Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-evalwazzjoni esterna taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali /* KUMM/2008/0356 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 13.6.2008 KUMM(2008) 356 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-evalwazzjoni esterna taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali WERREJ 1. Introduzzjoni 3 2. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali 3 2.1. Dwar is-Cedefop 3 2.2. Prijoritajiet u attivitajiet 3 2.3. Evalwazzjonijiet, studji u reviżjonijiet preċedenti 4 2.4. Finanzjament 4 3. Ħarsa ġenerali lejn l-eżerċizzju ta' l-evalwazzjoni esterna 5 4. X’ħareġ mill-mistoqsijiet prinċipali ta’ l-evalwazzjoni 5 4.1. Ir-relevanza u l-komplementarjetà 5 4.2. Effikaċja 6 4.3. Effiċjenza 6 4.4. Valur miżjud u impatt 7 5. RAKKOMANDAZZJONIJIET PRINĊIPALI TA’ L-EVALWAZZJONI ESTERNA 8 5.1. Kwistjonijiet strateġiċi 8 5.2. Kwistjonijiet operattivi 8 5.3. Kwistjonijiet li jirrigwardjaw il-ġestjoni interna 9 6. Konklużjoni 9 1. INTRODUZZJONI Dan ir-rapport jikkonċerna l-evalwazzjoni esterna taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), Aġenzija Komunitarja stabbilita skond ir-Regolament tal-Kunsill 337/75 ta' l-10 ta' Frar 1975[1]. L-Artikolu 27(4) tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[2], u l-Artikolu 21.3b tar-regoli ta’ implimentazzjoni[3], jispeċifikaw li l-Kummissjoni tevalwa attivitajiet bħal dawn fuq bażi regolari u tqassam ir-riżultati ta’ l-evalwazzjoni lill-awtoritajiet ta’ l-infiq, dawk leġiżlattivi kif ukoll dawk baġitarji. L-evalwazzjoni esterna saret bejn l-2006 u l-2007, u kopriet il-perjodu bejn l-2001 u l-2006. Dan ir-rapport hu msejjes fuq is-sejbiet, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport finali, hu mwassal mill-evalwatur u hu disponibbli kollu kemm hu, inkluż l-annessi, fuq http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/evalreports/index_en.htm. 2. Iċ-ĊENTRU EWROPEW GħALL-IżVILUPP TA’ L-EDUKAZZJONI U T-TAħRIġ VOKAZZJONALI 2.1. Dwar is-Cedefop Is-Cedefop[4] hija l-aġenzija ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ETV). Tinsab f’Thessaloniki[5], il-Greċja. Is-Cedefop tagħti sostenn lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali, fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-politika Ewropea ta’ l-ETV. Hija amministrata minn Bord Governattiv kwadripartitiku b’rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri, ta’ organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem, u tal-Kummissjoni Ewropea. Iċ-Ċentru hu ġestit minn direttorat, magħmul mid-direttur u l-viċi-direttur, u għandu madwar 130 staff (professjonali u ta' sostenn). Il-baġit kumplessiv tas-Cedefop hu ta’ madwar € 17-il miljun kull sena. Informazzjoni dettaljata dwar is-Cedefop hija disponibbli fuq is-sit ta’ l-aġenzija (ir-raba’ nota f’qiegħ il-paġna). 2.2. Prijoritajiet u attivitajiet B’konformità mar-Regolamenti tat-Twaqqif tagħha, il-prijoritajiet u l-attivitajiet tas-Cedefop huma definiti skond prijoritajiet għaż-żmien medju (validi għal 3 snin) u programmi annwali ta’ ħidma[6]. Mis-sena 2000 lilhawn, l-istrateġija ta’ Liżbona stimulat aġenda Ewropea li tevolvi malajr, u li hi waħda komprensiva, fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV). Matul dan iż-żmien, is-Cedefop reġgħet aġġustat l-istrateġija tagħha sabiex tiffoka fuq is-sostenn li hi tagħti lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali fl-iżvilupp tal-politika Ewropea ta’ l-ETV. L-aġġustament strateġiku tas-Cedefop huwa rifless fil-prijoritajiet tagħha: 1. li tipprovdi evidenza