52008DC0466




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.7.2008

KUMM(2008) 466 finali

GREEN PAPER

Drittijiet tal-Awtur fl-Ekonomija tal-Għarfien

GREEN PAPER

Drittijiet tal-Awtur fl-Ekonomija tal-Għarfien

WERREJ

1. Daħla 3

1.1. L-għan tal-Green Paper 3

1.2. L-ambitu tal-Green Paper 3

2. Kwistjonijiet Ġenerali 4

3. Eċċezzjonijiet: Kwistjonijiet speċifiċi 6

3.1. Eċċezzjonijiet għal-libreriji u l-arkivji 7

3.1.1. Diġitizzazzjoni (preservazzjoni) 8

3.1.2. It-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet diġitizzati 10

3.1.3. Xogħlijiet orfni 10

3.2. L-eċċezzjoni għall-benefiċċju tal-persuni b’diżabbiltà 12

3.3. Tifrix ta’ xogħlijiet għall-fini ta’ tagħlim u riċerka 16

3.4. Kontenut maħluq mill-utent 19

4. Sejħa Għal Kummenti 20

1. Daħla

1.1. L-għan tal-Green Paper

L-għan ta’ din il-Green Paper hu li tinkoraġġixxi dibattitu dwar kif l-għarfien għar-riċerka, ix-xjenza u l-edukazzjoni jista’ jitferrex l-aħjar fl-ambjent online. Il-mira tal-Green Paper hu li tistabbilixxi għadd ta’ kwistjonijiet marbuta mar-rwol tad-drittijiet tal-awtur fl-“ekonomija tal-għarfien”[1] u li tniedi konsultazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet.

Essenzjalment, il-Green Paper hi maqsuma f’żewġ partijiet. l-ewwel parti tittratta dwar kwistjonijiet ġenerali marbuta ma’ eċċezzjonijiet għad-drittijiet esklużivi mdaħħla fil-parti ewlenija tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-awtur - id-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (“id-Direttiva”)[2]. Il-parti l-oħra tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur li hi rilevanti għall-għarfien ekonomiku, id-Direttiva 96/9/KE dwar il-protezzjoni legali tad-databases[3], ġiet analizzata f’rapport separat[4]. Madankollu, uħud mill-aspetti ta’ din id-direttiva, bħalma huma l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet, se jiġu indirizzati wkoll f’dan ir-rapport.

It-tieni parti tittratta dwar kwistjonijiet speċifiċi marbuta mal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li huma l-aktar rilevanti għat-tifrix tal-għarfien u ma' jekk dawn l-eċċezzjonijiet għandhomx jevolvu fl-era tat-tixrid diġitali.

Il-Green Paper se tindirizza l-kwistjonijiet kollha b’mod bilanċjat billi tqis il-perspettiva tal-pubblikaturi, il-libreriji, l-istabbilimenti edukattivi, il-mużewijiet, l-arkivji, ir-riċerkaturi, il-persuni b'diżabbiltà u l-pubbliku in ġenerali.

1.2. L-ambitu tal-Green Paper

Fl-eżaminar tagħha tas-Suq Uniku[5], il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa ta’ promozzjoni tal-moviment liberu tal-għarfien u l-innovazzjoni bħala “il-Ħames Libertà” fis-suq uniku. Il-Green Paper se tiffoka fuq kif ir-riċerka, ix-xjenza u l-materjali edukattivi jinfirxu fost il-pubbliku u fuq jekk l-għarfien hux qed jiċċirkola b’mod ħieles fis-suq intern. Imma l-Green Paper mhix limitata għall-materjal xjentifiku u edukattiv. Il-materjal li ma jaqax fl-ambitu ta’ dawn il-parametri imma li għandu valur għat-tkabbir tal-għarfien jaqa’ wkoll fl-ambitu ta’ din il-Green Paper.

Il-“pubbliku” li tindirizzah din il-Green Paper jinkludi x-xjenzati, ir-riċerkaturi, l-istudenti u kif ukoll il-persuni b’diżabbiltà u l-pubbliku ġenerali li jixtiequ jwessgħu l-għarfien tagħhom u jgħollu l-livelli edukattivi tagħhom permezz tal-użu tal-Internet. It-tifrix usa’ tal-għarfien jikkontribwixxi għal soċjetajiet li jiffavorixxu l-inklużività u l-koeżjoni, is-sedqa tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet b’konformità mal-prijoritajiet tal-Aġenda Soċjali mġedda li waslet biex titnieda.

Livell għoli ta’ ħarsien tad-drittijiet tal-awtur hu kruċjali għall-kreattività intellettwali. Id-drittijiet tal-awtur jiżguraw iż-żamma u l-iżvilupp tal-kreattività fl-interessi tal-awturi, il-produtturi, il-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali. Tinħtieġ sistema rigoruża u effikaċi għall-ħarsien tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet oħra relatati biex l-awturi u l-produtturi jingħataw kumpens għall-isforzi kreattivi tagħhom u biex il-produtturi u l-pubblikaturi jitħeġġu biex jinvestu f’xogħlijiet kreattivi (ara l-premessi 10 u 11 tad-Direttiva). Is-settur tal-pubblikazzjoni jipprovdi kontribut importanti għall-ekonomija Ewropea[6]. Id-drittijiet tal-awtur huma linja politika konformi mal-imperattiv biex jisseddqu l-progress u l-innovazzjoni. Il-Kummissjoni titlob l-opinjonijiet tar-riċerkaturi dwar metodi ġodda ta' forniment tal-kontenut diġitali. Dawn il-metodi ġodda ta’ forniment lill-konsumaturi u lir-riċerkaturi għandhom jippermettulhom jaċċessaw kontenut protett mingħajr ma jinkisru d-drittijiet tal-awtur.

Tradizzjonalment, il-liġijiet eżistenti tad-drittijiet tal-awtur ippruvaw joħolqu bilanċ bejn l-iżgurar ta’ kumpens għall-kreattività u l-investiment imgħoddija u t-tifrix ta’ prodotti ta’ għarfien tal-ġejjieni billi introduċew lista ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li jippermettu ċerti attivitajiet speċifiċi li jappartjenu għar-riċerka xjentiifika, l-attivitajiet tal-libreriji u għall-persuni b'diżabbiltà. F’dan ir-rigward, id-Direttiva introduċiet lista eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet. Madankollu, dawn l-eċċezzjonijiet mhumiex obbligatorji għall-Istati Membri, u wkoll jekk l-eċċezzjonijiet jiġu adottati fuq il-livell nazzjonali, l-Istati Membri spiss jifformulaw eċċezzjonijiet li jkunu idjeq minn dawk li tippermetti d-Direttiva.

2. Kwistjonijiet Ġenerali

Id-Direttiva armonizzat id-dritt tar-riproduzzjoni, id-dritt tal-komunikazzjoni lill-pubbliku, id-dritt li l-materjal jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u d-dritt tad-distribuzzjoni. Il-prinċipju bażiku sottostanti għall-isforz ta’ armonizzazzjoni kien li d-detenturi tad-drittijiet jingħatalhom livell għoli ta’ ħarsien; kien għalhekk li l-ambitu tad-drittijiet esklużivi kellu definizzjoni wiesgħa ħafna. Uħud mill-partijiet interessati għandhom dubju jekk l-introduzzjoni tad-drittijiet esklużivi hijiex garanazija ta’ remunerazzjoni ġusta għall-kategoriji kollha tad-detenturi tad-drittijiet. L-awturi (bħalma huma l-kompożituri, d-diretturi tal-films, u l-ġurnalisti) u, b'mod partikolari, l-artisti jsostnu li ma kellhom l-ebda dħul sinifikanti mill-eżerċizzju tad-dritt il-ġdid tat-“tqegħid għad-dispożizzjoni” marbut mal-isfruttar online ta’ xogħlijiethom.

Barra milli adattat id-drittijiet esklużivi għall-ambjent online, id-Direttiva introduċiet lista eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet għall-ħarsien tad-drittijiet tal-awtur, għalkemm ma kien jeżisti l-ebda obbligu biex isir dan. Ir-raġuni primarja għal din il-lista ta’ eċċezzjonijiet jidher li hi biex jiġi limitat kemm l-Istati Membri jistgħu jintroduċu eċċezzjonijiet ġodda jew jestendu l-ambitu tal-eċċezzjonijiet eżistenti lil hinn mil-limitu permess mid-Direttiva. Gradwalment, matul il-proċess leġiżlattiv, l-Istati Membri introduċew il-lista attwali ta’ eċċezzjoni obbligatorja waħda u 20 eċċezzjoni mhux obbligatorja.

Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet huma abbozzati pjuttost b’mod ġenerali. Wieħed jista’ jargumenta li l-metodu magħżul minn min fassal l-abbozz ħalla lill-Istati Membri ħafna flessibbiltà għall-implimentazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fid-Direttiva. Jekk wieħed iħalli barra l-eċċezzjoni dwar l-atti ta’ riproduzzjoni tranżitorji, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tkun aktar restrittiva mid-Direttiva fejn jirrigwarda l-portata tal-eċċezzjonijiet. Il-lista ta’ eċċezzjonijiet kif prevista fid-Direttiva kisbet ċertu grad ta’ armonizzazzjoni: il-ħolqien ta’ lista eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet lill-Istati Membri ma tippermettilhomx iżommu jew jintroduċu eċċezzjonijiet li mhumiex fil-lista.

Barra minn hekk, l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva jipprovdi li l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet permessi mid-Direttiva għandhom jiġu applikati f'ċerti każi speċjali, li ma jikkonfliġġux mal-isfruttar normali tax-xogħol jew kontenut ieħor u anqas ma jippreġudikaw b’mod inġust l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet. Din id-dispożizzjoni hija magħrufa bħala l-"kundizzjoni trippla".

