52008DC0551

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - It-Tieni Rapport Annwali tal-2007 dwar l-implimentazzjoni ta' għajnuna Komunitarja taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta {SEC(2008)2469 final} /* KUMM/2008/0551 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.9.2008

KUMM(2008) 551 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-Tieni Rapport Annwali tal-2007 dwar l-implimentazzjoni ta' għajnuna Komunitarja taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta

{SEC(2008)2469 final}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-Tieni Rapport Annwali tal-2007 dwar l-implimentazzjoni ta' għajnuna Komunitarja taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta

1. INTRODUZZJONI

Fis-26 ta’ April 2004, il-Kunsill stqarr dan li ġej:

“Il-komunità Turko-Ċiprijotta esprimiet ix-xewqa ċara tagħħa għal futur fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill huwa ddeterminat li jtemm l-iżolament tal-komunità Turko-Ċiprijotta u li jħaffef ir-rijunifikazzjoni ta' Ċipru billi jinkoraġġixxi l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta. Il-Kunsill stieden il-Kummissjoni biex tagħmel proposti kompleti għal dan l-iskop, b'enfasi partikolari fuq l-integrazzjoni ekonomika tal-gżira u fuq it-titjib fil-kuntatt bejn iż-żewġ komunitajiet u mal-UE. Il-Kunsill irrakkomanda li l-259 miljun ewro li diġà ġew allokati għan-naħa tat-tramuntana ta' Ċipru fl-eventwalità ta' soluzzjoni issa għandhom jiġu użati għal dan il-għan.”

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta[1] (minn hawn ’il quddiem ir-"Regolament dwar l-Għajnuna") ġie adottat fis-27 ta' Frar 2006.

It-tieni rapport ikopri l-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Marzu u l-31 ta’ Diċembru 2007.

2. L-IPROGRAMMAR TAL-GħAJNUNA

Ma kien hemm l-ebda riżorsi addizjonali li jirrikjedu ipprogrammar disponibbli taħt il-baġit tal-2007. L-ebda programmar mill-ġdid ma kien meħtieġ matul il-perjodu tar-rappurtaġġ. Saru bidliet minuri f’uħud mid-dokumenti tal-proġett li ma kinux jirrikjedu tibdliet għall-ħames Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati fl-2006.

3. MEKKANIżMI TA' IMPLIMENTAZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea hi responsabbli biex tiġi amministrata l-għajnuna. Il-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni kienu ddettati min-natura ad hoc ta’ dan il-programm ta’ għajnuna u tal-benefiċjarji tiegħu. Il-programm hu implimentat fi Stat Membru tal-UE iżda f’żona li mhix taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern tal-Istat Membru u fejn l-applikazzjoni tal- acquis tal-UE hi sospiża.

Fl-2006 ġie stabbilit Tim tal-Programm magħmul minn uffiċjali tal-Kummissjoni u aġenti b'kuntratt bħala parti mit-Task Force tal-komunità Turko-Ciprijotta fid-DĠ Tkabbir sabiex jimplimenta l-programm. Matul il-perjodu tar-rappurtaġġ, it-Tim tal-programm kien imsaħħaħ aktar. Sa Diċembru 2007 kien magħmul minn 27 membru tal-persunal inklużi tliet uffiċjali tal-Kummissjoni u għaxar membri tal-persunal lokali pprovduti minn kuntattur privat (GTZ) għal sostenn amministattiv u loġistiku.

It-Tim tal-Programm, li kien qed jaħdem f’Ċipru fuq bażi ta’ missjoni għal tul ta’ żmien, baqa’ juża l-faċilitajiet tal-Uffiċju tal-Programm ta' Sostenn stabbilit f'Settembru 2006, li jinsab fil-parti tat-Tramuntana tal-belt iffortifikata ta’ Nikosija. Loġistiċi tal-uffiċju baqgħu jiġu pprovduti minn kuntarttur privat (GTZ) taħt kuntratt validu sal-20 ta’ Ġunju 2008. L-Uffiċju tal-Programm ta’ Sostenn ta prova li hu għodda ferm importanti fl-iżgurar tal-koordinazzjoni mal-persuni interessati Turko-Ċiprijotti u fil-provvediment ta’ post għal-laqgħat u seminars. Għall-bidu l-postijiet magħżula kienu żgħar minħabba n-numru dejjem jikber tal-persunal meħtieġ għall-kuntratt tal-fondi sa tmiem l-2009. Ittieħdet deċiżjoni fil-ħarifa tal-2007 biex imorru f’post ġdid wara li sar ir-rinovament neċessarju[2]. Wara Ġunju 2008 tnediet ukoll l-offerta għas-sevizzi ta’ ġestjoni tal-uffiċju (bini, tagħmir, persunal ta’ sostenn)

4. IMPLIMENTAZZJONI MATUL IL-PERJODU TA’ RAPPURTAġġ

4.1. Ħarsa Ġenerali

Il-Kummissjoni qed timplimenta dan il-programm ta’ għajnuna f’kuntest uniku politiku, legali u diplomatiku. Matul il-perjodu tar-rappurtaġġ, il-Kummissjoni kienet ikkonfrontata b’xi konsegwenzi prattiċi tal-operat f’ambjent bħal dan. Kellhom isiru arranġamenti ad hoc biex tgħin lill-Kummissjoni ħalli tipproċedi bl-implimentazzjoni filwaqt li tirrispetta l-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja soda.