minn riċerka, dejta statistika u analiżi tal-politika, sabiex tagħti sostenn fit-tfassil tal-politika ta’ l-ETV; 2. li tkattar l-għarfien u t-tagħlim reċiproku dwar il-politika u l-prattika ta’ l-ETV fl-Istati Membri billi tirrapporta fuq l-iżviluppi u l-għażliet tal-politika; 3. li ssaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea fl-iżvilupp tal-politika ta’ l-ETV billi tipprovdi għarfien espert sabiex tgħin fit-tfassil u fis-sostenn ta’ inizjattivi u għodod komuni Ewropej fir-rigward ta’ l-ETV; 4. li żżid il-viżibbilità u l-fehim ta’ kwistjonijiet marbuta ma’ l-ETV permezz ta’ komunikazzjoni effettiva. Sabiex wieħed jilħaq dawn l-għanijiet, is-Cedefop tuża l-għarfien espert intern tagħha, il-ħiliet ta’ riċerka u ta’ analiżi tal-politika, l-esperjenza ta' netwerkjar, ir-riżorsi ta' dejta u l-għodod għat-tqassim sabiex: 5. tagħti sostenn lill-iskambji ta’ informazzjoni u esperjenza u lill-qsim ta’ prattiki tajbin permezz ta’ żjarat ta' studju, netwerks, konferenzi u seminars; 6. tipprovdi lill-partijiet interessati u liċ-ċittadini informazzjoni relevanti dwar kwistjonijiet ċentrali permezz ta’ pubblikazzjonijiet elettroniċi u stampati; 7. tinvolvi lil pajjiżi kandidati fil-qafas tal-politika ta’ l-ETV ta’ l-UE, b’ħidma mill-qrib mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF). L-attivitajiet tas-Cedefop huma speċifikati fid-dettall fil-programmi annwali ta’ ħidma tagħha. 2.3. Evalwazzjonijiet, studji u reviżjonijiet preċedenti Fl-2001 ġiet fi tmiemha evalwazzjoni esterna[7] u wasslet għal dokument ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni[8] u għal pjan ta’ azzjoni tas-Cedefop[9]. 2.4. FinanzjamentIl-baġit komprensiv tas-Cedefop u l-allokazjoni skond it-titoli differenti: Sena | Baġit komprensiv: f’€ | Titolu 1: Nefqa marbuta mal-persunal f’€ | Titolu 2: Nefqa amministrattiva f’€ | Titolu 3: Nefqa operattiva f’€ | 2008 | 17.604.322 | 10.603.000 | 1.409.000 | 5.592.322 | 2007 | 17.374.402 | 9.881.740 | 1.928.260 | 5.564.402 | Fl-Anness 2 wieħed isib deskrizzjoni ġenerali tal-baġit tas-Cedefop għall-perjodu ta’ evalwazzjoni ta’ bejn l-2001 u l-2006; wieħed jista’ jsib informazzjoni dettaljata fil-kontijiet annwali taċ-Ċentru, li huma disponibbli fuq is-sit tas-Cedefop (ir-raba' nota f'qiegħ il-paġna). 3. ĦARSA ġENERALI LEJN L-EżERċIZZJU TA' L-EVALWAZZJONI ESTERNA Id-DĠ Edukazzjoni u Kultura (DG EAC) ikkuntratta lill-Ecotec Research and Consulting Ltd[10] sabiex tagħmel l-evalwazzjoni esterna tas-Cedefop. Ġie stabbilit Kumitat Permanenti, ippresedut minn DĠ EAC, b’rappreżentant wieħed minn kull grupp differenti tal-Bord tat-Tmexxija tas-Cedefop u minn żewġ membri ta’ l-istaff tas-Cedefop, sabiex ikun ta’ sostenn u jsegwi l-ħidma tal-kuntrattur. Dwar l-għanijiet komprensivi ta' l-evalwazzjoni ntlaħaq qbil li jkunu: - evalwazzjoni tar-relevanza, il-komplementarjetà, l-effettività, l-effikaċja, il-valur miżjud u l-impatt ta’ l-attivitajiet tas-Cedefop u l-organizzazzjoni fil-kisba ta’ l-objettivi, il-prijoritajiet u l-ħidmiet ċentrali fid-dokumenti ta’ gwida tal-politika tagħha għas-snin 2001-2006, bħalma huma l-prijoritajiet għaż-żmien medju u l-programmi annwali ta’ ħidma, eċċ); - It-twassil ta’ tagħlimiet u rakkomandazzjonijiet utli li jippermettu lis-Cedefop taffaċċja l-isfidi fis-snin li ġejjin. Ta’ importanza partikolari huma r-rakkomandazzjonijiet li jgħinu sabiex jitjieb l-ipprogrammar, il-ġestjoni, il-prestazzjoni u l-impatt min-naħa tas-Cedefop tal-prodotti u s-servizzi tagħha u tar-responsabbilità tagħha lejn l-Awtorità Baġitarja u lejn il-pubbliku ġenerali. L-evalwazzjoni għandha jkollha