52008DC0331

Komunikazzjoni mill–Kummissjoni lill–Kunsill - Opportunitajiet tas-Sajd għall-2009 Dikjarazzjoni ta' Politika mill-Kummissjoni Ewropea /* KUMM/2008/0331 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.5.2008

KUMM(2008) 331 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Opportunitajiet tas-Sajd għall-2009 Dikjarazzjoni ta' Politika mill-Kummissjoni Ewropea

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Opportunitajiet tas-Sajd għall-2009 Dikjarazzjoni ta' Politika mill-Kummissjoni Ewropea

WERREJ

1. Introduzzjoni 4

2. Il-Qagħda tar-Riżorsi 5

3. Prinċipji għall-2008 6

4. Opportunitajiet tas-Sajd Deċiżi taħt il-PKS 7

4.1. L-istabbiliment tat-TACs 7

4.2. L-istabbiliment ta' l-isforz tas-sajd 7

5. Sfidi għall-Profitibbiltà 8

6. Segwitu tal-kwistjonijiet li jridu jiġu ġestiti mill-Istati Membri 8

7. Il-Ġestjoni permezz ta' ppjanar fit-tul 8

8. Metodu ta' ħidma fejn għad m'hemmx pjanijiet fit-tul 9

9. Titjib fir-Rappurtar tal-Qbid, fid-Data u l-Evalwazzjonijiet 10

10. Tnaqqis fir-Rimi 10

11. Speċijiet tal-baħar fond 11

12. Il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed 11

13. Il-Baħar Baltiku 12

14. Miżuri tekniċi 12

15. L-Iskedar tal-Proposti 12

16. Konklużjoni 13

ANNESS I 14

ANNESS II 15

1. INTRODUZZJONI

Kull sena, l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi dwar l-opportunitajiet tas-sajd – il-kwoti tal-ħut u l-jiem permessi fuq il-baħar – għas-sajjieda Ewropej u fl-ibħra Ewropej. Dawn id-deċiżjonijiet isiru abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha tiġi fformulata skond numru ta' prinċipji ta' gwida. L-ewwel, u skond l-għanijiet ewlenin tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS)[1], l-opportunitajiet tas-sajd annwali għandhom jiġu stabbiliti f'livell li jiżgura użu sostenibbli tar-riżorsi f'termini ambjentali, ekonomiċi u soċjali. It-tieni, meta jitqies il-bżonn li jiġi żgurat qafas stabbli u previdibbli għall-operaturi li jiddependu fuq is-sajd, il-varjazzjonijiet annwali għandhom jinżammu fi ħdan limiti determinati minn qabel. It-tielet, l-impenji internazzjonali għandhom jiġu rispettati, inkluż l-impenn li jerġgħu jittellgħu l-istokkijiet sabiex jilħqu l-produttività massima tagħhom[2]. Fl-aħħarnett, skond l-approċċ miftiehem fil-Komunikazzjoni "Intejbu l-konsultazzjoni dwar il-ġestjoni tas-sajd Komunitarju" ta' l-2006, il-partijiet interessati għandhom jiġu involuti fi stadju bikri fid-diskussjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd.

Skond il-metodu ta' ħidma l-ġdid propost fl-2006, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tħejjija tal-proposti tagħha għall-qabdiet totali permessi (TACs) u l-isforz tas-sajd għall-2009 biex tilħaq l-impenn tagħha għal sajd sostenibbli. Fl-2009, dan l-eżerċizzju ser isir fi sfond ta' sfidi urġenti li qed tiffaċċja l-PKS. Minkejja diversi snin ta' implimentazzjoni tal-PKS, il-qagħda tar-riżorsi għadha tqajjem tħassib. Diversi stokkijiet huma sfruttati lil hinn mis-sostenibbiltà. L-opportunitajiet tas-sajd ġew stabbiliti f'livelli għoljin wisq biex ikunu sostenibbli. Is-sistemi tal-ġestjoni ta' l-isforz ma ħadmux kif kien mistenni. Hemm problemi serji fl-infurzar ta' l-opportunitajiet tas-sajd, u jeħtieġ li jiġu indirizzati l-problemi ta' l-implimentazzjoni. Jinħtieġ ukoll titjib fil-miżuri tekniċi.

Meta tistabbilixxi l-opinjonijiet tagħha dwar l-opportunitajiet tas-sajd fl-2009, il-Kummissjoni għalhekk għandha tipproponi miżuri biex tindirizza dawn l-isfidi. Dan jinkludi r-reviżjoni tal-limiti fl-istabbiliment ta' l-aġġustamenti annwali fit-TACs u l-kwoti. It-titjib fil-miżuri tekniki ser jiġi ppreżentat ukoll fi proposta separata. Matul l-2008, il-Kummissjoni ser tibda wkoll ħidma fuq approċċ iktar reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd. Għandha tingħata attenzjoni iktar mill-qrib biex l-elementi varji tal-PKS jaħdmu flimkien biex tissaħħaħ is-sostenibiltà tas-sajd bl-aktar mod xierq f'kull reġjun. Oqsma oħra ta' politika ser ikunu relatati iktar mill-qrib ma' l-isfruttar sostenibbli ta' l-istokkijiet tal-ħut fil-medda t-twila ta’ żmien.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tfittex l-opinjonijiet tal-partijiet interessati dwar id-dikjarazzjoni tal-politika stabbilita f'din il-Komunikazzjoni u li tistieden lill-Istati Membri u s-settur ta' l-industrija biex jiddiskutu kif jistgħu jtejbu l-metodi ta' ħidma għall-preżentazzjoni ta' l-opportunitajiet tas-sajd annwali. Ser jiġu ppjanati iktar konsultazzjonijiet dwar it-titjib ta' l-aspetti l-oħra tal-ġestjoni tas-sajd matul l-2008.

