52008DC0767

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija tal-UE għal żarmar aħjar tal-bastimenti {SEC(2008) 2846} {SEC(2008) 2847} /* KUMM/2008/0767 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 19.11.2008

KUMM(2008) 767 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija tal-UE għal żarmar aħjar tal-bastimenti

{SEC(2008) 2846}

{SEC(2008) 2847}

1. DAħLA

Fit-22 ta' Mejju 2007, il-Kummissjoni Ewropea adottat Green Paper dwar żarmar aħjar tal-bastimenti[1], li tistabbilixxi firxa ta' miżuri possibbli li permezz tagħhom l-UE tista' tikkontribwixxi għat-trattament tal-bastimenti madwar id-dinja, li temmew iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, li jkun aktar sikur u li jħares aktar l-ambjent. Dan kien segwit minn proċess ta' konsultazzjoni pubblika fejn l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħrajn, l-Istati Membri, il-partijiet interessati u l-pubbliku ġew mistiedna jagħtu l-kummenti tagħhom. L-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati kemm dawk fl-UE u dawk lil hinn minnha użaw din l-opportunità b'mod wiesa'. Dan l-aħħar, fil-21 ta' Mejju 2008, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li tistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jieħdu azzjoni urġenti dwar iż-żarmar tal-bastimenti permezz ta' metodi varji[2].

Din il-Komunikazzjoni hija bbażata fuq ir-riżultati tal-konsultazzjoni, fuq l-iżviluppi li seħħew sadanittant fir-rigward tal-abbozz tal-Konvenzjoni internazzjonali dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti, u fuq tagħrif miġbur minn riċerka reċenti, bħal pereżempju l-istudju tal-Kummissjoni dwar "Iż-żarmar tal-bastimenti u tindif tal-bastimenti li jsir minn qabel"[3]. Mal-Komunikazzjoni hemm ukoll valutazzjoni tal-impatt li tanalizza l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-miżuri previsti[4]. Din il-Komunikazzjoni hija wkoll skont l-impenji meħuda mill-Kummissjoni stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni għal Politika Marittima Integrata għall-Unjoni[5].

Bħalissa nistgħu nidentifikaw għadd ta' żviluppi pożittivi meta nqabblu mas-sitwazzjoni li wasslet biex il-Kummissjoni tibda l-ħidma fuq strateġija ta' żarmar tal-bastimenti fl-2006. L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) għamlet progress konsiderevoli fl-elaborazzjoni ta' sistema ta' riċiklaġġ tal-bastimenti li tkun globalment vinkolanti. Hemm aktar faċilitajiet disponibbli fl-Ewropa u l-Ażja li jistgħu jipprovdu standard tajjeb jew tal-anqas aħjar taż-żarmar tal-bastimenti. L-aħħar iżda mhux l-inqas, kiber l-għarfien pubbliku dwar il-problema u l-urġenza biex tinstab soluzzjoni. Madankollu, minkejja l-progress li sar, jibqa' l-fatt li l-maġġoranza tal-bastimenti tat-tbaħħir xorta waħda jispiċċaw fi skreppjards mingħajr infrastruttura adegwata li tipproteġi lill-ħaddiema mir-riskji għas-saħħa u l-ambjent mit-tniġġis.

2. L-ISFIDI EWLENIN FIT-TRIQ LI TWASSAL GħAL ŻARMAR TAL-BASTIMENTI LI JKUN SIKUR U LI JħARES L-AMBJENT

2.1 Fatturi ekonomiċi li jwasslu għal żarmar ta' kwalità baxxa

Kif ġie analizzat fil-Green Paper ta' Mejju 2007, l-ekonomija taż-żarmar tal-bastimenti primarjament tiġi influwenzata minn fatturi tas-suq bħar-rati tal-ġarr tal-merkanzija, il-prezz tal-iskrepp tal-azzar u l-ispejjeż involuti fiż-żamma ta' flotta qadima, li jiddeterminaw meta bastiment għandu jiġi skreppjat. L-għażla tal-lok fejn isir iż-żarmar hija influwenzata b'mod partikolari mill-prezz tal-metall li l-faċilità tkun tista' toffri lill-proprjetarju ta' bastiment jew lix-"xerrej" (cashbuyer) intermedjarju. Dan il-prezz imbagħad jiddependi fuq id-domanda għall-azzar riċiklat fil-qasam konċernat u fuq l-ispejjeż tal-operazzjonijiet ta' riċiklaġġ.

L-ispejjeż tar-riċiklaġġ tal-bastimenti jvarjaw b'mod konsiderevoli skont il-prezz tax-xogħol u l-ispejjeż tal-infrastruttura għas-sikurezza tal-ħaddiema u l-protezzjoni tal-ambjent. Barra minn hekk, jista' jitħallas prezz aktar għoli għall-metall jekk l-azzar skreppjat jista' jiġi rriċiklat "kiesaħ" mingħajr tidwib mill-ġdid fi fran elettriċi, liema proċess juża ħafna enerġija u konsegwentement huwa għali.

Mill-2004 aktar minn 80 % tal-bastimenti l-kbar madwar id-dinja li jkunu temmew iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom (f'termini ta' tunnellaġġ) iżżarmaw fl-Indja, il-Bangladexx u l-Pakistan. F'dawn il-pajjiżi jintuża l-metodu "fejn il-bastiment jittella' fuq ix-xtajta" (beaching), jiġifieri l-bastimenti jiddaħħlu – ġeneralment permezz tat-tħaddim tal-magni tagħhom stess – fuq xtajtiet imrammlin u jitkissru b'makkinarju kbir u mingħajr l-ebda trażżin f'limiti raġonevoli għajr il-buq tal-bastiment stess. Pajjiżi oħrajn bħaċ-Ċina, it-Turkija u għadd ta' Stati Membri tal-UE fejn teżisti l-infrastruttura għaż-żarmar tal-bastimenti f'tarzni, mollijiet u fuq skali solidi huma ekwivalenti għal parti żgħira ħafna tas-suq.

