Rapport mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ lulju 1999 (1999/519/KE) dwar il-limitazzjoni tal-esponiment tal-pubbliku ġenerali għall-kampijiet elettromanjetiċi (0 Hz sa 300 GHz) - It-Tieni Rapport ta’ Implimentazzjoni 2002-2007 /* KUMM/2008/0532 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 1.9.2008 KUMM(2008) 532 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI DWAR L-APPLIKAZZJONI TAR-RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL TAT-12 TA’ LULJU 1999 (1999/519/KE) DWAR IL-LIMITAZZJONI TAL-ESPONIMENT TAL-PUBBLIKU ĠENERALI GĦALL-KAMPIJIET ELETTROMANJETIĊI (0 Hz sa 300 GHz) It-Tieni Rapport ta’ Implimentazzjoni 2002-2007 INTRODUZZJONI Il-pubbliku huwa espost għal kampijiet elettromanjetiċi (EMF) ġġenerati minn varjetà dejjem akbar ta’ apparat u installazzjonijiet elettriċi u elettroniċi. L-EMF jista’ jkollhom effetti bijoloġiċi taħt ċerti kundizzjonijiet. Fit-12 ta’ Lulju 1999, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (1999/519/KE) sabiex jillimita l-esponiment tal-popolazzjoni għall-EMF. Hija r-responsabilità tal-Istati Membri li jipproteġu lill-popolazzjonijiet minn riskji potenzjali għas-saħħa. Madankollu, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill stabbiliet sett ta’ restrizzjonijiet bażiċi u livelli ta’ referenza sabiex iservu ta’ gwida għall-Istati Membri u biex joħolqu bażi għal leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà tal-prodotti. Dawn huma kif stipulati mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien mir-Radjazzjoni Mhux Jonizzanti (ICNIRP). Ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżomm taħt skrutinju l-effetti possibbli tal-EMF fuq is-saħħa. Fl-2002, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel rapport tagħha. Dan huwa t-tieni wieħed, dwar is-sitwazzjoni fl-UE-27, li huwa bbażat fuq l-informazzjoni li waslet mingħand l-Istati Membri, li jippreżenta aġġornament dwar l-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni biex tirrevedi l-għerf xjentifiku disponibbli. IL-KWISTJONI TAL-KAMPIJIET ELETTROMANJETIċI Iż-żieda mgħaġġla fit-telekomunikazzjoni mobbli u l-firxa dejjem akbar ta’ apparat personali, domestiku, kummerċjali u mediku żiedu b’mod konsiderevoli n-numru ta’ sorsi ta’ esponiment għall-EMF[1] u qegħdin jibdlu b’mod sinifikanti l-livell, it-tip u l-mudell tal-esponiment ta’ kuljum tal-pubbliku. Stħarriġ riċenti tal-Eurobarometer[2] jindika li, filwaqt li huma iżjed imħassba dwar is-sustanzi kimiċi, il-kwalità tal-ikel, l-arja tal-ambjent u l-kwalità tal-ilma tax-xorb, nofs in-nies fl-UE huma mħassba wkoll dwar ir-riskji potenzjali għas-saħħa tal-EMF. Il-maġġoranza taċ-ċittadini jħossu li l-awtoritajiet pubbliċi mhumiex jinfurmawhom b’mod adegwat dwar il-miżuri li qegħdin jittieħdu biex iħarsuhom, b’mod partikolari mill-kejbils tal-elettriku b’vultaġġ qawwi ħafna fil-għoli u mill-istazzjonijiet bażi li jinsabu viċin tad-djar. RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL TAT-12 TA’ LULJU 1999 DWAR IL-LIMITAZZJONI TAL-ESPONIMENT TAL-PUBBLIKU ġENERALI GħALL-KAMPIJIET ELETTROMANJETIċI (0HZ SA 300 GHZ) — (1999/519/KE) Din ir-Rakkomandazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 152(1) tat-Trattat sabiex tikkumplimenta l-linji politiċi nazzjonali għat-titjib tas-saħħa pubblika u l-prevenzjoni tal-mard fil-bniedem, u biex jitneħħew is-sorsi ta’ periklu għas-saħħa. Barra minn hekk, l-Artikolu 152(1) jgħid li “għandu jiġi assigurat livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa umana fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet u l-linji politiċi kollha tal-Komunità”. L-għan ġenerali tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (1999/519/KE) huwa li tistabbilixxi qafas Komunitarju bbażat fuq l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli sabiex jiġi limitat l-esponiment tal-pubbliku ġenerali għall-EMF u li tipprovdi bażi għall-monitoraġġ tas-sitwazzjoni. Hija tipprovdi wkoll qafas ta’ referenza għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar prodotti u apparat li jarmu EMF[3]. L-Istati Membri huma responsabbli biex jipproteġu l-popolazzjonijiet tagħhom kontra r-riskji potenzjali minn esponiment għall-EMF u jistgħu japplikaw limiti aktar stretti minn dawk stipulati fir-Rakkomandazzjoni. Ir-“restrizzjonijiet bażiċi” u l-“valuri ta’ referenza” preżenti ġejjin mil-linji gwida tal-1998 tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien mir-Radjazzjoni Mhux Jonizzanti (ICNIRP), imfassla fuq il-bażi tal-effetti fuq perjodu ta’ żmien qasir tal-EMF. Il-linji gwida tal-ICNIRP jużaw fattur ta’ sigurtà ta’ 50 li jirriżulta mill-multiplikazzjoni bejn fattur 5, li jikkorrispondi għall-valuri tat-tnaqqis fl-esponiment pubbliku kkomparat ma’ dawk applikabbli għall-esponiment fuq il-post tax-xogħol, u fattur ta’ 10 biex ikopri l-varjazzjonijiet tas-sensittività u fil-kundizzjonijiet tal-esponiment fil-medda sħiħa ta’ frekwenzi. Il-“livelli ta’ referenza” huma bbażati fuq miżurazzjonijiet u/jew tekniki komputazzjonali. Ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw kemm ir-riskji kif ukoll il-benefiċċji meta jiddeċiedu jekk jeħdux azzjoni, jinfurmawx lill-pubbliku, jippromwovux ir-riċerka dwar l-effetti potenzjali tal-EMF fuq is-saħħa u jirrappurtawx dwar l-azzjoni tagħhom lill-Kunsill. Ir-Rakkomandazzjoni titlob lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-istabbiliment ta’ standards Ewropej, biex tevalwa l-osservanza tar-restrizzjonijiet bażiċi, biex tinkoraġġixxi r-riċerka, biex tissokta bl-involviment tagħha mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti u biex tevalwa b’mod regolari l-azzjoni li tittieħed. BAżIJIET XJENTIFIċI Il-bażijiet xjentifiċi għal-linji gwida tal-ICNIRP kienu approvati mill-Kumitat tat-Tmexxija Xjentifiku f’Ġunju 1998, mill-Kumitat Xjentifiku dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent[4] f’Ottubru 2001 u mill-ġdid mill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Emerġenti u r-Riskji Identifikati Riċentament għas-Saħħa (SCENIHR)[5] f’Marzu 2007, kull waħda bbażata fuq l-aħħar evidenza xjentifika disponibbli. L-aħħar opinjoni tas-SCENIHR sostniet: - Għall-Kampijiet tal-Frekwenzi tar-Radju (kampijiet RF – 100 kHz-300 GHz) Ma ntwera l-ebda effett b’mod konsistenti fuq is-saħħa f’livelli ta’ esponiment ’l isfel mil-limiti tal-ICNIRP stabbiliti fl-1998. Madankollu, il-bażi tad-dejta għal evalwazzjoni tibqa’ limitata, speċjalment għall-esponiment ta’ livell baxx fuq perjodu twil. - Għall-Kampijiet ta’ Frekwenzi Intermedji (kampijiet IF – 300 Hz–100 kHz) Hemm nuqqas kbir ta’ dejta sperimentali u epidemjoloġika mill-medda tal-IF. Għalhekk, il-kejl tar-riskji akuti għas-saħħa fil-medda tal-IF attwalment huwa bbażat fuq perikli magħrufa fi frekwenzi aktar baxxi jew ogħla. Evalwazzjoni u kejl korrett tal-effetti possibbli fuq is-saħħa minn esponiment fit-tul għall-kampijiet IF huma importanti minħabba li l-esponiment uman għal dawn il-kampijiet qiegħed jiżdied minħabba t-teknoloġiji ġodda u emerġenti. - Għall-kampijiet ta’ frekwenzi baxxi ħafna (kampijiet ELF – 0-300 Hz) Il-konklużjoni preċedenti li l-kampijiet manjetiċi ELF jistgħu jkunu karċinoġeniċi, ibbażata prinċipalment fuq ir-riżultati ta’ studji epidemjoloġiċi dwar il-lewkimja fit-tfal, għadha valida. Fil-każ tal-kanċer tas-sider u l-mard kardjovaskulari, riċerka riċenti indikat li assoċjazzjoni mhijiex probabbli. Għall-mard newrodeġenerattiv u t-tumuri fil-moħħ, ir-rabta mal-kampijiet ELF għadha mhijiex ċerta. Ma ntweriet ebda relazzjoni konsistenti bejn il-kampijiet ELF u s-sintomi rrapportati mill-persuna nnifisha (xi drabi ssir referenza għaliha bħala sensittività eċċessiva għall-elettriku). - Għall-Kampijiet Statiċi Hemm nuqqas kbir ta’ dejta adegwata biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni sewwa tar-riskju tal-kampijiet manjetiċi statiċi. L-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jinvolvu kampijiet manjetiċi statiċi, eż. b’tagħmir tal-MRI (Teħid ta’ Immaġni b’Reżonanza Manjetika), jeħtieġ evalwazzjonijiet tar-riskji b’rabta mal-esponiment fuq il-post tax-xogħol. Minħabba l-inċertezzi u n-nuqqas ta’ dejta xjentifika dwar l-esponiment f’livell baxx u fuq perjodu fit-tul għall-EMF, is-SCENIHR għamel rakkomandazzjonijiet għal iżjed riċerka, b’mod partikolari: - Għall-kampijiet RF • Studju prospettiv fuq perjodu fit-tul dwar grupp ta’ persuni • L-effetti fuq is-saħħa tal-esponiment għar-RF fit-tfal, • Id-distribuzzjoni tal-esponiment fil-popolazzjoni, - Għall-kampijiet IF • Studji epidemjoloġiċi u sperimentali dwar l-effetti fuq is-saħħa minn kampijiet IF. - Għall-kampijiet ELF • Studji fuq l-annimali biex jispjegaw il-mekkaniżmi responsabbli għal-lewkimja fit-tfal indikata mill-evidenza epidemjoloġika. - Għall-kampijiet statiċi • Studju tal-grupp dwar persunal li jimmaniġġja apparat li jiġġenera kampijiet manjetiċi