52008DC0198

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Implimentazzjoni tal-programm ta' sahha pubblika fl-2006 /* KUMM/2008/0198 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 17.4.2008

KUMM(2008) 198 finali

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Implimentazzjoni tal-Programm ta' Saħħa Pubblika fl-2006

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Implimentazzjoni tal-Programm ta' Saħħa Pubblika fl-2006

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. DAĦLA

Skond l-Artikolu 12(1) tad-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li jadotta programm ta' azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008)[1], il-Kummissjoni trid b'mod regolari tikkontrolla l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet skond il-programm fid-dawl ta' l-objettivi. Dan ir-rapport għandu l-għan li jgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Saħħa Pubblika fl-2006. Rapport dwar l-ewwel tliet snin tal-Programm jinsab fuq il-websajt Europa[2].

2. DESKRIZZJONI TAL-BAĠIT

Il-baġit ġenerali tal-programm għall-2003-2008 kien EUR 354 miljun. Il-baġit għall-2006 kien stmat EUR 55 817 661 fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/89/KE ta' l-10 ta' Frar 2006 li tadotta l-pjan ta' ħidma għall-2006 għall-implimentazzjoni tal-programm ta' azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008), inkluż il-programm annwali ta' ħidma għall-għotjiet[3]. Il-baġit operattiv u l-baġit amministrattiv kienu stmati rispettivament EUR 53 863 521 u EUR 1 954 140. L-ammonti indikattivi għall-għotjiet kienu EUR 47 798 344.

3. GĦOTJIET

3.1. Is-sejħa għall-proposti

Sejħa waħda għal proposti, li tkopri l-attivitajiet kollha ta' ħidma għall-2006, ġiet ippubblikata fl-14 ta' Frar 2006 u għalqet fid-19 Mejju 2006. Ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali[4] u fuq il-websjat Europa[5]. Ġie organizzat jum ta' tagħrif fit-22 ta' Frar fil-Lussemburgu għall-partijiet interessati u l-professjonisti fis-saħħa pubblika li huma interessati jibagħtu proposti taħt il-programm ta' Saħħa Pubblika.

L-ammont indikattiv għas-sejħa ta’ proposti huwa ta’ EUR 43 018 510.

Total ta' 281 applikazzjoni ntbagħtu għat-tliet fergħat (121 għal Tagħrif dwar Saħħa, 18 għal Theddid għas-Saħħa u 142 għad-Determinanti tas-Saħħa). Ġew esklużi tlieta u tletin applikazzjoni matul il-fażi ta' l-iskrining u l-għażla, fil-biċċa 'l kbira tal-każijiet minħabba li l-proposti ma kinux kompluti. Il-248 proposta li kien fadal ġew evalwati mill-Aġenzija Eżekuttiva dwar is-Saħħa Pubblika (AESP) u riveduti minn Kumitat ta' Evalwazzjoni magħmul minn rappreżentanti tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Ħarsien tas-Saħħa u l-Konsumatur u għar-Riċerka, flimkien ma' l-Eurostat u l-AESP. Il-lista finali tal-proposti rrakkomandati għall-fondi, il-lista ta' riżerva kkonsolidata u l-proposti li ma jintlaqawx intbagħtu lil 28 evalwatur estern. Bħala riżultat tal-proċess ta' evalwazzjoni, lista ta' 67 proġett u lista ta' riżerva ta' 41 proġett ġew imfassla.

Aktar tagħrif fid-dettall dwar is-sustanza tal-proposti, l-għadd ta' proposti mibgħuta minn kull Stat Membru, il-varjazzjoni fir-rata ta' suċċess bejn l-applikanti minn pajjiżi differenti, u l-impatt tal-jum ta' tagħrif, flimkien ma' analiżi tal-proċess ta' evalwazzjoni, jinsabu fi "Sejħa għall-Proposti 2006 — Evalwazzjoni fil-Qosor", ippubblikat fil-websajt ta' l-Aġenzija Eżekuttiva dwar is-Saħħa Pubblika[6].

Saret konsulta bejn is-servizzi tal-Kummissjoni biex tiżgura li l-proġetti magħżula għal ko-finanzjament ma jidduplikawx jew ma jirkbux fuq proġetti oħra kurrenti f'DĠs oħrajn.F'Settembru 2006, il-Kumitat għall-implimentazzjoni tal-programm ta' azzjoni tal-Komunità dwar is-saħħa pubblika (2003-2008) qabel b'mod unanimu li jikkofinanzja l-proposti magħżula (b'total ta' EUR 39 008 234 fuq il-lista ewlenija).

Żieda fil-linja tal-baġit 17 03 01 01 intalbet mill-Kummissjoni u ġiet approvata mill-Awtorità tal-Baġit f'Diċembru 2006 bl-għan speċifiku ta' finanzjament ta' għadd ikbar ta' proġetti taħt is-sejħa għal proposti ta' l-2006 għall-Programm ta' Saħħa Pubblika (2003-2008).

