Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ċentrali Ewropew - L-introduzzjoni ta' l-euro f’Ċipru u f’Malta /* KUMM/2008/0204 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 18.4.2008 KUMM(2008) 204 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW L-introduzzjoni ta' l-euro f’Ċipru u f’Malta KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW L-introduzzjoni ta' l-euro f’Ċipru u f’Malta 1. INTRODUZZJONI Il-Kunsill iddeċieda fl-10 ta’ Lulju 2007 li jħassar id-deroga ta’ Ċipru u Malta għall-adozzjoni tal-munita unika b'effett mill-1 ta' Jannar 2008. It-tranżizzjoni b’suċċess taż-żewġ pajjiżi kkonfermat li, jekk jitħejja bir-reqqa, perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja ta’ erba’ ġimgħat jista’ jkun biżżejjed, anki għal pajjiżi b’ammont għoli ħafna ta’ flus kontanti li jkunu fiċ-ċirkolazzjoni[1]. Għall-maġġoranza kbira ta’ Ċiprijotti (95 %) u Maltin (90%) it-tranżizzjoni f’pajjiżhom kienet bla xkiel jew kważi bla xkiel u effiċjenti. Din il-Komunikazzjoni tkopri l-aktar aspetti importanti tal-proċess ta’ tranżizzjoni, b’mod partikolari l-bidla fil-flus kontanti, il-konverżjoni tas-sistemi amministrattivi u finanzjarji, l-impatt reali u perċepit ta’ l-introduzzjoni ta’ l-euro fuq il-prezzijiet, u l-opinjoni taċ-ċittadini dwar il-kampanji ta’ tagħrif u komunikazzjoni; barra minn hekk, xi konklużjonijiet miġbura jistgħu jkunu ta’ valur għat-tranżizzjonijiet fil-ġejjieni. 2. Il-bidla fil-flus kontanti Il-bidla fil-flus kontanti tikkostitwixxi l-aktar element viżibbli tal-proċess ta’ tranżizzjoni billi tinvolvi prattikament l-istituzzjonijiet finanzjarji, in-negozji u ċ-ċittadini kollha. Is-suċċess ta’ din l-operazzjoni jiddependi fuq il-provvista f’waqtha tal-flus kontanti ta’ l-euro lill-partijiet kollha involuti u t-tħejjija sħiħa għall-irkupru tal-valuti qodma. 2.1. Operazzjonijiet ta' forniment u tqassim qabel jum l-€ A) Ċipru Il-Bank Ċentrali ta’ Ċipru (CBC) beda l-forniment minn qabel tal-banek kummerċjali fit-22 ta’ Ottubru 2007 għall-muniti ta’ l-euro u fid-19 ta’ Novembru 2007 għall-karti tal-flus ta’ l-euro. Madwar 80 % tal-valur tal-karti tal-flus ta’ l-euro (valur ta’ €950 miljun) u 64 % tal-valur tal-muniti ta’ l-euro (valur ta’ €64 miljun) ġew fornuti lis-settur bankarju qabel jum l-€. Il-fergħat kollha tal-banek f’Ċipru (madwar 900) kienu involuti fl-operazzjonijiet ta’ forniment minn qabel. It-tqassim minn qabel tal-flus kontanti ta’ l-euro lill-bejjiegħa bl-imnut inbeda fl-istess żmien. Minkejja li s--CBC kien attiv fl-ispjegazzjoni tal-ħtieġa ta' tqassim minn qabel għal intrapriżi li jkollhom x’jaqsmu ma’ flus kontanti, l-ordnijiet ta’ kontanti f’euro kienu ferm inqas milli mistenni. Ħafna imprendituri żgħar iddikjaraw li biex jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha ta’ tqassim minn qabel kien diffiċli u jqum il-flus. Biex tingħeleb din il-problema, il-banek, bi qbil mas-CBC, ippermettew li l-intrapriżi jitqassmulhom il-flus fil-31 ta’ Diċembru bl-użu ta’ proċedura semplifikata. Madwar 58 % ta’ l-intrapriżi minn total ta’ 1 377 li tqassmulhom il-flus minn qabel użaw din il-proċedura semplifikata u ġew fornuti b’total ta’ €3.3 miljun (imqabbel ma’ €11.1 miljun skond il-proċedura standard). Barra minn hekk, xi banek bdew ibiddlu l-liri Ċiprijotti għal karti tal-flus ta’ l-euro għall-klijenti tagħhom bir-rata ta’ konverżjoni u mingħajr ħlasijiet sa mill-1 ta’ Novembru, filwaqt li ppermettew lin-negozji li ma setgħux iġorru l-piż tat-tqassim minn qabel li jixtru l-flus kontanti ta’ l-euro minn qabel. Madwar 40 000 sett ta’ muniti ppakkjati minn qabel (settijiet għall-bidu), b'valur ta' €172 kull wieħed, kienu disponibbli wkoll għan-negozji, iżda nbiegħu biss 22 000. Billi dawn is-settijiet għall-bidu kien fihom rollijiet ta’ muniti, is-settijiet li fadal setgħu jintużaw faċilment mill-banek wara jum l-€. 