52008PC0493

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill skond l-Artikolu 37 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija ma’ l-Unjoni Ewropea rigward abbozz ta’ Regolament li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1962/2006 /* KUMM/2008/0493 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.7.2008

KUMM(2008) 493 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

skond l-Artikolu 37 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija ma’ l-Unjoni Ewropea rigward abbozz ta’ Regolament li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1962/2006

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

skond l-Artikolu 37 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija ma’ l-Unjoni Ewropea rigward abbozz ta’ Regolament li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1962/2006

Bir-Regolament (KE) Nru 1962/2006[1], il-Kummissjoni imponiet miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward tal-Bulgarija fil-qasam ta’ l-avjazzjoni ċivili skond l-Artikolu 37 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija bħala riżultat tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ impenji li ħadet il-Bulgarija fil-kuntest tan-negozjati ta’ l-adeżjoni fir-rigward tal-politika Komunitarja dwar is-sikurezza ta’ l-avjazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ attivitajiet ekonomiċi b’effetti transkonfinali. Wara li ġew imposti l-miżuri ta’ salvagwardja, l-awtorità kompetenti għall-avjazzjoni ċivili tal-Bulgarija pproponiet, bi qbil ma’ l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sikurezza ta’ l-Avjazzjoni (EASA), pjan ta’ miżuri korrettivi maħsuba biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet fis-sikurezza.

Il-Kummissjoni talbet lill-EASA tivverifika l-konformità regolatorja ta’ l-Awtoritajiet Bulgari ta’ l-Avjazzjoni fl-aspetti kollha tas-sikurezza affettwati mill-miżuri ta’ salvagwardja imposti bir-Regolament (KE) Nru 1962/2006.

L-awtorità Bulgara ta’ l-avjazzjoni ċivili rreaġġixxiet minnufih u ressqet azzjonijiet korrettivi lilll-EASA, li ġew implimentati bil-qbil ta’ l-Aġenzija. Sabiex tiġi vverifikata l-effikaċja ta’ l-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet, l-EASA wettqet żjara ta’ segwitu fit-8 u d-9 ta’ April 2008 u ħarġet stqarrija ta’ l-għeluq dwar is-sejbiet fl-24 ta’ April 2008.

Skond l-Artikolu 37 ta' l-Att ta' Adeżjoni tal-Bulgarija ma' l-Unjoni Ewropea, il-miżuri ta' salvagwardja ma għandhomx jibqgħu fis-seħħ aktar milli huwa strettament meħtieġ u, fi kwalunkwe każ, għandhom jitneħħew meta l-impenn rilevanti jiġi implimentat. L-implimentazzjoni b’suċċess mill-Bulgarija ta’ l-azzjonijiet korrettivi maqbula hija meqjusa bħala biżżejjed biex tiggarantixxi l-kapaċità ta’ l-Awtorità Bulgara ta’ l-Avjazzjoni Ċivili biex tiżgura l-konformità mar-regoli komuni dwar is-sikurezza, u għalhekk, skond l-Artikolu 37 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija ma’ l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tqis li l-impenn tal-Bulgarija biex tapplika bis-sħiħ ir-regoli Komunitarji fil-qasam tat-trasport bl-ajru huwa sodisfatt u li l-miżuri ta’ salvagwardja imposti skond ir-Regolament (KE) Nru 1962/2006 għandhom jitneħħew.

Skond l-Artikolu 37 imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tinforma lill-Kunsill fi żmien xieraq qabel ma tirrevoka r-regolamenti u d-deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu l-miżuri ta’ salvagwardja, u għandha tqis kif xieraq kwalunkwe osservazzjoni tal-Kunsill f'dan ir-rigward. Għaldaqstant, b’din il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni qed tinforma formalment lill-Kunsill dwar il-ħsieb tagħha li tadotta l-miżuri ppreżentati fl-Anness tagħha.

Il-Kummissjoni għandha tadotta dawn il-miżuri filwaqt li tqis kif xieraq l-osservazzjonijiet tal-Kunsill dwar is-suġġett.

ANNESS

.

Abbozz

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru .../..

ta’

li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1962/2006

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat t-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma’ l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma’ l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Billi:

(1) Bir-Regolament (KE) Nru 1962/2006[2], il-Kummissjoni imponiet miżuri ta' salvagwardja fir-rigward tal-Bulgarija, fil-qasam ta' l-avjazzjoni ċivili, skond l-Artikolu 37 ta' l-Att ta' Adeżjoni tal-Bulgarija, sabiex tindirizza ksur serju tal-funzjonament tas-suq intern tat-trasport bl-ajru, li rriżulta min-nuqqas ta' l-implimentazzjoni ta' l-impenji li daħlet għalihom il-Bulgarija fil-kuntest tan-negozjati ta' l-adeżjoni fir-rigward tal-politika Komunitarja fil-qasam tas-sikurezza ta' l-avjazzjoni li tikkonċerna l-attivitajiet ekonomiċi b'effetti transkonfinali.

