UE27 hija ta' madwar 100GW, li tirrappreżenta 13.6% tal-kapaċità totali għall-elettriku fl-UE 27. Il-produzzjoni ta’ elettriku CHP fl-UE 27 tammonta għal 366 TWh, jiġifieri 10.9% tal-ġenerazzjoni totali tal-elettriku fl-2006[7]. Il-livell ta’ produzzjoni jvarja ħafna bejn l-Istati Membri, minn 0.3% f’Ċipru sa aktar minn 40% fil-Latvja u d-Danimarka. Il-benefiċċji f’termini ta’ ffrankar tal-enerġija mill-koġenerazzjoni llum huma stmati għal madwar 35 Mtoe fis-sena fl-UE 27, ekwivalenti għall-konsum gross lokali tal-Awstrija. L-iffrankar ta’ CO2 huwa ta’ madwar 100 Mt fis-sena[8]. Is-CHP hija teknoloġija għall-iffrankar tal-enerġija li llum tikkontribwixxi madwar 2% lejn il-mira tal-iffrankar annwali ta’ 20% tal-enerġija primarja għall-2020. 3. Is-CHP bħala għodda tal-politika tal-enerġija għall-UE L-UE ħadet impenji ambizzjużi fir-rigward tal-għanijiet tal-politika tal-enerġija u tal-klima, li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’20%, li żżid is-sehem tal-enerġiji li jiġġeddu għal 20% u li tiffranka 20% tal-enerġija sas-sena 2020. Il-Politika tal-Enerġija tal-Ewropa timmira li tippromwovi s-sigurtà tal-provvista, l-iżvilupp sostenibbli u l-kompetittività. Is-CHP jista’ jkollha rwol importanti biex jintlaħqu dawn l-għanijiet tal-politika billi tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija, tal-enerġija sostenibbli, ambjent aħjar u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, il-koġenerazzjoni tikkostitwixxi għarfien teknoloġiku Ewropew b'possibilitajiet dejjem akbar għall-esportazzjoni, tippromwovi l-kompetittività Ewropea u toffri opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku, ukoll fuq livell reġjonali u lokali. Għal dawn ir-raġunijiet, ġie introdott qafas ġuridiku speċifiku għall-promozzjoni tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, id-Direttiva dwar il-koġenerazzjoni. Id-Direttiva dwar il-koġenerazzjoni tirrikonoxxi l-benefiċċji ta’ din it-teknoloġija u tistabbilixxi l-prinċipji dwar kif l-Istati Membri jistgħu jappoġġawha. L-iskemi ta’ appoġġ, pereżempju l-appoġġ finanzjarju u l-aċċess u t-tariffi għall-grid tal-elettriku, kif ukoll il-proċeduri amministrattivi biex tiġi ffaċilitata l-penetrazzjoni tas-suq ma jippreġudikawx ir-rispett meħtieġ tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat koperti minn din id-Direttiva. Biex tiżgura l-mertu tal-effiċjenza tal-enerġija mit-teknoloġija li qed tippromwovi, id-Direttiva ddefiniet it-terminu “sħana utli”. Fil-prattika, din id-definizzjoni ġiet stabbilita biex tiżgura l-iffrankar tal-enerġija u mhux biex tippromwovi teknoloġija partikolari. Għodda importanti tad-Direttiva hija l-Garanzija tal-Oriġni (GO). Kif ġara fis-settur tas-sorsi li jiġġeddu, il-GOs inħolqu biex jipprovdu informazzjoni trasparenti għall-konsumaturi tal-enerġija dwar minn fejn jiġi l-elettriku li jikkonsumaw u biex il-produtturi jkunu jistgħu juru li l-elettriku li jbigħu huwa prodott minn koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja. Dawn il-GOs se jinħarġu mill-korp kompetenti ta’ kull Stat Membru. Għandhom ikunu jistgħu jiġu rikonoxxuti reċiprokament bejn il-pajjiżi. L-armonizzazzjoni tal-GOs għad jonqosha aktar sforzi, iżda l-format tagħhom u r-responsabbiltajiet għall-ħruġ tagħhom xorta għad irid jiġi ddefinit. Il-GOs jispeċifikaw l-ammont ta’ elettriku mill-koġenerazjzoni b’effiċjenza għolja. Biex tkun tista’ tidentifika dan l-ammont ta’ elettriku, il-Kummissjoni żviluppat linji gwida dettaljati[9] għall-kalkolu tal-elettriku prodott bil-koġenerazzjoni. Id-Direttiva tiddefinixxi wkoll l-obbligi ta’ rappurtar għall-Kummissjoni u l-Istati Membri. Din il-Komunikazzjoni twieġeb għal xi wħud minn dawn il-kompiti kif inhu diskuss aktar ’il quddiem. 