52008DC0645

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità {SEC(2008) 2618} {SEC(2008) 2619} {SEC(2008) 2620} /* KUMM/2008/0645 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 17.10.2008

KUMM(2008) 645 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità{SEC(2008) 2618}

{SEC(2008) 2619}

{SEC(2008) 2620}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

WERREJ

1. SINTEŻI 3

2. L-ISFIDA TAD-DEFORESTAZZJONI U D-DEGRADAZZJONI TAL-FORESTI 4

2.1. Ir-rata u l-kobor tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti 4

2.2. Il-kawżi tad-deforestazzjoni 4

2.3. L-impatti tad-deforestazzjoni 5

3. NINDIRIZZAW IL-KAWŻI TAD-DEFORESTAZZJONI 6

3.1. Il-proposta ta’ għan globali tal-UE 6

3.2. Oqsma fejn trid tittieħed azzjoni 6

4. IL-KONTRIBUT TAL-POLITIKI TAL-UE 7

4.1. It-tisħiħ ta’ politika eżistenti 7

4.2. Il-firxa, l-għejun ta’ finanzjament u mekkaniżmi sabiex tintlaqa’ l-isfida tad-deforestazzjoni 9

5. ID-DEFORESTAZZJONI FIL-KUNTEST TAL-UNFCCC 11

5.1. Ir-reazzjoni f’qasir żmien: l-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu Globali tal-Karbonju tal-Foresti 11

5.2. Il-perspettiva għaż-żmien fit-tul l-ittestjar tal-inklużjoni tad-deforestazzjoni fis-swieq tal-karbonju 12

6. AZZJONIJIET TA’ TĦEJJIJA 13

1. SINTEŻI

Il-foresti jkopru bejn wieħed u ieħor 30% tas-superfiċje tal-art tad-dinja u jwasslu ġgajta ta’ benefiċċji ekonomiċi u soċjali. Joffru benefiċċji ambjentali kbar marbuta mad-diversità bijoloġika u t-tibdil fil-klima. Il-foresti tropikali huma fost l-aktar ħabitats importanti għall-bijodiversità u jipprovdu servizzi kruċjali tal-ekosistema bħat-tisfija tal-ilma u l-prevenzjoni tat-tgħawwir. L-għixien ta’ 1.6 biljun ruħ jiddependi sa ċertu punt mir-riżorsi tal-foresti u 60 miljun ruħ minn popli indiġeni jiddependu direttament mill-foresti għas-sopravivenza tagħhom. Il-foresti jaħżnu wkoll ammonti sinifikanti ta’ CO2, u b’hekk iżommu milli jkun hemm aktar żieda fil-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra fl-atmosfera.

Il-foresti huma mhedda mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni. Skond l-istimi tal-FAO, kull sena jintilfu xi 13-il miljun ettaru ta’ foresti. Id-deforestazzjoni tgħodd għal madwar 20% tal-emissjonijiet globali tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) (IPCC, 2007) - aktar mill-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra tal-UE. It-tnaqqis tal-emissjonijiet mid-deforestazzjoni se jkun għalhekk essenzjali sabiex jintlaħaq l-għan tagħna li nillimitaw it-tisħin globali għal 2 gradi Ċentigradi. Dan jista’ wkoll ikun mod li jikkumbatti t-tibdil fil-klima filwaqt li jonfoq b’mod effettiv. Il-ħarsien tal-foresti se jkollu benefiċċji addizzjonali għall-bijodiversità u għall-għixien tal-fqar.

Issa ż-żmien għal azzjoni deċiżiva. Fil-qalba tat-tweġiba proposta tal-UE hemm l-għan li t-tnaqqir globali tal-foresti jitwaqqaf sa mhux aktar tard mill-2030 u titnaqqas id-deforestazzjoni tropikali grossa b’mill-inqas 50 % sal-2020 meta mqabbel mal-livelli attwali.

Id-deforestazzjoni kienet fiċ-ċentru tal-attenzjoni fin-negozjati tan-NU dwar il-klima (il-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali[1]). It-triq lejn ftehim dwar il-klima f’Kopenħagen jipprovdi opportunità unika biex tiġi affrontata l-isfida tad-deforestazzjoni. L-UE għandha tagħti widen lil din is-sejħa għall-azzjoni. Il-proposti ppreżentati f’din il-Komunikazzjoni għandhom jiffurmaw il-bażi tal-pożizzjoni tal-UE fil-konferenza li ġejja dwar il-klima f'Poznan.

Kmieni fl-2009, il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni li tkopri l-mandat tal-UE għan-negozjati ta’ Kopenħaġen. F’konformità mal-konklużjonijiet tas-Summit tal-UE ta’ Ġunju 2008, din se tinkludi strateġija komprensiva sabiex jinġabru l-fondi biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, inkluża d-deforestazzjoni. Sabiex tirnexxi f’Kopenħagen, l-UE se jkollha bżonn tgħaqqad sforzi u rizorsi, u tippreżenta front magħqud biex iġġib l-appoġġ tal-pajjiżi msieħba.

Sabiex tiġi miġġielda d-deforestazzjoni hemm bżonn jissaħħaħ għadd ta’ politiki tal-UE. Barra minn hekk, fil-kuntest tan-negozjati dwar il-klima li għaddejjin, qed jiġu ssuġġeriti żewġ proposti konkreti u ambizzjużi.

