Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u Llll-Kumitat tar-Reġjuni - Akkwist pubbliku għal ambjent aħjar {SEG(2008) 2124} {SEG(2008) 2125} {SEG(2008) 2126} /* KUMM/2008/0400 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 16.7.2008 KUMM(2008) 400 finali KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Akkwist pubbliku għal ambjent aħjar {SEG(2008) 2124} {SEG(2008) 2125} {SEG(2008) 2126} WERREJ 1. Daħla 3 1.1. Il-benefiċċji potenzjali ta' l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (GPP) 3 1.2. Sfond 3 1.3. Azzjoni fuq livell Ewropew 4 1.4. L-ostakli għall-GPP 5 2. Għanijiet 5 3. Approċċ komuni għall-GPP 6 3.1. Fil-kuntest tal-proċess ta' sejħa għall-offerti 6 3.2. Fil-kuntest ta' prestazzjoni ambjentali 6 4. Il-Kriterji Komuni għall-GPP 6 4.1. Il-proċess biex jiġu stabbiliti kriterji komuni għall-GPP 6 4.2. L-Iffissar tal-Prijoritajiet 8 5. Miri tal-GPP 9 5.1. Il-mira għall-GPP fl-Istrateġija mġedda għall-Iżvilupp Sostenibbli 9 5.2. Miri speċifiċi għall-GPP fl-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi ta' ffinanzjar ta' l-UE. 10 5.2.1. Akkwisti minn awtoritajiet ta' Stati Membri li jużaw il-fondi ta' l-UE 10 5.2.2 Akkwisti mill-Kummissjoni Ewropea 10 6. Miżuri obbligatorji potenzjali 10 7. Gwida 11 8. IL-GPP u l-innovazzjoni; 11 9. Akkwist privat aktar ekoloġiKU 12 10. Indikaturi għall-GPP – monitoraġġ u mmarkar - Skeda 12 11. Konklużjoni u t-triq 'il quddiem 13 1. DAħLA 1.1. Il-benefiċċji potenzjali ta' l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (GPP) Kull sena l-awtoritajiet pubbliċi Ewropej jonfqu l-ekwivalenti ta' 16% tal-Prodott Gross Domestiku ta' l-UE f'xiri ta' prodotti bħal tagħmir ta' l-uffiċċji, komponenti tal-kostruzzjoni u vetturi għat-trasport; servizzi bħall-manutenzjoni tal-bini, servizzi ta' trasport, servizzi u xogħlijiet ta' tindif u preparazzjoni ta' l-ikel[1]. L-akkwisti pubbliċi jistgħu jinfluwenzaw ix-xejriet tal-produzzjoni u l-konsum. Jekk id-domanda mill-awtoritajiet pubbliċi għal prodotti aktar ekoloġiċi tkun waħda mdaqqsa, dan joħloq jew ikabbar swieq tal-prodotti u servizzi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. B'hekk ikun qed jingħata wkoll inċentiv lill-kumpaniji biex jiżviluppaw teknoloġiji ambjentali[2]. Użu aktar sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-materja prima jkun ta' benefiċċju kemm għall-ambjent kif ukoll għall-ekonomija b'mod ġenerali, għaliex jinħolqu opportunitajiet għal ekonomiji "ekoloġiċi" emerġenti[3]. Din l-inizjattiva tista' wkoll tixpruna l-kompetittività ta' l-industrija Ewropea billi tistimula l-innovazzjoni fl-eko-teknoloġiji, li huma rikonoxxuti bħala settur li qed jikber u li fih l-Ewropa diġà tinsab minn ta' quddiem fid-dinja. Studji kkonfermaw li hemm spazju konsiderevoli għal akkwist pubbliku ekoloġiku, partikolarment f'setturi fejn il-prodotti ekoloġiċi mhumiex ogħla mill-alternattivi inqas ekoloġiċi (meta wieħed iqis l-ispejjeż globali kemm idum jeżisti l-prodott)[4]. Minħabba li l-prodotti hekk meqjusa "aktar ekoloġiċi" jiġu definiti fuq il-bażi taċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-prodott, l-akkwist pubbliku ekoloġiku jolqot il-katina tal-manifattura kollha kemm hi u jistimula wkoll l-użu ta' standards ekoloġiċi fl-akkwisti privati. 1.2. Sfond Il-potenzjal ta' akkwist pubbliku ekoloġiku bħala strument ta' politika kulma jmur qiegħed jiġi rikonoxxut dejjem aktar, u matul l-aħħar snin baqa' jiżdied l-impenn politiku fuq il-livelli nazzjonali, ta' l-UE u internazzjonali. Fl-2002, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (l-OECD) adottat Rakkomandazzjoni dwar akkwist pubbliku ekoloġiku. Wara s- Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Johannesburg (f'Settembru 2002), inħolqot it-Task Force Marrakech għal akkwisti sostenibbli, bil-għan li xxerred il-prattiċi ta' akkwisti pubbliċi (ekoloġiċi) sostenibbli. Il-politika ta' akkwisti sostenibbli tnidiet f'bosta pajjiżi ta' l-OECD (l-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Kanada, l-Awstralja u l-Korea t'Isfel) kif ukoll f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw b'rata mgħaġġla (bħaċ-Ċina, it-Tajlandja u l-Filippini). Fi ħdan l-UE, il-potenzjal tal-GPP ssemma' l-ewwel darba fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-2003 dwar Politika Integrata tal-Prodotti fejn ġie rrakkomandat lill-Istati Membri biex jadottaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali għall-GPP sa l-aħħar ta' l-2006. Il-qafas legali Ewropew ġdid għall-akkwisti pubbliċi[5] ċċara l-mod kif min jakkwista b'mod pubbliku jista' jinkludi konsiderazzjonijiet ambjentali fil-proċessi u l-proċeduri ta' akkwist tiegħu. Aktar riċenti, l-Istrateġija ta' l-UE dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Ġunju 2006), stabbilixxiet l-għan politiku li sa l-2010 l-livell medju ta' l-akkwist pubbliku ekoloġiku fl-UE jiżdied sa l-istandard milħuq mill-Istati Membri li kisbu l-aħjar riżultati f'dan ir-rigward fl-2006. Din il-Komunikazzjoni hija parti mill-Pjan ta' Azzjoni dwar Konsum u Produzzjoni Sostenibbli u Politika Industrijali Sostenibbli, li jistabbilixxi qafas għall-implimentazzjoni integrata ta' għadd ta' strumenti maħsuba biex jitjiebu l-kredenzjali tal-prodotti f'termini ta' enerġija u ambjent. 