Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport ta’ valutazzjoni finali tal-istrateġija ta’ qafas u tal-programm ta’ azzjoni Komunitarja li jikkonċerna l-istrateġija Komunitarja fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2001-2006) {SEC(2008) 2365} /* KUMM/2008/0503 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 13.8.2008 KUMM(2008) 503 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rapport ta’ valutazzjoni finali tal-istrateġija ta’ qafas u tal-programm ta’ azzjoni Komunitarja li jikkonċerna l-istrateġija Komunitarja fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2001-2006) {SEC(2008) 2365 } 1. INTRODUZZJONI L-istrateġija Komunitarja fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel ġiet adottata fl-2000[1] u ġie stabbilit programm Komunitarju[2] fl-2001 biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ qafas. B’konformità mal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni tal-programm, il-Kummissjoni ppreżentat rapport ta’ valutazzjoni intermedjarju lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni[3] fl-2004. L-istess Artikolu jipprevedi l-preżentazzjoni ta’ rapport ta’ valutazzjoni finali tal-istrateġija ta’ qafas u tal-programm li hu s-suġġett ta’ dan id-dokument u tal-anness tiegħu. 2. TWETTIQ TAL-GħANIJIET TAL-PROGRAMM TA’ AZZJONI U TAL-ISTRATEġIJA TA’ QAFAS L-istrateġija ta’ qafas Komunitarja fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2001 - 2006) ġiet adottata mill-Kummissjoni f’Ġunju 2000. Hi għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ta’ azzjoni uniku u kkoordinat għall-attivitajiet kollha tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. Din l-istrateġija għandha ħames għanijiet prijoritarji: l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-ħajja ekonomika, l-ugwaljanza ta’ parteċipazzjoni u ta’ rappreżentanza, l-ugwaljanza għal aċċess u l-jedd sħiħ tad-drittijiet soċjali għan-nisa u l-irġiel, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-ħajja ċivili kif ukoll ir-rwoli u l-istereotipi maskili u feminili. L-istrateġija ta’ qafas għandha tilħaq l-għanijiet tagħha bis-saħħa tal-intervent ikkoordinat ta’ diversi strumenti Komunitarji, fosthom il-leġiżlazzjonijiet, il-programmi finanzjarji u d-djalogu mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili. L-għanijiet ta’ ugwaljanza għandhom jiġu integrati fil-politiki l-oħrajn: għall-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-libertà u l-ġustizzja, ix-xjenza u r-riċerka u l-kooperazzjoni u l-iżvilupp. Azzjonijiet speċifiċi jimmiraw ukoll biex itejbu s-sitwazzjoni tan-nisa u tal-irġiel fis-setturi li għandhom impatt dirett fuq in-nisa u l-irġiel. L-azzjonijiet elenkati bħala eżempju fl-istrateġija ta’ qafas għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-entitajiet attivi fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Il-programm ta’ azzjoni Komunitarja stabbilixxa appoġġ għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ qafas permezz ta’ azzjonijiet orizzontali u ta’ koordinazzjoni. Hu appoġġa t-twettiq tal-għanijiet tal-istrateġija ta’ qafas tal-2001 sal-2006 għal baġit totali ta’ EUR 61 742 241 distribwiti bejn it-tliet oqsma ta’ azzjoni. Il-qasam 3, li għandu x’jaqsam mal-kooperazzjoni bejn l-atturi, assorbixxa l-akbar parti tal-baġit (45 %), segwit bil-qasam 1 konness mas-sensibilizzazzjoni tad-dimensjoni Komunitarja tal-ugwaljanza (38 %) u l-qasam li jinkludi l-attivitajiet ta’ analiżi (16 % tal-baġit). Il-finanzjament tal- qasam 1 ippermetta li jitwettqu l-azzjonijiet transnazzjonali ta’ sensibilizzazzjoni dwar it-temi prijoritarji tal-istrateġija ta’ qafas sabiex tiġi ffavorizzata komprensjoni aħjar tal-għanijiet ta’ ugwaljanza. Fil-perjodu kollu, 55 partenarjat