Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Enerġija mir-Riħ Lil hinn mix-Xtut Azzjoni meħtieġa biex twassal għall-Għanijiet tal-Politika dwar l-Enerġija għall-2020 u aktar ’il quddiem /* KUMM/2008/0768 finali */
COM(2008)XXX [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 13.11.2008 KUMM(2008) 768 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Enerġija mir-Riħ Lil hinn mix-Xtut Azzjoni meħtieġa biex twassal għall-Għanijiet tal-Politika dwar l-Enerġija għall-2020 u aktar ’il quddiem KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Enerġija mir-Riħ Lil hinn mix-Xtut Azzjoni meħtieġa biex twassal għall-Għanijiet tal-Politika dwar l-Enerġija għall-2020 u aktar ’il quddiem ENERġIJA MIR-RIħ LIL HINN MIX-XTUT – BAħAR TA’ OPPORTUNITAJIET MHUX SFRUTTATI L-enerġija mir-riħ se jkollha rwol kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Politika l-ġdida dwar l-Enerġija għall-Ewropa. Illum l-elettriku li jiġi mir-riħ jipprovdi sehem kbir mill-produzzjoni totali tal-elettriku f’xi ftit Stati Membri biss, minkejja dan, l-importanza tiegħu qiegħda tikber: aktar minn 40 % mill-kapaċità l-ġdida tal-ġenerazzjoni tal-elettriku miżjuda mas-sistema Ewropea fl-2007 kienet mir-riħ, li sar it-teknoloġija ta' ġenerazzjoni li qed tikber l-aktar għajr il-gass naturali[1]. Ix-xenarju għall-immudellar tal-Istħarriġ tat-Tieni Strateġija għall-Enerġija[2] jissuġerixxi li r-riħ se jirrapreżenta aktar minn terz tal-produzzjoni tal-elettriku kollha minn sorsi ta' enerġija li tiġġedded sal-2020 u kważi 40 % sal-2030, li jirrapreżenta investiment akkumulat ta’ mill-anqas 200-300 biljun Euro (jew madwar kwart tal-investiment kollu f'impjanti tal-enerġija) sal-2030. L-enerġija mir-riħ ibbażata fuq l-art se tibqa’ dominanti fil-ġejjieni qarib, iżda l-installazzjonijiet fil-baħar se jsiru dejjem aktar importanti. Ir-riħ lil hinn mix-xtut, meta mqabbel mar-riħ fuq l-art, huwa aktar kumpless u jqum aktar[3] bħala installazzjoni u manutenzjoni, iżda għandu wkoll għadd ta’ vantaġġi ewlenin. Ġeneralment ir-riħ fuq il-baħar huwa aktar qawwi u stabbli milli fuq l-art, li jwassal għal produzzjoni sinifikament ogħla għal kull unità installata. Fuq il-baħar, turbini tar-riħ jistgħu jkunu akbar milli fuq l-art minħabba d-diffikultajiet loġistiċi tat-trasport bit-triq ta' komponenti ta' turbini kbar ħafna mill-post tal-manifattura għal postijiet ta’ installazzjoni fuq l-art. Fl-aħħarnett, farms tar-riħ fil-baħar jikkawżaw anqas tħassib fost ċittadini ġirien u partijiet ikkonċernati oħra, sakemm ma jfixklux attivitajiet marittimi li jikkompetu jew interessi ambjentali marittimi importanti. Ir- riżorsi tar-riħ madwar l-ibħra Ewropej jirrapreżentaw sors indiġenu enormi ta’ enerġija nadifa li tiġġedded. Bil-ġenerazzjoni tal-elettriku mingħajr fjuwils fossili u bil-ħolqien ta’ impjiegi u tkabbir f’settur li fih negozji Ewropej huma minn ta’ quddiem fid-dinja, ir-riħ lil hinn mix-xtut jista’ jikkontribwixxi sinifikament għat-tliet għanijiet ewlenin kollha tal-Politika l-ġdida dwar l-Enerġija: tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, żgurar ta' provvista assigurata u titjib fil-kompetittività tal-UE. F’termini ta’ enerġija fiżika, ir-riżorsa tar-riħ teoretikament tista’ tilħaq mad-domanda kollha tal-Ewropa għall-elettriku . Madankollu, il-varjabbiltà tar-riħ, flimkien ma’ sfidi oħra tekniċi, politiċi jew ekonomiċi u tfixkil fil-prattika jiddeterminaw il-pass u l-limiti ta' kemm dan il-potenzjal sinifikanti jista’ jiġi sfruttat. Illum, il-potenzjal ta' enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut ġeneralment għadu mhux sfruttat: anke jekk il-potenzjal ta' installazzjonijiet f'ibħra fondi bbażati fuq pedamenti fuq wiċċ il-baħar jiġi eskluż, il-kapaċità li tista' tinħoloq sal-2020 hija aktarx madwar 30-40 darba ta’ dik installata llum[4], u fil-medda tas-sena 2030 tista’ tkun sa 150 GW[5], jew madwar 575 TWh. Hemm bżonn politika proattiva biex tiżgura li din l-opportunità tintħataf. SUQ LI QED IFEġġ B’ħAFNA SFIDI QUDDIEMU Se jitwettaq titjib fil-qafas ġenerali Ir-riħ lil hinn mix-xtut, bħal teknoloġiji oħra ta’ enerġija li tiġġedded jeħtieġ qafas b’kundizzjonijiet ċari, stabbli u favorevoli biex jiżviluppa l-potenzjal tiegħu f’kompetizzjoni ma’ sorsi konvenzjonali ta’ enerġija. Fil-livell tal-UE, l-istrumenti regolatorji ewlenin sa issa kienu l-leġiżlazzjoni ġenerali tas-suq intern