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(5) tqis l-obbligazzjonijiet internazzjonali tal-Komunità fis-settur tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati. Il-kundizzjoni trippla hi stipulata f’termini simili fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna[7] u, fuq kollox, l-Artikolu 13 tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Marbuta mal-Kummerċ ("il-Ftehim TRIPS")[8], li tiegħu l-Komunità hija firmatatarja[9]. Il-kundizzjoni trippla hi għalhekk parti integrali mill-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-awtur, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri huma obbligati li jirrispettawh. Din saret punt ta’ referenza għall-limitazzjonijiet kollha marbuta mad-drittijiet tal-awtur[10].

Mistoqsijiet:

1. Għandu jkun hemm inkuraġġiment jew linji gwida għal arranġamenti kuntrattwali bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti għall-implimentazzjoni tal-eċċezzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur?

2. Għandu jkun hemm inkuraġġiment, linji gwida jew liċenzji mudell għal arranġamenti kuntrattwali bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti għal aspetti oħra li mhumiex koperti mill-eċċezzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur?

3. Huwa xieraq metodu msejjes fuq lista ta' eċċezzjonijiet mhux obbligatorji fil-kuntest tat-teknoloġiji tal-Internet li qed jevolvu u l-eċċezzjonijiet ekonomiċi u soċjali prevalenti?

4. Għandhom ċerti kategoriji ta’ eċċezzjonijiet jintgħamlu obbligatorji biex tiġi żgurata ċertezza legali aqwa u protezzjoni aħjar għall-benefiċjarji tal-eċċezzjonijiet?

5. Jekk iva, liema huma?

3. Eċċezzjonijiet: Kwistjonijiet speċifiċi

Il-Green Paper tiffoka fuq l-eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur li huma l-aktar rilevanti għat-tifrix tal-għarfien, jiġifieri:

- L-eċċezzjoni għall-benefiċċju tal-libreriji u l-arkivji;

- L-eċċezzjoni li tippermetti t-tifrix ta’ xogħlijiet għall-finijiet ta’ tagħlim u riċerka;

- L-eċċezzjoni għall-benefiċċju tal-persuni b’diżabbiltà;

- Eċċezzjoni possibbli għall-kontenut maħluq mill-utent.

3.1. Eċċezzjonijiet għal-libreriji u l-arkivji

Fir-rigward tal-libreriji u stabbilimenti oħra simili, tqajmu żewġ kwistjonijiet fundamentali: il-produzzjoni ta’ kopji diġitali tal-materjali miżmuma fil-kollezzjonijiet tal-libreriji u l-forniment elettroniku ta’ dawn il-kopji lill-utenti. Id-diġitizzazzjoni tal-kotba, il-materjal awdjoviżiv u kontenut ieħor jistgħu jaqdu żewġ għanijiet – il-preservazzjoni tal-kontenut għall-ġenerazzjonijiet futuri u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tiegħu għall-utenti finali online.

Skont il-qafas legali attwali, il-libreriji u l-arkivji ma jgawdux minn eċċezzjoni ġenerali mid-dritt tar-riproduzzjoni. Ir-riproduzzjoni hi awtorizzata biss f’każi speċifiċi, li forsi jkopru ċerti atti meħtieġa għall-preservazzjoni ta’ xogħlijiet inklużi fil-katalgi tal-libreriji. Min-naħa l-oħra, l-eċċezzjoni tal-librerija u r-regoli nazzjonali li jimplimentawha mhumiex dejjem ċari dwar kwistjonijiet bħall-konverżjoni tal-formati ("format-shifting") jew l-għadd ta’ kopji li jistgħu jintgħamlu skont din l-eċċezzjoni. Regolamentazzjoni ddettaljata f’dan ir-rigward tirriżulta minn deċiżjonijiet marbuta ma’ politika leġiżlattiva effettwati fuq livell nazzjonali. Uħud mill-Istati Membri għandhom regoli restrittivi fejn tidħol riproduzzjoni li tista' ssir mil-libreriji.

Matul dawn l-aħħar snin, il-libreriji u stabbilimenti oħra ta' interess pubbliku qed juru interess dejjem jikber mhux biss fil-preservazzjoni (id-diġitizzazzjoni) tax-xogħlijiet, imma wkoll fil-ftuħ ta’ aċċess għall-kollezzjonijiet tagħhom online. Kieku dan kellu jsir, isostnu l-libreriji, ir-riċerkaturi ma jkollhomx aktar għalfejn joqogħdu jmorru fil-bini tal-libreriji jew fl-arkivji għaliex ikunu jistgħu faċilment isibu u jiksbu l-informazzjoni meħtieġa minn fuq l-Internet. Ukoll, il-pubblikaturi jistqarru li huma qegħdin jiddiġitizzaw il-katalgi tagħhom bil-ħsieb li joħolqu databases interattivi online fejn dan il-materjal ikun jista’ jinkiseb minn fuq id-desktop tal-utent[11]. Għal dawn is-servizzi jeħtieġ li titħallas miżata ta’ abbonament.

Skont il-leġiżlazzjoni attwali tad-drittijiet tal-awtur, il-libreriji, l-istabbilimenti edukattivi, l-arkivji u l-mużewijiet li huma aċċessibbli għall-pubbliku jibbenefikaw minn żewġ eċċezzjonijiet fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur:

- eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni fil-każ ta’ atti speċifiċi ta’ riproduzzjoni għal finijiet li mhumiex kummerċjali (l-Artikolu 5(2)(c) tad-Direttiva) u

- eċċezzjoni fformulata b’mod preċiż ħafna għad-dritt ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku u għad-dritt tat-tqegħid ta’ xogħlijiet għad-dispożizzjoni għal finijiet ta’ riċerka jew ta’ studju privat permezz ta’ terminali speċjali allokati fil-bini ta’ dawn l-istabbilimenti (l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva).

3.1.1. Diġitizzazzjoni (preservazzjoni)

L-eċċezzjoni mid-dritt tar-riproduzzjoni hi limitata għal “atti speċifiċi ta’ riproduzzjoni”. L-Artikolu 5(2)(c) jispikka għalhekk bħala l-unika eċċezzjoni b'referenza espliċita għall-ewwel terminu tal-kundizzjoni trippla, kif ikkodifikat fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva, li jeżiġi li l-eċċezzjonijiet għandhom ikunu limitati għal “ċerti każi speċjali”. Għalhekk, u kif jista’ jiġi kkonfermat mill-premessa 40 tad-Direttiva, din l-eċċezzjoni għandha tiġi llimitata għal ċerti każi speċjali u ma għandhiex tiġi applikata għal użu fil-kuntest ta’ fornimenti online ta’ xogħlijiet u fonogrammi protetti.

Għaldaqstant, il-formulazzjoni prudenti ta’ din l-eċċezzjoni timplika li l-libreriji u l-benefiċjarji mhumiex ipprovduti b’eċċezzjoni ġenerali mid-dritt ta’ riproduzzjoni. Ir-riproduzzjoni hi awtorizzata biss f’każi speċifiċi, li forsi jkopru ċerti atti meħtieġa għall-preservazzjoni ta’ xogħlijiet inklużi fil-katalgi tal-libreriji. Min-naħa l-oħra, f’din l-eċċezzjoni mhemmx regoli ċari dwar kwistjonijiet bħall-konverżjoni tal-formati ("format-shifting") jew l-għadd ta’ kopji li jistgħu jintgħamlu skont din l-eċċezzjoni. Regolamentazzjoni ddettaljata f’dan ir-rigward tirriżulta minn deċiżjonijiet marbuta ma’ politika leġiżlattiva effettwati fuq livell nazzjonali.

Uħud mill-Istati Membri għandhom regoli restrittivi fejn tidħol riproduzzjoni li tista' ssir mil-libreriji. Attwalment, il-gvern tar-Renju Unit jinsab għaddej b’konsultazzjoni[12] bil-ħsieb li tiġi emendata t-Taqsima 42 tal-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur, id-Disinn u l-Brevetti (CDPA) li jippermetti lil-libreriji u lill-arkivji jagħmlu kopja waħda ta' xogħol letterarju, drammatiku jew mużikali li jkun jinsab miżmum fil-kollezzjoni permanenti tagħhom għall-fini ta’ preservazzjoni jew sostituzzjoni. Il-gvern jipproponi li din l-eċċezzjoni titwessa’ sabiex tkun tista' tippermetti l-ikkupjar u l-konversjoni tal-formati ta' reġistrazzjonijiet awdjo, films u xandiriet u sabiex tkun permessa aktar minn kopja waħda meta jista' jkun hemm il-ħtieġa ta’ aktar kopji għall-preservazzjoni ta’ kollezzjonijiet permanenti f’format aċċesibbli.

Fejn għandu x’jaqsam l-ippreservar tax-xogħlijiet, huma l-libreriji, l-arkivji u l-mużewijiet li jippreservaw xogħlijiet f’format li jdum ħafna. Madankollu, is-settur privat, inklużi l-proprjetarji tal-muturi tat-tiftix, qed jipparteċipa dejjem aktar fl-isforzi tad-diġitizzazzjoni fuq skala kbira. Bħala eżempju, il-proġett Google Book Search tnieda fl-2005 bil-għan li tkun permessa r-riċerka testwali tal-kontenut tal-kotba fuq l-Internet[13]. Il-Google jikkonkludi ftehimiet mal-libreriji Ewropej li jkopru d-diġitizzazzjoni tax-xogħlijiet fid-dominju pubbliku[14]. Il-pubblikaturi qegħdin ukoll jesperimentaw b’aċċess online mingħajr ħlas għal partijiet testwali jew saħansitra għat-test sħiħ tal-kotba u qed jiżviluppaw għodod li jippermettu lill-utenti jibbrawżjaw il-kontenut tal-kotba[15].