karattru formattiv. L-evalwaturi esterni segwew il-metodu u t-terminoloġija preskritta għall-evalwazzjoni skond il-Linji ta’ Gwida tad-DĠ Budget[11] u użaw diversi għodod metodoloġiċi. Dawn ġabru evidenza komprensiva mil-letteratura, dokumenti tal-politika, tiftix mill-web, stħarriġ ta’ l-attivitajiet tas-Cedefop, u erba' każi studjati fid-dettall. Bħala sostenn għal din l-analiżi, inġabru l-fehmiet ta’ aktar minn 100 persuna bi rwol ewlieni permezz ta' intervisti u gruppi ta’ ffukar, u aktar minn 650 persuna li wieġbu f'żewġ stħarriġiet fuq il-web (id-dettalji jinsabu fl-Anness 3 tar-rapport ). 4. X’ħAREġ MILL-MISTOQSIJIET PRINċIPALI TA’ L-EVALWAZZJONI Din it-taqsima tagħti sommarju ta’ l-analiżi u s-sejbiet ta’ l-evalwaturi prinċipali. B’mod ġenerali, dawn jikkonkludu li s-Cedefop hija organizzazzjoni relevanti u effettiva li għandha, b’mod ċar, valur miżjud distint. Bit-twassil tagħha ta’ firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, u meta wieħed iqis il-proporzjon bejn dak li jidħol u dak li joħroġ minnha, is-Cedefop tista’ wkoll tqis ruħha effiċjenti. 4.1. Ir-relevanza u l-komplementarjetà L-evalwazzjoni tikkonkludi b’mod tassew pożittiv dwar ir-relevanza u l-komplementarjetà tas-Cedefop. Tinnota li s-Cedefop mhux talli qiegħda twieġeb għall-aġenda politika ta’ l-ETV ta’ l-UE, imma qiegħda wkoll tinfluwenza l-iżvilupp tagħha. Is-Cedefop saret promotur attiv tal-politika ta’ l-ETV ta’ l-UE fl-ogħla livelli. L-evalwazzjoni ta’ l-evalwaturi tgħid ukoll li s-Cedefop kellha rwol kritiku bħala ‘sors miftuħ’ ta' informazzjoni għall-komunità ġenerali ta’ l-ETV sa mit-twaqqif tagħha, b’mod li kisbet reputazzjoni tajba għal isimha u viżibbilità fl-ETV Ewropea. L-evalwazzjoni tinnota li għalkemm ir-rwol tas-Cedefop bħala ‘sors miftuħ’ li jservi komunità wiesgħa ta’ l-ETV kellu suċċess, issa jista’ jkun iż-żmien għas-Cedefop biex tiffoka aktar fuq l-interessi tal-partijiet interessati immedjati tagħha, partikolarment fl-iżvilupp tal-politika. L-evalwazzjoni tgħid tajjeb li dawn iż-żewġ attivitajiet (‘sors miftuħ’ – sostenn lill-iżvilupp tal-politika) mhumiex inkompatibbli. Għalkemm is-Cedefop issa tipprovdi sostenn lill-iżvilupp tal-politika, ħafna attivitajiet iservu lill-komunità wiesgħa ta’ l-ETV. Il-kwistjoni mhix waħda ta’ inkompatibbilità, imma ta’ bilanċ li jeħtieġ li jinkiseb fl-istrateġija. L-evalwaturi jipperċepixxu wkoll lis-Cedefop bħala li qed ikollha rwol komplementari ma’ aġenziji oħra, u sabu evidenza li s-Cedefop hi konxja mill-ħtieġa li tilqa’ kontra d-duplikazzjoni u li qed tieħu passi konkreti biex tkun ċara dwar il-funzjonijiet rispettivi. B'ħarsa lejn il-ġejjieni, u meta wieħed iqis l-importanza dejjem akbar tar-rwol doppju tas-Cedefop (sostenn lill-iżvilupp tal-politika; ‘sors miftuħ’), dan l-ispazju fil-konfini ma’ dak ta’ aġenziji oħra se jibqa' jirrikjedi ġestjoni attiva. 4.2. Effikaċja Is-Cedefop qed tagħmel xogħol tajjeb, qed tissodisfa l-biċċa l-kbira ta’ l-utenti tagħha, u għandha reputazzjoni tajba ħafna u immaġni ta' prestiġju fl-ETV Ewropew. Hija sors importanti għar-rappurtar, il-ġbir u l-analiżi ta' l-informazzjoni ta' l-ETV fil-livell Ewropew u hija rikonoxxuta għar-rwol tagħha fir-riċerka ta’ l-ETV u fit-tqassim ta’ l-informazzjoni ta’ l-ETV. L-evalwaturi sabu li l-attivitajiet tas-Cedefop iqanqlu rispons tajjeb minn kullimkien. L-evalwazzjoni tinnota xi aspetti b’saħħithom u oħrajn dgħajfin tas-Cedefop. L-aspetti b’saħħithom jinkludu n-netwerkjar, l-inkoraġġiment ta’ peer learning u l-għoti ta’ informazzjoni komparabbli. Is-Cedefop iżżid ħafna valur billi ġġib flimkien il-politika