52008DC0312

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Li tindirizza l-isfida internazzjonali tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari /* KUMM/2008/0312 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.5.2008

KUMM (2008) 312 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Li tindirizza l-isfida internazzjonali tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari

(preżentata mill-Kummissjoni)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Li tindirizza l-isfida internazzjonali tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari

1. INTRODUZZJONI

L-inċident ta' Chernobyl tal-1986 jenfasizza l-konsegwenzi katastrofiċi ta' l-impjanti nukleari li għandhom nuqqasijiet fid-disinn f'pajjiżi b'kultura ta' sikurezza fqira u qafas ta' sikurezza operattiva u regolatorju mhux adekwat.

Aktarx li n-numru ta' impjanti nukleari (NPPs) fid-dinja se jiżdied billi l-atturi internazzjonali qed ifittxu li jżidu s-sigurtà ta' l-enerġija billi jiddiversifikaw is-sors ta' l-enerġija tagħhom, fi sforz li tinżamm kompetittività ekonomika fl-isfond ta' prezzijiet taż-żejt storikament għoljin, jew bħala mod biex jitnaqqsu jew jiġu evitati l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

L-objettiv ta' din il-komunikazzjoni hija r-reviżjoni ta' l-isfidi tas-sikurezza u s-sigurtà li qed jinħolqu mill-firxa ġeografika dejjem ikbar ta' l-enerġija nukleari u li tipproponi rakkomandazzjonijiet dwar:

1. kwestjonijiet ewlenin fejn l-UE tipprovdi valur miżjud;

2. programm ta' ħidma bbażat fuq prijoritajiet geografiċi u tekniċi;

3. elementi possibbli ta' pakketti ta' sikurezza u sigurtà nukleari biex jgħinu pajjiżi terzi.

2. IL-FIRXA TA' L-ENERġIJA NUKLEARI

Il-ġenerazzjoni ta' l-enerġija nukleari hija parti stabbilita tat-taħlita ta' l-enerġija f'numru ta' pajjiżi żviluppati u xi wħud minnhom qed jaħsbu biex jifirxu l-użu tagħha. Bħala eżempji, ir-Russja u ċ-Ċina t-tnejn ħabbru pjanijiet biex jespandu l-kapaċità nukleari tagħhom b'iktar minn 200 GW kull wieħed sa l-2020. Ir-Russja qegħdha wkoll tespandi l-bejgħ tat-teknoloġija nuklear tagħha; bigħet impjanti nukleari liċ-Ċina u l-Indja (li qegħdin jinbnew) u riċentament ikkonkludiet kuntratt biex tibni impjant nukleari fil-Bulgarija.

Ħafna pajjiżi li bħalissa ma jiġġenerawx enerġija nukleari wrew interess fil-bini ta' impjanti nukleari. Xi wħud minnhom huma fil-viċinat ta' l-UE (il-Ġordan, l-Eġittu, it-Tuneżija, l-Alġerija, il-Marokk, il-Belarus) waqt li oħrajn bħall-Għarabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Vjetnam, it-Tajlandja, iċ-Ċile u l-Veneżwela huwa iktar 'il bogħod. Il-Lega Għarbija u l-Kunsill tal-Kooperazzjoni tal-Golf ukoll jippromwovu l-użu ta' l-enerġja nukleari lill-membri tagħhom. Xi pajjiżi minn dawn il-gruppi huma f'reġjuni ġeopolitikament diffiċli. Il-kwestjonijiet dwar l-iżvilupp nukleari fl-Iran huma magħrufa sew.

L-UE għandha industrija nukleari matura u, b'riżultat ta' l-esperjenza twila tagħha f'dan il-qasam, għandha l-kapaċità li tikkoopera ma l-imsieħba li qegħdin jibnu jew qegħdin jaħsbu biex jibnu impjanti nukleari biex tiżgura li l-attività kollha nukleari ssir bl-ogħla standards ta' sigurtà. Il-kwestjonijiet ta' sikurezza u non-proliferazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala ż-żewġ pilastri interkonnessi tal-politika ta' l-UE f'dan ir-rigward.