transnazzjonali ta’ sensibilizzazzjoni ppermettew li jiġu assoċjati l-promoturi u l-intermedjarji tal-politika ta’ ugwaljanza. Konferenzi, organizzati darbtejn fis-sena mill-Istati Membri li jassoċjaw il-presidenza tal-Kunsill, ippermettew li jiġu avviċinati diversi temi prijoritarji tal-istrateġija ta’ qafas: id-differenza fir-remunerazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel, ir-rwol tan-nisa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, ir-rwol tal-irġiel favur l-ugwaljanza, il-vjolenza fir-rigward tan-nisa. Il-konferenzi wasslu għal għarfien aħjar tal-valuri li fuqhom hi bbażata l-politika tal-ugwaljanza u ġiegħlu biex ikun hemm qsim, bejn il-protagonisti prinċipali, tal-isfidi konnessi mal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Il- qasam 2 ikkonċerna x-xogħlijiet tal-istatistika bl-għan li jtejjeb l-metodi u li jippermetti d-dispożizzjoni tad-dejta komparabbli fil-livell Ewropew fl-oqsma tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Inħolqot database biex tiġi elenkata s-sitwazzjoni tan-nisa fil-qasam tat-teħid tad-deċiżjonijiet u biex jiġu ddefiniti fil-livell Ewropew l-indikaturi dwar il-proporzjon ta’ nisa li jokkupaw karigi b’responsibbiltà fil-politika u fl-ekonomija. L-analiżi u d-dejta l-ġdida wieġbu għal ħtiġijiet tal-Kummissjoni billi tejbu l-għarfien konness notevolment mad-differenza fir-remunerazzjoni, man-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa f’karigi li fihom jittieħdu d-deċiżjonijiet, mar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja privata u mad-disponibilità ta’ strutturi għaż-żamma tat-tfal. Id-dejta l-ġdida appoġġat ix-xogħlijiet u l-proposti politiki tal-Kummissjoni, u b’hekk uriet l-utilità tagħhom. Dawn ix-xogħlijiet kollha ppermettew rikkezza fl-għarfien dwar it-temi prijoritarji tal-istrateġija ta’ qafas. Il-pubblikazzjoni tal-analiżijiet u tar-rapporti tat aktar viżibilità lill-politika ta’ ugwaljanza. Is-sejħiet għal proposti ffinanzjati mill- qasam 3 kienu indirizzati lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi, lill-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew u lin-netwerks transnazzjonali ta’ awtoritajiet reġjonali jew lokali. Fil-perjodu, ġew iffinanzjati 87 partenarjat ta’ skambji transnazzjonali. Dawn l-azzjonijiet kellhom effett pożittiv biex iwasslu għarfien tal-politiki ta’ ugwaljanza u ppermettew li tiġi mmobilizzata s-soċjetà ċivili u l-partenarjati l-oħra madwar temi dwar l-ugwaljanza. Madankollu, il-kontribuzzjoni tagħhom għat-temi tal-politika ta’ ugwaljanza kienet anqas konkreta u viżibbli minn dik taż-żewġ oqsma l-oħra ta’ azzjoni tal-programm. Il-programm ippermetta wkoll lill- pajjiżi kandidati u lil-pajjiżi li ssieħbu li jibbenefikaw minn azzjonijiet bl-għan li jiffamiljarizzawhom mal-politiki u l-metodi ta’ ħidma Komunitarji fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Azzjonijiet ta’ sensibbilizzazzjoni għall-acquis communautaire ġew organizzati fl-għaxar pajjiżi kandidati, il-Kroazja u t-Turkija, permezz ta’ konferenzi, seminars u taħriġ fuq il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ugwaljanza. Huma laqqgħu flimkien lill-awtoritajiet pubbliċi, l-atturi politiċi, l-imsieħba soċjali u l-NGOs biex jippreparaw lil dawn il-pajjiżi għan-negozjati fil-qafas tal-proċess ta’ sħubija fl-Unjoni. Fuq kollox, il-programm appoġġa, b’mod effikaċi, l-għanijiet tal-istrateġija ta’ qafas. L-azzjonijiet biex jiġu appoġġati l-għanijiet differenti twettqu b’mod komplementarju għall-istrumenti finanzjarji l-oħra elenkati sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija ta’ qafas. Fil- qasam tal-impjiegi , ix-xogħlijiet tal-esperti kkontribwixxew biex tiġi rinforzata d-dimensjoni Komunitarja tal-politika ta’ ugwaljanza fil-politiki