52008DC0566

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill lill-Parlament Ewropew lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni {SEC(2008) 2443} {SEC(2008) 2444} {SEC(2008) 2445} /* KUMM/2008/0566 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell 18.9.2008

COM(2008) 566 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL LILL-PARLAMENT EWROPEW LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni

{SEC(2008) 2443}{SEC(2008) 2444}{SEC(2008) 2445}

WERREJ

1. Id-daħla 3

2. L-isfidi ta' UE ikbar u aktar varjata 4

3. L-għanijiet 5

4. Il-multilingwiżmu għad-djalogu interkulturali u l-koeżjoni soċjali 6

4.1. L-għożża tal-ilsna kollha 6

4.2. Negħlbu x-xkiel tal-ilsna fl-ambjent lokali 6

5. Il-multilingwiżmu għall-prosperità 7

5.1. L-ilsna u l-kompetittività 8

5.2. L-ilsna u l-kapaċità ta' impjieg 8

6. It-tagħlim lis jissokta matul il-ħajja 9

6.1. Aktar opportunitajiet ta' tagħlim tal-ilsna 9

6.2. It-tagħlim effettiv tal-ilsna 10

7. Il-mezzi tal-massa, it-teknoloġiji l-ġodda u t-traduzzjoni 12

8. Id-dimensjoni esterna tal-multilingwiżmu 13

9. L-implimentazzjoni 14

10. Il-konklużjonijiet 15

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL LILL-PARLAMENT EWROPEW LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni

Id-diversità lingwistika hija sfida għall-Ewropa, iżda fl-opinjoni tagħna, sfida li tagħti sodisfazzjon (Amin Maalouf, Grupp ta' Intellettwali għad-Diversità Interkulturali)

1. ID-DAħLA

Il-koeżistenza armonjuża ta' bosta ilsna fl-Ewropa hija simbolu qawwi tal-ambizzjoni Ewropea li tkun magħquda fid-diversità, li hija waħda mill-pedamenti tal-proġett Ewropew. L-ilsna jiddefinixxu l-identitajiet personali, iżda wkoll jagħmlu parti minn wirt komuni. Huma jservu ta' pont għall-persuni oħra u jagħtu aċċess għall-pajjiżi u kulturi, filwaqt li jippromwovu l-fehma reċiproka. Politika tal-multilingwiżmu li tirnexxi tista' ssaħħaħ l-opportunitajiet tal-ħajja taċ-ċittadini: tista' żżidilhom il-kapaċità tagħhom ta' impjieg, tiffaċilita l-aċċess għas-servizzi u d-drittijiet u tikkontribwixxi għas-solidarjetà permezz ta' djalogu interkulturali u koeżjoni soċjali mtejba. Jekk tiġi ttrattata f'dan l-ispirtu, id-diversità lingwistika tista' ssir vantaġġ prezzjuż, u dan jinħass dejjem iżjed fid-dinja globalizzata tal-lum.

L-aġenda soċjali mġedda tal-Kummissjoni, adottata fit-2 ta' Lulju 2008, stipulat strateġija ġdida għall-ġestjoni tal-bidla fid-dinja tagħna ta' globalizzazzjoni li tiffoka fuq il-prinċipji ewlenin ta' opportunitajiet, aċċess u solidarjetà. F'Unjoni Ewropea multilingwa, dan ifisser li: i) kulħadd għandu jkollu l-opportunità li jikkomunika kif suppost sabiex jirrealizza/tirrealizza l-potenzjal tiegħu/tagħha u japprofitta/tapprofitta mill-opportunitajiet li toffri l-UE moderna u innovattiva; ii) kulħadd għandu jkollu aċċess għal taħriġ lingwistiku xieraq jew għal mezzi oħra ta' ffaċilitar tal-komunikazzjoni sabiex ma jkun hemm l-ebda xkiel żejjed biex wieħed jgħix, jaħdem jew jikkomunika fl-UE; iii) fl-ispirtu ta' solidarjetà, anki dawk li jistgħu ma jkunux kapaċi jitgħallmu ilsna oħra għandhom jingħataw mezzi xierqa ta' komunikazzjoni, li jippermettulhom aċċess għall-ambjent multilingwi.

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2005 Strateġija ġdida ta ’ qafas għal multilingwiżmu [1] affermat mill-ġdid il-valur tad-diversità lingwistika u żvelat il-ħtieġa ta' politika usa' sabiex tippromwovi l-multilingwiżmu[2], kif rakkomnadata mill-Grupp ta' Livell Għoli indipendenti dwar il-Multilingwiżmu[3]. Din l-analiżi ġiet ikkonfermata minn konsultazzjoni wiesgħa[4] fl-2007-08 li kienet tinkludi konsultazzjoni fuq l-internet li ġibdet 'il fuq minn 2 400 tweġiba, u żewġ gruppi konsultattivi li rrappurtaw dwar il-kontribut tal-mulitlingwiżmu għad-djalogu interkulturali u dwar ir-rwol li għandhom l-ilsna fin-negozju[5].

Il-Kummissjoni tat ukoll widen lil istituzzjonijiet oħra tal-UE. Il-Parlament Ewropew ipproduċa bosta rapporti ta' interess kbir[6], u kemm il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kif ukoll il-Kumitat tar-Reġjuni ntalbu jagħtu l-opinjoni tagħhom[7]. L-ewwel konferenza ministerjali tal-Kunsill dwar il-multilingwiżmu seħħet fil-15 ta' Frar 2008 bil-ħsieb li tħejji t-triq għal politika usa'.

L-Istati Membri huma l-entitajiet ewlenin li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-politika tal-ilsien, inkluż dwar ilsna reġjonali u dawk ta' minorità, li tipprovdilhom qafas komprensiv il-Karta għall-ilsna Reġjonali jew dawk ta' Minorità tal-Kunsill tal-Ewropa. Bosta organizzazzjonijiet oħra jieħdu deċiżjonijiet fuq il-bażi ta' kwistjonijiet lingwistiċi: fornituri edukattivi, awtoritajiet reġjonali u lokali, imsieħba soċjali, mezzi tal-massa u servizzi. Il-Kummissjoni taħdem ma' Stati Membri u partijiet interessati, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, sabiex tiżgura li l-għanijiet huma komuni, u se tgħinhom fl-isforzi tagħhom notevolment billi tiffaċilita l-iskambju tal-aqwa prassi.

F'dan il-kuntest mill-2002 'il hawn, il-Kummissjoni ħadmet ma' Stati Membri lejn l-għan ta' Barċellona li jippermetti ċ-ċittadini jikkomunikaw f'żewġ ilsna flimkien ma' lsien twelidhom, b'mod partikolari, billi jiġi żviluppat indikatur tal-kompetenza tal-ilsien[8], billi jitfasslu azzjoni strateġika u rakkomandazzjonijiet, u billi jiġu inklużi ħiliet fl-ilsna barranin fost il-kompetenzi għal tagħlim li jissokta matul il-ħajja[9].