L-operaturi fin-Nofsinhar tal-Ażja jħaddmu ħafna ħaddiema li ma jkunux tas-sengħa b'pagi verament baxxi ta' madwar dollaru kuljum. L-investiment fi strutturi permanenti u makkinarji fit-tarzni huwa limitat ħafna. Mit-tliet pajjiżi li semmejna, f'dawn l-aħħar sentejn jew tliet snin l-Indja biss żviluppat xi tip ta' infrastruttura ċentrali għall-ġestjoni tal-iskart perikoluż, it-taħriġ għall-ħaddiema u l-kura tas-saħħa. L-ogħla prezz għall-iskrepp tal-azzar minn bastimenti fl-ewwel xhur tal-2008 – madwar $ 700 għal kull tunnellata ta' materjal ta' kwalità medja – tħallas minn operaturi fil-Bangladexx fejn l-istandards tas-sikurezza tal-ħaddiema u l-prevenzjoni tat-tniġġis kienu l-aktar baxxi, u l-parti l-kbira tal-azzar ġie pproċessat mingħajr tidwib f'tagħmir li jintuża biex l-azzar jingħata l-forma mixtieqa billi jiġi mgħoddi bejn ċilindri. Għalhekk hemm inċentiv ekonomiku qawwi għall-proprjetarji tal-bastimenti biex jagħżlu faċilitajiet ta' riċiklaġġ bi standard soċjali u ambjentali partikolarment baxx.

2.2 Implimentazzjoni dgħajfa tal-liġi attwali dwar il-ġarr tal-iskart fuq il-baħar

Il-Konvenzjoni ta' Bażel tal-1989 dwar il-Movimenti Transkonfinali tal-Iskart Perikoluż u tar-Rimi tiegħu tipprovdi għal sistema dinjija ta' notifika u kunsens bil-miktub minn qabel għall-ġarr ta' skart perikoluż fuq il-baħar bejn pajjiżi differenti. Emenda li ġiet adottata fl-1995, u li għadha ma daħlitx fis-seħħ, tistabbilixxi projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet ta' skart perikoluż mill-pajjiżi membri tal-UE u tal-OECD għall-pajjiżi li mhumiex membri tal-OECD. Mill-1998, l-UE ttrasponiet il-Konvenzjoni ta' Bażel kif ukoll l-hekk imsejħa Emenda tal-Projbizzjoni ta' Bażel fil-leġiżlazzjoni tagħha u pprojbiet l-esportazzjoni ta' skart perikoluż mill-Komunità għall-pajjiżi li mhumiex membri tal-OECD. Il-projbizzjoni attwalment hija inkluża fl-Artikoli 34 u 36 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi ta' skart [il-ġarr tal-iskart fuq il-baħar][6].

Il-bastimenti mhumiex eżentati mil-liġi dwar il-ġarr tal-iskart fuq il-baħar, u d-deċiżjonijiet skont il-Konvenzjoni ta' Bażel jirrikonoxxu li bastiment jista' jsir skart kif iddefinit fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta' Bażel u li fl-istess ħin jista' jiġi ddefinit bħala bastiment skont regoli internazzjonali oħrajn. L-att tar-"rimi", li huwa kruċjali għad-definizzjoni tal-iskart fil-liġi tal-UE, huwa spiss identiku għad-deċiżjoni ta' proprjetarju ta' bastiment – pereżempju f'kuntratt ta' tiġrif – li jibgħat bastiment għaż-żarmar. Minħabba li l-bastimenti kollha jkun fihom kwantitajiet konsiderevoli ta' materjali perikolużi bħal żjut u ħama taż-żejt, asbestos, suf tal-ħġieġ, PCB, TBT, metalli tqal f'żebgħat u materjali oħrajn, dawk li jittieħdu għall-iskreppjar għandhom jitqiesu bħala skart perikoluż.

Uħud mid-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Istati Membri tal-UE – il- Conseil d’Etat Franċiż fil-kawża ta' Clemenceau u ir- Raad van State Olandiż fil-kawżi ta' Sandrien u Otapan[7] - ikkonfermaw din l-interpretazzjoni legali. Madankollu, ir-regoli tal-liġi dwar il-ġarr tal-iskart fuq il-baħar rarament jiġu applikati għal bastimenti li jintbagħtu għaż-żarmar. Il-maġġoranza tal-pajjiżi li jirriċiklaw – bl-eċċezzjoni tat-Turkija – qegħdin isibuha bi tqila biex japplikaw il-proċedura ta' notifika u kunsens tal-Konvenzjoni ta' Bażel għal bastimenti impurtati għall-iskreppjar. L-applikazzjoni tar-Regolament tal-Ġarr tal-Iskart fuq il-Baħar u l-projbizzjoni tal-esportazzjoni huma diffiċli meta bastiment isir skart 'il barra mill-ilmijiet Ewropej. Għadd ta' każijiet reċenti wrew ukoll inċertezza min-naħa ta' wħud mill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar meta u kif għandhom jiġu infurzati r-regoli tal-ġarr tal-iskart fuq il-baħar fir-rigward ta' bastimenti li x'aktarx waslu fit-tmiem taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

2.3 Suq volatili u riskji fil-ġejjieni

L-għadd u t-tunnellaġġ ta' bastimenti li għaddew għar-riċiklaġġ fis-snin 2004-2007 baqgħu sew taħt il-previżjonijiet li kienu saru fis-snin ta' qabel. Filwaqt li t-tunnellaġġ irriċiklat kien ta' 10 miljun tunnellata grossa (TG) u aktar fi kwalunkwe sena bejn l-1993 u l-2003, iċ-ċifri ma qabżux il-5 miljun TG fis-snin mill-2005. Fl-istess żmien, l-età medja ta' bastiment żarmat telgħat minn anqas minn 27 sena fis-snin disgħin għal aktar minn 32 fl-2006. Dan l-iżvilupp jirrifletti ż-żieda mhix mistennija fir-rati tal-ġarr tal-merkanzija minħabba l-isplużjoni ekonomika fl-Ażja.

Iż-żieda fid-domanda wasslet ukoll għal splużjoni tal-qasam tarznarju f'dawn l-aħħar snin. Huwa diffiċli li jkunu previsti l-konsegwenzi preċiżi iżda hemm probabilità għolja li l-għadd pendenti dejjem jikber ta' bastimenti qodma fi ftit snin se jirriżulta fi tqawwija tal-attività taż-żarmar.

