52008DC0596

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Żona tal-Avjazzjoni Komuni mal-Pajjiżi Ġirien sal-2010 : rapport ta' progress /* KUMM/2008/0596 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 1.10.2008

KUMM(2008) 596 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Żona tal-Avjazzjoni Komuni mal-Pajjiżi Ġirien sal-2010 – Rapport ta' Progress

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Żona tal-Avjazzjoni Komuni mal-Pajjiżi Ġirien sal-2010 – Rapport ta' Progress

1. Għaliex Żona tal-Avjazzjoni Komuni mal-Pajjiżi Ġirien sal-2010?

1. Fil-“Konklużjonijiet dwar l-iżvilupp tal-aġenda għall-politika barranija tal-Komunità dwar l-avjazzjoni” tas-27 ta' Ġunju 2005, il-Kunsill laqa' l-progress fl-iżvilupp ta' Żona tal-Avjazzjoni Komuni usa' (ŻAK) mal-ġajjiżi ġirien tal-UE sal-2010.

2. Iż-ŻAK tiffittja fil-miri usa' tal-politika tal-Komunità dwar it-trasport bl-ajru u, flimkien ma' ftehimiet komprensivi dwar it-trasport tal-ajru ma' sieħba ewlenin globali tal-UE u l-hekk imsejħa "ftehimiet orizzontali", tikkostitwixxi f'pilastru ewlieni ta' din il-politika. Iż-ŻAK tikkomplimenta wkoll l-miri usa' tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), li permezz tagħha l-Komunità tippromwovi stabilità u żvilupp sostenibbli tul il-fruntieri tagħha fil-Lvant u n-Nofsinhar.

3. Trasport effiċjenti b'mod ġenerali, u trasport bl-ajru effiċjenti b'mod partikulari jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għal żvilupp ekonomiku, kooperazzjoni teknika u kuntatt ta' bejn in-nies bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien. Barra minn hekk, il-ftehimiet taż-ŻAK, billi jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa f'waħda mill-oqsma ewlenin tas-suq uniku, jipprovdu eżempju u inċentiv għal aktar integrazzjoni ekonomika tal-pajjiż sieħeb mal-UE.

4. Fil-kuntest ta' Unjoni għall-Mediterran imsaħħa[1], u r-rabtiet dejjem eqreb bejn l-UE u l-ġirien tagħha fil-Lvant, iż-ŻAK qed issir iktar relevanti. Il-mira finali tagħha għandha tkun it-twaqqif ta' suq uniku pan-Ewropew tat-trasport bl-ajru, ibbażat fuq sett komuni ta' regoli u li jkopri sa 60 pajjiż b'madwar biljun abitant. Fl-2007 biss, aktar minn 120 miljun passiġġier ivvjaġġaw bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien tagħha fl-Ewropa, l-Ewropa tal-Lvant, l-Ażja Ċentrali, il-Mediterran u l-Lvant Nofsani[2], li jippreżentaw żieda ta' aktar minn 20 % meta mqabbla mal-2004. Dan il-volum tat-traffiku jikkostitwixxi f'aktar minn 45 % tat-traffiku bl-ajru bejn l-UE u pajjiżi terzi[3].

5. L-avjazzjoni Ewropea qed tinbidel rapidament, bl-UE qed issir il-mutur istituzzjonali u regolatorju prinċipali tagħha. Dan iqiegħed responsabbiltajiet addizzjonali fuq il-Komunità, li għandhom jassiguraw involviment xieraq tal-istati ġirien. Barra minn hekk, sfidi ewlenin bħaż-żamma ta' livell għoli ta' sikurezza u sigurtà fl-avjazzjoni, l-aħjar użu tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ĠTA) jew il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima mhumiex kostretti bil-fruntieri tal-Komunità, u l-pajjiżi ġirien għandhom ikunu mistiedna biex jieħdu sehem fil-proġetti mnedija mill-UE biex jittrattaw dawn l-isfidi.

6. L-2010 ġiet stabbilita bħala data mira mill-Komunità għall-iżvilupp taż-ZAK u permezz ta' din il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni qed tara xi progress sar sa issa. Inkisbu għadd ta' lezzjonijiet mindu tnediet iż-ŻAK. Dawn l-esperjenzi għandhom jintużaw biex tissaħħaħ l-effiċjenza tal-proġett u biex jagħtuh spinta addizzjonali.

2. X'inkiseb sa issa?

2.1. Proġett flessibbli bbażat fuq avviċinament speċifiku għall-pajjiż

7. Iż-ŻAK tkopri pajjiżi ta' natura differenti. Għalkemm l-offerta tal-UE li jkunu stabbiliti relazzjonijiet iktar profondi hija l-istess għas-sieħba kollha, l-avviċinament speċifiku għall-pajjiż – bħall-PEV – jipprevedi flessibbiltà u diffrenzjar. Hemm bosta tweġibiet possibbli daqskemm hemm pajjiżi, skont il-qagħda politika ta' sieħeb, il-livell tiegħu ta' ambizzjoni rigward ir-relazzjoni mal-UE, ir-riforma tiegħu u l-kisbiet.

