52008DC0582

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u Lill-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili /* KUMM/2008/0582 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 29.9.2008

KUMM(2008) 582 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

RAPPORT DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT (KE) Nru 2320/2002 LI JISTABBILIXXI REGOLI KOMUNI FIL-QASAM TAS-SIGURTÀ TA’ L-AVJAZZJONI ĊIVILI

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

RAPPORT DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT (KE) Nru 2320/2002 LI JISTABBILIXXI REGOLI KOMUNI FIL-QASAM TAS-SIGURTÀ TA’ L-AVJAZZJONI ĊIVILI [1]

1. INTRODUZZJONI

Minkejja l-progress li sar, it-terroriżmu għadu ta’ theddida għas-soċjetà tagħna. L-avjazzjoni ċivili hija f’riskju partikolari u tista’ tkun vulnerabbli għal attakk b’varjetà ta’ metodi. Il-ħidma tal-Kummissjoni hija li tiżgura li jkun hemm fis-seħħ leġiżlazzjoni adatta, u implimentata bis-sħiħ fil-Komunità kollha, u għalhekk tibqa’ essenzjali għall-protezzjoni adatta taċ-ċittadini ta’ l-UE. Ftit jista’ jkun hemm dubju li din il-ħidma għenet biex jitwaqqfu b’suċċess attakki waqt il-perjodu kopert b’dan ir-rapport. Madankollu, it-theddida għadha reali u huwa importanti li nibqgħu viġilanti.

Irridu niżguraw il-protezzjoni effettiva taċ-ċittadini tagħna, waqt li fl-istess ħin nistabbilixxu l-qafas għall-iffunzjonar tajjeb tas-suq intern ta’ l-avjazzjoni. F’dan il-kuntest, ir-Regolament (KE) 2320/2002 jista’ jidher bħala l-ewwel pass importanti fuq rotta li għadha għaddejja. Madankollu, l-ippjanar ta’ din ir-rotta għandu jqis bis-sħiħ l-avvanzi teknoloġiċi, għandu jkun soġġett għal reviżjoni regolari u għandu jkun promoss mad-dinja kollha permezz ta’ negozjati internazzjonali. Għandu jsir kull sforz biex il-persunal ta’ l-ajruporti u tal-linji ta’ l-ajru jkun assistit, biex titnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenzjenza għall-pubbliku li jkun qiegħed jivjaġġa u biex il-proċessi jiġu armonizzati waqt li jinżammu livelli għoljin ta’ sigurtà.

Dan huwa t-tielet rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) 2320/2002 u jkopri l-perjodu Jannar-Diċembru 2007. Huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-Ewwel Parti fiha analiżi tar-rapporti ta’ spezzjoni mill-Kummissjoni kkompilati waqt l-2007, inklużi l-azzjonijiet ta’ segwitu. It-Tieni Parti fiha l-passi meħudin biex ikun razzjonalizzat il-proċess ta’ l-implimentazzjoni tar-regoli, filwaqt li jiġu kkunsidrati aktar ir-rekwiżiti tal-passiġġieri u ta’ l-industrija.

Ir-rapport jikkonferma l-progress kontinwu fl-implimentazzjoni tar-regoli komuni għas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili, minn bażi globali b’saħħitha – għalkemm xorta għad hemm fejn isir titjib. Huwa jagħti wkoll dettalji ta’ l-approċċ proattiv li qiegħed jittieħed mill-Komunità fl-iżvilupp ta’ sistema flessibbli, prattika u armonizzata, imfassla biex tiffaċilita l-moviment tal-passiġġieri u tal-merkanzija minn ambjent bla periklu fl-ajruporti.

L-EWWEL PARTI

SPEZZJONIJIET MILL-KUMMISSJONI

1. Ħarsa Ġenerali

Il-Kummissjoni hija meħtieġa li timmonitorja l-konformità ta’ l-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà ta’ l-avjazzjoni u għaldaqstant twettaq:

- spezzjonijiet fuq l-awtoritajiet nazzjonali xierqa;

- spezzjonijiet fl-ajruporti; u

- spezzjonijiet ta’ segwitu, biex tikkonferma l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ rimedju.

B’kollox twettqu 117-il spezzjoni bejn Frar 2004 u Diċembru 2007, inklużi 28 waqt it-12-il xahar koperti b’dan ir-rapport. Tlestew bejn spezzjoni waħda u sitt spezzjonijiet ta’ ajruporti f’kull Stat Membru (ħlief fil-Bulgarija) u l-awtoritajiet xierqa ta’ l-Istati Membri kollha (ħlief għar-Rumanija) kienu mmonitorjati ta’ l-inqas darba. L-Iżvizzera kienet inkluża wkoll fil-programm Komunitarju, waqt li minn Diċembru 2005, in-Norveġja u l-Iżlanda ġew spezzjonati kontra dispożizzjonijiet paralleli mill-Awtorità għas-Sorveljanza ta’ l-EFTA. (Ara l-Anness 1 għad-dettalji ta’ l-ispezzjonijiet kollha).

2. Spezzjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali xierqa

Kull Stat Membru huwa meħtieġ li jadotta programm nazzjonali għas-sigurtà fl-avjazzjoni u jaħtar awtorità unika xierqa biex tikkoordina u timmonitorja l-implimentazzjoni tiegħu. Is-27 kollha għamlu dan. L-awtoritajiet adatti għandhom:

- jiżviluppaw u jimplimentaw programm ta’ kontroll tal-kwalità;

- jimmonitorjaw programmi ta’ sigurtà ta’ l-ajruporti u tal-linji ta’ l-ajru; u

- jiżviluppaw u jimplimentaw programm ta’ taħriġ fir-rigward tas-sigurtà fl-avjazzjoni.[2]

Matul l-2007, il-Kummissjoni spezzjonat 10 awtoritajiet xierqa. L-ispezzjonijiet involvew eżami ta' evidenza dokumentarja, appoġġata minn intervisti u – għall-ewwel darba fl-2007 – verifiki fuq il-post fl-ajruport li jimplimenta l-miżuri nazzjonali.

Is-sejbiet ta’ l-ispezzjonijiet kienu konsistenti ma’ dawk minn eżerċizzji ta’ monitoraġġ preċedenti, essenzjalment li:

- hemm livell tajjeb ta’ konformità rigward l-istabbiliment ta’ qafas legali adegwat;

- hemm ilħuq inqas sodisfaċenti ta’ l-effikaċja fl-implimentazzjoni ta’ l-istandards komuni.

2.1. Qafas legali

Bħala regola ġenerali, il-kontenut tal- programmi nazzjonali għas-sigurtà fl-avjazzjoni ta’ l-Istati Membri jirrifletti b’mod preċiż ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Ewropea. Madankollu, l-aġġornament tal-programmi biex jirriflettu bidliet fil-liġi Komunitarja mhux dejjem twettaq malajr daqskemm kieku kien ikun mixtieq.

Bosta mill-Istati Membri stabbilixxew programmi nazzjonali għall-kontroll tal-kwalità sodisfaċenti, li jfissru b’mod ċar ir-reklutaġġ, it-taħriġ, id-dmirijiet u s-setgħat ta’ l-ispetturi nazzjonali, il-prijoritajiet u l-metodoloġija għall-programm ta’ spezzjoni. Madankollu, xi kultant, il-programmi ma jirnexxilhomx jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha, per eżempju ma jipprovdux għal programm ta’ test jew iħallu barra l-frekwenzi għal attivitajiet ta’ monitoraġġ. Hemm każ ċar għal skambju mtejjeb ta’ l-aħjar prattika u ġeneralment għal armonizzazzjoni akbar tal-programmi nazzjonali.

Il-programmi tas-sigurtà fl-ajruporti huma fil-biċċa l-kbira tagħhom aġġornati u mmonitorjati mill-Istati Membri. Il-programmi tas-sigurtà tal-linji ta’ l-ajru huma mistennija li jkunu inqas konformi u huma mmonitorjati b’mod inqas tajjeb, speċjalment fir-rigward ta’ linji ta’ l-ajru rreġistrati barra mill-UE, u b’mod partikolari fir-rigward ta’ proċeduri ta’ kontroll u tiftix.

B’mod ġenerali, il-programmi nazzjonali għat-taħriġ fis-sigurtà jissodisfaw ir-rekwiżiti, bin-nuqqas l-aktar komuni jkun l-assenza ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw it-taħriġ ta’ l-għarfien ġenerali għal persunal speċjalista iżda mhux fis-sigurtà u l-ebda speċifikazzjoni fir-rigward ta’ taħriġ rikorrenti biex l-ispeċjalisti fis-sigurtà jibqgħu aġġornati ma’ l-iżviluppi.

2.2 Implimentazzjoni tar-rekwiżiti legali

Waqt li l-istandard ta’ implimentazzjoni tal-programm nazzjonali għall-kontroll tal-kwalità huwa għoli f’xi Stati, sfortunatament, f’bosta oħrajn jibqa’ mhux sodisfaċenti, b’inċidenza sinifikanti ta’ nuqqasijiet serji. Anke fl-Istati Membri bl-aktar programmi żviluppati tajjeb, il-proċess ta’ spezzjoni jidentifika nuqqasijiet regolari.

F’xi każijiet, iż-żamma inadegwata ta’ reġistrazzjonijiet għamlitha diffiċli għall-ispetturi tal-Kummissjoni (u tabilħaqq għall-awtoritajiet nazzjonali nfushom) sabiex jivvalutaw kemm qed jintlaħqu tajjeb ir-rekwiżiti dwar l-implimentazzjoni. Madankollu, wieħed jista’ jislet dawn il-konklużjonijiet ġenerali:

- l-awtorità x-xierqa mhux dejjem iżżomm l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tippjana l-ispezzjonijiet b’mod adegwat (eż. mhux dejjem huma konxji ta’ l-entitajiet kollha involuti fil-katina tas-sigurtà);

- numru ta’ Stati Membri ma jużawx il-firxa kollha ta’ tekniki tal-monitoraġġ (jiġifieri verifiki fil-fond tas-sigurtà, spezzjonijiet u testijiet aktar iffokati) u għalhekk ma jistgħux jagħmlu valutazzjoni kompleta ta’ l-aspetti kollha ta’ l-implimentazzjoni;

- numru sinifikanti ta’ Stati Membri m’għandhomx biżżejjed riżorsi umani ddedikati biex jimmonitoraw l-ajruporti kollha u l-Kapitoli kollha tal-leġiżlazzjoni bi frekwenza suffiċjenti biex jiżguraw li n-nuqqasijiet jinkixfu u jiġu kkoreġuti minnufih;

- fejn jinstabu nuqqasijiet, l-infurzar ta’ korrezzjoni minnufih huwa inadegwat.