tal-elettriku[6], id-“Direttiva tal-Elettriku li Jiġġedded”[7], l-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti ta' Emissjonijiet[8] u l-linji gwida Komunitarju dwar l-għajnuna mill-Istat għal ħarsien ambjentali[9]. Dan il-qafas eżistenti huwa żviluppat fit- "tielet pakkett tas-suq intern tal-enerġija" tal-Kummissjoni ta’ Ottubru 2007[10] u fil- "pakkett tal-enerġija u l-klima" ppreżentat f’Jannar 2008[11]. L- adozzjoni u l-implimentazzjoni f’waqthom ta’ dawn iż-żewġ pakketti se jsawru l-kontribuzzjoni ewlenija tal-UE għall-promozzjoni tal-enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut u l-enerġija li tiġġedded b'mod ġenerali. It-titjib propost jinkludu miri vinkolanti, strumenti li jħeġġu l-koperazzjoni reġjonali aktar b'saħħitha bejn ir-regolaturi tal-enerġija u bejn l-operaturi ta' sistemi, u rekwiżiti aktar qawwija fuq l-Istati Membri biex jissimplifikaw il-proċeduri tagħhom ta’ ppjanar u awtorizzazzjoni, jipprovdu aċċess għas-sistema tal-elettriku u jnaqqsu l-ostakli amministrattivi. Madankollu, xi ostakli jaffettwaw speċifikament il-proġetti tar-riħ lil hinn mix-xtut, jew bi grad partikolari. Wara konsultazzjoni pubblika ma’ dawk interessati li saret fil-bidu tal-2008[12], il-Kummissjoni identifikat erba’ oqsma ewlenin li jeħtieġu attenzjoni speċjali. Settur li qed jiffaċċja sfidi industrijali u teknoloġiċi partikolari Ir-riħ lil hinn mix-xtut, meta mqabbel mal-enerġija mir-riħ fuq l-art, għadu relattivament għoli u mhux żviluppat teknoloġikament. Xi proġetti bikrija kienu essenzjalment applikazzjonijiet lil hinn mix-xtut ta’ teknoloġiji ta’ fuq l-art adattati kemmxejn, u dawn ltaqgħu ma’ problemi tekniċi mhux mistennija, per eżempju l-affidabbiltà tal-komponenti tat-turbini bħal gear boxes u transformers. Dan wassal għal kawtela akbar mill-investaturi, aktar diffikultà fil-finanzjament ta' proġetti u spejjeż akbar meħtieġa minħabba l-primjums ta’ riskju mitluba mill-investaturi. Bl-istess mod, l-esperjenza sal-lum turi l-importanza biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-installazzjoni, operazzjoni u manutenzjoni li huma wisq ogħla fl-ambjent aktar mqalleb u anqas aċċessibbli tal-baħar milli fuq l-art. L-istruttura attwali tal-industrija tikkomplika din is-sitwazzjoni aktar. Illum, ftit wisq mill-manifatturi tat-turbini għandhom esperjenza twila u fuq skala kbira ta’ makkinarju użat fl-applikazzjonijiet lil hinn mix-xtut – dan inaqqas il-livell ta’ kompetizzjoni u innovazzjoni u jkompli jżid id-differenza fl-ispiża mqabbla mar-riħ fuq l-art. Għaldaqstant, jeżisti xkiel f’bosta punti fil-katina tal-forniment – id-disponibbiltà limitata ta’ komponenti ta’ turbini, tagħmir ta’ installazzjoni bi prezz li jintlaħaq, faċilitajiet xierqa tal-portijiet, tagħmir u infrastrutturi adattati kif ukoll ta’ persunal imħarreġ b'taħlita ta' kwalifiki meħtieġa hija ostaklu ewlieni. It-teknoloġiji bażiċi eżistenti huma limitati għal ibħra relattivament aktar baxxi (tipikament anqas minn 30 metru fond). Teknoloġiji li jippermettu installazzjonijiet f’ibħra fondi għandhom jgħinu l-introduzzjoni fuq skala kbira tar-riħ lil hinn mix-xtut, iżda soluzzjonijiet li huma effettivi fl-ispiża għadhom iridu jintwerew f'applikazzjonijiet reali. Fil-preżent, ir-riħ lil hinn mix-xtut jikkompeti fuq naħa mar-riħ fuq l-art għall-kapaċità eżistenti tal-produzzjoni tat-turbini, u fuq in-naħa l-oħra mal-industrija tal-esplorazzjoni għall-gass u ż-żejt għat-tagħmir u l-għarfien espert eżistenti fil-qasam tar-riħ lil hinn mix-xtut. F’din l-“għafsa doppja” l-pijunieri qed jissieltu biex irawmu dan is-suq ġdid għal industrija fuq skala sħiħa għax l-investaturi qed jagħmlu investiment sostanzjali b’kawtela fir-riċerka u l-iżvilupp u fiż-żieda meħtieġa fil-kapaċità tal-katina tal-forniment sakemm it-teknoloġija tibqa’ tiżviluppa u titgħallem aktar. Nuqqas ta’ ppjanar strateġiku integrat u kordinazzjoni traskonfinali F’kuntrast għall-ippjanar tal-ispazju tal-art, ġeneralment l-Istati Membri għandhom esperjenza limitata, u xi drabi strutturi u regoli ta’ governanza inadegwati għal ippjanar integrat ta’ żoni fl-ambjent marittimu. In-nuqqas ta’ proċessi li jqisu fl-istess waqt id-distribuzzjoni taż-żoni tar-riżorsi tar-riħ, ix-xkiel li joħolqu attivitajiet jew interessi oħra marittimi, u l-aspetti tas-sistema tal-elettriku aktarx li jżid l-inċertezza u r-riskju ta’ dewmien jew falliment ta’ proġetti fil-baħar. Dan