52008DC0629

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar is-segwitu għad-Deċiżjonijiet ta' Rilaxx tal-2006 (Taqsira) - Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew abbozzati skont l-Artikolu 276(3) tat-Trattat tal-KE u Artikolu 180b tat-Trattat tal-Euratom, Artikolu 147 tar-Regolament Finanzjarju. Artikolu 119(5) tar-Regolament Finanzjarju tal-EDF u dispożizzjonijiet simili fir-Regolament Finanzjarju EDF preċedenti {SEC(2008)2579} /* KUMM/2008/0629 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.10.2008

KUMM(2008) 629 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-segwitu għad-Deċiżjonijiet ta' Rilaxx tal-2006 (Taqsira) - Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew abbozzati skont l-Artikolu 276(3) tat-Trattat tal-KE u Artikolu 180b tat-Trattat tal-Euratom, Artikolu 147 tar-Regolament Finanzjarju. Artikolu 119(5) tar-Regolament Finanzjarju tal-EDF u dispożizzjonijiet simili fir-Regolament Finanzjarju EDF preċedenti {SEC(2008)2579}

WERREJ

PREAMBOLU 3

I - IT-TWEĠIBIET TAL-KUMMISSJONI GĦAR-RAKKOMANDAZZJONIJIET LI SARU MILL-PARLAMENT EWROPEW FIR-RIŻOLUZZJONI TA' RILAXX TAL-BAĠIT ĠENERALI 4

a) Kwistjonijiet orizzontali 4

b) Kwistjonijiet settorjali 7

c) Rapporti Speċjali mill-Qorti tal-Awdituri 10

II – IR-RILAXX TAL-EDF MILL-PE 11

III – Rakkomandazzjonijiet fir-riżoluzzjonijiet li jikkonċernaw aġenziji individwali u l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja 11

PREAMBOLU

Minħabba l-limitazzjonijiet ta’ traduzzjoni u ta' żmien, ir-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu tar-rilaxx tal-Parlament Ewropew (PE) għas-sena finanzjarja 2006[1] qed jiġi ppubblikat fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE f'din l-għamla mqassra. It-tweġibiet sħaħ tal-Kummissjoni għal kull rakkomandazzjoni speċifika mill-Parlament jinsabu f’dokument ta’ ħidma[2] tal-Kummissjoni li huwa ppubblikat bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż. Dawn iż-żewġ rapporti ta’ segwitu huma marbuta mar-Riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament Ewropew fit-22 ta’ April 2008.

Kull kapitolu[3] ta’ dan ir-rapport fil-qosor jinkludi kontroreferenzi għan-numri ta’ rakkomandazzjoni relevanti fid-dokument ta’ ħidma sħiħ tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq. Dawn ir-referenzi se jgħinu lill-qarrejja sabiex fid-dokument ta’ ħidma jsibu r-rakkomandazzjonijiet kollha (u l-azzjoni ppjanata jew diġà meħuda mill-Kummissjoni) relatati ma’ kapitolu partikolari jew li jkunu ta’ interess partikolari għalihom.

Fid-deċiżjonijiet ta' rilaxx tal-baġit ġenerali, l-EDF u l-aġenziji, il-Kummissjoni identifikat total ta’ 208 rakkomandazzjoni magħmula mill-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra li diġà ttieħdet l-azzjoni meħtieġa dwar 100 rakkomandazzjoni, għalkemm f’xi wħud mill-każi hemm il-ħtieġa li jiġu eżaminati r-riżultati tal-azzjonijiet. Għal 99 rakkomandazzjoni oħra l-Kummissjoni taqbel li tieħu l-azzjoni rrakkomandata mill-Parlament. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta 9 rakkomandazzjonijiet u għalhekk mhix se tieħu l-azzjoni mitluba[4].

I - IT-TWEĠIBIET TAL-KUMMISSJONI GĦAR-RAKKOMANDAZZJONIJIET LI SARU MILL-PARLAMENT EWROPEW FIR-RIŻOLUZZJONI TA' RILAXX TAL-BAĠIT ĠENERALI

Din li ġejja hija ġabra fil-qosor tat-tweġibiet tal-Kummissjoni għat-talbiet speċifiċi magħmula mill-Parlament fir-Riżoluzzonijiet tiegħu ta’ Rilaxx tal-2006. Il-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dikjarazzjonijiet nazzjonali tal-ġestjoni, Fondi Strutturali u azzjonijiet esterni mqajma mill-Parlament Ewropew fil-konklużjinijiet ewlenin tiegħu huma indirizzati hawn taħt fil-punti rispettivi.