250 000 mini-kits oħra, b'valur ta' CYP 10 (€17.09) kull wieħed, kienu disponibbli għall-pubbliku ġenerali sa mit-3 ta’ Diċembru 2007. Inbiegħu madwar 189 000 mini-kits. Skond l-istħarriġ ta’ l-Ewrobarometru[2], aktar minn 70 % taċ-ċittadini li kienu xtraw mini-kit fetħuh u użaw il-muniti wara t-tranżizzjoni filwaqt li madwar 20 % żammewh mhux mimsus. Sa mit-tranżizzjoni, il-mini-kits mhux mibjugħa ġew esportati biex jissodisfaw id-domanda tal-kollezzjonisti barra mill-pajjiż. Matul l-ewwel tliet ġimgħat ta’ Jannar kienu esportati muniti ta’ l-euro Ċiprijotti b'valur ta' €3.5 miljun. B) Malta Il-forniment minn qabel tal-flus kontanti ta’ l-euro lil banek kummerċjali beda fil-15 ta’ Settembru 2007. Madwar 107 fergħa tal-bank irċevew karti tal-flus ta’ l-euro b’valur ta’ €540 miljun u muniti ta’ l-euro b’valur ta’ €27.81 miljun qabel jum l-€. Matul il-fażi ta’ tqassim minn qabel (li bdiet fl-1 ta’ Diċembru 2007), 134 negozju ngħataw karti ta’ l-euro b’valur ta’ €3.9 miljun u muniti b’valur ta’ €1.9 miljun. In-numru ferm limitat ta’ negozji li ħadu sehem fl-operazzjoni ta’ tqassim minn qabel huwa x’aktarx minħabba l-kundizzjonijiet pjuttost stretti li ġew imposti. Minħabba l-ammont partikolarment għoli ta’ flus kontanti fiċ-ċirkolazzjoni, il-Bank Ċentrali ta’ Malta ħeġġeġ lill-pubbliku biex jiddepożita flus kontanti żejda fil-banek mill-1 ta’ Diċembru. Fl-istess waqt, il-banek intrabtu li jbiddlu l-karti u l-muniti tal-lira Maltija f'euro mingħajr ħlas biex jippermettu lin-negozji żgħar li jiksbu flus kontanti ta' l-euro qabel it-tranżizzjoni. Bosta negozji ppreferew jixtru settijiet għall-bidu biex ifornu lilhom infushom b’volum biżżejjed ta’ muniti ta’ l-euro. It-33 000 sett għall-bidu għan-negozji (b'valur ta' €131 kull wieħed) inbiegħu kollha. Il-banek irreġistraw xi domanda għal settijiet għall-bidu li fihom kemm muniti kif ukoll karti u xi domanda għal settijiet ta’ muniti għall-bidu b’kompożizzjoni differenti minn dawk standard li ġew offruti. Malta rreġistrat ukoll ordnijiet kbar għal muniti Maltin minn kollezzjonisti barra mill-pajjiż. Madwar 1 200 000 biċċa ta’ kull denominazzjoni ġew esportati minn banek privati bejn jum l-€ u l-25 ta’ Jannar. Fl-istess żmien, il-Bank Ċentrali ta’ Malta kien biegħ barra mill-pajjiż madwar 32 000 sett ta’ preżentazzjoni ta’ l-euro u kien wettaq skambju ta’ madwar 10 000 biċċa ta’ muniti ta’ kull denominazzjoni ma’ Banek Ċentrali oħra taż-żona ta’ l-euro. Il-fatt li n-negozji wrew ftit interess fit-tqassim minn qabel jikkonferma l-impatt negattiv tar-rekwiżiti stretti dwar is-sikurezza u t-tagħrif, b’mod partikolari għal kumpaniji żgħar. Għaldaqstant il-BĊE bħalissa qed jinvestiga l-possibbiltà li jiġu ssemplifikati l-linji ta’ gwida tiegħu dwar it-tqassim minn qabel għal tranżazzjonijiet fil-ġejjieni, filwaqt li qed titqies b’mod partikolari l-proċedura semplifikata użata fl-aħħar ta’ Diċembru f’Ċipru. L-iżbilanċ bejn id-domanda għal u l-provvista ta’ settjiet ta’ muniti jenfasizza l-importanza ta’ tħejjija bir-reqqa tal-volum li jrid jiġi prodott. Il-produzzjoni ta’ sett wieħed ta’ muniti għal kull familja tidher li hija numru raġjonevoli. Il-volumi relattivament għolja ta’ muniti esportati jissuġġerixxu li għandha titqies id-domanda tas-suq tal-kollezzjonisti, speċjalment għal pajjiżi żgħar. L-ordnijiet mill-kollezzjonisti jistgħu jbiddlu b’mod sinifikanti l-volum ta’ muniti disponibbli matul it-tranżizzjoni. | 2.2. Il-perjodu ta' ċirkolazzjoni doppja Ċipru u Malta għażlu perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja ta’ xahar. It-tranżizzjoni bla xkiel f’dawn iż-żewġ pajjiżi kkonfermat li erba’ ġimgħat huma biżżejjed biex tiġi introdotta l-munita ġdida u biex jiġi rkuprat volum sostanzjali ta’ valuti qodma. [3] 2.2.1. Tqassim ta’ karti u muniti ta’ l-euro wara jum l-€ Il-magni tal-ġbid tal-flus (ATMs) u l-fergħat tal-banek kienu l-metodi ewlenin biex jinkisbu l-flus kontanti ta' l-euro użati mill-pubbliku u min-negozji matul l-ewwel jiem wara t-tranżizzjoni. Iżda fiż-żewġ pajjiżi n-nies kienu qed jużaw ukoll b’mod sostanzjali