(i) l-istabbiliment ta’ strument ġdid li jiġġenera ammont sinfikanti ta’ finanzjament sabiex jiġu afforntati d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, il-Mekkaniżmu Globali tal-Karbonju tal-Foresti; (ii) tiġi ttestjata l-inklużjoni tad-deforestazzjoni fis-swieq tal-karbonju.

Il-Komunikazzjoni mhix maħsuba biex tagħti tweġibiet definittivi lill-bosta kwistjoniiet marbuta mad-deforestazzjoni. L-għan tagħha huwa aktar li tiffissa l-linji ewlenin għal tweġiba tal-UE, tistieden għal kontribuzzjonijiet sinifikanti mill-partijiet interessati kollha, u tagħti bidu għal sensiela ta' azzjonijiet inizjali li jipprovdu s-sisien għal tweġiba globali vijabbli għad-deforestazzjoni.

2. L-ISFIDA TAD-DEFORESTAZZJONI U D-DEGRADAZZJONI TAL-FORESTI

2.1. Ir-rata u l-kobor tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti

Id-dinja tilfet ‘il fuq minn 3 % tal-foresti tagħha bejn l-1990 u l-2005. It-telf annwali jammonta għal 13-il miljun ettaru (FAO, 2005), żona ta' madwar id-daqs tal-Greċja. Xi 96 % tad-deforestazzjoni riċenti seħħet f’reġjuni tropikali (Grafika 1) u l-ikbar telf nett ta’ kopertura forestali bejn l-2000 u l-2005 ġie rreġistrat f’għaxar pajjiżi[2] (FAO, 2007). Fuq l-istess perjodu, il-kopertura tal-foresta żdiedet f’reġuni oħra, inklużi l-UE, il-Ġappun u ċ-Ċina, filwaqt li kienet relattivament stabbli fl-Indja. Il-foresti tropikali għandhom ikunu l-ewwel mira tal-azzjoni, minħabba l-impatt globali tagħhom fuq il-klima u minħabba l-valuri tal-bijodiversità li fihom[3].

Id-degradazzjoni tal-foresti tropikali hija kwistjoni relatata li għandha wkoll impatti kbar fuq il-klima u l-bijodiversità. Id-degradazzjoni tieħu forom differenti, diffiċli tiddefiniha[4] u mhux dejjem tista’ titkejjel b’mod preċiż. Għalhekk ma tistax tiġi ttrattata bl-istess mod bħad-deforestazzjoni, trid tiġi indirizzata jekk se jkun hemm approċċ strateġiku għall-foresti li jkunu koerenti u komprensiv.

Grafika 1: Żoni tad-dinja fejn qed isseħħ id-deforestazzjoni. Iż-żoni bl-aħmar huma l-inħawi ewlenin attivi tad-deforestazzjoni (Sors: MEA, 2005)

[pic]

2.2. Il-kawżi tad-deforestazzjoni

Il-kawżi tad-deforestazzjoni huwa diversi, kumplessi u jaġixxu f’tagħqidiet varji f’punti ġeografiċi differenti[5]. L-aktar kawża diretta importanti tal-qerda tal-foresti tipikament hija l-bidliet fl-użu tal-art. L-użi alternattivi ta’ art b’valur għoli tas-suq li jispiċċaw iħallu l-qligħ, bħal fil-każ tal-kisba tal-komoditajiet, jipprovdu l-inċentivi għad-deforestazzjoni. F’bosta każi, l-iżvilupp tal-infrastruttura jista’ wkoll jikkontribwixxi għad-deforestazzjoni. Il-kawża tal-qiegħ l-aktar importanti hija l-governanza ineffettiva, marbuta ma’ politiki tal-użu tal-art li ma jkunux infurzati sew u reġimi inċerti dwar is-sjieda tal-art. Sabiex ikun effettiv, kull approċċ globali għad-deforestazzjoni se jkollu jindrizza dawn il-kawżi direttament.

2.3. L-impatti tad-deforestazzjoni

Id-deforestazzjoni għandha impatti negattivi varji mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali, partikolarment fuq il-klima, il-bijodiversità u l-faqar[6].

Id-deforestazzjoni tgħodd għal madwar 20 % tal-emissjonijiet globali tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) (bejn wieħed u ieħor 5.8 Gt – ara l-Grafika 2)[7]. Minbarra r-rilaxx tas-CO2 mis-siġar permezz tad-dekompożizzjoni tal-bijomassa u l-ħruq, id-deforestazzjoni tiġġenera wkoll emissjonijiet mill-ħamrija, pereżempju, mill-ħruq ta’ ħamrija tal-pit fonda f’żoni deforestati. Impatti oħra fuq il-klima jinkludu bidliet lill-ammont ta’ enerġija rifless mis-superfiċje tad-dinja, u l-interazzjoni kumplessa li l-foresti għandhom mal-kimika u l-idroloġija tal-atmosfera.

Grafika 2: Emissjonijiet GHG skont is-settur fl-2004. Id-dejta għall-forestrija tinkludi emissjonijiet tas-CO2 mid-deforestazzjoni; dekompożizzjoni ta’ bijomassa fuq l-art li tibqa’ wara l-qtugħ tas-siġar u d-deforestazzjoni; nirien tal-pit u t-tmermir ta’ ħamrija tal-pit imnixxfa mill-ilma (IPCC 2007)

[pic]

Id-deforestazzjoni hija wkoll xprun ewlieni għat-telf tal-bijodiversità. Il-foresti tropikali, partikolarment, jilqgħu fihom madwar nofs l-ispeċijiet terrestri kollha u għandhom rwol ċentrali fil-mod kif taħdem il-bijosfera. Id-deforestazzjoni kull ma jmur se tissarraf f'telf sinifikanti ta' bijodiversità, inkluża l-estinzjoni tal-ispeċijiet u t-telf assoċjat ta' oġġetti u servizzi (Sukhdev at al, 2008). Jekk kollox jibqa' kif inhu, il-valur mitluf sal-2050 tal-oġġetti u s-servizzi marbuta mal-foresta ġie pproġettat għal 4 % tal-PGD globali (COPI, 2008).