A) KWISTJONIJIET ORIZZONTALI

Dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni (Dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni, punti 14-17)

Il-Kummissjoni kompliet ittejjeb il-prattiki tagħha tal-kontabbiltà permezz ta’ sforzi bħall-Proġett tal-Kwalità tal-Kontabbiltà, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tal-cut-off. Fit-30 ta’ April 2008 il-Kummissjoni pprovdiet lill-COCOBU bir-rapport rikjest dwar il-prefinanzjament kif kien sal-31 ta’ Diċembru 2007.

Huma meħtieġa iktar sforzi biex jiġu riżolti numru ta' nuqqasijiet fis-sistemi ta’ superviżjoni u ta’ kontroll, partikolarment dawk enfasizzati fir-riżervi tal-uffiċjali ta' awtorizzazzjoni b'delega, u dawk li jappartjenu għall-oqsma tal-baġit li ma kinux ikkunsidrati bħala sodisfaċenti mill-Qorti tal-Awdituri. Il-Kummissjoni se tieħu azzjoni enerġika biex tindirizza l-kawżi tar-riżervi fir-Rapporti ta’ Attività Annwali tal-2007 u se tissorvelja mill-qrib il-progress.

Ġestjoni tal-Baġit (dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni, punti 18-19)

Il-Kummissjoni qed taġixxi biex tiżgura proċedura effettiva tal-istralċ li tikkonċerna l-perjodu tal-programm 2000-2006 għall-Fondi Strutturali, permezz ta’ verifiki ta’ korpi tal-istralċ, tqajjem kuxjenza dwar il-linji gwida dwar l-għeluq, maħruġa fl-2006, u tiffinalizza l-proċeduri interni. Wara l-għeluq, il-Kummissjoni se twettaq awditjar biex tivverifika l-livell tal-iżbalji residwi, u jekk ikun meħtieġ tapplika korrezzjonijiet finanzjarji ulterjuri.

Il-ħlasijiet mill-Fondi Strutturali lill-Istati Membri tal-UE-10 fl-2007 laħqu lil dawk fil-pajjiżi tal-UE-15 fil-punt korrispondenti fiċ-ċiklu tal-programm. Il-ħlasijiet mill-Fond ta’ Koeżjoni fl-2007 kienu għandhom xi ftit ’l isfel mit-tbassir f'ċerti Stati Membri, u fl-aħħar tal-2007 l-impenji pendenti b'mod ġenerali baqgħu sa madwar tliet snin ta' ħlasijiet. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-proġetti tal-Fond ta’ Koeżjoni jistgħu jibqgħu jonfqu sal-aħħar tal-2010.

Dikjarazzjonijiet nazzjonali dwar il-ġesjoni u punt 44 ta’ IIA (Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni, punti 1-3 u 20-22)

Skont Azzjoni 8 tal-Pjan ta’ Azzjoni tagħha lejn qafas integrat ta’ kontroll, il-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri li jiddeċiedu li joħorġu dikjarazzjoni nazzjonali fuq bażi volontarja permezz tal-proviżjoni tar-rapporti finanzjarji mis-sistema tagħha ta' kontabbiltà u billi tirrispondi għal talbiet ta' informazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali, għalkemm m'hemm l-ebda obbligu legali li tagħmel hekk.

Fil-Ftehim Inter-Istituzzjonali (paragrafu 44), it-tliet istituzzjonijiet qablu li l-Istati Membri għandhom ikunu mitluba li jipproduċu sommarji annwali ta' verifiki u dikjarazzjonijiet disponibbli. Din id-dispożizzjoni kienet inkluża fir-Regolament Finanzjarju rivedut u s-sommarji kellhom jaslu għall-ewwel darba fi Frar tal-2008. Il-Kummissjoni qed tixħet l-attenzjoni tagħha fuq l-implimentazzjoni rigoruża tad-dispożizzjonijiet għas-“sommarji annwali”. B’mod ġenerali dak li ħareġ mill-ewwel rawnd tas-sommarji annwali kien pożittiv u l-Kummissjoni tikkunsidra dan bħala suċċess li tista’ tibni fuqu. Is-sottomissjoni formali tas-sommarji minn korp ċentrali jssaħħaħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-użu tagħhom tal-fondi. Is-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni se jipprovdu segwitu u gwida lill-Istati Membri mmirati biex itejbu l-kwalità tas-sommarji fir-rawnd li jmiss u jsaħħu l-kontribuzzjoni tagħhom lejn il-qafas tal-kontroll intern għall-programmi Komunitarji.