l-ħwienet biex jeħilsu mill-valuti qodma tagħhom u jiksbu l-euro. A) Ċipru Biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-liri Ċiprijotti f’euro, għadd ta’ fergħat tal-banek kienu miftuħa fl-1 ta’ Jannar 2008, li normalment ikun jum ta’ btala. Iċ-Ċiprijotti għamlu madwar 336 000 żjara lill-banek tagħhom matul l-ewwel għaxart ijiem ta' din is-sena u rtiraw jew biddlu aktar minn €578 miljun (b'medja ta' €1 177 għal kull operazzjoni). Il-550 ATM kollha ġew konvertiti biex jagħtu biss karti tal-flus ta’ l-euro min-0.30h fl-1 ta’ Jannar. Matul l-ewwel ġimgħat wara t-tranżizzjoni, l-ATMs kienu qed jagħtu biss karti tal-flus ta’ denominazzjoni żgħira, bl-għan li jitnaqqas l-ammont ta’ bqija li l-bejjiegħa kellhom jagħtu fi tranżazzjonijiet bil-flus kontanti. Iċ-Ċiprijotti rtiraw aktar minn €32 miljun f’madwar 251 000 operazzjoni matul l-ewwel għaxart ijiem wara t-tranżizzjoni. Bħala medja, ġew irtirati €127 għal kull operazzjoni. Bħal fis-Slovenja u f’xi pajjiżi li adottaw l-euro fl-2002 (eż. il-Ġermanja u Spanja), għadd kbir ta’ ċittadini marru fil-fergħat tal-banek minflok użaw l-ATMs fil-jiem wara t-tranżizzjoni biex jiksbu l-munita ġdida. Meta jitqabblu ċ-ċifri għall-perjodu kollu ta’ ċirkolazzjoni doppja (Jannar 2008) ma’ dawk ta’ Jannar 2007, kien hemm żieda ta’ 55 % fil-valur ta’ rtirar u skambji b’żieda korrispondenti ta’ 61 % fil-volum ta’ tranżazzjonijiet li saru fil-fergħat tal-banek, filwaqt li l-volum ta' tranżazzjonijiet ta' l-ATM żdiedu biss bi 23 %[4]. Il-valur medju relattivament għoli ta’ skambji jew irtirar għal kull operazzjoni tal-bank f’Ċipru (€1 177) jissuġġerixxi li n-nies kienu qed iżommu ammonti għolja ta’ flus kontanti maħżuna, u dan wassal għal kjuwijiet fil-banek matul l-ewwel jiem wara t-tranżizzjoni minkejja li l-fergħat tal-banek kienu miftuħa b’mod eċċezzjonali fl-1 ta' Jannar. Is-sitwazzjoni fil-banek, madankollu, malajr reġgħet lura għan-normal. B) Malta Bejn l-1 u l-10 ta’ Jannar saru kważi 230 000 skambju, b’ammont totali ta’ madwar € 165 miljun. L-iskambju medju kellu valur ta’ madwar €720. F’Malta kien hemm aktar operazzjonijiet ta' rtirar minn ATMs milli mill-fergħat tal-banek, iżda l-valur totali ta’ euro miksub fil-fergħat tal-banek kien ta’ aktar minn erba’ darbiet akbar. Madwar 90 % ta’ l-ATMs kollha (b’total ta’ 154) f’Malta kienu qed jagħtu biss karti tal-flus ta' l-euro sa nofs il-lejl fl-1 ta' Jannar; l-oħrajn ġew adattati fis-sigħat ta’ wara. Madwar 316 000 tranżazzjoni ta’ rtirar għal ammont totali ta’ madwar €40 miljun twettqu sa u inkluż l-10 ta’ Jannar. Bħal f’Ċipru, ġew irtirati madwar €126 għal kull operazzjoni. Billi n-nies dehru ħerqana li jbiddlu l-flus kontanti nazzjonali li kellhom f’euro u li jirtiraw il-flus kontanti ta’ l-euro, kien hemm kjuwijiet imdaqqsa f’xi fergħat tal-banek. Diversi banek kienu fetħu fergħat speċjali għan-negozji biex jitnaqqas il-ħin ta’ stennija. Madankollu, il-kjuwijiet twal osservati anki ġimgħa wara t-tranżizzjoni wrew li l-miżuri meħuda mhux dejjem kienu biżżejjed. Il-banek ma kinux ippreparati għal kollox biex jimmaniġġjaw ammont ta’ xogħol żejjed bħal dan, minkejja ż-żieda ta’ 600 kaxxier. 2.2.2. Żvilupp ta’ ħlasijiet fi flus kontanti Iċ-ċifri dwar il-ħlasijiet fi flus kontanti f’euro juru li l-euro malajr sar il-munita ta’ Malta u Ċipru. L-użu tiegħu matul l-ewwel tlett ijiem żdied ħafna aktar malajr milli fl-ewwel mewġa (ara l-Grafika 1). Fiż-żewġ pajjiżi s-sehem ta' ħlasijiet fi flus kontanti ta' l-euro fil-ħwienet laħaq is-70 % tal-ħlasijiet kollha fi flus kontanti fl-4 ta’ Jannar, filwaqt li fit-tranżizzjoni ta’ l-2002 is-sehem ta’ ħlasijiet fi flus kontanti f’euro ma qabiżx is-70 % sas-6 ta’ Jannar. Aktar minn 90 % tal-bejjiegħa bl-imnut kienu qed jagħtu l-bqija esklużivament f’euro sa mit-2 ta’ Jannar 2008. Grafika 1 [pic]Sors: Servizzi tal-Kummissjoni B’konsegwenza, l-ħlasijiet fil-valuti qodma naqsu b’mod rapidu minn 100 % fid-29 ta’ Diċembru 2007 għal 7-10 % biss tal-ħlasijiet