Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Titjib tal-kompetenzi għas-Sekluº21: Aġenda dwar Kooperazzjoni Ewropea dwar l-Iskejjel {SEC(2008) 2177} /* KUMM/2008/0425 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 3.7.2008 KUMM(2008) 425 finali KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Titjib tal-kompetenzi għas-Sekluº21: Aġenda dwar Kooperazzjoni Ewropea dwar l-Iskejjel {SEC(2008) 2177} WERREJ 1 Introduzzjoni 3 Nippreparaw liż-żgħażagħ għas-Seklu 21 3 L-għan ta' din il-Komunikazzajoni 4 2. L-iffokar fuq il-kompetenzi 5 L-implimentar ta' kompetenzi ewlenin 5 Il-Ħila tal-Kitba u l-Qari u l-Matematika 6 Strateġiji personalizzati għat-tagħlim 6 Evalwazzjoni ta' riżultati tat-tagħlim 6 3 Tagħlim ta' kwalità għolja għal kull student/a 7 Opportunitajiet bikrin għal tagħlim aħjar 8 Promozzjoni ta' l-ekwità tas-sistema 8 Tluq Bikri mill-Iskola 9 Bżonnijiet Speċjali fl-Edukazzjoni 10 Żvilupp fl-iskola 10 4 L-Għalliema u l-persunal ta' l-iskola 11 Il-Kompetenzi u l-Kwalifiki ta' l-Għalliema 11 It-Tmexxija ta' l-Iskola 11 5 Konklużjoni 12 KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPREW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Titjib tal-kompetenzi għas-Sekluº21: Aġenda għall-Kooperazzjoni Ewropea dwar l-Iskola 1 INTRODUZZJONI Nippreparaw liż-żgħażagħ għas-Seklu 21 1.1 Tibdil ekonomiku u soċjali fl-Unjoni Ewropea jġib opportunitajiet u sfidi ġodda. Iż-żgħażagħ għandhom bżonn firxa usa ta’ kompetenzi aktar minn qatt qabel biex jikbru, f’ekonomija globalizzata u f’soċjetajiet dejjem aktar diversi. Ħafna se jkun jaħdmu f’impjiegi li għadhom ma jeżistux. Ħafna se jkollhom bżonn kapaċitajiet lingwistiċi, interkulturali u intraprenditorjali. It-teknoloġija se tkompli tibdel id-dinja f’modi li aħna ma nistgħux nimmaġinaw. Sfidi bħall-bidla fil-klima se jkunu jeħtieġu adattament radikali. F’din id-dinja li dejjem qed issir aktar kumplessa, il-kreattività u l-abbiltà biex tkompli titgħallem u tinnova se jiswew daqs, jekk mhux aktar minn, oqsma speċifiċi ta’ l-għarfien li jistgħu ma jibqgħux jintużaw. It-tagħlim tul il-ħajja għandu jkun in-norma. 1.2 Il-Kunsill Ewropew enfasizza ħafna draba r-rwol ewlieni ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ għat-tkabbir tal-futur, il-kompetittività għal perjodu ta’ żmien twil u l-koeżjoni soċjali ta’ l-Unjoni. Biex wieħed jikseb dan huwa kruċjali li wieħed jiżviluppa b’mod sħiħ il-potenzjal għall-innovazzjoni u l-kreattività taċ-ċittadini Ewropej. L-element ta’ l-edukazzjoni tat-triangolu ta’ l-għarfien "riċerka-innovazzjoni-edukazzjoni" għandu jissaħħaħ, u jibda minn kmieni – fl-iskejjel. Il-kompetenzi u d-drawwiet tat-tagħlim miksuba fl-iskola huma essenzjali għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ġodda għal impjiegi ġodda aktar tard fil-ħajja. 1.3 Il-Kummissjoni ddikkjarat[1] li biex ittejjeb il-benessri quddiem l-isfidi tas-Sekluº21 teħtieġ strateġija ġdida ċċentrata fuq li tipprovdi liċ-ċittadini b’ opportunitajiet adegwati għas-sodisfazzjon personali, aċċess għall-edukazzkoni, impjiegi, kura tas-saħħa u ħarsien soċjali, f’kuntest ta’ solidarjetà , koeżjoni soċjali u sostenibbiltà. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni identifikat bħala prijorità ewlenija li tinvesti fiż-żgħażagħ. 1.4 Il-Kunsill ikkonkluda[2] li t-tkabbir u l-prosperità ta’ l-Ewropa jiddependu fuq parteċipazzjoni attiva miż-żgħażagħ kollha. Il-kisba tat-tfal fl-edukazzjoni obbligatorja għandha impatt qawwi dirett fuq il-parteċipazzjoni soċjali aktar ’il quddiem, aktar edukazzjoni u taħriġ, u pagi. Madankollu, l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja fl-iskola mhux ugwali, għalhekk is-sitemi ta’ edukazzjoni ta’ spiss iħalltu l-inugwaljanzi soċjo-ekonomiċi. 1.5 Il-Ministri ta’ l-Edukazzjoni wiegħdu li jtejbu l-kwalità u l-ekwità tas- sistemi ta’ l-edukazzjoni[3]. Il-Kunsill adotta tliet punti ta’ referenza għall-2010 li jirrelataw direttament ma’ l-edukazzjoni fl-iskola (dwar żgħażagħ li jitilqu mill-iskola kmieni, il-kapaċità ta’ qari u t-tlestija ta' l-edukazzjoni sekondarja ogħla ). Iżda l-progress mhux biżżejjed. Għal din ir-raġuni, il-Kunsill Ewropew ħeġġeġ lill-Istati Membri biex inaqqsu b’mod sostanzjali l-għadd ta’ żgħażagħ li ma jafux jaqraw sew u l-għadd ta’ żgħażagħ li jitilqu mill-iskola kmieni, u biex itejbu l-kisba ta’ studenti li ġejjin minn ambjent ta’ migrazzjoni jew ta’ żvantaġġi oħrajn[4]. 