qawwija. • Studji sperimentali, eż. dwar il-karċinoġeniċità, il-ġenotossiċità u l-effetti fuq l-iżvilupp u newrokomportamentali. Fil-ħames Programm ta’ Qafas dwar ir-Riċerka (FP5 – 1998-2002) , l-“Azzjoni Prinċipali” tal- Ambjent u s-Saħħa pprovdiet kontribuzzjoni totali ta’ €12-il miljun mill-KE għal proġetti dwar l-impatti potenzjali tal-EMF fuq is-saħħa[6]. Fil-FP6 (2002-2006), il-Kummissjoni ffinanzjat il-proġett EMF-NET[7] li pproduċa folji ta’ fatti dwar diversi kwistjonijiet marbuta mal-effetti potenzjali fuq is-saħħa tal-esponiment għall-EMF. Dan il-proġett ikkonkluda li għad hemm bżonn ta’ riċerka f’bosta oqsma. Bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet tas-SCENIHR, il-Kummissjoni introduċiet fit-tieni sejħa għall-proposti tat-tema Ambjentali tal-Programm ta’ Kooperazzjoni (subattività ta l-Ambjent u s-Saħħa ) tal-FP7 (2006-2013), suġġett li għandu jwassal għall-finanzjament ta’ proġett iffukat fuq l-użu tat-telefons mobbli u r-riskji potenzjali li jiżviluppa kanċer tal-moħħ fit-tfal u l-adoloxxenti. It-tielet sejħa qiegħda tippjana proġett dwar evalwazzjoni aħjar tal-esponiment għall-apparat ta’ komunikazzjoni bla fili. IMPLIMENTAZZJONI TAR-RAKKOMANDAZZJONI Ħarsa ġenerali Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri adottaw ir-Rakkomandazzjoni u xi wħud għandhom miżuri li jorbtu sabiex jikkontrollaw l-esponiment tal-pubbliku ġenerali għall-EMF. Għalkemm ħafna jqisu r-Rakkomandazzjoni bħala suffiċjenti sabiex tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa, xi wħud adottaw limiti aktar stretti ta’ esponiment u oħrajn issuġġerew xi modifiki għar-Rakkomandazzjoni: restrizzjonijiet u livelli ta’ referenza aktar stretti għall-ELF (il-Finlandja, l-Iżvezja u l-Olanda), restrizzjonijiet u livelli ta’ referenza aktar stretti fil-kampijiet ta’ 10 kHz-300 GHz (il-Litwanja), effetti fit-tul u mhux termali tal-EMF (il-Bulgarija), u informazzjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti (il-Polonja). Filwaqt li ma talbitx għal bidliet speċifiċi fir-Rakkomandazzjoni, is-Slovenja saħqet fuq l-importanza tal-informazzjoni għall-konsumaturi dwar ir-radjazzjoni mhux jonizzanti u dwar modi kif jitnaqqas l-esponiment, u l-Iżvezja żviluppat approċċ prekawzjonarju sempliċi u rħis biex tnaqqas l-esponiment għall-ELF u r-RF. Fl-istess linji, l-Olanda qiegħda tissuġġerixxi l-possibbiltà li jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni minħabba r-riskji akbar ta’ lewkimja fit-tfal minn kampijiet manjetiċi ta’ 50 Hz minn kejbils tal-elettriku fil-għoli. Miżuri speċifiċi ta’ implimentazzjoni Restrizzjonijiet bażiċi għall-esponiment għall-EMF B’mod ġenerali, il-livelli ta’ restrizzjoni li hemm fis-seħħ fl-Istati Membri fir-rigward tal-esponiment għall-EMF huma konformi mar-Rakkomandazzjoni (Ara t-Tabella 1). Madankollu, f’Ċipru, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Litwanja, is-Slovenja u s-Slovakkja, ma ttieħdet ebda miżura ta’ implimentazzjoni dwar restrizzjonijiet bażiċi. F’xi pajjiżi huma applikati approċċi aktar stretti bbażati fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni. Fil-Belġju, digriet Irjali jistabbilixxi valuri bażiċi ta’ restrizzjoni li huma erba’ darbiet aktar stretti għall-kampijiet RF bejn 10 MHz u 10 GHz. Il-Greċja tapplika fatturi ta’ tnaqqis ta’ 60 jew 70 % għar-restrizzjonijiet bażiċi fil-każ tal-antenni kollha bbażati fuq l-art (60 % meta l-antenni jkunu jinstabu inqas minn 300 metru minn skejjel, kindergartens, sptarijiet jew faċilitajiet għall-kura tal-anzjani). Fl-Italja, il-livell bażiku ta’ restrizzjoni għad-densità tal-enerġija applikabbli għall-impjanti tal-enerġija u t-tagħmir tat-telekomunikazzjoni fissa huwa għaxar darbiet aktar baxx milli fir-Rakkomandazzjoni. L-Aġenzija għall-Protezzjoni tas-Saħħa (HPA) tar-Renju Unit irrakkomandat approċċ fi tliet fażijiet għal ċerti frekwenzi permezz ta’ mmudellar numeriku tal-esponimenti biex tiġi ċċarata l-konformità mar-restrizzjonijiet bażiċi tal-ICNIRP. Għall-frekwenzi tal-elettriku, il-figuri ekwivalenti għall-qawwiet tal-kampijiet huma 9 kV/m u 360 µT, jiġifieri inqas stretti mil-livelli ta’ referenza fir-Rakkomandazzjoni. L-HPA tar-Renju Unit tinnota li hemm ukoll il-possibbiltà ta’ effetti ħżiena indiretti (mikroxokkijiet) li jistgħu jiġu kkontrollati fl-ambjenti tax-xogħol. Għall-pubbliku ġenerali, il-livell ta’ referenza ta’ 5 kV m-1 għandu jevita l-mikroxokkijiet fil-maġġoranza