kollha fi flus kontanti fit-12 ta' Jannar 2008. Fl-20 ta’ Jannar 2008 (jiġifieri għaxart ijiem qabel tmiem il-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja) 3 % biss tal-ħlasijiet fil-ħwienet kienu qed isiru fil-valuti qodma (ara l-Grafika 2). Grafika 2 [pic] Sors: Servizzi tal-Kummissjoni Uħud mill-bejjiegħa bl-imnut esperjenzaw nuqqasijiet ta’ flus kontanti matul l-ewwel ftit jiem billi ħafna ċittadini, skoraġġuti mill-kjuwijiet twal fil-banek, użaw il-ħwienet biex jeħilsu mill-valuti l-qodma. B’riżultat ta’ dan, il-kaxxiera kellhom bżonn aktar muniti ta’ l-euro ta’ denominazzjoni għolja u karti ta’ l-euro ta’ denominazzjoni baxxa milli kien ippjanat oriġinarjament. Xi bejjiegħa bl-imnut u fornituri tas-servizzi f’Malta (eż. x-xufiera tal-karozzi tal-linja) spiċċaw mingħajr 1 u 2 ċenteżmi euro, li kienu meħtieġa biex tingħata bqija eżatta. Billi l-liġi tipprojbixxi li l-prezzijiet jitqarrbu lejn numru sħiħ, kienu meħtieġa ammonti mhux mistennija ta’ xi denominazzjonijiet u kellhom isiru ordnijiet addizzjonali mill-Bank Ċentrali ta’ Malta. Ir-riżultati ta' l-istħarriġ tal-Kummissjoni li jidhru fil-Grafika 3 juru li diġà 12-il jum wara t-tranżizzjoni, aktar minn 90 % kemm tal-Maltin kif ukoll taċ-Ċiprijotti kellhom biss jew l-aktar muniti u karti tal-flus ta' l-euro fil-kartieri tagħhom. It-tranżizzjoni saret sorprendentement malajr meta wieħed iqis li, meta mqabbla mas-Slovenja, inqas nies kienu kisbu xi flus kontanti ta’ l-euro qabel jum l-€. Fid-29 ta’ Diċembru 2007, 7 % taċ-Ċiprijotti kellhom prinċipalment karti ta' l-euro filwaqt li 8 % kellhom prinċipalment muniti ta' l-euro. Iċ-ċifri rispettivi għal Malta huma ta’ 4 % u 12 %. Fis-Slovenja, l-proporzjon laħaq l-20 % għal karti ta’ l-euro u s-27 % għal muniti ta’ l-euro fil-perjodu komparabbli. Grafika 3 [pic] Sors: Servizzi tal-Kummissjoni Iċ-ċittadini saru familjari malajr ħafna mal-valuta l-ġdida tagħhom. Mill-bidu ta’ Frar 2008, madwar 90 % tal-Maltin u 95 % taċ-Ċiprijotti sabuha faċli ħafna jew pjuttost faċli li jiddistingwu l-karti tal-flus ta’ l-euro. Aktar minn nofs taċ-ċittadini Maltin (53 %) ikkalkolaw il-prezzijiet ħafna drabi f'euro waqt ix-xiri ta’ kuljum u madwar 40 % għamlu hekk anki waqt xiri eċċezzjonali. Iċ-Ċiprijotti kienu għadhom qed jgħoddu prinċipalment f’liri waqt ix-xiri ta’ oġġetti ta’ valur ogħla, iżda kienu qed jaħsbu ħafna drabi f’euro waqt ix-xiri tagħhom ta' kuljum. [5] 2.2.3. Rkupru tal-valuti qodma Il-valuti l-qodma bdew jiġu rritornati matul l-aħħar xhur ta' l-2007. Fl-1 ta’ Jannar 2008, madwar 40 % tal-valur tal-karti fiċ-ċirkolazzjoni diġà kienu ġew irkuprati f’Malta u madwar 10 % f’Ċipru. Il-proċess aċċelera matul l-ewwel jiem ta’ Jannar, b’irtirar ta’ kuljum ta’ 5-6 % tal-volum ta’ karti tal-flus qodma fiċ-ċirkolazzjoni f’Ċipru u madwar 3 % f’Malta. Madwar 50 % tal-valur ta’ karti tal-flus tal-liri Ċiprijotti u tal-lira Maltija li baqgħu fiċ-ċirkolazzjoni fl-1 ta’ Jannar ġew irkuprati sal-15 ta' Jannar u s-17 ta’ Jannar rispettivament[6]. Fiż-żewġ pajjiżi r-ritmu ta’ l-irkupru kien aktar mgħaġġel milli fl-2002, fejn iċ-ċifra ta’ 50 % ma nqabżitx sal-21 ta’ Jannar. Madwar 25 % tal-flus kontanti qodma Ċiprijotti u 35 % ta’ dawk Maltin kienu għadhom fiċ-ċirkolazzjoni sa l-aħħar ta' Jannar, riżultat li jixbah ħafna lil dak osservat fl-2002. [7] B’mod ġenerali, ma ġewx irrapportati problemi mill-kumpaniji ta’ trasport ta’ kontanti jew mill-banek rigward il-ġbir u l-ħażna tal-valuta l-qadima. Grafika 4 [pic] Sors: BĊE Il-bidla fil-flus kontanti f'Ċipru u Malta tikkonferma li perjodu qasir ta' ċirkolazzjoni doppja huwa teknikament fattibbli, anki għal pajjiżi b'ammont għoli ħafna ta' flus kontanti fiċ-ċirkolazzjoni. Minkejja li l-banek ħadu miżuri speċifiċi biex ilaħħqu ma’ l-ammont kbir ta’ xogħol żejjed, ma kienx dejjem biżżejjed li jkunu evitati l-kjuwijiet matul l-ewwel ġimgħat wara t-tranżizzjoni. Ir-ritorn tal-valuti qodma maħżuna qabel jum l-€, it-tqassim estensiv minn qabel