52008DC0313

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-kunsill, lill-kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u lill-kumitat tar-reġjuni - L-iżvilupp ta’ l-internet - Pjan ta’ Azzjoni għall-użu tas-sitt verżjoni tal-Protokoll ta’ l-Internet (IPv6) fl-Ewropa /* KUMM/2008/0313 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 27.5.2008

KUMM(2008) 313 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-IŻVILUPP TA’ L-INTERNET Pjan ta’ Azzjoni għall-użu tas-sitt verżjoni tal-Protokoll ta’ l-Internet (IPv6) fl-Ewropa

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-IŻVILUPP TA’ L-INTERNETPjan ta’ Azzjoni għall-użu tas-sitt verżjoni tal-Protokoll ta’ l-Internet (IPv6) fl-Ewropa

1. GħAN

L-għan ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni huwa l-appoġġ għall-introduzzjoni mifruxa tal-verżjoni li jmiss tal-Protokoll ta’ l-Internet (IPv6) minħabba:

- Implimentazzjoni f’waqtha ta’ l-IPv6 hija meħtieġa minħabba li qed jonqos is-sors ta' l-indirizzi IP ipprovduti mill-verżjoni 4 tal-protokoll attwali

- Bis-sors immens ta’ indirizzi, l-IPv6 tipprovdi pjattaforma għall-innovazzjoni fis-servizzi u l-applikazzjonijiet IP

2. RAġUNAMENT GħALL-AZZJONI

2.1. Tħejjija għaż-żieda fl-użu ta’ l-Internet u għal innovazzjoni fil-ġejjieni

Element komuni ta’ l-istrutturi ta’ l-Internet huwa l-“Protokoll ta’ l-Internet” (Internet Protocol - IP) li essenzjalment jipprovdi kwalunkwe apparat jew oġġett konness ma' l-Internet b'numru, li huwa indirizz, sabiex ikun jista’ jikkomunika ma’ apparati u/jew oġġetti oħra. Ġeneralment, dan l-indirizz għandu jkun uniku, biex tkun żgurata l-konnettività globali. Il-verżjoni attwali, l-IPv4, diġà tipprovdi għal iktar minn 4 biljuni ta’ dawn l-indirizzi[1]. Madankollu, saħansitra dan mhuwiex suffiċjenti biex ilaħħaq mat-tkabbir kontinwu ta’ l-Internet. Minħabba li taf li din hi problema li ilha teżisti, il-komunità ta’ l-Internet żviluppat protokoll aġġornat, l-IPv6, li kien beda jintuża gradatament mill-aħħar tad-90s[2].

F’Komunikazzjoni preċedenti dwar l-IPv6[3], il-Kummissjoni Ewropea talbet għall-adozzjoni bikrija ta’ dan il-protokoll fl-Ewropa. Din il-Komunikazzjoni kienet ta' suċċess fl-istabbiliment ta' Task Forces ta' l-IPv6[4], fil-possibbiltà ta' l-operat ta' l-IPv6 fuq netwerks ta' riċerka, fl-appoġġ ta’ standards u l-ħolqien ta’ azzjonijiet ta’ taħriġ. Wara li tressqet din il-Komunikazzjoni, ġew finanzjati iktar minn 30 proġett ta’ Riċerka u Żvilupp Ewropej marbuta ma’ l-IPv6. Issa l-Ewropea għandha sors kbir ta’ esperti li għandhom esperjenza fl-użu ta’ l-IPv6. Iżda minkejja l-progress li sar, l-adozzjoni tal-protokoll il-ġdid għadha lura filwaqt li tibqa’ tikber l-urġenza tal-kwistjoni dwar in-nuqqas ta’ indirizzi IP għall-ġejjieni.

2.2. Iż-żamma tal-kompetittività ta’ l-Ewropa

Issa huwa ż-żmien li jiġu infurzati l-azzjonijiet li twettqu. Altrimenti hemm riskju li bosta mill-atturi ma jkunux preparati fil-ħin biex ilaħħqu ma' l-użu dejjem jiżdied ta’ l-IPv6. In-nuqqas ta' azzjoni jista' jirriżulta f'dewmien itwal għall-adozzjoni ta' l-IPv6 bi żvantaġġi għall-utenti kollha u pożizzjoni kompetittiva iktar dgħajfa għall-industrija Ewropea.

Din il-Komunikazzjoni tanalizza s-sitwazzjoni attwali u tistabbilixxi għadd ta’ azzjonijiet biex issir l-implimentazzjoni ta' l-IPv6 madwar l-Ewropa kollha sa' l-2010.

2.3. Kontribut għall-Istrateġija ta’ Liżbona

Il-Pjan ta’ Azzjoni huwa parti mill-Istrateġija ta’ Liżbona kif implimentat fl-inizjattiva i2010[5]. Dan se jikkontribwixxi għall-valutazzjoni tar-rendiment ta’ l-UE fl-ekonomija ta’ l-Internet u fit-tlestija tagħha biex tiffaċċja l-isfidi tal-ġejjieni previsti għall-Kunsill tar-Rebbiegħa ta’ l-2009.

3. IL-QAGħDA BħALISSA

3.1. Nuqqas dejjem jikber ta’ indirizzi IPv4: diffikultà għall-utenti, ostaklu għall-innovazzjoni

Inizjalment l-indirizzi ta' l-Internet kollha jinżammu fl-“Awtorità tan-Numri Assenjati ta’ l-Internet” (Internet Assigned Numbers Authority - IANA)[6] u wara, ammonti kbar ta’ indirizzi jiġu allokati lill-ħames Reġistri Reġjonali ta' l-Internet (Regional Internet Registries - RIRs)[7] li min-naħa tagħhom jallokawhom f’ammonti iżgħar lill dawk li jeħtieġuhom, inklużi l-Fornituri tas-Servizzi ta’ l-Internet (Internet Service Providers - ISPs). L-allokazzjoni, mill-IANA lill-RIR lill-ISP, titwettaq abbażi tal-ħtieġa: ma ssirx allokazzjoni minn qabel.