Ta min ifakkar li fil-każ ta’ programmi simili ta’ għajnuna ffinanzjati mill-KE, ftehimiet ta’ finanzjameent mal-gvern tal-pajjiż benefiċjarju normalment jistbbilixxu r-regoli u l-kundizzjonijiet li taħthom l-għajnuna għandha tiġi implimentata. Dawn jirregolaw kwistjonijiet bħalma huma t-tassazzjoni, il-permessi għax-xogħol u r-residenza. Għal dan il-programm ta’ għajnuna għall-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta ma jeżisti l-ebda ftehim bħal dan. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għadha toqgħod fuq dak li taħseb li għandhom ikunu r-regoli u l-kundizzjonijiet applikabli attwalment għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm.. Dawn mhumiex infurzabbli u jistgħu jinbidlu matul iż-żmien tal-kuntratt. Meta l-Kummissjoni tidħol fi ftehim kuntrattwali mal-kuntratturi tagħha tħabbat wiċċha mar-riskju li jkollha terfa’ r-responsabbiltajiet li normalment ma tiltaqax magħhom f’kuntesti fejn hemm ftehimiet ta’ finanzjament. Il-kuntratturi jistgħu joffru servizz bi prezz ogħla biex jipproteġu lilhom infushom minn dawn l-inċertezzi.

Il-Kummissjoni tiddependi ħafna mis-sostenn tal-Komunità Turko-Ċiprijotta biex tagħmel suċċess minn dan il-programm, l-ewwelnett mill-fażi tal-implimentazzjoni tiegħu u mbagħad, meta tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-proġetti mitmuma. Il-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex iddaħħal is-sens ta’ sjieda fil-proġetti ffinanzjati mill-KE fil-benefiċjarji lokali. L-esperti Turko-Ċiprijotti huma involuti fit-tfassil ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi u t-Termini ta’ Referenza. Dawk it-Turko-Ċiprijotti kollha interessati kienu involuti b’mod attiv fil-fażi tal-offerta, bl-esperti tagħhom ikunu inklużi fil-panils tal-evalwazzjoni tal-offerta. Wara li jingħataw il-kuntratti, il-benefiċjarji Turko-Ċiprijotti jkollhom parti attiva fil-Kumitati ta’ Tmexxija.

Il-komunità Turko-Ċiprijotta identifikat il-kontopartijiet għal kull proġett. Twaqqaf Kumitat għall-Għajnuna. It-Turko-Ċiprijotti mhumiex imdorrija għall-proċeduri tal-KE. Il-kurva ta’ tagħlim hija wieqfa u, filwaqt li sar progress konsiderevoli, ir-riżultati huma mħalltin fir-rigward tal-kapċità li tassorbi. Iridu jsiru aktar affarijiet biex tkun żgurata s-sostenibiità fit-tul taż-żmien. Il-perjodu qasir ta’ żmien li għandha l-Kummissjoni biex tikkuntratta l-programm ta’ għajnuna hu kumplikazzjoni żejda.

Matul il-perjodu tar-rappurtaġġ kienu ffaċjati wħud mir-riskji indikati fl-ewwel rapport annwali, b’mod partikolari x’impatti globali kien ser ikollu l-kuntest politiku fuq l-implimentazzjoni tal-għajnuna,

Tfaċċaw il-problemi fil-proġetti ta’ rikonċiljazzjoni. It-tneħħija tal-mini bdiet aktar tard, minħabba n-nuqqas ta’ ħeġġa inizzjali tat-tmexxija Turko-Ċiprijotta biex tagħmel użu mill-programm ta’ għajnuna għal dawn l-attivitajiet. Il-proġett tat-Tagħlim tal-Istorja (ibbażat fuq il-kooperazzjoni bejn l-għalliema u trejdunjins taż-żewġ komunitajiet matul il-perjodu 2004-2006) ma setax jibda minħabba r-riżervi tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru kif rigward tal-involviment tal-Kummissjoni fi proġett li kellu jiġi implimentat mill-Kunsill tal-Ewropa.

Fir-rigward tal-proprjetà, il-ħin konsiderevoli meħtieġ mill-Gvern tat-Repubblika ta’ Ċipru biex jipprovdi informazzjoni tal-ismijiet tas-sidien privati Turko-Ċiprijotti tawwlet iż-żmien tal-iskeda li diġà kienet marsusa. Biex ipatti għal dan id-dewmien, inter alia, ser ikun jiddependi ħafna fuq li informazzjoni bħal din tkun rilaxxata aktar malajr.