8. Il-bidu taż-ŻAK jista' jmur lura għall-1993, meta l-integrazzjoni l-aktar avvanzata ta' pajjiżi terzi mal-politika tal-UE dwar it-trasport bl-ajru nkisbet fi ħdan il-qafas ta' ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea[4]. Bħala riżultat ta' dan, in-Norveġja, l-Iżlanda u Liechtenstein ħadu sehem fis-suq uniku tal-avjazzjoni fl-istess livell tal-Istati Membri tal-UE. Bl-istess mod, inkiseb livell għoli ħafna ta' integrazzjoni permezz ta' ftehim speċifiku dwar it-trasport bl-ajru rigward l-Iżvizzera u dan ilu jitħaddem mill-2002[5]. Minn dakinhar, għadd ta' pajjiżi oħra kienu mistiedna jieħdu sehem fil-proġett. Bħalissa, hemm żewġ kunċetti li qed iservu ta' bażi għall-UE biex issegwi l-iżvilupp taż-ŻAK – il-kunċett tas-Suq Uniku tal-Avjazzjoni u l-kunċett tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni.

9. Il-kunċett tas-Suq Uniku tal-Avjazzjoni ntuża mal-pajjiżi li diġà kienu impenjati fil-qafas istituzzjonali Pan-Ewropew tal-avjazzjoni, bħall-Balkani tal-Punent, u li bdew approssimazzjoni regolatorja mal-UE permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f'organizzazzjonijiet bħal Eurocontrol jew l-Awtoritajiet Konġunti tal-Avjazzjoni (Joint Aviation Authorities, JAA). Arranġamenti bbażati fuq dan il-kunċett jipprevedu integrazzjoni sħiħa tal-pajjiż sieħeb fis-suq uniku tal-avjazzjoni, kemm-il darba b'antiċipazzjoni tal-adeżjoni futura tagħhom fl-UE. Il-Kummissjoni bdiet ukoll, fuq il-bażi tal-kunċett tas-suq uniku tal-avjazzjoni, negozjati komprensivi dwar it-trasport bl-ajru mal-Ukraina.

10. Ftehim Ewro-Mediterranju dwar it-trasport bl-ajru, li jipprevedi armonizzazzjoni regolatorja ta' livell għoli, ftuħ gradwali tas-suq u żieda fil-possibbiltajiet ta' investiment, kien konkluż mal-Marokk u jistabbilixxi punt ta' referenza għal ftehimiet futuri dwar l-avjazzjoni mas-sieħba tal-UE fir-reġjun tal-Mediterran. Wara li dġià kisbet mandat mill-Kunsill, il-Kummissjoni se tkun qed issegwi fuq il-bażi ta' dan il-mudell negozjati komprensivi dwar it-trasport bl-ajru mal-Iżrael u l-Ġordan. Il-Kummissjoni qed tappoġġja l-iżvilupp taż-ŻAK fir-reġjun tal-Mediterran permezz ta' "Proġett Ewromed tal-Avjazzjoni" ambizzjuż – żviluppat fil-qafas tal-Forum Ewro-Mediterranju dwar it-Trasport[6] u li għandu l-mira li jkunu approssimati r-regolamenti tal-pajjiżi tal-MEDA mar-regolamenti tal-UE dwar l-avjazzjoni, li jsir titjib fis-sikurezza u s-sigurtà tal-ajru fir-reġjun, u li tisseddaq il-kooperazzjoni dwar materji tal-ĠTA.

11. Il-kooperazzjoni madwar il-Baħar l-Iswed u fl-Ażja Ċentrali ffukat fuq assistenza teknika u skambji f'livell ta' esperti, iffamiljarizzar tal-pajjiżi sieħba ma' leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-avjazzjoni u tisħiħ tal-livelli attwali ta' sikurezza fir-reġjun. Fl-2009 il-Kummissjoni se tibda tipprovdi assistenza addizzjonali mmirata lejn il-pajjiżi f'dan ir-reġjun fi ħdan il-qafas tal-proġett dwar is-Sikurezza u s-Sigurtà fl-Avjazzjoni Ċivili, b'baġit ta' EUR 5 miljun.

12. Il-Kummissjoni qed tissorvelja bir-reqqa l-iżviluppi fiż-żona tal-viċinat, fejn għadd ta' pajjiżi jistgħu jitqiesu bħala kandidati potenzjali ulterjuri għal parteċipazzjoni fiż-ŻAK. Fir-reġjun tal-Mediterran, il-kandidati naturali li jmiss huma t-Tuneżija u l-Alġerija, minħabba l-potenzjal konsiderevoli tas-swieq tagħhom, kif ukoll għar-rabtiet ekonomiċi, kulturali u storiċi intensi tagħhom mal-Komunità. Fost il-ġirien tal-UE fil-Lvant, il-Kummissjoni tara lill-Ġeorġja u r-Repubblika tal-Moldova bħala l-kandidati possibbli li jmiss – iż-żewġ kandidati diġà pparteċipaw f'oranizzazzjonijiet pan-Ewropej tal-avjazzjoni u huma involuti b'mod intensiv mal-UE permezz tal-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-PEV u inizjattivi oħra speċjalizzati.

2.2. Il-każ speċifiku tar-Russja u t-Turkija

13. Bi 23 u 10 miljun passiġġier rispettivament li vvjaġġaw bl-ajru fl-2007, it-Turkija u r-Russja huma fost l-aktar swieq importanti tal-avjazzjoni għall-UE u qed jesperjenzaw tkabbir dinamiku. Iżda, sa issa għad ma hemmx qafas legalment konprensiv u sod għal rabtiet fl-avjazzjoni ma' dawn is-sieħba ewlenin.