Is-sors ta’ indirizzi ta’ l-IPv4 intuża b’mod konsiderevoli. Fi tmiem ta’ Jannar 2008 kien baqa’ madwar 16% fis-sors IANA, jiġifieri madwar 700 miljun indirizz IPv4. Jissemmew ħafna stimi li huma aġġornati regolarment li jipprevedu l-użu kollu tas-sors IANA mhux allokat bejn l-2010 u 2011[8]. Utenti finali ġodda xorta jkunu jistgħu jingħataw indirizzi mill-ISP tagħhom għal xi żmien wara dawn id-dati, iżda ssir iktar diffiċli għalihom biex jagħmlu dan.

Anke meta l-indirizzi IPv4 ma jkunux jistgħu jiġu allokati mill-IANA jew l-RIRs, l-Internet jibqa’ jaħdem: l-indirizzi diġà assenjati jistgħu u probabbilment jibqgħu jintużaw għal tul ta' żmien sinikanti. Iżda t-tkabbir u l-kapaċità ta’ innovazzjoni fin-netwerks b’bażi IP ikollhom jiffaċċjaw ostaklu mingħajr soluzzjoni xierqa. It-trattament ta’ din it-tranżizzjoni hija s-suġġett ta’ diskussjonijiet fil-komunità ta’ Internet attwali b’mod ġenerali, u fi ħdan u fost il-komunitajiet RIR b’mod partikolari. Reċentement, l-RIRs kollha ppubblikaw dikjarazzjonijiet pubbliċi li ħeġġew l-adozzjoni ta’ l-IPv6.

3.2. L-IPv4 hija biss soluzzjoni f’tul ta’ żmien qasir li tirriżulta f’iktar kumplessità

It-tħassib dwar in-nuqqas ta’ indirizzi IP fil-ġejjieni mhuwiex fenomenu reċenti. Fil-bidunett ta’ l-Internet, qabel l-istabbiliment ta’ l-RIRs u qabel ma nħolqot il-World-Wide Web, l-indirizzi kienu jiġu assenjati b’mod pjuttost ġeneruż. Kien hemm ir-riskju li dawn l-indirizzi jispiċċaw malajr. Għalhekk, ġew introdotti bidliet fil-politika ta’ allokazzjoni u fit-teknoloġija li ppermettew li l-allokazzjoni tkun iktar konformi mal-ħtieġa attwali.

Teknoloġija IPv4 ewlenija kienet L-“Allinjament ta’ l-Indirizzi tan-Netwerk” (Network Address Translation - NAT)[9]. In-NATs joħolqu konnessjoni bejn netwerk privat (tad-dar jew ta’ kumpanija) li juża indirizzi privati u l-Internet pubbliku fejn ikunu meħtieġa indirizzi IP. L-indirizzi privati jiġu minn parti partikolari tas-sors ta’ indirizzi riżervata għal din ir-raġuni. L-apparat ta’ l-NAT hija tip ta’ passaġġ bejn in-netwerk privat u l-Internet pubbliku fejn jiġu allinjati l-indirizzi privati ma’ l-indirizzi pubbliċi. Għalhekk dan il-metodu jnaqqas il-konsum ta’ indirizzi IPv4. Madankollu, l-użu tan-NATs għandu żewġ żvantaġġi:

- Joħloq ostaklu għall-komunikazzjoni dirett bejn apparat u ieħor: sistemi intermedji huma meħtieġa biex jippermettu komunikazzjoni mill-apparati jew l-oġġetti b'indirizzi privati għall-Internet pubbliku.

- Iżid saff ieħor fil-kumplessità minħabba li effettivament hemm żewġ klassijiet distinti ta’ kompjuters: dawk li għandhom indirizz pubbliku u dawk li għandhom indirizz privat. Ħafna drabi dan iżid fl-ispejjeż għat-tfassil u ż-żamma ta' netwerks kif ukoll għall-iżvilupp ta' l-applikazzjonijiet.

Ċerti miżuri oħra jistgħu jestendu d-disponibbiltà ta’ l-indirrizzi IPv4. Jista’ jinħoloq suq għall-kummerċ ta’ indirizzi IPv4 li jkun joffri inċentivi għall-organizzazzjonijiet li jbiegħu l-indirizzi li ma jkunux qegħdin jużaw. Madankollu, l-indirizzi IP mhumiex proprjetà propjament. Iridu jkunu aċċettabbli globalment li r-rotta tagħhom tkun aċċessibbli minn kullimkien, li ma jistax ikun dejjem garantit mill-bejjiegħ. Barra minn hekk jistgħu jsiru riżors għoli ħafna. S’issa l-RIRs huma xettiċi dwar il-ħolqien ta' suq sekondarju ta' dan it-tip.