Hawnhekk irid jiġi enfasizzat li l-attivitajiet tal-entitajiet privati, bħalma huma dawk tal-muturi tat-tiftix, ma jistgħux jibbenefikaw mill-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 5(2)(c) li hi limitata għal-libreriji, l-istabbilimenti edukattivi, il-mużewijiet u l-arkivji li huma aċċessibbli għall-pubbliku, u li tkopri biss atti li mhumiex għall-vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett. Id-diġitizzazzjoni tinvolvi d-dritt tar-riproduzzjoni[16] għaliex it-tibdil tal-format ta’ xogħol minn analogu għal diġitali jeżiġi riproduzzjoni tax-xogħol. Pereżempju, ktieb jeħtieġ li jiġi skannjat qabel ma jista’ jiġi ddiġitizzat. Jekk dan l-iskannjar isir minn entitajiet u f’ċirkustanzi li mhumiex koperti fl-Artikolu 5(2)(c), id-detenturi tad-drittijiet iridu jagħtu l-permess minn qabel biex din ix-xorta ta’ riproduzzjoni tkun tista’ ssir. L-istess, biex xogħol diġitizzat isir disponibbli online, ikun meħtieġ il-kunsens minn qabel tad-detentur(i) tad-drittijiet.

L-isjkannjar tax-xogħlijiet miżmuma fil-libreriji biex ikun jista' jsir tiftix tal-kontenut tagħhom fuq l-Internet huwa ordinarjament distingwibbli mill-ħolqien ta’ links, links fondi, interkonnessjonijiet jew indiċijiet, li huma marbuta ma' xogħlijiet li diġà huma disponibbli online. Pereżempju, fejn għandhom x’jaqsmu l-hyperlinks (konnessjonijiet elettroniċi ma’ fajls fuq l-Internet), il-Qorti Suprema Ġermaniża sostniet li xogħol ma jkunx riprodott bl-illinkjar jew bl-illinkjar fond (link li twassal lill-utent tal-Internet għal paġna web oħra fuq websajt)[17]. Fl-Istati Uniti, fil-kawża Perfect 10 v. Google and Amazon[18], il-qorti sostniet li l-illinkjar (in-linking) għal immaġni kompluta f’websajt oħra, li ma tkunx teħtieġ riproduzzjoni tal-immaġnijiet oriġinali, ma jiksirx id-dritt tar-riproduzzjoni. Filwaqt li xi qrati jikkunsidraw li l-immaġnijiet minjaturi (thumbnails), jiġifieri r-riproduzzjonijiet ta’ immaġnijiet żgħar biex jiġu ffaċilitati l-links ma’ websajts oħra fuq l-Internet, jiksru d-dritt tar-riproduzzjoni[19], il-Qorti Reġjonali ta’ Erfurt[20] sostniet li l-użu tal-minjaturi biex joħolqu l-links ma jimplikax responsabbiltà fejn jidħlu d-drittijiet tal-awtur jekk ix-xogħol ikun tqiegħed fuq l-Internet mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu[21].

Madankollu ta’ spiss jinstema’ l-argument li l-proġett tal-Google Book Search hu ta’ portata usa’ mill-mutur tat-tiftix fil-kwistjoni tal-kawża Paperboy[22] jew il-kawża Perfect 10 tal-Qorti Suprema tal-Ġermanja. Il-mutur tat-tiftix fil-każ ta' Paperboy ħoloq links ma’ websajts li kien fihom xogħlijiet protetti li kienu disponibbli online bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet.Is-servizz ta’ Paperboy kien jiddependi minn xogħlijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-utent minn terzi, mingħajr il-possibbiltà li tinħoloq link ma' xogħol irtirat mid-detentur tad-drittijiet. Barra dan, is-servizz ma affettwax iż-żamma tax-xogħol fil-cache tal-kompjuter, minħabba li l-link ma tibqax taħdem ladarba l-oriġinal ikun ġie rtirat.

3.1.2. It-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet diġitizzati

Skont il-leġiżlazzjoni tad-drittijiet tal-awtur attwali, il-libreriji, l-istabbilimenti edukattivi u l-mużewijiet u l-arkivji li huma aċċessibbli għall-pubbliku jibbenefikaw minn eċċezzjoni fformulata bil-preċiż għad-dritt tal-komunikazzjoni mal-pubbliku u għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal ieħor, jekk dan isir bil-għan ta' riċerka jew studju privat permezz ta' terminali speċjalizzati allokati fil- bini ta’ dawn l-istabbilimenti (l-Artikolu 5(3)(n) tad-Direttiva).

Wieħed jista’ jikkunsidra li din l-eċċezzjoni ma tkoprix il-forniment elettroniku remot ta’ materjal lill-utenti finali. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-forniment elettroniku ta’ materjal lill-utenti, il-premessa 40 tad-Direttiva tistipula li l-eċċezzjoni għal-libreriji u l-arkivji ma għandhiex tkopri “l-użi magħmula fil-kuntest ta’ forniment online ta’ xogħlijiet u materjal ieħor protetti”.

3.1.3. Xogħlijiet orfni

Il-proġetti ta’ diġitizzazzjoni fuq skala kbira tefgħu dawl ġdid fuq il-fenomenu tax-xogħlijiet magħrufa bħala orfni. Xogħlijiet orfni huma xogħlijiet li jkunu għadhom taħt id-drittijiet tal-awtur imma li s-sidien tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu identifikati jew misjuba. Teżisti domanda kbira għat-tifrix ta’ xogħlijiet jew ta’ reġistrazzjonijiet awdjo ta’ valur edukattiv, storiku jew kulturali għal prezz relattivament baxx lil udjenza wiesgħa online. Ħafna drabi jingħad li dawn il-proġetti jiġu bblukkati minħabba l-assenza ta' soluzzjoni sodisfaċenti tal-problema marbuta mal-kwistjoni tax-xogħlijiet orfni. Ix-xogħlijiet protetti jistgħu jisfaw orfni jekk id-dejta dwar l-awtur u/jew dwar detentur(i) tad-drittijiet ieħor jew oħra (bħalma huma pubblikaturi jew produtturi tal-films) tintilef jew tiskadi. Dan ikun spiss il-każ fir-rigward ta’ xogħlijiet li ma jibqgħux aktar jiġu sfruttati fuq livell kummerċjali.

Barra minn kotba, eluf ta’ xogħlijiet orfni bħalma huma ritratti u xogħlijiet awdjoviżivi jinsabu attwalment miżmuma fil-libreriji, il-mużewijiet u l-arkivji. In-nuqqas ta’ dejta dwar is-sjieda tagħhom jista’ joħloq ostaklu għat-tqegħid online ta’ dan it-tip ta’ xogħlijiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u jista’ jimpedixxi l-isforzi għal restawr diġitali. Dan jiġri partikolarment fil-każ ta’ films orfni.

Il-problema essenzjali ta’ xogħlijiet orfni tinsab fl-awtorizzazzjoni tad-drittijiet jiġifieri fil-mod kif jiġi żgurat li l-utenti li jagħmlu x-xogħlijiet orfni disponibbli ma jkunux responsabbli għall-ksur ta’ drittijiet tal-awtur meta d-detentur tad-drittijiet jerġa’ jitfaċċa u jeżiġi d-drittijiet tiegħu fuq ix-xogħol ikkonċernat. Minbarra l-kwistjonijiet tar-responsabbiltà, l-ispejjeż u ż-żmien meħtieġa biex jiġu lokalizzati jew identifikati d-detenturi tad-drittijiet, speċjalment fil-każ ta’ xogħlijiet ta' aktar minn awtur wieħed, jistgħu jkunu sostanzjali wisq biex l-isforz ikun iġġustifikat. Din il-problema tidher li hi l-aktar akuta fejn għandhom x’jaqsmu d-drittijiet tar-reġistrazzjonijiet awdjo u x-xogħlijiet awdjoviżivi li attwalment jinżammu fl-arkivji tax-xandara. L-awtorizzazzjoni tad-drittijiet marbuta max-xogħlijiet orfni tista’ toħloq ostaklu għat-tifrix ta’ kontenut ta’ valur kbir u tista’ titqies bħala ostakju għall-użu tagħhom bħala għajn ta’ isprirazzjoni. Madankollu, il-limitu tal-impediment attwali tal-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet orfni mhux magħruf bi preċiżjoni. Id-dejta ekonomika meħtieġa biex tiġi kkwantifikata l-problema fuq livell pan-Ewropew hija skarsa.

Il-kwistjoni tax-xogħlijiet orfni qiegħda attwalment tiġi kkunsidrata fuq il-livell nazzjonali[23] u fuq il-livell tal-UE. L-Istati Uniti[24] u l-Kanada[25] wkoll ħadu inizjattiva fir-rigward tax-xogħlijiet orfni. Filwaqt li l-fehmiet dwar din il-kwistjoni jiddifferixxu, is-soluzzjonijiet proposti huma l-aktar ibbażati fuq prinċipju komuni; l-utent irid ikun wettaq riċerka raġonevoli sabiex jipprova jidentifika jew jillokalizza lid-detentur(i) tad-drittijiet.

Fl-2006, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni[26] li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex joħolqu mekkaniżmi biex jiffaċilitaw l-użu ta’ xogħlijiet orfni u jippromwovu d-disponibbiltà ta’ listi ta’ xogħlijiet orfni magħrufa. Inħoloq Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli fil-qasam tal-Libreriji Diġitali li għaqqad ma’ xulxin lil dawk il-partijiet interessati li huma kkonċernati minn xogħlijiet orfni. Il-Grupp adotta “Rapport Finali dwar il-Preservazzjoni Diġitali, ix-Xogħijiet Orfni u x-Xogħijiet li ma għadhomx fl-Istampa” u ġie ffirmat “Memorandum ta’ ftehim dwar ix-Xogħlijiet Orfni” mir-rappreżentanti tal-libreriji, l-arkivji u l-detenturi tad-drittijiet tal-awtur[27]. Il-memorandum jinkludi ġabra ta’ linji gwida għat-tiftix diġitali għad-detenturi tad-drittijiet u prinċipji ġenerali li jikkonċernaw id-databases ta’ xogħlijiet orfni u mekkaniżmi għall-awtorizzazzjoni tad-drittijiet. Għandhom jiġu żviluppati soluzzjonijiet dettaljati fuq il-livell nazzjonali.