Fl-aħħarnett, id-deforestazzjoni tneħħi l-ħarsien li l-foresti naturali jagħtu mit-tempesti, l-għargħar u l-varjazzjoniiet estremi fix-xejriet tat-temp lokali. Jista’ jkollha wkoll impatti soċjali negattivi fuq il-faqar , mhux biss minħabba li bosta mill-foqra tad-dinja jiddependu mill-foresti għall-għixien tagħhom, iżda wkoll minħabba s-servizzi tal-ekosistema li jipprvdu l-foresti. Huma wkoll sinifikanti l-impatt negattiv tad-deforestazzjoni fuq saħħet il-bniedem minħabba żieda fn-niġġiesa tal-arja u t-tixrid ta’ mard miġjub mill-insetti bħall-malarja.

3. NINDIRIZZAW IL-KAWŻI TAD-DEFORESTAZZJONI

3.1. Il-proposta ta’ għan globali tal-UE

L-ilħiq tal-għan tal-UE tal-limitazzjoni tat-tibdil klimatiku għal 2 °C 'il fuq mil-livelli pre-industrijali jeħtieġ tnaqqis tal-emissjonijiet globali ta' mill-inqas 50 % inqas mil-livelli tal-1990 sal-2050. Dan it-tnaqqis huwa impossibbli mingħajr azzjoni sostanzjali biex tiġi miġġielda d-deforestazzjoni.

Qed jiġi propost li fin-negozjati tal-UNFCCCC dwar ir-reġim tal-ġejjieni dwar it-tibdil fil-klima, l-UE jkollha l-għan li t-tnaqqir globali tal-foresti jitwaqqaf sa mhux aktar tard mill-2030 u titnaqqas id-deforestazzjoni tropikali grossa b’mill-inqas 50 % sal-2020 meta mqabbel mal-livelli attwali. Dan il-għan se jiġi ppersegwit fi ħdan in-negozjati tal-UNFCCC u sal-2020 mistenni jwassal benefiċċji ewlenin marbuta mat-tibdil fil-klima u l-bijodiversità.

3.2. Oqsma fejn trid tittieħed azzjoni

Il-Grafika 3 turi l-potenzjal sinifikanti għat-taffija li għandhom dawn il-miżuri sal-2030 f’reġjuni differenti tad-dinja, sa prezz tas-suq tal-karbonju ta’ EUR 40 kull tunnellata ta’ C):

Grafika 3: Il-potenzjal għat-taffija tal-gassijiet serra ġejjin mill-foresti madwar ir-reġjuni tad-dinja

[pic]Jeħtieġ li l-UE tkun minn ta' quddiem fit-tfassil tar-reazzjoni politika globali għad-deforestazzjoni. Il-Komunità u l-Istati Membri jridu jaħdmu flimkien biex jgħaqqdu r-riżorsi u jiżguraw li l-azzjonijiet ikunu kumplimentari. Il-battalja kontra d-deforestazzjoni trid tiġi miġġielda fuq diversi fronti.

L-ewwelnett, it-tisħiħ tal-governanza tal-foresti u l-istituzzjonijiet fuq il-livell lokali u nazzjonali huwa prekundizzjoni għal kwlaunkwe reazzjoni politika effettiva.

It-tieni, għandu jkun espliċitament rikonoxxut li waħda mill-kawżi ewlenin tad-deforestazzjoni hija waħda ekonomika. Il-foresti jinqerdu għaliex iktar irendi u jwassal għall-qligħ malajr li l-art tintuża għal għanijiet oħra milli li l-foresti jinżammu bla mittiefsa. Politika effettiva għandha tippremja l-valur tas-servizzi pprovduti mill-foresti.

It-tielet, politika komprensiva dwar id-deforestazzjoni ma tistax ma tagħtix kas id-domanda u r-responsabbiltà tal-konsumaturi. Ċerti politiki interni u esterni tal-UE jistgħu jintużaw sabiex jintlaħaq l-għan kumplessiv.

Ir-raba ’ , minħabba li d-deforestazzjoni hija kwistjoni globali li teħtieġ soluzzjoni globali, bil-għan ikun l-istabilizzar tal-emissjonijiet tas-CO2 għal livell aċċettabbli u t-tmiem tat-telf tal-bijodiversità, in-negozjati internazzjonali dwar il-klima jipprovdu opportunità unika sabiex tinftiehem id-deforestazzjoni. Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonaijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika jmissha twassal kunsiderazzjonijiet dwar il-bijodiversità lin-negozjati[8].

Il-ħames, jekk il-politika tiġi mfassla u implimentata b’mod xieraq, trid tkun imsejsa fuq informazzjoni ta ’ kwalità għolja. Il-programmi eżistenti ta' monitoraġġ u evalwazzjoni tal-foresti la huma integrati u lanqas kompluti. Approċċ aktar komprensiv li jkun ibbażat fuq ix-xjenza huwa meħtieġa sabiex jitmexxew id-deċiżjonijiet tal-politika u tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni.