3. SIKUREZZA NUKLEARI

3.1. Il-'wirt' tal-Programm ta' Sikurezza Nuklear Tacis

Bil-frammentazzjoni ta' l-Unjoni Sovjetika fl-1991, xi wħud mill-NIS kellhom impjanti nukleari ta' età u dissinn differenti iżda ma kellhomx riżorsi ekonomiċi , kapaċità indipendenti jew politika ta' ġestjoni tas-sikurezza biex itejbuhom għall-istandards Ewropej. L-IAEA kienet imqabbda tidentifika n-nuqqasijiet fis-sikurezza nukleari fil-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u n-NIS kollha. Il-Programm ta' Sikurezza Nukleari TACIS kien stabbilit biex jindirizza dawn l-isfidi u qies l-istrateġija tal-G7 adottata f'Munich fl-1992[1].

L-għajnuna pprovduta skond il-Programm ta' Sikurezza Nukleari Tacis mil-1991, partikularment lir-Russja u l-Ukrajina u xi ftit inqas lill-Kazakstan u l-Armenja, għandha bżonn tkompli. Hemm bżonn ta' konsolidazzjoni u xi settur tradizzjonali, bħall-appoġġ ipprovvdut lir-regolaturi, hemm bżonn li jibqa' jinżamm fil-futur. L-għajnuna fuq il-post fl-impjanti nukleari qegħdha tevolvi lejn is-sikurezza ta' l-operat tagħhom u hemm bżonn li tkompli.

Fir-Russja huwa importanti li tibqa' tkun segwita l-evoluzzjoni tar-reatturi ta' l-ewwel ġenerazzjoni li ma jlaħħqux ma' standards ta' sigurtà nukleari internazzjonali aċċettabli bħalissa u li l-UE tikkundisdra bħala mhux ekonomikament vijabbli li jkunu mtejba. Il-kwestjoni għandha tiġi mressqa fil-kuntest tal-kummerċ ta' l-elettriku bejn is sistemi UCTE u IPS/UPS, bl-iskop li r-Russja tieħu l-impenn biex tagħlaq dawn ir-reatturi malajr.

It-tindif ta' l-effetti residwi tal-Flotta tat-Tramuntana fil-Majjistral tar-Russja se jitkompla. Il-ħatt u l-ħazna ta' l-iskart radjuattiv minn sottmarini nukleari, bastimenti li jkissru s-silġ, bażijiet fuq wiċċ l-ilma u bażijiet fuq l-art joffru problemi tekniċi u finanzjarji serji. Il-KE kkontribwiet €40 miljun skond il-program ta' sikurezza nukleari Tacis fl-ambitu tal-fond tas-Sħubija Ambjentali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana (NDEP) u wettqet numru ta' proġetti u studji f'dan il-qasam. Iktar fondi huma previsti.

Fl-Ukrajina, l-UE hija donatur prinċipali tal-Fond tax-Xelter ta' Chernobyl b'kontribut ta' madwar €240 miljun s'issa, u tal-Kont tas-Sikurezza Nukleari (NSA), li jiffinanzja proġetti li għandhom x'jaqsmu mal-iżmantellar tas-sit. Dawn iż-żewġ fondi huma amministrati mill-EBRD. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tħaddem proġetti oħra, inkluż il-Kumpless Industrijali għall-Immaniġġjar ta’ Skart Radjuattiv Solidu ( Industrial Complex for Solid Radwaste Management – ICSRM), iffinanzjat mit-TACIS għall-ammont totali ta' madwar €50 miljun. Hemm bżonn iktar offerti biex ikunu ffinanzjati l-proġetti taħt iċ-CSF u in-NSA. Il-faċilità ta' self ta' l-Euratom kienet użata biex tipprovdi self ta $83 miljun biex tiffinanzja l-programm ta' modernizzazzjoni ta' l-unitajiet Rovno 4 u Khmelnitsky 2 (il-proġett K2R4). Bħal ma qiegħed jiġri fir-Russja, se jibqa' jingħata appoġġ lir-regolaturi nukleari fil-futur. Assitenza fuq il-post fl-impjanti nukleari qegħdha tevolvi lejn is-sikurezza ta' l-operat tagħhom u hemm bżonn li tkompli.