nazzjonali permezz tal-analiżi tal-pjanijiet nazzjonali għall-impjieg u d-disponibilità tal-istatistiċi. Il-finanzjamenti Komunitarji (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-inizjattiva EQUAL) ikkostitwixxew spinta essenzjali fl-istrateġija ta’ Liżbona u kkontribwixxew b’mod komplementarju għat-twettiq tal-għanijiet iffissati fis-sena 2000 waqt il-Kunsill Ewropew. L-istrateġija ta’ qafas mexxiet ’il quddiem, b’mod ċar, l-għan tal- promozzjoni tal-ugwaljanza ta’ parteċipazzjoni u ta’ rappreżentanza fil-livell Komunitarju. Il-Kummissjoni appoġġat il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet billi ġibdet l-attenzjoni dwar in-nuqqas demokratiku li jikkostitwixxi żbilanċ bejn in-nisa u l-irġiel fil-karigi ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi. L-għarfien tal-fenomenu ttejjeb bis-saħħa tad-database Komunitarja u l-iskambji transnazzjonali dwar l-ostakoli ffaċċjati min-nisa biex jingħatalhom karigi ta’ responsabbiltà. Azzjonijiet ikkontribwixxew biex jiġu mmobilizzati l-atturi tradizzjonalment ftit li xejn sensibbli għall-għanijiet ta’ ugwaljanza u biex jiġi rinforzat, notevolment, post in-nisa fis-settur tar-riċerka. L-azzjonijiet imwettqa għall- promozzjoni tal-ugwaljanza ta’ aċċess u eżerċitar sħiħ tad-drittijiet soċjali ppermettew li tiġi akkumpanjata l-implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ ugwaljanza fil-qasam tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni soċjali u tal-inklużjoni soċjali, b’mod partikolari permezz tax-xogħlijiet tal-esperti. Biex jiġu sostnuti l-għanijiet ta’ ugwaljanza fid-dinja, il-kapaċitajiet istituzzjonali u operazzjonali fil-qasam tal-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa ġew irrinforzati fl-għajuna għall-iżvilupp. Ittieħdu diversi inizjattivi fil-qasam tal- ugwaljanza fil-ħajja ċivili . Grupp ta’ esperti speċjalizzati fil-kwistjonijiet legali dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa analizzaw l-applikazzjoni tal- leġiżlazzjoni u tal-iżviluppi legali fil-livelli nazzjonali u Komunitarju. Azzjonijiet oħra mmiraw l-NGOs li qed jiġġieldu kontra l-vjolenza konnessa mas-sess u t-traffikar tal-bniedem. Barra minn hekk, il-Fond Ewropew għar-refuġjati u l-azzjonijiet preparatorji għall-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ppromwova l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Programmi kkonċernaw il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-ġudikatura u kkontribwixxew fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bniedem u l-isfruttament sesswali tat-tfal. Il-ġlieda kontra l- istereotipi femminili u maskili kienet ukoll appoġġata permezz ta’ azzjonijiet li jimmiraw ir-rwoli tan-nisa u tal-irġiel fis-soċjetà. Il-programmi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ appoġġaw il-ġlieda kontra l-istereotipi u inkuraġġixxew in-nisa biex jorjentaw lilhom infushom aktar lejn karrieri xjentifiċi u tekniċi. Il-kunsiderazzjoni tas-segregazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa fl-edukazzjoni tagħmel parti mis-segwitu tal-iżvilupp tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fl-Ewropa, notevolement il-volontà li jkunu hemm aktar nisa fl-oqsma xjentifiċi. L-istrateġija ta’ qafas u l-programm ikkontribwixxew b’mod wiesa’ fit-titjib tal- governanza fil-livell Ewropew. Il-kooperazzjoni bejn l-atturi nazzjonali kienet rinforzata bil-ħolqien ta’ grupp ta’ uffiċjali għolja mill-Istati Membri responsabbli għall-integrazzjoni tal-politika ta’ ugwaljanza u permezz ta’ grupp ta’ livell għoli għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-Fondi Strutturali. Id-djalogu mal-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew tnieda bl-implimentazzjoni ta’ qafas ta’ azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Is-soċjetà ċivili u l-NGOs ibbenefikaw minn appoġġ immirat biex jikkonsolida r-rwoli tagħhom fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. L-implimentazzjoni tal-istrateġija kienet segwita permezz ta’ strutturi interni tal-Kummissjoni: il-grupp tal-kummissarji “Drittijiet fundamentali, ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-opportunitajiet indaqs” u l-grupp tal-interservizzi favur l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. 