2. IL-QAGħDA TAR-RIżORSI

F'bosta setturi, il-politika tal-konservazzjoni mhix qed twassal għas-sostenibbiltà. Ħafna mill-istokkijiet demersali naqsu u mhumiex sostenibbli, minħabba li qed jiġu sfruttati lilhinn mil-limiti bijoloġiċi sikuri. Speċijiet bħall-capelin u ċ-ċiċċirell li jintużaw fil-produzzjoni tat-tħin tal-ħut huma skarsi. It-tonn huwa sfruttat iżżejjed u hemm problema serja ta' kontroll. Madankollu l-istokkijiet tal-pixxispad jinsabu f'qagħda aħjar. Ħafna stokkijiet pelaġiċi oħra qed jinqabdu b'mod sostenibbli. Fil-Mediterran, qed jiġu ssorveljati biss żewġ speċijiet demersali u żewġ speċijiet pelaġiċi żgħar. L-istokkijiet demersali jaqbżu l-limiti bijoloġiċi sikuri, iżda ż-żewġ stokkijiet pelaġiċi mhumiex sfruttati għal kollox.

L-aġenziji xjentifiċi jevalwaw kull sena jekk l-istokkijiet humiex fir-riskju li r-riproduzzjoni futura tagħhom tkun kompromessa, jiġifieri, jekk jaqbżux "il-limiti bijoloġiċi sikuri". L-iktar minħabba rapporti ta' qbid mhux eżatti, il-qagħda ta' madwar 57% ta' l-istokkijiet mhix magħrufa. Minn dawn l-istokkijiet li l-qagħda tagħhom mhijiex magħrufa, 68% huma f'riskju għoli li jinqerdu, u għal madwar 38% ta' l-istokkijiet huwa magħruf li qed jinqabdu b'mod sostenibbli. Fi 88% ta' l-istokkijiet, il-qbid żejjed huwa tant serju li jinqabad iktar ħut kieku kien hemm inqas sajd. Dan in-numru jaqbeż sew is-sitwazzjoni barra mill-UE fejn il-medja globali hija li 25% ta' l-istokkijiet qed jinqabdu ż-żejjed[3]. Madwar 19% ta' l-istokkijiet jinsabu f'qagħda tant ħażina li x-xjenzjati huma tal-parir li m'għandux isir iktar sajd (Ara t-tabelli f'Anness I).

Minn perspettiva iktar fit-tul, il-qbid żejjed wassal għal sitwazzjoni fejn l-istokkijiet tal-ħut fl-ibħra ta' l-UE jikkontribwixxu ħafna inqas għall-ekonomija Ewropea u għall-provvista ta' l-ikel milli kienu fil-passat. L-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana issa jipproduċu biss għoxrin fil-mija ta' dak li kien jinqabad minnhom 25 sena ilu. Xejriet simili jidhru f'ħafna miż-żoni fejn hija disponibbli l-informazzjoni (ara Grafika 1).

Ħatt l-art stimat ta' l-ispeċijiet demersali mill-Baħar tat-Tramuntana (1970-2004) | Ħatt l-art stimat ta' merluzz, megrims u l-awwist fiż-żona Iberika ta' l-Atlantiku |

[pic]

Grafika 1. Kaxxa tax-xellug, estimi tal-ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana 1970-2004. Kaxxa tal-lemin, ħatt l-art stmat ta' l-ispeċijiet demersali ewlenin (marlozz, megrims, xkatlu u awwist) fiż-żona Iberika ta' l-Atlantiku Data mill-ICES (2005) fiż-żewġ każijiet.

Dan it-tnaqqis fil-produttività wassal għal żieda fid-dipendenza fuq materja prima importata għall-industrija ta' l-ikel Ewropea u għas-suq Ewropew. Filwaqt li 75% tal-prodotti tal-ħut għas-suq Ewropew kien joriġina minn riżorsi domestiċi fil-bidu ta' l-1970, il-prodotti domestiċi issa jikkontribwixxu biss madwar 40% (ara Figura 2).

Relazzjoni bejn il-produzzjoni u l-importazzjoni tal-ħut fl-UE 15 1961-2001 (f’%) (Sors: Eurostat) |

[pic]

Grafika 2. Il-bilanċ bejn il-produzzjoni u l-importazzjoni tal-prodotti tal-ħut (ikel u mhux ikel) fl-UE.

Minkejja sforzi sostanzjali, m'hemmx sinjali sinifikanti ta' rkupru ta' l-istokk u lanqas ta' tnaqqis fil-qbid żejjed mill-2003. Il-ġestjoni tas-sajd fl-Unjoni Ewropea mhix qed taħdem kif suppost u l-għan li tinkiseb sostenibbiltà fit-tul mhux qed jintlaħaq.

3. PRINċIPJI GħALL-2008

F'dan l-isfond ta’ l-eżawriment ta’ l-istokkijiet u l-opportunitajiet tas-sajd għoljin wisq meta mqabbla mal-parir xjentifiku, il-Kummissjoni għadha impjenjata biex jintlaħqu opportunitajiet tas-sajd li huma sostenibbli skond il-parir xjentifiku u, għall-istokkijiet eżawriti, ser tippermetti possibbiltà kbir biex l-istokk jirkupra.

L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti:

- skond pjanijiet fuq medda twila;

- fir-rispett tal-ftehimiet internazzjonali rilevanti;

- fir-rispett ta' l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd, u speċjalment fir-rispett tal-bżonn li jitnaqqas is-sajd għal stokkijiet sfruttati żżejjed u biex jerġgħu jittellgħu l-istokkijiet eżawriti.

- Il-Kummissjoni tagħti l-ogħla importanza għar-rispett ta' dawn il-prinċipji. Dawn qed jiġu spjegati f’aktar dettall hawn isfel.

4. OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD DEċIżI TAħT IL-PKS

4.1. L-istabbiliment tat-TACs

Il-qbid żejjed u l-eżawriment ta' l-istokkijiet jirriżultaw mill-istabbiliment ta' livelli għoljin wisq tat-TACs u ta' l-isforzi. It-TACs deċiżi mill-Kunsill kellhom medja ta' madwar 48% ogħla mill-qbid li, skond l-aġenziji xjentifiċi, ikun sostenibbli skond l-approċċ prekawzjonali[4]. Minbarra l-problemi magħrufa dwar l-infurzar, l-istabbiliment ta' kwoti għoljin wisq ikkontribwixxa biex ir-riżorsi marittimi jinżammu f'livelli baxxi. Din il-Komunikazzjoni tindirizza metodi ġodda kif jiġu stabbiliti t-TACs biex jiġu evitati dawn il-problemi.

4.2. L-istabbiliment ta' l-isforz tas-sajd

L-isforz tas-sajd ġie ġestit flimkien mat-TACs biex jitnaqqas ir-rimi lura u jitnaqqsu l-opportunitajiet għal qabdiet illegali, mhux rapportati u mhux regolati (IUU). Il-ġestjoni ta' l-isforz hija wkoll miżura ta' konservazzjoni fejn il-previżjonijiet użati biex jiġu proposti TACs ma jkunx disponibbli. Kienet parti mill-pjanijiet fuq medda twila għall-merluzz, il-barbun tat-tbajja' u l-lingwata tal-Baħar tat-Tramuntana, il-lingwata tal-Lvant tal-Kanal, u l-istokkijiet tal-marlozz tan-Nosfinhar.

L-isforz tas-sajd u l-mortalità tal-ħut li jolqtu lill-merluzz għadhom għoljin wisq. Bejn l-2004 u l-2006, l-isforz naqas biss bi 12% f'Kattegat, b'9% fi Skagerrak, fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Lvant tal-Kanal , b'24% fil-Punent ta' l-Iskozja, u bi 17% fil-Baħar Irlandiż.

Sitwazzjonijiet simili japplikaw għal stokkijiet oħra kkonċernati mill-iskema tal-jiem fuq il-baħar.

L-iskema eżistenti ma tistax twassal għal iktar tnaqqis, hekk kif inhu meħtieġ, għaliex is-sistema kurrenti tippermetti tpattija għat-tnaqqis fil-jiem tas-sajd b'derogi kumplessi. Is-sistema talloka wkoll drittijiet tas-sajd lil bastimenti inattivi, li jistgħu jiġu trasferiti għal bastimenti attivi. It-tnaqqis tal-jiem tas-sajd ma kienx effettiv ħafna biex inaqqas l-isforz fil-fatt użat. B'konsegwenza ta' dan, miri realistiċi tat-tnaqqis ta' l-isforz ma jistgħux jintlaħqu biss billi jitnaqqsu l-jiem tas-sajd.

Sistema ta' ġestjoni ta' l-isforz possibbli bbażata fuq limiti ta' kW-jiem ġiet diskussa. Dan il-metodu jħalli f'idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu fuq bilanċ bejn il-kapaċità tal-flotta u l-opportunitajiet tas-sajd. Dan jippermetti wkoll li l-Istati Membri jaġġustaw l-allokazzjonijiet ta' kW-jiem biex jinkuraġġixxu sajd b'livell baxx ta' rimi u li jiġi evitat il-merluzz. Il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu dwar dikjarazzjoni dwar dan is-suġġett fil-Kunsill ta' Diċembru ta' l-2007:

"Il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li approċċ ta' kW-jiem ikun iktar adattat għall-ġestjoni ta' l-isforz tas-sajd fiż-żoni koperti mill-iskemi multiannwali għall-merluzz, il-ħut ċatt u l-marlozz tan-Nofsinhar. Ser jippruvaw jiddiskutu matul l-2008 tali approċċ fuq il-bażi ta' l-ideat li ressqet il-Kummissjoni fil-kuntest tat-tħejjija tat-TAC ta' l-2008 u l-pakkett tal-Kwoti. Għandhom jimmiraw li ssir l-implimentazzjoni ta' tali approċċ fl-2009."

Il-Kunsill approva wkoll l-użu bikri u volontarju tas-sistema ta' kW-jiem biex titħaffef it-tranżizzjoni għal sistema sħiħa ta' kW-jiem taħt il-pjan rivedut ta' rkupru tal-merluzz fl-2009.

Is-sistema l-ġdida ser tiġi proposta fil-kuntest tar-reviżjoni tal-pjan ta' l-irkupru tal-merluzz għas-snin li ġejjin u, għall-implimentazzjoni immedjata tagħha fl-2009, fil-proposta tat-TAC ta' l-2009.

5. SFIDI GħALL-PROFITIBBILTÀ

Il-prezzijiet taż-żejt laħqu livell għoli fl-aħħar ta' l-2007 u probabbilment ser jibqgħu għoljin jew jiżdiedu iktar. Dan jippreżenta l-ogħla sfidi għall-bastimenti li jużaw metodi ta' sajd li jaħlu ħafna fjuwil bħall-bastimenti tat-tkarkir, u speċjalment il-bastimenti tat-tkarkir bit-travu. Il-prezzijiet għoljin taż-żejt ser isaħħu l-bżonn li jitnaqqas l-ammont ta' sajd għal dak meħtieġ biex isiru l-ogħla qabdiet. L-istabbiliment ta' opportunitajiet tas-sajd għoljin mhux realistiċi fit-terminu qasir ikun kontroproduttiv.