Il-Memorandum ta' Ftehim dwar l-Enerġija ffirmat fl-2005 ma l-Ukrajina[2] jaħseb għall-valutazzjoni tas-sikurezza ta' l-impjanti nukleari Ukrajni. Proġett konġunt tal-Kummissjoni-IAEA-Ukrajina dwar din il-kwestjoni, iffinanzjat prinċiparjament mill-Istrument ta' Kooperazzjoni għas-Sikurezza Nukleari, beda' riċentament. L-UE għamlet l-appoġġ tagħha għall-adeżjoni finali ta' l-Ukrajina mal-Komunità ta' l-Enerġija suġġett għall-valutazzjoni sodisfaċenti tal-livell ta' sikurezza nukleari fl-impjanti kollha nukleari li qegħdin joperaw fl-Ukrajina. It-titjib tas'sikurezza f'dawn l-impjanti huwa wkoll obligazzjoni tal-fornitur ta' l-enerġija fl-Ukrajna kif miftiehem fil-kuntratt għas-self Euratom għall-K2R4.

Fl-Armenja, l-impjant nukleari Medzamor, reattur ta' l-ewwel ġenerazzjoni ddisinjat fl-Unjoni Sovjetika, ġarrab ħsarat f'terrimot qawwi fl-1988 u kien b'hekk magħluq. Mandanakollu, minħabba nuqqas ta' enerġija, il-Gvern iddeċieda li jerġa jiftaħ l-Unità 2 ta' l-impjant fl-1995. Waqt li l-UE qegħdha tinsisti mal-Gvern ta' l-Armenja biex jistabbilixxi data ċara ta' l-għeluq ta' l-impjant, b'koordinazzjoni ma donaturi oħra taħt il-patroċinju tal-IAEA, l-UE kkontribwiet madwar €25 miljun biex isiru l-iktar tibdil urġenti tas-sikurezza nukleari. Sadanittant, il-Gvern ta' l-Armenja indika l-2016 bħala d-data intenzjonata ta' għeluq ta' l-impjant. Din id-data mhix aċċettabbli għall-komunità internazzjonali u l-UE qed tkompli tinsisti mal-Gvern Armen għall-għeluq iktar kmieni. Madanakollu, biex jitnaqqsu r-riskji tat-tkomplija ta' l-operat ta' l-impjant, partikularment fir-reġjun tal-Kawkasu tan-Nofsinhar, l-għajnuna biex jiġu implimentati l-miżuri ta' titjib fis-sigurtà l-iktar urġenti f'perjodu qasir għandhom ikomplu.

Fil-Kazakstan, wara rikjesta għall-għajnuna mill-Gvern lill-komunità internazzjonali, l-IAEA mexxiet grupp ta' donaturi internazzjonali biex tistabilixxi Pjan ta' Valutazzjoni għas-Sit ta' Prova ta' l-Armamenti Nukleari ta' Semipalatinsk. Is-servizzi tal-Kummissjoni kkollaboraw estensivament f'dan ix-xogħol, li wassal għal proġett tal-Kummissjoni biex tistħarreġ is-sit. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tiffinanzja proġetti għall-iżmantellar ta l-impjant ta' Aktau.