4. IL-KONTRIBUT TAL-POLITIKI TAL-UE

4.1. It-tisħiħ ta’ politika eżistenti

Il-politiki għall-foresti mhumiex ristretti għalihom biss. Bosta politika interni u esterni tal-UE għandhom impatti indiretti fuq id-deforestazzjoni u xi kultant jinkoraġixxu sovrasfruttament jew ċaqliq fl-użu tal-art li jikkontribwixxu direttament għad-deforestazzjoni. Setturi u politiki differenti – bħall-kummerċ, l-enerġija, l-agrikoltura, is-sikurezza tal-ikel u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp – jista’ jkolhom rwol sinifikanti lejn il-konservazzjoni tal-foresti tad-dinja.

4.1.1. Politika tal-UE għall-promozzjoni sostenibbli tal-injam u tal-prodotti tal-injam

L-UE hija konsumatur ewlieni ta’ njam u prodotti tal-injam minn madwar id-dinja. Fl-2005, 83 miljun m3 ta’ njam u prodotti tal-injam ġew importati fis-suq tal-UE[9]. L-importazzjonijiet ta’ njam u prodotti tal-injam miġjuba illegalment[10] huma stmati għal 16-il miljun m3, li jgħoddu għal aktar minn 19 % tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kollha[11].

L-UE tista’ tgħin fil-promozzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti b’diversi modi:

a) Permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Governanza tal-Infurzar tal-Liġi u l-Kummerċ, li l-għan ewlieni tiegħu huwa l-iżvilupp ta’ VPAs ( Voluntary Partnership Agreements ) ma' pajjiżi li jipproduċu l-injam. Dan se jiżgura li l-esportazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi jkunu koperti minn liċenzja li tiċċertifika li l-injam inġieb legalment. Il-VPAs jistabbilixxu wkoll qafas li jindirizza l-isfidi tal-governanza u l-infurzar tal-liġi, li sikwit huma l-għerq tal-problemi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti. Kollox ma’ kollox, hemm sinerġija qawwija bejn il-FLEGT u l-isforzi sabiex tiġi affrontata d-deforestazzjoni.

b) Miżura oħra (fi ħdan il-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT) hija Regolament li jistipula l-obbligu għall-operaturi tal-UE li jimminimizzaw ir-riskju li l-injam u l-prodotti tal-injam miġjuba illegalment jidħlu fil-katina tal-provvista tagħhom. Il-Kummissjoni pproponiet Regolament sabiex jintlaħaq dan il-għan.

c) It-tnaqqis tal-emissjonijiet mid-deforestazzjoni huwa wkoll wieħed mill-oqsma prijoritarji tal-Alleanza Globali dwar it-Tibdil tal-Klima (GCCA), li l-UE varat u li tiffoka fuq pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw. Tipprovdi pjattaforma għad-djalogu politiku u l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar kif tiġi affrontata l-isfida maqgħquda tal-ġlieda kontra l-faqar u t-tibdil fil-klima. Taħdem b’appoġġ għan-negozjati internazzjonali dwar Ftehim dwar it-Tibdil fil-Klima għal wara l-2012.

d) Billi jitkompla jingħata kontribut lil fora internazzjonali eżistenti , bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Injam Tropikali, il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet Ipperikolati tal-Flora u l-Fawn Selvaġġi (CITES) u l-Forum tan-NU dwar il-Foresti (UNFF), u tkompli titqies ir-reviżjoni tal-Istrument Mhux Vinkolati tal-UNFF dwar il-Foresti.

e) Permezz ta’ politiki dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku (GPP), li bihom l-awtoritajiet pubbliċi fl-UE jistgħu jiġġeneraw talba għall-injam miġjub b’mod sostenibbli u legali.

f) Billi jiġu promossi strumenti bħall- eko-tikkettar u billi jiġu inkoraġġiti skemi ta’ ċertifikazzjoni tal-foresti , kif ukoll akkwist tas-settur privat li jkun jiffavorixxi l-injam sostenibbli; kif ukoll

g) Billi jiġu żviluppati kriterji ta’ sostenibbiltà għall-injam u bijomassa oħra użata għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li tiġġedded.

h) Inizjattivi Ewropej bħall-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES)[12] u l-proġett tal-osservazzjoni tal-Ambjent tal-Ekosistema Tropikali bis-Satellita (TREES) jista’ jkollhom rwol importanti fil-monitoraġġ tal-bidliet fl-użu tal-art u x-xejriet tad-deforestazzjoni.

4.1.2. Politiki tal-UE marbutin mal-prodotti li mhumiex tal-injam

Hemm għadd ta’ rabtiet bejn id-domanda għall-komoditajiet agrikoli u l-pressjonijiet fuq l-użu tal-art. Hemm ukoll tensjoni bejn il-ħtieġa biex tiżdied il-produzzjoni tal-ikel u l-ħtieġa li titwaqqaf id-deforestazzjoni. Il-produzzjoni agrikola għandha tiżdied mingħajr ma jkun hemm aktar deforestazzjoni. Dan jeħtieġ investiment sostanzjali sabiex jiżdied ir-rendiment minn art tal-biedja eżistenti. Għandha tiġi persegwita żieda fir-riċerka agrikola sabiex titkabbar il-produttività agrikola b’mod sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

L-iżvilupp tal-bijokarburanti għandu jkun sostenibbli, u għalhekk hija meħtieġa attenzjoni kbira sabiex jiġi żgurat li l-iżvilupp ġejjieni tal-produzzjoni domestika u l-importazzjonijiet ma jipperikolawx l-isforzi għall-ħarsien tal-foresti jew prijoritajiet usa’ tal-bijodiversità. Qed jiġu żviluppati kriterji xierqa fuq il-livell tal-UE biex dan jintlaħaq[13].

Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika qed tħejji gwida dwar l-aspetti marbuta mal-bijodiversità tas-sostenibbiltà tal-bijokarburanti wara l-aħħar Konferenza tal-Partijiet f'Bonn (COP 9), u dan għandu jgħin fil-ksib tal-kunsens internazzjonali. Il-Kummissjoni se jkollha sehem attiv fil-proċess ta’ segwitu sabiex dan ikun suċċess.

B’mod aktar ġenerali dwar il-koerenza tal-politika, il-Kummissjoni tintrabat li:

- tivvaluta l-impatt tal-inizjattivi ta’ politika tal-ġejjieni tal-UE u internazzjonali dwar id-deforestazzjoni, inkluż dawk mhux direttament marbuta mal-foresti u l-injam/prodotti tal-injam;

- tkompli tinkludi, fi stħarriġiet u valutazzjonijiet tal-impatt tal-ġejjieni ta’ ftehimiet dwar politika kummerċjali u agrikola, analiżi speċifika tal-impatti probabbli tagħhom fuq id-deforestazzjoni;

- tmexxi valutazzjoni tal-impatt ambjnetali assoċjati ma’ ktibiet ta’ strateġija tal-pajjiżi żviluppati biex jiggwidaw il-politika dwar l-assistenza għall-iżvilupp;

- l-istudju tal-impatt tal-konsum tal-UE fuq l-ikel impurtat u l-komoditajiet li mhumiex tal-ikel (eż. laħam, fażola tas-soja, żejt tal-palm, metalli minerali) li x’aktarx jikkontribwixxu għad-deforestazzjoni. Dan jista' jwassal biex jitqiesu għażliet ta' politika għat-tnaqqis ta' dan l-impatt;

- it-titjib tal-produttività agrikola, speċjalment b’żieda fir-riċerka sabiex tittejjeb il-produttività u s-sostenibbiltà tal-agrikoltura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; il-Kummissjoni ddeċidiet li tirdoppja l-appoġġ tagħha għar-riċerka agrikola internazzjonali mill-2008 għal medja ta’ € 63 miljun għal kull waħda mit-tliet snin li ġejjin;

- it-tkomplija tal-proċess ta’ reviżjoni li beda bl-adozzjoni tal-ewwel rapport dwar il-Koerenza Politika għall-Iżvilupp[14], li hija importanti biex tgħin l-UE tappoġġa pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jiksbu l-Għanijiet tal-Millenja għall-Iżvilupp.

4.2. Il-firxa, l-għejun ta’ finanzjament u mekkaniżmi sabiex tintlaqa’ l-isfida tad-deforestazzjoni

Sabiex id-deforestazzjoni tiġi affrontata b’suċċess, se jkun hemm bżonn ta’ finanzjament addizzjonali sinfikanti sabiex tingħata l-assistenza meħtieġa għall-bini tal-kapaċitajiet għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u sabiex jingħataw l-inċentivi sabiex iwieġbu għal dawk l-elementi li jixprunaw id-deforestazzjoni.

L-analiżi tal-ispiża għall-ħarsien tal-foresti li hemm fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-Komunikazzjoni tikkonkludi li jkun meħtieġ ammont stmat ta’ bejn € 15 and 25 biljun fis-sena sabiex id-deforestazzjoni titnaqqas bin-nofs sal-2020[15].

Hemm bżonn aktar xogħol sabiex jiġu kkwantifikati l-ħtiġijiet tal-finanzjament, iżda huwa ċar li fil-pajjiżi żviluppati jeħtieġ li jiġu allokati riżorsi konsiderevoli sabiex tiġi affrontata d-deforestazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fi ħdan ir-reġim internazzjonali tal-ġejjieni dwar il-klima. Il-finanzjament se jikkumplimenta l-isforzi finanzjarji u sforzi oħrjan mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u se jkollu jiġi minn għejun sew pubbliċi sew privati. Il-mekkaniżmi tal-finanzjament se jkunu effettivi biss jekk:

- il-pajjiżi li qed jiżviluppaw l-ewwel jingħataw l-assistenza finanzjarja u teknika meħtieġa biex jibnu l-kapaċitajiet u jsaħħu l-istituzzjonijiet;

- isir xogħol sabiex jissolvew kwistjonijiet tekniċi li għad baqa’ (eż. il-monitoraġġ u l-verifika);

- il-prestazzjoni tkun tista’ tiġi vvalutata u ppremjata skont linja ta’ bażi maqbula; kif ukoll

- wieħed jibni fuq prattiki eżistenti u ppruvati ta’ twassil tal-għajnuna u jiġu osservati l-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja soda.

Fuq il-livell tal-UE, livell xieraq ta’ finanzjament mill-2013 sal-2020 ikun meħtieġ għall-ġlieda kontra d-deforestazzjoni, l-aktar fil-forma ta' appoġġ biex id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti jitnaqqsilhom ir-ritmu, jiġu stabilizzati u jitreġgħu lura.