tan-nies. Tabella 1: Ħarsa ġenerali fil-qosor tal-mod kif il-miżuri implimentati fl-Istati Membri jirrelataw mar- Restrizzjonijiet Bażiċi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE Pajjiż | Ir-restrizzjonijiet bażiċi li ġew implimentati huma aktar stretti milli fir-Rakkomandazzjoni | Ir-restrizzjonijiet bażiċi li ġew implimentati huma l-istess bħal fir-Rakkomandazzjoni | Ir-restrizzjonijiet bażiċi li ġew implimentati huma inqas stretti milli fir-Rakkomandazzjoni | AT | X | BE | Xa | BG | X | CH | X | CZ | X | CY | X | DE | X | DK | X | EE | ? | ES | X | FI | X | FR | X | GR | Xa | HU | X | IE | X | IT | X | LT | Xb | LU | X | LV | X | MT | X | NL | X | PL | X | PT | X | RO | X | SE | X | SI | X | SK | X | UK | X | a) Mhux għall-firxa kollha tal-frekwenzi — b) Għall-ħaddiema biss Livell ta’ referenza għar-radjazzjoni elettromanjetika Il-limiti ta’ referenza użati għall-monitoraġġ tar-radjazzjoni tal-EMF fl-Istati Membri ġeneralment isegwu ’l dawk indikati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (ara Tabella 2). Il-Belġju japplika livell ta’ referenza darbtejn aktar baxx tal-kampijiet elettriċi għall-kampijiet RF, iżda l-istess livell bħal tar-Rakkomandazzjoni għall-kamp elettriku ELF f’żoni urbani. Madankollu, il-Gvern Fjamming irrikkmanda standard ferm aktar baxx ta’ kwalità interna (0.2 µT u 10 µT) għall-kamp manjetiku ELF. Il-miżura ta’ prekawzjoni tal-Olanda għall-kampijiet manjetiċi ta’ 50 Hz minn kejbils tal-elettriku fil-għoli tapplika livell ta’ referenza ta’ 0.4 µT għall-kamp manjetiku fid-djar, fl-iskejjel u fiċ-ċentri tal-kura ta’ b’inhar tat-tfal meta jinbnew kejbils tal-elettriku fil-għoli jew djar ġodda jew jiġu rinnovati dawk eżistenti. Fil-Lussemburgu, huwa applikat limitu ta’ 3V/m għall-kamp elettriku f’żoni fejn il-pubbliku jista’ jkun espost għal ħin twil (eż. djar residenzjali). Huma applikati wkoll distanzi minimi bejn il-kejbils tal-elettriku ta’ vultaġġ għoli u ż-żoni residenzjali. Fl-Italja, huwa applikat limitu ta’ 6V/m għall-impjanti tal-elettriku u t-tagħmir tat-telekomunikazzjoni fissa. Tabella 2: Ħarsa ġenerali fil-qosor tal-mod kif il-miżuri implimentati fl-Istati Membri jirrelataw mal- Livelli ta’ Referenza tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE Pajjiż | Il-livelli ta’ referenza li ġew implimentati huma aktar stretti milli fir-Rakkomandazzjoni | Il-livelli ta’ referenza li ġew implimentati huma l-istess bħal fir-Rakkomandazzjoni | Il-livelli ta’ referenza li ġew implimentati huma inqas stretti milli fir-Rakkomandazzjoni | AT | X | BE | Xa | BG | X | CH | X | CZ | X | CY | X | DE | X | DK | X | EE | X | ES | X | FI | X | FR | X | GR | Xa | HU | X | IE | X | IT | X | LT | X | LU | X | LV | X | MT | X | NL | Xa | PL | X | PT | X | RO | X | SE | X | SI | X | SK | X | UK | X | a) Mhux għall-firxa kollha tal-frekwenzi — Billi l-esponiment permissibbli tal-popolazzjoni fil-Polonja huwa diversi drabi aktar baxx milli fir-Rakkomandazzjoni, l-istess tnaqqis huwa rifless ukoll fil-livelli ta’ referenza (eż. 7 V/m għar-radjazzjoni RF) u għall-komponent manjetiku ta’ kampijiet bi frekwenza ta’ 50 Hz. Barra minn hekk, għall-komponent elettriku, il-valuri għaż-żoni tad-djar huma għaxar darbiet aktar baxxi milli għall-ambjent ġenerali. Fil-Bulgarija, il-valuri tal-limitu tal-espożizzjoni huma kkategorizzati minn erba’ żoni definiti skont il-possibbiltà ta’ esponiment u t-tul tal-esponiment. Għalhekk, huma stabbiliti valuri tal-limitu aktar għoljin għal żoni fejn l-esponiment uman huwa rari jew prattikament impossibbli u limiti ferm aktar baxxi għal żoni b’esponiment kontinwu u żoni għal gruppi sensittivi (fosthom it-tfal, in-nisa tqal, l-anzjani u l-morda). Is-Slovenja tapplika livelli ta’ referenza għaxar darbiet aktar stretti għal sorsi ta’ radjazzjoni ġodda u mibnija mill-ġdid f’żoni sensittivi (eż. skejjel, ċentri għall-kura ta’ binhar, sptarijiet, djar residenzjali, eċċ). Fil-Greċja, il-livelli ta’ referenza tar-Rakkomandazzjoni ġew stabbiliti bħala l-limiti ta’ sikurezza għall-kampijiet ELF, filwaqt li ġew derivati livelli ta’ referenza ġodda għall-antenni kollha bbażati fuq l-art fil-medda ta’ frekwenzi ta’ 1kHz sa 300 GHz. Bl-istess mod, fil-Litwanja, il-livelli nazzjonali fil-medda ta’ frekwenzi ta’ 10 kHz-300 MHz huma 2-3 darbiet aktar stretti mil-livelli ta’ referenza għar-radjazzjoni EMF; minn 300 MHz sa 300 GHz, anki 100 darba (10µW/cm2)! Fil-każ tar-radjazzjoni ELF