Is-servizzi tal-Kummissjoni qegħdin ikomplu l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-Grupp ta' Sikurezza u Sigurtà Nukleari tal-G8 (NSSG), li kompla l-attivitajiet tal-Grupp ta' Ħidma ta' Sikurezza Nukleari tal-G7 maħluq fl-1992. Dan il-grupp fassal il-programm ta' titjib fis-sigurtà nukleari fin-NIS/CEEC li għandu jkun iffinanzjat mill-komunità internazzjonali. Fl-1995, in-NSWG innegozjat il-Memorandum ta' Ftehim bejn l-Ukrajina, il-G7 u l-Kummissjoni, li rriżulta fl-għeluq ta' l-aħħar unità operativa f'Chernobyl f'Diċembru 2000. Il-grupp kien strumentali biex ifittex offerti addizzjonali biex ikopru l-għoli sistematiku fl-ispejjeż tal-proġetti Chernobyl u biex imexxu inizjattivi ta' sikurezza u sigurtà nukleari.

3.2. Proġetti Ġodda ta' Sikurezza Nukleari

Il-fatt li numru ta' msieħba qegħdin jikkunsidraw li jibdew programm nukleari jew li jespandu l-attivitajiet attwali jwassal għal sfida ġdida għall-UE.

Il-maġġoranza tal-'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw' li jixtiequ jibdew programm ta' ġenerazzjoni ta' enerġija nukleari bħalissa m'għandhomx l-infrastruttura leġislattiva u regolatorja neċessarja biex jiġi żgurat li s-sikurezza tkun il-kunċett prinċipali fid-deċiżjonijiet ta' disinn, bini u operat. Barra minn hekk, dawn il-pajjiżi spiss m'għandhomx l-esperjenza neċessarja jew l-infrastruttura industrijal adekwata. Dawn il-fatti iwasslu għal sfidi fil-qasam tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari li huma ta' tħassib għall-UE. Bara minn hekk, xi pajjiżi li għandhom diġà programmi ta' enerġija nukleari, partikularment dawk fejn jidher li se jkun hemm espansjoni rapida, jistgħu wkoll jikkunsidraw għajnuna esterna.

Billi l-Programm ta' Sikurezza Nuklari Tacis spiċċa fl-2006, Strument Ġdid għall-kooperazzjoni fis-Sikurezza Nukleari (INSC) bi skop ġeografiku globali kien adottat biex ikompli u jespandi l-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari. Ir-riżorsi finanzjarji taħt dan l-istrument, għall-perjodu 2007 – 2013, jammontaw għal madwar €524 miljun[3]. Barra minn hekk, il-faċilità ta' self ta' l-Euratom tibqa' operattiva fir-Russja, l-Ukrajina u l-Armenja.

Billi l-bżonn ta' assistenza qiegħed jonqos fir-Russja u l-Ukrajina u bżonnijiet ġodda qegħdin joħorġu minn pajjiżi barra min-NIS, il-Kummissjoni għandha bżonn tagħmel valutazzjoni mill-ġdid ta' kif tagħti prijorità lill-attivitajiet tagħha ma' pajjiżi terzi[4] fil-qasam tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari. L-objettivi ta' għajnuna/ kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi jistgħu jitqassru kif ġej:

- Titjib fil-kultura tas-sikurezza nukleari (inklużi l-livelli ta' disinn u ta' operat);

- Titjib fil-protezzjoni kontra r-radjazzjoni jonizzanti;

- Indirizzar tal-problemi ta' skart radjoattiv u karburant użat;

- Għajnuna fl-implimentazzjoni tas-salvagwardji nukleari.

Id-definizzjoni tal-programmi u l-proġetti biex jintlaħqu dawn l-objettivi se tikkunsidra l-limitazzjonijiet imposti mill-finanzi u r-riżorsi umani disponibbli.

3.3. Strumenti oħra

L-UE għandha numru ta' mezzi oħra li tista' tuża meta tiżviluppa kooperazzjoni. Kwestjonijiet ta' sikurezza u sigurtà nukleari huma koperti mit-Trattat ta l-Euratom li jagħti l-posibbilità lill-Kummissjoni, bl-approvazzjoni tal-Kunsill, li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali f'dan il-qasam[5]: Ftehimiet bl-iskop li tikber il-kooperazzjoni dwar l-użu paċifiku ta l-enerġija nukleari u r-riċerka nukleari kienu ffirmati ma numru ta' pajjiżi, inklużi, fost l-oħrajn, l-Awstralja, il-Kanada, l-Isvizzera, l-Istati Uniti, il-Ġappun, l-Argentina, l-Ukrajina u l-Użbekistan.