6. SEGWITU TAL-KWISTJONIJIET LI JRIDU JIġU ġESTITI MILL-ISTATI MEMBRI

Fl-2008, ir-Regolament dwar l-"Opportunitajiet tas-Sajd" ipprovda lill-Istati Membri b'iktar opportunitajiet li jieħdu inizjattivi biex inaqqsu r-rimi tal-merlanfu u l-merluzz, biex jiddeterminaw metodi ta' infurzar li jikkonċernaw iż-żoni protetti taħt "Natura 2000", u biex jirriallokaw il-jiem tas-sajd fost il-gruppi ta' l-irkaptu sabiex titnaqqas il-mortalità tal-ħut tal-merluzz. Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex jirrappurtaw fuq ir-riżultati ta' dawn l-inizjattivi, u ser jirrevedu r-riżultati qabel ma jiġi propost li dawn ikomplu.

7. IL-ĠESTJONI PERMEZZ TA' PPJANAR FIT-TUL

Il-ġestjoni tas-sajd taħdem sew meta jkun ippjanat kif xieraq. Il-potenzjal produttiv ta' l-istokkijiet tal-ħut għandu jiġi mifhum, u l-isfruttar tagħhom għandu jitqies fit-tul. Huma meħtieġa data bijoloġiċi tajbin u evalwazzjonijiet. Għandhom jinstabu mezzi kif tiżdied il-produzzjoni tal-ħut, titjieb l-effiċjenza, u kif jitnaqqsu r-rimi u l-impatti mhux neċessarji fuq l-ambjent marittimu. Dawn il-metodi għandhom ikunu prattiċi u jipprovdu kemm jista' jkun stabbiltà għad-dħul u l-impjieg.

Għandha tingħata prijorità biex l-istokkijiet jiġu ġestiti sew fit-tul, u fejn l-istokkijiet qed jinqerdu, huma meħtieġa pjanijiet ta' rkupru. Sar ħafna progress mir-riforma ta' l-2002, u ġew żviluppati pjanijiet għal ħafna stokkijiet (33% tal-qbid u 28% ta' l-istokkijiet tal-ħut pelaġiċi, 45% tal-qbid u 32% ta' l-istokkijiet tal-ħut demersali huma ġestiti taħt pjanijiet fit-tul), iżda jeħtieġ li jsir iktar biex jiġu stabbiliti pjanijiet fit-tul.

Il-pjanijiet fit-tul għadhom fil-qalba tal-politika tal-Kummissjoni fl-2008. Il-pjanijiet eżistenti għandhom jiġu implimentati. Ser jiġu proposti iktar pjanijiet fl-2008 għas-Salamun tal-Baltiku, għall-aringi fil-Punent ta' l-Iskozja u għall-marlozz tat-Tramuntana. Il-pjan ta' rkupru tal-merluzz ser jiġi rivedut. Ser jingħata kont tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati li saru fl-2007 u tal-parir xjentifiku. Ser jitkompla x-xogħol biex iktar stokkijiet jiġu ġestiti fit-tul (inklużi l-laċċ ikħal u l-aringi), u dawn għandhom jiksbu rendiment massimu sostenibbli, tnaqqis fir-rimi u impatt imnaqqas fuq l-ambjent marittimu. Il-pjanijiet ta' ġestjoni fit-tul ser jintużaw ukoll għall-iżvilupp ta' l-apporċċ imsejjes fuq l-ekosistemi għas-sajd.

8. METODU TA' ħIDMA FEJN GħAD M'HEMMX PJANIJIET FIT-TUL

Fejn għad m'hemmx pjanijiet fit-tul, id-deċiżjonijiet tat-TAC jittieħdu fuq il-bażi ta' parir xjentifiku annwali mill-ICES u l-STECF. Ġew żviluppat regoli[5],[6] għall-istabbiliment tat-TAC sabiex jiġi żgurat trattament ġust u biex tiġi pprovduta kemm jista' jkun stabbiltà għall-industrija. Dawn ir-regoli ser ikomplu, iżda b'xi tibdiliet kif mitlub mill-aħħar parir xjentifiku.

Fl-2007 l-STECF irrapporta dwar ir-riżultat probabbli tar-regoli tad-Dikjarazzjonijiet ta' Politika tal-Kummisjoni[7]. Il-parir kien favorevoli ħafna, iżda rrimarka żewġ nuqqasijiet serji.

L-ewwel wieħed hu li ħafna drabi r-regoli żammew lill-istokkijiet li qed jinqerdu milli jirkupraw. Għalkemm ir-regoli jistabbilixxu r-rata tas-sajd fuq stokk b'rata prekawzjonarja meta l-istokk ikun jinsab f'livell normali, ma pprovdewx għal tnaqqis fir-rata tas-sajd għall-istokkijiet li diġà tnaqqsu. F'dawn is-sitwazzjonijiet l-istokkijiet isiru inqas reżistenti għas-sajd u r-rata tas-sajd għandha titnaqqas biex l-istokk jirkupra. Pereżempju, l-istokk tal-merluzz tal-Punent ta' l-Iskozja naqas b'rata iktar mgħaġġla minn 15% fis-sena. It-tnaqqis tat-TAC ta' inqas minn 15% fis-sena ma rnexxilux jipproteġi dan l-istokk.

It-tieni nuqqas hu li r-regoli jistgħu jwaqqfu lill-industrija milli tieħu vantaġġ miż-żieda fil-qbid disponibbli minn stokkijiet li rkupraw. L-istokkijiet jistgħu jirkupraw b'rata iktar mgħaġġla minn 15% fis-sena, iżda r-regoli jillimitaw iż-żidiet tat-TAC għal din iċ-ċifra. L-istokkijiet ta' l-aringi, pereżempju, irkupraw mil-livelli baxxi b'rati iktar mgħaġġla minn 15% fis-sena.