Ix-xogħlijiet, is-servizzi u l-forniment jinkisbu skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna esterna. Matul il-perjodu tar-rappurtaġġ, l-ewwel offerti għal xogħlijiet imnedija kienu affetwati b’mod negattiv mid-deċiżjoni tal-kuntratturi lokali Turko-Ċiprijotti biex ma jeħdux sehem fl-offerti ffinanzjati mill-KE minħabba li l-approċċ kompetittiv, miftuħ tar-regoli għall-kisba tal-KE kienu jimminaw l-interessi lokali.

4.2. Progress permezz ta’ għan

Għajnuna finanzjarja taħt il-programm ta’ għajnuna jiffoka fuq ħames għanijiet ta’ prijorità (ara l-Anness 1 għall-elenku permezz tal-għanijiet u tal-proġett). Mill-allokazzjoni globali ta’ €259 miljun, €240.15 miljun kienu allokati għall-parti operattiva tal-programm. l-attivitajiet u l-kwistjonijiet prinċipali matul il-perjodu tar-rappurtaġġ kienu kif ġej:

4.2.1. Għan 1: L-iżvilupp u r-ristrutturar tal-infrastruttura

Matul il-perjodu tar-rappurtaġġ, l-attivitajiet iffukaw fuq it-tnedija tal-offerti tas-servizz għall-preparazzjoni tad-diżinn kunċettwali u d-dokument għall-offerti għal xogħlijiet kbar u l-komponenti ta’ forniment li jridu jiġu ffinanzjati taħt din il-prijorità.

It-tnedija tal-ewwel offerta għal xogħlijiet għat-tibdil tant meħtieġ tal-pajpijiet tal-asbestos fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru ltaqgħet ma’ diffikultajiet li kienu aggravati mid-deċiżjoni biex ma jipparteċipawx tal-kumpaniji Turko-Ċiprijotti. Kienu rċevuti ftit offerti (il-valur relattivament baxx tal-offerta kien ifisser li ma attirax ħafna interess mill-kumpaniji internazzjonali ta’ kostruzzjoni), l-ebda offerta ma kienet meqjusa li hi konformi u l-proċedura tal-offerta kellha tiġi kkanċellata[3].

Dwar il-protezzjoni tan-natura, il-Kummissjoni fittxet li tħaffef il-preparamenti għall-pjan ta’ ġestjoni għall-Peniżula ta’ Karpaz. Matul is-sajf 2007, il-kostruzzjoni ta’ linja tal-elettriku mir-raħal ta’ Dipkarpaz/Rizokarpazo għall-quċċata tal-Peniżula ta’ Karpaz wasslet għal tħassib li żvilupp bl-addoċċ seta’ jimmina l-valur ekoloġiku taż-żona, b’hekk il-ħtieġa biex tkun mgħejjuna l-komunità Turko-Ċiprijotta biex tħejji b’mod mgħaġġel għall-pjan ta’ ġestjoni għaż-żona protetta b’mod speċjali ta’ Karpaz. In-nuqqas ta’ offerti xierqa mill-kuntratturi, wassal għad-deċiżjoni biex din l-attività tkun inkluża fl-offerta prinċipali għas-servizz li tnediet għal dan l-iskop[4].

Ġie ffirmat kuntratt għall-“Istudju dwar il-possibiltà għar-ri-abilitazzjoni taż-żona tal-minjieri ta’ Lefke”. Qabel ma ġie ffirmat il-ftehim, il-Kummissjoni kienet informata li kumpanija mis-settur privat ġiet mogħtija l-konċessjoni biex tnaddaf iż-żona, bi skambju għad-drittijiet li fil-qrib tiġi stabbilita żona ta’ port ħieles. Il-Kummissjoni ffirmat il-kuntratt biss meta kien jidher ċar li l-konsulent magħżul seta’ jopera b’mod effettiv u jwettaq l-obbligi kuntrattwali tiegħu.

Fil-ħarifa tlesta abbozz ta’ pjan ta’ ġestjoni għall-iskart solidu u kien diskuss mal-komunità Turko-Ċiprijotta. Dan il-pjan u prerekwiżit importanti għat-tnedija tax-xogħlijiet u l-kuntratti ta’ forniment taħt il-Programm għas-Settur tal-Ġestjoni tal-Iskart Solidu. Ġew identifikati l-għażliet għall-postijiet fejn setgħet issir miżbla ġdida u stazzjoni għat-trasferiment tal-iskart ġdid.

Fis-settur tal-enerġija, il-preparamenti tal-ewwel offerta għad-dispożizzjoni tal-meters tal-enerġija waqgħu lura fl-iskeda minħabba li damu ma ġew riċevuti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mill-partijiet interessati Turko-Ċiprijotti. Kien hemm dewmien għas-sostenn tas-sistema ta’ SCADA[5] filwaqt li l-partijiet interessati kkunsidraw il-finanzjament tal-proġett minn sorsi differenti.

Fit-telekomunikazzjonijiet, sar studju ppjanat għar-reviżjoni tal-kunċett biex tiġi ppreparata l-għajnuna teknika biex jiġi ristrutturat is-settur f'termini tar-regolamenti u l-operazzjonijiet tan-netwerk, u l-investiment meħtieġ biex tittejjeb l-infrastruttura operattiva eżistenti sabiex din tkun kompletament konformi man-netwerking ibbażat fuq l-IP[6] u tista’ titwassal għand il-klijenti f'żoni remoti.