japplika bl-istess mod għal riżorsi oħra tal-oċean li jiġġeddu, bħall-enerġija mill-marea u mill-mewġ. Madankollu, l- assenza ta’ punti ta’ aċċess għas-sistema elettrika fil-baħar twassal għal inċertezzi fl-abbiltà, jew spejjeż, għall-konnessjoni mas-sistema u toħloq riskji addizzzjonali għal proġetti lil hinn mix-xtut. Fuq nota aktar pożittiva, proġetti lil hinn mix-xtut jistgħu joffru opportunità biex jinħolqu linji li jikkonnettjaw il-kapaċità l-ġdida tal-ġenerazzjoni kif ukoll biex jistabbilixxu jew iżidu l-kapaċità ta’ trasmissjoni bejn reġjuni differenti fis-suq intern tal-elettriku. Madankollu, din il- possibbiltà ta' sinerġiji bejn proġetti lil hinn mix-xtut u interkonnetturi transkonfinali bħalissa mhiex qed tiġi sfruttata[13]. Il-kumplessitajiet addizzjonali li teħtieġ il-koperazzjoni transkonfinali hija raġuni għal dan, minħabba l-bżonn li jridu jitqiesu skemi differenti regolatorji u ta' ppjanar. Madankollu, mingħajr kordinazzjoni transkonfinali, l-investimenti fis-sistema tal-elettriku jissograw ikunu subottimali mill-perspettiva individwali ta' proġett aktar milli minn perspettiva ta’ sistema. Proġetti lil hinn mix-xtut li jiddependu fuq konnetturi transkonfinali ġodda huma għalhekk aktar vulnerabbli għal inċertezzi ġejjin minn differenzi fl-iskemi regolatorji bħal skemi ta' appoġġ u regoli dwar irkupru ta’ spejjeż fl-investiment fis-sistema tal-elettriku. Il-ħtieġa ta’ koperazzjoni transkonfinali aħjar mhiex limitata biss għall-ippjanar u l-iżvilupp tan-netwerk, iżda għandha x’taqsam ukoll mal-operazzjoni u t-tmexxija tas-sistema. Il-firxa akbar ta’ enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut jista’ jkollha konsegwenzi li jeħtieġu li jitqiesu fl-istrateġiji tal-ġestjoni tal-konġestjoni tal-elettriku u fil-pjanijiet ta' bbilanċjar bejn ġenerazzjoni/domanda, u fil-mekkaniżmi mtejba ta' kummerċ transkonfinali u s-swieq tal-elettriku bbilanċjati. In-nuqqas ta’ qsim ta’ għarfien u tagħrif ifixkel applikazzjoni bla xkiel tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE Il-produzzjoni tal-elettriku lil hinn mix-xtut hija relattivament ġdida jew anke ma teżistix f’bosta Stati Membri, u l-esperjenza fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE bħad-Direttivi dwar l-“Għasafar”[14], il-“Ħabitats”[15] u il-“Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali”[16] fir-rigward ta’ proġetti bħal dawn għadha relattivament skarsa. Fil-verità dan ifisser li l-iżviluppaturi ta’ proġetti lil hinn mix-xtut għandhom quddiemhom inċertezzi addizzjonali li jistgħu jwasslu għal aktar dewmien u spejjeż. Fattur li jfixkel bla bżonn proġetti lil hinn mix-xtut huwa d- dewmien fid-denominazzjoni ta’ żoni protetti mill-Istati Membri skont id-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar fl-ambjent marittimu. In-nuqqas tal-identifikazzjoni ta’ żoni bħal dawn iżid l-inċertezzi dwar il-possibbiltà li kwalunkwe post huwa adattat għal farms tar-riħ. Mingħajr id-dejta meħtieġa dwar ekosistemi marittimi u tagħrif dwar fejn jinstabu ħabitats u speċijiet sensittivi jew protetti, il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-proċeduri ta’ kunsens jistgħu jkunu itwal u soġġetti għal aktar tilwim. Fattur ieħor huwa relatat mal-kuxjenza dwar l-għarfien aġġornat tal-impatti li għandhom il-farms tar-riħ fuq il-ħabitats u speċijiet naturali. Jeħtieġ li tagħrif bħal dan jiġi ġġenerat u jinqasam b’mod aktar sistematiku biex jiffaċilita valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali. Għalkemm jeżisti korp sostanzjali u li qed jiżviluppa b’rata mgħaġġla ta’ letteratura xjentifika, parti kbira minnu huwa riċenti u mhux magħruf minn bosta awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u dawk interessati. F'din is-sitwazzjoni, l-iżviluppaturi jirriskjaw li jkunu soġġetti għal ħtiġijiet eċċessivi u bi prezz għoli ta' valutazzjoni u monitoraġġ li setgħu jkunu evitati permezz tal-użu tal-għarfien espert. Soluzzjoni għax-xkiel u bbilanċjar tal-qawwa elettrika fis-sistemi ta’ fuq l-art Minħabba għadd ta’ raġunijiet, il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn proġetti lil hinn mix-xtut aktarx li se tkun anqas mifruxa ġeografikament milli dik bir-riħ fuq l-art u bosta teknoloġiji oħra tar-RES. L-ewwelnett, il-ħtieġa li jkunu stabbiliti konnessjonijiet dedikati tas-sistema tal-elettriku ma’ punti ’l barra ħafna fil-baħar jagħmel l-ekonomiji ta’ skala