(2) Wara l-impożizzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja previsti bir-Regolament (KE) Nru 1962/2006, l-awtorità kompetenti ta’ l-avjazzjoni ċivili tal-Bulgarija (minn hawn il-quddiem imsejħa "Is-CAA Bulgara") ipproponiet u ftiehmet, ma’ l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza ta’ l-Avjazzjoni (EASA), dwar pjan ta’ miżuri korrettivi mfassla biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet fis-sikurezza identifikati waqt iż-żjarat preċedenti ta’ l-EASA u ta’ l-Awtoritajiet Konġunti ta’ l-Avjazzjoni (JAA).

(3) Fis-6 ta’ Settembru 2007 l-Kummissjoni talbet lill-EASA biex tivverifika l-konformità regolatorja ta’ l-Awtoritajiet ta’ l-Avjazzjoni Bulgari fir-rigward ta’ l-aspetti kollha tas-sikurezza affettwati mill-miżuri ta’ salvagwardja imposti bir-Regolament (KE) Nru 1962/2006, jiġifieri biex tivverifika l-implimetazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni miftiehem u l-kapaċità tas-CAA Bulgara li timplimenta r-regoli u tiżgura li qed jiġu osservati sew, bħala parti mill-obbligazzjonijiet tagħha ta’ superviżjoni.

(4) Din iż-żjara ta’ spezzjoni saret mill-EASA bejn is-26 u t-30 ta’ Novembru 2007 bl-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 24(1) u (5) u 54 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp ta’ l-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza ta’ l-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE u skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 736/2006 tas-16 ta’ Mejju 2006 dwar il-metodi ta’ ħidma ta’ l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza ta’ l-Avjazzjoni għat-twettiq ta’ spezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni[3]. Wara din iż-żjara, l-EASA ħarġet ir-rapport tagħha fil-15 ta’ Frar 2008[4].

(5) Fir-rapport tagħha dwar iż-żjara ta’ standardizzazzjoni, l-EASA nnutat titjib definittiv: inħarġu l-approvazzjonijiet kollha meħtieġa tal-Parti M, il-Parti 145u l-Parti 147 u l-liċenzji kollha tal-Parti 66. Inħarġu wkoll, skond ir-rekwiżiti Ewropej, iċ-Ċertifikati ta’ l-Operaturi ta’ l-Ajru, minbarra wieħed. Għalhekk, l-EASA setgħet tagħlaq 44 minn 45 sejba fil-qasam ta’ l-airworthiness filwaqt li qajmet 12-il sejba ġdida fir-rigward ta’ proċessi ta’ superviżjoni kontinwa.

(6) Fir-rapport tagħha, l-EASA qalet ukoll li miż-żjara ta’ spezzjoni preċedenti f'Novembru 2006, is-CAA Bulgara kienet ħadet miżuri drastiċi fir-rigward ta’ l-airworthiness ta’ l-inġenji ta’ l-ajru kollha rreġistrati fil-Bulgarija.

(7) Għalhekk, l-għadd ta’ inġenji ta’ l-ajru fir-reġistru Bulgaru naqas kważi bin-nofs minħabba t-tneħħija mir-reġistru ta’ l-inġenji ta’ l-ajru b'diżinn eks-Sovjetiku li jaqgħu taħt l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 216/2008. Is-CAA Bulgara ħadet ukoll azzjonijiet biex tillimita jew tirtira l-approvazzjonijiet u ċ-ċertifikati li mhumiex konformi. L-għadd ta’ spetturi ta’ l-airworthiness kontinwa żdied minn tmienja għal tnax (b'żieda ta’ tliet ħaddiema ġodda ta’ appoġġ). Barra dan, matul l-aħħar sena kien hemm titjib sinifikanti fiż-żamma tar-reġistri mis-CAA Bulgara, u b'hekk l-ispetturi ta’ l-EASA setgħu jaraw b'mod ċar il-livell tas-superviżjoni. Kien ukoll innotat li s-CAA Bulgara għamlet sforz kbir biex tiżviluppa Manwal għall-Ispetturi li jkopri r-rekwiżiti rilevanti ma’ listi ta’ kontroll assoċjati li għandhom jintużaw mill-applikanti għall-ewwel approvazzjonijiet jew tibdil fl-approvazzjonijet eżistenti. Fl-aħħar, kien dokumentat li twettaq taħriġ komprensiv kemm għall-persunal eżistenti tas-CAA kif ukoll għal dak ġdid, għalkemm xi oqsma bħal ma huma l-approvazzjoni tal-programmi ta’ manutenzjoni u affidabbiltà u l-programmi tal-Viżibbiltà Ħażina RVSM ma kinux indirizzati b'mod partikolari.