Jeżisti riskju speċifiku fir-rigward tat-tankers taż-żejt. Minħabba l-leġiżlazzjoni internazzjonali u Ewropea dwar it-tneħħija gradwali ta' tankers b'buq wieħed huma previsti żewġ perjodi għas-snin 2010 u 2015 fejn l-iskreppjar jilħaq l-aqwa tiegħu. L-għadd ta' tankers ta' dan it-tip attwalment huwa stmat li huwa madwar 800 madwar id-dinja. Madankollu, hemm dubju dwar kemm se jkun jeħtiġilhom żarmar immedjat, għaliex ħafna minnhom jistgħu jitbiddlu f'tankers b'żewġt ibwieq jew jintużaw għal skopijiet ta’ ħżin jew ta' trasport li ma jinvolvix żejt.

3. IL-QAGħDA INTERNAZZJONALI

F'Ottubru 2008, l-IMO qed tippjana li tiffinalizza l-ħidma tagħha għal Konvenzjoni internazzjonali dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti li jkun Sikur u li jħares l-Ambjent. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE qegħdin jipparteċipaw b'mod attiv fin-negozjati ta' din il-Konvenzjoni li għandha tiġi adottata f'konferenza diplomatika f'Mejju 2009. Id-dispożizzjonijiet ta' ratifika għad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għadhom qegħdin jiġu diskussi. Linji gwida supplimentari dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-bastimenti u t-tħaddim ta' faċilitajiet ta' riċiklaġġ tal-bastimenti għandhom jiġu adottati mill-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (l-MEPC) tal-IMO f'Lulju 2009.

L-abbozz tal-Konvenzjoni dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti – skont l-istrumenti l-oħrajn tal-IMO – ma japplikax għal bastimenti ta' inqas minn 500 TG jew għal bastimenti tal-gwerra, awżiljarji navali jew bastimenti oħrajn li huma proprjetà tal-Istat, jew li huma operati minnu, li jintużaw biss għal servizz mhux kummerċjali tal-gvern. Barra minn hekk, bastimenti għal trasport domestiku, i.e. li joperaw tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom fl-ilmijiet tal-bandiera tal-istat, se jiġu esklużi mill-ambitu. Madankollu, il-Konvenzjoni tesiġi li dawn il-bastimenti jaġixxu b'mod li huwa konsistenti mal-Konvenzjoni.

Il-Konvenzjoni għandha l-għan li tipprovdi sistema komprensiva ta' kontroll u infurzar "mill-bidu nett sal-aħħar nett" u tiddependi b'mod partikolari fuq iċ-ċertifikazzjoni tal-bastimenti u s-servejs li jkunu saru fuqhom u l-awtorizzazzjoni tal-faċilitajiet ta' riċiklaġġ tal-bastimenti. Hemm previsti limitazzjonijiet għall-użu ta' materjali perikolużi fil-qasam tarznarju u dawk il-materjali li huma l-aktar perikolużi għandhom jitneħħew ukoll minn bastimenti eżistenti waqt il-perjodu tat-tħaddim tagħhom.

L-abbozz attwali tal-Konvenzjoni jistabbilixxi ċerti rekwiżiti għas-sikurezza u l-protezzjoni tal-ambjent fil-faċilitajiet ta' riċiklaġġ tal-bastimenti iżda ma jeskludix b'mod espliċitu bħala metodu ta' żarmar, il-metodu fejn il-bastiment jittella' fuq ix-xtajta. L-implimentazzjoni u l-mekkaniżmi ta' konformità għadhom qegħdin jiġu diskussi iżda l-partijiet fl-IMO irrifjutaw verifika obbligatorja tal-faċilitajiet ta' riċiklaġġ minn parti terza. Id-deċiżjoni dwar jekk hemmx il-ħtieġa għal kunsens infurmat bil-quddiem tal-awtorità kompetenti qabel tkun tista' tinbeda kull operazzjoni ta' riċiklaġġ probabbilment titħalla għal kull stat ta' riċiklaġġ bħala klawżola ta' integrazzjoni fil-Konvenzjoni.

Fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta' Bażel, il-kwistjoni hija jekk il-Konvenzjoni futura tal-IMO dwar ir-riċiklaġġ tal-Bastimenti hijiex se tiżgura livell ta' kontroll u infurzar ekwivalenti għal dak stabbilit fil-Konvenzjoni ta' Bażel. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri qegħdin jaħdmu fil-livell tal-IMO u ta' Bażel bil-għan li jiżguraw l-istabbiliment ta' livell ekwivalenti ta' kontroll. Din tista' tkun il-kundizzjoni li biha bastimenti koperti mis-sistema internazzjonali l-ġdida jiġu rrilaxxati mill-ambitu tal-Konvenzjoni ta' Bażel.

4. GħANIJIET TAL-AZZJONI TAL-UE

L-għan ġenerali ta' strateġija tal-UE dwar iż-żarmar tal-bastiment huwa li tiżgura li bastimenti b'konnessjoni qawwija mal-UE f'termini tal-bandiera li jtajru jew is-sjieda jiżżarmaw biss f'faċilitajiet madwar id-dinja li jkunu sikuri u li jħarsu l-ambjent, skont l-abbozz tal-Konvenzjoni dwar ir-riċiklaġġ tal-Bastimenti.

Dan jinkludi bħala għanijiet speċifiċi: li tiġi evitata, skont ir-Regolament dwar il-Ġarr tal-Iskart fuq il-Baħar tal-KE, l-esportazzjoni ta' bastimenti perikolużi li temmew iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, mill-UE għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, u li jitnaqqsu b'mod sinifikanti u sostenibbli l-impatti negattivi tat-tiġrif tal-bastimenti, speċjalment fin-Nofsinhar tal-Ażja, fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent mingħajr ma jinħolqu piżijiet ekonomiċi żejda.

Sabiex jintlaħqu dawn il-miri, se jkunu rilevanti l-għanijiet operazzjonali li ġejjin:

- Il-provvediment tal-inkoraġġiment u l-gwida meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE dwar il-ġarr tal-iskart fuq il-baħar fir-rigward tal-bastimenti li jkunu temmew iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

- Ħidma li twassal għal traspożizzjoni effettiva u bikrija tal-Konvenzjoni internazzjonali dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti fl-UE li se ssir fil-futur qrib;

- Valutazzjoni tal-ħtieġa u l-alternattivi possibbli biex il-Konvenzjoni dwar ir-riċiklaġġ tal-Bastimenti tiġi ssupplimentata bil-miżuri meħtieġa biex jiġu indirizzati l-impatti negattivi taż-żarmar tal-bastimenti li mhumiex koperti bil-Konvenzjoni, u l-promozzjoni tal-effikaċja prattika tagħha.