partikolarment importanti biex proġetti lil hinn mix-xtut isiru kompetittivi (speċjalment fil-każ ta’ skemi regolatorji fejn l-ispejjeż ta’ konnessjoni jitħallsu mill-iżviluppatur flok minn tariffi fuq is-sistema). Dan biss ifisser li proġetti lil hinn mix-xtut għandhom ikunu akbar minn proġetti fuq l-art. It-tieni, kwalunkwe enerġija lil hinn mix-xtut tiġi prodotta f’żoni b’ebda domanda (għajr minn forsi xi konsum fuq pjattaformi taż-żejt u l-gass), allura l-punti tat-tqassim tal-produzzjoni huma kkonċentrati fuq il-kosta. Sitwazzjoni ta’ żvilupp fuq skala kbira ta’ elettriku mir-riħ lil hinn mix-xtut, toħloq l-isfida tal-kapaċità tas-sistema eżistenti biex tibbilanċja l-ġenerazzjoni u d-domanda u biex tittrasmetti l-elettriku liċ-ċentri ta' konsum, li bosta minnhom huma fuq l-art. F’xi Stati Membri, speċjalment fil-Ġermanja, diġà jeżistu ostakli, jew huma mistennija jekk il-kapaċità tar-riħ fil-Baħar tat-Tramuntana tikber b’mod sinifikanti, u diġà jidher il-bżonn ta' aktar kapaċità ta' interkonnessjoni, eż. bl-istudju Ġermaniż Dena I[17]. IT-TRIQ ’IL QUDDIEM Investiment fil-kompetittività tal-ġejjieni tal-industrija tal-enerġija mir-riħ tal-UE Biex l-enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut issir aktar popolari mill-kompetituri qrib għall-investiment – riħ fuq l-art u tħaffir għaż-żejt u l-gass lil hinn mix-xtut – jenħtieġu bosta sforzi biex l-infrastrutturi tat-teknoloġija u l-katina tal-forniment jiġu żviluppati matul l-għexieren ta’ snin li ġejjin. Il- Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET-Plan) [18] , ippreżentat fl-2007 u approvat mill-Kunsill Ewropew f’Marzu 2008, flimkien mas- Seba’ Programm Kwadru għar-riċerka, żvilupp teknoloġiku u wiri (FP7) [19] u l- Programm Enerġija Intelliġenti (IEE)[20] jifforma l-qafas ġenerali tal-UE li fih se jkunu indirizzati dawn l-isfidi. Is-SET-Plan identifika sfida ewlenija biex jintlaħqu il-miri tal-2020 – enerġija rdoppjata minn l-akbar turbini tar-riħ, bir-riħ lil hinn mix-xtut bħala l-applikazzjoni ewlenija, u ppropona Inizjattiva Ewropea Industrijali għall-Enerġija mir-Riħ. L-għan huwa li titrawwam l-installazzjoni tas-suq u titnaqqas l-ispiża tal-enerġija mir-riħ, iżda billi r-riħ fuq l-art diġà huwa fost l-aqwa teknoloġiji kompetittivi, il-Kummissjoni temmen li r-riħ lil hinn mix-xtut għandu jkun prijorità ewlenija tal-inizjattiva. Filwaqt li l-industrija tista’ tkun imħajra tikkonċentra fuq il-ħsad tal-benefiċċji tas-suq fuq l-art li bħalissa vera sejjer tajjeb, l-investiment lil hinn mix-xtut se jkun kruċjali biex iħalli r-riedni tat-teknoloġija globali f'idjen l-UE u se jipprepara t-triq għal swieq ġodda għall-esportazzjoni. Se jkun hemm ukoll effetti sekondarji pożittivi importanti fuq swieq relatati oħrajn, eżempju tajjeb huwa t-teknoloġija tal-cable moderna Kurrent Dirett ta' Vultaġġ Għoli (HVDC) fejn l-industrija Ewropea għandha potenzjal uniku[21]. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni għamlet enfażi akbar fuq riħ lil hinn mix-xtut fl-FP7, bil-bidu tal-programm ta’ ħidma tal-enerġija għall-2009[22]. L-Aġenda Strateġika għar-Riċerka tal-Pjattaforma tat-Teknoloġija għall-Enerġija mir-Riħ (TP Wind)[23] ippubblikata f’ Lulju 2008 tinkludi proposti għal oqsma ta’ prijorità għar-riċerka għar-riħ lil hinn mix-xtut li jikkontribwixxu tajjeb għal prijoratizzazzjoni u kordinazzjoni tal-isforzi nazzjonali għar-riċerka għal ġejjieni tal-UE. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri huma mħeġġa wkoll li jużaw aħjar l-opportunità li joffru l-Fondi ta’ Politika ta’ Koeżjoni fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp. Kif jidher fl-Aġenda Strateġika għar-Riċerka jeżistu mistoqsijiet dwar l-adegwatezza tal-livelli attwali ta’ appoġġ għar-riċerka fl-enerġija mir-riħ, inkluż lil hinn mix-xtut, meta titqies id-direzzjoni ambizzjuża ġdida tal-politika għall-enerġija tal-Ewropa, u l-Kummissjoni se tikkunsidra aktar din il-kwistjoni fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar finanzjament ta' teknoloġiji b'karbonju baxx kif imħabbar fil-pjan SET. Fl-istess kuntest, se jkunu kkunsidrati għażliet biex ir-riżorsi pubbliċi u dawk privati oħrajn u l-industrija jitħalltu flimkien fi ħdan l-inizjattiva industrijali biex tkun żgurata biżżejjed enfażi fuq aspetti ta' lil hinn mix-xtut. F’termini ta’ ħaddiema imħarrġa, tagħmir ta’ installazzjoni u riżorsi speċjalizzati oħrajn, fil-preżent