u l-użu ta’ metodi ta' ħlas mhux fi flus kontanti għandhom ukoll jiġu mħeġġa bil-qawwi qabel kull bidla biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni. | 3. Il-konverżjoni ta' sistemi amministrattivi u finanzjarji B’konformità max-xenarju ta’ tranżizzjoni ta’ dħul f’daqqa magħżul kemm minn Ċipru kif ukoll minn Malta, is-sistemi amministrattivi u finanzjarji kollha kienu qed jaħdmu esklużivament fil-valuti nazzjonali rispettivi tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2007 u qalbu għall-euro fl-1 ta’ Jannar 2008. Skond id- data kollha disponibbli, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-intrapriżi Ċiprijotti u Maltin irnexxielhom iħejju lilhom infushom b’mod adegwat u fil-ħin. Esperti miż-żewġ Stati Membri ħadu sehem f’azzjonijiet ta’ informazzjoni u taħriġ organizzati mill-Kummissjoni/OLAF, il-BĊE u l-Europol bl-għan li jiffamiljarizzaw ruħhom mal-proċeduri u l-metodi mfassla biex iħarsu l-euro kontra l-falsifikazzjoni. Kważi l-intrapriżi kollha li sar stħarriġ dwarhom fiż-żewġ pajjiżi f’Settembru 2007[8] kienu ġew mgħarrfa dwar it-tranżizzjoni u kienu bdew iħejju ruħhom. Ma ġewx rapportati problemi tekniċi mill-banek jew mill-bejjiegħa bl-imnut matul it-tranżizzjoni. It-tranżizzjoni ta’ l-ATMs, tas-sistemi ta’ ħlas bil-kard u tal-kontijiet bankarji saret ukoll mingħajr xkiel. 4. żviluppi tal-prezzijiet 4.1. Monitoraġġ tal-prezzijiet matul it-tranżizzjoni Ir-riżultati ta’ l-istħarriġ ta’ l-Ewrobarometru dwar il-perċezzjoni pubblika ta’ l-euro li twettaq f’Settembru 2007 wera li aktar minn tliet kwarti taċ-ċittadini kemm f’Ċipru kif ukoll f’Malta beżgħu minn xi abbużi jew qerq fuq il-prezzijiet matul it-tranżizzjoni. Biex jindirizzaw dawn il-biżgħat, iż-żewġ pajjiżi daħlu fis-seħħ sett komprensiv ta' miżuri. F’Ċipru, il-wiri doppju ta’ prezzijiet korrett[9] kien issorveljat mill-qrib minn ħames Osservatorji ta’ l-Euro u l-prezzijiet ta' oġġetti mixtrija ta' spiss kienu ssorveljati mill-Ministeru tal-Finanzi u mill-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur. Jidher li l-Kodiċi għal Ipprezzar Ġust, sottoskritt minn 7 579 negozju, irnexxielu jillimita ż-żidiet fil-prezzijiet għax ġew osservati ħafna każijiet ta’ prattiċi abbużivi fost in-negozji li kienu ma ffirmawħx . L-Osservatorji ta’ l-Euro kkuntattjaw lill-bejjiegħa bl-imnut u lill-fornituri tas-servizzi li l-prezzijiet tagħhom kienu żdiedu b’mod mhux normali (prinċipalment ħwienet tal-barbiera, parrukkieri, ħwienet tal-kebabs, żoni privati għall-parkeġġ tal-karozzi, tobba, kafetteriji u swali taċ-ċinema) biex jinvestigaw ir-raġunijiet, u ppubblikaw fuq l-internet l-ismijiet ta’ dawk li kienu abbużaw mit-tranżizzjoni. F’Malta l-qagħda tal-prezzijiet hi ssorveljata mill-Kumitat Nazzjonali tal-Bidla għall-Euro (NECC)[10], li kkonkluda wkoll inizjattiva FAIR b’aktar minn 7 900 negozju. Malta hija l-ewwel pajjiż fejn il-liġi tipprojbixxi li l-prezzijiet jitqarrbu lejn numru sħiħ fil-konverżjoni għall-euro[11]. Kull rapport ta’ tqarrib tal-prezzijiet lejn numru sħiħ li jitressaq miċ-ċittadini permezz tal-linja euro jew bl-email jiġi investigat minnufih. Matul l-ewwel seba' ġimgħat tas-sena, madwar 107 sidien tal-ħwienet u operaturi oħra (inklużi ħafna tobba u xi sidien ta' żoni għall-parkeġġ tal-karozzi) irrevedew il-prezzijiet ’l isfel wara twissija min-NECC li b’mod inġust kienu għollew it-tariffi jew il-prezzijiet minħabba l-euro. Ġew imposti multi għal żidiet mhux ġustifikati fil-prezzijiet fuq tliet negozji filwaqt li rriżulta li madwar 96 ilment ma kinux iġġustifikati. 