L-UE ffirmat ukoll ftehimiet fil-qasam tas-sikurezza nukleari ma pajjiżi bħall-Ukrajina u l-Każakstan. Il-Komunità hija wkoll parti minn numru li qed jikber ta' ftehimiet internazzjonali ma' pajjiżi terzi, partikularment l-IAEA, biex tippromwovi in-non-proliferazzjoni u s-sikurezza u s-sigurtà nukleari.

Barra min hekk, il-Politika ta' Riċerka u Edukazzjoni/Taħriġ Nukleari tal-Komunità, li tinkludi l-Programm ta' Fissjoni Euratom taħt is-seba' Programm ta' Qafas, għandha r-riżorsi għall-azzjonijiet indiretti u diretti miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (ĊKR). Dan jista' jipprovdi sinerġiji importanti fil-qasam tas-sigurtà nukleari.

4. SIGURTÀ NUKLEARI U NON-PROLIFERAZZJONI

4.1. Is-sitwazzjoni preżenti

Is-sikurezza nukleari (fi kliem ieħor, id-disinn mingħajr periklu, l-operat u l-iżmuntar ta' installazzjoniijet nukleari, u r-rogolazzjoni ta' kif jintrema l-iskart) ma jistax ikun dissoċjat mis-sigurtà nukleari (is-sigurtà fiżika mill-installazzjonijiet nukleari, it-traffiku ta' materjal nukleari, il-kontroll ta' sorsi 'orfni', il-kapaċità ta' skoperta, ir-reazzjoni għall-emerġenzi).

Billi xi materjal, tagħmir u installazzjonijiet nukleari għandhom posibbilità ta' użu doppju (paċifku u militari),[6] it-tkabbir ta' l-enerġija nukleari jista' jżied ir-riskji tal-proliferazzjoni[7]. Barra minn hekk, hemm tħassib serju li atturi mhux statali jistgħu jużaw ħażin it-teknoloġiji nukleari paċifiċi, għal skopijiet terroristiċi jew kriminali oħra. Biex ikun indirizzat il-kutrabandu nukleari hemm bżonn ta' l-bini ta' kapaċitajiet ġodda fuq livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.

Biex ikunu ndirizzati r-riskji tas-sigurtà nukleari, numru ta' inizjattivi tnedew reċentament bl-iskop li jinfurzaw il-mekkanismi ta' verifika ta' l-IAEA, ir-regoli ta' kontroll ta' l-esportazzjoni nukleari, il-monitoraġġ tal-fruntieri u il-"multilateralizzazzjoni" taċ-ċiklu tal-karburant nukleari[8]. Id-dikjarazzjoni konġunt dwar il-kooperazzjoni msaħħa li qiegħed jiġi ppreparat mill-Kummissjoni u mill-IAEA għandu wkoll l-iskop ta' riduzzjoni ġenerali tar-riskju tas-sigurtà fl-enerġija nukleari.

L-UE qegħdha tappoġġja dawn il-miżuri permezz ta' l-Istrateġija ta' l-UE tal-2003 kontra l-Proliferazzjoni ta' Armamenti ta' distruzzjoni tal-Massa kif ukoll billi tipprovdi appoġġ totali lir-Riżoluzzjoni 1540 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (April 2004). Skond il-konklużjonijiet tal-GAERC tas-17 ta' Novembru 2003, l-UE qegħda wkoll tintroduċi klawżola ta' non-proliferazzjoni fil-ftehimiet ma pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipprowmovi r-ratifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal u Faċilitajiet Nukleari (kif emendata fi Vjenna fit-8 ta' Lulu 2005) mill-istati kollha li għandhom jew qegħdin jaħsbu biex ikollhom programm ta' enerġija nukleari ċivili .