5. L-OQSMA U L-GħODOD TA' AZZJONI

5.1. Implimentazzjoni bikrija tal-Konvenzjoni dwar ir-riċiklaġġ tal-Bastimenti li se ssir fil-futur qrib

Qabel in-negozjati finali għall-Konvenzjoni dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti f'Mejju 2009, u minħabba li l-mekkaniżmu tad-dħul fis-seħħ tagħha għad irid jiġi speċifikat, bħalissa għad hemm dubji dwar meta il-Konvenzjoni se ssir vinkolanti fil-liġi internazzjonali. Mill-esperjenza nafu li jista' jkun li jgħaddu għadd ta' snin mill-adozzjoni sad-dħul fis-seħħ ta' strument ta' dan it-tip. Dan ifisser li s-sistema l-ġdida dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti ssir effettiva qrib is-sena 2015. Minħabba li l-abbozz tal-Konvenzjoni jinkludi dati ta' skadenza separati għall-konformità mar-rekwiżiti varji – pereżempju mhux inqas minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ, jew qabel ma jittieħdu għar-riċiklaġġ, jekk dan iseħħ qabel, f'dak li għandu x'jaqsam mal-preżenza ta' Inventarju ta' Materjali Perikolużi għall-bastimenti eżistenti (dan ma japplikax għall-bastimenti l-ġodda) – l-effett sħiħ tas-sistema internazzjonali l-ġdida x'aktarx li jsir effettiv saħansitra aktar tard.

Azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-UE jista' jkollha influwenza importanti fuq il-proċess tar-ratifika u l-effikaċja tal-Konvenzjoni fil-prattika. Jekk l-UE ma tiħux azzjoni, hemm ir-riskju li l-komunità internazzjonali dan tqisu bħala sinjal ta' prijorità baxxa, u r-ratifika mill-Istati Membri u l-pajjiżi terzi x'aktarx li sseħħ b'aktar dewmien. Jekk min-naħa l-oħra, l-UE, tieħu azzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti, dan ikollu effett ta' importanza fix-xena internazzjonali u jista' jgħaġġel id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni. Mill-esperjenza li għandna dwar il-konvenzjonijiet tal-IMO bħall-MARPOL[8] u l-AFS[9] naraw li pajjiżi terzi spiss jirratifikaw u jimplimentaw ftehim internazzjonali wara li l-UE tkun għamlet ir-regoli tagħha vinkolanti għall-bastimenti kollha fl-ilmijiet Ewropej.

Sabiex is-sitwazzjoni attwali li mhijiex waħda aċċettabbli tittejjeb mill-aktar fis possibbli, huwa għaldaqstant kruċjali li l-elementi ewlenin tal-Konvenzjoni prevista dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti, bħal pereżempju s-servejs u ċ-ċertifikati għal Inventarju ta' Materjali Perikolużi abbord tal-bastimenti u dawk li lill-bastimenti jagħmluhom "lesti għar-riċiklaġġ", ir-rekwiżiti ewlenin għall-faċilitajiet ta' riċiklaġġ tal-bastimenti u r-regoli dwar ir-rappurtaġġ u l-komunikazzjoni ta' tagħrif, jiġu implimentati mill-aktar fis possibbli wara l-adozzjoni tal-Konvenzjoni. Ir-rekwiżiti relatati mal-bastimenti għandhom ikunu applikabbli għall-bastimenti kollha li jidħlu fl-ilmijiet tal-UE, sabiex jiġu evitati żvantaġġi kompetittivi għal bastimenti li jtajru l-bnadar tal-Istati Membri u inċentivi konsegwenzjali għal tibdil tal-bandiera. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-faċilitajiet ta' riċiklaġġ tal-bastimenti għandhom jitqiesu l-linji gwida previsti li l-kumitat rilevanti tal-IMO qed jippjana li jadotta f'Lulju 2009.

Azzjoni proposta mill-Kummissjoni:

- Il-preparazzjonijiet għall-istabbiliment ta' miżuri dwar l-elementi ewlenin tal-Konvenzjoni prevista dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti jinbdew hekk kif din tiġi adottata mill-konferenza diplomatika tal-IMO prevista għal Mejju 2009, b'mod partikolari dak li għandu x'jaqsam mas-servejs u ċ-ċertifikati għall-bastimenti, ir-rekwiżiti essenzjali għall-faċilitajiet ta' riċiklaġġ u r-regoli dwar ir-rappurtaġġ u l-komunikazzjoni.

5.2. Żarmar ekoloġiku ta' bastimenti tal-gwerra u bastimenti oħrajn tal-gvern

L-abbozz tal-Konvenzjoni dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti teżenta tliet kategoriji ta' bastimenti mill-ambitu tagħha: bastimenti żgħar ta' inqas minn 500 TG, bastimenti li jintużaw biss għal servizz mhux kummerċjali tal-gvern, inklużi bastimenti tal-gwerra li għandhom kontaminazzjoni relattivament għolja bl-asbestos u materjali oħrajn perikolużi, u bastimenti li tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom joperaw biss f'ilmijiet domestiċi.

Għall-kuntrarju tal-IMO, li tradizzjonalment tipprovdi għal eżenjoni tal-"gvern" minħabba tħassib dwar is-sovranità nazzjonali, l-UE mhijiex imwaqqfa a priori milli tistabbilixxi regoli ambjentali u ta' sikurezza għal bastimenti li huma proprjetà tal-istat. B'mod partikolari, l-Artikolu 296 tat-Trattat tal-KE ma jeskludix azzjoni tal-UE, iżda jippermetti eżenzjoni ta' dan it-tip biss f'każijiet eċċezzjonali u li huma ddefiniti b'mod ċar jekk dan ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi tas-siġurtà essenzjali tal-Istati Membri li huma 'marbuta mal-produzzjoni jew il-kummerċ ta' armi u materjali tal-gwerra.' Madankollu, jekk il-Konvenzjoni futura tal-IMO tirregola wkoll id-diżinn, il-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-bastimenti (pereżempju l-esiġenza ta' Inventarju ta' Materjali Perikolużi), ikollhom jitqiesu wkoll l-interessi tas-segretezza militari.