Alternattiva oħra hija dik li ssir prova tal-ġbir mill-ġdid ta’ ammonti ta’ indirizzi li diġà jkunu allokati iżda li mhumiex qegħdin jintużaw biżżejjed. Madankollu, jidher li m'hemm l-ebda mekkaniżmu għall-infurzar ta’ l-għoti lura ta’ dawn l-indirizzi. L-ispiża possibbli ta’ dan għandha tkun ibbilanċjata maż-żmien ta’ użu addizzjonali li dan ikun jikkontribwixxi għas-sors IANA. [10]

Minkejja li miżuri bħal dawn jistgħu jipprovdu soluzzjoni temporanja, illum jew għada d-domanda għall-indirizzi IP se tkun kbira wisq biex jilħaq magħha s-sors globali ta’ l-IPv4. Sforzi biex jinżamm l-użu ta’ IPv4 għal żmien twil wisq joħolqu r-riskju li tikber il-kumplessità u l-frammentazzjoni mhux meħtieġa ta' l-Internet globali. Introduzzjoni f’waqtha ta’ l-IPv6 hija għalhekk l-aħjar strateġija.

3.3. IPv6: l-aqwa triq ‘il quddiem

L-IPv6 tipprovdi soluzzjoni ċara u għal tul ta’ żmien twil għall-problema tas-sors ta' indirizzi. L-għadd ta’ indirizzi definiti fil-protokoll IPv6 huwa immens[11]. L-IPv6 tippermetti lil kull ċittadin, kull operatur ta’ netwerk (inklużi dawk li jibdlu għan-“Netwerks tal-Ġenerazzjoni li jmiss” ta’ l-IP kollha), u kull organizzazzjoni fid-dinja li jkollhom indirizzi IP kemm ikollhom bżonn biex ikun jista’ jkollhom konnessjoni ta’ kwalunkwe apparat jew oġġett possibbli direttament ma’ l-Internet globali.

L-IPv6 tfassal ukoll b’mod li jiffaċilita l-karatteristiċi li nħass in-nuqqas tagħhom fl-IPv4. Dawk il-karatteristiċi kienu jinkludu l-kwalità tas-servizz, il-konfigurazzjoni awtomatika, is-sigurtà u l-mobilità. Madankollu, sadanittant, il-biċċa l-kbira ta’ dawk il-karatteristiċi inħolqu jew ġew inkorporati fil-v4 oriġinali tal-protokoll u madwaru, skond il-ħtieġa. Huwa is-sors kbir ta’ indirizzi li l-iktar jagħmell-IPv6 attraenti għall-applikazzjonijiet tal-ġejjieni minħabba li dan jissimplifika d-disinn tagħhom meta mqabbel ma' l-IPv4.

Il-benefiċċji ta’ l-IPv6 huma għalhekk l-iktar ovvji meta jkun hemm ħtieġa ta’ konnessjoni ta’ għadd kbir ta’ apparati jew oġġetti f’network wieħed faċilment, u li jkunu potenzjalment viżibbli u li jkun hemm aċċess dirett għalihom mill-Internet. Studju finanzjat mill-Kummissjoni wera li dan huwa potenzjal għal għadd ta' setturi tas-suq[12] bħal ma huma netwerks għad-djar, ġestjoni tal-kostruzzjoni, komunikazzjoni mobbli, is-settur tad-difiża u s-sigurtà, u l-industrija tal-karozzi.

Adozzjoni l-IPv6 fil-pront u effiċjenti tagħti potenzjal għall-innovazzjoni u tmexxija lill-Ewropa fl-iżvilupp ta’ l-Internet. Reġjuni oħra, b’mod partikolari r-reġjun Ażjatiku, diġà wrew interess kbir fl-IPv6. Pereżempju, l-industrija ta’ l-elettronika tal-konsumaturi Ġappuniżi dejjem tiżviluppa iktar il-prodotti IP u dan isir esklussivament għall-IPv6. L-industrija Ewropea għandha għalhekk tlesti ruħha biex tlaħħaq mad-domanda tal-ġejjieni għas-servizzi, l-applikazzjonijiet u l-apparati bbażati fuq l-IPv6 biex b’hekk tiżgura vantaġġ kompetittiv fis-swieq dinjija.

Bħala konklużjoni, il-vantaġġ ewlieni li għandha l-IPv6 fuq l-IPv4 huwa s-sors immens ta' indirizzi li jista' jiġi kontrollat iktar faċilment. Dan isolvi l-problema tal-ġejjieni ta’ disponibbiltà ta’ indirizzi għalissa u għal tul ta’ żmien twil ħafna. Jipprovdi fondazzjoni għall-innovazzjoni, l-iżvilupp u l-użu ta’ servizzi u applikazzjonijiet li xi drabi huma kumplikati wisq jew għoljin wisq f’ambjent IPv4. Jagħti lill-utenti wkoll is-setgħa li jkollhom netwerk tagħhom stess konness ma’ l-Internet.

3.4. X’għandu jsir?

L-IPv6 mhijiex interoperabbli direttament ma’ l-IPv4. L-apparati IPv6 u IPv4 jistgħu jikkomunikaw flimkien biss bl-użu ta’ gateways speċifiċi għall-applikazzjoni. Mgħandhomx soluzzjoni ġenerali li tista’ tlaħħaq ma' l-avvenimenti tal-ġejjieni għall-interoperabbiltà trasparenti.

Madankollu, l-IPv6 tista’ tintuża b’mod parallel ma’ l-IPv4 fuq l-istess apparat u fuq l-istess netwerk fiżiku. Ikun hemm fażi ta’ tranżizzjoni (mistennija li ddum għal 10, 20 sena jew iktar) meta l-IPv4 titħaddem fuq l-istess apparati ma' l-IPv6 (spiss magħrufa teknikament bħala “dual stack”) u meta t-tnejn li huma jkunu trasmessi fuq l-istess links tan-netwerk. Barra minn hekk, standards u teknoloġiji oħra (teknikament magħrufa bħala ”tunnelling”) jippermettu pakketti IPv6 jkunu trasmessi bl-użu ta’ mekkaniżmi ta’ indirizzi u rotot ta’ aċċess IPv4 u fl-aħħar bil-kontra[13]. Dan jipprovdi bażi teknika għal kull pass ta’ l-introduzzjoni ta’ l-IPv6.