mill-kejbils tal-elettriku, ir-rakkomandazzjonijiet Finlandiżi jsejħu sabiex il-kampijiet manjetiċi jinżammu baxxi daqskemm ikun raġonevolment possibbli fiż-żoni fejn il-pubbliku ġenerali, b’mod partikolari t-tfal, jistgħu jdumu għal tul ta’ ħin sinifikanti. Għall-ELF, l-Aġenzija għall-Protezzjoni tas-Saħħa tar-Renju Unit tirrakkomanda approċċ fi tliet fażijiet, li jadotta mmudellar numeriku realistiku għall-esponiment biex tiġi ċċarata l-applikazzjoni tal-livelli tal-ICNIRP. Għall-frekwenzi tal-elettriku, il-livelli ambjentali tal-kampijiet li l-aktar jegwaljaw b’mod realistiku r-restrizzjonijiet bażiċi huma inqas stretti mil-livelli ta’ referenza fir-Rakkomandazzjoni. Fil-Ġermanja, il-miżuri jindirizzaw il-livelli ta’ esponiment minn meded ta’ frekwenzi speċifiċi: 9 kHz-300 GHz, 16 2/3 Hz, 50 Hz, u 10 MHz-300 GHz. Huma kkunsidrati l-kejbils tal-elettriku li joperaw b’vultaġġ ogħla minn 1 kV u t-trasmettituri fissi b’qawwa ta’ trasmissjoni ta’ aktar minn 10 W EIRP. Għall-ELF u r-RF, il-valuri ta’ referenza għas-sorsi individwali jqisu s-sorsi simili fl-istess żona. Ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Latvja u s-Slovakja m’għandhom ebda miżura speċifika ta’ implimentazzjoni. Fl-Iżvizzera, il-limiti ġenerali tal-esponiment jaqblu mal-valuri ta’ referenza fir-Rakkomandazzjoni, iżda huma applikati fatturi ta’ prekawzjoni addizzjonali ta’ 10 sa 100 għal installazzjonijiet waħdiena f’“żoni sensittivi”. Huma applikati miżuri ta’ sigurtà addizzjonali għal stazzjonijiet tat-telekomunikazzjoni mobbli, stazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni u għal kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli. Xi pajjiżi japplikaw ukoll restrizzjonijiet speċifiċi fuq xi apparat u f’sitwazzjonijiet ta’ esponiment globali għoli. Monitoraġġ tal-esponiment għall-kampijiet elettromanjetiċi Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill titlob lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jimmonitorjaw il-livelli ta’ esponiment għall-EMF u biex jiċċekkjaw jekk dawn jaqbżux il-limiti stipulati fir-Rakkomandazzjoni. Ġeneralment, l-esponiment jiġi evalwat bl-użu ta’ mudelli matul il-proċedura tal-għoti tal-permessi u/jew wara l-installazzjoni ta’ sistemi ġodda jew wara kwalunkwe titjib jew tibdil fl-installazzjoni. Fis-Slovakja u fis-Slovenja, il-miżurazzjonijiet isiru kull tliet snin mill-awtoritajiet (kull ħames snin fil-każ tar-radjazzjoni ta’ frekwenza baxxa fis-Slovenja). Fil-Litwanja, il-kejl isir kull sena fil-viċinanza ta’ sorsi ta’ EMF u b’mod aktar frekwenti fejn il-qari jkun qabeż il-valuri ta’ referenza. Il-Lussemburgu jwettaq miżurazzjonijiet fuq il-post. Fl-Italja, l-istħarriġ isir fuq talba tal-awtoritajiet pubbliċi jew lokali. Fir-Renju Unit, il-kumpaniji tal-utilitajiet iwettqu miżurazzjonijiet ad hoc tal-kampijiet elettriċi u manjetiċi qrib kejbils tal-elettriku fuq talba mill-pubbliku. L-istess japplika fid-Danimarka għall-kejbils tal-elettriku u l-istazzjonijiet tat-telekomunikazzjoni. F’Ċipru, l-operaturi tal-komunikazzjoni bla fili jwettqu l-miżurazzjonijiet regolari tagħhom flimkien ma’ miżurazzjonijiet ad hoc fuq talbiet mill-pubbliku ġenerali u mill-awtoritajiet pubbliċi; fl-Irlanda, il-kumpanija prinċipali tal-elettriku timxi b’mod simili. Il-Greċja tipprovdi għal miżurazzjonijiet kull sena mill-Kummissjoni għall-Enerġija Atomika (EEAE) jew minn laboratorji oħra awtorizzati tal-20 % tal-istazzjonijiet bl-antenna kollha installati f’żoni urbani u fuq talba mill-pubbliku. Fil-Latvja, l-operaturi tat-telekomunikazzjoni jwettqu kull tant żmien attivitajiet ta’ monitoraġġ. Fl-Olanda, aġenzija governattiva (Agentschap Telecom) twettaq monitoraġġ annwali billi tkejjel il-kampijiet RF fi ftit mijiet ta’ postijiet magħżulin b’mod każwali. Isiru wkoll miżurazzjonijiet regolari ta’ kampijiet ELF (minn diversi bureaus, l-aktar f’isem awtoritajiet lokali). Fil-Belġju, l-operatur irid jagħmel stimi mudell tal-esponiment speċifiku u totali tal-antenni tiegħu f’sit partikolari, jew b’kejl jekk l-esponiment jaqbeż in-norma b’aktar minn 5 %. Iċ-ċittadini jistgħu jitolbu wkoll lill-awtoritajiet sabiex jevalwaw l-esponiment residenzjali għar-RF u l-ELF. Il-Finlandja twettaq studji regolari dwar il-livelli ta’ esponiment mit-telefons mobbli. Fl-Iżvezja, l-Awtorità għall-Ħarsien mir-Radjazzjoni tkejjel l-esponiment minn sorsi ta’ ELF u RF u estendiet il-miżurazzjonijiet għall-esponiment iġġenerat mis-sistemi