4.2. Xejriet tal-prezzijiet L-iżviluppi ta’ l-inflazzjoni f’Ċipru u Malta fl-2007 kienu influwenzati l-aktar mill-fatturi globali. L-inflazzjoni relattivament baxxa matul l-ewwel parti tas-sena kienet dovuta fil-biċċa l-kbira għall-effetti bażiċi favorevoli mill-prezzijiet ta’ l-enerġija, li treġġgħu lura minn Awissu-Settembru 2007. Għaldaqstant, fit-tieni parti ta’ l-2007, l-effetti bażiċi mhux favorevoli mill-prezzijiet ta’ l-enerġija flimkien maż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti kkontribwew għaż-żieda fl-inflazzjoni. L-inflazzjoni annwali f’Ċipru laħqet medja ta’ 2.2 % fl-2007, b'valuri baxxi matul l-ewwel nofs tas-sena u għolja matul it-tieni nofs. Ix-xejra axxendenti ta’ l-inflazzjoni HICP fl-2007 kompliet fl-ewwel xahar ta’ l-2008. Għaldaqstant, l-inflazzjoni annwali kienet ta’ 4.7 % fi Frar 2008, meta mqabbla ma' 4.1 % f’Jannar 2008. L-inflazzjoni annwali f’Malta laħqet medja ta’ 0.7 % fl-2007, waqt li l-inflazzjoni kienet volatili ħafna: wara tnaqqis matul l-ewwel parti tas-sena kien hemm żieda fl-inflazzjoni matul it-tieni nofs tas-sena. Fi Frar, iċ-ċifra annwali kienet ta’ 4.0 %, meta mqabbla ma’ 3.8 % f’Jannar 2008. Il-valutazzjoni proviżorja ta’ l-Eurostat (Il-Bidla għall-Euro u l-Inflazzjoni f’Ċipru u f’Malta, April 2008) hi li kemm f’Ċipru kif ukoll f’Malta l-impatt totali (ta’ darba) tat-tranżizzjoni fuq l-inflazzjoni ta' bażi, matul u eżatt wara t-tranżizzjoni, kien x'aktarx bejn 0.2 u 0.3 punti perċentwali. Dawn l-istimi għal Ċipru u għal Malta huma konformi ma’ l-esperjenza ta’ l-ewwel mewġa tat-tranżizzjoni fl-2002 u tas-Slovenja fl-2007. L-Eurostat iqis għaldaqstant li l-effetti tal-bidla għall-euro kemm f'Ċipru kif ukoll f'Malta jidher li nħassu iżda ma kinux daqshekk kbar li setgħu jinfluwenzaw l-inflazzjoni ta’ bażi f’kull pajjiż. L-Eurostat se taġġorna l-konklużjonijiet tagħha dwar l-impatt tat-tranżizzjoni f’Ċipru u f’Malta u jekk hemm bżonn meta jkun hemm aktar tagħrif disponibbli. 4.3. Perċezzjonijiet tal-prezzijiet Id- data mis-Servizzi tal-Kummissjoni turi li l-inflazzjoni perċepita ġeneralment segwiet ix-xejra fl-inflazzjoni HICP f'Ċipru u f’Malta matul l-aħħar ftit snin. F’Ċipru, l-inflazzjoni perċepita segwiet mill-qrib ix-xejra ta’ l-inflazzjoni ta’ bażi, billi t-tnejn kellhom xejra ’l fuq sa mill-bidu ta’ l-2007. F’Malta, il-perċezzjonijiet ta’ l-inflazzjoni wkoll segwew l-inflazzjoni HICP għalkemm inqas mill-qrib, billi t-tnaqqis qawwi fl-inflazzjoni HICP f'April ma kienx segwit minn tnaqqis korrispondenti fl-inflazzjoni perċepita. Id- data disponibbli minn mindu seħħet il-bidla għall-euro turi li l-perċezzjonijiet ta’ l-inflazzjoni inizjalment ma ġewx affettwati. Minkejja ż-żieda fl-inflazzjoni HICP, l-inflazzjoni perċepita f’Ċipru naqset għal 42.3 pp f’Jannar 2008, minn 45.7 pp f’Diċembru tas-sena l-oħra, u l-inflazzjoni perċepita f’Malta kienet ta’ 40.5 pp f’Jannar 2008, minn 51.0 pp matul ix-xahar ta’ qabel. Għaldaqstant jidher li la ż-żieda fl-inflazzjoni HICP u lanqas l-impatt possibbli tad-dħul ta’ l-euro fuq il-prezzijiet ma affettwaw il-perċezzjonijiet tal-konsumaturi dwar l-inflazzjoni. Fatturi oħra, bħall-kampanji ta’ tagħrif, setgħu għenu biex inaqqsu l-perċezzjonijiet ta’ l-inflazzjoni fl-aktar żewġ Stati Membri ġodda fiż-żona ta' l-euro. Għal Malta, dan x’aktarx huwa relatat mal-projbizzjoni tat-tqarrib tal-prezzijiet lejn numru sħiħ u ma’ l-infurzar rigoruż tagħha. Grafika 5 [pic][pic] Sors: Servizzi tal-Kummissjoni Madankollu, l-istampa nbidlet parzjalment fi Frar 2008. Filwaqt li f’Malta l-perċezzjonijiet ta’ l-inflazzjoni komplew jonqsu u niżlu għal 34.0 pp minn 40.5 pp f’Jannar 2008, f’Ċipru l-inflazzjoni perċepita żdiedet għal 48.2 pp minn 42.3 pp f’Jannar 2008. Madankollu, għadu kmieni wisq biex jitfasslu konklużjonijiet dwar l-iżvilupp ulterjuri f’perċezzjonijiet ta’ l-inflazzjoni f’Ċipru jew f’Malta. Ċipru u Malta ilhom jesperjenzaw pressjonijiet ta' inflazzjoni min-nofs l-2007, prinċipalment minħabba ż-żieda fl-inflazzjoni globali fis-subkategoriji ta’ l-enerġija u l-ikel. Fl-istess waqt, il-perċezzjonijiet ta’ l-inflazzjoni ġeneralment segwew ix-xejra fl-inflazzjoni HICP. Matul l-ewwel xahar wara l-bidla għall-euro, il-perċezzjonijiet ta’ l-inflazzjoni nżammu taħt kontroll għalkemm l-inflazzjoni mkejla żdiedet. Fi Frar, l-inflazzjoni perċepita f’Ċipru bdiet tiżdied filwaqt li f’Malta kompliet tonqos. | 