L-estensjoni tar-regoli tal-Konvenzjoni għal bastimenti żgħar u t-trasport domestiku fl-UE hija alternattiva possibbli iżda li mhijiex ikkunsidrata bħala urġenti f'dan l-istadju, għaliex dawk il-bastimenti normalment ma jiżżarmawx f'faċilitajiet Ażjatiċi, u mhemmx evidenza ta' riskji sinifikanti għall-ambjent u s-sikurezza kkawżati mir-riċiklaġġ tagħhom.

Sabiex is-sistema dwar l-iskreppjar tal-bastimenti li huma proprjetà tal-istat issir aktar effettiva, waħda mill-alternattivi tista' tkun li jiġu imposti wkoll kundizzjonijiet fuq il-bejgħ ta' bastimenti lil stati terzi jew kumpaniji privati qabel ma dawn isiru skart. Kif stipulat fl-Istrateġija tar-Renju Unit għar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti, il-kuntratti tal-bejgħ jistgħu jinkludu klawżoli li jobbligaw lis-sid il-ġdid jikkonforma mar-regoli tal-IMO u tal-Konvenzjoni ta' Bażel dwar iż-żarmar ekoloġiku tal-bastimenti u ma jiddisponix mill-bastiment qabel kunsens bil-miktub minn qabel tal-gvern tal-Istat Membru.Barra minn hekk, il-bejgħ, jista’ jiġi ristrett għal dawk il-pajjiżi, jew proprjetarji privati li jtajru l-bandiera ta' dawk il-pajjiżi, li jkunu ddikjaraw il-ftehim tagħhom li għalissa għal bastimenti li jkunu waslu fit-tmiem taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom se japplikaw il-Konvenzjoni ta' Bażel.

- Azzjoni proposta mill-Kummissjoni:

- Valutazzjoni aktar fil-fond tal-alternattiva li jiġu inklużi, fost l-oħrajn, regoli għaż-żarmar ekoloġiku ta' bastimenti tal-gwerra u bastimenti oħrajn tal-gvern, fil-miżuri ta' riċiklaġġ tal-bastimenti.

5.3. Dak li jista' jsir min-naħa tal-industrija waqt il-perjodu interim

Id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti u l-implimentazzjoni tagħha normalment jieħdu bosta snin. Għalhekk hemm ir-riskju li l-perjodu li jmiss, li mistenni jkun fl-2010, meta l-iskreppjar se jilħaq l-aqwa tiegħu, minħabba d-data ta' tneħħija gradwali għall-maġġoranza tat-tankers b'buq wieħed skont il-Konvenzjoni ta' MARPOL (l-Anness I), se jwassal għal espansjoni mhux ikkontrollata tal-faċilitajiet substandard fin-nofsinhar tal-Ażja b'żieda ta' impatti negattivi fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Il-metodu li potenzjalment huwa l-aktar sempliċi u veloċi sabiex jitbiddlu l-prattiki attwali fil-perjodu interim, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti u l-miżuri ta' implimentazzjoni, ikun impenn volontarju min-naħa tal-partijiet interessati rilevanti. Kieku l-faċilitajiet ta' riċiklaġġ tal-bastimenti jaqblu li jtejbu r-rendiment ambjentali u ta' sikurezza tagħhom skont l-istandards il-ġodda li qegħdin jiġu żviluppati, u l-proprjetarji tal-bastimenti jkunu lesti li jħallsu għal dan f'termini ta' tnaqqis fil-profitti, l-ammont ta' tniġġis u l-għadd ta' aċċidenti fatali u mard relatat max-xogħol ikunu jistgħu jitnaqqsu b'mod sinifikanti.

Il-piż finanzjarju għall-proprjetarji tal-bastimenti ma għandux ikun eċċessiv. L-ispejjeż addizzjonali, meta tintuża faċilità ta' riċiklaġġ ekoloġika u sikura minflok xtajta b'kundizzjonijiet tax-xogħol perikolużi u li jniġġsu, huma stmati li jvarjaw bejn 50 u 150 dollaru Amerikan għal kull tunnellata ta' azzar tal-bastiment (ldt). Dan huwa qrib il-prezz attwali ta' madwar 700 $/ldt li l-faċilitajiet fin-Nofsinhar tal-Ażja jħallsu lill-proprjetarji jew lix-xerrejja intermedjarji.

Skont dawn il-kundizzjonijiet u fid-dawl tal-prinċipji tar-responsabbiltà tal-produtturi u ta’ "min iniġġes iħallas", ma jistgħux jiġu ġġustifikati sussidji li jittieħdu minn fondi pubbliċi għal żarmar ekoloġiku tal-bastimenti. Minflok, proprjetarji Ewropej ta' bastimenti jistgħu jkunu mistennija li jaġixxu bi spirtu ta' responsabbiltà soċjali korporattiva. Eżempji prattiċi bħal dawn jeżistu diġà attwalment: il-Grupp ta' kumpaniji ta' ġarr fuq il-baħar Maersk, pereżempju, iżomm sħubija ma' faċilitajiet Ċiniżi li permezz ta' assistenza teknika u taħriġ aġġornaw l-istandards ambjentali u ta' sikurezza tal-faċilitajiet tagħhom. Għadd ta' kumpaniji ewlenin taż-żejt isegwu kunċett simili.

L-azzjoni volontarja ta' proprjetarji Ewropej ta' bastimenti, l-assoċjazzjonijiet tagħhom u l-klijenti tagħhom tista' tiġi inkoraġġuta permezz ta' kampanja pubblika mifruxa mal-UE kollha u negozjati sistematiċi ta' livell għoli ma' partijiet ewlenin interessati fil-qasam. L-għotja ta' premju ġdid tal-UE speċifiku għal attivitajiet eżemplari ta' riċiklaġġ tal-bastimenti jew l-inklużjoni taż-żarmar tal-bastimenti f'"Għotja ta' Premju għal Ambjent tal-Baħar Ekoloġiku" li terġa' tiġi introdotta jistgħu jipprovdu rikonoxximent pubbliku għal kumpaniji ta' riċiklaġġ u ġarr fuq il-baħar bi profil ambjentali ekoloġiku. Barra minn hekk, gwida għall-proprjetarji ta' bastimenti permezz ta' lista ta' faċilitajiet ekoloġiċi ta' żarmar tal-bastimenti madwar id-dinja tista' timla l-vojt dwar l-għarfien u tipprovdi punti ta' referenza.

