Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar proposti, f’isem il-Komunità Ewropea flimkien ma’ l-Istati Membri, għal emendi ta’ l-Anness I tal-Protokoll dwar Pollutanti Organiċi Persistenti (POPs) skond il-Konvenzjoni UN-ECE dwar it-Tniġġis Transkonfinali ta' l-Arja fuq Firxa Wiesa’ /* KUMM/2008/0413 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 1.7.2008 KUMM(2008) 413 finali RAKKOMANDAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Dwar proposti, f’isem il-Komunità Ewropea flimkien ma’ l-Istati Membri, għal emendi ta’ l-Anness I tal-Protokoll dwar Pollutanti Organiċi Persistenti (POPs) skond il-Konvenzjoni UN-ECE dwar it-Tniġġis Transkonfinali ta' l-Arja fuq Firxa Wiesa’ A. MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Il-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni UNECE dwar it-Tniġġis Transkonfinali ta’ l-Arja fuq Firxa Wiesa’ (CLRTAP) adotta l-Protokoll dwar il-POPs f'Ġunju 1998. Il-Protokoll dwar il-POPs attwalment jiffoka fuq lista ta' 16-il sustanza li tinkludi ħdax-il pestiċida, żewġ kimiki industrijali u tliet prodotti sekondarji aċċidentali. L-għan aħħari huwa l-eliminazzjoni ta’ kwalunkwe tnixxija, emissjoni u telf ta' dawn is-sustanzi POP. Il-Protokoll dwar il-POPs daħal fis-seħħ fit-23 ta' Ottubru 2003. 29 Partijiet, inklużi l-Komunità u 21 Stat Membru rratifikawh[1]. 2. Il-Kunsill adotta Deċiżjoni dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll fid-19 ta' Frar 2004[2]. L-istrument għall-approvazzjoni Komunitarja ġie ddepożitat fit-30 ta' April 2004. 3. Skond l-Artikolu 14 tal-Protokoll, kwalunkwe Parti tista' tipproponi emendi għall-Protokoll u l-annessi tiegħu. Il-Partijiet li jiltaqgħu fi ħdan il-Korp Eżekuttiv għandhom jiddiskutu l-emendi proposti u jadottawhom bil-kunsens tal-Partijiet preżenti fil-laqgħa. 4. Il-proposti biex jiġu emendati l-Annessi għall-Protokoll għandhom isiru biss f’isem il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, abbażi ta’ l-obbligu ta’ kooperazzjoni u unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-komunità li ġej mill-Artikolu 10 tat-Trattat tal-KE. 5. Bil-għan li jinbdew il-proċeduri lejn negozjati dwar emendi possibbli ta’ l-Annessi għall-Protokoll, il-Kummissjoni, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza Komunitarja, fl-2005 ppreżentat il-proposta lill-Korp Eżekuttiv, f’isem il-Komunità u flimkien ma' l-Istati Membri li huma Partijiet fil-Konvenzjoni, biex jiġu emendati l-Annessi rilevanti tal-Protokoll billi jiżdiedu s-sustanzi li ġejjin: Eżaklorobutadiene (HCBD); Eteru ta’ l-oktabromodifenil kummerċjali (c-OctaBDE); Pentaklorobenżin (PeCB); Naftalini poliklorinati (PCNs); Alkani klorinati bi ktajjen qosra (SCCPs); u sulfonat tal-Perfluworooktan (PFOS); 6. Skond it-tagħrif xjentifiku u r-rapporti ta’ reviżjoni disponibbli, l-endosulfan u t-trifluran juru karatteristiċi tal-POPs. Iż-żewġ sustanzi ġew evalwati skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti[3].B’riżultat ta’ dan, prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom l-endosulfan tneħħew totalment u definittivament sa Diċembru ta’ l-2007[4] u prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom it-trifluralin għandhom jitneħħew totalment u definittivament sa Diċembru ta’ l-2008[5].Minħabba l-possibilità tat-trasport ambjentali fuq firxa wiesgħa ta’ dawn il-kimiki, il-miżuri li ttieħdu f’livell nazzjonali jew Komunitarju mhumiex suffiċjenti biex jitħares livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u għalhekk hija meħtieġa azzjoni internazzjonali aktar wiesgħa.Is-sustanzi ġew innominati, mill-Komunità u mill-Istati Membri, fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar il-POPs fl-2007.Huwa għalhekk xieraq li l-Komunità u l-Istati Membri li huma Partijiet fil-Protokoll, jipproponu li jemendaw l-Annessi rilevanti għall-Protokoll billi jżidu dawn iż-żewġ sustanzi. B. RAKKOMANDAZZJONI Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tirrakkomanda li: Il-Kunsill jawtorizza, bil-għan li jinbdew il-proċeduri lejn negozjati dwar emendi possibbli ta’ l-Annessi għall-Protokoll UN-ECE dwar il-POPs, lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Korp Eżekuttiv tal-Protokoll dwar il-POPs, fil-ħin sabiex jiġu kkunsidrati sal-Laqgħa li jmiss tal-Korp Eżekuttiv f’Diċembru ta’ 2008, il-proposta, f’isem il-Komunità u flimkien ma’ l-Istati Membri li huma Partijiet fil-Konvenzjoni, biex jiġu emendati l-Annessi rilevanti għall-protokoll billi jiżdiedu s-sustanzi li ġejjin fl-Anness I: - Endosulfan - Trifluralin Il-Kummissjoni flimkien ma’ l-Istati Membri għandha tiżgura li t-tagħrif rilevanti favur il-proposti jiġi ppreżentat lill-Korp Eżekuttiv. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill, Il-President[pic][pic][pic] [1] Skond l-aġġornament l-aktar riċenti fit-18 Settembru 2007 mis-segretarjat tal-POPs. [2] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/259/KE tad-19 ta' Frar 2004 li għandha x'taqsam mal-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll tal-Konvenzjoni ta’ l-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfinali ta' l-Arja Li Jwassal Ħafna [fuq firxa wiesgħa] dwar Pollutanti Organiċi Persistenti, ĠU L81, 19.03.2004, p. 37. [3] ĠU L 230, 19.08.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/58/KE (ĠU L 246, 22.09.2005, p. 17). [4] ĠU L 317, 03.12.2005, p. 25. [5] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-20 ta' Settembru 2007 dwar in-noninklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza. ĠU L 255, 29.09.2007, p. 42.