14. Fid-dawl tal-istatus tagħha bħala pajjiż tal-adeżjoni u l-importanza tagħha bħala sieħeb fl-avjazzjoni, it-Turkija għandha tkun involuta bis-sħiħ fiż-ŻAK. Iżda, sa issa l-progress batta minħabba li t-Turkija naqset tagħraf il-karattru integrat tas-suq uniku tal-avjazzjoni, kif ukoll bi kwistjonijiet kontinwi dwar is-sikurezza fiż-żona tal-ĠTA. Il-Kummissjoni tistenna li s-sitwazzjoni għandha tevolvi f'direzzjoni pożittiva, u se tkompli taħdem mat-Turkija fi djalogu kostruttiv. Progress bħal dan ikun vitali ugwalment fil-qafas tan-negozjati dwar il-kapitolu tat-trasport bħala parti min-negozjati ta' adeżjoni mat-Turkija. Bħala l-ewwel pass, ftehimiet bilaterali dwar it-trasport bl-ajru bejn l-Istati Membri u t-Turkija għandhom jinġiebu konformi mal-liġi Komunitarja.

15. Ir-Russja hija ġar ewlieni tal-UE mkabbra u suq importanti fl-avjazzjoni bi tradizzjoni twila fl-ajrunawtika. Din ir-rabta mill-qrib titlob għat-twaqqif ta' qafas xieraq għal kooperazzjoni f'materji tal-avjazzjoni. Iżda, bħala rekwiżit għal dan jeħtieġ ikun hemm l-implimentazzjoni mill-Federazzjoni Russa tal-ftehim dwar il-pagamenti għal titjiriet li jgħaddu fuq is-Siberja, li r-Russja qed titlob kuntrarju għall-prassi internazzjonali normali. Dan il-ftehim kien sar waqt is-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Novembru 2006 u kien approvat mill-Gvern Russu f'Novembru 2007 iżda għadu ma ġiex iffirmat. Bl-istess mod, ftehimiet bilaterali dwar it-trasport bl-ajru bejn ir-Russja u l-Istati Membri jeħtieġu jinġiebu konformi mal-liġi Komunitarja.

2.3. Progress sinifikanti fl-iżgurar ta' ċertezza legali għal operaturi kummerċjali

16. Sar progress sinifikanti f'li jinġiebu konformi mal-liġi Komunitarja ftehimiet bilaterali dwar it-trasport bl-ajru bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien. Dan iżid iċ-ċertezza legali ta' operazzjonijiet għal-linji tal-ajru taż-żewġ naħat, mingħajr ma jkun effettwat il-bilanċ ta' drittijiet tat-traffiku bl-ajru bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi sieħba.

17. Ftehimiet orizzontali saru mal-Albanija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Kazakhstan, il-Kirgizstan, il-Libanu, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, il-Marokk, l-Ukraina u s-Serbia. Barra minn hekk, il-ftehimiet bilaterali tal-Alġerija, il-Belarus, l-Eġittu, is-Sirja, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, u l-Uzbekistan ma' mill-inqas Stat Membru wieħed, jippermettu denominazzjoni Komunitarja.

3. IMPLIMENTAZZJONI TAL-FTEHIMIET TAż-ŻAK – TAGħLIMIET LI NKISBU

3.1. FORMOLA PPRUVATA U TA' SUċċESS

18. Aktar minn sentejn wara l-firma tal-ftehim taż-Żona tal-Avjazzjoni Komuni Ewropea mal-Balkani tal-Punent (ŻAKE)[7] u l-ewwel ftehim Ewro-Mediterranju dwar it-trasport bl-ajru mal-Marokk[8], is-sejbiet tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni taż-ŻAK kienu ġeneralment pożittivi. Il-ftehimiet ikkontribwew għal bidliet rapidi fis-settur tat-trasport bl-ajru tal-pajjiżi sieħba, u għaż-żieda fil-għadd ta' passiġġieri u l-linji tal-ajru li jtiru fuq rotot ġodda.

19. Kien osservat b'mod partikulari tkabbir qawwi fit-traffiku bl-ajru bejn l-UE u l-Marokk. Fl-2007, aktar minn 7.8 miljun passiġġier ivvjaġġaw taħt l-ewwel ftehim Ewro-Mediterranju dwar it-trasport bl-ajru; dan jirrappreżenta żieda ta' 18 % meta mqabbel mal-2006. It-tkabbir taħt il-ftehim ŻAKE kien iktar modest, b'aktar minn 6.6 miljun passiġġier jivvjaġġaw bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent fl-2007 (żieda ta' 5 % fuq iċ-ċifri tal-2006).

20. Il-progress ta' implimentazzjoni huwa monitorjat regolarment mill-Kumitati bi Sħab rispettivi, li taw prova li huma utli ħafna għal reviżjonijiet perjodiċi tal-ftehimiet, u f'li jiffaċilitaw l-operazzjonijiet billi jittrattaw diffikultajiet prattiċi li jqumu minn żmien għal żmien għal operatur kummerċjali. Għadd ta' sieħba tal-Balkani tal-Punent flimkien mal-Marokk għandhom ikunu kapaċi jlestu l-ewwel fażi ta' tranżizzjoni taħt il-ftehimiet rispettivi fl-2009.