Madankollu, konsegwenza pożittiva tas-sejbiet ta’ l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni f’xi Stati Membri kienet l-allokazzjoni ta’ riżorsi akbar għas-sigurtà fl-avjazzjoni u żieda fin-numru ta’ spetturi nazzjonali. Hemm sinjali li dan l-iżvilupp sejjer ikompli.

3. Spezzjonijiet fl-ajruporti

3.1. Għażla ta’ l-ajruporti u tat-timijiet ta’ spezzjoni

Bejn Frar 2004 u Diċembru 2007, il-Kummissjoni wettqet 83 spezzjoni f’ajruporti (inklużi spezzjonijiet ta’ segwitu). Il-programm ta’ spezzjoni huwa stabbilit fuq bażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, iżda kien jinkludi xi wħud mill-iżgħar operazzjonijiet kummerċjali li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2320/2002 kif ukoll bosta mill-akbar ajruporti fil-Komunità: mill-20 ajruport fl-UE bi qrib għal jew aktar minn 20 miljun passiġġier fis-sena, 17 diġà ġew spezzjonati mill-Kummissjoni. 24 mill-evalwazzjonijiet inizjali wasslu għal spezzjonijiet ta’ segwitu biex ikunu vvalutati l-azzjonijiet ta’ korrezzjoni li ttieħdu.

L-ispezzjonijiet ta’ l-UE jitwettqu minn membri tat-tim tal-Kummissjoni magħmul minn 10 spetturi appoġġjat minn tim ta’ awdituri nazzjonali. L-Istati Membri kollha minbarra tlieta ħatru ta’ l-inqas awditur nazzjonali wieħed biex jieħu sehem fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni 1486/2003.[3]

3.2 Ħarsa ġenerali tan-nuqqasijiet li nstabu

B’mod ġenerali, il-livell ta’ sigurtà fl-ajruporti Ewropej huwa wieħed għoli – speċjalment meta mkejjel ma’ l-istandards u l-prattiċi globali. Il-livell ta’ konformità tjieb bi kważi 40% minn meta bdew l-ispezzjonijiet u n-numru ta’ nuqqasijiet serji qed ikompli jonqos. Huwa biss f’ajruport wieħed spezzjonat mill-Kummissjoni li n-nuqqas ta’ konformità kien meqjus bħala wieħed serju biżżejjed biex jippreżenta theddida sinifikanti għal-livell ġenerali tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili fil-Komunità (Artikolu 15 tar-Regolament 1486/2003) u l-Istati Membri kollha nnotifikaw bix-xieraq. Waqt li jidher b’mod ċar li huwa meħtieġ sforz akbar, wieħed m’għandux jinsa li l-valutazzjonijiet qegħdin isiru skond uħud mill-aktar standards stretti fid-dinja.

Is-sejbiet ta’ l-2007 għandhom it-tendenza li jirrepetu l-mudell ta’ l-ispezzjonijiet li saru qabel. Rigward dawk li jistgħu jitqiesu bħala l-oqsma prinċipali tas-sigurtà fl-avjazzjoni – is-sigurtà fl-ajruport, is-sigurtà ta’ l-inġenji ta’ l-ajru, il-kontroll tal-bagalji tal-passiġġieri u tal-bagalji li l-passiġġieri jġorru magħhom abbord u l-kontroll tal-merkanzija fl-istiva – ċertament li r-riżultati qegħdin jitjiebu; madankollu għad hemm oqsma sinifikanti li ma jikkonformawx. Dawn huma relatati b’mod partikolari ma’ oqsma fejn il-fattur uman huwa indispensabbli, iżda kwistjonijiet rilevanti oħrajn huma:

- rekwiżiti preskrittivi ż-żejjed f’partijiet tal-leġiżlazzjoni preżenti;

- meħtieġ żmien bil-quddiem għall-aġġustament għal rekwiżiti ġodda;

- monitoraġġ insuffiċjenti fuq livell nazzjonali; u

- nuqqas ta’ saħħa ta’ infurzar fil-livell ta’ l-awtoritajiet ix-xierqa.

L-ispezzjonijiet ta’ l-2007 taw bidu wkoll għal monitoraġġ mill-UE ta’ oqsma li rari ġew inklużi fir-rapporti preċedenti – l-ikel, it-tindif, il-posta tal-kumpannija u rekwiżiti materjali u tekniċi għat-tagħmir. Għalkemm għad hemm nuqqas ta’ dejta f’dawn l-oqsma biex joħorġu konklużjonijiet li jagħmlu sens, l-ispetturi tal-Kummissjoni fissru xi tħassib dwar l-immonitorjar ta’ l-istandards għat-tagħmir. Dan jista’ jirrifletti nuqqas ta’ ħila esperta fil-qasam tekniku disponibbli f’xi Stati Membri.