1.3. Azzjoni fuq livell Ewropew Il-kunċett bażiku tal-GPP huwa msejjes fuq kriterji ambjentali ċari u ambizzjużi għall-prodotti u s-servizzi. Ġew żviluppati għadd ta' kriterji u strateġiji nazzjonali dwar il-GPP. Iżda, hekk kif il-GPP qiegħed jiżdied, il-kriterji użati mill-Istati Membri jridu jkunu kompatibbli biex ma jkunx hemm distorsjoni tas-suq waħdieni u tnaqqis fil-kompetizzjoni madwar l-UE. B'sett wieħed ta' kriterji, il-piż amministrattiv għall-operaturi ekonomiċi u għall-amministrazzjonijiet pubbliċi li jimplimentaw il-GPP jitnaqqas b'mod konsiderevoli. Kriterji komuni għall-GPP jibbenefikaw minnhom b'mod partikolari l-kumpaniji li joperaw f'aktar minn Stat Membru wieħed kif ukoll l-SMEs (li għandhom il-limitazzjonijiet tagħhom fejn jidħlu proċeduri ta' akkwist li jvarjaw). Fuq livell Ewropew diġà jeżistu kriterji ambjentali, ngħidu aħna taħt is-sistema ta' Eko-tikettar ta' l-UE[6]; ir-Regolament dwar l-Energy Star[7]; id-Direttiva dwar l-Eko-disinn għal prodotti li jużaw l-enerġija[8]. Ċerti proposti riċenti huma maħsuba wkoll biex jistabbilixxu kriterji li jkunu utli għall-GPP, bħall-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar l-eko-disinn ta' prodotti li jużaw l-enerġija, li tipprevedi l-iffissar kemm ta' rekwiżiti minimi u ta' standards ta' prestazzjoni avvanzati; il-proposta għal Direttiva dwar vetturi għat-trasport tat-triq li huma effiċjenti fl-użu ta’ l-enerġija u li ma jniġġsux[9], li tistabbilixxi metodoloġija armonizzata biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż ta' l-emissjonijiet li jniġġsu u tal-konsum ta' karburant tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-vettura; u l-proposta għal Direttiva dwar il-promozzjoni ta' l-użu ta' enerġija minn sorsi li jiġġeddu[10] li tinkludi kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi u li fil-ġejjieni tista' tkun tinvolvi l-iffissar ta' kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijomassa, inkluża l-bijomassa tal-forestrija. L-iżvilupp aktar fil-fond u l-iffissar ta' kriterji ambjentali, u r-relazzjoni ta' bejniethom u l-użu potenzjali tagħhom għall-GPP, huma elementi kruċjali fil-Pjan ta' Azzjoni dwar Konsum u Produzzjoni Sostenibbli u Politika Industrijali Sostenibbli. Il-Pjan ta' Azzjoni huwa maħsub b'mod speċjali biex jistabbilixxi qafas dinamiku biex titjieb il-prestazzjoni f'termini ta' enerġija u effett ambjentali tal-prodotti u li jifrex l-użu tagħhom mal-konsumaturi. Dan isir billi jiġu stabbiliti standards ambizzjużi fis-suq, jiġi żgurat li l-prodotti jitjiebu billi joffru inċentivi u innovazzjoni, u jiġi żgurat li d-domanda għal dawn il-prodotti tinforza din il-politika. L-elementi speċifiċi relevanti għall-akkwisti pubbliċi huma diskussi f'aktar dettall hawn taħt. 1.4. L-ostakli għall-GPP Sal-lum, il-potenzjal tal-GPP ġie sfruttat biss parzjalment. Fil-bidu ta' l-2008 kienu biss 14 l-Istati Membri li adottaw pjan ta' azzjoni nazzjonali (tnax oħra qegħdin jaħdmu fuq l-adozzjoni ta' pjan jew strateġija)[11]. L-ostakli ewlenin għall-adozzjoni minn aktar Stati Membri huma: - Il-kriterji ambjentali stabbiliti għall-prodotti jew servizzi huma limitati - u fejn dawn jeżistu, ħafna drabi ma jkunx hemm biżżejjed mekkaniżmi biex dawn jiġu ppubbliċizzati, bħal ngħidu aħna databases . - Mhemmx biżżejjed informazzjoni dwar l-ispejjeż ta' matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u l-ispejjeż relattivi ta' prodotti jew servizzi ekoloġiċi. - Mhemmx biżżejjed għarfien dwar il-benefiċċji ta' prodotti u servizzi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. - Teżisti inċertezza dwar il-possibbiltajiet legali li fid-dokumenti tas-sejħiet għall-offerti pubbliċi jiġu inklużi kriterji ambjentali. - In-nuqqas ta' appoġġ politiku u, minħabba f'hekk, ir-riżorsi limitati biex jiġi implimentat/promoss il-GPP (jinħtieġ b'mod partikolari taħriġ aħjar). - In-nuqqas ta' skambju koordinat ta' prattiċi tajba u ta' informazzjoni bejn ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali. 2. GħANIJIET L-għan ġenerali ta' din il-Komunikazzjoni huwa li tipprovdi gwida dwar kif jista' jitnaqqas l-impatt ambjentali kkawżat mill-konsum mis-settur pubbliku u biex jintuża l-GPP biex tiġi stimulata l-innovazzjoni f'teknoloġiji, prodotti u servizzi ekoloġiċi. L-għanijiet speċifiċi ta' din il-Komunikazzjoni huma li jiġu indirizzati l-ostakli eżistenti għall-GPP identifikati fit-Taqsima 1.4: - proċess biex jiġu stabbiliti kriterji komuni għall-GPP; - informazzjoni dwar l-ispejjeż ta' matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti; - gwida f'termini legali u ta' kif jaħdem il-GPP; - appoġġ politiku permezz ta' mira politika, marbuta ma' indikaturi u monitoraġġ fil-futur. 