1.6 Fir-reviżjonijiet annwali tal-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali ta’ Liżbona, il-Kummissjoni għamlet rakkomandazzjonijiet lil diversi Stati Membri biex itejbu aspetti speċifiċi tas-sistemi edukattivi fl-iskola tagħhom. L-Iskop ta’ din il-Komunikazzjoni 1.7 L-isfida li qed tiffaċċja l-UE, allura, hi li ssaħħaħ ir-riforma ta’ sistemi ta’ l-iskola biex kull żgħażugħ ikun jista’ jiżviluppa l-potenzjal tiegħu/tagħha kollu, permezz ta’ aċċess imtejjeb u opportunitajiet, biex isir/issir parteċipant/a attiv/a fl-iżvilupp ta’ l-ekonomija ta’ l-għarfien, u biex tissaħħaħ is-solidarjetà soċjali. 1.8 L-Istati Membri huma responsabbli għall-organizzazzjoni u l-kontenut ta’ edukazzjoni u taħriġ. Is-sistemi diversi ta’ l-iskola ta’ l-Ewropa, imwaqqfa fuq valuri komuni, fihom ospitazzjoni ta’ prattiċi innovattivi u eċċellenti. Għandna nagħmlu użu aħjar minn din id-diversità. 1.9 Ħafna mill-Istati Membri issa għandhom strateġiji ta’ tagħlim tul il-ħajja li fihom l-edukazzjoni fl-iskola hi ċentrali[5]. Huma qed jaħdmu flimkien b’mod aktar intensiv fuq kwistjonijiet ta’ politika ta’ l-iskola. Ir-rwol ta’ l-Unjoni hu li tappoġġjahom billi tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u prassi tajba. Il-kooperazzjoni tibni wkoll fuq 20ºsena esperjenza taħt il-Programm ta’ Tagħlim tul il-Ħajja u l-predeċessuri. Fil-kuntest ta’ dan ix-xogħol konġunt kontinwu, il-Kummissjoni fl-2007 għamlet konsultazzjoni pubblika dwar l-‘Iskejjel għas-Sekluº21’[6]. 1.10 L-Istati Membri qed jirrikonoxxu dejjem iżjed il-benefiċċji ta’ kooperazzjoni biex jindirizzaw sfidi komuni kif ippruvat bir-Rakkomandazzjonijiet dwar l-Evalwazzjoni ta’ Kwalità fl-Edukazzjoni fl-Iskola[7] u Kompetenzi Ewlenin[8], u Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Effiċjenza u l-Ekwità[9] u t-Titjib tal-Kwalità ta’ l-Edukazzjoni ta’ l-Għalliema[10]. 1.11 Il-Kummissjoni temmen li, minħabba n-natura komuni ta’ ħafna mill-isfidi li qed jiffaċjaw is-sistemi ta’ l-iskola u l-importanza ta’ dawn il-kwistjonijiet għall-futur soċjo-ekonomiku ta’ l-Unjoni, l-edukazzjoni fl-iskola għandha tinżamm prijorità ewlenija għaċ-ċiklu li jmiss tal-proċess ta’ Liżbona. 1.12 Għal din ir-raġuni, din il-Komunikazzjoni tagħmel użu mir-risposti lill-konsultazzjoni pubblika ta’ l-2007 tal-Kummissjoni, xogħol reċenti minn ‘gruppi’ ta’ tagħlim bejn pari ta’ l-esperti ta’ l-Istati Membri[11], u l-aħħar statistiċi u riċerka internazzjonali, biex tipproponi aġenda biex issaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea dwar l-iskejjel[12] billi tidentifika s-sistemi ta’ l-isfidi maġġuri li jistgħu jiġu ttrattati l-aħjar b’kooperazzjoni tali. Dawn jinqasmu fi tliet oqsma : - L-iffokar fuq il-kompetenzi - Tagħlim ta' kwalità għolja għal kull student/a - L-Għalliema u l-persunal ta' l-iskola 2. L-IFFOKAR FUQ IL-KOMPETENZI L-implimentar tal-kompetenzi ewlenin 2.1 Il-Kunsill saħaq fuq il-ħtieġa li jgħammar in-nies b’ ‘kapaċitajiet ġodda għal impjiegi ġodda’ u biex jgħolli l-livelli tal-kapaċitajiet ġenerali, billi jipprovdi ‘bidu u kontinwazzjoni ta’ edukazzjoni u taħriġ għal kapaċitajiet u kompetenzi ta’ l-ogħla kwalità, anke eċċellenza, sabiex iżommu u jsaħħu l-kapaċità tagħhom għal innovazzjoni li hi meħtieġa għal aktar kompetittività, tkabbir u impjiegi’[13]. 2.2 It -tendenza fil-kurrikuli ta’ l-iskola qegħda biex tgħin l-istudenti jiksbu l-għarfien u l-kapaċitajiet u l-attitudnijiet meħtieġa biex japplikawhom f’sitwazzjonijiet ta’ ħajja reali. Il-Qafas Ewropew ta’ Kompetenzi Ewlenin[14] jiddeskrivi l-għarfien, il-kapaċitajiet u l-attitudnijiet meħtieġa għal ħajja ta’ suċċess f’soċjeta’ ta’ tagħrif. Huwa bażi għal strateġija koerenti għal żvilupp ta’ kompetenza, fl-iskola u f’taħriġ vokazzjonali. 2.3 Biex jiksbu l-kompetenzi, l-istudenti jeħtieġu, minn stadju bikri, li ‘jitgħallmu kif jitgħallmu’ billi jirriflettu b’mod kritiku fuq il-miri tat-tagħlim tagħhom, jimmaniġġjaw it-tagħlim tagħhom b’dixxiplina magħhom infushom, jaħdmu b’mod awtonomu u kollaborattiv, ifittxu informazzjoni u appoġġ fejn meħtieġ, u jużaw l-opportunitajiet kollha ta’ teknoloġiji ġodda. 