u r-riċerka, b’mod partikolari billi tapplika s-sejbiet mir-riċerka għall-kwistjonijiet tal-politika. B’dan il-mod is-Cedefop tat kontribut effettiv għas-segwitu tal-proċess ta’ Copenhagen għall-kooperazzjoni Ewropea fl-ETV[12], ħidma ta’ firxa u kumplessità kbira li ġiet kompluta b’suċċess bi ftit riżorsi. Barra minn hekk, il-ħiliet tas-Cedefop li jipprevedu l-attivitajiet jimlew fejn hemm nuqqas ta' għarfien fil-livell Ewropew. L-aspetti dgħajfin jinsabu fl-istrateġija komunikattiva tas-Cedefop, partikolarment permezz tas-siti tagħha, u fl-assenza ta’ kultura żviluppata sew ta’ evalwazzjoni. Aspetti oħra tal-ħidma mar-ReferNet – in-netwerk prinċipali tas-Cedefop li jipprovdi l-informazzjoni – jeħtieġu l-attenzjoni, b’mod partikolari il-kapaċità tar-ReferNet li jipprovdi informazzjoni validata minn awtoritajiet nazzjonali li tirrifletti eżattament l-iżviluppi ta’ l-ETV u l-viżibbiità tan-netwerk fl-Istati Membri. 4.3. Effiċjenza Il-ħidma li tinvolvi l-evalwazzjoni ta’ kemm hi effiċjenti l-aġenzija irriżultat aktar diffiċli. Biex tiġi kkalkulata l-effiċjenza, jeħtieġ li wieħed jara kif id-dħul ta’ riżorsi (staff u flus) qed jissarraf fi produzzjoni ta' attivitajiet, sabiex wieħed jevalwa l-valur għall-flus u n-nefqiet komparattivi. Id-dejta finanzjarja u dik tar-rappuratġġ tal-proġetti li hi disponibbli ma ppermettietx lill-evalwaturi jikkalkulaw l-effiċjenza xjentifikament. L-evalwaturi jikkunsidraw li l-ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività beda jiġi implimentat lejn l-aħħar tal-perjodu evalwattiv u li l-indikaturi mkejla ta’ prestazzjoni kienu disponibbli b’mod komprensiv biss għall-ewwel darba fl-2005, fatt li ppermetta osservazzjonijet ta' komparabbilità parzjali bejn l-2005 u l-2006. Biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ dejta xjentifika, l-evalwaturi użaw numru ta’ miżuri ta' sostituzzjoni biex jevalwaw il-livell ta’ effiċjenza tas-Cedefop. Huma jikkonkludu li l-livell ta’ attività kien sempliċement enormi u meta wieħed iqis il-proporzjon bejn x'jidħol u x'joħroġ (firxa wiesgħa ta’ attivitajiet u prodotti), is-Cedefop tista’ sserraħ rasha li hi effiċjenti. L-evalwaturi rrappurtaw li xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet kien diġà ħaseb għalihom it-tim ta’ ġestjoni attwali, iżda dan sar tard wisq għal din l-evalwazzjoni. L-implimentazzjoni b’mod sħiħ ta’ l-ibbaġitjar bbażat fuq l-attività fis-Cedefop fl-2008 huwa kkunsidrat bħala pass importanti biex jiġu ffaċilitati eżerċizzji futuri ta’ evalwazzjoni. 4.4. Valur miżjud u impatt Skond ir-rapport ta’ l-evalwaturi, is-Cedefop hija organizzazzjoni b’valur miżjud distint. Sempliċement m’hemmx alternattivi validi għal dak li tagħmel hi, u għall-bosta mill-attivitajiet tagħha m’hemmx sostitut evidenti. Ebda organizzazzjoni oħra m’għandha ffukar dedikat, u firxa ta’ esperjenza u kompetenza minn madwar l-Ewropa kollha, li jiġu applikati għall-ETV. L-evalwazzjoni osservat diversi oqsma fejn is-Cedefop għandha, b’mod ċar, impatt pożittiv u ġġib valur miżjud. Dawn l-attivitajiet huma punti ewlenin ta' saħħa ta’ l-organizzazzjoni, jiġifieri: - l-analiżi tal-progress fil-proċess ta’ Copenhagen biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea fl-ETV b'mod infurmat u l-produzzjoni ta' rapporti għal-laqgħat ministerjali. Dan wassal biex is-Cedefop tingħata mandat aktar b’saħħtu biex tagħmel monitoraġġ u tirrapporta dwar il-progress ta’ l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-politika Ewropea ta’ l-ETV; - li ġġib flimkien ir-riċerka relevanti ta’ l-ETV biex tinterpreta x-xejriet attwali u tinkoraġġixxi