Filwaqt li tibni fuq il-progress tas-snin preċedenti, il-komunikazzjoni timmira li tikseb bidla kwalitattiva, billi tippreżenta politika li hija kollettiva b'mod estensiv u li hija komprensiva, li tmur lil hinn mill-edukazzjoni sabiex tindirizza l-ilsna fil-kuntest usa' stipulat mill-Aġenda tal-UE għall-koeżjoni soċjali u l-prosperità, iż-żewġ għanijiet ċentrali tal-Istrateġija ta' Liżbona.

2. L-isfidi ta' UE ikbar u aktar varjata

Is-soċjetajiet Ewropej tal-lum qed jaffaċjaw bidla rapida minħabba l-globalizzazzjoni, l-avvanzi teknoloġiċi u l-popolazzjonijiet li qed jixjieħu. Il-mobilità akbar għall-Ewropej - bħalissa 10 miljun Ewropew jaħdmu fi Stati Membri oħra - hija sinjal importanti ta' din il-bidla. Iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar in-nies jinteraġixxu mal-kontrapartijiet tagħhom minn pajjiżi differenti filwaqt li numri dejjem jiżdiedu ta' nies jaħdmu u jgħixu lil hinn minn art twelidhom. Dan il-proċess huwa riinfurzat b'mod ulterjuri permezz tat-tkabbir riċenti tal-UE. L-UE issa għandha 500 miljun ċittadin, 27 Stat Membru, 3 alfabetti u 23 ilsien uffiċjali, uħud minnhom b'kopertura dinjija. Xi 60 ilsien oħrajn jagħmlu wkoll parti mill-wirt tal-UE u huma mitkellma f'reġjuni speċifiċi jew minn gruppi speċifiċi. Barra minn dan, l-immigranti ġabu magħhom firxa wiesgħa ta' ilsna: huwa stmat li mill-inqas 175 nazzjonalità huma preżenti llum fi ħdan il-konfini tal-UE[10]. Minħabba dawn il-fatturi kif ukoll oħrajn, il-ħajja tal-Ewropej saret aktar internazzjonali u aktar multilingwa.

Filwaqt li din id-diversità lingwistika hija għajn ta' benefiċċju u għana, mingħajr politiki xierqa, hija tippreżenta sfidi. Hija tista' twessa' l-lakuna fil-komunikazzjoni bejn nies ta' kulturi differenti u żżid il-firdiet soċjali, li tagħti aċċess għal għajxien aħjar u għal opportunitajiet aqwa ta' xogħol għal min huwa multilingwi filwaqt li teskludi lil min huwa monolingwi. Hija tista' xxekkel iċ-ċittadini u l-kumpaniji tal-UE milli japprofittaw mill-opportunitajiet ippreżentati mis-suq uniku, u possibilment iddgħajjef il-vantaġġ kompetittiv tagħhom fl-esteru. Tista' wkoll tkun ta' xkiel għal kooperazzjoni amministrattiva transkonfinali bejn l-Istati Membri fl-UE u għall-ħidma effiċjenti tas-servizzi lokali, pereżempju sptarijiet, qrati, ċentri tal-impjiegi, eċċ.

L-isfida attwali hija li jitnaqqsu kemm jista' jkun l-ostakli li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini u l-kumpaniji tal-UE u li dawn tingħatalhom is-setgħa sabiex japprofittaw ruħhom mill-opportunitajiet ippreżentati mill-multilingwiżmu. Hija wkoll li turi li l-ilsna jistgħu jservu ta' vantaġġ għall-benefiċċju tas-soċjetà Ewropea bħala entità sħiħa.

3. L-għanijiet

Il-komunikazzjoni tikkonċentra fuq in-nies: il-kapaċità tagħhom li jużaw bosta ilsna, l-opportunità tagħhom li jkollhom aċċess għall-kultura u li jipparteċipaw bħala ċittadini attivi, sabiex igawdu minn komunikazzjoni aħjar, inklussività u opportunitajiet usa' ta' impjieg u negozju. Għalhekk l-għan ewlieni huwa li jitrawwem l-għarfien tal-valur u l-opportunitajiet tad-diversità lingwistika tal-UE u li titħeġġeġ it-tneħħija tal-ostakli għad-djalogu interkulturali.

F'dan ir-rigward l-istrument ta' qofol huwa l-għan ta' Barċellona - komunikazzjoni f'ilsien twelidek flimkien ma' tnejn oħra. Hemm bżonn ta' sforz akbar sabiex jinkiseb dan l-għan għaċ-ċittadini kollha.

Jinħtieġu wkoll miżuri konkreti għal parti kbira tas-soċjetà Ewropea, li għadha qiegħda titlef il-vantaġġi tal-multilingwiżmu, pereżempju dawk li huma monolingwi jew li għadhom ibatu fl-ewwel ilsien barrani tagħhom, dawk li jitilqu mill-iskola fi żmien bikri u adulti oħra li ma għadhomx jagħmlu parti mill-qasam tal-edukazzjoni. Soluzzjonijiet ġodda ta' tagħlim huma essenzjali sabiex jintlaħqu dawn il-gruppi speċifiċi permezz tal-edurekreazzjoni, il-mezzi tal-massa u t-teknoloġiji, iżda li jkunu adattati wkoll għal servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni. Tinħtieġ iktar ħidma sabiex tiffaċilita t-tagħlim tal-ilsna għall-adulti u ż-żgħażagħ fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), li għandu jiġi adottat skont il-bżonnijiet u l-metodu personali ta' tagħlim.

Jinħtieġ sforz ikkoordinat sabiex jiżgura li, fi ħdan ir-riżorsi eżistenti, il-multilingwiżmu jiġi 'integrat' b'mod transversali f'serje ta' oqsma ta' politika tal-UE, inkluż fit-tagħlim li jissokta matul il-ħajja, l-impjieg, l-inklużjoni soċjali, il-kompetittività, il-kultura, iż-żgħażagħ u s-soċjetà ċivili, ir-riċerka u l-mezzi tal-massa. Il-kapitoli li ġejjin jiddeskrivu fil-qosor l-aspetti ċentrali ta' din l-istrateġija inklussiva mmirata biex twessa' l-ambitu tal-multilingwiżmu sabiex tħaddan il-koeżjoni soċjali u l-prosperità, jiġifieri trawwem kumpaniji li jirnexxu, inklużi SMEs, negozju u kummerċ kompetittivi, kapaċità ta' impjieg, u integrazzjoni, kuntentizza u rikreazzjoni fil-ħajja ta' kuljum u fil-kuntest individwali.