Il-finanzjament pubbliku lill-pajjiżi terzi jista' jkollu rwol limitat fil-qafas tal-iżvilupp ta' programmi ta' għajnuna fejn l-għajnuna teknika tkun tista' tippromwovi b'mod partikolari t-taħriġ għall-ħaddiema dwar is-sikurezza u tappoġġa l-istabbiliment ta' infrastruttura bażika għall-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa fi stat fqir bħall-Bangladexx. Madankollu, kwalunkwe appoġġ finanzjarju ta' dan it-tip neċessarjament ikun jiddependi fuq ir-rieda tal-gvernijiet u l-industriji konċernati, u l-appoġġ qawwi tagħhom, biex jikkooperaw għat-titjib tal-prattiki taż-żarmar tal-bastimenti. Barra dan, jista' jkun hemm il-ħtieġa għal azzjonijiet addizzjonali biex jiżguraw l-effikaċja tal-għajnuna teknika u l-miżuri volontarji, bħal pereżempju t-tkomplija politika, l-inċentivi, bħal pereżempju vantaġġi għal siti ta' standard għoli.

Azzjoni proposta mill-Kummissjoni:

- L-inkoraġġament ta' azzjoni volontarja min-naħa tal-industrija permezz ta' miżuri varji, bħal pereżempju kampanja pubblika mifruxa mal-UE kollha, għotja ta' premju għal attivitajiet eżemplari u gwida b'lista ta' faċilitajiet ekoloġiċi ta' żarmar ta' bastimenti.

5.4. Infurzar aħjar tar-regoli dwar il-ġarr tal-iskart fuq il-baħar

L-isforzi attwali għal Konvenzjoni internazzjonali dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti għandhom l-għan, fost affarijiet oħrajn, li jevitaw repetizzjonijiet regolatorji u jeżentaw bastimenti li waslu fit-tmiem taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom (tal-anqas bastimenti tal-merkanzija) mir-regoli tal-Konvenzjoni ta' Bażel dwar il-Movimenti Transkonfinali tal-Iskart. Jekk il-Konvenzjoni dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti tidħol fis-seħħ u l-Partijiet fil-Konvenzjoni ta' Bażel iqisu li din tkun qed tiżgura livell ta' kontroll ekwivalenti, bastimenti kummerċjali kbar fl-aħħar vjaġġ tagħhom lejn iż-żona ta' tiġrif ma jibqgħux soġġetti għar-regoli dwar il-ġarr tal-iskart fuq il-baħar.

Madankollu, fi kwalunkwe każ jilħqu jgħaddu għadd ta' snin sa mal-Konvenzjoni ta' Bażel tiġi emendata b'dan il-mod u saħansitra aktar snin sa ma din l-emenda tiġi trasposta fil-liġi domestika. Fuq perjodu ta' żmien qasir u medju r-regolament tal-KE dwar il-Ġarr tal-Iskart fuq il-Baħar se jibqa' applikabbli għal bastimenti li jkunu waslu fit-tmiem taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Għalhekk, strateġija tal-UE dwar iż-żarmar tal-bastimenti għandha tqis miżuri li jistgħu jtejbu l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-ġarr tal-iskart fuq il-baħar fir-rigward ta' bastimenti li jkunu waslu fit-tmiem taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom u b'mod partikolari tipprevjeni esportazzjonijiet diretti ta' bastimenti ta' dan it-tip mill-UE għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

L-infurzar mill-Istati Membri, tar-Regolament tal-KE dwar il-Ġarr tal-Iskart fuq il-Baħar, jista' jissaħħaħ b'kombinazzjoni ta' miżuri bħal pereżempju gwida mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Ġarr tal-Iskart fuq il-Baħar għall-bastimenti li jkunu waslu fit-tmiem taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, proġetti ffukati fi ħdan il-qafas tal-IMPEL-TFS[10] u żieda fil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fl-UE kif ukoll ma' pajjiżi ta' tranżitu u dawk destinatarji. Il-Kummissjoni tista' wkoll tagħmel proposti dwar rekwiżiti minimi speċifiċi għall-ispezzjonijiet.

L-effikaċja tas-sistema ta' kontroll tal-UE għall-ġarr tal-iskart fuq il-baħar tista' tittejjeb aktar permezz tal-istabbiliment u ż-żamma ta' lista ta' bastimenti li huma lesti għall-iskreppjar li tkun tqis il-proċeduri inklużi fil-Konvenzjoni futura dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti. Il-Kummissjoni trid tivvaluta aktar il-probabilità li din il-lista tiġi stabbilita, b'mod partikolari fl-interess taċ-ċarezza legali tal-obbligi rilevanti u d-drittijiet tal-awtoritajiet li jaqsmu dejta dwar bastimenti ta' dan it-tip jiġifieri dawk lesti għall-iskreppjar. Fid-dawl tal-piż amministrattiv inevitabbli ta' miżura ta' dan it-tip, l-introduzzjoni tagħha tista' ssir dipendenti fuq jekk azzjoni volontarja mill-industrija tal-ġarr fuq il-baħar itejjibx is-sitwazzjoni b'mod sinifikanti fis-sena, sentejn li ġejjin. Implimentazzjoni aħjar tar-regolamenti attwali dwar il-ġarr tal-iskart fuq il-baħar se tipprovdi inċentiv addizzjonali għall-industrija tal-ġarr fuq il-baħar biex ittejjeb il-prattiki tagħha saħansitra fil-perjodu interim u b'hekk tgħin biex tillimita l-effetti negattivi antiċipati tal-miżuri ta' riċiklaġġ tal-bastimenti li se jittieħdu fil-futur qrib.