Governanza (Dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni, punti 23-29)

Il-mudell ta' governanza tal-Kummissjoni[5] jirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 211-219 u 274 tat-Trattat u dawk tar-Regolament Finanzjarju adottati unanimament mill-Istati Membri fil-Kunsill wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew (Artikolu tat-Trattat tal-KE 279) u bi qbil skont id-Dikjarazzjoni Kunġunta tal-1975 dwar atti b’implikazzjonijiet finanzjarji importanti. Id-Diretturi Ġenerali u l-Kapijiet tas-Servizz huma assenjati responsabbiltajiet ta' ġestjoni ta’ riżorsi li kull wieħed huwa allokat mill-awtorità baġetarja. Kull wieħed jipprepara rapport tal-aħħar tas-sena u dikjarazzjoni li fiha jagħti assigurazzjoni dwar l–użu tar-riżorsi, b'riżervi jekk ikun meħtieġ (rapport ta’ attività annwali u dikjarazzjoni).

Il-Kummissjoni bħala kulleġġ tassumi "responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-baġit skont it-Trattat” (Artikolu 274) meta tadotta r-Rapport ta’ Sinteżi dwar il-kisbiet tal-maniġment tal-Kummissjoni, u tikkunsidra wkoll ir-rapport annwali dwar il-kisbiet politiċi (Artikolu 212). Hija teżerċita r-responsabbiltà politika tagħha billi tanalizzza r-rapporti ta’ attività annwali tas-servizzi u d-dikjarazzjonijiet tagħhom u billi tadotta pożizzjoni dwar kwistjonijiet orizzontali ewlenin, inklużi azzjonijiet xierqa li jitolbu rimedju fl-livell ta' Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li ż-żieda ta’ aktar dikjarazzjonijiet formali tas-Segretarju Ġenerali jew id-Direttur Ġenerali tal-Baġit tagħmel il-linji tar-responsabbiltà anqas ċari għaliex iċċajpar ir-responsabbiltajiet tad-Diretturi Ġenerali u twassal għal interferenza potenzjali bejn is-servizzi ċentrali u s-servizzi operattivi.

Il-Karta tal-IAS adottata mill-Kummissjoni fl-24 ta’ Jannar 2008 tispeċifika li mhux aktar tard mill-2009 l-IAS għandu joħroġ b'opinjoni dwar l-istat ta' kontroll fil-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha intwizzjoni fuq il-fondi li l-ġestjoni tagħhom hija maqsuma mal-Istati Membri. L-arkitettura ta’ governanza hija ċara dwar il-qsim tar-responsabbiltajiet: l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-fondi jkunu użati skont ir-regoli applikabbli, inkluż it-twaqqif ta' mekkaniżmu effiċjenti ta' kontroll. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja s-sitema kollha u tivverifika li l-Istati Membri qed iwettqu l-ħidmiet fdati lilhom b’mod korrett. Meta tikkonkludi li dan ma jkunx il-każ, għandha tuża l-mekkaniżmi disponibbli biex tissospendi l-ħlasijiet u tapplika korrezzjonijiet finanzjarji. Il-Kummissjoni qed twettaq l-iċċekkjar fejn hu meħtieġ u tieħu l-miżuri xierqa sabiex tkun tista' tassumi r-responsabbiltà sħiħa għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE. Madankollu hemm oqsma li fihom jista' jsir titjib, kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Mmebri. Fi Frar tal-2008, il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni mmirat biex isaħħaħ iżjed ir-rwol tagħha ta’ superviżjoni skont ġestjoni maqsuma ta’ azzjonijiet strutturali (COM(2008) 97), ara hawn isfel taħt Miżuri strutturali.

Is-sistema ta' kontroll intern tal-Kummissjoni (Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni, punti 30-33)

Fi Frar tal-2008 il-Kummissjoni prreżentat rapport ta’ progress dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni lejn qafas integrat ta' kontroll intern (COM(2008) 110) u kkonkludiet li l-biċċa l-kbira tal-“ispazji vojta” intlew. Ix-xogħol se jitlesta fl-2008 u r-rapport tal-ewwel impatt se joħroġ kmieni fl-2009.

Il-Kummissjoni qed tagħlaq il-valutazzjoni tal-ispejjeż tal-kontroll fil-qasam tal-agrikoltura, l-ERDF u l-ġestjoni ċentralizzata diretta. Ir-riżultati se jiffurmaw il-bażi ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni fil-ħarifa tal-2008 li se tkun immirata lejn it-tnedija mill-ġdid tad-diskussjoni interistituzzjonali dwar ir-riskju tollerabbli.

Rapport ta’ Sinteżi (Dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni, punti 34-36)

Ir-Rapport ta’ Sinteżi jirrifletti l-każijiet kollha fejn kien hemm il-kwalifiki għall-assigurazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq tal-Kummissjoni: il-Kummissjoni tat struzzjonijiet lis-servizzi tagħha biex jieħdu azzjoni enerġika biex jindirizzaw il-kawżi ta’ riżervi fir-Rapporti ta’ Attività Annwali tal-2007 u d-Direttorati Ġenerali kkonċernati huma mpenjati biex jitrattaw dawn in-nuqqasijiet permezz ta’ pjanijiet ta’ azzjoni ddetaljati b’mod ċar. Hi tirrikjedi li fil-każijiet kollha fejn ikun hemm differenza bejn l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea u dik tad-Direttur-Ġenerali, dan tal-aħħar ikollu jispjegaha fir-Rapport ta’ Attività Annwali tiegħu tas-sena ta' wara.