3.2. Aġenda b'żewġ pilastri: Ftuħ tas-suq u armonizzazzjoni regolatorja

21. Il-politika Komunitarja dwar l-avjazzjoni rigward pajjiżi sieħba hija mibnija fuq aġenda b'żewġ pilastri biex jinħolqu opportunitajiet ġodda tas-suq u jkun assigurat ambjent regolatorju armonizzat. Kif diġà kien enfasizzat mill-Kummissjoni[9], din l-aġendi b'żewġ pilastri mhijiex sempliċiment mudell teoretiku imma kostruzzjoni prattika li tippermetti biex jitfasslu ftehimiet tat-trasport bl-ajru skont l-ispeċifitajiet ta' każ partikulari. B'mod ċar, meta tkun qed tittratta ma' sieħba bi swieq maturi u oqsfa regolatorji robusti, l-avviċinament tal-Komunità jeħtieġ ikun differenti minn dak użat meta jsir avviċinament lejn pajjiż li jkollu potenzjal kbir, imma jkun għadu fi tranżizzjoni u b'ambjenti regolatorji u kummerċjali immaturi.

22. Is-sieħba taż-ŻAK għandhom potenzjal kbir għal żvilupp u t-trasport bl-ajru jista' jkun katalist importanti biex joħroġ dak il-potenzjal. Iżda, dan għandu jsir fuq il-bażi ta' każ b'każ, u wara analiżi bir-reqqa ta' għadd ta' fatturi bħall-maturità tas-suq, il-livell ta' ambizzjonijiet tal-pajjiż konċernat, il-livell ta' armonizzazzjoni mar-regolamenti u standards tal-UE, kif ukoll l-interessi speċifiċi tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha. F'dan ir-rigward, l-avviċinament bil-fażijiet b'arranġamenti ta' tranżizzjoni ddisinjati b'mod ċar f'ħafna każijiet ikunu l-aktar avviċinament loġiku.

23. Implimentazzjoni effiċjenti u fil-pront tal- acquis tal-avjazzjoni u l-infurzar armonjuż tiegħu madwar iż-ŻAK xorta tibqa' l-isfida prinċipali ta' pajjiżi sieħba u tal-Komunità. Dan joħroġ b'mod partikulari mill-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-avjazzjoni teħtieġ tkun implimentata fis-sistemi legali interni tal-pajjiżi sieħba, fejn għall-Istati Membri tal-UE l-parti l-kbira ta' dan il-korp ta' leġiżlazzjoni japplika u huwa infurzat direttament. Dan jitlob mhux biss assistenza teknika biex ikunu appoġġjati l-pajjiżi sieħba fl-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni imma wkoll għal mekkaniżmi effiċjenti u innovattivi fil-ftehimiet taż-ŻAK, li jappoġġjaw il-proċess ta' implimentazzjoni, li jippermettu għal monitoraġġ tal-progress li jkun sar u li jieħdu azzjonijiet ta' infurzar f'każ ta' nuqqas ta' konformità fejn ikun meħtieġ.

3.3. Lejn integrazzjoni sotto-reġjonali fuq medda itwal ta' żmien

24. Mhuwiex mixtieq li l-ambizzjoni tal-Komunità tkun limitata biex tiżviluppa xibka ta' relazzjonijiet differenti mal-pajjiżi ġirien, billi l-amalgamazzjoni ta' arranġamenti multilaterali u bilaterali bħal dawn jistgħu eventwalment jirriżultaw fi drittijiet u obbligi differenti madwar iż-ŻAK u, l-aktar important, bejn il-pajjiżi sieħba infushom, u hekk ikunu limitati ċ-ċansijiet tagħhom għal integrazzjoni eqreb sotto-reġjonali.

25. Huwa għalhekk li jkun aħjar li, filwaqt li jkunu rikonoxxuti l-ispeċifitajiet u s-sensittivitajiet ta' kull każ partikulari, in-negozjati mal-pajjiżi ġirien għandhom iwasslu għal miżura ta' koerenza. Fuq medda itwal ta' żmien u speċjalment meta l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-istess reġjun ikunu lestew il-proċess ta' armonizzazzjoni regolatorja, il-ftehimiet individwali bejn dawn il-pajjiżi u l-Komunità jistgħu jingħaqdu. Dan jgħin biex tkun limitata l-frammentazzjoni taż-ŻAK u d-diffrenzjar ta' drittijiet, obbligi u opportunitajiet tas-suq bejn il-partijiet involuti. Għal dan il-għan il-Komunità għandha konsistentement tipproponi lill-pajjiżi msieħba klażoli speċifiċi li jipprevedu l-possibbiltà ta' estensjoni bħal din, kif kien il-każ bil-ftehimiet mal-Balkani tal-Punent u l-Marokk.

3.4. Involviment eqreb ta' pajjiżi ġirien fil-qafas istituzzjonali u operattiv tal-UE

26. Il-medda pan-Ewropea tal-avjazzjoni u r-rwol ta' organizzazzjonijiet tal-avjazzjoni fl-Ewropa qed tinbidel. Il-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-qafas regolatorju futur tal-avjazzjoni appella biex l-UE tqiegħed lilha nnifisha bħala l-mutur prinċipali biex tkun stabbilita aġenda regolatorja għall-avjazzjoni Ewropea u biex tissaħħaħ ir-relazzjoni mal-Istati Ewropej li mhumiex fl-UE[10].