ta’ sorveljanza elettroniċi (TETRA, EAS). Il-leġiżlazzjoni Bulgara tistipula żewġ stadji għall-kontroll tal-EMF. L-ewwel wieħed jirrigwarda l-mod kif jiġu kkalkulati ż-żoni ta’ sigurtà, u t-tieni wieħed huwa ddedikat għall-kejl tal-valuri tal-EMF billi jiġu applikati metodi standard. Fil-Ġermanja, il-livelli ġew imkejla diversi drabi mill-1992 ’l hawn. Fi Franza, studji speċifiċi ta’ monitoraġġ huma ffukati fuq oqsma ta’ tħassib, u r-riżultati huma disponibbli għall-pubbliku. Fl-Irlanda, l-awtoritajiet jikkummissjonaw studji ta’ monitoraġġ biex jiċċekkjaw li l-operaturi qegħdin jirrispettaw il-liċenzji tagħhom. Dawn ir-rapporti huma disponibbli għall-pubbliku. Komunikazzjoni mal-pubbliku Din tirreferi għall-azzjonijiet sabiex iċ-ċittadini jiġu infurmati dwar ir-riskji potenzjali tal-kampijiet elettromanjetiċi u dwar il-miżuri ta’ protezzjoni li jkunu qegħdin jittieħdu. L-esperjenza tal-Istati Membri f’dik li hija komunikazzjoni tvarja b’mod konsiderevoli. L-iktar kanali komuni ta’ informazzjoni huma l-Internet, pubblikazzjonijiet speċjali, laqgħat ma’ kumitati taċ-ċittadini u mal-awtoritajiet lokali, il-gazzetti u rivisti. Xi pajjiżi stabbilew bloggs għaċ-ċittadini u/jew ġurijiet għal djalogu u jistgħu jużaw programmi tat-televiżjoni u/jew tar-radju (Ċipru, il-Bulgarija, u l-Litwanja). Dawn ikabbru l-livell ġenerali ta’ għarfien pubbliku u jippermettu lill-awtoritajiet jistabbilixxu oqsma ta’ tħassib. Jiġu organizzati wkoll laqgħat speċjali għall-valutazzjoni tal-impatt ambjentali b’rabta ma’ installazzjoni ġdida li jista’ jkollha impatt sinifikanti fuq l-ambjent. Finanzjament pubbliku mill-Istati Membri tal-UE ta’ riċerka dwar l-esponiment għall-EMF L-għan prinċipali tar-riċerka dwar l-EMF huwa li jiġu stabbiliti l-livelli ta’ esponiment tal-pubbliku, u b’mod aktar speċifiku tat-tfal, u l-effetti potenzjali fuq is-saħħa. Fir-riċerka li ssir b’finanzjament pubbliku, titpoġġa enfasi qawwija fuq l-effetti tal-istazzjonijiet bażi tal-komunikazzjoni mobbli, it-telefons mobbli, ix-xandir bir-radju u t-televiżjoni u l-kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli. Madankollu, ġew indirizzati wkoll oqsma ġodda ta’ żvilupp bħall-Wi-Fi jew il-WLAN. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jiffinanzjaw riċerka dwar l-effetti potenzjali tal-EMF fuq is-saħħa (ara t-Tabella 3). Sitt pajjiżi (il-Belġju, l-Iżvizzera, Franza, l-Olanda, ir-Rumanija, ir-Renju Unit) jiffinanzjaw studji dwar l-effetti fuq is-saħħa tal-esponiment għall-EMF minn sorsi kombinati. Fl-Ungerija, l-Irlanda, il-Latvja, Malta, u l-Polonja ġew allokati biss fondi pubbliċi limitati ħafna jew xejn għar-riċerka dwar ir-riskji potenzjali tal-EMF fuq is-saħħa. Xi pajjiżi ppromovew ukoll studji dwar il-perċezzjonijiet tar-riskji tal-EMF, li eżaminaw it-tħassib dejjem jiżdied tal-pubbliku dwar l-effetti ta’ ħsara possibbli tar-radjazzjoni elettromanjetika. KONKLUżJONI L-għan tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 1999 dwar il-limitazzjoni tal-esponiment tal-pubbliku ġenerali għall-kampijiet elettromanjetiċi (0Hz sa 300 GHz) — (1999/519/KE) — huwa li tipprovdi qafas tal-UE għal linji politiċi u miżuri nazzjonali sabiex jassiguraw livell għoli ta’ ħarsien tal-popolazzjoni u għal leġiżlazzjoni u standards tal-UE dwar l-esponiment għall-EMF minn prodotti u apparat elettriku/elettroniku. Din ir-Rakkomandazzjoni hija bbażata fuq il-linji gwida tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien mir-Radjazzjoni mhux Jonizzanti (ICNIRP) li huma derivati mill-effetti akuti tal-esponiment għall-EMF fuq il-bnedmin. Sabiex jiġi żgurat li r-Rakkomandazzjoni tibqa’ bbażata fuq l-aktar evidenza xjentifika aġġornata, hija tiġi evalwata kull tant żmien. Fl-2007, il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Emerġenti u r-Riskji Identifikati Riċentement għas-Saħħa (SCENIHR) evalwa l-għerf xjentifiku dwar l-effetti potenzjali tal-EMF fuq is-saħħa u ma sab l-ebda evidenza xjentifika konsistenti li turi l-ħtieġa li jiġu riveduti r-restrizzjonijiet bażiċi u l-livelli ta’ referenza stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Madankollu, is-SCENIHR identifika lakuni fl-għerf xjentifiku rilevanti u oqsma fejn hija meħtieġa iżjed riċerka, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll Ewropew. Ir-rakkomandazzjonijiet tas-SCENIHR diġà bdew jiġu riflessi fis-sejħiet taħt is-seba’ Programm ta’ Qafas dwar ir-Riċerka. Il-Kummissjoni Ewropea