Wara l-verifika tal-IAS fuq ir-Rapporti ta’ Attività Annwali, l-istruzzjonijiet permanenti għat-tħejjija tar-rapporti ta’ attività annwali għas-sena 2007 jirrikjedu l-iżvelar tad-dewmien fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni u jistipulaw li l-kwistjonijiet ewlenin imqajma mis-Servizz Intern tal-Verifika jiġu kkunsidrati bħala kriterju kwalitattiv għar-riżervi tal-evalwazzjoni.

Responsabbiltà politika u responsabbiltà amministrattiva fil-Kummissjoni (Dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni, punti 37-42)

Il-Kummissjoni tinnota li sar progress ġenerali fil-preżentazzjoni tar-Rapporti ta’ Attività Annwali. Fl-2007 ġew introdotti mudelli ta' kontroll intern, li ppermettew aktar kumparabbiltà bejn is-servizzi tar-Rapporti ta’ Attività Annwali. L-istruzzjonijiet permanenti għar-Rapporti ta’ Attività Annwali stabbilixxew ukoll ir-regoli u l-kriterji għall-ħruġ tar-riżervi u jirrikjedu mis-servizzi tal-Kummissjoni li jirrappurtaw dwar rakkomandazzjonijiet ewlenin li jsiru mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Għall-eżerċizzju tal-2008 tar-Rapporti ta’ Attività Annwali l-Kummissjoni se tipprovdi gwida ulterjuri dwar it-trattament tar-riskji għar-reputazzjoni u dwar ir-rabta bejn ir-rati tal-iżbalji, il-materjalità u r-riżervi.

Il-Kummissjoni tilqa’ tajjeb ir-reazzjoni pożittiva tal-Parlament Ewropew għas-suġġeriment tagħha li tikkunsidra approċċ komuni għar-reġistrazzjoni tal-lobbyists. Ittieħdet ukoll azzjoni biex titjieb l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-finanzjament tal-UE u l-membri tal-gruppi ta' esperti.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kodiċi ta’ kondotta eżistenti għall-Membri tal-Kummissjoni fihom diġà regoli komprensivi u xierqa dwar ir-responsabbiltà u l-etika. Il-persunal tal-Membri tal-Kummissjoni huma rreklutati skont ir-Regolamenti tal-Persunal.

Fir-rigward tar-regoli tal-etika, studju indipendenti[6] kkonkluda li s-sistema tal-Kummissjoni Ewropea hi f’saħħitha, u li r-regoli u proċeduri meħtieġa huma f’posthom.

B) KWISTJONIJIET SETTORJALI

Dħul (Dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni, punt 43)

Ir-riżervi fuq oġġetti fid-dikjarazzjonijiet annwali tal-VAT tal-Istati Membri jiddaħħlu mill-Kummissjoni fir-rapporti ta' kontroll tagħha. Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tiżgura li r-riżervi jitneħħew f'perjodi ta' żmien raġonevoli. Il-Kummissjoni, fejn ikun meħtieġ, se tagħmel żjajjar ta’ ġestjoni ddisinjati biex ifasslu - flimkien mal-Istat Membru kkonċernat - strateġiji xierqa biex jissolvew riżervi li ilhom żmien twil pendenti. Fejn ma jistax jintwera progress dwar it-tneħħija tar-riżervi, il-Kummissjoni se tikkunsidra jekk ikunx ta’ benefiċċju li tibda l-proċedimenti ta’ infrazzjoni.

Il-Politika Agrikola Komuni (Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni, punti 44-54)

Bħall-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni tilqa’ tajjeb il-fatt li l-Qorti sabet titjib ġenerali fil-ġestjoni tan-nefqa tal-PAK fl-2006. Il-Kummissjoni qed tkompli permezz tal-verifiki tagħha tissorvelja l-applikazzjoni korretta u sħiħa tal-għodda tal-IACS. F’każ ta’ defiċjenzi, il-Kummissjoni timponi korrezzjonijiet finanzjarji. Fl-2008, huma ppjanati sitt missjonijiet ta’ verifika fuq l-IACS fl-Istati Membri ġodda. Is-sitwazzjoni tal-IACS fil-Greċja hija suġġetta għal riżerva fir-Rapport ta’ Attività Annwali tad-DĠ AGRI u qed tiġi indirizzata permezz ta' pjan ta' azzjoni mill-awtoritajiet Griegi. Dan qed jiġi segwit mill-qrib mill-Kummissjoni.