Il-programm dwar is-Sikurezza tat-Traffiku ġie imniedi, bl-ikkuntrattar tal-komponent tal-ġestjoni tal-proġett.

4.2.2. Għan 2: Il-promozzjoni tal-ekonomija u l-iżvilupp soċjali

Fil-qasam tal-iżvilupp rurali, kien ippreparat Pjan Interim għall-Iżvilupp Rurali, li kien riżultat tat-tnedija għal sejħa pilota għall-bdiewa, iffokat fuq it-titjib tal-indafa fl-irziezet tan-nagħaġ u tal-mogħoż.

Fir-rigward tal-iżvilupp tar-riżorsi umani, proġett pilota żgħir għall-forniment tat-tagħmir tal-IT lil tliet skejjel primarji ltaqa’ ma’ diffikultajiet u kellu jitħassar minħabba li l-fornituri lokali ma tefgħux l-offerta. Ġie organizzat werkxop ta' jumejn dwar it-taħriġ għat-tmexxija għall-Kapijiet tal-iskejjel. Ġew konklużi wkoll arranġamenti mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ sabiex tkun tista’ toffri sostenn lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programm tas-settur għall-iżvilupp tar-riżorsi umani.

Qed isir titjib fl-infrastruttura urbana u lokali b’ġestjoni konġunta mal-UNDP. Ix-xogħol beda fuq l-aħħar fażi tar-restawr tal-bini ta’ Bedestan fil-belt iffortifikata ta’ Nikosija. L-irħula kienu identifikati għall-proġetti pilota bħalma hu r-restawr tal-pjazez tal-irħula. Madanakollu, proġett biex titwassal mill-ġdid il-provvista tal-ilma f’raħal żgħir kellu jiġi kkanċellat minħabba li l-ebda kuntrattur lokali ma tefa’ l-offerta.

L-implimentazzjoni tal-"Programm ta’ self lill-impriżi mikro u żgħar" iltaqa’ ma’ diffikultajiet minħabba li l-mekkaniżmu tal-implimentazzjoni stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (implimetazzjoni permezz ta’ ftehim ta’ għotja ma’ bank ta’ żvilupp u kuntratt ta’ servizz) ma kienx possibbli u jeħtieġ li jiġi rivedut. Dan kien riżultat tal-inkompatibilità bejn in-natura orjentat lejn il-profitti tal-banek ta’ żvilupp u l-ħtiġiet li ġejjin mir-Regolamenti Finanzjarji tal-KE li l-għotjiet ma għandhomx jiġġeneraw il-profitti.

4.2.3. Għan 3: Ir-rikonċiljazzjoni, miżuri biex tinbena l-fiduċja u għajnuna lis-soċjetà ċivili

Ġie ffirmat ftehim ta’ għotja biex jingħata sostenn lill-Kumitat tal-Persuni Nieqsa - Committee on Missing Persons (CMP). Il-kontribut tal-KE hu l-akbar kontribut finanzjarju uniku għas-CMP. Fl-2007, is-CMP laħaq l-istadju importanti li jibdew jingħataw il-fdalijiet tal-persuni nieqsa lill-familji. Ġiet żviluppata websajt fi tliet ilsna (l-Ingliż, il-Griek u t-Tork) bis-sostenn tal-KE. Ġiet imnedija l-ewwel sejħa għall-proposti biex tkun sostnuta s-soċjetà ċivili.

L-implimentazzjoni b’suċċess f’din iż-żona tiddependi bil-kbir mill-kuntest politiku. F’dan ir-rigward, inħolqu dawn il-problemi:

1. It-tneħħija tal-mini: Il-ftehim tal-għotja kien iffirmat mal-UNDP f’Marzu 2007 iżda l-implimentazzjoni kienet imblukkata sa Lulju minħabba r-riżervi tat-tmexxija Turko-Ċiprijotta Il-pożizzjoni inizjali tagħhom kienet li t-tneħħija tal-mini għandha tkun iffinanzjata permexx ta’ mezzi baġitarji differenti bħal fil-perjodu 2004-2006[7] u mhux taħt il-€259 miljun tal-programm ta’ għajnuna Barra minn hekk, kien biss f’Diċembru 2007 li ntlaħaq ftehim bejn il-UNFICYP u l-Armata Torka dwar ir-rilaxx tal-informazzjoni (eż il-mapep tal-mini) meħtieġa biex l-attivitajiet ħalli jitneħħew il-mini jiġu implimentat b’veloċità qawwija. Il-UNDP kien qabbad tim in situ biex ineħħi l-mini minn April ftit wara li kien iffirmat il-kuntratt. Dan id-dewmien ikkawża spejjeż addizjonali li ma kinux previsti fil-bidu.