Il-Programm Ewropew għall-Protezzjoni ta' l-Infrastruttura Kritika jinkludi wkoll dimensjoni esterna li tipprevedi l-konklużjoni ta' memoranda ta' ftehim speċifiċi u l-iskambju ta' l-aħjar prattiċi ma' pajjiżi terzi bi skop li iżżid is-sigurtà ta' l-infrastruttura kritika.

Permezz ta' programmi tal-Komunità u l-Azzjonijiet Konġunt tal-Kunsill, l-UE ilha attiva sa mill-bidu tas-snin 90 fit-tnaqqis tar-riskji ta' proliferazzjoni, b'importanza speċjali lil-pajjiżi tas-CIS, u għandha l-intenzjoni tindirizza r-riskji u t-theddid globalment permezz ta' l-Istrument ta' Stabillità li għadu kif ġie addottat. L-Istrument jindirizza firxa ta' kwestjonijiet bl-iskop li jipprevjeni l-proliferazzjoni ta' l-Armamenti tad-distruzzjoni tal-Massa[9]. Fl-aħħarnett, ir-riskji tal-proliferazzjoni se jkunu indirizzati fir-reviżjoni li għaddeja ta' l-Istrateġija tas-Sigurtà Ewropea.

Is-sigurtà tal-provvista tal-karburant nukleari hija wkoll fattur prinċipali għall-pajjiżi li joperaw l-impjanti nukleari u għal dawk li qegħdin jikkunsidraw li jibdew programmi ta' enerġija nukleari. Relazzjonijiet ta' forniment fuq tul ta' żmien huma importanti għal min jipprovdi u min juża l-materjal nukleari fl-interess ta' funzjonament stabbli u prevedibbli tas-suq. Euratom ikkonkludiet ftehimiet għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi fornituri prinċipali (per eżempju l-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, il-Kazakstan), li għandhom il-proveddimenti għall-konsultazzjonijiet regolari bejn il-partijiet. Il-ftehimiet jinkludu wkoll klawsoli ta' "użu paċifiku" tal-materjal nukleari u jipprovdu għall-applikazzjoni tas-salvagwardji li jibqgħu rilevanti meta l-materjal nukleari jkun esportat lill-pajjiżi terzi.

4.2. Attivitajiet fil-futur

Il-Komunità se tkompli l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-ogħla standards ta' miżuri ta' non-proliferazzjoni, sikurezza u sigurtà li qegħdin ikomplu jiġu żviluppati fil-Komunità ikunu osservatti wkoll fuq livell internazzjonali[10]. Il-Komunità għandha tkun miftuħa li tesplora kooperazzjoni ikbar ma' pajjiżi terzi biex tippromwovi n-non-proliferazzjoni, is-sikurezza u s-sigurtà. Meta tinnegozja u tiffirma ftehimiet internazzjonali Euratom, il-Komunità se tipprova tħajjar lill-imseħba tagħha biex iżommu mal-konvenzjonijiet internazzjonali relevanti kollha. F'dan il-kuntest, għandu jkun innutat li Komunikazzjoni speċifika dwar il-Kompetenzi tal-Komunità mogħtija mit-Trattat Euratom fil-qasam tan-non-proliferazzjoni nukleari se tkun indirizzata mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament.