3.3 Spezzjonijiet ta’ segwitu

Matul l-2007, twettqu 8 spezzjonijiet ta’ segwitu f’ajruporti ta’ l-UE. F’dawn il-każijiet, b’mod ġenerali nstab li ta’ l-inqas terz tan-nuqqasijiet serji waqt l-ispezzjoni inizjali ġew ikkoreġuti fi żmien perjodu raġonevoli; iżda l-ebda ajruport ma kien kapaċi jirrimedja n-nuqqasijiet serji kollha qabel ma twettqet l-ispezzjoni ta’ segwitu. F’xi każijiet, dan seħħ minħabba li n-nuqqas seta’ jiġi indirizzat biss billi jiġu kkonfigurati mill-ġdid il-faċilitajiet fuq l-art u x-xogħol ta’ kostruzzjoni meħtieġ ma setax jitwettaq malajr.

L-aktar diffikultajiet diffiċli biex jingħelbu jidhru li jinvolvu l-iskrinjar tal-persunal (fatturi umani, l-użu inadegwat ta’ ditekters tal-metall li jinżammu fl-idejn) u s-sigurtà ta’ l-inġenji ta’ l-ajru.

3.4 Awto-evalwazzjoni mill-Istati Membri

Skond l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni 1217/2003[4], l-Istati Membri huma obbligati li jippreżentaw rapport annwali lill-Kummissjoni sa l-aħħar ta’ Frar ta’ kull sena, li jkopri r-riżultati ta’ l-immonitorjar nazzjonali tal-konformità tagħhom għall-perijodu Jannar – Diċembru tas-sena preċedenti. Ġeneralment, dawn ir-rapporti juru livell ogħla ta’ konformità milli jinstab waqt l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan jindika li r-rekwiżiti mhux qed jiġu infurzati b’mod li huwa armonizzat biżżejjed.

4. Pożizzjoni sa l-aħħar ta’ l-2007

4.1 Fajls miftuħin

43 fajl ta’ spezzjoni, li jkopru l-perijodu kollu ta’ spezzjonijiet 2004-7, baqgħu miftuħin sa l-aħħar ta’ l-2007, li jfisser li l-korrezzjoni tan-nuqqasijiet irrapportati mill-Kummissjoni għadha ma ġietx ikkonfermata – għalkemm f’bosta mill-każijiet kienu previsti pjani ta’ azzjoni ta’ korrezzjoni. 16 mill-fajls miftuħin għandhom x’jaqsmu ma’ l-awtorità x-xierqa u 27 ma’ spezzjonijiet ta’ ajruporti, inkluż 20 mill-2007.

4.2 Proċeduri ta’ ksur

Matul l-2007, il-Kummissjoni tat bidu għal proċeduri ta’ ksur skond l-Artikolu 226 tat-Trattat kontra l-Lussemburgu wara n-nuqqas tiegħu li jikkoreġi b’mod adegwat in-nuqqasijiet identifikati waqt spezzjoni u kontra r-Repubblika Slovakka bħala riżultat tan-nuqqas tagħha li tipprovdi pjan ta’ azzjoni wara spezzjoni ta’ segwitu f’ajruport u talli naqset li tiddedika riżorsi adegwati għas-sigurtà fl-avjazzjoni.[5]

IT-TIENI PARTI

ARMONIZZAZZJONI TAL-PROĊESS

5. Ħarsa Ġenerali

Ir-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni indikaw numru ta’ diffikultajiet f’rabta ma’ l-implimentazzjoni tar-Regolamenti. Ir-rapporti annwali u informazzjoni oħra mill-Istati Membri u mill-industrija tellgħu fil-wiċċ ukoll problemi simili. Il-kwistjonijiet prinċipali jidhru li huma:

- nuqqas ta’ ċarezza jew rekwiżiti stretti żżejjed fil-leġiżlazzjoni attwali;

- varjazzjonijiet bejn ir-rekwiżiti ta’ l-Istati Membri, li jwasslu għal nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-Komunità;

- nuqqas ta’ trasparenza u ta’ reviżjoni adatta;

- perċezzjoni li r-rekwiżiti operattivi m’humiex ikkunsidrati biżżejjed;

- nuqqas ta’ standardizzazzjoni dwar ir-rekwiżiti teknoloġiċi;

- varjazzjonijiet bejn ir-rekwiżiti Komunitarji u dawk ta’ pajjiżi terzi, partikolarment ta’ l-Istati Uniti; u

- domanda eċċessiva fuq ir-riżorsi ta’ l-Istati Membri li ġejja minn duplikazzjoni tar-rekwiżiti , b’mod speċjali fir-rigward ta’ reġimi ta’ spezzjoni differenti (ICAO u TSA barra dak ta’ l-UE).

Saru sforzi konsiderevoli biex tkun indirizzata kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet fl-2007, bl-għan uniku li jkunu ffaċilitati l-movimenti tal-passiġġieri fl-ajruporti Komunitarji u biex jitnaqqas il-piż fuq l-industrija, mingħajr ma jkunu kompromessi l-istandards tas-sigurtà.