2.4 Ir-risposti tal-konsultazzjoni ta’ l-iskola sejħu għal ambjent ta’ tagħlim aktar flessibbli li jgħin l-istudenti jiżviluppaw firxa ta’ kompetenzi, filwaqt li jżommu bażi fil-kapaċitajiet fundamentali. L-istrateġiji proposti nkludew pedagoġiji ġodda, strateġiji li jinfirxu fost il-kurrikuli biex jissupplimentaw tagħlim ta’ suġġett wieħed, u aktar involviment ta’ studenti fit-tfassil tat-tagħlim tagħhom stess. 2.5 Ir-riforma kurrikulari biex ittejjeb il-kompetenzi teħtieġ strateġijia olistika, organizzazzjoni ta’ tagħlim fi ħdan u b’mod wiesa’ tas-suġġetti, kompetenzi tat-tagħlim b’mod espliċitu, taħriġ ġdid għall-għalliema u strateġiji didattiċi, u, importanti ħafna, l-involviment ta’ l-għalliema, l-istudenti u ta’ atturi oħra b’mod sħiħ. Bl-istess mod, l-iskejjel għandhom jippromwovu s-saħħa u l-benessri ta’ l-istudenti u l-persunal, u ċ-ċittadinanza attiva (inkluża fil-kuntest Ewropew tagħha). L-akkwist ta’ firxa ta’ kompetenzi, ikluża l-edukazzjoni intraprenditorija[15] u l-lingwi, jistgħu jissaħħu f’ambjent ta’ skola fejn il-persunal u l-istudenti huma mħeġġa biex ikunu innovattivi u kreattivi. Il-Ħiliet bażiċi fil-kitba u fil-Għadd 2.6 Il-ħiliet bażiċi fil-kitba u fil-għadd huma komponenti tal-kompetenzi ewlenin. Huma fundamentali għal aktar tagħlim, iżda l-prestazzjoni fl-UE qegħda tmur għall-agħar. Il-punt ta’ referenza ta’ l-UE sa l-2010 se jnaqqas il-proporzjon ta’ dawk li għandhom 15-il sena b'livell baxx ta' ħila fil-qari għal 17º%. Madankollu, ir-rata fil-fatt żdiedet minn 21.3º% fl-2000 għal 24.1º% fl-2006. Barra minn hekk, kważi d-doppju tas-subien għandhom kapaċitajiet ta’ livell baxx fil-qari meta mqabbla mal-bniet: 17.6º% ta’ tfajliet ta’ 15-il sena u 30.4º% ta’ ġuvintur ta’ 15-il sena. It-tnaqqis fil-ħila bażika tal-qari għandu jitreġġa’ lura b’mod urġenti. Dan jirrappreżenta waħda mill-isfidi ewlenin li qed jiffaċċjaw l-iskejjel Ewropej bħalissa. 2.7 Il-ħila bażika tal-qari tiddependi fuq diversi fatturi: kultura ta’ qari fil-familja, il-lingwa tad-dar, għażla ta’ pedagoġiji tal-ġenituri u ta’ l-iskola, u l-impatt ta’ kultura ta’ multimedja bbażata fuq l-immaġni. Prattika tajba ta’ politika tinkludi l-politika tal-ħiliet bażiċi fil-kitba fil-familja; Għajnuna speċjalizzata bikrija minn edukazzjoni li tingħata qabel il-primarja ’l quddiem; Strateġiji nazzjonali ta’ ħiliet bażiċi fil-kitba u miri; u titjib fl-infrastruttura tal-ħiliet bażiċi fil-kitba (libreriji, materjal tal-klassi). 2.8 Il-kompetenzi fil-ħiliet bażiċi tal-matematika u diġitali u fehim tax-xjenza huma wkoll importanti ħafna għal parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà ta’ l-għarfien u għall-kompetittività ta’ ekonomiji moderni. L-ewwel esperjenzi tat-tfal huma kruċjali, iżda l-istudenti jkunu ta’ spiss ħafna anzjużi dwar il-matematika u xi uħud jiddisturbaw l-għażliet tat-tagħlim tagħhom biex jevitawha. Strateġiji differenti tat-tagħlim jistgħu jtejbu l-attitudnijiet, jgħollu l-livelli ta’ kisba, u jiftħu possibiltajiet ġodda ta’ tagħlim.[16] Strateġiji personalizzati għat-tagħlim 2.9 Il-ħtiġijiet ta’ kull student/a jvarjaw. Kull klassi hija post ta’ diversità: ta’ sess, gruppi soċjo-ekonomiċi, kapaċità jew diżabilità, lingwi nattivi u stili ta’ tagħlim. It-titjib fil-kompetenzi jfisser tagħlim lill-istudenti b’mod aktar personalizzat. 2.10 It-tfassil ta’ tagħlim aħjar għall-ħtiġijiet ta’ kull tifel/tifla jista’ jżid l-interess ta’ l-istudent/a u l-impenn fl-attivitajiet tat-tagħlim u jtejjeb ir-riżultati tagħhom, iżda l-benefiċċji tiegħu għandhom jilħqu lill-istudenti kollha b’mod ġust. 2.11 L-identifikazzjoni bikrija ta’ diffikultajiet individwali u strateġiji komprensivi preventivi fl-iskola huma l-aktar modi importanti biex jonqos l-għadd ta’ studenti li jitilqu mill-iskola kmieni. L-għalliema jeħtieġu taħriġ speċifiku biex jaħdmu b’mod effettiv fi klassijiet diversi. Edukazzjoni aktar flessibbli u mogħdijiet ta’ taħriġ jistgħu jiffaċilitaw it-tkomplija ta’ l-iskola u jiżguraw li l-istudenti kollha huma preparati għal tagħlim tul il-ħajja. Evalwazzjoni ta' riżultati tat-tagħlim 2.12 Ir-riċerka turi li t-tfassil tal-valutazzjoni b’mod espliċitu għall-promozzjoni tat-tagħlim hu wieħed mill-aktar għodod b’saħħithom biex jgħolli l-livelli, b’mod partikulari fost studenti b’livell baxx, u biex l-istudenti jibqgħu jitgħallmu tul il-ħajja. Madankollu, l-evalwazzjoni tintuża ta’ spiss biss biex tagħti grad lill-istudenti, u mhux biex tgħinhom imorru aħjar; it-testijiet mhux dejjem janalizzaw x’kompetenzi jistgħu jużaw