mmonitorjat l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill fl-Istati Membri. Ħafna minnhom implimentawha jew permezz ta’ atti jew digrieti leġiżlattivi jew permezz ta’ rakkomandazzjonijiet volontarji. B’mod ġenerali, il-miżuri fil-pajjiżi fejn ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għadha ma ġietx implimentata għal kollox, qegħdin jiġu mtejba. Madankollu, il-miżuri speċifiċi ta’ implimentazzjoni jvarjaw b’mod sinifikanti minn pajjiż għall-ieħor. Stħarriġ tal-Eurobarometer dwar il-perċezzjoni taċ-ċittadini tal-kwistjoni tal-EMF juri nuqqas ta’ sodisfazzjon konsiderevoli għal dak li għandu x’jaqsam mal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Il-biċċa l-kbira tan-nies jixtiequ jirċievu aktar informazzjoni dwar l-effetti potenzjali tal-EMF fuq is-saħħa, permezz tat-televiżjoni, l-istampa u r-radju, filwaqt li llum ħafna minn din l-informazzjoni tiġi pprovduta permezz ta’ siti fuq l-Internet u pubblikazzjonijiet speċjalizzati. Tabella 3. Studji nazzjonali dwar l-esponiment għall-EMF u l-effetti potenzjali fuq is-saħħa Pajjiż | Oqsma jew studji ffinanzjati | Il-Belġju | Studji ta’ valutazzjoni tal-esponiment għall-EMF fil-medda ta’ 0 – 3 GHz f’postijiet pubbliċi u t-trasport. Valutazzjoni tal-esponiment għar-RF relatat mal-WIFI f’żoni i-city. Id-dożimetrija fuq ġewwa għall-esponiment tat-tfal għal kampijiet ELF, VLF u RF prodotti mill-VTUs kollha, sorsi bil-fili u bla fili ġewwa l-bini u barra. Applikazzjonijiet ta’ mmudellar u GIS biex jiġu kkalkulati l-profili tar-riskju 0.4 µT u r-riskju addizzjonali ta’ lewkimja fit-tfal mill-kejbils tal-elettriku taħt l-art u fil-għoli. Evalwazzjoni tal-esponiment għal kamp manjetiku ta’ 0.4 µT fit-tfal u l-effett bijoloġiku tal-kamp manjetiku ELF. | Il-Bulgarija | Il-kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli, l-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni; l-istazzjonijiet bażi tal-komunikazzjoni mobbli | Ċipru | Il-kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli; l-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni; il-komunikazzjoni mobbli; il-wajers tad-djar/domestiċi | Ir-Repubblika Ċeka | Il-lewkimja fit-tfal fil-viċinanzi tal-kejbils tal-elettriku | Id-Danimarka | Il-komunikazzjoni mobbli | L-Estonja | Il-mekkaniżmi tal-interazzjoni bijoloġika tal-EMF; l-effetti tal-microwaves fuq il-funzjonijiet konoxxittivi; is-sensittività għall-EM tas-sistemi bijoloġiċi | Il-Ġermanja | L-istazzjonijiet tar-Radju u t-Televiżjoni; il-komunikazzjoni mobbli; l-apparat domestiku: www.emf-forschungsprogramm.de | Franza | L-istazzjonijiet tar-Radju/Televiżjoni; it-telefons mobbli u l-istazzjonijiet bażi; l-esponiment kombinat: http://www.sante-radiofrequences.org | Il-Greċja | Il-kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli / studji epidemjoloġiċi, valutazzjoni tal-esponiment tal-pubbliku ġenerali u tal-ħaddiema, studji tal-laboratorju; ix-xandir bir-radju u t-televiżjoni/studji fuq l-annimali, valutazzjoni tal-esponiment tal-pubbliku ġenerali u tal-ħaddiema; l-istazzjonijiet bażi/valutazzjoni tal-esponiment tal-pubbliku ġenerali u tal-ħaddiema; it-telefons mobbli / immudellar ta’ studji teoretiċi, studji tal-laboratorju, studji kliniċi | L-Italja | Proġett dwar il-ħarsien tal-Bniedem u l-ambjent mill-EMF | Il-Litwanja | L-effetti fuq is-saħħa għall-utenti tat-telefons mobbli 2002-2003 | L-Olanda | Il-kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli; ix-xandir bir-radju u t-televiżjoni; sistemi tat-trasport li jużaw kampijiet statiċi; l-istazzjonijiet bażi tal-komunikazzjoni mobbli; it-telefons mobbli; l-apparat kummerċjali; l-apparat mediku; is-sistemi tal-wajers tad-djar/domestiċi; l-apparat domestiku; l-esponiment kombinat; http://www.zonmw.nl/en/programmes/all-programmes/electromagnetic-fields-and-health-research | Il-Portugall | L-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni; sistemi ta’ trasport li jużaw kampijiet statiċi; l-istazzjonijiet bażi tal-komunikazzjoni mobbli; it-telefons mobbli | Ir-Rumanija | Il-kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli; l-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni; sistemi tat-trasport li jużaw kampijiet statiċi; l-istazzjonijiet bażi tal-komunikazzjoni mobbli; is-sistemi tal-wajers tad-djar/domestiċi; l-esponiment kombinat; studji dwar l-interazzjonijiet bijoelettromanjetiċi u l-impatt bijoloġiku tal-esponiment uman għar-RF u għall-EMF