4. Il-multilingwiżmu għad-djalogu interkulturali u l-koeżjoni soċjali

Kull ilsien ta' nazzjon, reġjun, minorità, u migranti mitkellem fl-Ewropa jżid komponent fil-kuntest kulturali komuni tagħna. Huwa għandu jinqasam sabiex irawwem djalogu u rispett reċiproku. Hemm inħawi fl-UE fejn iċ-ċittadini jirnexxilhom jamalgamaw li jitkellmu lsien ta' reġjun jew ta' minorità mal-ilsien nazzjonali u jmorru tajjeb fl-ilsna barranin ukoll. In-nies multilingwi huma kwalità prezzjuża minħabba li jservu ta' kolla bejn il-kulturi differenti.

4.1. L-għożża tal-ilsna kollha

Fil-kuntest attwali ta' mobilità u migrazzjoni miżjuda, il-ħakma ta' lsien/ilsna nazzjonali hija fundamentali għall-integrazzjoni li tirnexxi u għall-kisba ta' rwol attiv fis-soċjetà. Għalhekk kelliema ta' lsien li mhuwiex dak ta' twelidhom għandhom għalhekk jinkludu l-ilsien tal-pajjiż li qed jospitahom mal-ġabra tagħhom ta' 'lsien wieħed flimkien ma' tnejn oħra'.

Hemm ukoll riżorsi lingwistiċi mhux użati fis-soċjetà tagħna: ilsna differenti tat-twelid u ilsna oħra mitkellma d-dar u fil-kuntesti lokali u f'dawk tal-inħawi għandhom jingħataw aktar għożża. pereżempju, tfal li għandhom ilsien twelidhom differenti — kemm jekk mill-UE kif ukoll minn pajjiż terz — jippreżentaw diffikultà lill-iskejjel biex jgħallmu l-ilsien ta' struzzjoni bħala t-tieni lsien[11], iżda jistgħu wkoll jimmotivaw lil sħabhom tal-klassi biex jitgħallmu ilsna differenti u biex jesponu ruħhom għall-kulturi oħra.

Bil-ħsieb li jippermetti kollegamenti eqreb bejn il-komunitajiet, il-grupp konsultattiv tal-Kummissjoni dwar il-multilingwiżmu u d-djalogu interkulturali[12] żviluppa l-kunċett ta' 'ilsien adottiv personali', li jitsta' jibbenefika b'mod vatnaġġjuż minn riflessjoni ulterjuri[13].

4.2. Negħlbu x-xkiel tal-ilsna fl-ambjent lokali

Karatteristika bażika taċ-ċittadinanza hija li n-nies li jgħixu f'komunità lokali jistgħu jgawdu mis-servizzi disponibbli u jkunu kapaċi jikkontribwixxu fil-ħajja ta' kuljum tal-lokalità tagħhom. It-turisti, il-ħaddiema barranin jew l-istudenti, u l-immigranti spiss jasli fi ħdan komunitajiet lokali b'għarfien limitat tal-ilsien nazzjonali. Sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għas-servizzi u jiżguraw integrazzjoni mingħajr skossi, uħud mill-komunitajiet jagħmlu l-informazzjoni bażika meħtieġa disponibbli f'ilsna differenti u jiddependu fuq nies multilingwi sabiex jaġixxu bħala medjaturi u interpreti kulturali. B'mod partikolari, inħawi metropolitani u lokalitajiet turistiċi fl-Ewropa kisbu esperjenza konsiderevoli fil-ġestjoni tal-ħtiġijiet ta' barranin li ma jafux jitkellmu l-ilsien lokali. Il-Kummissjoni torbot importanza kbira ma' dan u se tappoġġja t-tixrid tal-prassi t-tajba f'dan il-qasam[14].

Sabiex jiffaċilitaw il-forniment u l-użu tas-servizzi transkonfinali, il-Punti ta' Kuntatt Uniku, li għandhom jitwaqqfu fil-livell nazzjonali sal-aħħar tal-2009 skont id-Direttiva tas-Servizzi[15], se jitħeġġu sabiex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa f'ilsna differenti lil fornituri ta' servizzi minn Stati Membri oħra kif ukoll lill-utenti tas-servizzi.

Qasam li jistħoqlu attenzjoni partikolri huwa t-traduzzjoni u l-interpretazzjoni legali[16]. Fid-dawl tal-mobilità professjonali u personali dejjem tiżdied taċ-ċittadini tal-UE bejn l-Istati Membri, domanda akbar ta' appoġġ bħal dan hija probabbli, hekk kif in-numru ta' kawżi li jinvolvu persuni b'ħiliet limitati fl-ilsien tal-Qorti jiżdied.

Il-Kummissjoni se tagħmel użu strateġiku tal-programmi u inizjattivi relevanti tal-UE[17] sabiex tqarreb aktar il-multilingwiżmu lejn iċ-ċittadin: tħaddem kampanji li jqajmu l-għarfien dwar il-benefiċċji tad-diversità lingwistika u t-tagħlim tal-ilsna għal djalogu interkulturali tissorvelja l-ħiliet lingwistiċi taċ-ċittadini permezz tal-Indikaturi tal-Ilsna u s-servejs tal-Ewrobarometru flimkien mal-Istati Membri, tpartat l-aqwa prassi, tħarreġ u ssawwar il-kuntatti fost l-interpreti u t-tradutturi legali u tiżviluppa għodda speċifika tat-traduzzjoni għall-aċċess ta' dokumenti sabiex ittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja L-Istati Membri huma mistiedna biex: jagħmlu sforzi sabiex ikollhom Punti ta' Kuntatt uniku skont id-Direttiva tas-Servizzi li jaħdmu f'bosta ilsna sabiex jiffaċilitaw il-forniment tas-servizzi transkonfinali jiffaċilitaw l-aċċess għal andamenti mmirati tal-ilsein(ilsna) tal-pajjiż li jospita għal kelliema ta' lsien li mhuwiex dak ta' twelidhom |

- 5. Il-multilingwiżmu għall-prosperità

L-ilsna jistgħu jkunu vantaġġ kompetittiv għan-negozju tal-UE. Kumpaniji multilingwi jagħtu prova tal-mod kif id-diversità lingwistika u l-investiment fil-ħiliet tal-ilsna u f'dawk interkulturali jistgħu jiġu ttrasformati fi kwalità ġenwina għall-prosperità u l-benefiċċju ta' kulħadd. Uħud mill-ilsna Ewropej huma mitkellma b'mod mifrux sewwa madwar id-dinja u jistgħu jkunu għodda prezzjuża ta' komunikazzjoni għan-negozju.