3. KONKLUżJONIJIET L-għanijiet iffissati fl-istrateġija ta’ qafas kienu ambizzjużi, għaliex dawn ħtiġilhom li jikkunsidraw il-prinċipji ta’ ugwaljanza fil-politiki kollha tal-Unjoni. Il-ħames oqsma tal-politiki identifikati biex jiġi strutturat il-qafas ta’ azzjoni Komunitarju kkoinċidew mal-isfidi prinċipali li jridu jiġu ffaċċjati biex jiġu sostnuti l-għanijet ta’ ugwaljanza. Bil-preżentazzjoni ta’ dan il-qafas globali, il-Kummissjoni ħolqot il-kundizzjonijiet għal implimentazzjoni kkoordinata tad-diversi strumenti. Il-Fondi Strutturali kkostitwixxew spinta finanzjarja importanti biex tiġi kkunsidrata l-ugwaljanza fil-politiki tal-Istati Membri. Azzjonijiet Komunitarji mmirati saħħew l-effikaċja tal-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tal-ugwaljanza u sostnew lill-atturi istituzzjonali u lis-soċjetà ċivili biex tiġi promossa l-ugwaljanza fl-oqsma kollha b’mod effikaċi. Il-programm wera l-valur miżjud tiegħu permezz tal-kapaċità tiegħu li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ ugwaljanza, ta’ tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u ta’ governanza fil-livell Ewropew. Il-miżuri li jappoġġaw il-promozzjoni tal-valuri u li jtejbu l-komprensjoni tal-kwistjonijiet konnessi mal-ugwaljanza huma utli ħafna fl-azzjoni Komunitarja. Minkejja dan il-bilanċ, għadhom jeżistu inugwaljanzi qawwija bejn in-nisa u l-irġiel. Biex jintlaqgħu dawn l-isfidi, il-Kummissjoni adottat pjan ta’ strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f’Marżu 2006[4]. Din tal-aħħar għandha l-għan li tiġġieled kontra l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel f’sitt oqsma prijoritarji. Biex tirrendi l-impenji tagħha aktar konkreti, il-Kummissjoni identifikat l-azzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha fid-diversi oqsma kif ukoll meta jagħlqilhom iż-żmien u saħħet il-mekkaniżmi ta’ governanza u ta’ segwitu. Il-finanzjamenti għall-ugwaljanza tal-programm ġdid PROGRESS (2007-2013)[5] se jippermettu l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-pjan ta’ strateġija. Bil-ġbir tal-programmi l-qodma fi programm wieħed, PROGRESS jiffavorixxi ukoll kunsiderazzjoni aħjar tad-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet kollha tagħhom. Ħafna sfidi ġodda għandhom jiddependu mill-kamp tal-ugwaljanża bejn in-nisa u l-irġiel, li jiħtiġilhom l-impenn tal-imsieħba kollha. Il-Kummissjoni min-naħa tagħha impenjat ruħha li tirrinforza l-qafas ta’ azzjoni filwaqt li talbet lill-imsieħba l-oħrajn biex jassumu r-rwol tagħhom. L-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew impenjaw lilhom infushom li jimplimentaw l-qafas ta’ azzjoni tagħhom favur l-ugwaljanza. Is-soċjetà ċivili u l-NGOs huma wkoll determinati li jaħdmu biex jeliminaw l-inugwaljanzi fost in-nisa u l-irġiel. Ir-responsabbiltà li jsir progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel taqa’ wkoll taħt l-Istati Membri. Il-Kunsill Ewropew, f’Marzu 2006, indirizza messaġġ politiku qawwi lill-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet filwaqt li ffissa l-prijoritajiet tal-politika ta’ ugwaljanza fil-Patt Ewropew Favur l-Ugwaljanza. [1] COM(2000) 335 finali [2] Id-Deċiżjoni 2001/51/KE [3] SEC(2004) 1047 [4] COM(2006) 92 finali [5] Id-Deċiżjoni 1672/2006/KE