Il-parti l-kbira tal-Istati Membri għadhom ma żviluppawx metodu regolatorju fejn għandha x’taqsam il-kwistjoni tax-xogħlijiet orfni. Jidher li n-natura transkonfinali potenzjali ta’ din il-kwistjoni teħtieġ approċċ armonizzat.

Mistoqsijiet:

6. L-eċċezzjoni għall-libreriji u l-arkivji għandha tibqa’ kif inhi minħabba li l-pubblikaturi nfushom se jiżviluppaw aċċess għall-katalgi tagħhom online?

7. Sabiex jikber l-aċċess għax-xogħlijiet, il-libreriji, l-istabbilimenti edukattivi, il-mużewijiet u l-arkivji li huma aċċessibbli għall-pubbliku għandhom jidħlu fi skemi ta’ liċenzjar mal-pubblikaturi? Jeżistu eżempji ta’ skemi ta’ liċenzjar li kellhom suċċess fejn jidħol aċċess online għall-kollezzjonijiet fil-libreriji?

8. Il-portata tal-eċċezzjoni għal-libreriji, l-istabbilimenti edukattivi, il-mużewijiet u l-arkivji li huma aċċessibbli għall-pubbliku għandha jiġi ppreċiżata fejn jikkonċerna:

9. Il-konverżjoni tal-format;

10. L-għadd ta’ kopji li jistgħu jsiru taħt din l-eċċezzjoni;

11. L-iskannjar ta' kollezzjonijiet sħaħ miżmuma fil-libreriji;

12. Għandha tiġi ppreċiżata l-liġi dwar jekk imurx lil hinn mill-portata tal-eċċezzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur attwali l-iskannjar ta’ xogħlijiet miżmuma fil-libreriji biex il-kontenut tagħhom ukon disponibbli għat-tiftix fuq l-Internet?

13. Teżisti l-ħtieġa ta’ strument statutorju Komunitarju ieħor biex tiġi ttrattata l-problema tax-xogħlijiet orfni li jmur lil hinn mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/585/KE tal-24 ta’ Awwissu 2006?

14. Jekk iva, dan l-istrument għandu jieħu l-forma ta’ emenda tad-Direttiva tal-2001 dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-soċjetà tal-informazzjoni ,jew għandu jieħu l-forma ta’ att awtonomu?

15. Kif għandhom jiġu ttrattati l-aspetti transkonfinali tax-xogħlijiet orfni biex jiġi żgurat rikonoxximent fl-UE kollha tas-soluzzjonijiet adottati fl-Istati Membri differenti?

3.2. L-eċċezzjoni għall-benefiċċju tal-persuni b’diżabbiltà

Il-persuni b’diżabbiltà għandu jkollhom opportunità biex jibbenefikaw mill-ekonomija tal-għarfien. Għal dan il-għan, dawn il-persuni ma jeħtiġux biss aċċess fiżiku għall-bini tal-istabbilimenti edukattivi jew il-libreriji imma wkoll il-possibbiltà biex jaċċessaw ix-xogħlijiet fil-formati li huma adattati għall-ħtiġiet tagħhom (e.g. il-Braille, it-tipa kbira, il-kotba awdjo u l-kotba elettroniċi aċċessibbli).

Id-Direttiva tinkludi eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni u għad-dritt ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabbiltà. L-Istati Membri kollha implimentaw din l-eċċezzjoni imma f'xi liġijiet nazzjonali l-eċċezzjoni hija ristretta għal ċerti kategoriji ta' persuni b'diżabbiltà (e.ġ. l-eċċezzjoni tkopri biss lill-persuni neqsin mid-dawl). Xi wħud mill-Istati Membri jeżiġu ħlas ta’ kumpens lid-detenturi tad-drittijiet għall-użu ta’ xogħlijiet taħt din l-eċċezzjoni.

Tħassib komuni għall-persuni b’diżabbiltà huma l-ispejjeż, f’termini ta’ ħin u flus, involuti biex jintgħamlu disponibbli għalihom kopji tal-kotba li huma aċċessibbli biss f’format tal-karta jew f’format diġitali li mhux faċilment konvertibbli għall-Braille. Id-detenturi tad-drittijiet jemmnu li għandhom jiġu ggarantiti protezzjoni xierqa kontra l-piraterija u l-użu ħażin tal-materjal, speċjalment fejn jidħol il-forniment ta’ formati diġital li jistgħu jiġu riprodotti faċilment u mferrxa istantanjament fuq l-Internet.

L-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva jawtorizza l-użu li mhux ta’ natura kummerċjali u li hu direttament marbut mad-diżabbiltà kkonċernata b’tali mod li jasal sal-limitu meħtieġ minn din id-diżabbiltà. Il-premessa 43 tad-Direttiva tenfasizza li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa kollha biex jiffaċilitaw aċċess għax-xogħlijiet minn persuni li jbatu minn diżabbiltà li tippreżenta ostaklu għall-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet u tfakkarhom fl-importanza biex joqogħdu attenti partikolarment għall-formati aċċessibbli. L-eċċezzjoniji għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabbiltà tagħmel parti mill-eċċezzjonijiet ta’ interess pubbliku fejn l-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu l-miżuri xierqa, fl-assenza ta’ miżuri volontarji li setgħu jittieħdu mid-detenturi tad-drittijiet, biex jiġi żgurat li l-benefiċjarji jkollhom aċċess għal xogħlijiet protetti minn miżuri teknoloġiċi.

L-Istati Membri implimentaw din l-eċċezzjoni, imma, f’xi liġijiet nazzjonali hija ristretta għal ċerti kategoriji ta’ persuni b’diżabbiltà (e.g. fir-Renju Unit[28] u l-Bulgarija l-eċċezzjoni tapplika biss għall-persuni nieqsa mid-dawl, fil-Latvja[29], il-Litwanja u l-Greċja[30] tapplika għall-persuni nieqsa mid-dawl u s-smigħ). Fil-Litwanja, l-eċċezzjoni kompliet ġiet limitata għall-finijiet ta’ riċerka edukattiva u xjentifika[31]. Fil-Greċja, l-eċċezzjoni tkopri biss ir-riproduzzjonijiet u mhijiex estiża biex tkopri l-komunikazzjoni tax-xogħlijiet.

Skont il-premessa 36 tad-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu kumpens xieraq għad-detenturi tad-drittijiet bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fakoltattivi marbuta mal-eċċezzjonijiet. Xi wħud mill-Istati Membri, fosthom il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Olanda, jeżiġu ħlas ta’ kumpens lid-detenturi tad-drittijiet għall-użu ta’ xogħlijiet skont din l-eċċezzjoni. Meta jitqiesu l-ispejjeż meħtieġa biex ix-xogħlijiet jinqalbu għall-formati aċċessibbli u kif ukoll ir-riżorsi limitati disponibbli, tqum il-mistoqsija dwar jekk il-benefiċjarji tal-eċċezzjoni għandhomx jintalbu jħallsu kompens lid-detenturi tad-drittijiet jew jekk għandhomx ikunu eżenti minn obbligu bħal dan.

Skont studju tad-WIPO[32], tħassib komuni huwa marbut mal-ispiża u l-ħin meħtieġa biex isiru aċċessibbli kopji ta’ kotba li huma disponibbli biss f’format tal-karta jew f’format diġitali mhux faċilment konvertibbli għall-Braille. Id-Direttiva ma teżiġix li d-detenturi tad-drittijiet jagħmlu xogħol disponibbli f'format partikolari. Il-kwistjoni hija kif l-organizzazzjonijiet rilevanti jiġu fornuti b’kopja diġitali mhux protetta għall-ħolqien ta’ formati aċċessibbli b’mod li t-tħassib li għandhom il-pubblikaturi dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tagħhom tax-xogħlijiet jiġi indirizzat.

Jeżistu eżempji ta’ kooperazzjoni b’suċċess bejn pubblikaturi u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni nieqsa mid-dawl. Fid-Danimarka, il-kotba f’format elettroniku u l-kotba awdjo mitbugħa mil-Librerija Daniża għall-Għomja huma attrezzati b'ID speċjali li tippermetti l-kontroll tal-użu tax-xogħol u l-intraċċar ta' min jista' jkun ħati ta' ksur tar-regoli. Fi Franza, jeżistu ftehimiet bejn l-aġenzija BrailleNet li ma taħdimx għall-profitt u l-pubblikaturi għall-forniment ta' kopji diġitali ta' xogħlijiet maħżuna f'server speċjali sigurizzat li hu aċċessibbli biss għal organizzazzjonijiet iċċertifikati.

Id-detenturi tad-drittijiet jemmnu li għandhom jiġu ggarantiti protezzjoni xierqa kontra l-piraterija u l-użu ħażin tal-materjal, speċjalment fejn jidħol il-forniment ta’ formati diġitali, li jistgħu jiġu riprodotti faċilment u mferrxa istantanjament fuq l-Internet. Soluzzjoni li tidher prattika hi sistema ta’ intermedjarji ta’ fiduċja, bħalma huma libreriji speċjalizzati jew organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà, li jistgħu jinnegozjaw mad-detenturi tad-drittijiet u jidħlu fi ftehimiet magħhom. Dawn il-ftehimiet jipprevedu tipi differenti ta’ restrizzjonijiet u assigurazzjonijiet lid-detenturi tad-drittijiet bil-għan li jimpedixxu sfruttament abbużiv ta’ dawn id-drittijiet.