4. Fejn wasalna bil-promozzjoni tas-CHP? Miżuri tal-UE Id-Direttiva dwar il-koġenerazzjoni ġiet adottata fl-2004. L-implimentazzjoni tagħha mxiet ’il quddiem, iżda aktar bil-mod milli kien mistenni oriġinarjament. L-adozzjoni ta’ linji gwida dettaljati għall-kalkolu tal-koġenerazzjoni tal-elettriku kienet sfida kbira. Dawn il-linji gwida issa ġew żviluppati wara diskussjonijiet fil-fond bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Deċiżjoni dwar il-valuri ta' referenza armonizzati rigward l-effiċjenza tal-produzzjoni separata tal-elettriku u s-sħana, li ġiet adottata fl-2006, kienet element indispensabbli tal-linji gwida[10]. Sal-lum, 22 Stat Membru ttrasponew partijiet mid-Direttiva tas-CHP u d-Deċiżjoni relatata tal-Kummissjoni dwar il-valuri ta’ referenza. Fejn dan għadu mhux il-każ, spiss huwa minħabba s-sistema ġuridika partikolari tal-pajjiż li tesiġi traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva u l-leġiżlazzjoni sekondarja kollha relatata, fi proċess leġiżlattiv wieħed. Dan il-proċess ma setax isir qabel l-adozzjoni tal-linji gwida dettaljati f’Novembru 2008. Il-leġiżlazzjoni l-oħra Komunitarja wkoll se jkollha impatt fuq il-produzzjoni kkombinata tas-sħana u tal-elettriku fl-UE. Fost l-għodod attwali tal-politika, għandhom jiġu nnutati l-punti li ġejjin: - Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Enerġija[11] tinkludi dispożizzjonijiet li jistgħu jappoġġaw l-iżvilupp tal-mikrokoġenerazzjoni, pereżempju bil-promozzjoni ta’ kejl (metering) avvanzat tal-konsum[12]. Il-Pjanijiet Nazzjonali tal-Effiċjenza tal-Enerġija, taħt din id-Direttiva, għandhom jinkludi wkoll il-koġenerazzjoni bħala miżura li tiffranka l-enerġija. - Id-Direttiva dwar il-Bini[13] – fil-każ ta’ bini ġdid b’total ta’ erja utli tal-art ta’ aktar minn 1000 m2 – tesiġi li tiġi żgurata l-fattibilità teknika, ambjentali u ekonomika tas-CHP jew it-tisħin distrettwali jew f’oqsma tal-bini inkella s-sistemi tat-tkessiħ (“sistemi alternattivi”). Riformulazzjoni ta’ din id-Direttiva tipproponi li dan il-limitu ta’ 1000 m2 jiġi eliminat għall-bini l-ġdid. - Il-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali[14] jippermettu l-appoġġ finanzjarju għall-investiment u għall-ispejjeż operattivi marbuta mal-implimentazzjoni u mat-tħaddim ta' impjanti tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, kif ukoll għajnuna għall-investiment f'sistemi ta' tisħin distrettwali b'effiċjenza għolja. Prinċipju ċentrali huwa li għandu jkun hemm iffrankar fl-enerġija primarja li jirriżulta f'inqas emissjonijiet tas-CO2. Attwalment, l-Istati Membri qegħdin jadattaw l-iskemi ta’ appoġġ tagħhom għad-dispożizzjonijiet il-ġodda. - Id-Direttiva proposta rigward l-Enerġija li Tiġġedded tipprovdi għal leġiżlazzjoni Ewropea li għall-ewwel darba tkopri t-tisħin u t-tkessiħ mis-sorsi li jiġġeddu. Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali taħt din id-Direttiva għandhom jinkludu miri għall-proporzjonijiet ta’ enerġija mis-sorsi li jiġġeddu fit-tisħin u t-tkessiħ fl-2020. Il-koġenerazzjoni mis-sorsi li jiġġeddu għandha tiġi inkluża fl-istrateġiji tal-Istati Membri biex jintlaħqu dawn il-miri. Ir-rappurtar mill-Istati Membri Id-Direttiva dwar is-CHP tesiġi li l- Istati Membri jirrapportaw dwar il-potenzjal ta’ koġenerazzjoni u l-istrutturi amministrattivi stabbiliti għall-promozzjoni tas-sħana u l-elettriku