Huma meħtieġa tibdiliet fir-regoli u ġew żviluppati regoli ġodda fl-Anness II. Għall-istokkijiet li naqsu għal livell baxx ta' bijomassa, issa huwa propost li titnaqqas il-mortalità tal-ħut sa 30% fis-sena, filwaqt li t-TAC ma jinbidilx iktar minn 20%. It-tnaqqis għandu jinżamm sakemm ma' l-mortalità tal-ħut tkun tnaqqset b'suċċess fil-livell li l-STECF huwa tal-parir li l-ogħla rendiment tista' tinqabad fit-tul. Għall-istokkijiet li rkupraw 'il fuq mil-livell li jippermetti li tinqabad l-ogħla rendiment, il-limitu ta' 15% fuq iż-żidiet fit-TAC ser jikber għal 25%. Ukoll, fejn l-STECF hu tal-parir li m'għandu jsir l-ebda qbid, it-TACs għandhom jitnaqqsu b'għallinqas 25%. Li jitwessa' l-intervall li permezz tiegħu jistgħu jinbidlu t-TACs ifisser li iktar żidiet jistgħu jinqabdu meta jkun hemm bżonn, iżda jfisser ukoll li jistgħu jsiru żidiet ikbar jekk l-istokkijiet jiżdiedu b'mod xieraq.

L-STECF ser jintalab jevalwa l-effetti ta' dawn il-bidliet. Jistgħu jsiru iktar adattamenti jekk ikun hemm bżonn.

9. TITJIB FIR-RAPPURTAR TAL-QBID, FID- DATA U L-EVALWAZZJONIJIET

Ġew identifikati dgħufijiet ewlenin fis-sistema ta' kontroll tal-PKS[8], b'tali mod li l-isforzi reċenti li saru biex jintlaħaq użu sostenibbli ta' l-istokkijiet ma jistgħux jagħtu riżultati. Fin-nuqqas ta' sistema ta' kontroll effettiva, il-qbid żejjed jibqa' jippersisti u l-istokkijiet jonqsu iktar, li jwassal għal TACs iktar baxxi li ma jiġux rispettati.

Għal ġestjoni tal-kwota tajba s-sistema ta' rappurtar tal-ħatt l-art għandha tkun effettiva u għandha tinkludi kontroverifika awtomatika sabiex ikun jista' jiġi evitat il-qbiż tal-kwoti u jinkixfu l-inkonsistenzi. Bħalissa dan mhuwiex il-każ. L-aġenziji xjentifiċi setgħu jbassru biss id-daqs ta' l-istokkijiet tal-ħut, ir-rati tal-mortalità tal-ħut u l-livelli tal-qbid għal madwar 27% ta' l-istokkijiet (Anness I), minħabba data mhux eżatta mis-settur tas-sajd dwar il-ħatt l-art, kif ukoll minħabba problemi biex jinkisbu data dwar ir-rimi u l-isforz. Jidher li din il-problema qed tmur għall-agħar: Data ħażina twassal għal deċiżjonijiet ħżiena, li jfisser status ta' konservazzjoni ħażin u stokkijiet imnaqqsa. L-Istati Membri qed jiġu mfakkra biex jimplimentaw il-kontroverifika tad- data u biex itejbu t-twassil tad- data .

Biex jiġu indirzzat dawn in-nuqqasijiet, hija meħtieġa riforma urġenti tas-sistema ta' kontroll tal-PKS. F'Ottubru 2008, il-Kummissjoni ser tipproponi reviżjoni tar-regolament tal-kontroll, li ser tipprovdi wkoll għal titjib fis-sistema VMS u implimentazzjoni iktar ħabrieka tar-reġistru elettroniku.

10. TNAQQIS FIR-RIMI

Matul l-2008 l-Istati Membri ser jistudjaw modi kif jista' jonqos ir-rimi tal-merlangu u tal-merluzz. Il-Kummissjoni, wara li tikkunsidra l-parir ta' l-STECF u l-esperjenza ta' l-Istati Membri, ser tipproponi miżuri addizzjonali biex timplimenta l-miżuri li kienu suċċess.

Madankollu, l-aħjar mod kif jonqos ir-rimi hu li jinqabdu l-istokkijiet tal-ħut b'rati baxxi ta' mortalità tal-ħut sabiex stokkijiet ta' ħut ikbar ikunu jistgħu jiġi sfruttati mingħajr ma jintrema ħut iżgħar.

Il-Kummissjoni ser tirrevedi wkoll inċentivi għal prattika ta' sajd b'rata baxxa ta' rimi. L-Istati Membri se jkunu jistgħu jużaw ukoll is-sistema l-ġdida ta' kW-jiem biex jinkuraġġixxu tali prattiki.

Se jiġu ppreżentati wkoll proposti biex jonqos ir-rimi u l-qabdiet inċidentali ta' ċertu ħut kif previst fil-Komunikazzjoni ta' l-2006 dwar politika biex jitnaqqas il-qbid inċidentali u biex jiġi evitat ir-rimi lura fl-ibħra Ewropej[9].

Minbarra dawn l-inizjattivi, il-Fond Ewropew tas-Sajd jipprovdi lill-Istati Membri b'possibbiltajiet biex jappoġġjaw it-tnaqqis tar-rimi permezz tal-programmi operattivi tagħhom. Ir-Regolament dwar il-Ġbir tad- Data jipprovdi għal kejl tar-rimi permezz ta' programmi għal osservaturi abbord kofinanzjati mill-baġit tal-Komunità.

L-Istati Membri huma inkuraġġiti ferm biex jiżviluppaw u jimplimentaw dawn l-inizjattivi.

11. SPEċIJIET TAL-BAħAR FOND

Il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposta tagħha rigward it-TACs ta' l-2009 u l-2010 għall-ispeċijiet tal-baħar fond f'Settembru 2008. Il-partijiet interessati se jiġu mistiedna biex jikkuntattjaw lill-entitajiet xjentifiċi (partikolament l-ICES) f'Ġunju 2008 dwar l-opportunitajiet tas-sajd rakkomandati. Il-parir ta' l-STECF ser jiġi ppubblikat fl-4 ta' Lulju. Il-parir mill-RACs lill-Kummissjoni għandhom jintbagħtu sat-8 ta' Lulju sabiex tkun tista' titqies il-fehma tal-partijiet interessati. Il-Kunsill se jiġi mistieden biex jadotta l-proposta fil-laqgħa tiegħu ta' Novembru.