3. APPROċċ KOMUNI GħALL-GPP 3.1. Fil-kuntest tal-proċess ta' sejħa għall-offerti Akkwist pubbliku bażikament huwa proċess, u għall-iskopijiet ta' din il-Komunikazzjoni, il-GPP jista' jinftiehem bħala: "...proċess li permezz tiegħu l-awtoritajiet pubbliċi jiksbu prodotti, servizzi u xogħlijiet li jkollhom inqas impatt fuq l-ambjent matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom meta mqabbla ma' prodotti, servizzi u xogħlijiet li kieku jinkisbu u li jkollhom l-istess funzjoni primarja." Il-Komunikazzjoni tkopri l-proċeduri kollha ta' akkwist pubbliku, lilhinn mil-limiti ddefiniti fid-Direttivi Ewropej dwar l-akkwisti pubbliċi. F'kull każ, l-ispeċifikazzjonijiet ambjentali, il-kriterji ta' l-għażla u ta' l-għoti, u l-klawsoli tal-kuntratt ikunu jridu jiġu fformulati b'mod li jkun konformi mal-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar l-akkwisti pubbliċi u leġiżlazzjoni ta' l-UE jew nazzjonali rilevanti. 3.2. Fil-kuntest ta' prestazzjoni ambjentali Id-definizzjoni ta' GPP, orjentata fuq il-proċess, mhix biżżejjed biex tippermetti l-iffissar ta' miri u standards oġġettivi. Biex dan ikun jista' jsir, jinħtieġ li jintrabat mal-konformità ma' kriterji ċari dwar il-GPP. Diġà ġie żviluppat Sett preliminari ta' kriterji komuni għall-GPP fil-kuntest ta' ċerti gruppi ta' prodotti u servizzi. Xi eżempji jistgħu jinstabu fid-Dokument ta' Ħidma fl-Anness ta' din il-Komunikazzjoni. Kif spjegat fit-Taqsima 4.1, il-Kummissjoni issa qiegħda tipproponi li tifformalizza dan il-proċess bil-għan li tikkonferma l-kriterji eżistenti u tistabbilixxi aktar kriterji komuni għall-GPP ta' gruppi ta' prodotti oħrajn, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti. L-użu ta' kriterji komuni għall-GPP joffri l-vantaġġ li jiġu evitati distorsjonijiet fis-suq u tnaqqis fil-kompetizzjoni li jista' jkun hemm meta jintużaw kriterji nazzjonali diverġenti għall-GPP. Sabiex il-proċedura ta' akkwist tikkwalifika għall-GPP, il-kriterji tal-GPP, fil-prinċipju, jridu jiġu fformulati bħala speċifikazzjonijiet tekniċi minimi li kull offerta għandha tirrispettahom. Ċerti kriterji għall-GPP jistgħu jiġu fformulati wkoll bħala kriterji ta' l-għoti ta' kuntratt f'termini ambjentali, sabiex tkun stimulata prestazzjoni aktar ekoloġika mingħajr ma din tkun obbligatorja, u b'hekk ma jkunx qed jingħalaq is-suq għal prodotti li ma jilħqux il-livell ta' prestazzjoni propost. Iżda l-kriterji ta' l-għażla, jekk jingħataw piż sinifikanti, jistgħu jagħtu sinjal importanti lis-suq. Piż ta' 15% jew aktar jista' jitqies "sinifikanti"; jiddependi mit-tip ta' prodott u n-numru u l-importanza tal-kriterji ta' l-għażla l-oħrajn li ma jkunux f'termini ambjentali. 4. IL-KRITERJI KOMUNI GħALL-GPP 4.1. Il-proċess biex jiġu stabbiliti kriterji komuni għall-GPP Fil-qafas ta' l-Għodda tat-Taħriġ żviluppata riċentement dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku[12]ġie stabbilit sett preliminari ta' kriterji komuni tal-GPP. Tfasslu kriterji għal prodotti u servizzi f'10 setturi li kienu ġew identifikati bħala l-aktar xierqa biex fihom jiġi implimentat il-GPP. Il-kriterji ġew ibbażati, fejn xieraq, fuq dawk eżistenti użati għall-ekotikketta fuq livell Ewropew u nazzjonali, kif ukoll fuq informazzjoni miġbura mill-operaturi fl-industrija u s-soċjetà ċivili. Twaqqaf grupp ta' esperti li jlaqqa' flimkien rappreżentanti ta' l-Istati Membri li huma attivi fil-qasam tal-GPP u dan ħadem mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni huma u jistabbilixxu l-kriterji. Il-Kummissjoni tipproponi li tifformalizza dan il-proċess ta' konsultazzjoni bl-għan li l-GPP jiżdied u jsir aħjar, ibbażat fuq kriterji u metodu ta' kejl komuni, li jkunu bbażati fuq il-prinċipji tal-metodu ta' koordinazzjoni miftuħ. Għadaqstant, l-Istati Membri se jiġu mistiedna japprovaw formalment il-kriterji żviluppati għall-GPP, wara l-approvazzjoni tagħhom mis-servizzi tal-Kummissjoni u wara li tkun saret konsultazzjoni finali magħhom u mal-partijiet interessati mill-industrija u s-soċjetà ċivili, skond l-Istandards Minimi għall-Konsultazzjoni[13]. L-approvazzjoni formali mill-Istati Membri tkun timplika li l-kriterji komuni għall-GPP jiġu inklużi fil-pjanijiet ta' azzjoni u gwida nazzjonali dwar akkwist pubbliku ekoloġiku li l-Istati Membri waqqfu jew li qegħdin iwaqqfu fid-dawl tal-Komunikazzjoni dwar Politika Integrata tal-Prodotti ta' l-2003. Dan il-proċess se jiġi ripetut fil-ġejjieni u l-Kummissjoni se tissokta tmexxi l-ħidma tal-grupp ta' esperti nazzjonali u tiżviluppa u tissottometti abbozz ġdid ta' kriterji għall-GPP għal aktar gruppi ta' prodotti u servizzi. L-abbozz tal-kriterji jiġi diskuss ukoll mal-partijiet interessati