kkombinati. Barra minn hekk, għandhom jirrapportaw dwar il-progress tal-koġenerazzjoni u jipprovdu statistika rilevanti kull erba’ snin. Kienu biss 11, l-Istati Membri li ressqu l-analiżijiet tagħhom tal-potenzjal nazzjonali sa issa. Dawn ir-rapporti ġeneralment isegwu l-linji gwida tal-analiżi kif approvati mill-Kumitat tad-Direttiva. Ir-rapporti eżistenti ftit jagħtu informazzjoni ċara jew ċifri li jistgħu jiġu mqabbla. Għalhekk huwa diffiċli li jkollna ħarsa ġenerali sħiħa tal-potenzjal tal-koġenerazzjoni fl-UE kollha kemm hi. Madankollu, huwa ċar li l-kapaċità għall-koġenerazzjoni tista’ tiżdied b’mod konsiderevoli, iżda dan jesiġi li ċerti Stati Membri jagħtu aktar każ tal-politika u jissodisfaw l-obbligi tagħhom stipulati fid-Direttiva tas-CHP. Attwalment, il-pajjiżi b’ishma relattivament għolja ta’ kapaċità għas-CHP għandhom sehem relattivament għoli ta’ tisħin distrettwali. Peress li t-tisħin distrettwali mhux qiegħed jikber b’rata għolja biżżejjed fl-Ewropa, il-promozzjoni tas-CHP tista’ tgħin biex it-tisħin distrettwali jimxi 'l quddiem fi Stati Membri fejn dan għadu mhux żviluppat. L-applikazzjonijiet industrijali tas-CHP jirrappreżentaw opportunità oħra biex din it-teknoloġija tiġi żviluppata. Il-potenzjal tas-CHP fil-ġejjieni, f’dak li jirrigwarda t-taħlita tal-enerġija tal-pajjiżi jiddependi l-aktar fuq dawn l-iżviluppi fit-tisħin distrettwali u applikazzjonijiet industrijali. Fir-rigward tas-sehem tas-CHP[15] fis-setturi tal-elettriku u tas-sħana, jidher li l-Istati Membri jistgħu jiġu kklassifikati f’erba’ gruppi jew kategoriji, abbażi tal-pożizzjoni relattiva tagħhom fir-rigward tal-medja tal-UE 27 kollha kemm hi. Is-sitwazzjoni ideali għall-Istati Membri fir-rigward tal-koġenerazzjoni huwa li jkollhom livelli għolja, kemm tal-ġenerazzjoni tas-sħana kif ukoll tal-elettriku - li jikkorrispondu għall-erja I tal-Grafika 2. [pic] Grafika 2: Sehem tas-CHP fir-rigward tas-sħana u l-elettriku Ir-rapporti mill-Istati Membri jenfasizzaw ċerti diffikultajiet inerenti fl-iżvilupp tas-settur ta’ koġenerazzjoni (marbuta mad-domanda baxxa u/jew li qed tonqos għas-CHP u n-nuqqas ta’ inċentivi ekonomiċi ta’ din it-teknoloġija). Ngħidu aħna: - is-CHP teħtieġ domanda xierqa għas-sħana utli fil-viċin; - investiment għoli u spejjeż fissi għas-CHP iwasslu għal profitti baxxi u perjodi twal biex l-investiment jinfeda; - tnaqqis fid-domanda għas-sħana fil-bini jaffettwa l-użu tas-CHP fit-tisħin distrettwali. Ir-rapporti tal-Istati Membri dwar il-potenzjal nazzjonali wkoll isemmu l- ostakli . Dawn ma humiex preżenti fil-pajjiżi kollha li rrappurtaw sa issa, iżda jinkludu: - nuqqas ta' ċarezza fil-prospetti fit-tul għall-appoġġ mill-gvernijiet; oqfsa ġuridiċi kumplessi (il-livelli federali/reġjonali); proċeduri amministrattivi kumplessi u li jieħdu l-ħin; l-effetti ta’ leġiżlazzjoni oħra; kif ukoll - id-disponibbiltà ta’ konnessjoni mal-grid bi prezz u f'medda ta' żmien raġjonevoli, u l-ispejjeż għall-aġġornament tal-grid biex takkomoda l-elettriku CHP; kundizzjonijiet mhux favorevoli għall-provvisti tal-elettriku ta’ sostenn mill-grid. Id-Direttiva dwar is-CHP tindirizza diversi minn dawn l-ostakli, u t-traspożizzjoni sħiħa tagħha tista’ għalhekk twassal għal potenzjal ogħla tas-CHP milli indikaw l-Istati Membri. Għalkemm qiegħed jintwera aktar interess fit-tkessiħ distrettwali, l-użu tas-sħana minn stallazzjonijiet tas-CHP għal dawn l-għan, ftit li xejn huwa l-għażla preferuta. Ukoll jekk huwa teknikament possibbli, mhuwiex proċess effiċjenti. It-tkessiħ distrettwali għalhekk mhux