Ir-regola fl-Anness II se tapplika wkoll għall-ispeċijiet tal-baħar fond. Madankollu, peress li l-proposta tikkonċerna t-TACs għal sentejn ir-regoli se japplikaw għal sentejn suċċessivi.

Il-Kummissjoni se tibbaża l-kunsiderazzjonijiet tagħha fil-laqgħa tal-Ħarifa tal-Kummissjoni tas-Sajd fil-Grigal ta' l-Atlantiku dwar il-linjigwida Internazzjoanli tal-FAO għall-ġestjoni tal-ħut tal-baħar fond fl-ibħra miftuħa. Deċiżjonijiet dwar żoni magħluqa jew sforzi tas-sajd se jiġu implimentati fir-Regolament dwar l-Opportunitajiet tas-Sajd annwali ewlieni għall-2009.

12. IL-BAħAR MEDITERRAN U L-BAħAR L-ISWED

It-TACs u l-Kwoti għall-Baħar l-Iswed ġew iffissati għall-ewwel darba għas-sena 2008. L-istabbiliment tat-TAC għall-2009 se jimxi fuq ir-regoli fl-Anness I, u jistgħu jiġu inklużi speċijiet oħra. Il-laqgħat preparatorji xjentifiċi se jsiru f'April u Ġunju 2008 u r-riżultati tagħhom se jiġu evalwati mill-STECF f'Lulju. Fil-Baħar Mediterran l-unika TAC għalissa huwa għat-tonn (Bluefin). Fl-2008 ix-xogħol ser jiffoka fuq l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Mediterran (1967/2006) speċjalment rigward l-istabbiliment ta' pjanijiet ta' ġestjoni fit-tul u d-delinjazzjoni ta’ żoni tas-sajd protetti. Huwa inkwetanti li l-Istati Membri akkumulaw dewmien konsiderevoli biex jimplimentaw dan ir-Regolament. Nuqqasijiet serji fil-konformità jridu jingħelbu b’urġenza. Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib dawn il-kwistjonijiet matul l-2008.

Il-parir xjentifiku rigward l-istokkijiet u l-valutazzjonijiet tas-sajd se jiġu mfittxija mill-STECF. Dan għandu jtejjeb il-kapaċità xjentifika, pereżempju fil-kuntest tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran). Għall-evalwazzjonijiet kemm tal-Baħar l-Iswed kif ukoll tal-Mediterran, ser jiġu mistiedna xjenzjati minn pajjiżi terzi.

13. IL-BAħAR BALTIKU

Huwa essenzjali li t-TACs għall-merluzz tal-Baħar Baltiku stabbiliti għall-2008 jiġu rrispettati. Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib din il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposta tagħha dwar it-TACs ta' l-2009 għall-istokkijiet tal-Baltiku f'Settembru 2008. Il-Kunsill se jiġi mistieden biex jadotta l-proposta f'Ottubru. Fuq il-parir ta' l-ICES fit-23 ta' Mejju, l-Istati Membri se jiġu kkonsultati dwar mistoqsijiet xjentifiċi pendenti li għandhom jitqajmu ma' l-STECF. Il-parir mill-RAC lill-Kummissjoni għandu jingħata sa l-aħħar ta' Ġunju.

14. MIżURI TEKNIċI

Fl-2008 l-Kummissjoni se tipproponi Regolament ġdid dwar miżuri tekniċi għaż-żoni ta' l-Atlantiku, li għandu juża ħafna mir-regoli li issa huma stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament dwar l-opportunitajiet tas-Sajd.

15. L-ISKEDAR TAL-PROPOSTI

Il-parir xjentifiku dwar ħafna mill-istokkijiet demersali ser isir disponibbli mill-STECF fil-bidu ta' Lulju, u b'hekk ikun jista' jingħata bidu bikri għad-diskussjonijiet dwar l-opportunitajiet tas-sajd. Huwa impossibbli li jitressqu l-quddiem il-laqgħat tal-Ħarifa dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet b'iktar minn ftit ġimgħat minħabba li l-parir għall-istokkijiet pelaġiċi kbar maqsuma mhux se jkun disponibbli qabel Ottubru. Dan se jkun meħtieġ qabel ma jkun jista' jiġi nnegozjat pakkett sħiħ ta' opportunitajiet tas-sajd.

L-iskeda prevista hija kif ġej:

Regolament dwar l-Opportunitajiet tas-sajd | Data tal-proposta tal-Kummissjoni: | Data possibbli għall-adozzjoni |

Il-Baħar l-Iswed | Settembru | Il-Kunsill ta' Ottubru |

Il-Baħar Baltiku | Settembru | Il-Kunsill ta' Ottubru |

L-ispeċijiet tal-baħar fond | Settembru | Il-Kunsill ta' Novembru |

Iż-żoni l-oħra kollha | Ottubru/Novembru | Il-Kunsill ta' Diċembru |

Peress li l-parair xjentifiku se jiġu pprovdut iktar kmieni mis-snin preċedenti, il-proposta ewlenija tista' tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni f'Ottubru. Madankollu, f'dan iż-żmien ħafna elementi rilevanti għall-konsultazzjonijiet bilaterali tan-Norveġja u konsultazzjonijiet internazzjonali oħra ma jkunux għadhom ġew deċiżi. Għalhekk il-proposta se jkun fiha ħafna elementi li ma jkunux ittieħdu deċiżjonijiet dwarhom u l-ebda ċifri speċifiċi ma jistgħu jiġu ppreżentati.