mill-industrija u s-soċjetà ċivili. L-approvazzjoni tal-kriterji tkun suġġetta għal standards ta' konsultazzjoni stretti. Il-ħidma se tiffoka fuq setturi li ġew identifikati bl-akbar potenzjal għall-GPP (it-Taqsima 4.2). Dan il-proċess se jkun iqis ix-xogħol eżisteni u li qed isir fuq l-iffissar ta' kriterji ambjentali fil-qafas tal-Politika dwar Konsum u Produzzjoni Sostenibbli. Il-kriterji se jkunu bbażati fuq metodu ta' ċiklu ta' ħajja. Eżempji ta' sorsi potenzjali għall-kriterji futuri tal-GPP huma: il-kriterji għall-ekotikketta ta' l-UE; ir-rekwiżiti dwar l-effiċjenza fl-enerġija għall-Energy Star għat-tagħmir ta' l-uffiċċju; l-istandards tal-prestazzjoni ambjentali li se jiġu żviluppati taħt il-miżuri ta' implimentazzjoni fil-qafas tad-Direttiva riveduta dwar l-Eko-disinn; il-metodoloġija proposta għall-internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni fil-proposta għal Direttiva dwar il-promozzjoni ta' vetturi huma effiċjenti fl-użu ta’ l-enerġija u li ma jniġġsux, u l-kriterji ta' sostenibbiltà proposti għall bijokarburanti u l-bijolikwidi fil-proposta għal Direttiva dwar il-promozzjoni ta' l-użu ta' enerġija minn sorsi li jiġġeddu. Kriterji komuni tal-GPP se jiġu stabbiliti biss għal prodotti u servizzi li għandhom mhux koperti (s'issa) bil-kriterji obbligatorji tal-GPP[14]. Il-kriterji stabbiliti għall-GPP jiddistingwu bejn kriterji "ewlenin" u kriterji "komprensivi". Il-kriterji ewlenin huma maħsuba biex jippermettu applikazzjoni faċli tal-GPP billi jiffukaw fuq l-oqsma prinċipali tal-prestazzjoni ambjentali ta' prodott u bl-għan li jżommu l-ispejjeż amministrattivi għall-kumpaniji baxxi kemm jista' jkun. Il-kriterji "komprensivi" iqisu aktar aspetti jew livelli ogħla ta' prestazzjoni ambjentali, biex jintużaw minn awtoritajiet li jkunu jridu jagħtu appoġġ ulterjuri fl-għanijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-ambjent u l-innovazzjoni. Minħabba li l-kriterji "ewlenin" iservu ta' sisien għall-kriterji "komprensivi", id-distinzjoni bejn "ewlenin" u "komprensivi" tirrifletti differenzi f'termini ta' ambizzjoni u disponibbiltà ta' prodotti ekoloġiċi, filwaqt li fl-istess ħin timbotta biex is-swieq jevolvu fl-istess direzzjoni. Fejn, għall-istess prodott, il-kriterji Ewropej jiddistingwu bejn livelli varji ta' prestazzjoni ambjentali, il-kriterji "ewlenin" u dawk "komprensivi" huma abbozzati skond dawn il-livelli. Ngħidu aħna, jekk prodott partikolari huwa kopert kemm mir-rekwiżiti dwar l-effiċjenza fl-enerġija għall-Energy Star u bl-Ekotikketta volontarja Ewropea, il-kriterji tal-GPP "ewlenin" jiġu stabbiliti fuq il-livell tar-rekwiżiti dwar l-effiċjenza fl-enerġija stabbiliti fir-Regolament dwar l-Energy Star, filwaqt li l-kriterji "komprensivi" jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-kriterji ta' l-ekotikketta. Iż-żewġ settijiet ta' kriterji jippermettu lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kontraenti li gradwalment itejbu l-livelli tal-GPP, u li jagħtu sinjali ċari lis-suq biex dejjem ikompli jtejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u s-servizzi. Għal gruppi ta' prodotti li mhuma koperti bl-ebda waħda mir-Regolamenti jew skemi msemmija hawn fuq, iżda li jkunu koperti bl-ekotiketta Ewropea, il-proċess ta' ffissar tal-kriterji komuni għall-GPP - bl-istess mod - jipprova jidentifika kriterji "ewlenin" u "komprensivi", fejn il-kriterji "ewlenin" ikunu bbażati fuq il-kriterji ta' l-ekotikketta li jindirizzaw l-impatti ambjentali prinċipali u li huma l-eħfef biex wieħed ikun konformi magħhom, filwaqt li l-kriterji "komprensivi" jindirizzaw il-kriterji addizzjonali ta' l-ekotikketta li jkunu jistgħu jitqiesu rilevanti biex jiġi definit prodott partikolari. Fejn ma jeżistu l-ebda kriterji Ewropej, il-kriterji għall-GPP jiġu bbażati fuq databases ta' kriterji ambjentali nazzjonali jew oħrajn, u diskussi wkoll mal-partijiet interessati mill-industrija u s-soċjetà ċivili. Il-kriterji jiġu fformulati b'mod li jinftiehem faċilment mix-xerrejja u l-offerenti (pubbliċi) u b'mod li tiġi ffaċilitata l-inklużjoni tagħhom f'dokumenti ta' sejħiet għall-offerti, f'konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwisti pubbliċi. Fejn jiġu indirizzati materjali individwali (bħal, ngħidu aħna, l-injam), fil-kuntest ta' bosta setturi ta' prijorità (kostruzzjoni, il-karta u l-istampa, enerġija u għamara, fil-każ ta' l-injam), jiġi żviluppat sett wieħed ta' kriterji koerenti. Fejn jistgħu jintużaw materjali differenti għall-istess għan, id-definizzjni tal-kriterji sejra tqis il-possibbiltà li, fejn dan ikun f’loku, jiżdied l-użu ta’ sostituti rinnovabbli. Il-kriterji "ewlenin" jintużaw bħala bażi biex jiġu stabbiliti l-miri u l-istandards, biex jiġi stimulat l-użu tagħhom madwar l-UE. Għalhekk, il-monitoraġġ ikun iqis il-konformità mal-kriterji "ewlenin". Barra minn hekk, fid-dawl ta' l-iffissar ta' standards ġodda għall-futur, il-verifika tal-konformità mal-kriterji "komprensivi" tista' ssir fl-Istati Membri li jkollhom l-aħjar riżultati f'dan ir-rigward. 