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-eliġġibiltà għall-miżuri agri-ambjentali fl-iżvilupp rurali, L-istati Membri issa huma obbligati li jiżugraw li l-miżuri kollha tal-iżvilupp rurali, inklużi l-miżuri agri-ambjentali, huma verifikabbli u kontrollabbli u li arranġamenti ta' kontroll fil-livell tal-Istati Membri jipprovdu assigurazzjoni raġonevoli li jkunu rrispettati l-kriterji tal-eliġġibiltà u impenji oħra. Il-kwistjoni tqajmet ukoll fil-kuntest tal-ipprogrammar tal-iżvilupp rurali għall-perjodu 2007-2013.

Bħala parti mill- "Verifika tas-Saħħa" tal-PAK il-Kummissjoni ppreżentat proposti legali sabiex tipprevjeni għajnuna tad-dħul agrikolu milli tiġi allokata lil kumpaniji u ditti li l-għan tan-negozju tagħhom m’huwiex jew huwa biss marġinalment immirat li jeżerċita attività agrikola. Skont dan ir-regolament, jekk ikun adottat, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtuhomx ħlasijiet diretti.

Miżuri strutturali, impjiegi u affarijiet soċjali (dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni, punti 4-11 u 55-79)

Fi Frar tal-2008, il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni mmirat biex isaħħaħ iżjed ir-rwol tagħha ta’ superviżjoni skont ġestjoni maqsuma ta’ azzjonijiet strutturali (COM(2008) 97). Il-Kummissjoni qed tipprovdi lill-Parlament Ewropew b'rapporti kull tliet xhur dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni, li jinkludu l-informazzjoni dwar il-korrezzjonijiet u l-irkupri imposti mill-Kummissjoni. L-ewwel żewġ rapporti ta’ kull tliet xhur ġew ippreżentati lill-Kumitat dwar il-Kontroll Baġetarju mis-Sur Špidla u s-Sinjura Hübner fit-2 ta’ Ġunju 2008 u l-15 ta’ Lulju 2008. Il-Kummissjoni se tipprovdi rapport ta' progress interim dwar il-Pjan ta' Azzjoni f'Ottubru tal-2008 u rapport finali f'Jannar 2009.

Is-segwitu tas-sejbiet tal-iżbalji tal-Qorti kien inkorporat fil-Pjan ta’ Azzjoni. B’konformità mal-linji gwida tagħha dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji għall-irregolaritajiet fil-kuntratti pubbliċi, il-Kummissjoni se tagħmel korrezzjonijiet ta’ 100% għal ksur serju tar-regoli tal-kuntratti pubbliċi, bħan-nuqqas li jiġu mxandra l-kuntratti suġġetti għall-ħruġ mandatorju ta’ offeti madwar l-UE, u fejn ikun ġustifikat se tapplika korrezzjonijiet b'rati fissi jew estrapolati. Il-Kummissjoni ħadet passi biex tħaffef il-proċedura li twassal għal deċiżjonijiet li jissospendu l-ħlasijiet u li japplikaw korrezzjonijiet finanzjarji. Spjegat ukoll it-terminoloġija użata fil-qasam tal-korrezzjonijiet finanzjarji u standardizzat ir-rapportaġġ tagħha kif jixraq.

Il-leġiżlazzjoni kemm għall-perjodu ta’ programmi tal-2000-2006 u dak tal-2007-2013 jippermetti lill-Istati Membri taħt certi kundizzjonijiet biex jerġgħu jużaw finanzjament tal-UE rilaxxat minn proġetti li minnhom ittieħed għal infiq eliġibbli ieħor. Tnaqqis nett ta’ finanzjament tal-UE ta’ programm jew proġett tal-Fond ta’ Koeżjoni jseħħ biss meta l-korrezzjoni hija imposta permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni jew meta m’hemmx nefqa disponibbli li tiġi sostitwita, pereżempju fl-għeluq jew wara għeluq parzjali tal-programmi 2007-2013. Il-Kummissjoni tikkunsidra li anke korrezzjonijiet finanzjarji li ma jinvolvux tnaqqis nett fil-finanzjament tal-UE ma jistgħux jintużaw bħala inċentiv biex jitjiebu l-kontrolli, meta wieħed jara l-impatt fuq il-baġit nazzjonali.