L-ammont totali tal-finanzjament se jiddependi mil-livell tal-azzjonijiet ta’ taffija meħuda mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

- Ir-rikonoxximent tal-krediti tal-foresti fis-sistema tal-UE tal-iskambju tal-emissjonijiet (ETS) ma jkunx ħaġa realistika bħalissa. L-emissjonijiet mid-deforestazzjoni huma bejn wieħed u ieħor tliet darbiet ogħla mill-ammont tal-emissjonijiet regolati mill-EU ETS. Billi l-EU ETS hija bħalissa l-unika sistema operattiva maġġuri tal-iskambju fid-dinja, li wieħed jippermetti lill-kumpaniji jixtru krediti tad-deforestazzjoni[16] evitati kieku jirriżulta fi żbilanċi serji bejn id-domanda u l-provvista fl-iskema. Hemm ukoll kwistjonijiet li għadhom mhux solvuti dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar, il-verifika u r-responsabbiltà. Il-krediti tal-foresti huma temporanji u mbagħad se jkollhom jiġu sostitwiti wara ċertu żmien. Dan ifisser li, jekk kumpanija ma tibqax fi-negozju, xi ħadd ikollu jieħu fuqu din ir-responsabbiltà sabiex tiġi ggarantita l-integrità ambjentali.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-UE għadha tqis ir-rikonoxximent tal-krediti tal-forestrija għall-konformità EU ETS biss bħala għodda kumplimentari u għaż-żmien aktar fit-tul – i.e. wara l-2020 – dejjem sakemm jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet (speċjalment il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda u r-responsabbiltà). Barra minn hekk, ladarba jiġu stabbiliti u interkonnessi sistemi oħra ta' skambju tal-emissjonijiet, u jibdew jiġġeneraw talba akbar għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, jista’ jsir aktar fattibbli li jibdew jiġu użati l-krediti tal-foresta għal-iffinanzjar tal-ħarsien tal-foresti.

- Madankollu, sehem kbir mill-finanzjament tal-UE jista’ jiġi mir-rikavat tal-irkantar tal-kwoti fi ħdan l-UE ETS. Fil-fatt, bl-emenda proposta tad-Diretttiva ETS ta’ Jannar 2008[17], mill-inqas 20 % tar-rikavat mill-irkanti ikollu jintuża sabiex jiġu sostnuti għanijiet klimatiċi, fosthom il-ġlieda kontra d-deforestazzjoni. Dan l-aħħar, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill approvaw l-użu tar-rikavat mill-irkant tal-kwoti fis-settur tal-avjazzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, inkluż billi tiġi evitata d-deforestazzjoni.

Huwa stmat li l-kwoti tal-irkantar jistgħu jiġġeneraw dħul annwali ta’ € 30-50 biljun għall-Istati Membri tal-UE sal-2020. Jekk 5 % tar-rikavat tal-irkant jiġi allokat biex jikkontribwixxi għall-isforzi globali għall-ġlieda kontra d-deforestazzjoni, jistgħu jinġabru €1.5 - 2.5 biljun sal-2020.

- Reazzjoni għad-deforestazzjoni teħtieġ l-appoġġ lil hinn mill-iskemi tal-inċentivi. Il-finanzjament huwa meħtieġ għat-titjib tal-governanza u sabiex jissolvew kwistjonijiet tekniċi (bħall-monitoraġġ bis-satellita u teknoloġiji oħra). L-assistenza għall-iżvilupp mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tal-UE jista' jkollha rwol fl-indirizzar ta' dawn il-problemi. Din l-assistenza tista’ tgħaddi bis-saħħa ta’ arranġamenti eżistenti fuq il-livell nazzjonali kif ukoll permezz ta’ arranġamenti internazzjonali u multilaterali stabbiliti għal dan il-għan.

- L-għejun tal-finanzjament pubbliku għandhom ikunu kkumplimentati minn finanzjament privat.

5. ID-DEFORESTAZZJONI FIL-KUNTEST TAL-UNFCCC

L-UE għandha timxi lejn l-għan li tistabbilixxi skema ta’ inċentivi li tkun appoġġata internazzjonalment sabiex titnaqqas id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fil-pajjżi li qed jiżviluppaw bħala parti mill-ftehim globali ġejjieni tal-UNFCCC għall-perjodu 2013-2020.

Din l-iskema se tkun miftuħa għall-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw li jkunu se jirratifikaw il-ftehim, u se tkun tista’ tikkontribwixxi għall-għan maqbul globalment għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-qafas internazzjonali ġejjieni għall-klima bis-saħħa tal-impenn biex tittieħed azzjoni nazzjonali ta’ taffija, bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti.

Qed jiġi propost approċċ fuq żewġ binarji:

1. l-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu Globali tal-Karbonju tal-Foresti;

2. tiġi ttestjata l-inklużjoni tad-deforestazzjoni fis-swieq tal-karbonju.

5.1. Ir-reazzjoni f’qasir żmien: l-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu Globali tal-Karbonju tal-Foresti

L-għan tal-UE għandu jkun li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu kapaċi jikkontribwixxu għall-għanijiet maqbula globalment tat-tnaqqis tal-emissjonijiet billi tittieħed azzjoni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni.

Mekkaniżmu Globali tal-Karbonju tal-Foresti (GFCM) għandu jiġi stabbilit. Filwaqt li jkollhom jinħadmu d-dettalji istituzzjonali u operattivi, u f’dan ir-rigward jistgħu jitqiesu l-arranġementi eżistenti biex il-GFCM ikun effettiv, huma essenzjali l-punti li ġejjin:

- Il-parteċipazzjoni trid tkun miftuħa għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jirratifikaw il-ftehim ġejjieni u jimpenjaw irwieħhom bil-għan li jnaqqsu d-deforestazzjoni taħt dik l-iskema.

- Għandha tiffoka fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti. Iridu jinstabu modi kumplimentari sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu megħjuna biex jippreservaw il-foresti tagħhom u jnaqqsu r-riskju ta’ tnixxijiet internazzjonali.