Azzjoni proposta mill-Kummissjoni:

- Titjib tal-infurzar tal-liġi attwali dwar il-ġarr tal-iskart fuq il-baħar fir-rigward ta' bastimenti li waslu fit-tmiem taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom permezz ta' gwida min-naħa tal-Kummissjoni, aktar kooperazzjoni multilaterali, u investigazzjoni tal-probabilità li jiġu attwati regoli dwar lista ta' bastimenti lesti għall-iskreppjar.

5.5. Il-każ għall-verifika u ċ-ċertifikazzjoni tal-faċilitajiet ta' żarmar

Il-Konvenzjoni internazzjonali futura dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti se tiddependi b'mod partikolari fuq sistema ta' servejs u ċertifikati għall-bastimenti u fuq awtorizzazzjonijiet għall-faċilitajiet ta' riċiklaġġ tal-bastimenti mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti ta' stati li jirriċiklaw. Dan l-approċċ jirrifletti l-valur għoli tas-sovranità nazzjonali fil-liġi internazzjonali. Punt ta' dgħjufija potenzjali tas-sistema ta' kontroll huwa li l-problemi eżistenti ta' governanza f'uħud mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u n-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' nuqqas ta' konformità fl-abbozz tal-Konvenzjoni jistgħu jnaqqsu l-effikaċja tal-Konvenzjoni fil-prattika.

Studju li sar mill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima (l-EMSA) ta ħarsa lejn is-soluzzjonijiet possibbli għad-dilemma u ppropona skema ta' ċertifikazzjoni u verifika għall-faċilitajiet ta' riċiklaġġ tal-bastimenti bħala mezz biex jistabbilixxi aktar trasparenza u jiżgura, permezz tas-servizzi ta' organizzazzjonijiet indipendenti rikonoxxuti, kundizzjonijiet aktar ugwali madwar id-dinja[11]. Meta jitqiesu l-iżviluppi li saru fil-livell internazzjonali, din l-iskema tkun qed tibni fuq id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tar-Riċiklaġġ tal-Bastimenti li se ssir fil-futur qrib u fuq l-istandard speċifiku tal-ISO ippjanat għall-faċilitajiet ta' riċiklaġġ tal-bastimenti u tkun tinkludi sistema ta' livelli ta' kwalità. Element importanti għandu jkun il-pubblikazzjoni tal-kategoriji taċ-ċertifikati marbuta mal-lista tal-faċilitajiet taż-żarmar tal-bastimenti madwar id-dinja.

Id-dispożizzjonijiet dwar il-verifika u ċ-ċertifikazzjoni tal-faċilitajiet ta' żarmar għadhom qegħdin jiġu diskussi fil-livell tal-IMO. Il-Kummissjoni se teżamina, skont ir-riżultati ta' dawk id-diskussjonijiet, kif jista' jiġi żgurat li l-bastimenti li joperaw fl-Ewropa, li huma marbuta ma' sjieda Ewropea jew li jtajru l-bnadar tal-Istati Membri tal-UE jittieħdu għaż-żarmar f'faċilitajiet li huma ċċertifikati u vverifikati skont din l-iskema filwaqt li jitnaqqsu kemm jista' jkun l-effetti negattivi fuq il-kompetittività tal-industrija marittima Ewropea. Dan se jkun meħtieġ sabiex is-sistema malajr issir effettiva b'mod sħiħ.

- Azzjoni proposta mill-Kummissjoni

- Tivvaluta aktar il-possibilità tal-iżvilupp ta' skema ta' ċertifikazzjoni u verifika għall-faċilitajiet ta' riċiklaġġ tal-bastimenti madwar id-dinja u, abbażi tad-diskussjonijiet attwali fuq il-Konvenzjoni dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti, tevalwa kif jista' jkun żgurat li għadd massimu ta' bastimenti, inklużi bastimenti li jtajru l-bnadar tal-Istati Membri jittieħdu għaż-żarmar f'faċilitajiet li huma ċċertifikati u vverifikati skont din l-iskema.

5.6. L-iżgurar ta' finanzjament sostenibbli

Il-bażi tal-kunċett tal-Konvenzjoni futura dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti hija li d-dispożizzjonijiet tagħha flimkien mal-forzi tas-suq, se jkunu suffiċjenti sabiex fis-snin li ġejjin iż-żarmar tal-bastimenti jsir attività sikura u li tħares l-ambjent. Bi tweġiba għall-alternattiva ta' "fond għaż-żarmar tal-bastimenti" li ġiet proposta fil-Green Paper tal-Kummissjoni, l-industrija qalet li fond ta' dan it-tip u l-levies biex jiffinanzjawh joħolqu piżijiet amministrattivi żejda. Skont l-aspettazzjonijiet tal-industrija, il-proċess ta' ristrutturazzjoni tas-suq skont ir-regoli u l-istandards il-ġodda se jipprovdu l-fondi li huma meħtieġa sabiex il-faċilitajiet ta' riċiklaġġ tal-bastimenti madwar id-dinja jiġu aġġornati għal livell ta' konformità mal-Konvenzjoni.

Madankollu hemm ir-riskju li dispożizzjonijiet li ma jkunux ċari dwar l-istandards tar-riċiklaġġ (eż. li jesiġu f'termini ġenerali l-prevenzjoni ta' tixrid u tneħħija tal-materjali perikolużi li tkun sikura u li tħares l-ambjent iżda li speċifikament ma tipprojbix il-metodu fejn il-bastiment jittella' fuq ix-xtajta) u n-nuqqas probabbli ta' mekkaniżmi ta' nuqqas ta' konformità fil-Konvenzjoni se jippermettu li jibqgħu jitwettqu prattikki ta' livell baxx u joħolqu nuqqas ta' inċentiv għall-investiment.

Żviluppi oħrajn għandhom jiġu mmonitorjati mill-qrib. Jekk jirriżulta li l-leġiżlazzjoni internazzjonali li se ssir fil-futur qrib u r-reazzjonijiet mill-parteċipanti tas-suq ma jwasslux għar-riżultat mixtieq, l-alternattiva ta' sistema ta' finanzjament li timplimenta l-prinċipju ta’ "min iniġġes iħallas" għandha terġa' tiġi kkunsidrata. Għalkemm tkun preferibbli soluzzjoni fil-livell tal-IMO, sistema mifruxa mal-UE kollha li tinvolvi l-bastimenti kollha li joperaw fl-ilmijiet tal-UE ma għandhiex tiġi eskluża.