mistenni li jikkontribwixxi ħafna għall-iżvilupp ulterjuri tal-produzzjoni kkombinata tas-sħana u tal-elettriku. Minkejja n-nuqqas ta’ dejta komprensiva, jeżistu indikazzjonijiet li applikazzjonijiet mikro u żgħar tas-CHP qegħdin jippenetraw is-suq, pereżempju, fis-settur residenzjali. Madankollu, ħafna mir-rapporti mill-Istati Membri jinkludu biss informazzjoni limitata dwar il-potenzjal tal-mikro-CHPs fid-deċennji li ġejjin. Il-Kummissjoni żviluppat leġiżlazzjoni sekondarja biex tiżgura implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva L-Istati Membri qegħdin jaħdmu fuq id-Direttiva tas-CHP imma qegħdin idumu biex jirrappurtaw dwar dan. Potenzjal akbar jista’ jiġi sfruttat, iżda jibqgħu jeżistu ostakli amministrattivi u oħrajn | - 5. It-triq ’il quddiem Il-produzzjoni kombinata tas-sħana u tal-elettriku hija importanti biex tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija u biex jingħata kontribut għall għanijiet kollha komuni tal-UE rigward il-politika tal-enerġija u tal-klima. Għal din ir-raġuni, ġie stabbilit il-qafas ġuridiku għall-promozzjoni tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja. L-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas ġuridiku, notevolment id-Direttiva dwar is-CHP, ma mexiex malajr daqskemm kien mistenni. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri urġenti biex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni issa peress li l-kundizzjonijiet ewlenin kollha huma stabbiliti miż-żewġ Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li diġà ssemmew, waħda dwar il-valuri ta’ referenza armonizzati rigward l-effiċjenza tal-produzzjoni separata tal-elettriku tas-sħana[16] u l-oħra dwar il-linji gwida dettaljati għall-kalkolu tal-elettriku mill-koġenerazzjoni[17]. Barra minn hekk, huwa importanti ferm li l-pajjiżi kollha jirrappurtaw dwar il-potenzjal ta’ koġenerazzjoni u l-istrutturi amministrattivi fis-seħħ, kif definit f’din il-leġiżlazzjoni. Aktar rapporti dwar il-progress u aktar dejta għandhom jaslu fil-ġejjieni. Il-Kummissjoni se tkompli tissodisfa s-sehem tar-responsabbiltajiet tagħha fl-azzjoni ta' segwitu tad-Direttiva. Il-monitoraġġ permanenti tal-implimentazzjoni għadu għaddej. Il-Kummissjoni se tiftaħ proċeduri ta’ infrazzjoni kif meħtieġ sabiex tiżugra l-implimentazzjoni korretta ta’ din il-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, jistgħu jiġu previsti miżuri oħra ta’ appoġġ bħala għajnuna għall-Istati Membri. Il-mudell ta' għajnuna koordinata ta prova ta' kemm huwa utli f'bosta Direttivi. Dan jipprovdi lill-Istati Membri bil-possibbiltà li jindirizzaw il-problemi ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ma' Stati Membri oħra u mal-Kummissjoni. Dan jista’ jiġi applikat ukoll hawnhekk biex ikunu appoġġati l-Istati Membri. L- iżviluppi f’miżuri oħra relatati mal-enerġija ukoll se jkollhom impatt fuq is-CHP. Għas-CHP fuq skala mikro: il-miżuri tat-tikkettar enerġetiku u tal-implimentazzjoni għall-bojlers skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn fl-2009. Għas-CHP fuq skala kbira: il-proposta għall-emendar tad-Direttiva dwar l-ETS[18] u l-proposta għal Direttiva dwar l-RES[19], li se jirregolaw il-kalkolu preferenzali tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-impjanti CHP li jużaw il-fjuwils minn sorsi li jiġġeddu. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza tal-Enerġija (EEAP) tal-2006 inkluda ċerti miżuri li jappoġġaw il-koġenerazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea nediet diversi studji fl-2008. Ir-riżultat ta’ dawn l-istudji – l-iżvilupp ta’ sistema għall-garanzija elettronika armonizzata tal-oriġni tas-CHP, it-tħejjija ta’ rekwiżiti minimi tal-effiċjenza għat-tisħin distrettwali u s-sistemi tat-tkessiħ u d-definizzjoni ta’ rekwiżiti minimi għall-effiċjenza għall-mikrokoġenerazzjoni – jista’ jgħin fl-identifikazzjoni tal-miżuri tal-politika fejn huma meħtieġa sforzi ulterjuri. Il-Kummissjoni se tevalwa l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza tal-Enerġija fl-2009 bil-għan li tipproduċi aġġornament. Proposti u ideat ġodda possibbli, marbuta mal-kombinazzjoni tas-sħana u tal-elettriku jistgħu jiġu vvalutati f’dak il-kuntest. Ir-rwol kruċjali tal-bliet fil-kuntest ta’ politika Ewropew u dak dinji se jitqies f’dak l-Istadju. Sal-2030, madwar 80% taċ-ċittadini Ewropej se jgħixu u jaħdmu fiż-żoni urbani. Żoni urbani kbar - li jikkunsmaw ħafna mill-enerġija – jipprovdu xi wħud mill-aqwa opportunitajiet għall-investimenti emerġenti Ewropej fl-effiċjenza tal-enerġija. F’dawk iż-żoni urbani, il-preżenza ta’ sistemi kbar ta' tisħin distrettwali u l-eżistenza ta’ domanda importanti għall-elettriku, assoċjata mill-prossimità ta’ għadd kbir ta’ utenti aħħarin, iżidu l-vijabbiltà u l-fattibbiltà tal-koġenerazzjoni. Minbarra l-leġiżlazzjoni, huwa wkoll meħtieġ li jkunu appoġġati aktar attivitajiet bħalma huma l-inizjattiva tal-Konvenzjoni tas-Sindki, li għandha tgħin l-iżvilupp tas-CHP f’żoni urbani. Barra minn hekk, il-koġenerazzjoni bħala teknoloġija deċentralizzata tinkoraġixxi l-iżvilupp lokali u reġjonali u l-promozzjoni tax-xogħol lokali. F’żoni rurali u iżolati, is-CHP li tuża b’mod partikolari s-sorsi tal-enerġija li jiġġeddu toffri opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. L-aġġornament tal-EEAP jista’ jqis ukoll ir-rwol ulterjuri tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija. Dawn il-pjanijiet għandhom ikunu għodda ta’ politika ewlenija li jinkorporaw l-attivitajiet kollha dwar l-effiċjenza tal-enerġija, inkluża l-koġenerazzjoni. Għandhom jipprovdu l-qafas ġenerali ta’ politika fil-pajjiż - u jkunu l-uniku strument ta' rappurtar lill-Kummissjoni. Dan għandu jħaffef il-piż amministrattiv fuq il-Gvernijiet tal-Istati Membri. Ir-rapport tal-pajjiżi CHP kixfu ċerti ostakoli persistenti għall-adozzjoni tal-koġenerazzjoni aktar fil-wisa'. L-Istati Membri jistgħu jindirizzaw ħafna minn dawn mingħajr dewmien. Pereżempju, proċessi amministrattivi effiċjenti u skemi ta’ appoġġ trasparenti, meta jiġu applikati, huma essenzjali biex jistimulaw l-effiċjenza tal-enerġija, u wkoll il-koġenerazzjoni. Qafas komuni ta’ regoli dwar l-aċċess għall-grid għandu jkun ta' għajnuna għall-partijiet kollha interessati. Naturalment, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom is-setgħat fuq il-qafas għall-ippjanar urban li huwa punt tal-bidu għan-netwerks distrettwali tat-tisħin. Aċċess inadegwat għall-grid u għal-interkonnessjoni jillimita ż-żieda tat-teknoloġiji tas-CHP, speċjalment f’dawk l-Istati Membri fejn dan l-aħħar iddaħħlu regoli operattivi aktar stretti minħabba prinċipji tas-sigurtà tal-grid. L-Istati Membri jeħtieġu li jiffinalizzaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-CHP Il-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni u tipprovdi l-appoġġ Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-effiċjenza tal-Enerġija se jqis miżuri ġodda possibbli | - 6. Konklużjoni Il-Kummissjoni tqis id-Direttiva dwar is-CHP bħala għodda sinifikanti biex tikkontribwixxi għat-tweġibiet Ewropej għall-isfidi tal-enerġija. Hekk kif ikompli