27. Iż-ŻAK u l-Kumitati bi Sħab li jamministraw il-ftehimiet taw prova li huma mill-aktar strumentali biex tiżdied il-komunikazzjoni proattiva bejn l-UE u l-pajjiżi sieħba. Iżda, biex tkun assigurata "sjieda" pan-Ewropea tassew taż-ŻAK f'dan l-ambjent li qed jinbidel b'mod rapidu, il-Komunità għandha tipprovdi għal involviment aħjar tal-pajjiżi msieħba fil-qafas instituzzjonali u/jew operattiv tagħha.

28. Fl-għarfien sħiħ tal-limiti legali u istituzzjonali li ġejjin mit-Trattat tal-KE u leġiżlazzjoni relevanti tal-Komunità, il-Kummissjoni temmen li l-UE għandha tiżviluppa avviċinament konsistenti għall-kwistjoni ta' parteċipazzjoni ta' pajjiżi sieħba fil-qafas istituzzjonali tal-avjazzjoni tal-UE bi status ta' osservatur jew bl-involviment eqreb tagħhom fil-programmi tal-avjazzjoni tal-Komunità u/jew inizjattivi operattivi fejn ir-rekwiżiti meħtieġa minn qabel ikunu ġew sodisfatti. Żewġ oqsma li jixirqilhom attenzjoni partikulari f'dan ir-rigward huma s-sikurezza fl-avjazzjoni u l-ĠTA.

3.4.1. L-iżgurar ta' dimensjoni pan-Ewropea tas-sikurezza fl-avjazzjoni

29. Is-sikurezza fl-avjazzjoni tibqa' prijorità ewlenija f'relazzjonijiet ma' għadd ta' pajjiżi ġirien u t-tisħiħ tal-funzjonijiet ta' sorveljanza nazzjonali għandu jkompoli jingħata prijorità xierqa. Huwa evidenti li s-sieħba kollha li qed jaħdmu mal-UE fiż-ŻAK jeħtieġ li juru l-abbiltà tagħhom li għall-inqas jissodisfaw l-istandards tal-ICAOP u fuq din il-bażi jimplimentaw gradwalment aktar rekwiżiti strinġenti, kif previst fil-ftehimiet rispettivi taż-ŻAK.

30. L-estensjoni tal-kompetenzi tal-EASA (European Aviation Safety Agency) u d-deċiżjoni tal-Konferenza Ewropea dwar l-Avjazzjoni Ċivili biex tagħlaq il-JAA f'nofs l-2009, titlob biex jinstabu soluzzjonijiet xierqa sabiex tinżamm id-dimensjoni pan-Ewropea tas-sikurezza fl-avjazzjoni. Iż-ŻAK toffri l-aktar tweġiba komprensiva għal din il-kwistjoni billi tagħmilha possibbli għal pajjiżi Ewropej li mhumiex membri tal-UE biex jikkooperaw mal-EASA u jkunu assoċjati eqreb mas-sistema tas-sikurezza tal-UE. Iżda, in-natura ta' din il-kooperazzjoni hija differenti minn dik fil-JAA, billi l-EASA mhijiex assoċjazzjoni ta' regolaturi imma aġenzija speċjalizzata tal-UE li tappoġġja lir-regolatur tal-Komunità u li tesegwixxi għadd ta' ħidmiet ta' sorveljanza tas-sikurezza.

31. Pajjiżi Ewropej mhux membri tal-UE li huma firmatarji tal-Konvenzjoni ta' Chicago li għandhom ftehim mal-Komunità li bih jadottaw u japplikaw ir-regolament bażiku tal-EASA u r-regoli tagħha ta' implimentazzjoni, jistgħu jieħdu sehem fix-xogħol tal-EASA, li jinkludi sħubija fil-Bord tat-Tmexxija mingħajr id-dritt tal-vot. Pajjiżi sieħba jistgħu wkoll jikkooperaw mal-Komunità permezz ta' arranġamenti ta' ħidma ffirmati mal-EASA, jew jikkonkludu ftehimiet ta' għarfien reċiproku mal-Komunità.

3.4.2. Bini ta' Sema Uniku Ewropew lil hinn mill-fruntieri tal-UE

32. Il-ħolqien tas-suq uniku tal-avjazzjoni fis-snin 90 u ż-żieda qawwija li ġrat bħala riżultat fil-volum tat-traffiku bl-ajru fl-Ewropa ma kienx akkumpanjat mill-modernizzazzjoni ta' faċilitajiet tal-ĠTA. Barra minn hekk, il-ĠTA fl-Ewropa għadu kkaratterizzat minn livell għoli ta' frammentazzjoni, li żżid it-tul tat-titjira bla bżonn u li twassal għal spiża żejda għall-utenti tal-ispazju tal-ajru u impatt negattiv fuq l-ambjent. Biex ikunu ttrattati dawn l-ineffiċjenzi, il-Kummissjoni issa ppreżentat it-tieni pakkett ta' miżuri leġiżlattivi biex tkun aċċellerata t-tlestija tas-Sema Uniku Ewropew u l-iżvilupp tal-ġenerazzjoni ġdida tas-sistema tal-ĠTA taħt l-SESAR[11].