4.2. L-Iffissar tal-Prijoritajiet Il-Kummissjoni identifikat għaxar setturi ta' "prijorità" għall-GPP. Dawn intgħażlu fuq il-bażi ta' l-importanza tas-setturi relevanti f'termini tal-firxa għat-titjib fl-ambjent; l-infiq pubbliku; l-impatt potenzjali min-naħa tal-forniment; sabiex jingħata eżempju lill-konsumaturi privati jew korporattivi; is-sensittività politika; l-eżistenza tal-kriterji relevanti u kemm hu faċli biex jintużaw; id-disponibbiltà fis-suq u l-effiċjenza ekonomika. L-oqsma ta’ prijorità huma: 1. Il-kostruzzjoni (li tkopri materja prima, bħal injam, aluminju, azzar, konkrit, ħġieġ kif ukoll prodotti ta' kostruzzjoni bħal twieqi, ħitan u koperturi għall-art, tagħmir tat-tisħin u tkessiħ, aspetti operazzjonali tal-bini u ta' meta dan jiġi biex jitwaqqa', servizzi ta' manutenzjoni, twettiq fis-sit tal-kuntratti tax-xogħlijiet) 2. Ikel u servizzi ta' preparazzjoni ta' l-ikel 3. Trasport u servizzi tat-trasport[15] 4. Enerġija (inkluż elettriku, tisħin u tkessiħ li ġejjin minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli) 5. Tagħmir ta' l-uffiċċju u kompjuters 6. Ħwejjeġ, uniformijiet u tessuti oħra 7. Karta u servizzi ta' l-istampar 8. Għamara 9. Prodotti u servizzi tat-tindif 10. Tagħmir użat fis-settur tas-saħħa 5. MIRI TAL-GPP 5.1. Il-mira għall-GPP fl-Istrateġija mġedda għall-Iżvilupp Sostenibbli L-Istrateġija mġedda għall-Iżvilupp Sostenibbli stabbilixxiet mira formali għall-GPP, sabiex sa l-2010, il-livell medju tal-GPP jkun l-istess bħal dak tal-livell preżenti (i.e. fl-2006) ta' l-Istati Membri bl-aħjar rendiment. Għadd ta' Stati Membri li kienu minn ta' quddiem fil-qasam tal-GPP stabilixxew miri aktar ambizzjużi: il-gvern Olandiż stabilixxa mira ta' 100% għall-Akkwist Sostenibbli li trid tintlaħaq sa l-2010; il-Gvern Awstrijak identifika l-miri differenti li jridu jintlaħqu sa l-2010 għal 5 gruppi ta' prodotti: IT: 95 %, elettriku: 80 %, karta: 30 %, prodotti tat-tindif: 95 %, vetturi: 20 %. Fi Franza, 20% tat-total annwali tat-tiġdid tal-vetturi mixtrija mill-gvern ċentrali għandhom jikkonsistu f'vetturi "nodfa", 20% tal-kostruzzjonijiet ġodda għandhom jikkonformaw ma' l-istandards HQE[16] jew ekwivalenti u 50% tal-prodotti kollha ta' l-injam għandhom ikunu ġejjin minn sorsi legali u sostenibbli sa l-2010. Fir-Renju Unit, il-Pjan ta' Azzjoni għall-Akkwisti Sostenibbli huwa marbut mill-qrib ma' serje ta' miri operattivi sostenibbli għall-bini ta' l-uffiċċji tal-gvern, inkluż wiegħda li ma jipproduċju ebda karbonju sa l-2012 u li jitnaqqsu l-emissjonijiet bi 30% sa l-2020. Studju riċenti dwar ir-rendiment tal-GPP madwar l-Istati Membri ta' l-UE pprovda lill-Kummissjoni b'indikazzjonijiet ċari dwar il-livell preżenti tal-GPP fl-Istati Membri bl-aħjar rendiment, li huma l-bażi għall-mira stabbilita fl-Istrateġija mġedda dwar l-Iżvilupp Sostenibbli. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni pproponiet li, sas-sena 2010, 50% tal-proċeduri kollha ta' l-akkwisti għandhom ikunu ekoloġiċi, fejn 'ekolooġiċi' tfisser li jkunu konformi mal-kriterji approvati "ewlenin" għall-GPP kif imsemmi fit-Taqsima 4.1. Il-perċentwal ikun espress kemm f'numri kif ukoll f'termini ta' valur tal-kuntratti ekoloġiċi kif imqabbel man-numru u l-valur ġenerali ta' kuntratti konklużi fis-setturi li għalihom ikunu ġew identifikati kriterji ewlenin tal-GPP. Huwa biss għall-gruppi ta' prodotti u sevizzi li għalihom hemm kriterji tal-GPP, li se jkun possibbli li tiġi mmarkata b'mod oġġettiv is-sitwazzjoni bejn l-Istati Membri, u hekk jiġu proposti miri aktar dettaljati. Il-Kummissjoni bħalissa qed tiżviluppa metodu għall-kalkolu tal-livelli preċiżi tal-GPP, li se jiffoka fuq il-konformità mal-kriterji "ewlenin" tal-GPP u li jkun ibbażat fuq analiżi ta' kampjun rappreżentattiv tal-proċeduri ta' akkwisti. Il-metodu se jiġi implimentat fl-Istati Membri bl-aħjar rendiment. Fl-2010, l-istħarriġ se jiġi ripetut fl-Istati Membri kollha ta' l-UE. Huwa għalhekk ferm importanti għall-Istati Membri li japprovaw il-kriterji komuni tal-GPP li qed jiġu żviluppati u li jimplimentawhom fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom u fil-gwidi dwar il-GPP. Il-konformità ma' kriterji "komprensivi" se tiġi sorveljata wkoll, imma biss fl-Istati Membri bl-aħjar rendiment, bil-għan li jitkejjel il-progress f'dawn l-Istati Membri u li jiġi valutat il-potenzjali li jiġu stabbiliti miri ġodda għall-futur: li tiżdied il-mira għal proċeduri li jikkonformaw mal-kriterji "ewlenin" tal-GPP u/jew it-twaqqif ta' konformità ma' kriterji "komprensivi". 