5. IL-VALUR MIżJUD TA' L-UE

Pajjiż li qed jaħseb biex juża l-enerġija nukleari għal raġunijiet ċivili u biex jirrispetta sew il-bżonnijiet ta' sikurezza u sigurtà rikonoxxuti internazzjonalment se jaffaċċja l-isfida li jiżviluppa l-kapaċitajiet (ir-riżorsi umani u finanzjarji u l-infrastruttura) u jistabbilixxi l-qafas leġiżlattiv u l-istituzzjonijiet neċessarji biex jirrispetta l-obligazzjonijet internazzjonali. L-UE, permezz tal-Istituzzjonijiet tal-Komunità u l-Istati Membri, tista' tipprovdi kontribuzzjoni konsiderevoli bbażata fuq l-esperjenza estensiva tagħha tittratta l-enerġija nukleari, l-implimentazzjoni tal-programm tas-sikurezza nukleari Tacis (ara fuq) u l-firxa ta' strumenti għad-dispożizzjoni tagħha.

L-intervent tal-Kummissjoni se jiffoka esklussivament fuq l-attivitajiet maħsuba biex itejbu s-sikurezza u s-sigurtà nukleari, inklużi studji, l-iżvilupp ta' legiżlazzjoni, it-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet u f'xi każi eċċezzjonali ta' impjanti nukleari li diġà qegħdin jaħdmu, it-tagħmir. Għandha tkun mogħtija attenzjoni partikulari lit-taħriġ fis-sikurezza, is-sigurtà, u non-proliferazzjoni bl-iskop li jittaffa n-nuqqas ta' riżorsi umani mħarrġa sew fil-pajjiżi kkonċernati. Pakketti ta' appoġġ għandhom ikunu ppjanati bl-iskop li jiżguraw is-sostenibilità wara li jispiċċa l-appoġġ ta' l-UE.

6. KRITERJI TA' PROGRAMMAZZJONI GħALL-PERJODU 2007-2013

Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi li bbenefikaw mill-għajnuna Tacis se tkompli fil-futur qarib. Għall-pajjiżi l-oħra, il-prijoritajiet ta' l-iffinanzjar se jkunu bbażati fuq kriterji strateġiċi, ġeografiċi u tekniċi.

6.1. Kriterji strateġiċi u ġeografiċi

Il-konsiderazzjonijiet strateġiċi u ġeografiċi li ġejjin għandhom ikunu meqjusa meta jiġu definiti l-prijoritajiet biex tkun allokata l-assistenza fir-rigward tas-sikurezza u s-sigurtà nukleari.

- L-importanza ġeografika, strateġika u ġeopolitika tal-pajjiż għall-UE, inkluż il-viċinanza ġeografika u l-kontribuzzjoni ta' l-Istrument tal-Kooperazzjoni tas-Sikurezza Nukleari (NSC) u l-Istrument għall-Istabilità (IfS) biex jintlaħqu l-objettivi tal-Politika Ewropa tal-Viċinat[11];

- Id-dispożizzjoni tal-pajjiż li jikkopera u l-kredenzjali tiegħu ta' non-proliferazzjoni;

- L-istabilità politika tal-pajjiz kif ukoll il-kapaċità tiegħu, partikularment, li jagħti l-kontribut finanzjarju tiegħu fuq tul ta' żmien.

6.2. Kriterja tekniċi

Mill-aspett tekniku, hemm bżonn jiġu meqjusa l-aspetti li ġejjin meta jkunu definiti l-prijoritajiet għall-kooperazzjoni tal-KE ma' pajjiżi terzi:

- L-urġenza tal-problemi[12] fir-rigward tas-sikurezza taċ-ċittadini u l-impjanti kif ukoll tas-sigurtà;

- L-imminenza ta' l-iżvilupp ta' programm ta' enerġija nuklear kredibbli fil-pajjiż.

Il-pajjiżi terzi differenti jistgħu jiġu kategorizzati skond l-istat attwali tagħhom rigward l-esperjenza tagħhom bl-enerġija nukleari u l-ambizzjonijiet li ddikjaraw, kif ġej:

- Pajjiżi b'Impjanti Nukleari operanti;

- Pajjiżi li qegħdin joperaw Reattur ta' Riċerka u se jibdew programm ta' enerġija nukleari;

- Pajjiżi li m'għandhomx Reatturi ta' Riċerka u se jibdew programm ta' enerġija nukleari.