2. Il-proġett tat-tagħlim tal-istorja: Il-Kummissjoni ffirmat il-kuntratt f’Lulju 2007 iżda l-Kunsill tal-Ewropa ma ffirmahax għax ma hassx li kien f’pożizzjoni li jimplimenta l-proġett. Ir-Repubblika ta’ Ċipru ressqet oġġezzjonijiet, billi stqarret li l-mod kif kien strutturat u ffinanzjat il-proġett bidel il-qafas preċedenti tal-kooperazzjoni eżistenti mal-Kunsill tal-Ewropa u kienet talbet li jiġu konklużi l-ftehimiet formali (permezz tal-iffirmar tal-memorandum ta’ Ftehim)[8] li ma kinux aċċettabbli għall-Kunsill tal-Ewropa.

3. Akkademja għall-Istudji Politiċi : Għalkemm il-kuntratt kien iffirmat matul il-perjodu tar-rappurtaġġ, il-Kunsill tal-Ewropa ddeċieda li jittardja l-implimentazzjoni sa wara l-elezzjonijiet presidenzjali tar-Repubblika ta’ Ċipru fi Frar 2008.

4.2.4. Għan 4: It-tqarrib tal-Komunità Turko-Ċiprijotta mal-Unjoni Ewropea

Il-kisba prinċipali li għandha tiġi rraportata hi l-finalizzazzjoni tal-ewwel sejħa għal scholarships għas-sena akkademika 2007/2008 kienu disponibbli 105 scholarship (25 għall-għalliema u 80 għal studenti universitarji li għadhom ma ggradwawx), iżda kienu rċevuti biss 39 applikazzjoni biex ingħataw biss 30 għotja (għal 15-il għalliem u 15-il student). L-applikazzjoni baxxa, partikolarment mill-istudenti universitarji, kienet minħabba li kienet skema ġdida u ma kienx hemm żmien biżżejjed biex din tkun riklamata b'mod xieraq. Barra minn hekk, l-universitajiet lokali kienu ser jitilfu d-dħul mill-ħlas tal-istudenti universitarji li kienu ser isiefru għal sena, b’hekk l-apatija tagħhom biex tkun promossa l-iskema. Għas-sena akkademika 2008/2009 il-programm kien estiż għall-istudenti universitarji li kienu diġà ggradwaw, li f’Settembru għalihom kienet imnedija is-sejħa.

4.2.5. Għan 5: Il-preparazzjoni tal-Komunità Turko-Ċiprijotta għall-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis communautaire

Dan l-għan ta’ prijorità hu implimentat prinċipalment permezz tal-Istrument għall-Assistenza Teknika tal-Kummissjoni għall-Iskambju tal-Informazzjoni - Commission's Technical Assistance Information Exchange Instrument (TAIEX).

Sa tmiem l-2007, kienu organizzati 122 avveniment b’involviment ta’ 197 espert. L-assistenza kienet iffokata l-aktar fuq il-ħames oqsma ta’ hawn taħt. Ħafna minn dan kien jikkumplimenta l-proġetti relatati għall-investiment u skemi ta’ għotjiet kienu ffinanzjati minn partijiet oħra tal-programm.

- Is-sostenn għall-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra, b’mod partikolari permezz tal-esperti fitosanitarji bix jissorveljaw it-tkabbir, il-ħsad u l-kummerċ tal-patata.

- L-Agrikoltura, b’mod partikolari l-analiżi tal-politiki eżistenti u r-riformi meħtieġa għall-introduzzjoni futura tal- acquis . L-identifikar tal-prijoritajiet għall-Programm Interim għall-Iżvilupp Rurali kien attività prinċipali.

- L-Ambjent, b’mod partikolari l-identifikar tal-oqsma ta’ prijorità għat-taħriġ futur u l-bini tal-kapaċità relatata mal- acquis . Il-ħidma fuq it-tfassil tal-fruntieri taż-żoni tan-natura protetta li għandhom potenzjal futur ta' status ta' Natura 2000 hu każ ċar fejn il-pjani ta' ġestjoni taħt l-Għan 2 huma previsti.

- Is-sikurezza tal-ikel, fejn l-attivitajiet kienu jinkludu s-sostenn għar-rispons tal-komunità Turko-Ċiprijotta għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer li faqqgħet fuq il-gżira f’Ottubru 2007; Il-valutazzjoni tal-ħtiġiet futuri għall-investiment biex jintlaħqu standards veterinarji kemm għas-saħħa tal-annimali u kemm għas-saħħa veterinarja pubblika. u prijoritajiet għal taħriġ u l-bini tal-kapaċità futuri li jikkonċernaw l- acquis.

- Statistiċi, inklużi analiżi għal ħtiġiet għall-iżvilupp ta’ dejta aktar komparabbli u li tista’ torbot fuqha stabbilita għall-parti tat-tramuntana ta’ Ċipru li għandha ssostni l-ħolqien ta’ statistiċi madwar il-gżira kollha, li tkun konformi mal-UE, wara r-ri-unifikazzjoni.

Taħt dan il-għan ta’ prijorità, kien imniedi proġett biex tiġi riveduta l-qagħda attwali dwar kif qed jitmexxew is-servizzi eżisteti għall-ambjent u biex jiġi suġġerit titjib.

4.2.6. Faċilità mhux allokata għal Għajnuna Teknika u Riżerva għall-Programmi

Ma sarx użu minn din il-faċilità matul il-perjodu tar-rapurtaġġ.