5.2. Miri speċifiċi għall-GPP fl-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi ta' ffinanzjar ta' l-UE. 5.2.1. Akkwisti minn awtoritajiet ta' Stati Membri li jużaw il-fondi ta' l-UE Kull sena jintnefqu biljuni ta' euro taħt il-Politika ta' Koeżjoni ta' l-UE għall-iżvilupp reġjonali u l-koeżjoni ekonomika u soċjali madwar l-Ewropa. Għall-perjodu ta' programmar 2007-13 (b'baġit totali ta' €308 biljun), l-iżvilupp sostenibbli ġie kkonfermat mill-ġdid bħala wieħed mill-aktar prinċipji importanti tal-Politika ta' Koeżjoni.[17] Jeżistu ħafna aktar programmi ta' ffinanzjar ta' l-UE, bħal per eżempju s-Seba' Programm Qafas (FP7), li jiġbor flimkien inizjattivi ta' l-UE relatati mar-riċerka. Dan warrab ammont totali għall-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Komunità ta' EUR 50 521 miljun għall-perjodu 2007 - 2013. Filwaqt li l-parti l-kbira ta' dawn il-fondi se jkopru attivitajiet ta' riċerka ewlenin li mhumiex relevanti għall-GPP, l-ispejjeż tal-proġetti (li jkopru massimu ta' 7% ta' l-għotja) jkunu adatti għal "proġetti ekoloġiċi". Fejn dawn il-fondi jintnefqu direttament mill-awtoritajiet pubbliċi u dawn jagħmlu proċeduri ta' akkwisti biex jimplimentaw il-proġetti ffinanzjati, il-Kummissjoni tqis li l-GPP jista’ jiġi inkorporat faċilment. Azzjoni ffokata fejn l-awtoritajiet maniġerjali u benefiċjarji oħra ta' l-iffinanzjar tal-KE jiġu mogħtija l-parir li jużaw il-GPP għall-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-KE, toħloq inċentiv importanti għall-użu ġenerali tal-GPP, minħabba li dawk il-proġetti jkopru parti importanti min-nefqa ta' l-akkwisti pubbliċi. Prattika simili mill-Istati Membri, partikolarment dwar fejn il-GPP huwa taħt il-medja, tikkontribwixxi sabiex jilħqu l-mira ta' 50% għall-GPP fil-proċeduri tagħhom għall-Akkwisti. 5.2.2 Akkwisti mill-Kummissjoni Ewropea Il-Kummissjoni Ewropea gradwalment se timplimenta l-GPP fis-sessjonijiet ta' taħriġ ġenerali tagħha dwar l-akkwisti pubbliċi u se tintroduċi l-kriterji rakkomandati, li jridu jiġu żviluppati fil-qafas ta' l-Għodda tat-Taħriġ għall-GPP (Taqsima 7), fil-proċeduri ta' l-akkwisti, fejn adatt. 6. MIżURI OBBLIGATORJI POTENZJALI Il-Pjan ta' Azzjoni għall-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli kkonkluda li hemm bżonn ta' stimolu meħtieġ għall-promozzjoni ta' prodotti li jirrendu ambjentalment, filwaqt li jrid jiġi evitat tfixkil fis-Suq Intern li jista' jiżviluppa minn inċentivi purament nazzjonali għall-GPP. Għalhekk jipproponi miżuri obbligatorji għall-akkwisti pubbliċi kif deskritti fit-Taqsima 2.3. 7. GWIDA Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tisħaq fuq il-gwida legali u operazzjonali eżistenti fuq il-GPP u li żżid magħha fejn meħtieġ. Għalkemm din hija prinċipalment diretta lejn l-awtoritajiet kontraenti li jixtiequ li japplikaw il-politika tal-GPP fl-organizzazzjoni tagħhom, l-Istati Membri għandhom jinkluduha fil-politika nazzjonali tagħhom dwar il-GPP sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni tiegħu. Il-gwida tinkludi: - Gwida legali u operazzjonali għall-implimentazzjoni tal-GPP minħabba li l-inċertezza legali dwar ċerti kwistjonijiet xorta għadha meqjusa bħala barriera għall-adozzjoni armonizzata tal-GPP. - Prattiċi ta' akkwisti għal akkwisti aktar effiċjenti sabiex jintwera u għalhekk jiġi promoss il-fatt li l-GPP huwa mod ekonomikament effiċjenti ta' kif jinxtraw l-oġġetti jew is-servizzi. - Għodda tat-Taħriġ dwar il-GPP. Ġiet żviluppata Għodda għat-Taħriġ għall-GPP, indirizzata għax-xerrejja, dawk li jfasslu l-politka, maniġers u konsulenti. L-Għodda se tkun approvata mis-servizzi tal-Kummissjoni u se tkun disponibbli bil-lingwi kollha ta' l-UE. Il-Kummissjoni se tikkoopera ma' l-Istati Membri biex tiżgura t-tqassim madwar l-UE permezz tal-pjattaformi ta' kooperazzjoni eżistenti nazzjonali u reġjonali. Id-dettalji tal-gwida huma stabbiliti f'Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff separat li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni. 8. IL-GPP U L-INNOVAZZJONI IL-GPP huwa strument qawwi biex tiġi stimulata l-innovazzjoni u tinkoraġġixxi lill-kumpaniji jiżviluppaw prodotti ġodda b'rendiment ambjentali aqwa. Il-Kummissjoni se tfittex li tindirizza dan il-potenzjal tal-GPP permezz ta' għadd ta' azzjonijiet: - Tixrid madwar l-UE tal-gwida riċenti dwar "L-Akkwisti Pubbliċi dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni"[18] u l-gwida għall-awtoritajiet kontraenti inkluż il-Komunikazzjoni dwar l-Akkwisti pre-kummerċjali[19]; - Tistabbilixxi sistema volontarja ta' l-UE għal verifika ta' partijiet terzi ta' l-istqarrijiet tagħhom rigward ir-rendiment tat-teknoloġiji l-ġodda, li tħaffef il-verifika tal-konformità ma' l-ispeċifikazzjonijiet ambjenti identifikati fid-dokumenti ta' l-offerti; - L-identifikazzjoni tas-"swieq ewlenin"[20] u l-użu tal-GPP biex jitrawwem l-iżvilupp u l-addottar mis-suq ta' prodotti u servizzi ġodda.