approċċ Ewropew biex jiġu ttrattati kwistjonijiet ta’ l-ETV; - li timla fejn hemm nuqqas ta’ għarfien billi tipprovdi analiżi tant meħtieġa ta’ x’ħiliet hemm bżonn fl-Ewropa, bħalissa u fil-ġejjieni; - li tgħin biex issaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea billi tipprovdi għarfien espert biex tgħin fit-tfassil, fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ għodda Ewropej bħalma huma l-Europass, il-qafas ta’ kwalifika Ewropew (EQF) u s-sistema Ewropea ta' l-akkreditazzjoni (ECETV); - li tippromwovi l-fehim u l- peer learning , billi ġġib lin-nies flimkien – prattikanti, riċerkaturi u, l-aktar importanti, l-imsieħba soċjali. Fl-2006, il-Kummissjoni Ewropea stiednet lis-Cedefop biex tikkoordina l-programm ġdid ta’ żjarat konsolidati ta’ studju fil-programm ta’ tagħlim tul il-ħajja[13] mill-2008 sa l-2013. 5. RAKKOMANDAZZJONIJIET PRINĊIPALI TA’ L-EVALWAZZJONI ESTERNA Din it-taqsima tipprovdi deskrizzjoni ġenerali tas-16-il rakkomandazzjoni ta’ l-evalwazzjoni. Dawn huma miġbura skond tliet kategoriji: kwistjonijiet strateġiċi, operattivi u ta’ ġestjoni interna. 5.1. Kwistjonijiet strateġiċi - Is-Cedefop għandha tkompli tfittex metodi kif tnaqqas il-wisa' tal-portafoll ta' l-attivitajiet tagħha. Għandha tiffoka r-riżorsi tagħha fuq numru iżgħar ta’ attivitajiet ċentrali u tikkonsolida l-ġestjoni tagħha biex timmassimizza ġestjoni b’saħħitha madwar l-oqsma operattivi tagħha. Il-prijoritajiet għaż-żmien medju għas-snin 2009-11, li s-Cedefop qiegħda tifformula fil-preżent, huma opportunità tajjeb sabiex jiġi indirizzat il-bilanċ strateġiku ta' l-operazzjonijiet tagħha bejn il-provvediment ta' ‘sors miftuħ’ u l-kontribuzzjoni u s-sotenn għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-politika ta’ l-ETV ta’ l-UE. Politika komunikattiva aħjar għandha tippermetti lis-Cedefop tirbaħ l-appoġġ tal-partijiet interessati u ta’ l-utenti tagħha għal possibbilità ta’ aġġustamenti strateġiċi. (rakkomandazzjonijiet 2, 3, 4 u 5); - Is-Cedefop għandha tuża aħjar l-objettivi strateġiċi ċari u koerenti tagħha biex tagħmel mill-kultura tagħha ta’ ġestjoni bis-saħħa ta’ objettivi prattika ta’ kuljum li jkun parteċipi fiha l-istaff kollu (rakkomandazzjoni 1) - Is-Cedefop għandha tieħu passi biex tiġbor fond ta’ investiment/ristrutturazzjoni (fi ħdan ir-regoli permissibbli) biex talloka riżorsi ta’ żvilupp lil intrapriżi ġodda u biex toħroġ ’il barra miċ-ċiklu tas-somma żero tat-tnaqqis (rakkomandazzjoni 6). Taħt dan it-titolu, l-evalwatur jindirizza wkoll żewġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-Kummissjoni, jiġifieri li: - tassisti lis-Cedefop biex tesplora metodi kif twieġeb b’mod aktar flessibbli għat-talbiet strateġiċi mistennija minnha (rakkomandazzjoni 7); - tesplora, flimkien mas-servizzi u l-istituzzjonijiet Ewropej relevanti, kif jista’ jkun possibbli fi ħdan ir-regolamenti li lis-Cedefop jingħatalha orizzont għall-ippjanar għal żmien itwal għall-azzjonijiet tagħha (rakkomandazzjoni 8). 5.2. Kwistjonijiet operattivi - Riċerka, pariri u sostenn tal-politika: trid tingħata aktar attenzjoni lill-produzzjoni ta’ pubblikazzjonijiet konċiżi, f’waqthom u ffukati għal dawk li jfasslu l-politika. Is-Cedefop tlaqqa’ flimkien il-politika u r-riċerka. Dan għandu jkun ikkomunikat aħjar lill-komunità usa’ ta’ utenti u partijiet interessati biex jiġi enfasizzat ir-rwol uniku tagħha fl-applikazzjoni ta’ l-aħħar riċerka fil-problemi ta’ l-ETV ta’ l-UE u fil-mili ta’ nuqqas ta’ għarfien. Is-Cedefop għandha tiżviluppa proċess ta’ ‘preskrizzjoni għall-ġejjieni’ li jesplora l-kwistjonijiet ta’ l-ETV li jfiġġu lil hinn