Il-Kummissjoni infurmat lill-Parlament bir-riżultati tal-bidu tas-sottomissjoni tas-sommarji annwali fit-22 ta’ Frar 2008 u pprovdiet analiżi dettaljata fil-25 ta’ Marzu u fir-Rapporti ta’ Attività Annwali tad-Direttorati Ġenerali għall-Politika Reġjonali u l-Impjiegi. Il-Kummissjoni pprovdiet lill-Parlament b’aġġornament ulterjuri fil-21 ta’ April, u fil-laqgħa tal-Kumitat tal-Kontroll Baġetarju fil-15 ta’ Lulju infurmat lill-Parlament bil-proċedimenti tal-infrazzjoni li kienu qed jitressqu kontra l-Ġermanja.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li fattur ewlieni tas-sommarji annwali, li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kontabbiltà tal-Istat Membru għall-użu tiegħu tal-fondi tal-UE, huwa s-sottomissjoni formali tagħhom permezz ta’ korp ċentrali. Il-Kummissjoni se tippreżenta nota ta’ gwida rriveduta lill-Istati Membri b’rakkomandazzjonijiet biex titjieb il-kwalità tas-sommarji annwali tagħhom għall-2008.

Politiki Interni, inkluża r-riċerka (dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni, punti 80-100)

Ir-riskju prinċipali għal-legalità u r-regolarità tan-nefqa fuq ir-riċerka huwa li l-benefiċjarji jiddikjaraw iżżejjed fir-rendikonti tal-ispejjeż tagħhom, u li sussegwentement il-Kummissjoni ma tintebaħx b'dan u dan ma tikkoreġihx. Bosta żbalji li jaffettwaw il-legalità u regolarità jistgħu jinstabu biss (u għalhekk jiġu kkoreġuti) billi jitwettqu kontrolli fuq il-post. Biex tindirizza din il-problema, il-Kummissjoni biddlet il-punt fokali tal-istrateġija ta' kontroll tagħha lejn is-sejba u l-korrezzjoni tal-iżbalji eks-post, wara li l-ħlas ikun sar. Id-DĠs tar-Riċerka implimentaw l-istrateġija tal-verifika tagħhom tal-FP6 li tikkonsisti f’żieda fin-numru ta’ verifiki, strateġija ġdida ta’ għażla ta’ kampjuni u l-korrezzjoni ta’ żbalji sistematiċi jekk dawn kienu rrepetuti mill-istess benefiċjarju f’kuntratti oħra li ma kinux ivverifikati. L-istrateġija tal-verifika qed tiġi implimentata fuq perjodu ta’ ebra’ snin. Minħabba n-natura multi-annwali tagħha, l-effettività tal-istrateġija ta’ kontroll tad-DĠ tar-Riċerka tista' titkejjel sħiħa u tiġi evalwata biss fl-istadji finali tal-ħajja ta' programm ta' qafas.

Fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura, il-Kummissjoni qed timplimenta strateġija ta’ superviżjoni riveduta bbażata fuq l-approċċ “qafas ta’ kontroll integrat”. Din tinkludi dikjarazzjonijiet eks-ante ta’ assigurazzjoni għall-perjodu 2007-2013 maħruġa mill-Awtoritajiet Nazzjonali u dikjarazzjonijiet eks-post ta’ assigurazzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-użu ta’ fondi matul is-sena preċedenti. Is-segwitu ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ verifiki tas-sistemi kien inkorporat fil-proċess ta’ evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet eks-ante ta’ assigurazzjoni tal-2007-2013 maħruġ mill-Awtoritajiet Nazzjonali u huwa ssorveljat kontinwament. Aktar minn hekk, ir-regoli għall-programmi ġodda 2007-2013 fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura kienu ssimplifikati u l-aktar li qed jintużaw huma arraġmenti ta’ finanzjament permezz ta' somom ta' flus u rati fissi.

Il-Kummissjoni għadha qed tieħu miżuri xierqa biex tikkonforma mar-rakkomandazzjoni u t-talba tal-Parlament Ewropew relatata ma’ ħlasijiet tard lill-benefiċjarji u għaldaqstant biex tikkonforma mal-limiti ta' żmien għall-operazzjonijiet ta’ infiq stipulati fir-Regolament Finanzjarju. L-isforzi setgħu żiedu l-persentaġġ tal-ħlasijiet li saru fil-ħin. Il-kwistjoni hija ssorveljata mill-qrib u qed tingħata l-ikbar attenzjoni biex jiġi żgurat aktar titjib.

Ir-risposti ddettaljati tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-oqsma speċifiċi tal-politika taħt il-politiki interni jistgħu jinstabu fid-dokument ta' ħidma anness.