Tħassib marbut ta’ dak preċedenti huwa li l-eċċezzjoni għall-persuni b’diżabbiltà mhijiex inkluża fid-Direttiva 96/9/KE dwar il-ħarsien legali tad-databases[33]. L-Artikolu 6(2) ta’ din id-Direttiva jipprovdi eċċezzjonijiet għat-tagħlim jew ir-riċerka xjentifika, u għar-riproduzzjonijiet għall-użu privat, imma ma jagħmilx eċċezzjonijiet għall-persuni b’diżabbiltà. Dan iqajjem il-problema li l-eċċezzjoni għall-persuni b’diżabbiltà fl-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva 2001/29 tista’ tkun imminata bl-invokazzjoni tal-protezzjoni tad-databases fuq il-bażi li xogħol letterarju partikolari huwa protett simultanjament bħala database. Kif osservat fid-dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Lulju 2004, din is-sitwazzjoni tista' tinqala’ meta x-xogħol letterarju, bħalma hi enċiklopedija, ikun protett bħala xogħol u bħala database simultanjament.

Mistoqsijiet:

16. Il-persuni b’diżabbiltà għandhom jidħlu fi skemi ta’ liċenzjar mal-pubblikaturi sabiex ikabbru l-aċċess tagħhom għax-xogħlijiet? Jekk iva, x’tipi ta’ liċenzjar ikunu l-aktar xierqa? Diġà jeżistu skemi ta’ liċenzjar biex jitkabbar l-aċċess għax-xogħlijiet għall-persuni b’diżabbiltà?

17. Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet obbligatorji biex ix-xogħlijiet ikunu disponibbli għall-persuni b’diżabbiltà f’format partikolari?

18. Għandu jiġi ċċarat jekk l-eċċezzjoni attwali li minnha jibbenefikaw il-persuni b’diżabbiltà tapplikax għal diżabbiltajiet oħra għajr id-diżabbiltajiet tan-nuqqas ta’ smigħ u n-nuqqas ta’ dawl?

19. Jekk iva, liema huma dawk id-diżabbiltajiet li għandhom jitqiesu bħala rilevanti għat-tifrix tal-għarfien online?

20. Il-liġijiet nazzjonali għandhom jiċċaraw jekk il-benefiċjarji tal-eċċezzjoni għall-persuni b’diżabbiltà iridux ikunu obbligati jħallsu remunerazzjoni għall-użu ta’ xogħol sabiex dan jinqaleb għal format aċċessibbli?

21. Id-Direttiva 96/9/KE dwar il-ħarsien legali tad-databases għandu jkollha eċċezzjoni speċifika favur il-persuni b’diżabbiltà li tkun tapplika kemm għal databases oriġinali u kif ukoll għal databases sui generis ?

3.3. Tifrix ta’ xogħlijiet għall-fini ta’ tagħlim u riċerka

Kemm l-għalliema u kif ukoll l-istudenti qed jirrikorru dejjem aktar għat-teknoloġija diġitali biex jaċċessaw jew iferrxu l-materjal ta’ tagħlim. It-tagħlim ibbażat fuq l-użu tan-netwerk illum jirrappreżenta parti kbira tal-attivitajiet kurrikulari. Filwaqt li t-tifrix ta’ materjali tat-tagħlim permezz ta’ netwerks online jista’ jkun ta' benefiċċju għall-kwalità tal-edukazzjoni u r-riċerka fl-Ewropa, jista' wkoll iġorr riskju ta' ksur tad-drittijiet tal-awtur meta d-diġitizzazzjoni u/jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' kopji ta' meterjali tal-istudju u r-riċerka jkunu koperti mid-drittijiet tal-awtur.

L-eċċezzjoni tal-interess pubbliku għall-finijiet ta’ tagħlim u riċerka tfasslet biex tirrikonċilja l-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet mal-għan usa' ta' aċċess għall-għarfien. Id- Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u komunikazzjoni mal-pubbliku meta xogħol jintuża “esklużivament għal skop ta’ illustrazzjoni għat-tagħlim u r-riċerka xjentifika, sakemm is-sors, inkluż l-isem tal-awtur, jiġi indikat, sakemm dan ma jkunx impossibbli li jsir." Din l-eċċezzjoni spiss ġiet implimentata f’sens dejjaq li minħabba f’hekk it-tagħlim remot (distance learning) u t-tagħlim mid-dar fuq l-Internet ma kinux koperti. Barra dan, l-eċċezzjoni spiss tkopri biss l-ikkupjar ta’ siltiet tal-materjal ta’ riċerka pjuttost milli x-xogħol fl-intier tiegħu. Kultant, l-Istati Membri għażlu eċċezzjoni limitata għat-tagħlim u ma kellhomx eċċezzjoni għar-riċerka.

Fiż-żmien meta ġiet adottata d-Direttiva kienu tqiesu kemm it-tagħlim tradizzjonali fil-klassi u kif ukoll il-metodi moderni tat-tagħlim elettroniku (e-learning). Għaldaqstant, il-premessa 42 tad-Direttiva tistabbilixxi li l-Artikolu 5(3)(a) jista’ japplika wkoll għall-edukazzjoni remota. Madankollu, dan mhux rifless ulterjorment fit-test tal-Artikolu 5(3)(a) innifsu, minħabba li la tidher fih id-definizzjoni tal-kunċetti ta’ ‘tagħlim’, ‘riċerka xjentifika’ jew ‘illustrazzjoni’ u anqas kwalunkwe kjarifika oħra fir-rigward tal-portata tal-eċċezzjoni. Il-premessa 42 tirreferi għan-natura mhux kommerċjali tat-tagħlim u r-riċerka xjentifika bħala l-kriterju determinanti għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni, irrispettivament mill-istruttura organizzattiva u l-mezzi ta’ finanzjament tal-istituzzjoni fejn jitwettqu dawn l-attivitajiet. Id-Direttiva, għalhekk, lill-Istati Membri tathom marġni wiesa’ ħafna ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-mod ta’ implimentazzjoni meta ħalliethom liberi biex jiffissaw il-limiti tal-użu permissibbli skont l-eċċezzjoni.

L-użu ta’ xogħlijiet għall-finijiet ta’ illustrazzjoni għat-tagħlim u r-riċerka xjentifika huwa interpretat b’mod differenti mill-Istati Membri. Fi wħud mill-pajjiżi, bħad-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżvezja u Franza (sa Jannar 2009), l-użu ta’ xogħlijiet għall-finijiet ta’ illustrazzjoni għat-tagħlim u r-riċerka huwa suġġett għall-konklużjoni ta’ ftehimiet kollettivi estiżi bejn is-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva u l-istabbilimenti edukattivi. Minkejja l-vantaġġi ta’ sistema ta’ liċenzjar kollettiv estiż (l-istituzzjonijiet jistgħu jinnegozjaw il-kuntratti li jixirqu l-ħtiġiet tagħhom l-aktar), din il-forma ta’ liċenzjar tippreżenta r-riskju li ma jintlaħaq ebda ftehim jew li jintlaħaq ftehim ta’ karatteristiċi pjuttost restrittivi, u konsegwentement tinħoloq inċertezza legali għall-istabbilimenti edukattivi[34].

Fl-Istati Membri fejn l-eċċezzjoni għat-tagħlim u r-riċerka hi riflessa fil-liġi nazzjonali, id-dispożizzjonijiet rilevanti jippreżentaw diverġenzi sinifikanti. Filwaqt li wħud mill-pajjiżi jestendu l-eċċezzjoni għad-drittijiet ta’ komunikazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (e.g. il-Belġju, il-Lussemburgu, Malta u Franza (minn Jannar 2009)), pajjiżi oħra jirrestrinġuha għad-dritt ta' riproduzzjoni (il-Greċja, is-Solvenja) jew jippermettu komunikazzjoni mal-pubbliku biss sakemm din il-komunikazzjoni ma titwassalx 'il barra mill-bini tal-istituzzjoni edukattiva (ir-Renju Unit). Il-Ġermanja, min-naħa l-oħra, tagħmel distinzjoni bejn l-attività tat-tagħlim u l-attività tar-riċerka ; għal tal-ewwel, tippermetti l-użu ta’ xogħlijiet protetti biss għat-tagħlim fil-klassi u permezz tal-Internet meta dan it-tagħlim ikun limitat għal grupp ta’ studenti li jkunu qed jattendu kors partikolari. L-approċċ lejn ir-riċerka huwa anqas restrittiv minħabba li t-tqegħid għad-disponibbiltà tax-xogħlijiet hu permess “għall-finijiet ta’ riċerka għall-utent innifsu” u “għal għadd limitat ta’ parteċipanti”[35].

Rigward il-mod ta’ kkupjar, il-parti l-kbira tal-Istati Membri ma jagħmlu ebda distinzjoni bejn kopji analogi u kopji diġitali, u għalhekk iż-żewġ tipi ta’ kkupjar huma koperti mill-eċċezzjoni. Madankollu, it-test tal-Att Ungeriż tad-drittijiet tal-awtur jirrestrinġi l-ambitu tal-eċċezzjoni għar-riproduzzjonijiet analogi biss. Ukoll, fid-Danimarka, ma ntlaħaq ebda ftehim dwar l-ikkupjar diġitali bejn l-entitajiet ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet u l-istituzzjonijiet edukattivi. L-universitajiet u l-iskejjel ingħataw liċenzja li tkopri biss l-ikkupjar fuq karta ta’ siltiet mix-xogħlijiet. L-unika liċenzja kollettiva estiża li tinkludi attivitajiet bħal skannjar, stampar, it-trażmissjoni permezz tal-posta elettronika, it-tniżżil u l-ħżin inħarġet għall-użu ta’ xogħlijiet fuq l-Internet fl-hekk imsejħa kulleġġi għat-taħriġ tal-għalliema.