[21] L-Inizjattiva ta' Suq Ewlieni għandha l-għan li toħloq kundizzjonijiet qafas favorevoli sabiex tistimula l-innovazzjoni li hija kruċjali għall-kompetittività, permezz ta' taħlita ta' azzjonijiet ta' politika pubblika. Bħalissa, ġew identifikati 6 iswieq, 3 minnhom ikopru suġġetti ambjentali, l-aktar il-kostruzzjoni sostenibbli, ir-riċiklaġġ u prodotti bażati bijoloġikament u li għalhekk huma ta' importanza partikolari għall-GPP. 9. AKKWIST PRIVAT AKTAR EKOLOġIKU Id-definizzjoni u l-kriterji użati għall-identifikazzjoni u l-promozzjoni ta' oġġetti aktar "ekoloġiċi" huma bbażati fuq strateġija liu tqis iċ-ċiklu kollu tal-ħajja ta' prodott, u jkopru elementi li jaffettwaw il-katina sħiħa tal-forniment, mill-użu tal-materja prima u l-metodi tal-produzzjoni sat-tipi ta' ppakkjar użat u r-rispett ta' ċerti kundizzjonijiet ta' ritorn. Dawn il-kriterji jistgħu ugwalment jinformaw prattiċi ta' akkwisti privati. L-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet tal-Komunità huma mħeġġa biex isaħħu r-rabta bejn l-akkwisti Ekoloġiċi pubbliċi u privati[22]. 10. INDIKATURI GħALL-GPP – MONITORAġġ U MMARKAR - SKEDA Żewġ tipi ta' indikaturi jistgħu jintużaw biex jevalwaw "il-livell tal-GPP". Indikaturi kwantitattivi jistgħu jintużaw biex jevalwaw l-adottar u l-progress tal-politika, billi jitqabbel il-livell tal-GPP (espress f'numri u valuri ta' proċeduri ekoloġiċi ta' akkwisti) bil-livell totali ta' akkwisti pubbliċi. Biex jiġi evalwat l-impatt min-naħa tal-forniment, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li tikkalkola l-valur ta' kuntratti ekoloġiċi mqabbla mal-valur totali tal-kuntratti ta' akkwist pubbliku. Indikaturi orjentati fuq l-impatt jippermettu l-valutazzjoni tal-kisbiet ambjentali u finanzjarju permezz tal-GPP. Il-Kummissjoni bħalissa qed tiżviluppa metodu biex tikkalkula dawk l-indikaturi, li jkun ibbażat fuq analiżi ta' kampjun rappreżentattiv tal-proċeduri ta' l-offerti fl-Istati Membri. Biex ikun garantit monitoraġġ u mmarkar uniformi, qed ikun propost li dan ikun jiffoka fuq is-setturi li għalihom hemm kriterji komuni tal-GPP stabbiliti kif imsemmi fit-Taqsima 4. Fl-2010, il-Kummissjoni se tissorvelja s-sitwazzjoni tal-GPP fl-Istati Membri kollha, bl-użu tal-metodu ta' hawn fuq. Proċedura ta' offerti tiġi kkunsidrata "ekoloġika" jekk tirriżulta f'kuntratt li jikkonforma mal-kriterji "ewlenin" tal-GPP. Ir-riżultati ta' l-eżerċizzju ta' monitoraġġ fl-Istati Membri bl-aħjar rendiment jiffurmaw il-bażi għall-iffissar tal-miri tal-futur. Fl-Istati Membri bl-aħjar rendiment, il-konformità ma' kriterji komprensivi tal-GPP se jitkejlu wkoll, bil-għan li jiġu ffissati miri addizzjonali għall-futur u li tiġi stimulata l-innovazzjoni. Dan il-proċess għandu jiġi ripetut kull ħames snin. L-eżerċizzju ta' monitoraġġ u mmarkar se jservi ta' inċentiv għall-addottar tal-kriterji tal-GPP fil-proċessi nazzjonali ta' offerti. Il-Kummissjoni, qabel it-tmiem ta' l-2008 se tfittex approvazzjoni mill-Istati Membri tal-kriterji tal-GPP li diġà ġew stabbiliti. L-approvazzjoni formali timplika li dawn jiddaħħlu fil-gwida nazzjonali u fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar il-GPP li l-Istati Membri ntalbu jadottaw mill-Kummissjoni (fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-2003 dwar Politika Integrata tal-Prodotti). Sal-lum, 14-il Stat Membru adottaw dawn il-pjanijiet ta' azzjoni u 10 oħra jinsabu fil-proċess li jadottawhom. Anki fin-nuqqas ta' dawn il-pjanijiet ta' azzjoni, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-kriterji komuni għall-GPP jintużaw fi proċeduri nazzjonali ta' sejħiet għall-offerti. L-Istati Membri se jintalbu jirrappurtaw dwar dan f'laqgħat ta' koordinament regolari organizzati mill-Kummissjoni. L-Istati Membri se jintalbu japprovaw formalment kull sett ġdid ta' kriterji u jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tagħhom fuq livell nazzjonali. 11. KONKLUżJONI U T-TRIQ 'IL QUDDIEM Il-Kummissjoni hija kommessa li tippromwovi l-GPP għaliex huwa effikaċi biex is-suq jibda juża l-prodotti u s-servizzi l-aktar nodfa. B'hekk il-konsum ikun aktar sostenibbli iżda wkoll ikun qed jippromwovi l-eko-innovazzjoni, u magħha l-kompetittività ta' l-ekonomija ta' l-UE. Il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom: - japprovaw l-istrateġija proposta u l-metodu biex jiġu stabbiliti kriterji komuni għall-GPP, il-mira politika, u l-għodod rakkomandati biex il-GPP jiżdied u jitjieb, - jimplimentaw dan permezz ta' strateġiji nazzjonali dwar il-GPP u permezz ta' aktar kooperazzjoni, u b'mod partikolari fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta' fondi mill-UE; - jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-ħidma li għaddejja maħsuba biex jiġu proposti miżuri kumplimentari biex jiġi żgurat l-iżvilupp armonizzat tal-kriterji u l-miri dwar il-GPP u biex jingħata l-akbar appoġġ politiku lill-GPP. [1] Ta' min jgħid li għall-parti l-kbira ta' l-awtoritajiet pubbliċi, ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni u rinovazzjoni, u l-ispejjeż