- Għandha tappoġġa attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

- Implimentazzjoni nazzjonali li tinvolvi s-settur tal-forestrija kollu kemm hu tkun meħtieġa biex tgawdi mill-fondi tagħha sabiex timminimizza r-riskju ta' tnixxijiet fil-pajjiż (f'pajjiżi kbar jista' jkun hemm implimentazzjoni reġjonali b'differenzi nazzjonali).

- Għandha tqis il-ħtieġa li jiġu assigurati kemm jista’ jkun l-ko-benefiċċji, bħall-ħarsien tal-bijodiversità u l-qerda tal-faqar.. Meta l-ko-benefiċċji jkunu jistgħu jiġu vvalutati, l-inċentivi finanzjarji jistgħu jiġu potenzjalment diretti lejn l-azzjonijiet bl-ogħla ko-benefiċċji. Il-kontribut mix-xogħol tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika dwar it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità għandu jmur dritt għan-negozjati tal-UNFCCC.

- Ir-riżultati tal-isforzi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għandhom jiġu vvalutati, immonitorjati u meqjusa fuq livell nazzjonali, b’verifika indipendenti ta’ dan it-tnaqqis.

- L-appoġġ finanzjarju għall-azzjoni minn pajjiż kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti għandha tkun ibbażata fuq il-prestazzjoni u pprovduta abbażi ta’ riżultati verifikati.

- Għandha teħtieġ li jkun hemm imwaqqfa strutturi għall-governanza tal-foresti, u li d-drittijiet tan-nies li jiddependu mill-foresti jiġu osservati.

- Il-prinċipju tar-responsabbilltajiet komuni iżda differenzjati għandhom jitqiesu meta jkunu qed jitfasslu l-istrumenti ta’ appoġġ finanzjarju taħt dan il-Mekkaniżmu.

5.2. Il-perspettiva għaż-żmien fit-tul l-ittestjar tal-inklużjoni tad-deforestazzjoni fis-swieq tal-karbonju

Il-finanzjament pubbliku huwa l-aktar mod xieraq biex jitmexxew ‘il quddiem għadd ta’ attivitajiet essenzjali – partikolarment il-bini tal-kapċità, l-appoġġ tekniku għall-governanza tal-foresti, u l-iżvilupp tal-għarfien tekniku meħtieġa sabiex l-impenji jiġu mmonitorjati u infurzati. Il-finanzjament pubbliku huwa wkoll l-aktar għodda realistika li biha jistgħu jingħataw inċentivi għall-ġlieda kontra d-deforestazzjoni tul il-perjodu mill-2013 sal-2020. Madankollu, mhuwiex l-uniku mekkaniżmu li jista’ jiġi previst li jista’ jagħti dawn l-inċentivi, u l-UE trid tkun ukoll lesta tesplora l-kontribut possibbli ta' approċċi lejn is-suq li jkunu mfasslin tajjeb.

Bejn l-2008 u l-2012, jiġu rikonoxxuti attivitajiet ta’ afforestazzjoni u riforestazzjoni, soġġetti għal limiti kwantitattivi stretti, għall-konformità governattiva u jistgħu jiġġeneraw krediti fil-Mekkaniżmu tal-Iżvilupp Nadif (CDA). Dan l-għarfien, fi ħdan il-limiti kurrenti, għandu jitkompla wara l-2012. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tittestja r-rikonoxximent tal-krediti għad-deforestazzjoni għall- konformità governattiva. Ċerti pre-kundizzjonijiet ikollhom jintlaħqu qabel ma kwalunkwe inklużjoni tal-foresti fis-swieq tal-karbonju tiġi meqjusa bħala għażla realistika.

1. Ikun hemm bżonn ftehim internazzjonali b’impenji ambizzjużi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fuq iż-żmien mezzan. Dan ikun meħtieġ sabiex tiġi ġġenerata domanda għolja biżżejjed għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, sabiex il-pajjiżi żviluppati jnaqqsu effettivament l-emissjonijiet tagħhom minflok jagħmlu tajjeb għalihom bil-krediti tal-karbonju.

2. Bħal fil-każ tal-proġetti ta’ afforestazzjoni u riforestazzjoni, l-impatt addizzjonali tad-deforestazzjoni mnaqqsa fuq l-emissjonijiet tal-karbonju jkollha tiġi mmonitorjata sew u tkun verifikata indipendentament.

3. Il-permanenza tal-krediti tal-forestrija, u r-responsabbiltà, huma kwistjonijiet li jkollhom jiġu solvuti. Għal dawn ir-raġunijiet, mekkaniżmu ġdid tas-suq settorjali huwa meħtieġ sabiex jiġu evitati problemi ta’ tnixxija u biex jiġi żgurat benefiċċju f'termini ta' deforestazzjoni netta.

L-inklużjoni tal-krediti tal-forestrija fl-EU ETS għandha titqies biss wara stħarriġ bir-reqqa tal-esperjenza bl-użu tal-krediti għad-deforestazzjoni għall- konformità governattiva u għall-perjodu wara l-2020.

Id-dipendenza sħiħa fuq il-valur tal-karbonju tiffoka biss fuq is-servizzi tal-foresta bħall-ħażniet tal-karbonju, filwaqt li ma tippremjax servizzi importanti oħra li jipprovdu l-ekosistemi tal-foresta u li l-valur tagħhom jaf ikun bil-wisq ogħla. Din hija kwistjoni li se jkollha wkoll tiġi solvuta.