6. Żviluppi Regolatorji

6.1 Il-programm għall-2007

L-2007 rat programm mimli żvilupp leġiżlattiv, li fost l-oħrajn kien jinkludi:

- it-Tieni Qari u stadju ta’ konċiljazzjoni ta’ l-adozzjoni tar-regolament qafas biex jissostitwixxi r-Regolament 2320/2002[6];

- aktar żvilupp tar-Regolament implimentattiv il-ġdid ippjanat biex jissotitwixxi r-Regolament tal-Kummissjoni 622/2003[7];

- aktar xogħol fuq testi ġodda biex jissostitwixxu r-Regolamenti 1217/2003 (kontroll nazzjonali tal-kwalità) u 1486/2003 (spezzjonijiet mill-Kummissjoni ta’ l-Istati Membri);

- saff ġdid ta’ leġiżlazzjoni biex jagħti lill-Parlament Ewropew setgħat akbar ta’ skrutinju għall-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni;

- qbil fuq l-istandards tekniċi għall-projezzjoni ta’ immaġni ta’ theddid; u

- reviżjoni u emenda tal-leġiżazzjoni li tindirizza t-theddid minn splussivi likwidi (daqs tal-bagalja li tinġarr mill-passiġġieri abbord, ftehim ma’ pajjiżi terzi).

6.2 Il-leġiżlazzjoni implimentattiva u ta’ qafas ġdida: Regolazzjoni Aħjar

Abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, minn Settembru 2005, il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni matul l-2007 komplew diskussjonijiet dwar regolazzjoni qafas ġdida permezz tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni. Finalment intlaħaq qbil kmieni fl-2008. B’antiċipazzjoni ta’ l-adozzjoni tiegħu, il-Kummissjoni, b’ħidma ma’ l-Istati Membri fil-Kumitat dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni stabbilit skond l-Artikolu 9 tar-Regolament 2320/02, kompliet tħejji leġiżlazzjoni implimentattiva ġdida u pproduċiet abbozzi inizjali ta’ bosta Kapitoli. Dawn ġew abbozzati speċifikament bil-ħsieb li jkunu ċċarati l-istipulazzjonijiet eżistenti u jitneħħew dawk ir-rekwiżiti meqjusin bħala mhux aktar meħtieġa jew xierqa, biex b’hekk tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni.

Il-Kumitat għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni ltaqa’ 8 darbiet bejn Jannar u Diċembru 2007 u kien appoġġjat minn numru ta’ gruppi ta’ ħidma. Barra minn hekk, kien hemm 8 laqgħat tal-Grupp Konsultattiv ta’ Partijiet Interessati fis-Sigurtà fl-Avjazzjoni (SAGAS), li jagħti lir-rappreżentanti ta’ l-industrija l-opportunità li jiddibattu fehmiethom mal-Kummissjoni u ma’ l-Istati Membri. Klawżola li tiformalizza lil dan il-kumitat ta’ partijiet interessati inkitbet fir-Regolament qafas il-ġdid, li nkluda wkoll impenn li l-kwistjoni tal-finanzjament tas-sigurtà tkun ikkunsidrata aktar.

6.3 Il-kontroll tal-kwalità – armonizzazzjoni akbar

Ix-xogħol fuq ir-reviżjonijiet tar-Regolamenti 1217/2003 u 1486/2003 – li t-tnejn li huma jimplimentaw ir-Regolament 2320/2002 – kompla fis-sessjonijiet tal-grupp ta’ ħidma matul l-2007, bil-għan li tinkiseb konsistenza akbar ta’ l-implimentazzjoni mal-Komunità kollha u bil-għan li l-aħjar prattika tkun parti importanti fil-leġiżlazzjoni. Dan huwa mistenni li jiffaċilita l-iżvilupp futur ta’ sigurtà one stop , kemm fil-Komunità kif ukoll lil hinn minnha.

6.4 Skrutinju Parlamentari u informazzjoni pubblika – aktar trasparenza

Waqt li l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tagħti konsiderazzjoni lill-każ numru C-345/06 (Heinrich)[8], il-Kummissjoni u l-Kumitat wettqu wkoll reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, biex jikkunsidraw liema elementi jistgħu jitpoġġew taħt il-qasam pubbliku mingħajr ebda riskju għas-sigurtà. Huma ddiskutew abbozz ta’ Regolament għal dan il-għan u sejrin jikkunsidraw kif fil-futur jista’ jintlaħaq l-aħjar bilanċ bejn it-trasparenza u l-protezzjoni mit-theddid. Dan ikun ifisser li l-passiġġieri jkollhom aċċess għall-ammont massimu ta’ informazzjoni possibbli qabel ma jieħdu titjira.

6.5 Standards tekniċi – żieda fl-istandardizzazzjoni

L-2007 rat il-qbil fuq regolament ġdid dwar standards għall-projezzjoni ta’ immaġni ta’ theddid (TIP), għalkemm dan fil-fatt ma kienx ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali qabel Jannar 2008[9]. (It-TIP hija sistema mfassla biex ittejjeb u timmonitorja l-prestazzjoni tal-persunal involut fil-kontroll tal-bagalji li jkunu se jinġarru mill-passiġġieri abbord l-ajruplan).