Minħabba l-karattru universali tal-Protokoll ta’ l-Internet, l-użu ta’ l-IPv6 jeħtieġ l-attenzjoni ta’ bosta atturi madwar id-dinja. Il-partijiet interessati relevanti f’dan il-proċess huma:

- Organizzazzjonijiet ta’ l-Internet (bħal ICANN, RIRs, u IETF), li jmexxu r-riżorsi u servizzi IPv6 komuni (jallokaw l-indirizzi IPv6, iħaddmu servers tas-sistema ta' l-ismijiet tad-domain(DNS), eċċ), u jkomplu jiżviluppaw standrads u speċifikazzjonijiet meħtieġa.Minn Mejju 2008, id-distribuzzjoni reġjonali ta' l-indirizzi IPv6 allokati hija kkonċentrata fl-Ewropa (RIPE: 49%) filwaqt li fl-Ażja u fl-Amerika ta’ Fuq qed tikber malajr (APNIC: 24%, ARIN: 20%)[14]. Inqas minn nofs dawk l-indirizzi bħalissa qegħdin jitħabbru fuq l-Internet pubbliku (jiġifieri huma viżibbli fil-fajl mingħajr default tar-routing – default-free routing table).Fid-DNS, is-servers ta’ l-ismijiet ta' taħt (root) u tal-livell ta’ fuq (top-level) dejjem aktar qed jitħaddmu bl-IPv6. Pereżempju, l-introduzzjoni gradwali tal-konnettività IPv6 għas-servers ta' l-ismijiet .eu se tibda fl-2008.

- ISPs , li biż-żmien jeħtieġ li joffru konnettività IPv6 u servizzi bl-użu ta' l-IPv6 lill-konsumaturi.Jidher li inqas minn nofs l-ISPs joffru xi tip ta’ interkonnettività IPv6. Ftit ISPs biss għandhom offerta standard għas-servizz ta’ aċċess tal-konsumatur għall-IPv6 (l-iktar għall-utenti kummerċjali) u jipprovdu indirizzi IPv6[15]. Il-perċentaġġ ta’ “Sistemi Awtonomi” (l-iktar ISPs u utenti finali kbar) li joperaw l-IPv6 huwa stmat għal 2.5%[16].Minn dan, it-traffiku IPv6 jidher li miexi relattivament bil-mod. Tipikament, il-proporzjon IPv6/v4 mhuwiex inqas minn 0.1% f’Punti ta’ Skambju ta’ l-Internet (Internet Exchange Points – li minnhom madwar wieħed minn kull ħamsa minnhom jużaw l-IPv6)[17]. Madankollu, dan iħalli barra t-traffiku dirett bejn ISP u ISP ieħor u l-IPv6 li huwa “mgħoddi” (tunnelled) u b'hekk għall-ewwel jidher li għadu IPv4. Kejl riċenti jindika li qed jikber dan it-tip ta’ traffiku IPv6 li huwa “mgħoddi”.

- Bejjiegħa ta’ l-infrastruttura (bħat-tagħmir tan-netwerk, sistemi operattivi, softwer ta' l-applikazzjonijiet tan-netwerk), li jeħtieġu jintegraw il-kapaċità IPv6 fil-prodotti tagħhom.Bosta mill-bejjiegħa tat-tagħmir u s-softwer aġġornaw il-prodotti tagħhom biex ikunu jinkludu l-IPv6[18]. Madankollu għad hemm kwistjonijiet dwar ċerti funzjonijiet u rendiment, u l-appoġġ għall-bejjiegħa ekwivalenti għall-IPv4Il-bażi ta’ tagħmir istallat tal-konsumaturi, bħal routers żgħar u modems tad-dar għall-aċċess għall-Internet, fil-biċċa l-kbira għadu ma jistax jintuża mal-IPv6.

- Fornituri tal-kontenut u s-servizzi (bħal siti ta’ l-internet, messaġġi istantanji, il-posta elettronika, it-tqassim ta’ fajls, il-vuċi fuq l-IP), li jeħtieġ li jkun hemm kuntatt magħhom bl-użu ta' l-IPv6 fuq is-servers tagħhom.Madwar id-dinja hemm biss ftit siti ta’ l-internet IPv6. Kważi l-ebda wieħed mis-siti globali ewlenin ma joffri l-verżjoni IPv6. In-nuqqas ta’ l-eżistenza de facto ta’ kontenut u servizzi li jużaw l-IPv6 fuq l-Internet huwa ostaklu kbir fl-inizjattiva tal-protokoll il-ġdid.

- Bejjiegħa kummerċjali u ta’ l-applikazzjonijiet tal-konsumaturi (bħas-softwer kummerċjali, smart cards, softwer peer-to-peer, sistemi ta’ trasport, netwerks ta’ sensers), li jkollhom jiżguraw li s-soluzzjonijiet tagħhom huma kompatibbli ma’ l-IPv6 u li jeħtieġu dejjem iktar li jiżviluppaw il-prodotti u joffru servizzi li japprofittaw mill-karatteristiċi ta’ l-IPv6.Illum ftit li xejn hemm applikazzjonijiet li huma mfassla esklussivament fuq l-IPv6. Aspettattiva waħda hija li l-integrazzjoni ta’ l-IP bħala l-protokoll ta’ l-internet ewlieni tkun katalista għall-IPv6 f’oqsma ġodda bħal-loġistika u l-ġestjoni tat-traffiku, il-kommunikazzjoni mobbli, u l-monitoraġġ ta' l-ambjent li għadu ma sarx f'livell sinifikanti.