(8) Fl-istess ħin, l-EASA ikkonkludiet li aktar titjib, speċjalment fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni ta’ l-airworthiness ta’ l-ajru u tas-superviżjoni kontinwa kien għadu madankollu meħtieġ sabiex ikun irrimedjat in-nuqqas tal-valutazzjoni, mis-CAA Bulgara, ta’ l-effikaċja tas-sistema ta’ kwalità komuni għall-operazzjonijiet, il-manutenzjoni u l-liċenzjar ta’ l-ekwipaġġ tat-titjira. B'mod partikolari f'dan il-qasam, l-EASA qajmet sejba waħda ta’ nuqqas ta’ konformità skond l-Artikolu 13(d) tar-Regolament (KE) Nru 736/2006 li turi tħassib sinifikanti dwar nuqqas ta’ konformità ma’ l-istandardizzazzjoni fil-qasam ikkonċernat u li tqajjem tħassib dwar is-sikurezza jekk ma tkunx ikkoreġuta minnufih. Fl-istess waqt xi nuqqasijiet ta’ konformità osservati fl-impriżi spezzjonati waqt din iż-żjara biex tkun ivverifikata l-effikaċja tas-superviżjoni eżerċitata mis-CAA Bulgara, ikkonfermaw il-ħtieġa li dawn l-awtoritajiet jipproponu azzjonijet korrettivi għall-għaxar sejbiet oħra skond l-Artikolu 13(c) biex jirrimedjaw dawn is-sitwazzjonijiet fi żmien 14-il jum.

(9) Is-CAA Bulgara rreaġixxiet fil-pront u ressqet azzjonijet korrettivi quddiem l-EASA li kienu implimentati bi qbil ma’ l-EASA. Sabiex tivverifika l-effikaċja ta’ l-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet, l-EASA għamlet żjara ta’ segwitu fit-8 u fid-9 ta’ April 2008 u ħarġet stqarrija ta’ l-għeluq tas-sejbiet skond l-Artikolu 12(b) tar-Regolament (KE) Nru 736/2006 ta’ l-24 ta’ April 2008. L-istqarrijiet ippreżentati hemmhekk reġgħu ġew emendati f'verżjoni finali mħejjija mill-EASA fil-21 ta’ Mejju u li ġiet mibgħuta lill-Kummissjoni fis-26 ta’ Mejju 2008.

(10) Fil-15 ta’ Mejju 2008, il-Bulgarija talbet formalment lill-Kummissjoni biex tirrevedi u tneħħi l-miżuri ta’ salvagwardja skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1962/2006 u mmotivat it-talba tagħha billi rreferiet għall-istqarrija ta’ l-għeluq tas-sejbiet maħruġa aktar kmieni mill-EASA.

(11) Skond l-Artikolu 37 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija ma’ l-Unjoni Ewropea, il-miżuri ta’ salvagwardja għandhom jinżammu sakemm ikunu strettament meħtieġa u, fi kwalunkwe każ, għandhom jitneħħew meta jiġi implimentat l-impenn rilevanti. Is-suċċess tal-Bulgarija fl-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet miftiehma titqies li hija suffiċjenti biex tiggarantixxi l-kapaċità tas-CAA Bulgara li tiżgura l-konformità mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regoli ta’ l-implimentazzjoni tagħha.

(12) Il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-impenn tal-Bulgarija li tapplika bis-sħiħ ir-regoli tal-Komunità fil-qasam tat-trasport ta’ l-ajru ġie ssodisfat u li l-miżuri ta’ salvagwardja imposti skond ir-Regolament (KE) Nru 1962/2006 għandhom jitneħħew.

(13) Skond l-Artikolu 37 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni tal-Bulgarija ma’ l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill fi żmien xieraq qabel tħassar ir-regoli u d-deċiżjonijiet Ewropej li jistabbilixxu l-miżuri ta’ salvagwardja, u għandha tqis fil-pront kwalunkwe osservazzjoni tal-Kunsill f'dan ir-rigward. B'konformità ma’ dan, il-Kummissjoni infurmat lill-Kunsill fil-[…].

(14) Il-Kunsill ressaq l-osservazzjonjiet tiegħu quddiem il-Kummissjoni fil-[…]. Dan ir-Regolament iqis dawn l-osservazzjonijiet kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1962/2006 huwa revokat.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kummissjoni

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 408, 30.12.2006, p.8. Verżjoni korretta ppubblikata fil-ĠU L 47, 16.2.2007, p. 8.

[2] ĠU L 408, 30.12.2006, p.8. Verżjoni korretta ppubblikata fil-ĠU L 47, 16.2.2007, p. 8.

[3] ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

[4] Ir-Rapport Finali dwar l-Ispezzjoni ta' Standardizzazzjoni mill-EASA lir-Repubblika tal-Bulgarija, l-Amministrazzjoni Bulgara ta' l-Avjazzjoni Ċivili , fil-qasam tar-regolazzjoni Ewropea tas-sikurezza ta' l-avjazzjoni applikabbli fil-qasam ta’ l-airworthiness kontinwa, CAW.BG.11.2007 maħruġ fil-15 ta' Frar 2008