tal-microwaves; l-ekoloġija elettromanjetika — karatterizzazzjoni tas-sorsi, effetti, prevenzjoni u kontroll l | Is-Slovenja | L-esponiment għall-kamp elettromanjetiku tal-kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli fl-ambjent fejn wieħed jgħix; kejl tal-esponiment għall-EMF fl-ambjent fejn wieħed jgħix, b’database tal-istazzjonijiet bażi kollha, it-trasmettituri tat-televiżjoni u r-radju madwar il-pajjiż; l-effetti bijoloġiċi tas-sistema TETRA | Spanja | Ix-xandir bir-radju u t-televiżjoni; il-komunikazzjoni mobbli | L-Iżvezja | Studju internazzjonali prospettiv ta’ grupp ta’ persuni; studju ta’ kontroll tal-każ dwar it-tumuri fil-moħħ fit-tfulija u l-kampijiet tat-RF | L-Iżvizzera | NFP57: il-kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli; il-komunikazzjoni mobbli; l-esponiment kombinat | Ir-Renju Unit | Il-kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli / riċerka dwar is-saħħa u l-ELF; il-programm ta’ Riċerka dwar it-Telekomunikazzjoni Mobbli u s-Saħħa (MTHR) ffinanzjat b’mod konġunt mill-gvern u l-industrija taħt ġestjoni indipendenti. L-ewwel fażi (6 snin, €13-il miljun) rrappurtat dwar 23 studju kompletat f’Settembru 2007. It-tieni fażi għadha qiegħda tibda, (www.mthr.org.uk); studju speċjali tas-sorsi residenzjali ta’ kampijiet manjetiċi relatat ma’ dejta fi studju preċedenti dwar il-kanċer fit-tfal (www.hpa.org.uk/radiation/publications/hpa_rpd_reports/2005/hpa_rpd_005.htm); studju dwar il-Wi-Fi | Il-Kummissjoni hija konxja ħafna tat-tħassib tal-pubbliku f’dan il-qasam, tibqa’ attiva u tieħu inizjattivi sabiex tindirizzahom. B’mod partikolari, permezz tal-Kumitat Xjentifiku tagħha dwar ir-Riskji Emerġenti u r-Riskji Identifikati Riċentement għas-Saħħa (SCENIHR), il-Kummissjoni qiegħda tevalwa perjodikament l-evidenza xjentifika disponibbli sabiex tassigura li r-Rakkomandazzjoni tkun ibbażata fuq l-iżjed għerf aġġornat. Dan l-aħħar tnediet konsultazzjoni ġdida tas-SCENIHR f’dak ir-rigward. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tkompli talloka fondi konsiderevoli għar-riċerka dwar l-effetti tal-EMF fuq is-saħħa permezz tal-Programmi ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku, li jqisu l-prijoritajiet ta’ riċerka identifikati mis-SCENIHR. Fuq livell ieħor, il-Kummissjoni stabbiliet ukoll grupp ta’ ħidma ta’ esperti tal-gvern sabiex ittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni u tidentifika modi kif tiġi mtejba l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Dan il-grupp se jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni sabiex issaħħaħ ir-riċerka dwar l-esponiment tal-pubbliku ġenerali u dwar l-effetti potenzjali fuq is-saħħa u biex jiġi identifikat liema aspetti tar-Rakkomandazzjoni jeħtieġu aktar sforz. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni biħsiebha tkompli timmonitorja mill-qrib l-applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, tippromwovi l-iżvilupp ta’ għerf xjentifiku dwar aspetti prinċipali tal-impatt potenzjali tal-EMF fuq is-saħħa, terġa’ tevalwa l-validità tar-Rakkomandazzjoni fid-dawl ta’ kwalunkwe żvilupp xjentifiku ġdid u tieħu azzjoni xierqa jekk tinqala’ l-ħtieġa. [1] Kampijiet statiċi użati fil-mediċina (MRI), sistemi tal-welding u tat-trasport li jaħdmu b’elettriku DC; Frekwenzi baxxi ħafna (ELF) (0 sa 300 Hz) użati f’apparat domestiku; Frekwenzi Intermedji (IF) (300 Hz — 100 kHz) użati f’displays tal-vidjo, apparat kontra s-serq, apparat li jaqra l-kards, ditekters tal-metall, elettrokirurġija; Frekwenzi tar-radju (RF) (100 kHz sa 300 GHz) użati f’sistemi ta’ komunikazzjoni bla fili bħal GSM, UMTS, Wireless LAN u RFID kemm għal apparat mobbli kif ukoll għal stazzjonijiet bażi, applikazzjonijiet tal-isptar, xandir bir-radju u t-televiżjoni. [2] http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/environment/EMF/ebs272a_en.pdf [3] Direttivi tal-Kunsill 2006/95/KE (vultaġġ baxx) u 1999/5/KE (tagħmir tar-radju). [4] http://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/sct/documents/out128_en.pdf [5] http://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/04_scenihr/docs/scenihr_o_007.pdf [6] http://ec.europa.eu/research/quality-of-life/pdf/emf_brochure_and_sheets_en.pdf; http://ec.europa.eu/research/environment/themes/projects_en.htm#2 [7] L-effetti tal-esponiment għall-EMF: Mix-xjenza għas-saħħa pubblika u postijiet tax-xogħol aktar b’saħħithom http://web.jrc.ec.europa.eu/emf-net