It-trattament differenti tal-istess att fl-Istati Membri differenti jista’ jwassal għal inċertezza legali fejn għandu x’jaqsam dak li hu permess taħt l-eċċezzjoni, speċjalment meta t-tagħlim u r-riċerka jitwettqu f’qafas transnazzjonali. Għadd ta’ studenti u riċerkaturi dejjem jikber qed jippreferu li jkollhom aċċess għal riżorsi ta’ tagħlim rilevanti mhux biss fl-ambjent tradizzjonali tal-klassi imma wkoll għall-użu ta’ netwerks online, mingħajr ebda rbit ta’ ħin u limitazzjonijiet ġeografiċi. Dispożizzjonijiet li jippermettu biss l-ikkupjar riprografiku tax-xogħlijiet jew li jeżiġu li l-istudenti jkun fiżikament preżenti fil-bini tal-istituzzjonijiet edukattivi ma jippermettux opportunità lil dawn l-istabbilimenti jisfruttaw il-potenzjal tat-teknoloġiji l-ġodda u jniedu programmi ta’ tagħlim minn distanza. Fi kliem ir-Rapport Gowers: “dan ifisser li l-istudenti li jsegwu tagħlim remot huma żvantaġġjati meta mqabbla ma’ dawk ibbażati f’kampus universitarju, u għalhekk dawn il-limitazzjonijiet iħallu impatt sproporzjonat fuq l-istudenti b’diżabbiltà li jista’ jagħti l-każ li xogħolhom jagħmluh minn lokalitajiet remoti. (...) L-eċċezzjoni rilevanti tad-drittijiet tal-awtur għandha tiġi estiża biex passaġġi mix-xogħlijiet ikun permess li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-istudenti permezz tal-email jew ambjenti ta’ tagħlim virtwali."[36]

Diverġenza oħra bejn l-Istati Membri tikkonċerna t-tul tas-siltiet mix-xogħlijiet li jistgħu jkunu riprodotti jew imqiegħda għad-dispożizzjoni għall-finijiet ta’ tagħlim u riċerka. Għalhekk, l-eċċezzjoni tista’ tkopri x-xogħol kollu (Malta), l-artikli fil-ġurnali u siltiet qosra mix-xogħlijiet (il-Belġju, il-Ġermanja jew Franza) jew siltiet qosra tax-xogħlijiet biss, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn it-tipi (u t-tulijiet) differenti tax-xogħlijiet (il-Lussemburgu). Fir-rigward tal-aħħar eżempju, xogħlijiet bħall-artikli fil-ġurnali jistgħu jiġu kkunsidrati f’termini partikolari bħala li huma esklużi mill-portata tal-eċċezzjoni minħabba li normalment ftit ikun hemm interess fl-użu ta’ biċċa qasira minn artiklu ta’ ġurnal għat-tagħlim u r-riċerka xjentifika.

Fir-rigward tal-istituzzjonijiet li jistgħu jibbenefikaw mill-eċċezzjoni għat-tagħlim u r-riċerka xjentifika, l-Istati Membri adottaw ukoll soluzzjonijiet differenti. Filwaqt li l-Att Ġermaniż dwar id-Drittijiet tal-Awtur jirreferi għal “skejjel, universitajiet, istituzzjonijiet postsekondarji u istituzzjonijiet ta’ taħriġ professjonali li mhumiex kummerċjali”, pajjiżi oħra bħar-Renju Unit jużaw it-terminu ġeneriku “stabbilimenti edukattivi” mingħajr ma jżidu aktar dettalji, mentri l-Kodiċi Franċiż għall-Proprjetà Intellettwali ma jagħti l-ebda indikazzjoni dwar l-istituzzjonijiet li għalihom tapplika l-eċċezzjoni u jsegwi t-test tal-Artikolu 5(3)(a): “illustrazzjoni għat-tagħlim u r-riċerka”. Fi Spanja u l-Greċja l-eċċezzjoni tkopri biss it-tagħlim, u b’hekk l-attivitajiet ta’ riċerka huma esklużi. Apparti ċertu grad ta’ inċertezza legali minħabba l-armonizzazzjoni limitata, id-differenzi msemmija hawn fuq jistgħu jaqilgħu problema meta l-istudenti jinkitbu għal korsijiet f’pajjiżi oħra, fl-ambitu tal-qafas ta’ tagħlim minn distanza, jew meta l-għalliema u r-riċerkaturi jwettqu attivitajiet f’diversi istituzzjonijiet li jkunu jinsabu f’pajjiżi differenti. Skont liema jkun il-pajjiż, atti identiċi jistgħu jkunu legali jew illegali. Il-kawżi ta’ din il-problema jinsabu fil-modi differenti li bihom l-Istati Membri implimentaw l-eċċezzjoni fil-liġijiet nazzjonali tagħhom. Għalhekk, saret talba biex tiddaħħal eċċezzjoni obbligatorja għat-tagħlim u r-riċerka xjentifika, b’portata ddefinita ċar fid-Direttiva. Pereżempju, ir-Rapport Gowers jirrakkomanda li l-eċċezzjoni edukattiva “għandha tiġi ddefinita skont il-kategorija ta’ użu u attività u mhux skont il-mezzi jew il-lokalità”. [37]

Madankollu, it-trasformazzjoni tal-eċċezzjoni f’waħda obblogatorja u l-iċċarar ulterjuri tal-ambitu tagħha ma jimplikawx l-estensjoni tagħha, minħabba l-fatt li jridu jitqiesu l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet. Pereżempju, fejn tidħol l-eżenzjoni għall-komunikazzjoni mal-pubbliku għall-finijiet ta’ illustrazzjoni għat-tagħlim u r-riċerka, ir-Rapport Gowers jistipula li “ikun meħtieġ li jiġi żgurat li l-aċċess għal dan il-materjal (għat-tagħlim u r-riċerka) ma għandux ikun disponibbli għall-pubbliku in ġenerali[38] imma biss għal udjenza ristretta ta’ studenti u riċerkaturi. F’dan ir-rigward, il-Premessa 44 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur tistipula li “id-dispożizzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet mill-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jirriflettu kif inhu xieraq l-impatt ekonomiku miżjud li dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet jista’ jkollhom fil-kuntest tal-ambjent elettroniku ġdid. Għalhekk, il-portata ta’ ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet jista’ jagħti l-każ li jkollha tkun aktar limitata fl-okkorrenza ta’ ċertu użu ġdid ieħor ta’ xogħlijiet u materjali protetti. Għandu jinstab bilanċ xieraq bejn l-iżgurar ta’ livell adegwat ta’ protezzjoni tad-drittijiet esklużivi u fl-istess ħin it-tisħiħ tal-kompetittività tal-edukazzjoni u r-riċerka Ewropej.

Mistoqsijiet:

22. Il-komunità xjentifika u ta’ riċerka għandha tidħol fi skemi ta’ liċenzjar mal-pubblikaturi sabiex tkabbar l-aċċess tagħha għax-xogħlijiet għal skopijiet ta’ tagħlim u riċerka? Jeżistu eżempji ta’ skemi ta’ liċenzjar li kellhom suċċess li jippermettu l-użu online tax-xogħlijiet għall-fini ta’ tagħlim u riċerka?

23. L-eċċezzjoni tat-tagħlim u r-riċerka għandha tiġi ċċarata sabiex b’hekk jiġu akkomodati forom moderni ta’ tagħlim remot?

24. Għandu jkun hemm kjarifika dwar jekk l-eċċezzjoni tat-tagħlim u r-riċerka tkoprix mhux biss il-materjal użat fil-klassijiet jew fl-istituzzjonijiet edukattivi, imma wkoll l-użu ta’ xogħlijiet mid-dar għall-finijiet ta’ studju?

25. Għandu jkun hemm regoli minimi obbligatorji li jikkonċernaw it-tul tas-siltiet mix-xogħlijiet li jistgħu jkunu riprodotti jew imqiegħda għad-dispożizzjoni għall-finijiet ta’ tagħlim u riċerka?

26. Għandu jkun hemm rekwiżit minimu obbligatorju biex l-eċċezzjoni tkopri kemm it-tagħlim u kif ukoll ir-riċerka?

3.4. Kontenut maħluq mill-utent

Il-konsumaturi mhumiex biss utenti imma aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed isiru ħallieqa tal-kontenut. Il-konverġenza qed twassal għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet ġodda li jibnu fuq il-kapaċità tal-ICT biex jinvolvu lill-utenti fil-ħolqien u t-tifrix tal-kontenut. L-applikazzjonijiet web 2.0 bħalma huma l-blogs, il-podcasts, il-wiki jew il-qsim ta’ vidjows jippermettu lill-utenti joħolqu u jaqsmu faċilment it-testi, il-vidjows jew immaġnijiet, u li jkollhom rwol aktar attiv u kollaborattiv fil-ħolqien tal-kontenut u t-tifrix tal-għarfien. Madankollu, hemm differenza kbira bejn kontenut maħluq mill-utent u kontenut eżistenti li sempliċement jittella’ fl-Internet mill-utenti u li huwa normalment protett mid-drittijiet tal-awtur. Fi studju tal-OECD, il-kontenut maħluq mill-utent ġie ddefinit bħala “kontenut li jitqiegħed disponibbli għall-pubbliku fuq l-Internet, li jirrifletti ċertu ammont ta’ sforz kreattiv, u li jinħoloq barra mir-rutina u l-prattika professjonali”[39].