mill-2010 u li jikkontribwixxi għall-aġenda ta’ l-ETV ta’ l-UE (rakkomandazzjonijiet 12, 13 u 14). - Komunikazzjoni, informazzjoni u tqassim: L-istrateġija komunikattiva tas-Cedefop għandha tiġi riveduta sabiex tqis aħjar il-bżonnijiet tal-partijiet interessati u tal-gruppi li trid tilħaq. Għandha tittieħed azzjoni biex jiġi realizzat il-potenzjal sħiħ tar-ReferNet u biex jiġu sfruttati l-kwalitajiet li huma integrati fil-mudell (rakkomandazzjonijiet 9 u 10); - Skambu u kooperazzjoni: il-programm ta' żjarat ta' studju għandu jkun estiż u żviluppat fi pjattaforma biex jidentifika, iqassam u jaqsam prattiki tajbin fl-ETV madwar l-EU (rakkomandazzjoni 11); 5.3. Kwistjonijiet li jirrigwardjaw il-ġestjoni interna - L-ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività għandhu jkun ikkumplimentat minn rappurtaġġ finanzjarju bbażat fuq l-attività. Dan jippermetti lis-Cedefop biex tewalva, b’mod preċiż, ir-riżorsi attwali li jintużaw għall-attivitajiet tagħha (b’kuntrast ma’ dawk li huma bbaġitjati). Dan għandu jkun ukoll ta' għajnuna meta jsiru għażliet strateġiċi bl-għarfien tal-prezz ta’ opportunità ta' kull attività (rakkomandazzjoni 15). - Biex tissaħħaħ il-kultura ta’ evalwazzjoni tas-Cedefop jeħtieġ jiddaħħlu miżuri għall-valur għall-flus u għall-effikaċja (analiżi tal-kosti ta' l-unità u ta’ l-ispiża komparattiva) sabiex, perjodikament, tiġi eżaminata l-prestazzjoni. Dan għandu jinkludi l-abilità li jiġi rrappurtat l-impatt kif ukoll il-viżibilità (rakkomandazzjoni 16). B’mod ġenerali, il-Kummissjoni u s-Cedefop jaċċettaw ir-rakkomandazzjonijiet imwassla mill-evalwaturi. Is-Cedefop għandha riżorsi limitati u huwa importanti li tużahom fl-aħjar mod possibbli. Minħabba d-diversità tal-partijiet interessati prinċipali (il-gvernijiet; l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem; it- trade unions ; il-Kummissjoni Ewropea) u tal-komunità ta’ l-utenti (minn dawk li jfasslu l-politika għall-prattikanti), huwa importanti li tinstab it-taħlita u l-bilanċ korrett bejn l-attivitajiet relatati mas-sostenn lill-iżvilupp tal-politika u l-implimentazzjoni, u dawk relatati ma' l-għoti ta' sostenn bħala ‘sors miftuħ’ għal kwistjonijiet ta' l-ETV. Il-Kummissjoni u s-Cedefop għandhom ifasslu pjanijiet dettaljati għas-segwitu tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ l-evalwazzjoni esterna. 6. KONKLUżJONI Il-Kummissjoni taqsam il-fehma ġeneralment pożittiva ta’ l-evalwaturi dwar ħidmet is-Cedefop. Hi tikkunsidra li s-Cedefop tat kontribut importanti lill-attivitajiet tal-Komunità fl-ETV. Mis-sena 2000 lilhawn, l-istrateġija ta' Liżbona, l-Edukazzjoni u Taħriġ 2010, il-proċess ta’ Copenhagen u t-tkabbir ta’ l-UE, ġabu bidla kbira fil-kuntest Ewropew ta' l-ETV. L-evalwazzjoni tirrikonoxxi l-ambjent tas-Cedefop, dejjem aktar kumpless u esiġenti f’dawn l-aħħar sitt snin. L-evalwazzjoni tikkonkludi li s-Cedefop imxiet tajjeb billi kabbret il-flessibbilità, l-impatt u l-valur. B’mod partikolari, is-Cedefop kienet ta’ sostenn għall-proċess ta’ l-iżvilupp tal-politika billi għenet fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010, u billi għamlet monitoraġġ u rappurtaġġ tal-progress ta’ l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta’ politika ta’ l-ETV li dwarhom kien hemm qbil fil-proċess ta’ Copenhagen. Is-Cedefop ikkontribwiet biex issaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea billi għenet fl-iżvilupp ta’ għodod Ewropej bħalma hu l-Europass u l-qafas ta’ kwalifiki Ewropej u billi stimulat skambji u peer learning permezz tal-programm ta’ żjajjar ta’ studju. L-evalwazzjoni tikkonkludi li