Sabiex jiġu vvalutati l-istrumenti possibbli u l-impatti tagħhom b'mod aktar preċiż, fit-tieni parti tal-2008, il-Kummissjoni se tniedi studju dwar il-ħruġ eventwali ta' "fond għaż-żarmar tal-bastimenti".

Azzjoni proposta mill-Kummissjoni:

- Il-valutazzjoni tal-probabilità li tiġi attwata l-alternattiva ta' sistema ta' finanzjament internazzjonali obbligatorja għal żarmar ekoloġiku tal-bastimenti ("fond għaż-żarmar tal-bastimenti") abbażi tar-riżultati ta' studju li se jiġi mniedi mill-Kummissjoni.

6. KONKLUżJONI: POLITIKA INTEGRATA GħAL ŻARMAR AħJAR TAL-BASTIMENTI

Jekk l-għan li jkun żgurat żarmar ta' bastimenti Ewropej li jkun sikur u li jħares l-ambjent għandu jintlaħaq sas-sena 2015, hemm il-ħtieġa għal approċċ ta' politika integrata. Ir-regoli ta' implementazzjoni tal-Konvenzjoni prevista dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti u, jekk ikun hemm provi li din tkun meħtieġa, il-possibilità li din tiġi ssupplimentata, ikollhom jiġu kkombinati ma' miżuri li jinkuraġġixxu azzjoni volontarja min-naħa tal-industrija tal-bastimenti fil-perjodu interim u li jtejbu l-infurzar tal-liġi attwali dwar il-ġarr tal-iskart fuq il-baħar relatata mal-bastimenti.

Il-Kummissjoni tipproponi li jibda l-iżvilupp ta' regoli dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti li jittrasponu r-rekwiżiti essenzjali tal-Konvenzjoni għall-bastimenti (servejs, ċertifikati, Inventarju tal-Materjali Perikolużi) u l-faċilitajiet ta' riċiklaġġ tal-bastimenti, kif ukoll l-obbligazzjonijiet tar-rappurtaġġ u l-komunikazzjoni tat-tagħrif. Għandu jiġi vvalutat jekk l-ambitu ta' dawn ir-regoli għandux jinkludi wkoll bastimenti tal-gwerra u bastimenti oħrajn tal-gvern li mhumiex soġġetti għall-Konvenzjoni dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti. Il-Kummissjoni se teżamina, skont id-diskussjonijiet fir-rigward tal-Konvenzjoni dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti, kif jista' jiġi żgurat li għadd massimu ta' bastimenti inklużi dawk li jtajru l-bnadar tal-Istati Membri tal-UE, jittieħdu għaż-żarmar f'faċilitajiet li huma ċċertifikati u vverifikati skont din l-iskema.

L-industrija tal-ġarr fuq il-baħar għandha l-mezzi u – fid-dawl tal-prinċipju ta’ "min iniġġes iħallas" – ukoll ir-responsabbiltà li ttejjeb il-prattiki ta' żarmar tal-bastimenti fil-perjodu interim, sa ma tiġi implimentata s-sistema internazzjonali l-ġdida. Sabex tippromwovi azzjoni rapida, il-Kummissjoni qed tipproponi l-inkoraġġiment ta' impenji volontarji permezz ta' firxa ta' miżuri inklużi kampanji pubbliċi, skemi ta' għotjiet ta' premji u gwida lill-proprjetarji tal-bastimenti. L-għajnuna teknika li tingħata lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw għall-aġġornament tal-infrastrutturi rilevanti tagħhom jista' jkollha rwol ukoll iżda tkun tiddependi fuq il-kooperazzjoni bejn l-istati li jirriċiklaw.

Min-naħa l-oħra, infurzar aħjar tal-liġi attwali tal-ġarr tal-iskart fuq il-baħar b'aktar gwida u kooperazzjoni multilaterali jista' jikkontribbwixxi għall-proċess ta' tranżizzjoni u jillimita effetti negattivi antiċipati. Il-Kummissjoni se teżamina l-possibilità li jittieħdu miżuri li jistabbilixxu lista ta' bastimenti lesti għall-iskreppjar.

Din il-Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni għandha l-għan li tistimola d-diskussjoni u twitti t-triq għall-proposta leġiżlattiva li se tinbeda wara l-adozzjoni tal-Konvenzjoni dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti prevista li sseħħ f'Mejju 2009 fil-konferenza diplomatika tal-IMO. Għalhekk il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE biex jagħtu l-opinijonijiet tagħhom u jikkontribbwixxu għall-politika tal-UE dwar żarmar aħjar tal-bastimenti li tkun effettiva.

[1] COM(2007) 269 finali, bl-Anness u r-referenzi fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2007) 645.

[2] http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P6-TA-2008

0222+0+DOC+XML+V0//EN&language=EN.

[3] COWI/DHI, Rapport finali ta' Ġunju 2007, ippubblikat fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni fuq:

http://ec.europa.eu/environment/waste/ships//index.htm. Aktar referenzi jinsabu fuq l-istess

paġna tal-internet.

[4] Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni […].

[5] SEC (2007) 1278, 10 ta' Ottubru 2007, l-Azzjoni 4.6, p.16.

[6] Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta' skart [ġarr tal-iskart fuq il-baħar] (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1) ("Ir-Regolament dwar il-Ġarr tal-Iskart fuq il-Baħar").

[7] Conseil d’Etat, id-deċiżjoni tal-15 ta' Frar 2006, http://www.conseil-etat.fr/ce/jurispd/index_ac_ld0607.shtml; Raad van State, is-sentenzi tad-19 ta' Ġunju 2002 (Sandrien) u l-21 ta' Frar 2007 (Otapan), ippubblikati bl-Ingliż fuq: http://www.basel.int/ships/relevcaselaw.html.

[8] Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif immodifikata bil-Protokoll tal-1978

[9] Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kontroll ta' Sistemi Anti-fouling Perikolużi fuq il-Bastimenti

[10] IMPEL = In-Netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali; TFS = raggruppament dwar Ġarr Transkonfinali tal-iskart fuq il-Baħar.

[11] https://extranet.emsa.europa.eu/index.php?option=com_docman&task=cat_view&gid=135&Itemid=3