5. Kampanja ta’ komunikazzjoni dwar it-tranżizzjoni u l-perċezzjoni pubblika Il-kampanja Ċiprijotta dwar l-euro u l-websajt nazzjonali dwar l-euro (www.euro.cy) ġew imnedija uffiċjalment fil-31 ta' Mejju 2006. Il-kampanja fil-midja tal-massa bdiet biss fir-rebbiegħa ta' l-2007, parzjalment minħabba problemi fis-sejħa għall-offerti għall-għażla ta’ aġenzija tar-relazzjonijiet pubbliċi. Il-kampanja ffukat fuq l-SMEs, iż-żoni rurali u l-gruppi vulnerabbli. Il-messaġġi ewlenin trattaw il-kalendarju tat-tranżizzjoni, il-benefiċċji ta’ l-euro, ir-rata tal-kambju u l-biżgħat ta’ żidiet mhux ġustifikati fil-prezzijiet. Il-mezzi ewlenin użati kienu r-radju (10 225 avviż), it-televiżjoni (3 260 avviż) u r-reklamar stampat (206 riklam fuq ir-rivisti u 241 fuq il-gazzetti). ‘Eurobuses’ kienu qed jivvjaġġaw madwar il-gżira biex jgħarrfu lin-nies li jgħixu f’żoni remoti. Fid-dawl ta’ l-appoġġ kontinwament skars għall-euro, l-awtoritajiet Ċiprijotti żiedu l-isforzi tagħhom ta' komunikazzjoni fl-aħħar xhur, immirati l-aktar lejn gruppi vulnerabbli. Il-Kummissjoni Ewropea appoġġjat għadd ta’ attivitajiet inkluża l-wirja ta’ esibizzjoni ġdida dwar l-euro, konferenza mudell u seminar għall-ġurnalisti, kompetizzjoni nazzjonali għall-iskejjel u l-produzzjoni ta’ materjal promozzjonali. Il-kampanja ta’ tagħrif tidher li tat riżultati tajbin ħafna. Skond l-Ewrobarometru ta’ Frar 2008, disa’ minn għaxar Ċiprijotti ħassew li kienu mgħarrfa tajjeb ħafna jew pjuttost tajjeb rigward it-tranżizzjoni. Il-midja kienet is-sors prinċipali ta’ tagħrif għall-biċċa l-kbira miċ-ċittadini (61 %), segwiti mill-banek kummerċjali (16 %) u l-Bank Ċentrali ta’ Ċipru (10 %). In-nies kienu wkoll sodisfatti ħafna (49 %) jew pjuttost sodisfatti (44 %) bit-tagħrif pprovdut mill-awtoritajiet nazzjonali rigward l-euro. Tmienja minn għaxar Ċiprijotti rċevew kalkolatur ta’ l-euro u sabuh utli ħafna. Fi Frar 2008 madwar 80 % tan-nies li sar stħarriġ dwarhom mill-Ewrobarometru kienu għadhom jixtiequ aktar tagħrif dwar it-tqarrib ġust lejn numru sħiħ u l-ipprezzar korrett, dwar l-implikazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi ta’ l-euro u dwar il-fatturi ta’ sikurezza ta’ l-euro. L-appoġġ inizjalment baxx għall-euro f’ Malta nqaleb permezz ta’ kampanja multifażi komprensiva, li l-ewwel iffokat fuq l-għarfien u fuq il-benefiċċji ta’ l-euro, imbagħad fuq l-aspetti prattiċi tat-tranżizzjoni. Hi pprovdiet taħlita ta’ attivitajiet tal-midja tal-massa (4 750 avviż televiżiv, 20 125 avviż fuq ir-radju u 1 465 avviż fuq gazzetti u rivisti) u attivitajiet ta’ komunikazzjoni fuq bażi individwali (linja tat-telefown dwar l-euro, kuntatti mal-ġurnalisti, NGOs, kunsilli lokali u parroċċi, organizzazzjonijiet tal-konsumatur u tan-negozji, skejjel u gruppi vulnerabbli). Il-biża’ tan-nies dwar prattiċi mhux ġusti ġiet trattata b’mod regolari matul il-kampanja ta’ tagħrif. Websajt iddedikata (www.euro.gov.mt) appoġġjat l-azzjonijiet kollha u niżżlet b’mod metodiku t-tagħrif kollu relatat ma’ l-euro. Il-Kummissjoni Ewropea appoġġjat, taħt l-umbrella ta' ftehim ta’ sħubija, żewġ esibizzjonijiet dwar l-euro u konferenza dwar l-euro, stħarriġ fost il-pubbliku ġenerali u dwar iċ-ċirkolazzjoni doppja, u kompetizzjoni nazzjonali għall-iskejjel. Il-kampanja twila u intensiva ta’ tagħrif tidher li tat riżultati tajbin ħafna. Skond l-Ewrobarometru ta’ Frar 2008, disa’ minn għaxar Ċiprijotti ħassew li kienu mgħarrfa tajjeb ħafna jew pjuttost tajjeb rigward it-tranżizzjoni. Il-midja kienet l-ewwel sors ta’ tagħrif għall-biċċa l-kbira tan-nies (68 %), u t-televiżjoni tqies bħala l-aktar sors effiċjenti. L-avviżi televiżivi rawhom 87 %, li minnhom aktar minn 90 % sabuhom utli ħafna jew pjuttost utli. Fi Frar 2008 56 % tan-nies li sar stħarriġ dwarhom mill-Ewrobarometru kienu għadhom jixtiequ aktar tagħrif dwar it-tqarrib ġust lejn numru sħiħ u l-ipprezzar korrett, u dwar il-fatturi ta' sikurezza ta’ l-euro. It-tranżizzjoni u l-kampanja ta’ tagħrif