Il-Forum tan-Negozji għall-Multilingwiżmu[18] għamel rakkomandazzjonijiet sabiex tingħata spinta l-kompetittività u tittejjeb il-kapaċità ta' impjieg permezz ta' ġestjoni aqwa tad-diversità lingwistika. Il-Forum ġibed l-attenzjoni fuq il-fatt li s-swieq emerġenti bħalma huma l-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina huma dejjem iżjed importanti għall-kumpaniji tal-UE u jinħtieġu ħiliet xierqa tal-ilsna biex jikkompetu hemmhekk. Għalhekk, l-isfida, hija li l-multilingwiżmu jinżera fl-istrateġiji kollha mmirati lejn l-iżvilupp tal-kapital uman[19].

5.1. L-ilsna u l-kompetittività

Studju tal-Kummissjoni dwar l-impatt tal-ekonomija tal-UE ta' skarsezzi ta' ħiliet fl-ilsna barranin fl-intrapriża[20] stima li 11 % tal-SMEs esportaturi jistgħu jkunu qed jitilfu n-negozju minħabba ostakli lingwistiċi. Minkejja li l-Ingliż għandu r-rwol ewlieni bħala l-ilsien tan-negozju tad-dinja, huma l-ilsna l-oħra li se jagħtu lill-kumpaniji tal-UE vantaġġ kompetittiv u jippermettulhom li jirbħu swieq ġodda. Ħiliet aqwa tal-ilsna huma kwalità li tirrifletti fuq l-attivitajiet kollha, mhux biss għall-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni. Il-kumpaniji kollha jinteraġixxu ma' kategoriji differenti ta' fornituri tas-servizzi u fornituri tas-sorsi. Minkejja dan, f'bosta każijiet, in-negozji — partikolarment l-SMEs — ma jkollhomx is-sengħa u r-riżorsi biex jinkorporaw l-ilsna fit-tfassil tagħhom tan-negozju.

Il-ħaddiema multikulturali jeħtieġu taħriġ xieraq fl-ilsien tal-kumpanija tagħhom, iżda l-kumpaniji jridu jmorru lil hinn minn dan, u jsibu modi kreattivi kif jużaw ir-riżorsi tal-ilsna li jeżistu, iżda li spiss huma moħbija, fil-ħaddiema multikulturali tagħhom.

Kif iddikjara l-Forum tan-Negozji, il-kumpaniji u l-assoċjazzjonijiet tan-negozji jistgħu jiżviluppaw b'mod vantaġġjuż strateġiji sabiex itejbu l-ħiliet tal-ilsna għal kompiti differenti. Strateġiji ta' ġestjoni tal-ilsna bħal dawn għandu jkollhom ukoll impatt pożittiv fuq 'l-industrija tal-ilsna' billi jfornu servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni u teknoloġija multilingwa. Ikun ukoll fl-interess tagħhom li jinvestu fit-taħriġ tal-ilsna u, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, iwaqqfu kollaborazzjonijiet bi sħab bejn l-entitajiet privati u dawk pubbliċi li jagħtu assistenza għall-komunità tan-negozju, partikolarment l-SMEs, biex jiffinanzjaw korsijiet tal-ilsna u jiżviluppaw metodi oħra ta' titjib tal-istrateġiji tal-ilsna.

5.2. L-ilsna u l-kapaċità ta' impjieg

Il-ħiliet lingwistiċi u interkulturali jżidu l-opportunitajiet għal kisba ta' impjieg aħjar. B'mod partikolari, l-għarfien ta' bosta ilsna barranin jagħti vantaġġ kompetittiv: il-kumpaniji qegħdin dejjem iżjed ifittxu għal ħiliet f'numru ta' ilsna biex jagħmlu n-negozju fl-UE u lil hinn minnha. Dawk li għandhom għarfien tajjeb ta' aktar ilsna jistgħu jagħżlu minn firxa usa' ta' offerti ta' impjieg, inklużi impjiegi fl-esteru: in-nuqqas ta' ħiliet lingwistiċi huwa rrappurtat bħala l-ostaklu ewlieni għal xogħol fl-esteru[21]. Teżisti evidenza empirika li l-ħiliet f'bosta ilsna jrawmu l-kreattività u l-innovazzjoni: nies multilingwi jagħrfu li l-problemi jistgħi jiġu ttrattati f'modi differenti skont il-kuntest lingwistiku u kulturali differenti u jistgħu jużaw din il-kapaċità biex isibu soluzzjonijiet ġodda.

Skemi ta' mobilità, bħal dawk appoġġjati mill-programmi ta' Tagħlim li Jissokta Matul il-Ħajja u taż-Żgħażagħ fl-Azzjoni, għandhom isiru disponibbli b'mod wiesa' għaċ-ċittadini tal-UE[22]. Is-safar għal raġunijiet ta' studju jew ta' xogħol huwa wieħed mill-mezzi l-iktar effettivi għat-tagħlim ta' ilsna oħra u biex isir kuntatt ma' kulturi oħra. L-istudenti tal-Erasmus ikklassifikaw it-titjib tal-ħiliet tal-ilsna bħala l-ikbar benefiċċju tal-perjodu li qattgħu barra minn pajjiżhom. Il-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom japprofittaw mill-iskambji, il-kollaborazzjonijiet bi sħab u l-ġemellaġġ virtwali ma' skejjel f'pajjiżi oħrajn.

Il-Kummissjoni se: tippromwovi l-mobilità fost l-istudenti, l-apprendisti, il-ħaddiema u l-intraprendituri żgħażagħ ixxandar ir-riżultati tal-istudju għaddej bħalissa dwar ir-rabta bejn il-ħiliet tal-ilsna, il-kreattività u l-innovazzjoni toħloq pjattaforma permanenti għall-iskambju tal-aqwa prassi għall-kumpaniji, li tiġbor informazzjoni relevanti mill-komunità tan-negozju, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet kummerċjali, il-kmamar tal-kummerċ, l-organizzazzjonijiet għall-promozzjoni tal-kummerċ, l-iskejjel u l-awtoritajiet tal-edukazzjoni L-Istati Membri huma mistiedna biex: jgħożżu u jiżviluppaw aktar il-ħiliet tal-ilsna li nkisbu minn barra s-sistema formali tal-edukazzjoni iħeġġu l-organizzazzjonijiet għall-promozzjoni tal-kummerċ sabiex jiżviluppaw programmi speċifiċi, b'mod partikolari għall-SMEs, li jinkludu t-taħriġ fl-ilsna. jikkomplementaw skemi tal-mobilità tal-UE b'appoġġ speċifiku fil-livell nazzjonali u lokali |

- 6. It-tagħlim lis jissokta matul il-ħajja

S'issa, huma l-istudenti fl-edukazzjoni ġenerali li gawdew mill-progress li sar lejn l-għan ta' 'ilsien twelidek flimkien ma' tnejn oħra', filwaqt li hemm forniment tal-ilsna tassew limitat, meta jeżisti, li jiġi offrut fl-edukazzjoni vokazzjonali. Fid-dawl tan-numru iċken taż-żgħażagħ deħlin fl-edukazzjoni u l-għan li jintlaħqu ċ-ċittadini kollha, tinħtieġ konċentrazzjoni aqwa fuq l-aġġornar tal-kompetenzi tal-adulti matul ħajjithom. Fl-istess ħin, għandha tkun disponibbli firxa usa' tal-ilsna sabiex tippermetti lill-individwi biex jitgħallmu l-ilsna li huma l-iktar interessati fihom.