6. AZZJONIJIET TA’ TĦEJJIJA

Biex Mekkaniżmu Globali tal-Karbonju tal-Foresti jkun operattiv fl-2013, u sabiex tiġi ttestjata l-fattibbiltà tal-inklużjoni tal-foresti fis-swieq tal-karbonju, huwa meħtieġ xogħol ta' tħejjija. Għadd ta’ donaturi huma diġà attivi f’dan il-qasam. Jekk sejrin attivament ikunu minn ta' quddiem fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni, l-UE għandha tkun lesta tieħu r-riedni f'idejha f'għadd ta’ qosma. Dan jinkludi l-appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-bini tal-kapaċità, it-tisħiħ tal-governanza tal-foresti u l-għeluq tal-ħofor fl-għarfien. Inizjattivi li ġew varati dan l-aħħar, bħall-programm UN REDD[18], jistgħu jiġu appoġġati mil-UE. L-Alleanza Globali dwar it-Tibdil tal-Klima tipprovdi wkoll qafas xieraq sabiex jinġieb ‘il quddiem id-djalogu dwar id-deforestazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u sabiex jiġu inkwadrati l-azzjonijiet ta’ segwitu biex jittieħdu azzjonijiet kollettivi fl-isfida tad-deforestazzjoni.

Il-politika effettiva tiddependi minn informazzjoni ta’ kwalità għolja u sistemi ta’ monitoraġġ. B’mod partikolari, il-monitoraġġ tad-degradazzjoni tal-foresti se jeħtieġ sew sforzi apposta sew definizzjonijiet u kriterji maqbula. Il-monitoraġġ għandu jiġi affrontat b’mod konservattiv sabiex jiġi żgurat li l-inċertezzi ma jirriżultawx fi tnaqqisiet tal-emissjonijiet li jiġu sovrastmati.

L-iżviluppi fis-software tad-dejta, is-satellita u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni ġabu l-għodda għall-monitoraġġ tal-foresti irħas u aktar aċessibbli. Madankollu, ċerti lakuni li baqgħu jridu jiġu indirizzati urġentament. Il-kapaċità fi ħdan il-pajjiżi trid tiġi żviluppata sabiex jiġi stabbilit monitoraġġ nazzjonali u sistemi ta' verifika ta' kwalità għolja sabiex jitkejjel il-progress u tiġi assigurata l-konformità. It-tegħlib ta’ din l-isfida jista’ jasal billi wieħed jitgħallem minn inizjattivi u metodoloġiji tal-UE li huma diġà implimetati miċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka jew programmi oħra – bħal Kopernikus, is-Sistema tas-Sistemi tal-Osservazzjoni Globali tad-Dinja, u l-Osservazzjonijiet tad-Dinamiċi tal-Foresti u tal-Kopertura tal-Art. Inizjattivi reġjonali bħall- Observatoire des Forêts d ’ Afrique Centrale għandhom ukoll jiġu promossi u implimentati f’reġjuni tropikali oħra.

Sabiex il-proċess jitmexxa ‘l quddiem, il-Kummissjoni biħsiebha torganizza konferenza għal qabel Kopenħagen li se tipprovdi forum għad-diskussjoni tal-proposti tal-Kummissjoni, kif ukoll timpenja lill-partijiet ikkonċernati l-ewlenin u tiżviluppa miżuri xierqa ta’ segwitu.

[1] http://unfccc.int/files/meetings/cop_13/application/pdf/cp_bali_action.pdf

[2] Il-Brażil, l-Indoneżja, is-Sudan, Myanmar, iż-Żambja, ir-Repubblika Magħquda tat-Tanżanija, in-Niġerja, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, iż-Żimbabwe, il-Venezwela.

[3] Madwar nofs l-ispeċijiet dinjija tal-pjanti u l-amminali jinsabu fil-foresti tropikali, li bosta minnhom huma mhedda bl-estinzjoni..

[4] Il-FAO tiddefiniha bħala "it-tnaqqis għaż-żmien fit-tul tal-provvista kumplessiva tal-benefiċċji mill-foresta, li jinkludu l-karbonju, l-injam, il-bijodiversità u oġġetti u servizzi oħra".

[5] Aktar informazzjoni tinsab fil-Valutazzjoni tal-Impatt.

[6] Ibidem, nota tal-qiegħ 4.

[7] Stimi tal-IPPC għad-Disgħinijiet.

[8] UNCBD COP 9 ħoloq Grupp Tekniku Ad Hoc (AHTEG) dwar il-Bijodiversità u t-Tibdil fil-Klima sabiex jipprovdi informazzjoni rilevanti dwar il-bijodiversità lill-proċessi tal-UNFCCC.

[9] minbarra l-polpa u l-karta.

[10] Il-prodotti kollha tal-injam minbarra l-polpa u l-karta.

[11] Inklużi importazzjonijiet minn pajjiżi mhux tropikali. COMTRADE, 2007; Turner et al., 2007.

[12] Issa jismu Kopernikus, http://ec.europa.eu/kopernikus/index_en.htm

[13] COM(2008) 19.

[14] Dokument ta' Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni SEC(2008) 434.

[15] Il-paragrafu 5.2.2 tal-Valutazzjoni tal-Impatt.

[16] Aktar ‘l isfel, il-krediti tad-"deforestazzjoni evitata" se jissejħu "krediti tad-deforestazzjoni".

[17] COM(2008) 16.

[18] Inizjattiva konġunta mill-FAO, l-UNEO u l-UNDP għall-appoġġ tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fit-tħejjija għall-mekkaniżmu ġejieni REDD.