Il-parir xjentifiku għandu jiġi pprovdut fin-nofs ta' l-2009 għall-istokkijiet kollha. Dan għandu jippermetti iktar żmien għal kunsiderazzjonijiet u diskussjonijiet estiżi. Huma milqugħa opinjonijiet dwar preferenzi għal tibdiliet fl-iskedar tal-proposti u d-deċiżjonijiet matul l-2009.

16. KONKLUżJONI

Il-Kummissjoni titlob l-opinjonijiet ta' l-Istati Membri u tal-partijiet interessati dwar l-approċċ stabbilit hawn fuq.

Taprezza ħafna l-parir tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali u tal-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akwakultura. It-teħid in kunsiderazzjoni ta' dan il-parir għandu jgħin lill-Kummissjoni biex tilħaq ir-responsabbiltà tagħha għas-sostenibbiltà skond l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd.

Il-Kummissjoni tadotta approċċ responsabbli għall-ġestjoni tas-sostenibbiltà: in-nuqqas ta' evidenza mhijiex evidenza għas-sostenibblità.

Il-parir tal-partijiet interessati jista' jintuża biss mill-Kummissjoni meta jiġi żviluppat permezz ta' approċċ ibbażat fuq l-evidenza għas-sajd sostenibbli; jiġifieri, id- dat a huma meħtieġa biex jappoġġjaw il-parir tal-partijiet interessati.

Hija meħtieġa informazzjoni tajba dwar is-sajd u l-istokkijiet sabiex jingħata parir kredibbli. Il-partijiet interssati huma mħeġġa li jiżguraw implimentazzjoni sħiħa u effettiva tas-sistemi eżistenti tar-rappurtar tal-qbid u l-ġbir tad- data . Dawn huma essenzjali biex il-ġestjoni tas-sajd taħdem. B'bażi soda fl-informazzjoni, il-partijiet interessati jkunu jistgħu jagħtu parir aħjar lill-Kummissjoni dwar il-prattiki tas-sajd sostenibbli.

Il-Kummissjoni se tkompli segwitu tekniku speċifiku (u speċjalment dwar is-sistema ta' ġestjoni ta' l-isforz) ma' l-Istati Membri u l-partijiet interessati mit-tieni kwart ta' l-2008.

Sabiex ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu utilizzati fil-ħin, il-Kummissjoni titlob li l-kontribuzzjonijiet jiġu finalizzati sat-30 ta' Ġunju 2008.

Matul l-2008 l-Kummissjoni se tiżviluppa iktar proċeduri ta' konsultazzjoni biex tittejjeb il-politika tal-konservazzjoni, partikolarment dwar it-titjib tal-konformità.

ANNESS I

Tabella 1. Parir xjentifiku dwar il-qagħda ta' l-istokkijiet | Għadd ta’ stokkijiet |

2003 | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 |

Stokkijiet li mhumiex fi ħdan limiti bijoloġiċi sikuri | 30 | 29 | 26 | 26 | 26 | 28 |

Stokkijiet li huma fi ħdan limiti bijoloġiċi sikuri | 12 | 10 | 14 | 11 | 12 | 13 |

Il-qagħda ta' l-istokkijiet mhix magħrufa minħabba data b’nuqqasijiet | 48 | 53 | 53 | 57 | 58 | 55 |

Tabella 2. Parir xjentifiku dwar qbid żejjed | Għadd ta’ stokkijiet |

2003 | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 |

Ir-rata tal-qbid mill-istokkijiet hija magħrufa meta mqabbla mar-rata tar-rendiment massimu sostenibbli | 34 | 23 | 32 | 33 |

L-istokk qed jinqabad iżżejjed[10]. | 32 | 21 | 30 | 29 |

L-istokk qed jinqabad bir-rata ta' rendimenti massimu sostenibbli | 2 | 2 | 2 | 4 |

Tabella 3. Parir xjentifiku ta' emerġenza | Għadd ta’ stokkijiet |

2003 | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 |

Parir xjentifiku biex is-sajd jieqaf | 24 | 13 | 12 | 14 | 20 | 18 |

Tabella 4. Differenza bejn it-TACs u l-qbid sostenibbli |

2003 | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 |

TAC eċċessiv fuq il-qbid sostenibbli (%) | 43% | 48% | 57% | 47% | 44% | 49% |

Tabella 5. Sommarju tal-parir xjentifiku dwar l-opportunitajiet tas-sajd | Għadd ta’ stokkijiet tal-ħut |

2003 | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 |

Stokkijiet fejn id-daqs ta' l-istokk u l-mortalità tal-ħut jistgħu jiġu previsti | 40 | 34 | 40 | 31 | 29 | 30 |

Stokkijiet li għalihom hemm parir xjentifiku dwar l-opportunitajiet tas-sajd | 59 | 52 | 54 | 65 | 61 | 59 |

Stokkijiet li ma jkunx ingħata parir xjentifiku dwarhom | 31 | 40 | 39 | 29 | 35 | 37 |

ANNESS II

Regoli għat-TACs

Id-deċiżjonijiet dwar it-TAC għandhom isiru abbażi ta' parir xjentifiku kif previst mill-STECF.

Għandhom japplikaw regoli differenti skond il-livell ta' riskju li jikkonċerna kull stokk. L-istokkijiet ikunu f'riskju għoli meta jinżlu taħt il-"livell prekawzjonali (Bpa)" – il-livell fejn ikun hemm ir-riskju li l-produttività futura ta' l-istokk tonqos. Sinjal ieħor ta' riskju għoli hu meta r-rata tal-mortalità tal-ħut tkun ogħla mir-"rata prekawzjonali" (Fpa). Ir-rata tal-mortalità tal-ħut hija l-qabda annwali diviża bid-daqs medju ta' l-istokk matul is-sena.