33. Sistema tal-ĠTA li taħdem bla xkiel ma għandhiex tkun limitata mill-fruntieri tal-Komunità. Biex ikunu evitati x-xkiel, tkun promossa l-interoperabilità, u tkun imsaħħa s-sikurezza u l-effiċjenza ambjentali, l-istati ġirien għandhom ukoll ikunu assoċjati kif jixraq. Bħalissa, permezz taż-ŻAK, 38 pajjiż diġà huma involuti fil-bini tas-Sema Uniku Ewropew u qed jieħdu sehem fl-inizjattivi operattivi tal-ĠTA tal-UE, fosthom il-ħolqien ta' Blokki Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru. Is-sieħba kollha taż-ŻAKE kif ukoll l-Iżvizzera ħadu sehem ukoll fix-xogħlijiet tal-Kumitat tas-Sema Uniku bl-istatus ta' osservatur. F'April 2008 kien tnieda programm ISIS biex jappoġġja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-Sema Uniku Ewropew fix-Xlokk tal-Ewropa kif previst fil-ftehim taż-ŻAKE[12]. Huwa fl-interess tal-Komunità li jkun estiż is-Sema Uniku Ewropew għall-pajjiżi ġirien, u li ż-ŻAK jidher li hija mezz loġiku għal dak il-għan. Biex ikun assigurat involviment xieraq tal-pajjiżi sieħba f'dan il-proġett, huma għandhom ikunu wkoll assoċjati mal-qafas istituzzjonali u/jew operattiv tiegħu.

34. Bl-istess mod, biex ikun assigurat li l-pajjiżi ġirien jibbenefikaw mill-modernizzazzjoni tal-ĠTA, huma għandhom jitħallew jipparteċipaw fis-SESAR. Fuq medda itwal ta' żmien, dan se jkun ifisser li l-aħħar teknoloġiji tal-ĠTA u kunċetti operattivi jistgħu jkunu implimentati fil-pajjiżi sieħba, u b'hekk tkun assigurata sistema tal-ĠTA bla xkiel lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Kumpaniji minn pajjiżi terzi li jkunu ffirmaw mill-inqas ftehim wieħed tal-avjazzjoni mal-UE huma eliġibbli issa biex japplikaw għal sħubija fl-Impenn bi Sħab tas-SESAR.

3.5. Żvilupp sostenibbli taż-Żona tal-Avjazzjoni Komuni

35. L-avjazzjoni għandha impatt fuq l-ambjent kemm f'livell globali u kemm lokali, fosthom impatti transkonfinali. F'livell lokali operazzjonijiet tal-avjazzjoni jikkontribwixxu għal tniġġis ta' ħsejjes u tal-arja u f'livell globali l-ħruġ ta' gassijiet mill-avjazzjoni jikkontribwixxi għal bidla fil-klima. Għalkemm l-avjazzjoni bħalissa hija responsabbli għal perċentwali żgħir ta' emissjonijiet tal-gass effett ta' serra, il-kwantità ta' dawn l-emissjonijiet qed tikber b'mod rapidu f'bosta pajjiżi u hija pproġettata li se tkompli tikber fil-ġejjieni. Jekk ma tittieħed ebda azzjoni dan it-tkabbir jimmina l-isforzi magħmula minn setturi oħra biex jitnaqqsu l-emissjonijiet.

36. L-UE ipproponiet avviċinament komprensiv biex tittratta l-impatt tal-avjazzjoni fuq il-klima li jinkludi l-kontinwazzjoni biex isir titjib fil-ĠTA u aktar investiment f'riċerka dwar teknoloġiji li jirrispettaw aktar lill-ambjent. Iżda dawn il-miżuri waħedhom ma jkunux biżżejjed biex jgħaddu t-tkabbir fl-emissjonijiet mit-traffiku tal-ajru. Għalhekk l-avjazzjoni se tkun inkluża fl-Iskema ta' Kummerċ tal-Emissjonijiet tal-UE (Emissions Trading Scheme, ETS). Dan l-aħħar sar ftehim politiku dwar il-leġiżlazzjoni bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

37. Huwa importanti li ssir ħidma ma' pajjiżi terzi sabiex ikun faċilitat l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tal-avjazzjoni u biex ikun assigurat li jittieħdu miżuri effettivi biex ikun ittrattat l-impatt tal-avjazzjoni fuq l-ambjent. Il-ftehimiet taż-ŻAK għandhom jinkludu dispożizzjonijiet xierqa biex jinkiseb dan u għandhom iħeġġu pajjiżi msieħba biex jadottaw miżuri effettivi biex ikunu ttrattati impatti ambjentali tal-avjazzjoni bħall-introduzzjoni ta' ETS jew miżuri ekwivalenti.

3.6. Ħtiega għal appoġġ u ffissar ċar ta' prijoritajiet fl-assistenza teknika

38. Armonizzazzjoni mal-istandards tal-UE tista' ma tkunx faċli. Tista' tinvolvi reviżjoni komprensiva tal-leġiżlazzjoni primarja u regolamenti operattivi speċifiċi, l-iżvilupp ta' għodda ġodda ta' sorveljanza tas-sikurezza, taħriġ ta' persunal jew saħansitra bidliet organizzattivi, bħas-separazzjoni ta' provvista ta' servizz minn sorveljanza tas-sikurezza jew it-twaqqif ta' korp indipendenti għall-investigazzjoni ta' aċċidenti.