l-istudenti, iżda informazzjoni li huma jistgħu jiftakru biss. 2.13 It-titjib fil-kompetenzi jimplika użu aktar estensiv ta’ evalwazzjoni kostruttiva tal-prattiki[17] biex tidentifika u tindirizza problemi minn kmieni, u l-iżvilupp ta’ tekniki aktar sofistikati ta’ evalwazzjoni ta’ tagħlim li tiġbor fil-qosor l-iżvilupp ta’ l-istudenti fi żmien partikolari[18] bbażata fuq livelli miftiehma għar-riżultati tat-tagħlim. L-għalliema għandhom awtonomija konsiderevoli fl-evalwazzjoni ta’ l-istudenti; it-taħriġ tagħhom jeħtieġ jindirizza dawn il-kwistjonijiet. Biex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentar tar-Rakkomandazzjoni dwar Kompetenzi Ewlenin għal Tagħlim Tul il-Ħajja, il-Kummissjoni tipproponi li tiffoka kooperazzjoni futura fuq: - l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ azzjoni biex jiżdiedu l-livelli tal-ħiliet bażiċi fil-qari u l-għadd, inkluż l-użu li tiġi stipulata mira; - Tisħiħ ta’ kompetenzi trasversali kif ukoll bbażati fuq suġġett, b’mod partikolari li titgħallem kif titgħallem; kif ukoll - Adozzjoni ta’ strateġija komprensiva għall-iżvilupp kompetenti, li tiġbor fiha l-kurrikuli, materjal tat-tagħlim, taħriġ personalizzat, u tekniċi ta’ evalwazzjoni. 3 TAGħLIM TA' KWALITÀ GħOLJA GħAL KULL STUDENT/A 3.1 Li ż-żgħażagħ kollha jkunu pprovduti b’firxa sħiħa ta’ kompetenzi għall-ħajja hi sfida ta’ ekwità. L-ebda sistema ta’ skola ma tipprovdi eżattament l-istess opportunitajiet edukattivi għall-istudenti kollha. Id-differenza fil-kwalità bejn l-iskejjel għandha tispiċċa. Riċerka reċenti turi li varjazzjoni baxxa fir-riżultati ta’ l-istudent/a jistgħu jmorru flimkien ma’ medja għolja ta’ riżultati, u tissuġġerixxi li dawk li jfasslu l-politika għandhom inaqqsu d-differenzi u jtejbu l-parteċipazzjoni billi jimmiraw lejn dawk b’livelli ta’ kapaċitajiet aktar baxxi. Il-punt ta’ referenza ta’ l-UE hu li sa l-2010 minn-inqas 85º% taż-żgħażagħ ikunu komplew l-edukazzjoni sekondarja għolja. Ir-rata tal-medja ta’ l-2007 għal dawk li għandhom bejn l-20 u l-24 hi ta’ 78.1º%, titjib ta’ 1.5º% punti perċentwali biss mill-2000. 3.2 Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 ikkonkluda li r-riformi jridu jitħaffu biex jiġu żgurati sistemi ta’ kwalità għolja ta’ edukazzjoni u taħriġ li jkunu kemm effiċjenti kif ukoll ġusti[19]. Tibqa’ l-ħtieġa li jkun hemm fehim aħjar, u tonqos, il-korrelazzjoni bejn l-ambjent soċjo-ekonomiku ta’ l-istudenti u r-riżultati edukattivi. 3.3 Ir-risposti għall-konsultazzjoni ta’ l-iskola enfasizzaw l-importanza ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim minn kmieni u tas-sistemi inklużivi ta’ l-iskola li jintegraw l-istudenti minn kull ambjent fl-edukazzjoni ewlenija, filwaqt li jagħtu għajnuna addizzjonali lil studenti żvantaġġati jew lil dawk bi bżonnijiet speċjali. Opportunitajiet bikrin għal tagħlim aħjar 3.4 Edukazzjoni li tingħata qabel ma tibda l-iskola tista’ tnaqqas żvantaġġi edukattivi ta’ tfal li ġejjin minn ambjenti b’ salarju baxx u ta’ minoranza. Din tista’ ssaħħaħ it-tagħlim tal-lingwa li jitgħallmu biha jew tat-tieni lingwa. Strateġiji bikrin, intensivi, multi-sistematiċi joffru riżultati impressjonanti fuq medda twila ta’ żmien u jistgħu jġibu l-ogħla rati ta’ riżultati matul il-proċess sħiħ ta’ tagħlim tul il-ħajja, speċjalment għal dawk l-aktar żvantaġġati. Hemm evidenza li edukazzjoni li tingħata qabel il-primarja ttejjeb il-kisba medja tat-tfal, l-attenzjoni, u l-parteċipazzjoni fil-klassi fl-iskola primarja. Edukazzjoni bikrija tat-tfal għandha tiffoka mhux biss fuq prestazzjoni akkademika iżda wkoll fuq kura soċjali u emozzjonali u għandha tkun artikolata b’servizzi soċjali aktar wesgħin. Il-persunal jeħtieġ taħriġ speċjalizzat u kwalifiki. 