Azzjonijiet esterni (dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni, punti 12-13 u 101-118)

Biex iżżomm mal-impenji li saru waqt il-proċedura ta’ rilaxx tal-2006, il-Kummissjoni se tipprovdi kull sena u hekk kif jitlobha l-Parlament, informazzjoni dwar fondi ta’ fiduċja minn bosta donaturi. Għall-Iraq u l-Afganistan, il-Kummissjoni tipprovdi qagħda attwali perjodika u websajts speċifiċi huma disponibbli u se jiġu aġġornati regolarment. Il-Linji Gwida Konġunti dwar il-Viżibbiltà kienu approvati u adottati matul il-laqgħa tal-ħames grupp ta’ ħidma tal-FAFA (10-11 t’April 2008). L-aċċess għar-rappreżentanti tal-UE biex iwettqu missjonijiet ta’ verifika għal proġetti taħt ġestjoni konġunta kien ikkonfermat. It-Termini ta’ Referenza Komuni għall-verifiki qed jiġu żviluppati mill-Kummissjoni u n-Nazzjonijiet Uniti, li għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-prestazzjoni ta’ tali missjonijiet ta’ verifika.

Il-Kummissjoni ħadet serje ta’ azzjonijiet immirati biex itejbu s-sistemi ddisinjati biex jiżguraw il-legalità u r-regolarità tan-nefqa fuq l-azzjonijiet esterni fil-livell tal-organizzazzjonijiet li jimplimentaw il-proġetti: Termini ta’ Referenza standard għall-verifiki tan-nefqa għal għotjiet u kuntratti ta’ servizz bi ħlas (mandatorji minn Frar tal-2006), Termini ta' Referenza ġodda għal verifiki finanzjarji u ta' sistemi (mandatorji minn Ottubru tal-2007), il-konsolidazzjoni annwali tar-riżultati tal-verifiki esterni f'rapport ta' sinteżi mmirat biex jidentifika tipoliġija tas-sejbiet u jidentifika azzjonijiet ta' korrezzjoni, l-iżvilupp tal-verifika tal-CRIS li mistennija ttejjeb ir-rappurtaġġ fuq ir-riżultati tal-verifiki.

Ir-riżoluzzjoni ta’ rilaxx tal-Parlament Ewropew tal-2006 tinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet f’oqsma bħal ta’ qabel l-adeżjoni, għajnuna umanitarja, politika ta’ żvilupp u relazzjonijiet esterni. Ir-risposti tal-Kummissjoni għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinstabu fid-dokument ta' ħidma anness taħt il-punti li jikkonċernaw l-azzjonijiet esterni u l-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp.

Nefqa amministrattiva u kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aġenziji (Dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni, punti 119-125 u 191-208)

Il-Parlament Ewropew għamel numru ta' rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-aġenziji regolatorji fir-riżoluzzjoni ta' rilaxx għall-baġit ġenerali kif ukoll fir-riżoluzzjonijiet ta' rilaxx għall-aġenziji individwali[7].

Fid-9.7.2008 il-Kummissjoni adottat ir-reviżjoni tal-qafas tar-Regolament Finazjarju[8], li jinkludi dispożizzjonijiet li jsaħħu l-obbligi tal-aġenziji li jissottomettu, fit-talbiet tagħhom għall-ħlas, previżjonijiet rigorużi tar-rekwiżiti reali tagġhom ta’ fondi matul is-sena sabiex jiġi evitat fluss ta’ flus bla bżonn. Dan jista’ jagħmilha possibbli għall-Kummissjoni li ssegwi aktar mill-qrib il-bilanċi tal-flus tal-aġenziji biex b’hekk twassal għal ippjanar aktar rigoruż u iżjed trasparenza.

Aktar minn hekk, se tiġi mnedija evalwazzjoni orizzontali fil-kuntest tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aġenziji Ewropej: it-triq ’il quddiem” ta’ Marzu 2008. L-evalwazzjoni se teżamina wkoll l-impatt tal-aġenziji fuq l-organizzazzjoni interna u l-attivitajiet tal-Kummissjoni. Il-grupp ta’ ħidma interistituzzjonali li l-Kummissjoni tipproponi li twaqqaf flimkien mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jikkontribwixxi fost l-oħrajn biex jiddefinixxi l-għanijiet u l-firxa ta' din l-evalwazzjoni orizzontali. Il-Kummissjoni fi ħsiebha tirrapporta dwar ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni sal-2009-2010.

Fir-rigward tal-politika dwar il-bini tal-komunità, kien ikkummissjonat studju fl-2007 minn kumpanija speċjalizata. L-istudju jipprovdi approċċ strutturat għax-xogħlijiet meħtieġa li jridu jsiru matul iż-żmien sabiex tiġi assigurata ġestjoni soda u effiċjenti tal-investimenti Komunitarji fil-proprjetà. It-tieni studju, dwar il-bini fl-użufrutt, se jkun imniedi lejn l-aħħar tal-2008/il-bidu tal-2009. Ir-riżultati ta’ dawn l-istudji se jintużaw biex jirfdu t-talbiet baġetarji f'dan il-qasam u se jkunu kkomunikati lill-kumitati kompetenti.