ir-riħ lil hinn mix-xtut ma jikkompetix indaqs mal-produzzjoni taż-żejt u l-gass. Madankollu, biż-żmien, il-bażi komuni bejn l-enerġiji lil hinn mix-xtut li jiġġeddu u l-industrija taż-żejt u l-gass jistgħu jinbidlu f'assi jekk jittieħdu l-opportunitajiet f'żoni tax-xtut biex niksbu tranżizzjoni gradwali mmexxija tajjeb lejn l-enerġiji ġodda. Bosta reġjuni fl-Ewropa diġà qed jirrealizzaw il-potenzjal għal impjiegi fil-ġejjieni, il-ġenerazzjoni mill-ġdid tal-ekonomija u t-tkabbir permezz ta’ użu ġdid ta’ riżorsi u snajja eżistenti mis-sajd, tarznari u portijiet li bħalissa sejrin lura, u setturi oħra tal-industrija li jistgħu jkunu rilevanti. Filwaqt il-prezzijiet għoljin taż-żejt x’aktarx jistimolaw aktar investimenti fil-produzzjoni Ewropea taż-żejt u l-gass għas snin li ġejjin, il-produzzjoni laħqet il-quċċata tagħha u issa huwa l-waqt biex nibdew nippjanaw it-tranżizzjoni u niksbu l-ħiliet il-ġodda meħtieġa. Programmi tal-UE bħal u programmi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni diġà qed jintużaw biex jiffinanzjaw proġetti b’approċċ proattiv fl-aġġustament għall-enerġiji li jiġġeddu u li jappoġġaw l-iżvilupp tar-riħ lil hinn mix-xtut[24]. L-adozzjoni ta’ approċċ aktar strateġiku u kordinat għal żviluppi lil hinn mix-xtut Kif spjegat hawn fuq, approċċ aktar strateġiku u kordinat se jkun importanti biex nisfruttaw ir-riżorsi Ewropej tar-riħ b’mod effettiv għall-ispiża, u firxa ta’ strumenti tal-ippjanar u fora fil-livell reġjonali jew tal-UE jistgħu jkollhom rwol f’dan ir-rigward. Minn perspettiva ta’ sors ta’ enerġija li tiġġedded, il-Kummissjoni pproponiet li d-Direttiva l-ġdida dwar l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu għandu jkun fiha obbligu għall-Istati Membri biex jippreparaw Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali[25]. Din se tkun opportunità għall-Istati Membri biex jistabbilixxu qafas konsistenti għall-kontribuzzjoni ta’ sorsi u teknoloġiji differenti tal-enerġija li tiġġedded. Għandu jkun xieraq li l-Istati Membri b’riżorsi ta’ enerġija lil hinn mix-xtut li tiġġedded jesprimu l-kontribuzzjoni mistennija għall-mira tagħhom għall-2020 f’dan il-kuntest. Minn perspettiva ambjentali marittima, l-implimentazzjoni tad- Direttiva dwar Qafas Marittimu Strateġiku [26] adottata riċentement se toffri opportunità lill-Istati Membri biex jikkunsidraw farms tar-riħ lil hinn mix-xtut fil-valutazzjoni globali tagħhom tal-pressjoni u l-impatti fuq l-ambjent marittimu, u jekk dawn hux se jaffettwaw il-kisba tal-għanijiet tal-“istatus ambjentali tajjeb” ta’ dik id-Direttiva. F’dan il-kuntest, il- konvenzjonijiet reġjonali tal-baħar (OSPAR, HELCOM, MAP, BSC eċċ) jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal kordinament aħjar u ħafna xogħol diġà twettaq eż. rigward il-valutazzjonijiet ambjentali[27]. Minn perspettiva tas-sistema tal-elettriku, il-koperazzjoni reġjonali fi ħdan in- Netwerk Ewropea tal-Operaturi tas-Sistema tat-Trasmissjoni (ENTSO) proposta skont it-“tielet pakkett”[28] u l-iżvilupp relatat tagħhom tas-sistema u l-pjanijiet ta’ investiment se tkun għodda importanti ġdida għal kordinazzjoni, u l-Operaturi Ewropej tas-Sistema tat-Trasmissjoni jappoġġaw l-idea ta’ pjanijiet dedikati reġjonali għal sistema ta’ enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut. L- Aġenzija l-ġdida għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija u l-inizjattivi reġjonali eżistenti wkoll se jkollhom rwol importanti fi kwistjonijiet regolatorji ta’ kordinazzjoni, biex jiżguraw li jitwaqqfu mekkaniżmi żviluppati ta’ swieq (inkluż il-bilanċ tal-elettriku u l-kummerċ transkonfinali) u kundizzjonijiet aktar kordinati, flessibbli u favorevoli li jixprunaw investiment fi xbik transnazzjonali lil hinn mix-xtut. Barra minn hekk, il- kordinaturi Ewropej maħtura skont il-linji gwida tat-TEN-E[29] (inkluż il-kordinatur għar-riħ lil hinn mix-xtut fit-Tramuntana tal-Ewropa) ġew speċifikament assenjati biex jippromwovu d-dimensjoni Ewropea ta’ xi proġetti billi jiffaċilitaw djalogu transkonfinali u biex jgħinu fil-kordinazzjoni ta' proċeduri nazzjonali għal konsulenza ta' dawn interessati. L-isfida hija li jkun żgurat li d-diversi proċessi jingħaqdu flimkien u fl-istess waqt biex il-vantaġġi, ir-riżorsi u l-għarfien espert speċifiċi tagħhom jiġu sfruttati. Kif spjegat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Politika Marittima Integrata