39. Ir-riformi jeħtieġu livell xieraq ta' esperti u kapaċità minn pajjiżi msieħba. Wieħed mill-ostakoli komuni f'dan ir-rigward jista' jkun in-nuqqas ta' organizzazzjoni xierqa ta' sorveljanza tas-sikurezza jew nuqqasijiet f'persunal tekniku bis-sengħa. Dawn id-defiċjenzi, fil-maġġoranza tal-każijiet, huma r-riżultat ta' allokazzjonijiet insuffiċjenti ta' riżorsi lill-korpi tal-avjazzjoni ċivili nazzjonali.

40. Lil hinn mid-dispożizzjoni ta' esperti u assistenza teknika, il-kwistjoni ta' kapaċità amministrattiva insuffiċjenti u nuqqas ta' riżorsi jistgħu jkunu ttrattati permezz ta' kooperazzjoni eqreb u qsim ta' riżorsi. Dan mhux bilfors ifisser li jkun meħtieġ li tkun stabbilita organizzazzjoni separata jew tkun rinunzjata s-sovranità nazzjonali. Il-qsim ta' esperti jew attivitajiet ta' sorveljanza bi sħab jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex tkun eliminata d-dupplikazzjoni ta' sforzi u tinkiseb l-ekonomija skont id-daqs. Fiż-żona tal-ĠTA pereżempju, kooperazzjoni bħal din tkun segwita b'ħafna effiċjenza permezz tal-kunċett ta' Blokki ta' Spazju tal-Ajru Funzjonabbli. Investigazzjoni ta' aċċident tal-avjazzjoni hija qasam ieħor fejn kooperazzjoni bejn awtoritajiet tista' ġġib benefiċċji sinifikanti.

41. Il-Kummissjoni qed tipprovdi assistenza teknika lill-pajjiżi kollha li qed jieħdu sehem fiż-ŻAK. Proġett apposta ta' ġemellaġġ dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ta' EUR 1 miljun qed ikun provdut lill-Ukraina. Il-"Proġett tal-Avjazzjoni Ewromediterranju" imsemmi hawn fuq, b'baġit ta' EUR 5 miljun, tnieda biex jipprovdi assistenza teknika mmirata għall-imsieħba tal-Mediterran sal-2011. Il-Programm ISIS qed jipprovdi appoġġ għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fl-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni tas-Sema Uniku Ewropew skont il-ftehim taż-ŻAKE. Proġett ta' EASA – CARDS b'baġit ta' EUR 0.5 miljun, implimentat fl-2008, stabbilixxa pjanijiet ta' konverġenza għall-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza fil-Balkani tal-Punent, u aktar assistenza hija maħsuba għar-reġjun. Il-Kummissjoni qed tgħin ukoll il-pajjiżi ġirien biex jabbozza leġiżlazzjoni tal-avjazzjoni u jorganizzaw laqgħat ta' esperti u żjarat ta' studju.

42. Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi assistenza teknika lill-pajjiżi msieħba u tħeġġeġ il-qsim ta' riżorsi biex ikun assigurat li huma qed jintużaw bl-aħjar mod. Dispożizzjonijiet apposta jistgħu jkunu żviluppati skont il-ftehimiet taż-ŻAK, li jittrattaw prijoritajiet ta' assistenza teknika u jagħmlu referenza għal fondi jew strumenti disponibbli. Il-ġemellaġġ, bħala għodda mill-aktar effettiva fil-bini tal-kapaċitajiet li jinvolvi esperti tal-avjazzjoni minn Stati Membri, għandu jitqies bħala strument ewlieni f'li jipprovdi appoġġ lill-amministrazzjonijiet tal-avjazzjoni tal-pajjiżi ġirien li għandhom jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE.

43. Skambju eqreb ta' informazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet donaturi huma wkoll meħtieġa biex tkun assigurata koordinazzjoni aħjar ta' assistenza teknika mogħtija lill-pajjiżi ġirien b'appoġġ taż-ŻAK.

3.7. Implimentazzjoni f'waqtha tal-ftehimiet taż-ŻAK

44. Il-Ftehim taż-ŻAKE mal-Balkani tal-Punent kien iffirmat f’Ġunju 2006. Filwaqt li l-imsieħba Balkani kollha ħlief wieħed lestew il-proċeduri tagħhom tar-ratifika, aktar minn sentejn wara l-iffirmar tiegħu l-Ftehim taż-ŻAKE kien ratifikat minn 14-il Stat Membru biss. Bl-istess mod, il-ftehim Ewro-Mediterranju mal-Marokk, għalkemm iffirmat f’Diċembru 2006 u applikat provviżorjament minn dakinhar ’il quddiem, sa issa kien ratifikat biss minn 13-il Stat Membru.

45. Huwa importanti issa li jiżdied il-proċess tar-ratifika tal-ftehimiet mill-Istati Membri sabiex ikun muri l-impenn politiku tal-Komunità għall-proġett taż-ŻAK. Fil-ġejjieni, il-kwistjoni ta’ implimentazzjoni f’waqtha tal-ftehimiet taż-ŻAK tista’ tkun riżolta billi jkunu konklużi bħala ftehimiet tal-Komunità fuq il-bażi tal-Artikolu 80 tat-Trattat tal-KE, milli bħala ftehimiet "imħallta". Bħala alternattiva, għandha tkun proposta lill-pajjiżi msieħba applikazzjoni provviżorja minn data stabbilita, sabiex tkun iggarantita implimentazzjoni f’waqtha tal-ftehimiet.