- Utenti finali (konsumaturi, kumpaniji, akkademiċi u amministrazzjonijiet pubbliċi), li jeħtieġu jakkwistaw prodotti u servizzi li jużaw l-IPv6 u jattivaw l-IPv6 fuq in-netwerks tagħhom stess jew fuq l-aċċess għall-Internet ġo djarhom.Bosta utenti finali fid-djar, mingħajr ma jkunu konxji ta’ dan, iħaddmu tagħmir li jista’ juża l-IPv6, iżda minħabba applikazzjonijiet nieqsa ma jużawhx.Kumpaniji u amministrazzjonijiet pubbliċi huma kawti dwar tibdil f’netwerk li qed jitħaddem meta ma jkunx hemm ħtieġa ċara għal dan it-tibdil. Għalhekk ma jidhirx wisq użu ta’ l-IPv6 mill-utenti fin-netwerks privati.Fost dawk li adottaw din il-verżjoni fil-bidu tagħha, hemm universitajiet u istituzzjonijiet ta’ riċerka. In-netwerks kollha tar-riċerka nazzjonali u l-edukazzjoni ta’ l-UE ukoll jaħdmu bl-IPv6. In-netwerk Géant Ewropew[19] juża l-IPv6, b'madwar 1% tat-traffiku tiegħu ibbażat fl-IPv6.

Kemm u liema huma l-isforzi meħtieġa għall-adozzjoni ta’ l-IPv6 jvarjaw bejn attur u ieħor skond il-każ individwali. Għalhekk huwa kważi impossibbli li tiġi kkalkulata stima tajba ta' l-ispejjeż aggregati għall-introduzzjoni ta' l-IPv6 globalment[20]. L-esperjenza u t-tagħlim minn proġetti juru li l-ispejjeż jistgħu jiġu kkontrollati meta l-introduzzjoni ta’ l-użu ssir bil-mod u tkun ippjanata minn qabel. Huwa rakkomandat li l-introduzzjoni ta’ l-IPv6 ssir fi stadji, b'rabta ma' aġġornamenti ta’ ħardwer u softwer, bidliet organizzattivi u miżuri ta’ taħriġ jekk ikun possibbli (li għall-ewwel ma jkunux jidhru li huma relatati ma’ l-IPv6). Dan jeħtieġ kuxjenza ġenerali fl-organizzazzjoni sabiex jintlaħqu dawn is-sinerġiji. L-ispejjeż ikunu sinifikament ogħla meta’ l-IPv6 tkun introdotta bħala proġett separat u fi żmien ristrett.

L-introduzzjoni ta’ l-IPv6 se sseħħ parallellament ma’ netwerks eżistenti ta’ l-IPv4. L-istandards u t-teknoloġija jipprovdu għall-adozzjoni inkrementali u soda ta' l-IPv6 mid-diversi partijiet interessati, li għandhom jgħinu biex l-ispejjeż jibqgħu kontrollati. L-utenti jistgħu jużaw aplikazzjonijiet IPv6 u joħolqu traffiku IPv6 mingħajr ma jkollhom jistennew li l-ISP tagħhom joffri l-konnettività IPv6. L-ISPs jistgħu jżidu fil-kapaċità IPv6 u joffru dan skond id-domanda.

3.5. Il-ħtieġa ta’ katalista għall-politika fuq livell Ewropew

Illum, għall-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati l-iżvantaġġi ta’ l-adozzjoni ta’ l-IPv6 ma jidhrux mill-ewwel. Il-benefiċċji huma għal tul ta’ żmien twil u jiddependu ukoll fuq id-deċiżjonijiet tal-partijiet interessati dwar meta u kif għandha tkun implimentata l-IPv6.

Iktar ma jkun hemm utenti li jaħdmu bl-IPv6, iktar tkun attraenti għal nies oħra biex jagħmlu l-istess. Kif jiżdied l-għadd ta’ utenti jiżdied ukoll l-għadd ta' prodotti u servizzi offerti bi prezzijiet irħas u kwalità aħjar. Jiżdied ukoll l-għarfien kollettiv dwar l-operat u l-ġestjoni ta’ l-IPv6. Ir-riżultat ikun li tinħoloq ekosistema ta’ fornituri u fornituri tas-servizz li jsaħħu lil xulxin, iżidu fil-kunfidenza u jħaffu l-introduzzjoni. Madankollu forzi tas-suq simili japplikaw ukoll għall-IPv4 fejn din l-ekosistema tkun stabbilita għal ħafna snin bir-riżultat li jinħoloq wirt kbir ta’ apparat u applikazzjonijiet.

Huwa diffiċli li jinħoloq moviment kollettiv għall-implimentazzjoni ta’ l-IPv6 minħabba li l-partijiet interessati ma jistgħux iqisu d-deċiżjonijiet ta’ ħaddieħor faċilment. Mhemm l-ebda awtorità unika li tista’ tmexxi l-introduzzjoni ta’ l-IPv6 jew tistabbilixxi pjan ewlieni koordinat. Għalhekk it-tnedija ta’ l-IPv6 hija fil-biċċa l-kbira proċess deċentralizzat u mbuttat mis-suq fuq skala globali. F’din is-sitwazzjoni bosta mill-partijiet interessati ħadu l-pożizzjoni ta’ “issa naraw x’jiġri” dwar l-IPv6, jew għazlu l-alternattiva ta’ l-IPv4 “għax hija ħaġa familjari u għalhekk żgura”. Ir-riżultat kumulattiv huwa d-dewmien msemmi ta' l-adozzjoni fuq skala kbira ta' l-IPv6. Din hija sitwazzjoni fejn miżuri xierqa ta’ politika jistgħu jistimulaw is-suq billi jinkoraġġixxu lin-nies u l-organizzazzjonijiet jikkunsidraw javvanzaw b’mod pożittiv. Dawk il-miżuri jsiru iktar effettivi meta jittieħdu b’mod kollettiv fuq livell Ewropew.