3.5 L-Istati Membri għandhom tendenza jiġġeneralizzaw l-edukazzjoni u l-kura li tingħata qabel il-primarja. Il-Kunsill Ewropew fl-2002 qabel li l-Istati Membri għandhom jipprovdu kura tat-tfal għal ta’ l-anqas 90º% tat-tfal bejn it-tliet snin u l-età mandatorja ta’ l-iskola u għal ta’ l-anqas 33º% tat-tfal taħt l-età ta’ tliet snin[20]. Bejn l-2000 u l-2005, il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni minn tfal li għandhom erba’ snin żdiedet b’madwar 3ºpunti perċentwali għal aktar minn 85º%, iżda d-differenzi jibqgħu kbar. minn aktar minn 99º% f’ċerti pajjiżi għal inqas minn 50º% f’oħrajn[21] It-titjib fil-provvediment ta’ l-edukazzjoni qabel ma tibda l-iskola u ta’ aċċess usa’ għalih huma potenzjalment l-aktar kontribut importanti li s-sistemi ta’ l-iskola jistgħu jagħmlu biex itejbu l-opportunitajiet għal kulħadd u jiksbu l-miri ta’ Liżbona. Promozzjoni ta' l-ekwità tas-sistema 3.6 Ir-riċerka tindika li l-aktar sistemi ta’ suċċess ta’ l-edukazzjoni ta’ l-iskola jibnu aspettattivi għoljin għall-istudenti kollha, b’mod partikolari dawk li ma jesperjenzawx aspettattivi għoljin id-dar. Is-sistemi għandhom ifittxu li jiżguraw li l-ebda ‘falliment’ ma jkun jidher bħala definittiv u li l-ebda student/a ma jitlaq/titlaq mill-iskola bit-twemmin li hu jew hi ‘mhux kapaċi’ jitgħallmu. 3.7 Politika li tfittex li tiżgura mogħdijiet ta’ tagħlim flessibbli skond il-ħtiġijiet ta’ kull individwu, tista’ tgħin biex tippromwovi l-ekwità tas-sistema. Dan jimplika li jitneħħew “it-trejqat li ma jinfdux” fil-mogħdijiet tat-tagħlim, sistema ta’ gwida aktar imsaħħa u possibiltajiet aħjar li jittrasferixxu bejn livelli differenti ta’ l-edukazzjoni u bejn il-linji differenti (eż. bejn l-edukazzjoni vokazzjonali u dik ta’ livell ogħla). 3.8 Il-Kunsill innota li hemm evidenza minn riċerka li tissuġġerixxi li, f’ċerti każi, li differenza li ssir bejn l-istudenti f’età wisq bikrija fi skejjel separati ta’ tipi differenti fuq il-bażi ta’ kapaċità jista’ jkollha effetti negattivi fuq il-kisbiet ta’ studenti żvantaġġati”[22]. Il-biċċa l-kbira mill-evidenza disponibbli tindika li l-intraċċar minn kmieni f’tipi ta’ skejjel differenti jista’ jiggrava d-differenzi fil-kisba edukattiva ta’ l-istudenti minħabba l-ambjent soċjali. Dan hu fenomenu kumpless u hemm skop għal kooperazzjoni ta’ l-Istat Membru biex jidentifika l-aħjar taħlita ta’ miżuri ta’ politika biex jindirizzaha. 3.9 F’xi sistemi ta’ l-iskola, sa 25º% ta’ l-istudenti jirrepetu s-sena f’xi perjodu, filwaqt li f’oħrajn din rari tiġri. Din hija teknika li tħallas prezz għoli. Filwaqt li xi uħud li jirrepetu s-sena jlaħħqu ma dak li tilfu, il-maġġoranza vasta jibqgħu fejn ikunu. Rati ta’ repetizzjoni huma sinifikament ogħla għal tfal minn gruppi soċjo-ekonomiċi anqas żvantaġġati u l-kisba fuq medda ta’ żmien twil ta’ dawk li jirrepetu s-sena ta’ spiss huma anqas għal studenti dgħajfin li ma rrepetewx. Xi pajjiżi minflok jużaw analiżi kostruttiva tal-prattiki flimkien ma’ intervenzjonijiet qosra, intensivi jew lezzjonijiet individwali mal-persunal li jagħti l-għajnuna. L-għalliema jeħtieġu t-taħriġ f’tekniċi bħal dawn. 3.10 Żvantaġġ minħabba ċirkostanzi personali, soċjali jew ekonomiċi jista’ jfixkel l-edukazzjoni tat-tfal u hu sfida ċentrali għas-sistemi ta’ l-iskola ta’ l-UE. Il-faqar jagħmel ħsara għall-iżvilupp konjittiv ta’ l-individwi, u fl-aħħar mill-aħħar, il-kisbiet akkademiċi tagħhom. Tfal żvantaġġati aktarx li għandhom possibbiltà inqas li jmorru tajjeb fl-iskola, ikunu f’saħħithom, jintegraw fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà, u li joqogħdu ’l bogħod mis-sistema ta’ ġustizzja kriminali[23]. L-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw l-istudenti minn ambjent ta’ migrazzjoni huma indirizzati f’dokument separat tal-Kummissjoni[24]. 3.11 L-iskola weħedha ma tistax tikkumpensa għall-iżvantaġġ soċjali ta’ l-istudenti. Is-soluzzjonijiet jeħtieġu sħubiji li jinvolvu l-familji, is-servizzi soċjali, muniċipalitajiet, u s-servizzi tas-saħħa, sabiex iwaqqfu t-trasmissjoni tal-faqar u l-esklużjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss. 3.12 Skejjel b’rati għoljin ta' kemm studenti ma jkomplux għandhom tendenza li jkollhom rata għolja ta’ għalliema, li jistgħu jiggravaw il-problemi tagħhom. Il-Ministri qablu li l-għoti ta' tagħlim ta' kwalità għolja f'żoni żvantaġġati għandu jitħeġġeġ b'mod partikolari[25]. Għajnuna finanzjarja lill-iskejjel li jattiraw studenti żvantaġġati jistgħu jnaqqsu d-differenzi fil-kompożizzjoni soċjali ta’ l-iskejjel. Tluq Kmieni mill-Iskola 3.13 It-Tluq kmieni mill-iskola (ESL) ifisser potenzjal moħli. Għandu spejjeż soċjali (ħsara soċjali, żieda tad-domanda dwar is-sistema tas-saħħa, u koeżjoni soċjali aktar baxxa) u spejjeż ekonomiċi (produttività aktar baxxa, dħul baxx tat-taxxa u ħlasijiet ogħla ta’ benesseri). L-ispejjeż għall-individwu jinkludu n-nuqqas ta’ kapaċitajiet, il-qgħad, dħul inqas matul il-ħajja, inqas parteċipazzjoni fit-tagħlim aktar tard fil-ħajja, u l-adattabilità inqas għall-bidla. 