relatat ġew perċepiti fiż-żewġ pajjiżi bħala effiċjenti u mingħajr xkiel. Dan juri li kampanja ta’ komunikazzjoni komprensiva u mmexxija sewwa tista’ ssaħħaħ l-appoġġ pubbliku għall-euro. Barra minn hekk, il-kampanja Maltija wriet li l-biżgħat fir-rigward taż-żidiet fil-prezzijiet relatati mat-tranżizzjoni jistgħu jiġu indirizzati b’suċċess permezz ta’ attivitajiet ta’ informazzjoni intensi u mmirati tajjeb. | [1] Il-pjan ta’ tranżizzjoni ta’ Ċipru u Malta speċifika li l-hekk imsejjaħ xenarju ta' "dħul f'daqqa" u perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja ta’ xahar għandhom ikunu applikabbli. Il-pajjiżi li kienu fl-ewwel mewġa taż-żona ta’ l-euro introduċew l-euro skond ix-xenarju “Madrid”, li involva perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ tliet snin (sena għal Ġreċja). Is-Slovenja kienet l-ewwel pajjiż li uża x-xenarju ta’ “dħul f’daqqa”, li permezz tiegħu l-karti tal-flus u l-muniti ta’ l-euro ġew introdotti fl-istess jum li fih l-euro saret il-valuta legali (1 ta’ Jannar 2007). [2] Ewrobarometru Flash 223 (Frar 2008) [3] Il-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja huwa l-perjodu li jibda f’jum l-€ li matulu kemm il-munita ta’ l-euro kif ukoll dik nazzjonali (jiġifieri l-munita nazzjonali qadima) huma valuta legali. Dan jista’ jtawwal mhux aktar minn sitt xhur, filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jqassru dan il-perjodu. Matul l-ewwel mewġa tat-tranżizzjoni, bosta pajjiżi għażlu perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja ta’ xahrejn. Is-Slovenja għażlet perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja ta’ 14-il jum biss. [4] Il-valur tat-tranżazzjonijiet ta’ l-ATM żdiedu biss bi 15 %, prinċipalment għax ingħataw esklużivament karti tal-flus ta’ denominazzjoni baxxa mill-ATMs f’Jannar 2008. [5] L-Ewrobarometru Flash 222 għal Ċipru u l-Ewrobarometru Flash 223 għal Malta, it-tnejn fi Frar 2008 [6] Il-valur totali ta’ karti tal-flus tal-liri u tal-muniti Ċiprijotti fiċ-ċirkolazzjoni fl-1 ta’ Jannar 2008 ammonta għal €994 miljun u €66 miljun rispettivament. Iċ-ċifri korrispondenti għal-lira Maltija kienu ta’ €635 miljun u €44 miljun. [7] Il-Bank Ċentrali ta’ Ċipru se jkompli jbiddel il-karti tal-flus nazzjonali sa għaxar snin wara jum l-€, u l-muniti sa sentejn wara din id-data, mingħajr ħlasijiet. Il-Bank Ċentrali ta’ Malta se jibqa’ jbiddel il-muniti u l-karti tal-flus Maltin sat-2 ta’ Frar 2010 u sa l-1 ta’ Frar 2018 rispettivament. [8] L-Ewrobarometru Flash 218 (Settembru 2007) għal Ċipru, l-Istħarriġ tan-Negozju tan-NECC (Settembru 2007) għal Malta [9] Il-wiri doppju ta’ prezzijiet f’liri Ċiprijotti u f’euro sar obbligatorju fl-1 ta’ Settembru 2007 u se jibqa' obbligatorju sat-30 ta' Settembru 2008. F’Malta l-wiri doppju ta’ prezzijiet f’lira Maltija u f’euro sar obbligatorju fil-11 ta’ Lulju 2007 u huwa obbligatorju sat-30 ta’ Ġunju 2008. [10] Il-monitoraġġ tal-prezzijiet se jkompli sa Ġunju 2008 [11] Skond l-Att Malti dwar l-Adozzjoni ta’ l-Euro (CAP.485), l-ammonti monetarji jitħallew biss jitqarrbu lejn numru sħiħ meta jirriżultaw f'ammont monetarju f'euro li huwa anqas mill-ammont monetarju ekwivalenti f'lira Maltija qabel il-konverżjoni. Fil-każ ta’ ammonti monetarji li jifformaw parti minn continuum bl-għan li jkunu stabbiliti valuri ta’ limitu, il-konverżjoni ta’ dawn l-ammonti f'euro tista', sakemm dan ikun meħtieġ, titqarreb lejn numru sħiħ biex tiġi żgurata l-kontinwità fil-valuri ta’ limitu ta’ kategoriji fil-qrib biex tiġi limitata b’mod ċar il-kategorija f’limitu. Fejn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali motivati mir-restrizzjonijiet tekniċi jitolbu hekk, u wara li ssir applikazzjoni lill-Osservatorju ta’ l-Euro, tista’ tingħata konċessjoni mill-Osservatorju ta’ l-Euro li tippermetti li jsir it-tqarrib lejn numru sħiħ b'mod ieħor, taħt dawk it-termini u l-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu determinati mill-Osservatorju ta’ l-Euro.