4. AZZJONIJIET: L-IPV6: IMPLIMENTAZZJONI VASTA MADWAR L-EWROPA SA L-2010

L-Ewropa għandha tistabbilixxi mira għaliha nfisha biex timplimenta l-IPv6 b'mod estensiv sa l-2010. B’mod konkret, talanqas 25% ta’ l-utenti għandhom ikunu jistgħu jaqbdu ma’ l-Internet IPv6 u jkollhom aċċess għall-kontenut l-iktar importanti tagħhom u għall-fornituri tas-servizz mingħajr ma jkun hemm differenza notevoli kbira meta mqabbel ma’ l-IPv4.

4.1. Azzjonijiet biex jistimulaw l-aċċessibbiltà ta’ l-IPv6 għal kontenut, servizzi u applikazzjonijiet

- Il-Kummissjoni se taħdem flimkien ma’ l-Istati Membri biex issir attivazzjoni ta’ l-IPv6 fuq is-siti ta’ l-internet tas-settur pubbliku u s-servizzi ta’ l-amministrazzjoni elettronika. Għal dan il-għan, għandhom jiġu deċiżi miri komuni ta’ l-introduzzjoni. Se jkun ippjanat l-użu ta’ l-istrumenti disponibbli bħall-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-Amministrazzjoni Elettronika u l-Programm IDABC[21]. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni se tagħti aċċess għas-siti ta’ l-internet “Europa” u ”CORDIS” bl-IPv6 sa l-2010.

- Il-Kummissjoni titlob lill-fornituri tal-kontenut u tas-servizzi biex jagħmlu l-offerta ta’ l-IPv6 aċċessibli sa’ l-2010, li fosthom huma inklużi l-aqwa 100 sit ta’ l-Internet Ewropej. Għandha l-intenzjoni li tiffaċilita din il-kooperazzjoni permezz ta’ “Netwerks Tematiċi” (Thematic Networks), bil-parteċipazzjoni ta’ bejjiegħa, ISPs, u fornituri tal-kontenut u servizzi, bħala parti mill-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni (Competitiveness and Innovation Programme - CIP).

- Il-Kummissjoni titlob lill-partijiet interessati industrijali li bħalissa qegħdin jużaw it-teknoloġija IP fil-kummerċ ewlieni tagħhom biex jikkunsidraw l-IPv6 bħala l-pjattaforma ewlenija tagħhom għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet jew apparati (bħal sensers, kameras eċċ.). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tipprevedi l-appoġġ ta’ l-ittestjar u l-validazzjoni ta’ applikazzjonijiet marbuta ma’ l-IPv6 fi provi, li jkunu finanzjati mis-CIP mill-bidu ta’ l-2009.

- Il-Kummissjoni tat għajnuna finanzjarja permezz ta’ ażżjonijiet ta' appoġġ għall-istandardizzazzjoni, biex ittejjeb l-interoperabbilità tan-netwerks. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija lesta li tappoġġa l-azzjonijiet għall-istandardizzazzjoni ta’ protokolli li jiffunzjonaw permezz ta’ netwerks Ipv6 (pereżempju, SIP – Session Initian Protocol ). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Organizzazzjonijiet ta’ Standardizzazzjoni Ewropej biex jiżviluppaw manwali ta’ l-aħjar prattiċi dwar l-użu ta’ servizzi ta’ l-internet li jiffunzjonaw permezz ta' l-IPv6.

- Il-Kummissjoni se tħeġġeġ proġetti ta’ riċerka finanzjati mis-7 Programm Kwadru u li meta jkun hemm għażla bejn protokolli tan-netwerk tal-kompjuters, tintuża l-IPv6 meta dan ikun possibbli.

4.2. Azzjonijiet li joħolqu domanda għall-konnettività u prodotti ta’ l-IPv6 permezz ta’ akkwist pubbliku

F’konsultazzjoni pubblika[22], l-użu ta’ l-akkwist pubbliku kien identifikat bħala mod effiċjenti biex titħaffef it-tranżizzjoni għall-IPv6. Pereżempju, fl-2005, il-Gvern ta’ l-Istati Uniti ordna lill-aġenziji kollha tal-gvern federali biex jibdlu n-netwerks ċentrali ewlenin tagħhom għall-IPv6 sa nofs l-2008[23].

- Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jħejju għall-IPv6 fi ħdan in-netwerks tagħhom u meta jkunu qegħdin iġeddu l-kuntratti tas-servizzi ta’ l-internet esterni jiżguraw li dawn ikunu jinkludu dispożizzjonijiet għall-konnettività IPv6, u li t-tagħmir kollu li jkun akkwistat ikun kompatibbli ma’ l-IPv6. Il-Kummissjoni se tlaqqa’ id-diretturi ta’ l-IT kollha ta’ l-Istati Membri biex jagħmlu skambju ta’ l-esperjenzi tagħhom u jwettqu monitoraġġ tal-progress.

- Bl-istess mod, il-Kummissjoni se tistabbilixxi l-kompatibbiltà ma’ l-IPv6 bħala rekwiżit ewlieni għaċ-ċiklu ta’ rinnovazzjoni kontinwa tat-tagħmir u s-servizzi tan-netwerk tagħha stess. Se twettaq provi u proġetti interni xierqa u f’waqthom biex tħejji għall-IPv6.