6.1. Aktar opportunitajiet ta' tagħlim tal-ilsna

Żewġ komunikazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni[23] stipulaw għanijiet u prijoritajiet strateġiċi biex jgħallmu firxa wiesgħa ta' ilsna b'mod effettiv minn età bikrija. Dawn għadhom validi u għandhom jissegwew. Minkejja li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri żiedu l-forniment tat-tagħlim tal-ilsna fl-edukazzjoni primarja u sekondarja bejn l-1995 u l-2005, dan kien jinvolvi l-iktar it-tagħlim tal-Ingliż[24]. Kważi f'nofs l-Istati Membri, l-istudenti għadhom s'issa mingħajr l-opportunità li jistudjaw żewġ ilsna waqt it-tagħlim obbligatorju[25] u l-qagħda hija aktar imwiegħra għal dawk fl-ETV[26]. L-ilsna spiss jitqiesu bħala suġġett diffiċli u fattur importanti li student ma jirnexxix fl-iskola. Jinħtieġ sforz li jagħti motivazzjoni lill-istudenti u jadatta metodi ta' tagħlim skont il-ħtiġijiet tagħhom. Il-valur tal-għarfien passiv tal-ilsna għandu jiġi investigat aktar, u għandhom jissaħħu metodi xierqa ta' tagħlim tal-ilsna sabiex jippermettu l-fehma u l-komunikazzjoni bażika fost l-ilsna kollha differenti.

Studenti fl-ETV għandu jkollhom aċċess għall-forniment ta' ilsna orjentat lejn il-prattika, imfassal apposta għall-kariga tagħhom u relevanti għall-impjieg futur tagħhom. L-universitajiet għandhom jarmaw l-istudenti b'ħiliet lingwistiċi qawwija irrispettivament mill-oqsma tagħhom ta' speċjalizzazzjoni.

L-adulti huma iktar probabbli li jkunu monolingwi, speċjalment jekk għandhom kwalifiki u kariġi ta' impjieg relattivament baxxi. Huma spiss iwaħħlu f'nuqqas ta' ħin u motivazzjoni bħala r-raġunijiet ewlenin li wasslu biex ma jitgħallmux l-ilsna, u mbagħad issegwi l-ħtieġa ta' forniment aktar flessibbli. Għalhekk teżisti sfida speċifika li jissaħħaħ il-forniment tal-ilsna għall-adulti[27]. It-tagħlim tal-ilsna lil hinn mill-edukazzjoni formali għandu jagħmel dejjem iktar użu mill-mezzi tal-massa, it-teknoloġiji l-ġodda, l-attivitajiet kulturali u dawk ta' rekreazzjoni.

Għad fadal il-ħtieġa ta' sforzi biex jiżdied in-numru tal-ilsna mgħallma, partikolarment fir-rigward tal-għażla tat-tieni lsien barrani, filwaqt li ssir kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet lokali (reġjuni fil-fruntiera, il-preżenza ta' komunitajiet li jitkellmu ilsna differenti, eċċ). L-isfidi ta' organizzazzjoni ta' għażla li qed titwessa' tal-ilsna tista' tissolva bl-użu ta' teknoloġiji ġodda (tagħlim remot permezz tal-internet, vidjokonferenzi fil-klsssijiet u skambji vrtwali) u permezz tal-ħolqien ta' netwerks bejn l-iskejjel, il-fornituri tal-edukazzjoni, il-kollaborazzjonijiet bi sħab mal-partijiet interessati lokali u l-ġemellaġġ ma' istituzzjonijiet barranin.

6.2. It-tagħlim effettiv tal-ilsna

Il-Kummissjoni dan l-aħħar adottat Komunikazzjoni dwar kooperazzjoni Ewropea dwar l-iskejjel [28] u tilqa' bi pjaċir l-għarfien tar-rwol ewlieni tal-għalliema fit-tisħiħ tal-ħiliet lingwistiċi u kulturali fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar kompetenzi interkulturali[29] u dwar multilingwiżmu[30]. B'mod partikolari, meta l-għalliema jingħataw l-opportunità li jqattgħu ż-żmien barra dan ġie identifikat bħala essenzjali għalihom biex itejbu l-għarfien fl-ilsna li jgħallmu u jsonnu l-ħiliet interkulturali tagħhom[31]. il-mobilità tal-għalliema bħalissa hija baxxa ħafna minħabba: diffikultajiet fl-aċċess għall-professjoni tal-għalliema fl-esteru, nuqqas ta' inċentivi tal-karriera, jew saħansitra konsegwenzi negattivi, u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, mekkaniżmi riġidi għall-iskambji bilaterali u multilaterali, li jingħaqdu flimkien biex inaffru l-biċċa l-kbira tal-għalliema milli japplikaw[32].

Ix-xejra matul dawn l-aħħar ħames snin kienet il-promozzjoni tal-introduzzjoni tat-tagħlim tal-ilsna fl-edukazzjoni primarja, filwaqt li l-kontenut u t-tagħlim integrat tal-ilsna avvanzaw, speċjalment fl-edukazzjoni sekondarja. F'bosta kuntesti, l-ilsna jiġu mgħallma minn persuni li mhumiex speċjalisti tal-ilsna li mhux dejjem ikollhom għarfien tajjeb tal-ilsna li jgħallmu u dawn għandhom jirċievu taħriġ xieraq fil-metodi tat-tagħlim tal-ilsna.

Iktar riċentament, spikkaw żewġ karatteristiċi oħra tat taħriġ fl-ilsna. L-għalliema tal-ilsna nazzjonali qegħdin dejjem iktar jiffaċċjaw klassijiet fejn l-istudenti għandhom ilsien twelidhom differenti minn xulxin, u għalhekk għandhom igawdu mit-taħriġ fit-tekniki meħtieġa biex jgħallmu l-ilsien tagħhom infushom bħala t-tieni lsien jew ilsien barrani. Fil-każ ta' ilsna inqas użati, fejn hemm rappurtat nuqqas ta' għalliema, l-iskejjel spiss jiddependu fuq staff mhux imħarreġ. Hemm l-obbligu ta' azzjoni li tappoġġja u tiżviluppa l-ħiliet tagħhom ta' għalliema.