tal-manutenzjoni tal-bini jirrappreżentaw parti ewlenija min-nefqa annwali, li kultant taqbeż il-50%. [2] Teknoloġija ambjentali hija kull teknoloġija maħsuba biex tevita jew tnaqqas l-impatti ambjentali fi kwalunkwe stadju tal-katina tal-produzzjoni jew taċ-ċiklu ta' l-attivitajiet. [3] UNEP Year Book 2008. http://www.unep.org/Documents.Multilingual/Default.asp?DocumentID=528&ArticleID=5748&l=en [4] L-ispejjeż globali kemm idum jeżisti l-prodott għandhom jinkludu l-prezz biex il-prodott jinxtara u spejjeż relatati (konsenja, installazzjoni, ikkummissjonar...), l-ispejjeż tat-tħaddim (inkluż l-enerġija, il-partijiet li jinbidlulu, il-manutenzjoni) u l-ispejjeż assoċjati ma' tmiem l-użu, bħad-dekommissjonar, it-tneħħija u r-rimi. [5] Id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinament ta' l-għoti tal-kuntratti fis-setturi ta' l-ilma, ta' l-enerġija, tat-trasporti u tas-servizzi postali, u d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinament tal-proċeduri ta' l-għoti tal-kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi, tal-materjal u tas-servizzi. [6] Ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 dwar skema riveduta ta' l-għoti ta' l-eko-tikketta Komunitarja, li bħalissa qiegħed jiġi rivedut. [7] Ir-Regolament (KE) Nru 106/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar programm Komunitarju ta' tikkettar dwar l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir ta' l-uffiċċju. Filwaqt li l-Energy Star hija tikketta li ssir fuq bażi volontarja, ir-Regolament jobbliga lill-awtoritajiet tal-gvern ċentrali u lill-Istituzzjonijiet Komunitarji jużaw ir-rekwiżiti stabbiliti fih fil-kuntratti ta' akkwisti pubbliċi li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttivi dwar l-Akkwisti Pubbliċi. [8] Id-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 li jistabbilixxi qafas għal rekwiżiti dwar l-eko-disinn ta' prodotti li jużaw l-enerġija. [9] COM(2007) 817 finali tad-19.12.2007; il-proposta tistabbilixxi metodoloġija armonizzata biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż tul il-ħajja ta' l-emissjonijiet li jniġġsu u tal-konsum ta' karburant (spejjeż esterni) tal-vetturi u tirrikjedi li l-awtoritajiet kontraenti u l-operaturi tat-trasport pubbliku jużaw din il-metodoloġija huma u jikkalkulaw il-prezz globali ta' vettura għal skopijiet ta' għoti ta' kuntratti. http://ec.europa.eu/transport/clean/index_en.htm [10] COM(2008) 19 finali tat-23.1.2008; Il-proposta tinkludi kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi u tistipula li l-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar ir-rekwiżiti għal skema ta' sostenibbiltà għall-użi enerġetiċi tal-bijomassa, għajr bijokarburanti u bijolikwidi oħrajn, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2010. [11] Fuq il-websajt tal-GPP fuq is-server Europa hemm aktar tagħrif fid-dettall dwar l-istat u l-kontenut tal-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar il-GPP:http://ec.europa.eu/environment/gpp/national_gpp_strategies_en.htm [12] L-Għodda għat-Taħriġ tista' titniżżel minn: http://ec.europa.eu/environment/gpp/toolkit_en.htm [13] http://ec.europa.eu/civil_society/consultation_standards/index_en.htm [14] Taqsima 6 tirreferi għall-miżuri mandatorji futuri dwar il-GPP, li tista' tinkludi t-twaqqif ta' limiti obbligatorji għal akkwisti pubbliċi fil-qasam tad-Direttiva tat-Tikkettjar riveduta u/jew (ara Taqsima 2.3 tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli) [15] Filwaqt li l-proposta għal Direttiva dwar il-promozzjoni ta' vetturi b'enerġija nadifa u effiċjenti tistabbilixxi metodu armonizzat għall-kalkolu ta' l-ispejjeż ta' l-emissjonijiet tal-kontaminanti u l-konsum tal-fjuwil u tipprevedi l-użu obbligatorju ta' dan il-metodu fl-akkwisti pubbliċi wara perjodu tranżizzjonali, għadu utli li jiġu proposti kriterji tal-GPP għat-Trasport u s-servizzi tat-trasport li japplikaw sakemm il-metodoloġija l-ġdida armonizzata prevista fil-proposta ssir applikabbli. [16] L-istandard tal-kostruzzjoni Franċiża għandu l-għan li jikseb kwalità ambjentali għolja ("Haute Qualité Environnementale”) [17] L-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Dispożizzjonijiet Ġenerali għall-Politika ta' Koeżjoni 1083/2006/KE [18] Għal aktar tagħrif: http://ec.europa.eu/enterprise/innovation/documents_en.htm uhttp://ec.europa.eu/invest-in-research/policy/pub_procurement_en.htm [19] COM(2007) 799, 14.12.2007. [20] COM(2007) 860 tal-21 ta’ Diċembru 2007. [21] Aktar informazzjoni fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Inqiegħdu t-tagħrif fil-prattika" (COM(2006) 502: http://cordis.europa.eu/innovation/en/policy/communications/innov_comm.html http://ec.europa.eu/enterprise/leadmarket/leadmarket.htm [22] Eżempju tajjeb ta' dan jinsab fl-akkwisti privati tal-"Mayor of London's Green Procurement Code" http://www.greenprocurementcode.co.uk/