4.2.7. L-għajnuna finanzjarja biex tkopri nefqa amministrattiva skond l-Artikolu 4(3) tar-regolament dwar l-għajuna

Total ta’ €18.85 miljun (jiġifieri 7.2% tal-allokazzjoni finanzjarja globali) kienet identifikata biex tgħin lill-Kummissjoni timplimenta l-programm ta' għajnuna. L-għajnuna tkopri l-ispejjeż tal-persunal involut fl-implimentazzjoni tal-programm (aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali distakkati) u l-ispejjeż tagħhom għall-missjoni, kif ukoll l-ispejjeż marbuta mal-Uffiċju tal-Programm ta’ Sostenn. Kienu ffirmati kuntratti biex jgħinu lill-Kummissjoni fil-proċess tal-ikkuntrattar, eżempju il-kitba tat-Termini ta’ Referenza, il-valutazzjoni tal-proposti, eċċ.

4.3. L-eżekuzzjoni finanzjarja

(kuntratti u ħlas) L-Annessi 2 u 3 rispettivament jelenkaw il-kuntratti ffirmati matul il-perjodu tar-rappurtaġġ u t-total.

4.3.1. L-għotja ta' kuntratti

Matul il-perjodu ta' rappurtaġġ ingħataw b’kuntratt total ta' €17.5 miljun. Minn dan l-ammont, madwar €17 miljun kienu għal kuntratti taħt il-parti operattiva tal-programm ta' għajnuna u madwar €0.5 miljun kienu għal attivitajiet ta' sostenn skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Għajnuna.

Sa tmiem l-2007, ingħataw b’kuntratt total ta’ kważi € 33 miljun. Minn dan l-ammont, madwar €31.2 miljun kienu għal kuntratti taħt il-parti operattiva tal-programm ta' għajnuna u madwar €1.8 miljun kienu għal attivitajiet ta' sostenn. L-Anness 4 turi elenku tal-kuntratti taħt il-parti operattiva u l-attivitajiet ta’ sostenn.

4.3.2. Ħlasijiet

Matul il-perjodu tar-rappurtaġġ, il-Kummissjoni qassmet lill-kuntratturi tagħha ammont ta’ madwar €8.1 miljun u nefqet madwar €0.9 miljun fuq spejjeż għall-persunal u għall-missjoni[9].

Sa tmiem l-2007, il-Kummissjoni qassmet lill-kuntratturi tagħha ammont ta’ madwar €12.29 miljun u nefqet madwar €1.24 miljun fuq spejjeż għall-persunal u għall-missjoni.

4.4. Monitoraġġ

Matul il-perjodu tar-rappurtaġġ, il-Kummissjoni stabbiliet Mekkaniżmu ta’ Implimentazzjoni għar-Reviżjoni - (IRM) li jinvolvi l-benefiċjarji Turko-Ċiprijotti. L-għan tal-IRM's hu li perjodikament ikun rivedut il-progress reġistrat biex jintlaħqu l-għanijiet tal-programm u biex tkun sostnuta l-effikaċja u l-kwalità fl-implimentazzjoni tal-programm ta' għajnuna għall-komunità Turko-Ċiprijotta. Għandu wkoll l-għan li timmassimizza s-sjieda tal-programm mill-benefiċjarji Turko-Ċiprijotti, li hu prerekwiżit kruċjali biex ikun żgurat is-suċċess fl-implimentazzjoni u s-sostenibbiltà.

L-ewwel laqgħa tal-IRM saret fl-20 ta’ Settembru 2007. Wara din, kienet stabbilita sensiela ta’ punti ta’ azzjoni biex iħaffu u jtejbu l-programm ta’ implimentazzjoni, li l-kisba tagħhom kienet sorveljata mill-qrib permezz ta’ laqgħat regolari bejn it-Tim tal-Programm u benefiċjarji Turko-Ċiprijotti u l-partijiet interessati.

4.5. Informazzjoni, Pubbliċità u Viżibiltà

Il-viżibiltà hi importanti biex turi lill-Komunità Turko-Ċiprijotta inġenerali li l-UE qed tagħtihom sostenn. Matul il-perjodu ta’ rappurtaġġ, inħarġu 15-il stqarrija għall-istampa[10], b’mod partikolari biex titħabbar it-tnedija għal sejħa għall-proposti u l-proġetti. Ingħatw żewġ intervisti lill-midja Turko-Ċiprijotta. Kienu organizzati tliet avvenimenti ta’ viżilbiltà 1) Riċeviment "Bon Voyage" (li għaliha attenda l-Mexxej Turko-Ċiprijott Mehmet Ali Talat); Għall-istudenti u l-għalliema li ngħataw l-ischolarship tal-komunità għas-sena akkademika 2007/2008. 2) ċerimonja li fakkret is-sitt anniversarju mill-ko-operazzjoni b’suċċess bejn l-UNDP u l-Kummissjoni, fl-okkazjoni tal-iffirmar tal-aħħar ftehim dwar l-għotjiet ppjanat taħt il-programm. u 3) it-tnedija tal-websajt iffinanzjata mill-KE dwar il-Kumitat għall-Persuni Nieqsa. Ġew prodotti fuljetti biex tingħata pubbliċità lil ċerti proġetti u ġiet żviluppata websajt biex tkun promossa l-iskema tal-komunità għall-ischolarships.