għall-UE[30] l-viżjoni fuq medda twila għall-ġestjoni tal-ibħra għandha tkun biex nimxu lejn ippjanar ta’ żoni marittimi ġenwinament integrat, u l-Kummissjoni se tippreżenta d-direzzjoni għal dan il-għan qabel tmiem l-2008. Approċċ bħal dan jista’ joffri qafas għal bilanċjar u arbitraġġ ta’ interessi settorjali differenti u jistipula kundizzjonijiet stabbli għal investimenti. Biex ikun hemm progress f’waqtu lejn dan il-għan, jeħtieġu passi u esperjenzi prattiċi minn proċessi li mxew ’il quddiem bi bżonnijiet settorjali reali ta’ prijorità politika għolja. F’din il-perspettiva, il-ħidma preżenti bejn il-Ġermanja, l-Iżvezja u d-Danimarka biex jiskopru l-possibbiltà ta’ soluzzjoni konġunta ta’ konnessjoni għat-tliet farms tar-riħ lil hinn mix-xtut li jinstabu kollha fi Krieger Flak fil-Baħar Baltiku, li hija appoġġata bi sħiħ mill-kordinatur Ewropew, se tirrendi esperjenza tajba ta’ kif jinqasmu l-benefiċċji soċjoekonomiċi possibbli ta’ soluzjoni komuni li jagħqdu farms tar-riħ u interkonnessjonijiet ġodda. Il- Kummissjoni se tappoġġa u tikkomplimenta l-isforzi tal-kordinatur Ewropew biex jgħaqqad flimkien id-diversi proċessi, awtoritajiet u dawk interessati, biex tiġi żviluppata l-‘aħjar prassi’ permezz ta’ każijiet speċifiċi, u biex tistimula t-trawwim ta’ sforzi ta' koperazzjoni simili x'imkien ieħor, b'bidu fil-Baħar tat-Tramuntana. Notevolment se tiżgura interazzjoni mill-qrib mal-proġetti ffinanzjati mill-UE ta’ rilevanza speċifika bħal NORSEWiND[31] u WINDSPEED[32]. Niksbu l-ogħla benefiċċji ambjentali tar-riħ lil hinn mix-xtut Il-benefiċċji ambjentali tal-enerġija mir-riħ bħala sors nadif tal-elettriku b’ebda emissjoni ta’ gassijiet serra jew tniġġis lokali tal-arja u l-benefiċċji f’termini ta’ sigurtà ta’ provvista huma ġeneralment rikonoxxuti, u l-akbar maġġoranza ta’ Ewropej għandhom attitudni pożittiva ħafna tal-enerġija mir-riħ[33]. L-evitar tal-konsum tal-ilma meta mqabbel mal-produzzjoni termali tal-elettriku u l-kontribuzzjoni pożittiva, globali u fuq medda twila lejn l-ippreservar tal-bijodiversità f’termini ta’ tnaqqis tat-tibdil fil-klima huma anqas magħrufa, iżda sinifikanti wkoll. Madankollu, lokalment, proġetti individwali xi drabi jikkawżaw tħassib minħabba tibdiliet viswali tal-pajsaġġ, il-ħoss jew l-effetti fuq il-bijodiversità u ħabitats lokali. Meta jinstabu l-bogħod mix-xtut, tal-aħħar biss jista’ jkollhom problema għal farms tar-riħ ’il bogħod mix-xtut, u l-esperjenza sal-lum turi li dan rarament jiġri verament: il-monitoraġġ ta’ programmi fil-farms tar-riħ eżistenti lil hinn mix-xtut juri li huwa verament possibbli li jinbnew anke farms kbar mingħajr impatti sinifikanti fuq il-bijodiversità u l-ħabitats lokali. Għaldaqstant, farms li mhumiex f’lokalità adattata jistgħu jaffettwaw speċijiet u ħabitats sensittivi. Problemi bħal dawn li jistgħu jinqalgħu jridu jiġu identifikati fi stadju bikri permezz ta’ valutazzjonijiet strateġiċi, u jekk meħtieġ indirizzati permezz ta’ miżuri adattati ta’ tnaqqis biex jevitaw jew inaqqsu kemm jista’ jkun kull effett ħażin sinifikanti. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l- leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-valutazzjonijiet tan-natura u tal-ambjent huwa qafas adegwat li huwa flessibbli biżżejjed biex isolvi dawn l-aspetti. Tirrikonoxxi, madankollu, li aktar gwida fuq l-applikazzjoni tiegħu fil-kuntest speċifiku tal-farms tar-riħ f’żoni naturali protetti jew sensittivi, jew qribhom, tista’ tgħin biex tinħoloq aktar ċertezza għall-iżviluppaturi, l-awtoritajiet u dawk interessati oħrajn. Għalhekk, is- servizzi tal-Kummissjoni se jgħaġġlu l-ħidma biex jiġu żviluppati gwidi għal farms tar-riħ u n-natura, bil-għan li jifinalizzawhom sa mhux aktar tard mill-2009. F’dan il-kuntest se jiġu kkunsidrati għażliet li jipprovdu, iżommu u jxerrdu għarfien espert ta' kisbiet xjentifiċi dwar impatti ambjentali tal-enerġija mir-riħ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli taħdem biex tistabbilixxi netwerk Ewropew ta’ Osservazzjoni Marittima u Dejta (EMODNET) li tiffaċilita aċċess għal dejta li tkun il-bażi ta’ valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali. Kif ġie enfasizzat hawn fuq, ippjanar strateġiku jiffaċilita l-ilħuq tal-bilanċ it-tajjeb bejn l-interessi differenti involuti fil-lokalizzazzjoni tal-farms tar-riħ lil hinn mix-xtut. Id- denominazzjoni tas-siti marittimi Natura 2000 