6.6 Likwidi u l-proċedura ta’ reviżjoni – reviżjoni regolari u ħidma ma’ pajjiżi terzi

Ir-Regolament 1546/2006[10] li jintroduċi miżuri biex jindirizzaw it-theddida minn splussivi likwidi, jiġi rivedut f’intervalli ta’ sitt xhur, speċifikament bil-ħsieb li r-rekwiżiti ma jibqgħux daqstant stretti hekk kif issir disponibbli teknoloġija ġdida. F’dan il-kuntest, ir-restrizzjoni proposta fuq id-daqs tal-bagalji li jinġarru mill-passiġġieri abbord l-ajruplan l-ewwel kienet iddifferita u mbagħad revokata fid-dawl tal-konklużjonijiet li waslet għalihom it-Task Force Teknika ta’ l-ECAC wara provi mwettqin f’isem il-Kummissjoni.

Ittieħdu passi wkoll biex ikunu indirizzati l-problemi kkawżati minn trasferiment tal-passiġġieri minn pajjiżi terzi minħabba r-restrizzjonijiet fuq il-likwidi permezz tar-Regolamenti 915/2007[11] u 1477/2007[12], li jipprovdu għar-rikonoxximent Komunitarju tal-miżuri ta’ sigurtà meħudin minn ajruporti f’pajjiż terz.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni bdiet ħidma ma’ l-Istati Membri dwar pjan ta’ orjentazzjoni – pass, pass; proċess imtarraġ ta’ sentejn – lejn it-tħafif tar-restrizzjonijiet fuq likwidi billi jkunu identifikati u stabbiliti standards għal u jsir użu minn teknoloġija ġdida għall-iskrinjar.

7. Provi u studji dwar tagħmir

7.1 Provi- tiftix għal soluzzjonijiet ġodda

Skond ir-Regolament 65/2006[13], l-Istati Membri li jixtiequ jwettqu provi ta’ tagħmir jew proċeduri ġodda jistgħu jagħmlu dan għal perjodu limitat wara li jinnotifikaw, u jirċievu kunsens, mill-Kummissjoni u mill-Kumitat. Din il-proċedura tapplika biss fejn it-tagħmir jew il-proċeduri li jkunu qegħdin jipu ppruvati jissostitwixxu dawk speċifikati fil-leġiżlazzjoni Ewropea. (L-Istati Membri jistgħu, naturalment, meta jridu, jwettqu provi ta’ tagħmir jew metodi meta dawn ikunu addizzjonali għal dawk koperti mir-Regolamenti).

Matul l-2007 sar progress fuq għadd ta’ provi, li jinvolvu l-użu ta’ scanners tal-ġisem (millimetre wave u backscanner) u ta’ klieb. Fit-tmiem tal-perjodu ta’ prova, il-Kummissjoni sejra tiddeċiedi jekk il-metodu l-ġdid għandux jiġi inkluż fil-leġiżlazzjoni ta’ l-UE. Huwa ferm probabbli li dan sejjer ikun il-każ għal tagħmir ta’ skenjar tal-ġisem, li huwa mistenni li jiffaċilita bil-kbir il-fluss tal-passiġġieri minn punti għall-iskenjar, kif ukoll għandu jgħolli l-istandards.

7.2 Studji – identifikazzjoni tal-problemi, proposti ta’ risposti

Barra dawn il-provi, matul l-2007 tkomplew serje ta’ studji sponsorjati mill-Kummissjoni, b’mod partikolari dawk li jikkunsidraw l-użu ta’ klieb xammiema (sniffer), fatturi li jaffettwaw il-prestazzjoni tal-persunal tas-sigurtà u l-kunċett ta’ ‘passiġġier irreġistrat’. Bħalissa, ir-rapporti qegħdin jiġu kkunsidrati mill-partijiet u jistgħu jifformaw il-bażi għal leġiżlazzjoni implimentattiva futura.

Il-Kummissjoni għamlet ukoll sforzi partikolari biex tibqa’ informata b’mod sħiħ dwar ir-riċerka mwettqa mill-industrija u mit-Task Force Teknika ta’ l-ECAC fi provi fuq likwidi, bil-għan li tkun introdotta leġiżlazzjoni li tippermetti l-użu ta’ din it-teknoloġija l-ġdida hekk kif din tkun żviluppata biżżejjed biex tintuża fl-ajruporti.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kompliet ħidma fuq database li għandha l-għan li tiffaċilita x-xogħol għall-industrija tal-merkanzija bl-ajru billi tipprovdilha għodda li tippermetti verifikazzjoni malajr ta’ l-istatus tas-sigurtà ta’ l-entitajiet ta’ l-industrija prinċipali - aġenti regolati u kunsinjaturi magħrufin.

8. Progress ma’ pajjiżi terzi

8.1 L-iżvilupp ta’ sigurtà one stop ma’ pajjiżi terzi

Skond l-Artikolu 10 tar-Regolament 2320/2002, il-Kummissjoni hija meħtieġa li tikkunsidra l-iżvilupp ta’ sigurtà one stop globali. Dan ifisser li l-kunċett Komunitarju li kull Stat Membru jirrikonoxxi l-miżuri ta’ sigurtà implimentati minn oħrajn – biex, ngħidu aħna, il-passiġġieri ma jkolhom għalfejn jerġgħu jiġu skrinjati meta jkunu se jirkbu ajruplan ieħor fit-tieni ajruport ta’ l-UE – jista’ jkun estiż għal xi pajjiżi terzi. Dan ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri jista’ jsir qbil fuqu biss meta l-pajjiż terz ikun kapaċi juri li huwa jieħu approċċ ekwivalenti għas-sigurtà fl-avjazzjoni bħal dak stabbilit fir-Regolamenti ta’ l-UE. Tingħata wkoll prijorità biex jitmexxew ’il quddiem ftehimiet li jkunu jipprevedu benefiċċji ġenwini għall-industrija u għall-passiġġieri – jiġifieri, dawk li jirrappreżentaw volum qawwi ta’ traffiku, bħall-Istati Uniti.