3.14 Fir-rapport ta’ Liżbonaº2007 dwar it-Tkabbir u l-Impjiegi, il-Kummissjoni għamlet rakkomandazzjonijiet lil diversi Stati Membri biex itejbu l-prestazzjoni tagħhom billi jnaqqsu l-ESL. Filwaqt li r-rati ta’ l-ESL ta’ l-Istati Membri ivarjaw b'mod konsiderevoli, ir-rabta ma l-iżvantaġġ huwa dejjem ċar. Tfal minn familji li għandhom żvantaġġi soċjali multipli jkollhom rappreżentanza żejda fost dawk li jirtiraw mill-iskola fil-pajjiżi kollha[26], bħal dawk fl-aktar żoni żvantaġġati. 3.15 Żieda fl-isforz tal-politika u r-riżorsi permezz tal-Fondi Strutturali Ewropej qed ittejjeb is-sitwazzjoni, iżda l-progress hu bil-mod wisq. Il-punt ta’ referenza ta’ l-UE hu li sa l-2010 medja ta' mhux aktar minn 10º% taż-żgħażagħ għandhom jitilqu mill-iskola kmieni. Fl-2007 ir-rata medja ta' l-UE għal dawk li għandhom bejn it-18 u l-24ºsena kienet għadha 14º8%, 2.8ºpunti perċentwali inqas mill-2000. Il-Ministri fl-2008 iddiskutew miżuri biex jikkumbattu l-irtirar mill-iskola, inklużi: it-tisħiħ tal-kompetenzi ta’ l-istudenti l-ġodda fil-lingwa li jitgħallmu biha u kapaċitajiet oħrajn sabiex jilħqu l-livell ta’ sħabhom; identifikazzjoni minn kmieni ta' dawk li qegħdin f’riskju u t-trawwim ta’ kollaborazzjoni bejn il-ġenituri u l-għalliema; ikunu pprovduti attivitajiet wara l-ħin ta’ l-iskola; u t-titjib fil-kontinwità ta’ għajnuna waqt it-tranżizzjoni minn livell wieħed ta’ l-iskola għal dak li jmiss. 3.16 Filwaqt li skejjel li jagħtu ‘t-tieni ċans’ huma importanti, jeħtieġ ukoll li jkun hemm kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn l-edukazzjoni ġenerali u vokazzjonali u setturi ta’ taħriġ, u azzjoni biex l-iskejjel ewlenin ikunu aktar attraenti. Bżonnijiet Speċjali fl-Edukazzjoni 3.17 Studenti bi bżonnijiet speċjali fl-edukazzjoni għandhom tendenza li jkunu favur l-edukazzjoni inklużiva, u strateġiji inklużivi jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-istudenti kollha[27]. Minkejja l-intenzjonijiet politiċi qawwija, aktar minn 2º% ta’ l-istudenti ta’ l-UE għadhom qed jiġu mgħallma f’ambjenti seggregati minħabba l-bżonnijiet speċjali tagħhom fl-edukazzjoni. 3.18 Il-kisba ta’ l-inklużjoni filwaqt li tingħata għajnuna lil dawk bi bżonnijiet speċifiċi timplika politika li trid terġa' tinħaseb għall-organizzazzjoni ta’ għajnuna fit-tagħlim, titjib fil-kollaborazzjoni bejn l-iskejjel u servizzi oħrajn, u l-implimentazzjoni tat-tagħlim personalizzat. Għajnuna f’waqtha u flessibbli tista’ tgħin lil dawk li għandhom diffikultajiet temporanji jew ta’ addattament biex ilaħħqu mat-tagħlim, aktar milli jittrasferuhom f’ambjent seggregat. Żvilupp fl-iskola 3.19 L-iskejjel jeħtieġu li jkunu kapaċi li jadattaw b’mod kontinwu għall-ambjent tagħhom li dejjem jinbidel, u għall-ħtigijiet ta’ tibdil ta’ l-istudenti, il-persunal u l-ġenituri, l-imsieħba tagħhom ewlenin. 3.20 F’ħafna pajjiżi, ir-rwol ta’ l-ispezzjoni fl-iskola qed jinbidel minn wieħed ta’ kontroll, għal dak ta’ titjib fl-għajnuna u fl-inċitament. In-netwerk ta’ l-iskola (eż. Sħubiji ta’ l-iskola fil-Comenius, jew eTwinning) jista’ jaċċelera l-innovazzjoni. L-awto-evalwazzjoni sistematika u ċiklika hi effettiva biex tgħin l-iskejjel jidentifikaw id-direzzjonijiet għall-bidla. Il-Kunsill ikkonkluda li l-iskejjel għandhom jiżviluppaw bħala ‘komunitajiet tat-tagħlim’[28]. Aktar skejjel qed jiftħu l-faċilitajiet tagħhom għal komunità lokali aktar wiesgħa, u qed jiżviluppaw relazzjonijiet aktar mill-qrib ma’ l-impriża lokali. 3.21 Varjetà wiesgħa ta’ riformi ġiet implimentata reċentament fl-Ewropa biex iżżid l-awtonomija ta’ l-iskejjel. Jeħtieġ li jsir aktar xogħol fuq il-benefiċċji ta’ kwalità ta’ tipi differenti ta’ l-awtonomija, ir-relazzjonijiet tagħhom mal-prestazzjoni ta’ l-istudent/a, l-eżamijiet esterni, il-kontabilità u l-għażla u kif iż-żieda fl-awtonomija tista’ ssir biex isservi l-ekwità tas-sistema. Biex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-effiċjenza u l-ekwità fl-edukazzjoni u t-taħriġ, il-Kummissjoni tipproponi li tiffoka l-kooperazzjoni futura fuq: - li tiġġeneralizza aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja li tingħata qabel ma tibda l-iskola; - li tkejjel u ttejjeb l-impatt ta’ ekwità tas-sistemi ta’ l-edukazzjoni ta’ l-iskola, u tnaqqas id-differenzi fil-kwalità bejn l-iskejjel; - li tiżgura li s-sistemi ta’ l-iskola jiffaċilitaw tranżizzjonijiet ta’ suċċess bejn livelli u tipi ta’ skola differenti, u f’aktar edukazzjoni u taħriġ; - li tnaqqas it-tluq bikri mill-iskola; kif ukoll - li tipprovdi aktar għajnuna f’waqtha u strateġiji ta’ tagħlim personalizzat fl-iskola ewlenin għal studenti bi bżonnijiet speċjali. 