Barra minn kwestjonijiet ta' sikurezza nukleari, xi pajjiżi jkollhom bżonn itejbu l-protezzjoni kontra r-radjazzjoni jonizzanti u jkunu megħjuna jimplimentaw is-salvagwardji nukleari.

7. KONKLUżJONIJIET

Waqt li l-firxa ġeografika ta' enerġija nukleari qegħda tikber, l-UE għandha bżonn tkompli tibni fuq il-politika u l-esperjenza stabiliti tagħha u tkompli x-xogħol tagħha ma' l-imsieħba biex tippromwovi l-ogħla standards ta' sikurezza u sigurtà nukleari.

Il-Kummissjoni flimkien ma' l-imsieħba se jidentifikaw x'għajnuna għandha tkun mogħtija, biex tappoġġja l-aħjar prattika fil-programmi nukleari ċivili eżistenti u, fejn se jkunu mnedija programmi ġodda, biex tiżgura li s-sikurezza u s-sigurtà jkunu rispettati interament fil-proċess ta' deċiżjoni, fil-konċeżżjoni u l-eżekuzzjoni tal-pjanijiet, u fl-operazzjonijiet sussegwenti ta' l-impjanti.

[1] Programm parallel kien adottat skond il-Phare biex jagħmel titjib fis-sikurezza nukleari fil-pajjiżi kandidati ta' l-UE.

[2] Il-Memorandum ta' Ftehim dwar il-kooperazzjoni fil-qasam ta' l-enerġija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajina, iffirmat fi Kiev fl-1 ta' Diċembru 2005 mill-President tal-Kunsill Ewropew is-Sur Blair, il-President tal- Kummissjoni Ewropea is-Sur Barroso u l-President ta l-Ukrajina is-Sur Yushchenko.

[3] Dawn se jkunu użati prinċiparjamenti skond il-linja tal-baġit 19,060401.

[4] Il-pajjizi koperti mill-Istrument ta' Pre-Adeżjoni huma esklużi. Pajjiżi industrijalizzati / bi dħul għoli huma wkoll esklużi fil-prinċipju.

[5] Kapitlu 10 tat-Trattat ta' l-Euratom (Art. 101).

[6] Kif deskritt fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1334/2000 tat- 22 ta' Ġunju 2000 li jistabilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll ta' l-esportazzjoni ta' oġġetti u teknoloġija b'użu doppju.

[7] Ara l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u l-Faċilitajiet Nukleari (kif emendata fi Vjenna fit-8 ta' Lulju 2005).

[8] Eżempju ta' dan huwa s-Sħubija ta' l-Enerġija Nukleari Globali (GNEP) immexxija mill-Istati Uniti fejn konsorzju ta' pajjiżi b'teknoloġija nukleari avvanzata jagħtu servizzi ta' karburant u reatturi lill-pajjiżi li 'jaqblu li jżommu lura mill-attivitajiet taċ-ċiklu tal-karburant' bħall–arrikkiment u r-riċiklaġġ. Din hija bażikament approċċ ta' kiri ta' karburant, fejn il-fortinur jieħu r-rsponsablità għar-rimi tal-karburant użat.

[9] Il-linja tal-baġit prinċiparjament użata għal dan l-iskop hija 19.060201.

[10] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10.1.2007 dwar "Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa", COM(2007)1 finali, pp. 18 u 19.

[11] Mill-pajjiżi viċini li jixtiequ jibdew programm nukleari, ir-Reġjuni tal-Magħreb u l-Maxreq huma ta' importanza partikolari, minħabba l-viċinanza tagħhom għall-Unjoni. Ir-reġjun tal-Lvant Nofsani huma t-tieni prijorità.

[12] Pajjiżi bi programmi ta' enerġija nukleari eżistenti, partikularment dawk bi programmi li qegħdin jespandu rapidament u li qatt ma kienu ġew ikkunsidrati qabel, jista' jkun hemm bzonn li jkunu kkundisdrati fuq bażi prijoritarja.