skont id-Direttivi tal-Ħabitats u tal-Għasafar hija għalhekk importanti biex tinħoloq ċertezza għall-iżviluppaturi. Dawn id-denominazzjonijiet messhom ilhom li saru, u diġà ġiet ippreparata gwida mill-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri jidentifikaw u jagħżlu lokalitajiet marittimi. Huwa ċar li issa l-Istati Membri jridu jmexxu l-azzjoni u l- Kummissjoni se tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura li l-lokalitajiet jiġu denominati b'mod adegwat u f’waqtu. L-integrazzjoni tar-riħ lil hinn mix-xtut fuq skala kbira fis-sistema għall-ġejjieni L-iżvilupp fuq skala kbira tal-enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut jista’ joħloq xkiel fis-sistema eżistenti tal-elettriku, speċjalment jekk is-sistema ma tkunx adattata għat-tibdiliet fl-infrastruttura tal-ġenerazzjoni. Din il-problema diġà qed tiġi eżaminata mill-kordinatur Ewropew għar-riħ lil hinn mix-xtut fit-Tramuntana tal-Ewropa, u hija wkoll soġġetta għal investigazzjonijiet tekniċi dettaljati fi proġetti bħal TradeWind[34] u l-Istudju Ewropew dwar l-Integrazzjoni tar-Riħ (EWIS[35]). Qabel ma jkunu kwantifikati aħjar id-daqs u n-natura eżatti tal-problema, mhux possibbli li jkun hemm tweġiba finali ta’ kif għandha tiġi indirizzata. Kwalunkwe tweġiba aktarx li tinvolvi l-kapaċità ġdida ta’ trasmissjoni u s-sehem ta’ teknoloġiji moderni tas-“sistema intelliġenti” (“smart grid”) li jinvolvu tmexxija intelliġenti tad-domanda, il-ħażna tal-enerġija (possibbilment permezz ta' aktar elettrifikazzjoni tas-settur tat-trasport) u, aktar ġenerali, l-integrazzjoni tas-sistemi. Il-Green Paper dwar Netwerks Ewropej tal-Enerġija adottati flimkien ma’ din il-komunikazzjoni, aktar ħidma mill-kordinatur Ewropew u l-koperazzjoni aktar mill-qrib bejn r-Regolaturi tal-Enerġija u l-Operaturi tas-Sistema tat-Trasmissjoni kif diskuss fit-taqsima 3.2, madankollu, għandhom jipprovdu il-kuntest usa’ u adattat għal dan id-dibattitu kollu. KONKLUżJONIJIET L-enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut hija riżorsa indiġena għall-produzzjoni tal-elettriku b’potenzjal enormi li ġeneralment għadu mhux sfruttat. Ir-riħ lil hinn mix-xtut jista’ u għandu jagħmel kontribuzzjoni siewja biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-UE permezz ta’ żieda sinifikanti ħafna — għal xi 30-40 darba sal-2020 u għal 100 darba sal-2030 – fil-kapaċità installata mqabbla mal-lum. Madankollu, l-iżvilupp tat-teknoloġija meħtieġa u tal-kapaċità industrijali tal-katina tal-forniment u l-mixja tal-proġetti mill-proċessi tal-ippjanar u tal-kunsens jieħdu l-ħin. Biex l-investimenti meħtieġa jsiru f’waqthom sal-2020, l-industrija teħtieġ b’mod urġenti aktar ċertezza u qafas b’kundizzjonijiet stabbli u favorevoli. Il-mira vinkolanti ta’ 20 % għall-enerġija li tiġġedded u l-pakkett tal-enerġija u l-klima se jkunu kruċjali biex dan jintlaħaq, iżda l-Istati Membri b’riżorsi ta' riħ lil hinn mix-xtut jeħtieġu jużaw dan il-qafas u l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali proposti, u jridu jesprimu l-ambizzjonijiet tagħhom għar-riħ lil hinn mix-xtut b'mod ċar u jieħdu l-azzjoni meħtieġa. Min-naħa tagħha l-Kummissjoni se tapplika bis-sħiħ l-inizjattivi kollha tal-UE rilevanti li jeżistu jew li tnedew reċentement kif spjegat hawn fuq, u se tieħu aktar azzjoni jekk meħtieġa. Għandha b’mod partikolari: - tfittex li tiffaċilita koperazzjoni reġjonali dwar lokalizzazzjoni tal-enerġija lil hinn mix-xtut u l-ippjanar tas-sistema bejn l-Istati Membri, ir-regolaturi tal-enerġija, l-operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni (TSOs) u dawk oħrajn interessati rilevanti, bl-użu ta’ strumenti bħal dawk stabbiliti mit-“tielet pakkett” u l-pjattaforma ta’ kordinazzjoni stabbilita mil-kordinatur Ewropew għal konnessjonijiet mar-riħ lil hinn mix-xtut fiż-żoni tal-Baħar Baltiku u tat-Tramuntana; - tinkoraġixxi lill-Istati Membri biex jimplimentaw ippjanar ta’ żoni marittimi abbażi tal-prinċipji tad-direzzjoni tal-ippjanar taż-żoni li se tinħareġ biex tirregola l-użi kompetittivi tal-ibħra permezz ta’ proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet trasparenti u biex ssir l-aqwa għażla possibbli tal-lokalità. - tinkoraġixxi t-TSOs u r-regolaturi tal-enerġija biex iħeġġu l-koperazzjoni biex jiġu stabbiliti b’mod urġenti kundizzjonijiet regolatorji aktar favorevoli għal investiment f’sistemi transnazzjonali lil hinn