Jekk stokk ikun iżgħar minn Bpa jew jinqabad b'rata renditaogħla minn Fpa dan "ma jkunx fi ħdan il-limiti bijoloġiċi sikuri ", u vice versa .

Parir xjentifiku | Azzjoni li għandha tittieħed fl-istabbiliment tat-TAC |

Stokk sfruttat bir-rata ta' rendiment massimu sostenibbli | Għandu jiġi mmirat li t-TAC jiġi stabbilit skond il-qabda prevista li tikkosrrispondi għall-mortalità tal-ħut li tagħti l-ogħla renditu fit-tul, iżda t-TAC m'għandux jinbidel b'iktar minn 25%. |

Stokkijiet sfruttati żżejjed meta mqabbla mar-rendiment massimu sostenibbli iżda li huma fi ħdan limiti bijoloġiċi sikuri | Għandu jiġi mmirat li t-TAC jiġi stabbilit fil-valur l-iktar għoli ta' (a) għall-qabda prevista li tikkorrispondi għall-ogħla renditu fit-tul[11], jew (b) sajd b'rata ta' mortalità mhux mibdula, iżda t-TAC m'għandux jinbidel b'iktar minn 15%. |

Stokkijiet li mhumiex fi ħdan limiti bijoloġiċi sikuri | Għandu jiġi mmirat li t-TAC jiġi stabbilit skond il-qabda prevista li jirriżulta fi tnaqqis ta' 30% fir-rata tal-mortalità tal-ħut, iżda m'għandhiex titnaqqas il-mortalità tal-ħut b'mod li jista' jkun ta' ħsara għar-rendiment fit-tul11 u t-TAC m'għandux jitnaqqas b'iktar minn 20%. |

L-istokk huwa suġġett għal pjan fit-tul u x-xjenzjati jagħtu parir dwar il-qbid li jikkorrispondi għall-pjan. | It-TAC għandu jiġi stabbilit fuq il-pjan rilevanti. |

L-istokk għandu ħajja qasira u ma tistax tiġi provduta previżjoni ta' sena. | TAC proviżorju jiġi stabbilit u jinbidel meta ssir disponibbli informazzjoni ġdida matul is-sena. |

Il-qagħda ta' l-istokk mhijiex magħrufa b'mod preċiż u l-STECF jagħti parir dwar il-livell tal-qbid xieraq. | Għandu jiġi mmirat li t-TAC jiġi stabbilit skond il-parir ta' l-STECF iżda t-TAC m'għandux jinbidel b'iktar minn 15%. |

Il-qagħda ta' l-istokk mhijiex magħrufa b'mod preċiż u l-STECF jagħti parir li għandu jonqos l-isforz ta-sajd. | It-TAC għandu jitnaqqas sa 15% u l-STECF għandha tintalab tagħti parir dwar il-livell ta' sforz xieraq. |

Il-qagħda ta' l-istokk mhijiex magħrufa b'mod preċiż u l-STECF jagħti parir li l-istokk għandu jiżdied. | It-TAC għandu jiżdied sa 15%. |

Il-qagħda ta' l-istokk mhijiex magħrufa b'mod preċiż u l-STECF jagħti parir li l-istokk għandu jonqos. | It-TAC għandu jitnaqqas sa 15%. |

L-STECF jagħti l-parir biex ma ssir l-ebda qabda, li jsir tnaqqis għal-livell l-iktar baxx possibbli jew parir simili. | It-TAC għandu jitnaqqas b'għallinqas 25%. Għandhom jiġu implimentati miżuri ta' rkupru inkluż it-tnaqqis ta' l-isforz u l-introduzzjoni ta' rkaptu iktar selettiv. |

M'hemm ebda parir mill-STECF | It-TACs għandhom jiġu aġġustati lejn livelli ta' qbid reali riċenti iżda m'għandhomx jinbidlu b'iktar minn 15% fis-sena jew l-istati Membri għandhom jiżviluppaw pjan t' implimentazzjoni biex jiġi pprovdut parir fi żmien qasir. |

[1] L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni tas-Sajd ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

[2] L-implimentazzjoni tas-sostenibbiltà fis-sajd ta' l-UE permezz tar-rendiment massimu sostenibbli. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. COM(2006) 360 finali.

[3] The State of World Fisheries and Aquaculture (Il-Qagħda tas-Sajd u l-Akkwakultura fid-Dinja) 2006. Organizzazzjoni ta' l-Ikel u l-Biedja tan-Nazzjonijiet Uniti. Ruma, 2007

[4] Għal dan il-kalkolu, TAC li ġie stabbilit meta l-parir xjentifiku hu li ma jsir l-ebda qbid ġie mgħadud bħala eċċess ta' 100%.

[5] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill. Opportunitajiet tas-Sajd għall-2007. Dikjarazzjoni ta' Politika mill-Kummissjoni Ewropea. COM(2006) 499 finali.

[6] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill. Opportunitajiet tas-Sajd għall-2008. Dikjarazzjoni ta' Politika mill-Kummissjoni Ewropea. COM(2007) 295 finali.

[7] Referenza għar-rapport STECF HCR ta' l-2007

[8] Rapport Speċjali Nru 7/2007 tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri dwar is-sistemi ta’ kontroll, spezzjoni u sanzjoni relatati mar-regoli dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-Komunità (ĠU C 317/1, 28.12.2007)

[9] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Politika sabiex jitnaqqas il-qbid inċidentali mhux mixtieq u jiġi eliminat ir-rimi lura ta' ħut fis-sajd Ewropew (COM (2007)136).

[10] jintuża wkoll it-terminu "sfruttat iżżejjed"

[11] Kif imkejjel mill-mortalità tal-ħut li tikkorrispondi għar-rendiment marġinali ta' 10% tar-rendiment marġinali b'mortalità tal-ħut qrib iż-żero (F0.1).

Produzzjoni

Importazzjoni

Eluf ta’ tunnellati mtella’ l-art