Id-Direttiva attwali ma tipprovdix eċċezzjoni li tippermetti l-użu ta’ kontenut eżistenti li hu protett mid-drittijiet tal-awtur għall-ħolqien ta’ xogħlijiet ġodda u derivattivi. L-obbligu li jiġu rregolati d-drittijiet qabel ma kwalunkwe kontenut trasformattiv jitqiegħed għad-dispożizzjoni jista’ jiġi interpretat bħala ostaklu għall-innovazzjoni minħabba li jimblokka t-tifrix ta’ xogħlijiet ġodda potenzjalment ta’ valur. Madankollu, qabel ma tiddaħħal kwalunkwe eċċezzjoni għax-xogħlijiet trasformattivi, hemm bżonn li jiġu ddeterminati bir-reqqa l-kundizzjonijiet li taħthom ikun jista’ jiġi awtorizzat l-użu trasformattiv, sabiex ma jinħolqux konflitti mal-interessi ekonomiċi tad-detenturi tad-drittijiet tax-xogħol oriġinali.

Kien hemm talbiet biex tiġi aċċettata eċċezzjoni għall-kontenut trasformattiv maħluq mill-utent. B’mod partikolari, ir-Rapport Gowers irrakkomanda li għandha tinħoloq eċċezzjoni għal “xogħlijiet kreattivi, trasformattivi jew derivattivi”[40], fl-ambitu tal-parametri tal-kundizzjoni trippla tal-Konvenzjoni ta’ Berna. Ir-Rapport jirrikonoxxi li dan imur kuntrarju għad-Direttiva u konsegwentement jitlob li din għandha tiġi emendata. L-awtorizzazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni għandha tingħata biex tiffavorixxi l-użu innovattiv tax-xogħlijiet u biex tiġi stimulata l-produzzjoni tal-valur miżjud[41].

Skont il-Konvenzjoni ta’ Berna, użu trasformattiv hu kopert prima facie mid-dritt tar-riproduzzjoni[42] u d-dritt tal-adattament. Eċċezzjoni għal dawn id-drittijiet għandha tgħaddi mill-kundizzjoni trippla. B’mod partikolari, għandha tkun aktar preċiża u għandha jirreferi għal ġustifikazzjoni politika speċifika jew tipi ta’ użi ġustifikati. Għandha wkoll tkun limitata għal siltiet qosra (passaġġi qosra, esklużi dawk partikolarment sinifikattivi), biex b’hekk jiġi evitat il-ksur tad-dritt tal-adattament[43].

Skont id-Direttiva, ċerti eċċezzjonijiet potenzjalment jipprovdu xi miżuri ta’ flessibbiltà fir-rigward ta’ użu bla ħlas tax-xogħlijiet. Minbarra l-eċċezzjonijiet imsemmija qabel, l-Artikolu 5(3)(d) jippermetti kwotazzjonijiet “għal għanijiet bħalma huma kritika jew reċensjoni”. Il-kritika u r-reċensjoni għalhekk huma biss eżempji ta’ ġustifikazzjonijiet possibbli għall-kwotazzjonijiet. Dan jimplika li l-Artikolu 5(3)(d) jista’ jingħata ambitu wiesa’, għalkemm il-kwotazzjoni trid tkun limitata għal “il-limitu meħtieġ għall-iskop speċifiku”, u skont “il-konformità ma’ prattika ġusta”. L-“għan speċifiku” tal-kummentarju ma għandux għalfejn ikun l-analiżi tax-xogħol innifsu. Madankollu, silta li tkun ta’ tul ġust f’kummentarju fuq xogħol partikolari tista’ titqies bħala li ma tikkonformax ma’ prattika ġusta jekk tkun użata għall-għanijiet ta' kummentarju ta' kwistjoni aktar wiesgħa, Eċċezzjoni oħra li tippermetti ċertu grad ta’ flessibbiltà hija fl-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva li jeżenta użu "għal skopijiet ta' karikatura, parodija jew pastiche". Għalkemm dawn l-użi mhumiex definiti, jippermettu lill-utenti l-użu mill-ġdid ta’ xogħlijiet preċedenti għall-iskop kreattiv jew trasformattiv tagħhom infushom.

Mistoqsijiet:

27. Għandu jkun hemm regoli aktar preċiżi dwar x'jistgħu jew ma jistgħux jagħmlu l-utenti meta jagħmlu użu minn materjal protett mid-drittijiet tal-awtur?

28. Għandha tiddaħħal fid-Direttiva eċċezjoni għal kontenut maħluq mill-utent?

4. SEJħA GħAL KUMMENTI

L-operazzjoni kkombinata ta’ drittijiet esklużivi wiesgħa ma’ eċċezzjonijiet speċifiċi u limitati tenfasizza l-kwistjoni dwar jekk il-lista eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet taħt id-Direttiva hijiex garanzija ta’ “bilanċ ġust tad-drittijiet u l-interessi bejn […] id-diversi kategoriji ta’ detenturi tad-drittijiet u utenti”[44].

Analiżi li orjentata lejn il-ġejjieni teżiġi li jiġi kkunsidrat jekk il-bilanċ ipprovdut mid-Direttiva għandux jikkonforma mal-ambjent li dejjem qed jinbidel b’ritmu mgħaġġel. It-teknoloġiji u l-prattiċi soċjali u kulturali qegħdin jisfidaw kontinwament il-bilanċ miksub mil-leġiżlazzjoni, filwaqt li operaturi tas-suq ġodda, bħalma huma s-sidien tal-muturi tat-tiftix, jippruvaw japplikaw dan it-tibdil għal mudelli kummerċjali ġodda. Dawn l-iżviluppi wkoll għandhom il-potenzjal li jispustaw il-valur bejn l-entitajiet differenti attivi fl-ambjent online u jaffettwaw il-bilanċ bejn dawk li jgawdu d-drittijiet tal-kontenut diġitali u dawk li jipprovdu t-teknoloġiji li jippermettu t-tiftix fuq l-Internet.

Hu sewwasew f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Green Paper preżenti qed titlob għall-fehmiet tal-partijiet interessati kollha fir-rigward tal-iżviluppi teknoloġiċi u legali deskritti hawn fuq. Il-mistoqsijiet li ġew ippreżentati huma ta’ natura indikattiva biss u l-partijiet interessati għandhom iħossuhom liberi biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar kwalunkwe kwistjoni oħra li ġiet indirizzata jew issemmiet f’din il-Green Paper.

It-tweġibiet u l-osservazzjonijiet li jkopru l-kwistjonijiet kollha msemmija hawn fuq, jew biss għadd limitat minnhom, għandhom jaslu fl-indirizz li ġej sat-30 ta’ Novembru 2008.

markt-d1@ec.europa.eu.

Jekk il-partijiet interessati jixtiequ jissottomettu tweġibiet kunfidenzjali, għandhom jindikaw b’mod ċar liema parti tas-sottomissjoni tagħhom hi kunfidenzjali u li ma jridux li tiġi ppubblikata fuq il-websajt tal-Kummissjoni. Is-sottomissjonijiet l-oħra kollha li ma jkunux ġew immarkati bħala kunfidenzjali jistgħu jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni.

[1] It-terminu “ekonomija tal-għarfien” huwa ġeneralment użat biex jiddeskrivi attività ekonomika li ma tistrieħx fuq riżorsi “naturali” (bħall-art jew il-minerali) imma fuq riżorsi intellettwali bħalma huma l-kompetenza u l-għarfien espert. Kunċett ewlieni tal-ekonomija tal-għarfien hu li l-għarfien u l-edukazzjoni (imsejħa wkoll il-"kapital uman”) jistgħu jiġu ttrattati bħala assi kummerċjali jew bħala prodotti u servizzi edukattivi u intellettwali li jistgħu jiġu esportati għal ritorn ta’ valur għoli. Ma għandniex xi ngħidu, l-ekonomija tal-għarfien hi pjuttost aktar importanti għal dawk ir-reġjuni li r-riżorsi naturali tagħhom huma skarsi.

[2] Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10-19). Fl-2007, il-Kummissjoni ppublikat rapport li jevalwa kif l-Artikoli 5, 6 u 8 tad-Direttiva ġew trasposti mill-Istati Membri u applikati mill-qrati nazzjonali, ara r-Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet marbuta ma’ dan fil-qasam tas-soċjetà tal-informazzjoni (2001/29/KE), disponibbli fuq http://ec.europa.eu/internal_market/copyright/copyright-infso/copyright-infso_en.htm.

[3] http://ec.europa.eu/internal_market/copyright/prot-databases/prot-databases_en.htm

[4] Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali tad-databases, ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20-28.

[5] COM(2007)724 finali, 20.11.2007 – Suq uniku għall-Ewropa tas-seklu 21.

[6] Skont stħarriġ li sar mill-Federazzjoni tal-Pubblikaturi Ewropej, id-dħul annwali mill-bejgħ fil-qasam tal-pubblikazzjoni tal-kotba fl-2004 ammonta għal 22.268 miljun euro. Aktar minn 620 000 ktieb ġdid jew edizzjoni ġdida ġew ippubblikati fl-2004 u madwar 123 000 persuna huma impjegati tal-fiss fl-industrija tal-pubblikazzjoni tal-kotba. Ara http://www.fep-fee.be/.

[7] Għalkemm il-Komunità ma għandhiex sehem fil-Konvenzjoni ta’ Berna (u lanqas, tabilħaqq, ma jista’ jkollha, minħabba li s-sħubija fl-Unjoni ta’ Berna hija rriżervata għall-Istati), hi obbligata li tkun konformi mal-Konvenzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tal-Ftehim TRIPS.

[8] Dan il-Ftehim jinsab fl-Anness IC għall-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

[9] L-Artikolu 13 tal-Ftehim TRIPS, li għandu t-titlu “Limitazzjonijiet u Eċċezzjonijiet”, huwa l-klawżola ta’ eċċezzjoni ġenerali applikabbli għad-drittijiet esklużivi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur. L-Artikolu 13 tal-Ftehim TRIPS ġie interpretat minn deċiżjoni tal-Entità għar-Riżolviment tat-Tilwim tad-WTO dwar it-Taqsima 110(5) tal-Att dwar il-Drittijiet tal-Awtur tal-Istati Uniti. Il-Grupp Speċjali sostna li l-portata ta’ kwalunkwe eċċezzjoni permissibbli taħt l-Artikolu 13 għandha tkun dejqa u limitata għal użu de minimis . It-tliet kundizzjonijiet, li huma (1) ċerti każi speċjali; (2) ebda kunflitt mal-isfruttar normali tax-xogħol; u (3) ebda preġudizzju mhux raġonevoli kontra l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet, huma kumulattivi.