4. Konklużonijiet

46. Sar progress sinifikanti biex tintlaħaq il-mira ta’ ŻAK usa’. Għalkemm il-mira toffri sfida, u probabbilment ma jkunx possibbli li tkun lesta sal-2010 kif mistenni mill-Kunsill, in-negozjati mal-maġġoranza tal-imsieħba fil-Lvant u l-Mediterran huma mistennja li jkunu jew infetħu jew konklużi sa tmiem id-deċennju.. Huma meħtieġa iżda sforzi aktar qawwija biex tkun assigurata implimentazzjoni effettiva tal- acquis tal-UE dwar l-avjazzjoni mill-pajjiżi msieħba u infurzar armonjuż ta’ dawn id-dispożizzjonijiet madwar iż-ŻAK.

47. Il-Kummissjoni se tkompli l-iżvilupp taż-ŻAK, kemm billi tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet eżistenti, kif ippreżentat f’din il-Komunikazzjoni, u billi jkunu identifikati l-imsieħba potenzjali li jmiss għal parteċipazzjoni fil-proġett. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Istati Membri, fil-Komunikazzjoni mehmuża, li tniedi negozjati komprensivi dwar it-trasport bl-ajru mat-Tuneżija, u se tkun qed tevalwa mill-qrib il-valur miżjud fit-tnedija ta’ negozjati mal-Alġerija, il-Ġeorġja u r-Repubblika tal-Moldova, bil-ħsieb li jkunu ppreżentati proposti lill-Kunsill fix-xhur li ġejjin.

It-Traffiku bejn l-UE u r-reġjuni ġirien taż-ŻAK (miljuni ta’ passiġġieri trasportati bl-ajru)[13]

|2007 |2006 |2005 |2004 |2003 |2002 |2001 |2000 | |

Il-Balkani tal-Punent |6.6 |6.3 |5.5 |4.6 |3.8 |3.2 |3.1 |2.4 | |

L-Afrika ta' Fuq |30 |28 |26 |24 |19 |18 |21 |19 | |

Il-Lvant Qrib u Nofsani |7.3 |7 |7.2 |6.9 |5.8 |5.2 |6.6 |6.9 | |

Ir-Repubbliki Ewropej tal-CSI |3.9 |3.5 |3.3 |2.7 |1.9 |1.5 |1.4 |1.1 | |

Ir-Repubbliki fl-Ażja Ċentrali tal-CSI |0.7 |0.7 |0.7 |0.7 |0.6 |0.5 |0.5 |0.5 | |

ŻEE/EFTA |39 |38 |34 |31 |27 |25 |28 |26 | |

It-Turkija |23 |21 |24 |21 |17 |18 |17 |14 | |

Ir-Russja |9.8 |9.1 |8.2 |7.5 |6.4 |5.2 |5.4 |4 | |

TOTAL UE – ŻAK

|120.3 |113.6 |108.9 |98.4 |81.5 |76.6 |83 |73.9 | |

[1] Il-Proċess ta' Barċellona: L-Unjoni għall-Mediterran tnediet fit-13 ta' Lulju 2008. Hija għandha l-għan li ddaħħal vitalità ġdida fil-paternarjat, billi toffri governanza aktar bilanċjata u viżibbiltà miżjuda (Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran, COM(2008) 319 (Finali)).

[2] L-Albanija, l-Alġerija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, il-Bosnja u Ħerzegovina, l-Eġittu, il-Ġeorġja, l-Iżlanda, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Kazakhstan, il-Kirgizstan, il-Kroazja, il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, in-Norveġja, il-Palestina, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, ir-Russja, u s-Serbja, is-Sirja, it-Taġikistan, it-Tuneżija, it-Turkija, it-Turkmenistan, l-Ukraina, l-Uzbekistan, u l-Iżvizzera, kif ukoll il-Kosovo skont ir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 1244/99.

[3] L-għadd totali ta' passiġġieri trasportati bejn ajruporti fl-UE u ajruporti barra l-UE diġà kien laħaq il-250 miljun fl-2006 (Eurostat, Statistics in Focus - Transport , 52/2008).

[4] Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, ĠU L 1/1994, 3.1.1994, p. 3

[5] Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, ĠU L 114/2002 30.4.2002 p. 73

[6] http://www.euromedtransport.org/355.0.html

[7] ĠU L 285/2006 p. 3, 16/10/2006

[8] ĠU L 386/2006 p. 57, 29/12/2006

[9] L-iżvilupp tal-aġenda dwar il-politika esterna tal-Komunità dwar l-avjazzjoni, COM(2005) 79 finali

[10] Il-Grupp ta' Livell Għoli għall-Qafas Regolatorju Futur tal-Avjazzjoni, 2007: " A framework for driving performance improvement ".

[11] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Is-Sema Uniku Ewropew II: lejn avjazzjoni aktar sostenibbli u prestazzjoni aħjar, COM(2008) 389/2.

[12] L-Implimentazzjoni tas-Sema Uniku Ewropew fix-Xlokk tal-Ewropa toħroġ mill-inizjattiva SEE FABA ta' qabel li kienet ġiet imwaqqfa skont dan.

[13] Ġeo-nomenklatura użata biss għall-fini ta' din l-analiżi tal-istatistika.