4 L-GħALLIEMA U L-PERSUNAL TA' L-ISKOLA Il-Kompetenzi u l-Kwalifiki ta' l-Għalliema 4.1 Il-kwalità ta’ l-għalliem hi l-aktar importanti fil-fattur ta’ l-iskola li jaffetwa l-prestazzjoni ta’ l-istudenti. B’hekk, hi importanti ħafna għall-ksib tal-miri ta’ Liżbona. Il-professjoni għandha persentaġġ għoli ta’ ħaddiema anzjani; xi 30º% ta’ l-għalliema għandhom ’il fuq minn 50ºsena, u madwar żewġ miljuni se jeħtieġu li jkunu mibdula fil-15-il sena li ġejjin biex jinżamm l-għadd ta’ għalliema impjegati. Il-persunal jeħtieġ il-kapaċità biex jagħti lil kull student/a opportunitajiet adegwati biex jiksbu l-kompetenzi meħtieġa f’ambjent ta’ skola sikur u attraenti bbażat fuq rispett reċiproku u kooperazzjoni, li jippromwovi l-benesseri soċjali, fiżiku u mentali u fejn il-bullying u l-vjolenza ma jkunx hemm lok għalihom[29]. Iżda ħafna pajjiżi jirraportaw nuqqasijiet fil-kapaċitajiet tat tagħlim. Minkejja dan, inċentivi għal, u investiment, f'taħriġ u żvilupp kontinwu għadhom dgħajfa. Ġeneralment, il-ħin iddedikat fuq taħriġ fuq ix-xogħol huwa minimu u ħafna Stati Membri ma joffru l-ebda rapport sistematiku għal għalliema ġodda. 4.2 Il-Ministri qablu fl-2007 li jagħmlu l-professjoni ta’ l-għalliem għażla ta’ karriera aktar attraenti, u li jtejbu l-kwalità ta’ l-edukazzjoni ta’ l-għalliem u li jipprovdu edukazzjoni tal-bidu, għajnuna bikrija tal-karriera (bidu) u aktar żvilupp professjonali li hu kkoordinat, koerenti, b’riżorsi adegwati u assigurazzjoni ta’ kwalità. L-għalliema għandu jkollhom biżżejjed inċentivi matul il-karrieri tagħhom biex jirrevedu l-ħtiġijiet tagħhom tat-tagħlim u biex jiksbu tagħrif ġdid, kapaċitajiet u kompetenza, inkluż fil-lingwi. 4.3 Ir-risposti tal-konsultazzjoni ta’ l-iskola jenfasizzaw il-ħtieġa biex jitjieb il-bilanċ bejn it-teorija u l-prattika fil-bidu ta’ l-edukazzjoni ta’ l-għalliem, u biex jippreżentaw it-tagħlim bħala attività ta’ soluzzjoni tal-problemi u riċeka fl-azzjoni marbuta aktar mat-tagħlim u l-progress tat-tfal. Il-persunal għandu jkollu l-ħin għat-taħriġ u l-iżvilupp professjonali u dan għandu jkun akkreditat. F’xi pajjiżi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ l-għalliema, inkluża r-remunerazzjoni, kienu msemmija bħala l-kwistjonijiet ewlenin. 4.4 Riċerka reċenti turi li l-aqwa sistemi ta’ prestazzjoni ta’ l-edukazzjoni jattiraw l-aktar nies kapaċi fil-professjoni tat-tagħlim; jużaw proċessi effettivi biex jagħżlu l-applikanti t-tajbin biex isiru għalliema u biex jgħelbu prestazzjoni fqira; jadottaw strateġija ta’ karriera twila u prattika għall-edukazzjoni ta’ l-għalliem; u joħolqu ambjenti fl-iskola li fihom l-għalliema jitgħallmu minn xulxin. It-Tmexxija ta' l-Iskola 4.5 L-iskejjel huma organizzazzjonijiet li dejjem qed ikunu aktar komplessi u awtonomi. It-tmexxija effettiva tagħhom teħtieġ diversi kapaċitajiet. It-tendenza hi ta’ aktar stili kollaborattivi ta’ ġestjoni u tmexxija mqassma, marbuta aktar b’mod b’saħħtu mal-governanza ta’ l-iskola. Din teħtieġ aktar għalliema u nies li jħarrġu li kienu kapaċi jiżviluppaw il-kwalitajiet tagħhom tat-tmexxija[30]. Karigi ta’ mexxejja huma dejjem aktar onerużi; ħafna Stati Membri jesperjenzaw diffikultajiet fir-reklutaġġ ta’ amministraturi ta’ l-iskola. 4.6 Evidenza reċenti tissuġġerixxi li t-tmexxija ta’ l-iskola għandha terġa’ tiffoka fuq xogħolijiet li huma l-aktar effettivi fit-titjib tat-tagħlim ta’ l-istudent/a, li t-tqassim tax-xogħlijiet tat-tmexxija ta’ l-iskola jistgħu jtejbu l-effettività fl-iskola, li dawk involuti fit-tmexxija jeħtieġu taħriġ adegwat u preparazzjoni matul il-karrieri tagħhom, u li r-reklutaġġ u ż-żamma tal-kap ta’ l-iskola għandu jkun professjonalizzat[31]. Biex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-titjib tal-kwalità ta’ l-edukazzjoni ta’ l-għalliem, il-Kummissjoni tipproponi li tiffoka l-kooperazzjoni futura fuq: - li tiżgura li l-edukazzjoni inizjali ta' l-għalliema, l-iżvilupp tal-bidu u dak professjonali kontinwu huma kkoordinati, koerenti, għandhom riżorsi adegwati u assigurazzjoni ta’ kwalità; u li ttejjeb il-provvista, il-kwalità u t-teħid ta’ l-edukazzjoni ta’ l-għalliem fuq ix-xogħol; - tirrevedi r-reklutaġġ ta’ l-għalliem biex tattira l-aktar kandidati kapaċi, tagħżel l-aqwa applikanti, u tpoġġi għalliema tajbin fi skejjel li jippreżentaw sfida; kif ukoll - ittejjeb ir-reklutaġġ ta’ kapijiet ta’ l-iskola u tgħammarhom biex jiffokaw fuq it-titjib tat-tagħlim ta’ l-istudent/a u l-iżvilupp tal-persunal ta’ l-iskola. 