Barra minn hekk, il-websajt tad-DĠ Tkabbir:

http://ec.europa.eu/enlargement/turkish_cypriot_community/index_en.htm tkompli tintuża biex tingħata pubbliċità għall-programm ta’ għajnuna u tinkludi t-test tar-Regolament dwar l-għajnuna, id-Deċiżjoni dwar il-finanzjament tal-Kummissjoni u d-dokumenti relatati.

4.6. Konsultazzjonijiet mal-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru

Fi stqarrija li ġiet inkluża fil-Minuti tal-Kunsill meta ġie adottat ir-regolament dwar l-għajnuna, il-Kummissjoni, fid-dawl tas-sitwazzjoni politika eżistenti f'Ċipru kif ukoll l-għan li l-gżira tiġi integrata u ri-unifikata, "iddikjarat li kienet lesta tikkonsulta l-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru dwar l-aspetti ewlenin tal-implimentazzjoni ta' għajnuna taħt dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni ddikjarat wkoll li kienet lesta li tikkonsulta mal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jekk l-istudji tal-possibiltà dwar jekk l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati taħt dan ir-Regolament jistgħux jaffettwaw id-drittijiet tal-proprjetà."

Wara l-fazi tal-iprogrammar, saru laqgħat mar-rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru, b’mod partikolari meta uffiċjali għolja tal-Kummissjoni żaru l-gżira. Matul il-perjodu ta’ rappurtaġġ kien hemm sebgħa minn dawn il-laqgħat. Saru wkoll laqgħat fuq livell ta’ ħidma mar-rappreżentanti tal-ministeri tal-linja, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ambjent, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet bil-ħsieb li jiġu kkunsidrati l-aspetti tal-ippjanar għall-gżira kollha, fejn hu xieraq ikunu konformi mal-Premessa 8 tar-Regolament dwar l-għajnuna.

Fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà, matul il-perjodu ta’ rappurtaġġ, inbdew ftit proġetti żgħar ta’ infrastruttura, l-aktar għat-titjib fl-infrastruttura urbana u lokali fejn l-implimentazzjoni hija amministrata b’mod konġunt mal-UNDP. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni talbet is-sostenn tar-Repubblika ta’ Ċipru biex tikkonferma l-ismijiet tas-sidien privati. Iż-żmien rikjest mir-Repubblika ta’ Ċipru biex twieġeb għal dawn it-talbiet qed jieħu fit-tul. Dan għandu r-riskju li jkun ta’ ostaklu kbir u jpoġġi f’perikolu l-proġetti tal-investiment. Li jinkisbu l-ismijiet tas-sidien privati hu biss l-ewwel pass. Il-Kummissjoni għandha mbagħad titlob u tirċievi l-kunsens tagħhom qabel ma tiffirma l-kuntratti tax-xogħol.

5. KONKLUżJONIJIET

Matul il-perjodu ta’ rappurtaġġ, l-attivitajiet iffokaw fuq:

4. Biex jintlaħaq pass mgħaġġel fl-implimentazzjoni: ġew imnedija miżuri preparatorji f’termini ta’ preparazzjoni tad-dokumenti għall-offerti, kif ukoll sejħa għall-proposti għal skemi ta’ għotjiet u kuntratti ta’ xogħlijiet u servizzi Ġew iffirmati l-ftehimiet diretti kollha mal-UNDP u l-Kunsill tal-Ewropa li ma kellhomx x’jaqsmu mas-sejħiet għall-proposti kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni bl-eċċezzjoni tal-proġett tat-Tagħlim tal-Istorja fejn il-Kunsill tal-Ewropa ma ffirmax.

5. Biex ikunu kkonsolidati l-mekkaniżmi tal-implimentazzjoni billi jiġi reklutat persunal addizjonali u jitqiegħdu f’posthom il-proċeduri meħtieġa tal-implimentazzjoni. Minħabba n-natura speċifika tal-programm u l-kuntest li fih il-Kummissjoni qed topera, dan wassal biex isiru ftehimiet skont l-okkażjoni.

L - implimentazzjoni hi u ser tibqa’ diffiċli minħabba l-kuntest uniku li fih qed topera l-Kummissjoni. Uħud mill-isfidi identifikati fl-ewwel rapport annwali kienu ffaċjati wkoll matul il-kors tal-2007 u jibqgħu validi għall-kumplament tal-perjodu tal-implimentazzjoni:

6. Termini qosra ta' kuntrattar u limitazzjoni fuq id-dewmien tal-programm:

7. L-ikkuntrattar ta' investimenti ta' infrastruttura fuq skala kbira fi żmien tliet snin qed tkun ta’ sfida minħabba n-nuqqas ta' preparazzjoni preċedenti tal-proġett.