Il-Kummissjoni kienet ukoll attiva f’diversi fora biex tħejji t-triq għal kooperazzjoni aktar intensiva dwar is-sigurtà, b’mod partikolari l-aktar permezz ta’ diskussjonijiet bilaterali ma’ l-Istati Uniti u ma’ l-ICAO. Dawn in-negozjati diġà wasslu għal għadd ta’ titjib reali għall-passiġġieri u għall-Istati Membri permezz tat-tnaqqis tad-duplikazzjoni u ta’ domandi ekstraterritorjali (per eżempju, l-Istati Uniti neħħew ir-rekwiżit tagħhom għal skrinjar tal-bagalji fl-aħħar punt tat-tluq, biex issa jirrikonoxxu l-Komunità bħala blokk wieħed, waqt li l-Aġenzija ta’ l-Istati Uniti għas-Sigurtà tat-Trasport u l-ICAO x’aktarx li t-tnejn inaqqsu n-numru ta’ spezzjonijiet li jwettqu fl-UE, b’rikonoxximent tar-reġim robust Komunitarju).

Meta jiġi kkunsidrat dan il-progress inkoraġġanti, u l-impetu addizzjonali mogħti minn tħassib li jkun ġej minn pajjiżi terzi minħabba r-restrizzjonijiet reċenti fuq il-likwidi, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib ma’ Stati mhux fl-UE huma issa fuq quddiem ta’ l-aġenda tal-Kummissjoni.

8.2 Splussivi likwidi – passiġieri fi trasferiment

It-tħassib rigward l-użu possibbli mit-terroristi ta’ splussivi likwidi ħoloq diffikultajiet partikolari għal passiġġieri minn pajjiżi terzi li jirkbu ajruplan ieħor f’ajruporti Komunitarji – u wkoll għal passiġġieri Komunitarji li jirkbu ajruplan ieħor f’xi ajruport ta’ pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni għalhekk ħadet rwol ewlieni kemm fl-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni internazzjonali biex tkun indirizzata t-theddida preżenti kif ukoll biex jinstabu soluzzjonijiet kemm għall-immedjat kif ukoll għal perjodi fit-tul biex ikun iffaċilitat il-fluss tal-passiġġieri fl-ajruporti waqt li jinżammu livelli adegwati ta’ sigurtà. Dan wassal għall-adozzjoni ta’ regolament, li jippermetti l-bejgħ ta’ likwidi mingħajr dazju fl-ajruport Changi ta’ Singapor u li l-passiġġieri li jkunu ġejjin minnu jkunu eżentati minn aktar kontrolli waqt trasferimenti f’ajruporti ta’ l-UE. Id-diskussjonijiet dwar arranġamenti simili miexjin ’il quddiem ma’ diversi Stati oħrajn, madankollu b’mod ġenerali, l-implimentazzjoni kienet diżappuntanti, u dan jindika ħtieġa ċara li jeħtieġ li jiġu żviluppati soluzzjonijiet oħrajn.

9. Kwistjonijiet għall-futur

Il-Kummissjoni għandha programm ta’ ħidma ċar għall-2008:

- l-iffinalizzar tal-leġiżlazzjoni implimentattiva l-ġdida;

- it-tisjib ta’ metodi aħjar kif tkun indirizzata t-theddida mill-isplussivi likwidi;

- jiġi kkunsidrat l-aħjar approċċ kif tkun iffinanzjata s-sigurtà fl-avjazzjoni;

- jitkompla l-programm ta’ spezzjoni (inkluż l-involviment bħala osservaturi f’xi spezzjonijiet fl-Istati Uniti);

- jiġu introdotti standards tekniċi ġodda;

- l-Istati Membri jkunu assistiti fit-titjib u fl-armonizzazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità;

- l-analizzar tar-riżultati ta’ l-istudji; u

- it-tmexxija ’l quddiem ta’ ftehimiet ma’ pajjiżi terzi.

Waqt li l-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà għandhom dejjem jiġu fuq quddiem, l-involviment attiv tal-gruppi ta’ partijiet interessati, il-valutazzjoni rigoruża ta’ proposti ġodda u r-reviżjoni regolari tal-leġiżlazzjoni eżistenti jiżguraw li dan il-programm sejjer jiġi żviluppat b’mod li jikkunsidra bis-sħiħ it-tħassib prattiku u l-benefiċċji mil-lezzjonijiet ta’ esperjenza.