Il-Kummissjoni: se tuża l-programmi tal-UE biex tappoġġja t-tagħlim ta' aktar ilsna permezz tat-tagħlim li jissokta matul il-ħajja, il-mobilità tal-għalliema u l-istudenti, it-taħriġ tal-għalliema tal-ilsna, il-kollaborazzjonijiet bi sħab tal-iskejjel, u r-riċerka u l-iżvilupp ta' metodi innovattivi adattati għal gruppi differenti mmirati. se tfassal inventarju tal-aqwa prassi fit-tagħlim tal-ilsna u fit-tagħlim fil-qasam tal-multilingwiżmu u tagħmlu disponibbli għall-Istati Membri. L-Istati Membri huma mistiedna biex: jipprovdu opportunitajiet ġenwini lil kulħadd biex jikseb l-ilsien/l-ilsna nazzjonali flimkien ma' tnejn oħra jagħmlu firxa wiesgħa ta' ilsna disponibbli għal studenti sabiex tippermettilhom għażla individwali u li tikkomplementa l-ħtiġijiet lokali fl-ilsna li wieħed jista' jitgħallem isaħħu t-taħriġ tal-għalliema kollha u ta' oħrajn involuti fit-tagħlim tal-ilsna jippromwovu mobilità fost l-għalliema tal-ilsna sabiex isaħħu l-ħiliet lingwistiċi u interkulturali tagħhom |

- 7. Il-mezzi tal-massa, it-teknoloġiji l-ġodda u t-traduzzjoni

L-użu tal-ilsna u għodda oħra ta' komunikazzjoni huma parti importnati tal-ħiliet obbligati fl-Ewropa globalizzanti tal-lum. Kulħadd irid ikollu l-opportunità li jikkomunika b'mod effiċjenti mal-UE mkabbra. Dan ma jaffettwax biss lil dawk li huma diġà multilingwi iżda jaffetwa wkoll lil dawk li huma monolingwi jew inqas kapaċi lingwistikament.

Il-mezzi tal-massa, it-teknoloġiji l-ġodda u s-servizzi tat-traduzzjoni awtomatiċi u dawk magħmula mill-bniedem jistgħu jressqu l-varjetà dejjem tiżdied ta' ilsna u kulturi fl-UE eqreb għaċ-ċittadini u jipprovdu l-mezzi sabiex jinqabżu l-ostakli lingwistiċi. Jistgħu wkoll jieħdu rwol importanti biex inaqqsu dawk l-ostakli u jippermettu liċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-amministraturi lokali biex japprofittaw mill-opportunitajiet tas-suq uniku u l-ekonomija ta' globalizzazzjoni. Notevolment il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Program tal-Mezzi tal-Massa jappoġġjaw sforzi bħal dawn. Il-mezzi tal-massa għandhom potenzjal li jippromwovu d-djalogu interkulturali billi jwasslu rappreżentazzjoni aktar kumplessa tas-soċjetà tagħna, filwaqt li jagħtu spazju għal bosta ilħna differenti. Il-mezzi tal-massa għalhekk jistgħu jkunu għajn ewlenija ta' tagħlim informali tal-ilsna peremezz tal-edurikreazzjoni' u films bis-sottotitoli[33].

Konfrontati bl-ekonomija ta' globalizzazzjoni onlajn u l-informazzjoni dejjem tikber fl-ilsna kollha immaġinabbli, huwa importanti li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal informazzjoni u jużaw lilha u lis-servizzi indipendentement mill-ostakli nazzjonali u lingwistiċi, permezz tal-internet u t-tagħmir tal-mobiles. It-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (TIK) jeħtieġ li jkunu konxji mill-ilsna u li jippromwovu l-ħolqien tal-kontenut f'bosta ilsna. Dan l-għan globali huwa appoġġjat minn i2010 — il-qafas ta' politika għas-soċjetà tal-informazzjoni — li wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li joħloq Spazju Ewropew Uniku tal-Informazzjoni billi jiżgura aċċess bla intoppi għal servizzi tat-TIK u jtejjeb il-kundizzjonijiet għall-iżvilupp ta' kontenut għani u multilingwi.

Id-djalogu maċ-ċittadini huwa proċess interattiv. F'dan il-qasam, l-istituzzjonijiet tal-UE żviluppaw l-użu ta' teknoloġija li tippermetti interpretazzjoni f'bosta ilsna flimkien ma' komunikazzjoni ma' postijiet imbiegħda u mal-pubbliku ġenerali. L-għodod disponibbli fis-suq huma fil-biċċa l-kbira l-vidjokonferenzi, l-internet chats, u l-web streaming ta' konferenzi u okkażjonijiet. L-investiment fi żvilupp ulterjuri u l-użu ta' teknoloġija bħal din għandhom jitħeġġu.

It-traduzzjoni awtomatika u dik magħmula mill-bniedem jagħmlu parti importanti mill-politika tal-multilingwiżmu. It-tnejn li huma jistgħu jiffaċilitaw l-iskambju tal-informazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali u jtejbu l-kooperazzjoni amministrattiva transkonfinali. Pereżempju, Is-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern[34] (ISI) qiegħda tiġi żviluppata sabiex tippermetti lill-Istati Membri biex ipartu informazzjoni fl-ilsna uffiċjali kollha tal-UE u b'hekk, tappoġġja l-obbligi ta' kooperazzjoni amministrattiva skont diversi atti ta' leġiżlazzjoni tal-UE[35]. It-traduzzjoni awtomatika tintuża wkoll biex tipprovdi aktar trasparenza fir-rigward tal-opportunitajiet ta' sejħiet għall-offerti u fil-proċeduri tal-Uffiċċju Ewropew tal-Brevetti.

Fl-aħħarnett, it-traduzzjoni mill-bniedem hija wkoll naturalment mezz ewlieni ta' kif isir aċċess għall-kulturi oħra. Fi kliem Umberto Eco, 'Ilsien l-Ewropa huwa t-traduzzjoni'. Il-wirt kulturali tal-Ewropa jinkludi kapulavuri oriġinarjament miktuba f'ilsna differenti, iżda li huma komuni għalina lkoll bis-saħħa tat-tradizzjoni mnaqqxa fiż-żmien ta' traduzzjoni letterarja li għandha tissaħħaħ sabiex tagħmel opri miktuba f'ilsna oħra, speċjalment l-ilsna l-inqas użati, disponibbli għal udjenza ikbar. Il-Kummissjoni għandha tesplora mezzi biex ittejjeb kemm jista' jkun is-sinerġiji bejn programmi li jappoġġjaw it-traduzzjoni[36], bil-ħsieb li tiffaċilita l-aċċess għall-wirt kulturali komuni tagħna u tappoġġja l-iżvilupp tal-isfera pubblika Ewropea.