4.3. Azzjonijiet biex tkun żgurata t-tħejjija f’waqtha ta’ l-introduzzjoni ta’ l-IPv6

It-tranżizzjoni għall-IPv6 se tkun pjuttost twila u se tkun teħtieġ il-ħidma ta’ netwerk duppliċi IPv4/IPv6, filwaqt li toħloq xi kwistjonijiet speċifiċi li jkollhom jiġu solvuti. L-atturi kollha jkollhom iħejju ruħhom għall-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet kompatibbli ma’ l-IPv6, iktar ma jkun kmieni aħjar. L-organizzazzjonijiet mgħandhomx jistennew għall-ISPs tagħhom li jipprovdu konnettività lokali IPv6 iżda għandhom jibdew jagħmlu użu mill-protokoll fuq in-netwerk tagħhom.

- Il-Kummissjoni se twettaq kampanji mmirati għall-għarfien għal diversi gruppi ta’ utenti. Azzjonijiet bħal dawn jitwettqu bl-aħjar mod fi sħubiji pubbliċi/privati u bil-kooperazzjoni ta’ l-Istati Membri.

- Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tappoġġa “attivitajiet ta’ appoġġ speċifiċi” (fi ħdan is-7 Programm Kwadru) biex jipprovdu l-għarfien prattiku meħtieġ dwar l-introduzzjoni tal-protokoll.

- Il-Kummissjoni se tibqa’ tappoġġa l-azzjonijiet ta’ standardizzazzjoni relatati ma’ l-interoperabbiltà ta’ l-IPv6, u mat-transizzjoni u d-disponibbiltà għalih, f’konformità mal-qafas għall-ittestjar tal-protokolli IPv6 li diġà ġie żviluppat.

- Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ISPs biex jipprovdu konnettività IPv6 sħiħa lill-konsumaturi tagħhom sa l-2010 u fejn applikabbli jaġġornaw it-tagħmir li jagħtu lill-konsumaturi.

- Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-inklużjoni ta’ l-għarfien dwar it-teknoloġija IPv6 fil-curricula ta' taħriġ mill-ġdid relevanti u f'korsijiet ta’ l-università ta’ l-inġinjerija tal-kompjuters u n-netwerks eċċ. Il-Kummissjoni se tniedi studju ta’ akkompanjament u għandha l-intenzjoni li torganizza konferenza fl-2009.

4.4. Azzjonijiet biex jittrattaw il-kwistjonijiet ta’ sigurtà u l-privatezza

Il-kwistjonijiet dwar is-sigurtà fl-IPv6 mhumiex ta’ livell aqwa jew għar minn dawk fl-IPv4, iżda huma biss differenti. F’ambjent duppliċi IPv4/v6, il-kwistjonijiet dwar is-sigurtà jistgħu jsiru komplessi biex tinstab soluzzjoni għalihom, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-implimentazzjoni u l-konfigurazzjoni[24].

Il-Qorti tal-Ġustizzja tagħraf li l-indirizz IP jista’ jkun kkunsidrat bħala data personali li jaqa’ fl-ambitu tad-Direttivi dwar il-Protezzjoni tad-Data[25]. Ġie espress xi tħassib dwar l-IPv6 u l-privatezza, b'mod partikolari mill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data[26]. Tħassib partikolari ġie inkluż fi standard. Madankollu, jeħtieġ li jitwettaq il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-konfigurazzjoni u l-implimentazzjoni propja.

- Il-Kummissjoni se xxerred informazzjoni dwar l-aqwa prattiki u se tikkoopera mal-bejjiegħa biex jipprovdu tħaddim komplut ta’ l-IPv6. Fejn jeħtieġ, il-Kummissjoni se titlob għall-għarfien espert ta’ l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni, ENISA, biex ikunu appoġġati dawn l-isforzi.

- Il-Kummissjoni se tissorvelja l-implikazzjonijiet tal-privatezza u s-sigurtà ta’ użu mifrux ta’ l-IPv6, b’mod partikolari permezz ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati bħall-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data jew l-infurzar tal-liġi.

5. IT-TWETTIQ TAL-PJAN TA’ AZZJONI

Il-Pjan ta’ Azzjoni huwa skedat li jitwettaq matul it-3 snin li ġejjin. Il-Kummissjoni se tissorvelja l-adozzjoni ta’ l-IPv6. B’mod partikolari se twettaq test ta’ l-implimentazzjoni biex tkejjel il-livell tad-disponibbiltà u t-tħaddim ta’ l-IPv6 għall-utenti Ewropej.

Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi l-attivitajiet ta’ l-organizzazzjonijiet ta’ l-Internet, bħad-dibattitu li qed isir bħalissa dwar politiki dwar id-distribuzzjoni ta’ l-IPv6 fil-komunitajiet tar-reġistri, u fejn ikun meħtieġ tagħmel xi kontribuzzjonijiet.

Il-Kummissjoni se tagħmel rapport regolari dwar il-progress għall-Grupp ta’ Livell Għoli i2010. Se tinkludi wkoll ir-rapporti ta’ progress fuq is-sit ta’ l-internet tagħha u tipprovdi d-disponibbiltà ta’ dawn b’mezzi xierqa oħra ukoll.

Fl-2010, il-Kummissjoni se twettaq reviżjoni biex tiddeċiedi jekk ikunux meħtieġa azzjonijiet ta’ segwiment.