mix-xtut , għall-kummerċ transkonfinali u l-iżvilupp ta’ swieq tal-elettriku bbilanċjati u effiċjenti. - tenfasizza riċerka relatata mal-enerġija lil hinn mix-xtut skont is-Seba’ Programm Kwadru għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-wiri (FP7) u, fil-kuntest tal-Inizjattiva Ewropea Industrijali dwar l-Enerġija mir-Riħ u l-Komunikazzjoni dwar finanzjament ta’ teknoloġiji b’karbonju baxx mnedija mis-SET-plan, tanalizza l-possibbiltajiet biex jiżdied l-appoġġ biex jiġu aċċellerati l-iżvilupp u l-installazzjoni fis-suq tar-riħ lil hinn mix-xtut, u l-enerġiji oħra marittimi li jiġġeddu fid-dawl tal-għanijiet tal-politika tal-enerġija l-ġdida tal-UE; - tenfasizza għall-ġejjieni azzjonijiet taħt il- programm biex isolvu l-ostakli ewlenin li mhumiex teknoloġiċi għall-użu tal-enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut; - tiffinalizza l- gwida speċifika dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konservazzjoni tan-natura fil-kuntest tal-farms tar-riħ u tieħu kull miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-Istati Membri jaħtru żoni marittimi protetti taħt id-Direttivi tal-Għasafar u l-Ħabitats fi żmien tajjeb, sabiex tittejjeb iċ-ċertezza tal-ippjanar għal żviluppaturi tal-proġetti u l-kontribuzzjoni għall-għanijiet tal-bijodiversità tal-UE; - tikkunsidra l-integrazzjoni fuq skala kbira tar-riħ lil hinn mix-xtut fi ħdan is-sistemi tal-elettriku bħala waħda mill-kwistjonijiet ewlenin għas-segwitu tal-Green Paper dwar Netwerks Ewropej tal-Enerġija, waqt li jitqiesu l-istudji u l-ħidma mit-TSOs Ewropej ta’ bħalissa. [1] Sors : "Pure Power" mill-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Enerġija mir-Riħ (EWEA). [2] Com(2008)XXX. [3] Ara l-ispejjeż ta’ teknoloġiji mqabbla fis-SEC(2008) xxx. [4] Mill-56,5 GW installati fl-UE fl-aħħar tal-2007, 1,1 GW biss kien lil hinn mix-xtut (Sors: EWEA). [5] Il-ħidma ta’ mudellar imwettqa għat-tieni Riċerka Strateġika tal-Enerġija tissuġerixxi madwar 31 GW sal-2020. L-estimi “baxxi”, “medji” u “għoljin” tal-EWEA's ippubblikati f’Marzu, huma 20, 35 jew 40 GW sal-2020, u 40, 120 jew 150 GW sal-2030, rispettivament. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent mistennija tippublika stima indipendenti tar-riżorsi fl-aħħar tal-2008. [6] ĠU L 176, 15.7.2003. [7] ĠU L 283 27.10.2001. [8] ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32. [9] ĠU C 82, 01.04.2008, p.1. [10] http://ec.europa.eu/energy/electricity/package_2007/index_en.htm [11] http://ec.europa.eu/energy/climate_actions/index_en.htm [12] Taqsira tal-kummenti tal-konsultazzjoni tinstab f’http://ec.europa.eu/energy/res/consultation/offshore_wind_energy_en.htm [13] In-natura ta’ din il-possibbiltà ta’ sinerġiji tintwera tajjeb ħafna f’rapport riċenti mill-konsulenti 3E: irreferi http://www.greenpeace.org/eu-unit/press-centre/reports/A-North-Sea-electricity-grid-(r)evolution. [14] ĠU L 103, 25.4.1979. [15] ĠU L 206, 22.7.1992. [16] ĠU L 175, 5.7.1985. [17] www.offshore-wind.de/page/index.php?id=2605&L=1 [18] COM (2007) 723 finali, 22.11.2007. [19] ĠU L 412, 30.12.2006, p.1. [20] ĠU L 310, 09.11.2006, p.15. [21] Irreferi per eżempju għal "Electra initiative": http://ec.europa.eu/enterprise/electr_equipment/electra.htm [22] www.windplatform.eu/92.0.html [23] www.windplatform.eu [24] Eżempji jinkludu www.power-cluster.net, www.offshore-power.net u www.windskill.eu. [25] COM(2008) 19 finali, 23.1.2008. [26] ĠU L 164, 25.06.2008, p.19. [27] Irreferi għal www.ospar.org u www.environmentalexchange.info [28] COM (2007) 528 finali. [29] ĠU L 262, 22.9.2006. [30] COM(2007) 575, 10.10.2007. [31] NORSEWiND huwa proġett ġdid iffinanzjat mill-FP7 ddisinjat biex jipprovdi mappa ta’ riżorsi tar-riħ li tkopri żoni fl-Ibħra Baltiku, Irlandiż u tat-Tramuntana bl-użu ta’ arbli tradizzjonali meteoroloġiċi, flimkien ma’ strumenti ta’ sensar mill-bogħod ibbażat fuq l-art u dejta permezz tas-satellita. [32] Appoġġat mill-programm Intelligent Energy Europe, WINDSPEED għandu l-għan li jiżviluppa mappa tad-direzzjoni għall-installazzjoni ta’ enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut fin-Nofsinhar u ċ-Ċentru tal-Baħar tat-Tramuntana, waqt li jitqiesu l-azzjonijiet bejn iż-żoni marittimi kollha. [33] Special Eurobarometer, Jannar 2007. http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_262_en.pdf [34] www.trade-wind.eu [35] www.wind-integration.eu