KONKLUŻJONI

Il-progress sa mill-2002 kien wieħed sostanzjali. Il-programm futur sejjer jibni fuq dan is-suċċess, billi jtejjeb is-sigurtà fuq it-titjiriet lejn u ’l barra mill-Komunità, jipproteġi l-interessi Ewropej u jżomm il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema tat-trasport bl-ajru. Dan sejjer iwassal għal stadju aktar avvanzat u sinifikanti fl-iżvilupp ta’ reġim komprensiv għas-sigurtà tat-trasport bl-ajru, filwaqt li jqis b’mod sħiħ il-ħtiġijiet tal-passiġġieri u ta’ l-industrija. F’bosta aspetti, l-Ewropa hija fuq quddiem fid-dinja fl-istabbiliment ta’ standards għas-sigurtà fl-avjazzjoni. Hija għandha tkompli f’din it-triq.

ANNESS Spezzjonijiet mill-Kummissjoni sal-31.12.2007

Stat Membru | L-għadd ta’ spezzjonijiet 2004 -12/2006 (inkluż is-segwiti) | L-għadd ta’ spezzjonijiet 01/2007 -12/2007 (inkluż is-segwiti) | Total ta’ l-għadd ta’ spezzjonijiet 2004-2007 (inkluż is-segwiti) |

L-Awstrija | 5 | 1 | 6 |

Il-Belġju | 3 | 1 | 4 |

Il-Bulgarija | 1 | 1 |

Ċipru | 3 | 1 | 4 |

Ir-Repubblika Ċeka | 2 | 1 | 3 |

Id-Danimarka | 4 | 1 | 5 |

L-Estonja | 2 | 1 | 3 |

Il-Finlandja | 4 | 4 |

Franza | 6 | 1 | 7 |

Il-Ġermanja | 6 | 2 | 8 |

Il-Greċja | 6 | 2 | 8 |

L-Ungerija | 2 | 2 |

L-Irlanda | 4 | 1 | 5 |

L-Italja | 5 | 2 | 7 |

Il-Latvja | 3 | 3 |

Il-Litwanja | 3 | 3 |

Il-Lussemburgu | 2 | 2 | 4 |

Malta | 2 | 2 |

L-Olanda | 3 | 1 | 4 |

Il-Polonja | 4 | 1 | 5 |

Il-Portugall | 3 | 3 |

Ir-Rumanija | 1 | 1 |

Is-Slovakkja | 2 | 1 | 3 |

Is-Slovenja | 3 | 0 | 3 |

Spanja | 4 | 2 | 6 |

L-Iżvezja | 3 | 2 | 5 |

Ir-Renju Unit | 4 | 3 | 7 |

L-Iżvizzera[14] | 1 | 1 |

TOTAL | 89 | 28 | 117 |

Spezzjonijiet mill-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA sal-31.12.2007

Stat EFTA ŻEE | L-għadd ta’ spezzjonijiet 2005 -12/2006 (inkluż is-segwiti) | L-għadd ta’ spezzjonijiet 01/2007 - 12/2007 (inkluż is-segwiti) | Total ta’ l-għadd ta’ spezzjonijiet 2004-2007 (inkluż is-segwiti) |

L-Iżlanda | 2 | 2 | 4 |

In-Norveġja | 9 | 10 | 19 |

TOTAL | 11 | 12 | 23 |

[1] ĠU L 355 30.12.2002, p1.

[2] Ir-rekwiżiti kollha taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament 2320/2002.

[3] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1486/2003 li jistabbilixxi proċeduri sabiex jitmexxew spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili, ĠU L 213, 23.8.2003, p. 3.

[4] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1217/2003 li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet komuni għal programmi ta' kontroll ta' kwalità għas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili nazzjonali ĠU L 169, 8.7.2003, p. 44.

[5] Il-każ tal-Lussemburgu sadanittant issolva. Il-każ Slovakk issolva fir-rigward tal-pjan ta’ azzjoni.

[6] Sa minn dakinhar adottat bħala r-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-11 ta’ Marzu 2008, ĠU C 281, 18.11.06, p. 19.

[7] Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2003, li jistabbilixxi miżuri għall-implimentazzjoni ta’ standards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni, ĠU L 89, 5.4.2003, p. 9.

[8] ĠU L 912.1.08, p. 12.

[9] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 23/2008 tal-11 ta’ Jannar 2008, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 622/2003 li jistabbilixxi l-miżuri sabiex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni, ĠU L 9, 12.1.2008, p. 12.

[10] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1546/2006 ta’ l-4 ta’ Ottubru 2006, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 622/2003 li jistabbilixxi l-miżuri sabiex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni, ĠU L 286, 17.10.2006, p. 6.

[11] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 915/2007 tal-31 ta’ Lulju 2007, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 622/2003 li jistabbilixxi l-miżuri sabiex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni, ĠU L 200, 1.8.2007, p. 3.

[12] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1477/2007 tat-13 ta’ Diċembru 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 622/2003 li jistabbilixxi l-miżuri sabiex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni, ĠU L 329, 13.12.2007, p. 22.

[13] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2006 tat-13 ta’ Jannar 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 622/2003 li jistabbilixxi l-miżuri sabiex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni, ĠU L 11,17.1.2006, p. 4.

[14] Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li twettaq spezzjonijiet fl-Iżvizzera skont ftehim bilaterali bejn l-UE u l-Iżvizzera..