[10] Ara d-deċiżjoni tal-Entità għar-Riżolviment tat-Tilwim tad-WTO , WT/DS160/R , tal-15 ta’ Ġunju 2000

[11] Pereżempju, id-ditta Elsevier, li tippublika 2200 ġurnal ħolqot ScienceDirect, servizz li permezz tiegħu 10 miljun xjenzat u riċerkatur jingħataw aċċess minn fuq id-desktop għal servizz li joffri 8.7 miljun artiklu mill-ġurnali. Fl-2004, Elsevier nidiet id-database “Scopus” li jkopri 16,000 ġurnal maħruġin mill-pubblikaturi ewlenin kollha fl-oqsma tal-pubblikazzjoni xjentifika, teknoloġika u medika. Id-ditta tipprovdi wkoll servizz on line li jissejjaħ “MD Consult” li hu mmirat għall-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa billi jgħaqqad flimkien ir-riżorsi mediċi ewlenin.

[12] http://www.ipo.gov.uk/about/about-consult/about-formal/about-formal-current/consult-copyrightexceptions.htm

[13] http://books.google.com

[14] Ara l-informazzjoni kkomunikata mill-Oxford Library:http://www.bodley.ox.ac.uk/librarian/CNIGoogle/CNIGoogle.htm.

[15] Pereżempju, reċentement HarperCollins nidew għadd ta' inizjattivi ta' dan it-tip, fosthom: il-programm “full access” (testi sħaħ ta’ kotba magħżula huma disponibbli b’xejn għal żmien limitat), il-programm “Sneak Peek” (il-qarrejja jistgħu jaraw 20% tal-kontenut ta’ ħafna kotba ġimagħtejn qabel ma jiġu ppubblikati) u l-programm “Browse Inside” (il-qarrejja jistgħu jibbrawżjaw 20% tal-kontenut tal-kotba wara li jkunu ġew ippubblikati). Dawn jinsabu disponibbli fuq www.HarperCollins.com.

[16] Ara l-istqarrija komuni dwar l-Artikolu 1(4) tad-WCT: “Id-dritt ta' riproduzzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta' Berna, u l-eċċezzjonijiet permessi taħt dan l-Artikolu, japplikaw fl-intier tagħhom fl-ambjent diġitali, b'mod partikolari għall-użu ta' xogħlijiet f'għamla diġitali. Huwa mifhum li l-ħażna ta' xogħol protett f'għamla diġitali f'medju elettroniku tammonta għal riproduzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta' Berna”.

[17] Il-Qorti Suprema tal-Ġermanja (il-BGH), is-17 ta’ Lulju 2003, il-kawża I WR 259/00, Paperboy (kawża deċiża qabel l-implimentazzjoni tad-Direttiva).

[18] Il-kawża 06-55405, 9th Cir., is-16 ta' Mejju, 2007.

[19] Il-Qorti Reġjonali ta' Bielefeld, it-8 ta' Novembru 2005, JurPC Web-Dok. 106/2006 u l-Qorti Reġjonali ta' Hamburg, il-5 ta' Settembru 2003, JurPC Web-Dok 146/2004.

[20] Il-Qorti Reġjonali ta’ Erfurt, il-15 ta’ Marzu 2007, 3 O 1108/05 - Bildersuche Suchmaschine Haftung.

[21] B’linji simili tal-argument, sidien il-magni ta’ riċerka mhumiex jitolbu l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur biex isir indiċi tal-kontent tal-paġni tagħhom ta’ fuq il-web. Is-sidien tal-magni ta’ riċerka jargumentaw li, jekk proprjetarju ta’ kontenut ma jkunx irid li l-kontenut tal-paġna web jinħalqilha indiċi, jista’ jinkludi struzzjonijiet f’fajl tat-test jismu f’dan il-każ "robots.txt" sabiex il-magna ta’ riċerka tiġi mbarrata milli tikkopja l-kontenut. Jekk ma tiġix applikata din it-teknoloġija, sidien il-magni tar-riċerka jqisu li dan ikun ifisser awtorizzazzjoni impliċita biex jikkuppjaw u joħolqu indiċi.

[22] Il-Qorti Suprema tal-Ġermanja (il-BGH), is-17 ta' Lulju 2003, il-kawża I WR 259/00, Paperboy.

[23] Fir-Renju Unit, pereżempju, ir-rapport Gowers dwar il-proprjetà intellettwali jirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha temenda d-Direttiva 2001/29/KE u tintroduċi eċċezzjoni għax-xogħlijiet orfni. Id-Danimarka u l-Ungerija żviluppaw soluzzjonijiet għax-xogħlijiet orfni (is-soluzzjoni Daniża hija msejsa fuq il-liċenzji kollettivi estiżi filwaqt li s-soluzzjoni Ungeriża fuq il-liċenzji maħruġa minn entità pubblika).

[24] L-Uffiċċju Amerikan tad-Drittijiet tal-Awtur ippubblika rapport dwar ix-xogħlijiet orfni f’Jannar 2006. Fl-24 ta’ April 2008 żewġ proġetti ta’ liġi ġew ippreżentati fis-Senat u l-Kamra tar-Rappreżentanti (ix-"Shawn Bentley Orphan Works Act" u l-"Orphan Works Act of 2008", rispettivament). Iż-żewġ proġetti ta’ liġi huma proposti biex jiġi emendat it-Titolu 17 tal-Kodiċi tal-Istati Uniti permezz taż-żieda ta' taqsima dwar "limitazzjonijiet tal-possibbiltajiet ta’ rimedji fil-każi li jinvolvu x-xogħlijiet orfni”.

[25] Is-soluzzjoni Kanadiża hija msejsa fuq il-liċenzji mhux esklużivi maħruġa mill-Bord Kanadiż tad-Drittijiet tal-Awtur.

[26] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal- 24 ta' Awwissu 2006 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà online tal-kontenut kulturali u l-konservazzjoni diġitali, 2006/585/KE, L 236/28.

[27] http://ec.europa.eu/information_society/activities/digital_libraries/hleg/hleg_meetings/index_en.htm

[28] It-Taqsimiet 31A-31F tal-Att tad-Drittijiet tal-Awtur tal-2002 (Persuni Nieqsa mid-Dawl).

[29] It-Taqsima 19 (1)(3) u t-Taqsima 22 tal-Att tad-Drittijiet tal-Awtur tal-2004.

[30] L-Artikolu 28A tal-Liġi 2121/1993.

[31] L-Artikolu 22 (1)(2) tal-Att tad-Drittijiet tal-Awtur tal-2003.

[32] Studju dwar il-Limitazzjonijiet u l-Eċċezzjonijiet tad-Drittijiet tal-Awtur għall-Persuni Neqsin mid-Dawl imħejji minn J. Sullivan għall-Kumitat Permanenti tad-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati tad-WIPO (2006), p. 71-72.

[33] Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 1996 dwar il-ħarsien legali tad-databases, ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20-28.

[34] Dan kien il-każ fi Franza, fejn fl-2005 kienu ġew konklużi biss ħames ftehimiet settorjali dwar l-użu ta’ xogħlijiet għall-illustrazzjoni f’attivitajiet ta’ tagħlim u riċerka, wara dikjarazzjoni konġunta mill-Ministeru tal-Edukazzjoni Nazzjonali li jirrappreżenta lill-istituzzjonijiet edukattivi u l-Ministeru tal-Kultura li jirrappreżenta lid-detenturi tad-drittijiet. Matul il-proċess ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva, bħala riżultat tal-intervent tal-istabbilimenti edukattivi u b’mod partikolari tal-universitajiet, iddaħħlet għall-ewwel darba eċċezzjoni li tirregola l-użu ta’ xogħlijiet għall-finijiet ta’ illustrazzjoni għat-tagħlim u r-riċerka xjentifika fil-Kodiċi Franċiż dwar il-Proprjetà Intellettwali; din id-dispożizzjoni, li tissostitwixxi s-sistema kuntrattwali preċedenti, se tidħol fis-seħħ f’Jannar tal-2009.

[35] It-Taqsima §52a tal-UrhG (l-Att Ġermaniż tad-drittijiet tal-awtur) teżiġi wkoll li l-utenti jħallsu kumpens xieraq lid-detenturi tad-drittijiet għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħol.

[36] Ir-Rapport Gowers dwar il-Proprjetà Intellettwali 2006, para. 4.17 u 4.19

[37] Ir-Rapport Gowers dwar il-Proprjetà Intellettwali 2006, para. 4.15

[38] Ir-Rapport Gowers dwar il-Proprjetà Intellettwali 2006, para. 4.18

[39] eb Parteċipattiva u Kontenut Maħluq mill-Utent], OECD 2007, p. 9.

[40] Ir-Rakkomandazzjoni 11.

[41] Ir-Rapport jirreferi b’mod ċar għall-“użu trasformattiv” taħt il-liġi tal-Istati Uniti u għall-eżempju ta’ kampjunament fl-industrija tal-mużika Hip Hop. Madankollu, fil-liġi tal-Istati Uniti l-użu trasformattiv waħdu mhux element li jawtorizza l-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Minflok, huwa waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa biex użu jikkwalifika għall-“fair use” (użu korrett) skont it-Taqsima 107 tal-US Copyright Act [l-Att Amerikan dwar id-Drittijiet tal-Awtur].

[42] L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Berna.

[43] L-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Berna, id-Dritt ta’ Adattament, Arranġament u Alterazzjonijiet Oħra.

[44] Il-Premessa 31.