Il-Kummissjoni se: tappoġġja s-sottotitolar u ċ-ċirkolazzjoni tal-produzzjonijiet Ewropej tal-mezzi tal-massa tappoġġja proġetti għall-iżvilupp u x-xandir tal-ilsna u tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni torganizza konferenza dwar ir-rwol tat-traduzzjoni fil-promozzjoni ta' sinċerità, fehma u djalogu bejn il-kulturi flimkien mal-Istati Membri testendi l-ambitu tas-sistema IMI għal professjonijiet aktar irregolati u tappoġġja r-rekwiżiti tal-kooperazzjoni amministrattiva tad-Direttiva tas-Servizzi L-Istati Membri huma mistiedna biex: jaħdmu mal-partijiet interessati sabiex jippromwovu l-multilingwiżmu permezz tal-mezzi tal-massa — notevolment billi jappoġġjaw is-sottotitolar tal-films — u ċ-ċirkolazzjoni ta' opri kulturali fl-Ewropa jistimulaw u jħeġġu żvilupp ulterjuri ta' teknoloġiji ġodda li jappoġġjaw il-multilingwiżmu |

- 8. Id-dimensjoni esterna tal-multilingwiżmu

Il-kontribut tal-multilingwiżmu għad-djalogu interkulturali huwa dejjem iżjed rikonoxxut fir-relazzjonijiet esterni tal-UE[37]. Id-diversità lingwistika mhijiex unika għall-UE u l-esperjenza tagħna ta' rispett tad-diversità u ta' promozzjoni tal-ħiliet tal-ilsna tista' tissarraf f'vantaġġ fir-relazzjonijiet tagħna ma' pajjiżi oħra. F'dan ir-rigward il-Parlament Ewropew ġibed l-attenzjoni għall-fatt li wħud mill-ilsna tal-UE, imsejħa ilsna Ewropej dinjija[38], huma mitkellma wkoll f'numru kbir ta' pajjiżi li mhumiex Stati Membri f'kontinenti differenti; gtħalhekk dawk l-ilsna jirrappreżentaw ħolqa importanti bejn popli u nazzjonijiet ta' reġjuni differenti fid-dinja.

L-għan ċentrali ta' din id-dimensjoni esterna huwa li jintlaħaq bis-sħiħ il-potenzjal ta' dawk l-ilsna tal-UE mitkellma f'pajjiżi terzi, jiġi promoss it-tagħlim tal-ilsna tal-UE fl-esteru u ta' ilsna li mhumiex tal-UE fl-UE permezz ta' skambji ta' għarfien espert, ta' prassi tajba u ta' gruppi konġunti tal-partijiet interessati. Fil-qafas tad-dikjarazzjonijiet konġunti, passi konkreti f'din id-direzzjoni diġà saru mal-pajjiżi li mhumiex parti mill-UE.

Il-Kummissjoni se: tiżviluppa kollbaorazzjonijiet bi sħab u ssaħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-multilingwiżmu ma' pajjiżi mhux tal-UE filwaqt li tqis l-opportunitajiet ippreżentati minn dawk l-ilsna Ewropej li għandhom kopertura li tifrex mad-dinja kollha tippromwovi t-tagħlim tal-ilsna kollha tal-UE fl-esteru L-Istati Membri huma mistiedna biex: isaħħu b'mod ulterjuri l-ħolqien ta' netwerks u l-kooperazzjoni fost organizzazzjonijiet relevanti biex jippromwovu aħjar l-ilsna tal-UE fl-esteru |

- 9. L-implimentazzjoni

Il-politika ta' multilingwiżmu għandha firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u f'dak tal-UE. Il-Kummissjoni se ssegwi djalogu strutturat b'ħames komponenti:

1. Se taħdem flimkien mal-Istati membri permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni fi ħdan il-proċess ta' Edukazzjoni u Taħriġ 2010 u se timmira li ssaħħaħ mill-ġdid il-multilingwiżmu fil-qafas strateġiku ġdid għall-kooperazzjoni wara l-2010. Għal dan il-għan, hija se tespandi l-isfera ta' attività tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Ilsna sabiex tkopri l-aspetti kollha tal-multilingwiżmu.

2. Hija se toħloq pjattaforma mal-mezzi tal-massa, l-organizzazzjonijiet kulturali u partijiet interessati oħra tas-soċjetà ċivili sabiex tiddiskuti u tpartat prassi li tippromwovi l-multilingwiżmu fid-djalogu interkulturali.

3. Filwaqt li tibni fuq il-Forum tan-Negozji, se twaqqaf qafas permanenti għall-kooperazzjoni mal-partijiet interessati relevanti.

4. Hija se tiġbor u x-xandar il-prassi t-tajba u se tippromwovi b'mod sistematiku s-sinerġiji bejn dawn it-tliet fora msemmija l-aħħar. Se tirrevedi l-progress b'mod regolari, pereżempju billi torganizza konferenza tal-ilsna tal-UE kull sentejn.

5. Hija se tintegra l-multilingwiżmu fil-politiki relevanti tal-UE u tieħu l-azzjonijiet elenkati hawn fuq.

10. Il-konklużjonijiet

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet l-oħra sabiex iħaddnu l-qafas transversali ta' politika għall-multilingwiżmu ppreżentat f'din il-komunikazzjoni u sabiex jimplimentawh fl-iktar livell xieraq.

F'kollaborazzjoni bi sħab mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se twettaq reviżjoni globali fl-2012.

[1] COM (2005) 596.

[2] Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff li jakkumpanja din il-komunikazzjoni: Inventarju tal-azzjonijiet tal-Komunità fil-qasam tal-multilingwiżmu.

[3] Ara: http://ec.europa.eu/education/languages/archive/languages_en.html.

[4] http://ec.europa.eu/education/languages/archive/languages_en.html.

[5] http://ec.europa.eu/education/policies/lang/news/index_en.html.

[6] Rapport mill-Parlament Ewropew b'rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni dwar ilsna Ewropej reġjonali u dawk anqas użati - l-ilsna tal-minoritajiet fl-UE – fil-kuntest tat-tkabbir u d-diversità kulturali (A5-0271/2003); reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-integrazzjoni tal-immigranti fl-Ewropa permezz ta' skejjel u edukazzjoni multilingwistika (2004/2267(INI); Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar strateġija ta’ qafas ġdida għall-multilingwiżmu (2006/2083(INI).

[7] http://coropinions.cor.europa.eu/CORopinionDocument.aspx?identifier=cdr\educ-iv\dossiers\educ-iv-022\cdr6-2008_fin_ac.doc&language=EN u http://www.eesc.europa.eu/documents/opinions/avis_en.asp?type=en

[8] COM(2005) 356; COM (2007) 184. 2006/962/KE.