8. L-attivitajiet ippjanati biex jitwettqu fuq bażi annwali jistgħu jsiru biss għal tliet snin konsekuttivi (2007-2009) flok dawk li kienu ippjanati oriġinarjament (2007-2009). L-2009 għandha tkun l-aħħar sena meta tiġi mnedija sejħa għall-proposta għal skemi ta’ għotjiet għall-bdiewa, l-iskejjel, il-komunitajiet lokali, is-soċjetà ċivili, eċċ. L-aħħar sejħa għall-iskema ta’ scholarship għandha tkun f’Settembru 2008. Finanzjament addizjonali għandu jkun meħtieġ biex tkompli tiġi sostnuta l-komunità Turko-Ċiprijotta wara l-2009.

9. Il-kwistjoni tal-proprjetà : Il-lok ta' bosta mill-investimenti infrastrutturali li huma ppjanati għad irid jiġi deċiż. Madankollu, minħabba l-ammont ta' proprjetà ta' proprjetarji privati Griegi Ċiprijotti[11], x'aktarx bosta investimenti jkun jistgħu biss jipproċedu bil-kunsens ta' dawn il-proprjetarji. Iż-żmien konsiderevoli li kien meħtieġ mill-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru biex tkun ipprovduta l-informazzjoni dwar l-ismijiet tas-sidien privati u l-bżonn li jingħata l-kunsens biex tiddaħħal fl-iskeda li hi diġà waħda ta’ implimentazzjoni stretta ħafna. Għandhom jiġu pppreparati proġetti ta’ riżerva, sabiex jitnaqqsu r-riskji li xi proġetti ma jkunux jistgħu jitwettqu minħabba n-nuqqas ta’ kunsens tas-sidien, iżda din tista’ ma tkunx miżura li ttaffi biżżejjed biex jiġi żgurat l-ikkuntrattar tal-proġetti ppjanati ta' investiment.

10. Kapaċità ta' assorbiment baxxa tal-komunità benefiċjarja: il-komunità Turko-Ċiprijotta hija żgħira u mhijiex mgħammra tajjeb f'dak li jirrigwarda l-istrutturi meħtieġa biex tirċievi ammont daqstant kbir ta' riżorsi f'perjodu ta' żmien daqstant qasir. Minkejja s-sjieda u l-ko-operazzjoni dejjem tiżdied għad hemm riżultati mħallta f'dan il-qasam.

11. Kooperazzjoni bejn il-komunità Turko-Ċiprijotta u l-komunità Griega-Ċiprijotta: is-suċċess tal-programm fil-kisba tal-għan globali li hu l-iffaċilitar tar-rijunifikazzjoni ta' Ċipru jiddependi ħafna fuq kooperazzjoni li tirnexxi bejn iż-żewġ komunitajiet fil-gżira. Kwistjonijiet politiċi li mhumiex relatati mal-programm ta' għajnuna nnifsu iżda pjuttost mal-kuntest politiku globali fil-gżira jistgħu jwasslu ż-żewġ komunitajiet biex iwaqqfu l-implimentazzjoni ta' xi partijiet mill-programm. L-implimentazzjoni għandha tkun iffaċilitati bil-kbir mill-progress tal-proċess tar-ri-unifikazzjoni. Id-deċiżjoni li ttieħdet miż-żewġ mexxejja biex jibdew in-negozjati maturi fit-3 ta’ Settembru 2008, taħt il-missjoni għaqlija tal-uffiċji tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu joħloq qafas pożittiv għall-iffaċilitar tal-implimentazzjoni u s-suċċess tal-programm ta' għajnuna.

[1] ĠU L65, 7.3.2006, p.5.

[2] Il-bidla għall-bini l-ġdid saret f’Ġunju 2008.

[3] Id-deċiżjoni biex tiġi kkanċellata l-offerta ttieħdet fi Frar 2008.

[4] Il-Kummissjoni ffirmat il-kuntratt għas-servizz "Għajnuna teknika għall-ġestjoni u l-protezzjoni ta’ siti potenzjali għal Natura 2000 fil-parti tat-tramuntana ta’ Ċipru" f’April 2008.

[5] Kontroll Superviżorju u l-Akkwist tad-Dejta

[6] Fornitur tal-Internet

[7] Kienu allokati €5 miljun biex jitneħħew il-mini f’Ċipru permexx ta’ proġett pilota/ azzjoni preparatorja matul il-perjodu 2004-2006.

[8] Fil-mument tal-adozzjoni ta’ dan ir-rapport, il-proġett ikompli jiġi mblukkat. Għaddiet aktar minn sena u l-kuntratt ikollu jiġi modifikat biex tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni li nbidlet.

[9] In-nefqa għall-persunal u għall-missjonijiet huma kkuntjati b’mod separat minn infiq ieħor ta’ sostenn, minħabba n-natura speċifika ta’ dawn l-attivitajiet

[10] Mill-bidu tal-implimentazzjoni ħarġu total ta’ 17-il stqarrija għall-istampa.

[11] Huwa stmat li 78% tal-artijiet ta' sidien privati fil-parti tat-tramuntana ta' Ċipru huma ta' sidien privati Ċiprijotti Griegi.