C) RAPPORTI SPEċJALI MILL-QORTI TAL-AWDITURI

Fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ rilaxx, il-Parlament Ewropew inkluda rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni b'rabta ma' seba' rapporti speċjalizzati ppubblikati mill-Qorti tal-Awdituri fl-2007. It-tweġibiet tal-Kummissjoni għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinstabu fid-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni (punti 126-175).

II – IR-RILAXX TAL-EDF MILL-PE

Il-Kummissjoni ħadet azzjoni jew bi ħsiebha tieħu azzjoni fuq ħafna mill-kwistjonijiet imqajma mill-Parlament dwar il-Fondi Ewropej tal-Iżvilupp (l-EDFs). Ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 EDF kien adottat fit-18 ta' Frar 2008 (OJ L 78, 19.3.2008, p.1). Artikolu 156 jipprovdi li l-maġġor parti tar-regoli tal-10 EDF japplikaw għall-EDFs preċedenti. Għalkemm, teknikament, ir-Regolamenti Finanzjarji preċedenti m’humiex abrogati u sostitwiti mir-Regolament Finanzjarju tal-10 EDF, fil-prattika r-riżultat se jkun l-istess. Ir-RF applikabbli għall-10 EDF għalhekk se jissimplifika bil-kbir il-ġestjoni tal-EDFs differenti, aktar u aktar minħabba l-fatt li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew allineati kemm jista’ jkun fuq ir-RF applikabbli għall-Baġit Ġenerali, minbarra għal dawk il-kwistjonijiet li żammew l-ispeċifiċità skont il-Ftehim rivedut ta’ Cotonou jew il-Ftehim Intern tal-Kunsill. Aktar informazzjoni dettaljata dwar ir-rakkomandazzjonijiet kollha hija inkluża fid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni (punti 176-190).

III – RAKKOMANDAZZJONIJIET FIR-RIżOLUZZJONIJIET LI JIKKONċERNAW AġENZIJI INDIVIDWALI U L-QORTI EWROPEA TAL-ĠUSTIZZJA

Il-Parlament Ewropew għamel numru ta' rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-aġenziji regolatorji fir-riżoluzzjoni ta' rilaxx għall-baġit ġenerali kif ukoll fir-riżoluzzjonijiet ta' rilaxx għall-aġenziji individwali. Sommarju tat-tweġibiet tal-Kummissjoni għal xi kwistjonijet orizzontali li jikkonċernaw l-aġenziji jinsab hawn fuq taħt il-baġit ġenerali. It-tweġibiet tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet orizzontali oħra u dwar rakkomandazzjonijiet indirizzati lilha dwar aġenziji individwali jinsabu fid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni (punti 119-125 u 191-208). Is-sezzjoni tinkludi wkoll it-tweġiba għal rakkomandazzjoni li saret fir-riżoluzzjoni ta' rilaxx dwar il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

* * *

[1] Rilaxx tal-Baġit Ġenerali 2006, Rilaxx tal-EDF 2006, Rilaxx tal-Aġenziji 2006.

[2] Dokument ta’ ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, l-Anness għar-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar is-segwitu għad-Deċiżjonijiet ta’ Rilaxx tal-2006.

[3] Kemm is-sommarju tar-rapport preżenti kif ukoll id-dokument sħiħ ta’ ħidma jsegwu mill-aktar qrib possibbli l-istruttura tar-riżoluzzjonijiet li jinkludu r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

[4] Ara rakkomandazzjonijiet 2, 25, 29, 39, 58, 63, 133, 151 u 202.

[5] L-Istqarrija tal-Kummissjoni dwar il-Governanza tiddeskrivi l-mod kif taħdem il-Kummissjoni u s-servizzi tagħha, u b’mod partikolari l-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà u tal-obbligu li jagħtu kont.

Ara http://ec.europa.eu/atwork/synthesis/doc/governance_statement_en.pdf

[6] Imwettaq mill-Istitut Ewropew għall-Amministrazzjoni Pubblika b’kooperazzjoni mal-Utrecht School of Governance, l-Università ta’ Ħelsinki u l-Università ta’ Vaasa, u maħruġ mill-Kummissjoni fil-11 ta’ Diċembru 2007.

[7] Ir-riżoluzzjoni ta’ rilaxx għall-baġit ġenerali u r-riżoluzzjonijiet ta’ rilaxx għall-aġenziji individwali jinkludu rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni kemm dwar kwistjonijiet orizzontali li jikkonċernaw lill-aġenziji kif ukoll dwar kwistjonijiet speċifiċi għal aġenziji individwali. It-tweġibiet tal-Kummissjoni għal dawn ir-rakkomandazzonijiet jistgħu jinstabu fil-punti 119-125 u 191-208 tad-dokument ta' ħidma.

[8] Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 652/2008 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.