[9] COM(2003) 449, Nippromwovu t-Tagħlim tal-Ilsna u d-Diversità Lingwistika: Pjan ta’ Azzjoni 2004-2006; COM(2005) 596, Strateġija ġdid ta' qafas għall-multilingwiżmu. Ara wkoll ir-Rapport dwar l-implimentazzjoni fil-Pjan ta' Azzjoni, COM(2007) 554.

[10] Eurostat, L-Ewropa f'ċifri : Eurostat Yearbook 2006-2007, il-Lussemburgu 2007.

[11] COM(2008) 423 finali, Green Paper. Migrazzjoni u mobilità: sfidi u opportunitajiet għas-sistemi edukattivi tal-UE

[12] Sabiex tikkommemora s-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali 2008, il-Kummissjoni waqqfet Grupp ta' Intellettwali għad-Djalogu Interkulturali ppresedut minn Amin Maalouf sabiex jiddefinixxi l-kontribut tal-multilingwiżmu; ara: http://ec.europa.eu/education/languages/archive/languages_en.html għar-rapport li għamel.

[13] "Ilsien li għandu jiġi mgħallem b'mod intensiv, u mitkellem u miktub b'kunfidenza (...) It-tagħlim ta' dak l-ilsien għandu jsir id f'id mal-familjarità mal-pajjiż(i) li fih(om) jintuża dak l-ilsien, flimkien mal-letteratura, il-kultura, is-soċjetà u l-istorja marbuta ma' dak l-ilsien u dawk li jużawh."

[14] Opinjoni ta' Prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni http://coropinions.cor.europa.eu/CORopinionDocument.aspx?identifier=cdr\educ-iv\dossiers\educ-iv-022\cdr6-2008_fin_ac.doc&language=EN

[15] Id-Direttiva 123/2006/KE dwar is-servizzi fis-suq intern, (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

[16] COM(2008) 329, Inqarrbu lejn Strateġija Ewropea tal-Ġustizzja virtwali.

[17] Id-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff mehmuż: Inventarju tal-azzjonijiet tal-Komunità fil-qasam tal-multilingwiżmu jagħti perspettiva ġnerali tal-azzjonijiet u l-programmi eżistenti li jappoġġjaw il-multilingwiżmu.

[18] Il-kumpaniji jaħdmu aħjar bl-ilsna , Lulju 2008http://ec.europa.eu/education/languages/news/news1669_en.htm

[19] Ara COM(2008) 394, L-Ewwelnett Tarax Kbir. Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa

[20] CILT (Ċentru Nazzjonali tar-Renju Unit għall-Ilsna), Effetti fuq l-Ekonomija Ewropea ta' Skarsezza ta' Ħiliet Lingwistiċi Barranin fl-Intrapriża, 2007 http://ec.europa.eu/education/policies/lang/key/studies_en.html.

[21] COM(2007) 773 finali, Mobilità, strument għal impjiegi aqwa u aktar numerużi: Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Mobilità tal-Impjiegi (2007-2010).

[22] Nagħmlu l-mobilità għat-tagħlim opportunità għal kulħadd , Lulju 2008 http://ec.europa.eu/education/doc/2008/mobilityreport_en.pdf

[23] COM(2003) 449, Nippromwovu t-Tagħlim tal-Ilsna u d-Diversità Lingwistika: Pjan ta’ Azzjoni 2004-2006; COM(2005) 596, Strateġija ġdid ta' qafas għall-multilingwiżmu. Ara wkoll ir-Rapport dwar l-implimentazzjoni fil-Pjan ta' Azzjoni, COM(2007) 554.

[24] M. Strubell et al., The diversity of language teaching in the European Union , 2007 (Rapport lill-Kummisjoni Ewropea, DG EAC) http://ec.europa.eu/education/policies/lang/key/studies_en.html.

[25] Deskrizzjonijiet fil-qosor ta' Cedefop,http://www.trainingvillage.gr/etv/Information_resources/NationalVet/Thematic/.

[26] Eurydice, Key Data on Teaching Languages at School in Europe, Edizzjoni 2005, http://www.eurydice.org/portal/page/portal/Eurydice/showPresentation?pubid=049EN.

[27] Proġetti innovattivi f'dan il-qasam kienu ffinanzjati mill-Programm ta' Tagħlim li jissokta matul il-Ħajja u l-Fond Soċjali Ewropew

[28] COM(2008) 425 It-titjib tal-kompetenzi għas-Seklu 21: Aġenda għall-Kooperazzjoni Ewropea dwar l-Iskejjel

[29] http://www.eu2008.si/en/News_and_Documents/Council_Conclusions/May/0521_EYC1.pdf

[30] http://www.eu2008.si/en/News_and_Documents/Council_Conclusions/May/0521_EYC-MULTILIN.pdf.

[31] P. Franklin et al., Languages and Cultures in Europe (LACE) http://ec.europa.eu/education/policies/lang/key/studies_en.html.

[32] Williams, Strubell et al., Detecting and Removing Obstacles to the Mobility of Foreign Language Teachers, 2006, http://ec.europa.eu/education/policies/lang/key/studies_en.html.

[33] Studju dwar il-ħtiġijiet u l-prassi tal-industrija awdjoviżiva Ewropea fir-rigward tad-dubbing u s-sottotitolar , http://ec.europa.eu/information_society/media/overview/evaluation/studies/index_en.htm.

[34] http://ec.europa.eu/internal_market/imi-net/index_en.html

[35] Pereżempju, id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22) jew id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

[36] Pereżempju, il-programm Culture.

[37] Konklużjonijiet li sar qbil dwarhom tat-tielet Konferenza Ewro-Mediterranja tal-Ministri tal-Kultura Ateni, 29 – 30 ta' Mejju 2008; Id-Dikjarazzjoni tal-Presidenza fil-Konferenza Kunċetti Ġodda, Mudelli Ġodda — Il-Kultura fir-Relazzjonijiet Esterni tal-UE, Ljubjana, 13 -14 ta' Mejju,http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika/kulturno_sodelovanje/nove_paradigme_novi_modeli_kultura_v_zunanjih_odnosih_eu/.

[38] Il-Parlament Ewropew għaraf "l-importanza strateġika tal-Ilsna Ewropej Dinjija bħala vettura tal-komunikazzjoni u mezz ta' solidarjetà, kooperazzjoni, u investiment ekonomiku", u għalhekk, irrakkomanda dan il-kunċett biex ikun "waħda mil-linjigwida politiċi ewlenin tal-politika Ewropea dwar il-multilingwiżmu" - reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar strateġija ġdida tal-qafas għall-multilingwiżmu (2006/2083(INI).