s-Cedefop għandha immaġni ta' prestiġju, iġġib valur miżjud distint u għal ħafna attivitajiet m’għandhiex sostitut evidenti. “Ebda organizzazzjoni oħra m’għandha ffukar dedikat fuq l-ETV, u firxa ta’ esperjenza u kompetenza minn madwar l-Ewropa kollha, li jiġu applikati għall-qasam. Tabilħaqq, jeżisti argument b’saħħtu li, li kieku s-Cedefop ma kinitx teżisti, kien ikollha tiġi vvintata organizzazzjoni li tixbahha. Waqt il-perjodu ta’ evalwazzjoni, 2001-06, is-Cedefop tbiegħdet mir-rwol pjuttost tradizzjonali tagħha għal dak ta’ ‘sors miftuħ’ għad-dispożizzjoni tal-komunità usa' ta' l-ETV biex issir aktar proattiva fis-sostenn li tagħti lill-iżvilupp tal-politika ta' l-ETV ta’ l-UE. Din iċ-ċaqliqa fl-istrateġija bdiet fl-2002 bid-dikjarazzjoni ta’ Copenhagen, imxiet sew ’il quddiem bis-saħħa tal-communiqués ta’ Maastricht u Ħelsinki, u hija mistennija li tkompli. L-evalwazzjoni sabet li l-Bord Governattiv tassew jagħti sostenn lill-aġġustament strateġiku tas-Cedefop. Madankollu, biex ċaqliqa bħal din ikollha suċċess jeħtieġ li jiġu prijoritizzati u megħjuna attivitajiet b’mod effettiv, u li s-Cedefop tkompli bħala ‘sors miftuħ’ fl-Ewropa, filwaqt li, in tandem , tkompli tagħti sostenn lill-missjoni tal-politika. L-evalwaturi jikkunsidraw li ‘ ma teżisti ebda problema b’dan, naturalment, sakemm il-livell ta’ riżorsi jifilħu dan u fejn il-firxa ta’ kompetenza fl-organizzazzjoni tesagħhom it-tnejn .’ Madankollu, minħabba li s-Cedefop hi mistennija tipprovdi aktar sostenn għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika, u r-riżorsi huma limitati, huwa importanti li wieħed jiffoka r-riżorsi disponibbli fuq numru iżgħar ta’ attivitajiet ċentrali. Is-Cedefop għandha titbiegħed – sa ċertu punt – mir-rwol tagħha ta’ ‘sors miftuħ’. Dan ifisser għażliet ibsin dwar it-twaqqif ta’ attivitajiet li għandhom valur fihom infushom, imma li ma jżidux valur sostanzjali għall-partijiet interessati prinċipali. Is-Cedefop teħtieġ tirrevedi l-istrateġija u s-servizzi informattivi u komunikattivi tagħha sabiex timmira l-informazzjoni lejn gruppi speċifiċi ta’ partijiet interessati li jeħtieġu tipi u formats differenti. Huwa importanti li s-Cedefop tinvolvi u tispjega lill-komunità usa’ ta’ l-ETV l-aġġustament strateġiku tagħha ma’ l-attivitajiet ta’ sostenn marbuta mal-politika. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ l-ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività fl-2008 mis-Cedefop huwa pass importanti biex issir aktar viżibbli, u biex wieħed jifhem aħjar, ir-relazzjoni bejn l-investiment u r-riżultati ta’ attivitajiet differenti, u allura l-valur strateġiku tagħhom għall-organizzazzjoni u l-partijiet interessati tagħha. Kif irrakkomandat mill-evalwaturi, is-Cedefop għandha tinvestiga kif din is-sistema tista’ tintuża għall-monitoraġġ u r-rappurtaġġ finanzjarju biex tevalwa, preċiżament, ir-riżorsi li attwalment ikunu ntużaw mill-attivitajiet (b’kuntrast mar-riżorsi bbaġitjati). Dan għandu jkun komplimentat b’indikaturi relevanti, li jistgħu jitkejlu, biex jiffaċilitaw is-segwitu ta’ l-objettivi u l-għanijiet u biex jgħinu fl-evalwazzjoni ta’ l-impatt tas-Cedefop fl-oqsma li tintervjeni fihom. Il-ġestjoni tas-Cedefop għandha tkompli bl-isforz tagħha biex tistabbilixxi viżjoni ċara, b’mod li l-istaff kollu jkun parteċipi fil-missjoni strateġika tagħha. Ir-rapport dwar l-evalwazzjoni esterna jipprovdi sejbiet u rakkomandazzjonijiet biex is-Cedefop tkompli tiżviluppa bħala l-aġenzija ta’ l-UE għall-ETV. Is-segwitu konkret tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet għandu jiġi garantit fuq żewġ livelli: - pjan ta’ azzjoni ippreżentat mis-Cedefop lill-Bord Governattiv tagħha li jindika l-analiżi u l-azzjonijiet suġġeriti min-naħa tagħha dwar ir-rakkomandazzjonijiet ta’ l-evalwazzjoni. L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni se tkun issorveljata mill-Bord Governattiv. - pjan ta’ azzjoni mfassal mid-DĠ EAC li jqis il-pjan ta’ azzjoni tas-Cedefop, iżda li jindirizza s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ l-evalwazzjoni lil hinn mill-kompetenzi tas-Cedefop, partikolarment dawk indirizzati lill-Kummissjoni. [pic] Anness 2 L-EVOLUZZJONI TAL-BAĠIT, 2001-2006 Sussidji Komunitarji | Dħul (imdaħħal fil-baġit finali u miġbur b’mod effettiv) | Approprjazzjonijiet għall-infiq (imdaħħla fil-baġit finali) skond it-titolu | Approprjazzjonijiet għall-infiq (impenjati u mħallsa) | Riżorsi umani | Sena | | Id-dħul li ddaħħal f’€ 1000 | Id-dħul miġbur f’€ 1000 | Staff (Titolu 1) f’€ 1000 | Amministrazzjoni u infrastruttura (Titolu 2) f’€ 1000 | Operazzjonijiet (Titolu 3) f’€ 1000 | Impenji li saru f’€ 1000 | Ħlasijiet li saru f’€ 1000 | Pjan ta' Stabbiliment | Nru totali ta’ staff (sal-31.12 tas-sena) | | 2001 | B3-1030: 8,5 m€ B3-1031: 4,7 m€ Total: 13,2 m€ |13.600 |13.500 |7.500 |1.000 |5.000 |13.500 |10.600 |81 post |127 | | 2002 | B3-1030: 9,2 m€ B3-1031: 4,5 m€ Total: 13,7 m€ |14.200 |12.600 |8.100 |1.100 |5.000 |13.900 |10.900 |83 post |123 | | 2003 | B3-1030: 9,4 m€ B3-1031:5,1 m€ Total: 14,5 m€ |14.700 |15.300 |8.000 |1.200 |5.500 |15.400 |11.300 |83 post |125 | | 2004 | 15 03 01 03: 10,638 m€ 15 03 01 04: 5,162 m€ Total: 15,8 m€ |16.546 |14.466 |9.243 |1.395 |5.958 |16.313 |12.270 |88 post |137 | | 2005 | 15 03 01 03: 10,662 m€ 15 03 01 04: 5.438 m€ Total: 16,1 m€ |17.093 |16.989 |9.468 |1.372 |5.578 |15.290 |14.381 |91 post |123 | | 2006 | 15 03 01 03: 10,962 m€ 15 03 01 04: 5,438 m€ Total: 16.4 m€ |17.563 |15.313 |9.443 |1.419 |5.978 |15.872 |13.475 |95 post |123 | |Mill-qabża għal Ibbaġitjar Ibbażat fuq l-Attività fl-2004: 15 03 01 03 jissostitwixxi B3-1030; 15 03 01 04 jissostitwixxi B3-1031 [1] ĠU L 39, 13.2.1975, p. 1-4. [2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1525/2007 tas-17 ta' Diċembru 2007 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej. [3] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007 tat-23 ta’ April 2007, li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 [4] Is-sit tas-Cedefop: http://www.cedefop.europa.eu/ [5] Imwaqqfa fl-1975 u oriġinarjament ibbażata f’Berlin. Fl-1995 l-uffiċċju ewlieni tas-Cedefop ġie trasferit għat-Thessaloniki. [6] Il-prijoritajiet għaż-żmien medju u l-programmi annwali ta’ ħidma huma aċċessibbli mis-sit tas-Cedefop (ara r-raba’ nota f'qiegħ il-paġna). [7] http://www.ec.europa.eu/education/programmes/evaluation/cedefop/final_report_pl_ramboll_en.pdf [8] http://www.ec.europa.eu/education/programmes/evaluation/cedefop/annex_position_paper_en.pdf [9] http://www.ec.europa.eu/education/programmes/evaluation/cedefop/actionpl_en.pdf [10] Wara proċedura kompetittiva ta’ tenderjar, l-Ecotec Research and Consulting Ltd ingħatat kuntratt ta’ qafas għall-evalwazzjoni ta’ l-attivitajiet relatati tad-DĠ EAC. [11] ‘L-Evalwazzjoni ta’ l-Attivitajiet ta’ l-UE: Gwida prattika għas-servizzi tal-Kummissjoni’, il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit, Lulju 2004. [12] Informazzjoni dwar il-proċess ta’ Copenhagen fuq: http://ec.europa.eu/education/policies/2010/vocational_en.html [13] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja (1720/2006/KE). Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea L 327, 24.11.2006, p. 45.