5 KONKLUżJONI 5.1 Din il-Komunikazzjoni identifikat oqsma fejn il-bidla, xi kultant radikali, se tkun meħtieġa jekk l-iskejjel ta’ l-Ewropa bi ħsiebhom jattrezzaw liż-żgħażagħ b’mod sħiħ għall-ħajja f’dan is-seklu. Hemm firxa impressjonanti ta’ innovazzjoni u prassi ta’ politika eċċellenti fis-sistemi ta’ l-UE, iżda ta’ spiss ħafna tkun imsakkra wara l-fruntieri nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jikkapitalizzaw aħjar fuqha. 5.2 Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tipproponi aġenda għal kooperazzjoni dwar il-kwistjonijiet stabbiliti fit-tliet kaxxi tas-sommarju hawn fuq, b’attenzjoni partikolari dwar kif tista’ ttejjeb il-prestazzjoni dwar kwistjonijiet enfasizzati mill-Kunsill Ewropew, bħat-titjib fil-ħiliet bażiċi tal-kitba, l-estensjoni ta’ l-aċċess għal provvediment ta’ edukazzjoni li jingħata qabel ma tibda l-iskola. Skambji dwar din l-aġenda ta’ kooperazzjoni għandhom isiru permezz ta’ Metodu Miftuħ ta’ Koordinament fl-edukazzjoni u t-taħriġ u appoġġjati bil-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja, filwaqt li sfidi ewlenin għandhom ikunu enfasizzati fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali ta’ Liżbona ta’ l-Istati Membri. [1] COM(2007) 726 finali. [2] ĠU 2007/Ċ 282/12 ta’ l-24.11.2007. [3] ĠU 2006/C 298/03 tat-8.12.2006. [4] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzuº2008 para.º15. [5] COM(2007) 703 finali, para. 2.1. [6] SEC(2007) 1009. Ir-risposti ġew analizzati f’rapport separat disponibbli f’http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/consult/index_en.html u ġew imqassra fid-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff. [7] 2001/166/KE; ĠU L 60, 1.3.2001. [8] 2006/962/KE; ĠU L 394/10 tal-30.12.2006 [9] ĠU C 298/03 tat-8.12.2006. [10] ĠU C 300/07 tat-12.12.2007. [11] Dwar kompetenzi Ewlenin u riforma tal-kurrikulu; Għaliema u Dawk li Jħarrġu; Aċċess u inklużjoni soċjali; Matematika, Xjenza u Teknoloġija. [12] ‘Skola’ f’dan it-test tirreferi għal qabel il-primarja, primarja, istituzzjonijiet sekondarji ta’ livell aktar baxx u aktar għoli u wkoll għal istituzzjonijiet ta’ taħriġ vokazzjonali u għal istituzzjonijiet ta’ qabel l-iskola. Il-kwistjonijiet imsemmija hawn japplikaw ukoll fil-parti l-kbira għal edukazzjoni vokazzjonali tal-bidu, u għandha tkun riflessa fil-ħidma futura taħt il-Proċess ta’ Kopenhagen. [13] ĠU 2007/Ċ 290/01 ta’ l-4.12.2007. [14] Rakkomandazzjoni 2006/962/KE [15] Ara il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Inkattru l-inklinazzjonijiet intraprenditorjali bl-edukazzjoni u t-tagħlim COM(2006) 33 finali [16] Għajnuna għall-edukazzjoni tax-xjenza u l-matematika huwa għan tas-Seba’ Programm ta' Qafas ta' Riċerka ta’ l-UE; l-enfasi huwa fuq teknika ta’ tagħlim fl-iskola ibbażata fuq inkjesta- u problemi u fuq il-promozzjoni ta’ l-iskambju ta’ prassi tajba. [17] Evalwazzjoni li tipprovdi r-rispons użat biex tadatta t-tagħlim biex jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ l-istudenti u biex tgħin l-istudent jirrifletti fuq il-progress tiegħu/tagħha. [18] Tiġbor f’sommarju tagħlim li jkun sar fi żmien partikolari. [19] Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzuº2006. [20] Konklużjonijiet tal-Presidenza, il-Kunsill ta’ Barċellona ta’ Marzuº2002. [21] COM(2007) 703 finali. [22] ĠU C 298/3 tat-8.12.2006. [23] Il-Kunsill Ewropew, rapport Konġunt dwar il-ħarsien soċjali u l-inklużjoni soċjali 2007, p.5. [24] COM(2008)423 [25] ĠU C 298/3 tat-8.12.2006. [26] SEC(2007)1284 , para 1.1.2 [27] Edukazzjoni inklużiva u prassi tal-klassi fl-Edukazzjoni Sekondarja , Aġenzija Ewropea għal Żviluppi fl-Edukazzjoni tal-Bżonnijiet Speċjali, Rapport fil-Qosor, 2005. [28] ĠU C 300/07 tat-12.12.2007. [29] Ibid. [30] Grupp ta’ ‘Għaliema u Dawk li Jħarrġu’; Il-konklużjonijiet tal-politika ewlenija 2005 – 2007 [31] Titjib fit-Tmexxija ta’ l-Iskola, OECD 2008.