l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, minkejja n-nuqqas ta’ rappurtar, jew ir-rappurtar tard mill-Istati Membri, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ostakoli amministrattivi u mhux amministrattivi li jxekklu l-iżvilupp tal-koġenerazzjoni. Xi wħud minn dawn l-ostakoli diġà ġew indirizzati mill-Kummissjoni, bħall-istabbiliment ta’ valuri ta’ referenza armonizzati għall-effiċjenza, u l-adozzjoni ta’ linji gwida Komunitarji dettaljati għall-kalkolu tal-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni, kif issemma qabel. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu wkoll itejbu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw l-iżvilupp tal-koġenerazzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-proċess u fejn xieraq se tippreżenta aktar proposti biex trawwem il-koġenerazzjoni. Bħala l-ewwel pass, Il-Kummissjoni se tevalwa il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza tal-Enerġija fl-2009 bil-għan li tipproduċi aġġornament. Il-koġenerazzjoni tressaq lill-Unjoni Ewropea eqreb lejn il-miri tagħha marbuta mal-enerġija. Hija għodda li wriet xi ssarraf fiż-żieda tal-effiċjenza tal-enerġija u fl-iffrankar. Fl-istess ħin, issaħħaħ l-isforzi kontra t-tibdil fil-klima billi tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 u tnaqqas it-telfien min-netwerk. Barra minn hekk, is-CHP tista’ ttejjeb il-kompetittività permezz tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u b'potenzjal għall-esportazzjoni u tikkontribwixxi għall-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku u toħloq l-impjiegi. Għalhekk huwa importanti għall-UE li l-potenzjal sħiħ tas-CHP jiġi żgurat u sfruttat madwar l-Istati Membri kollha. [1] Id-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004, dwar il-promozzjoni ta' koġenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija; magħrufa wkoll bħala d-Direttiva CHP [2] 8 Stati Membri biss ipprovdew rapporti li jkopru s-suġġetti kollha meħtieġa (rapport ta’ progress, potenzjal nazzjonali, garanziji tal-oriġni u ostakli): BE, DK, DE, EE, PL, SI, SK u UK. [3] Jekk mhux indikat mod ieħor, id-dejta li tintuża f’dan id-dokument hija dderivata mill-Eurostat. [4] Sorsi tal-enerġija fl-UE 27 (2006): 38% gass, 34% karburanti solidi, 12% enerġija li tiġġedded, 6% żejt u 10% sorsi oħra [5] Minbarra l-enerġija kkunsmata fis-settur tat-trasport [6] Il-proporzjon ta’ enerġija CHP kien ta’ 12.0% fl-2004 (UE25) u 13.2% fl-2002 (UE15) [7] Il-proporzjon ta’ enerġija CHP kien ta’ 10.2% fl-2004 (UE25) u 14.1% fl-2002 (UE15) [8] Konsum ta’ 1 Mtoe ta’ karburant jiġġenera madwar 3 Mt emissjonijiet ta’ CO2 [9] Deċiżjoni tal-Kummissjoni [li għandha tiġi adottata f'Novembru 2008]. [10] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/74/KE. [11] Id-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi ta' enerġija u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE. [12] L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2006/32/KE. [13] Id-Direttiva 2002/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini. [14] ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1 [15] ESTAT – dejta 2006 [16] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/74/KE [17] Deċiżjoni tal-Kummissjoni [li għandha tiġi adottata f'Novembru 2008] [18] Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex ittejjeb u twessa' s-sistema Komunitarja għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, COM (2008) 16 finali [19] Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli COM (2008) 19 finali