[1] L-IPv4 huwa speċifikat f’RFC 791, 1981. RFC tfisser “Talba għal Kummenti ” (Request for Comments) Ara it-“Task Force ta’ l-Inġinjerija ta’ l-Internet” (IETF – Internet Engineering Task Force); http://www.ietf.org

[2] RFC 2460, 1998. http://www.ietf.org/html.charters/OLD/IPv6-charter.html u http://www.ietf.org/html.charters/6man-charter.html

[3] COM(2002) 96 “Internet tal-Ġenerazzjoni li jmiss – il-prijoritajiet għall-azzjoni ta’ trażizzjoni għall-protokoll ta’ l-Internet il-ġdid, l-IPv6”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] ftp://ftp.cordis.europa.eu/pub/fp7/ict/docs/IPv6-communication_en.pdf

[4] bħal http://www.IPv6tf.org

[5] COM(2005) 229 finali "i2010 - Soċjetà Ewropea ta' l-Informazzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[6] IANA hija funzjoni li titwettaq mill-ICANN: Il-Korporazzjoni ta’ l-Internet għall-Ismijiet u n-Numru Assenjati; http://www.icann.org/general/iana-contract-17mar03.htm

[7] AfriNIC (għall-Affrika), APNIC (għar-reġjun ta’ l-Asja/il-Paċifiku), ARIN (l-Amerika ta’ Fuq u l-Karibew), LACNIC (L-Amerika Latina) u RIPE NCC (l-Ewropa, il-Lvant Nofsani u partijiet ta' l-Asja ċentrali).

[8] http://www.potaroo.net/tools/IPv4/index.htmlhttp://www.tndh.net/~tony/ietf/IPv4-pool-combined-view.pdfGħall stima preċedenti li fiha deskrizzjoni ta' l-isfond analitiku:http://www.cisco.com/web/about/ac123/ac147/archived_issues/ipj_8-3/IPv4.html

[9] RFC 2663, 1994

[10] L-għotja ta’ ammont ta’ indirizzi b’daqs ta’ dak allokat mill-IANA lill-RIR jista’ jittardja d-data ta' l-aħħar użu b'madwar tliet ġimgħat biss.

[11] In-numru huwa 3.4 * 1038.

[12] “L-Impatt ta’ l-IPv6 fuq is-Swieq Vertikali”, Ottubru 2007. http://ec.europa.eu/information_society/policy/IPv6/docs/short-report_en.pdf

[13] Ara RFCs 2893, 3056, 4214, 4380

[14] http://www.ripe.net/rs/ipv6/stats/index.html

[15] http://www.sixxs.net/faq/connectivity/?faq=IPv6transithttp://www.sixxs.net/faq/connectivity/?faq=native

[16] http://bgp.he.net/IPv6-progress-report.cgi

[17] L-analiżi tat-traffiku fl-Iskambju ta’ l-Internet ta’ Amsterdam juri li fl-ewwel 10 xhur ta' l-2007, il-medja tat-traffiku IP ta’ kuljum kien ta’ 177 Gbps; li minnhom 47 Mbs huma mit-traffiku IPv6, jiġifieri 0.03%. http://www.ripe.net/ripe/meetings/ripe-55/presentations/steenman-IPv6.pdf

[18] http://www.IPv6-to-standard.org/Hemm ukoll programm tal-Forum IPv6 li jiddefinixxi Logo Lest IPv6 mhux obbligatorju.http://www.IPv6ready.org/pdf/IPv6_Ready_Logo_White_Paper_Final.pdfhttp://www.IPv6ready.org/logo_db/approved_list_p2.phphttp://www.IPv6ready.org/logo_db/approved_list.php

[19] Géant huwa netwerk pan-Ewropew tal-komunikazzjoni bejn 30 miljun utent ta’ riċerka u edukazzjoni madwar l-Ewropa u lil hinn. http://www.geant.net/

[20] Wieħed mill-istudji pprova jistima l-ispejjeż tat-tranżizzjoni għall-ekonomija Amerikana fuq perjodu ta’ 25 sena b’riżultat ta' madwar 25 biljun Dollaru Amerikan (numru fiss għall-2003) iżda jqajjem għadd ta’ kwistjonijiet metodoloġiċi: http://www.nist.gov/director/prog-ofc/report05-2.pdf

[21] L-Għoti Interoperabbli ta’ Servizzi Ewropej ta’ l-Amministrazzjoni Elettronika lill-Programm ta’ l-Amministrazzjonijiet Pubbliċi. http://ec.europa.eu/idabc/en/document/5101/3

[22] Konsultazzjoni Pubblika li seħħet fi Frar 2006 ftp://ftp.cordis.europa.eu/pub/fp7/ict/docs/IPv6-public-consultation-report_en.pdf

[23] Memorandum OMB 05-22, “Transition Planning for Internet Protocol Version 6 (IPv6),” [Pjan ta’ Trażizzjoni għall-Verżjoni 6 tal-Protokoll ta’ l-Internet (IPv6)] http://www.whitehouse.gov/omb/memoranda/fy2005/m05-22.pdf, it-2 ta’ Awwissu 2005

[24] http://www.IPv6forum.com/dl/white/NAv6TF_Security_Report.pdf

[25] Il-Każ C-275/06, Promusicae vs. Telefonica, sentenza tad-29 Jannar 2008, il-paragrafu 45. Id-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE.

[26] L-Opinjoni 2/2002 dwar l-użu ta’ identifikazzjoni unika fit-tagħmir terminali tat-telekomunikazzjoni: l-eżempju ta’ l-IPv6. http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/docs/wpdocs/2002/wp58_en.pdf. Il-problema kienet li biex tkun faċilitata l-konfigurazzjoni, partijiet minn indirizz IPv6 kienu mill-identifikazzjoni ta’ interface (l-indirizz Ethernet MAC). Is-soluzzjoni kienet li l-magni jitħallew jagħtu parti mill-indirizz b’mod spontanju, ara RFC 4941.