Il-kumitat hawn fuq imsemmi ta opinjoni favorevoli dwar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)3354 li temenda d-Deċiżjoni C(2006)6429 dwar l-għoti ta' konċessjonijiet għal proġetti taħt il-Programm "Is-Saħħa Pubblika — 2006[7]" (għall-ammont totali ta' EUR 47 399 457 għas-sejħa għal proposti 2006), li ġiet adottata fit-13 ta' Lulju 2007. Il-ftehimiet kollha ta' għotjiet taħt is-sejħa għal proposti 2006 ġew iffirmati fl-2007 u dawn kienu total ta' 87 proġett (jiġifieri 32 proġett dwar it-Tagħrif dwar is-Saħħa, 12-il proġett dwar Theddid għas-Saħħa u 43 proġett dwar id-Determinanti tas-Saħħa).

3.2. Sejħiet għal offerti

Għadd ta' azzjonijiet ġew mibdija jew bit-tnedija ta' sejħiet għal offerti jew permezz tal-kuntratti ta' qafas attwali. L-aktar sinifikattivi jinsabu fil-lista hawn taħt:

- Stħarriġ ta' l-Ewrobarometru dwar ir-riskji għas-saħħa fil-25 Stat Membru u 4 pajjiżi ġirien li koprew il-perċezzjoni u t-tagħrif dwar l-erba' temi li ġejjin: Riskji potenzjali għas-saħħa marbuta ma' kampijiet elettromanjetiċi, riskji marbuta ma' l-alkoħol, riskji marbuta mat-tipjip u d-donazzjoni ta' l-organi.

- Issoktar taż-żamma u l-iżvilupp tal-Portall dwar is-Saħħa Pubblika, bil-ħsieb li tittejjeb l-aċċessibilità u li jiġi estiż l-għadd ta' ilsna disponibbli onlajn.

- Ftehim amministrattiv maċ-Ċentru ta' Riċerka Konġunt (ĊRK) biex jipprovdi appoġġ xjentifiku u parir dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/37/KE[8] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabakk. Dan l-apoġġ se jgħin fl-armonizzazzjoni tas-sistema ta' rappurtaġġ għall-ingredjenti tat-tabakk, biex itejjeb il-kooperazzjoni bejn il-laboratorji ta' kontroll tat-tabakk ta' l-Istati Membri u jipprovdi pariri xjentifiċi dwar kwistjonijiet rilevanti għall-proċess ta' regolamentazzjoni.

- Rapport dwar il-qagħda fir-rigward tat-trattament kontra d-droga u skambju ta' prassi tajba, jiġifieri l-kwalità tas-servizzi ta' trattament fl-Ewropa, b'attenzjoni speċifika fuq l-iżvilupp ta' l-għarfien espert dwar it-trattament kontra d-droga u l-iskambju ta' l-awqa prassi. Kienet tinkludi wkoll it-tħejjija ta' Rakkomandazzjoni biex jiġu żviluppati "il-prevenzjoni, it-trattament u servizzi ta' tnaqqis ta' ħsara għal nies fil-ħabsijiet, servizzi ta' integrazzjoni mill-ġdid meta jitħallew joħorġu mill-ħabsijiet u metodi ta' monitoraġġ/analiżi ta' l-użu tad-drogi fost il-ħabsin".

- Kuntratt ma' Rand Europe biex tiġi evalwata l-adozzjoni ta' l-indikaturi ta' snin ta' ħajja sana.

3.3. L-għotjiet għall-organizzazzjonijiet internazzjonali

Il-kooperazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali ġiet żviluppata aktar. Seba' ftehimiet ta' għotja diretta ġew iffirmati ma' l-Organizzazzjoni tas-Saħħa Dinjija (WHO) u tnejn ma' l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD).

L-għotjiet diretti mad-WHO, li jammontaw għal kofinanzjament totali ta' EUR 2 500 000, kienu mmirati lejn dawn il-kwistjonijiet:

- pariri dwar politika mtejba fuq l-ambjent u s-saħħa fl-Ewropa,

- implimentazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet attwali dwar il-prevenzjoni ta' korrimenti u l-promozzjoni tas-sikurezza,

- ġustizzja fis-saħħa — nuqqas ta' ugwaljanza fit-twettiq tas-sistemi tas-saħħa u d-determinanti soċjali tagħhom fl-Ewropa,

- għajnuna fl-ippjanar dwar sigurtà ta' saħħa u l-istat ta' preparazzjoni fil-pajjiżi ġirien ta' l-UE.

- implimentazzjoni kkoordinata tal-qafas għall-istrateġija dwar l-alkoħol fl-Ewropa,

- evalwazzjoni ta' l-istat ta' preparazzjoni tas-servizz mediku ta' emerġenza fi strutturi ta' ġestjoni ta' kriżi nazzjonali fl-Istati Membri ta' l-UE.

Il-ftehimiet ta' għotjiet diretti ma' l-OECD, li jammontaw għal kofinanzjament totali ta' EUR 800,000, kienu mmirati lejn dawn il-kwistjonijiet:

- xogħol fuq il-kontabilità tas-saħħa,

- il-forza tax-xogħol fis-saħħa u l-migrazzjoni internazzjonali.

3.4. Sotto-delegazzjoni lill-Eurostat

B'konformità ma' l-Artikolu 1.4.7 tal-Pjan ta' Ħidma għall-2006[9], twaqqaf baġit ta' EUR 500 000 għal sotto-delegazzjoni lill-Eurostat. Skond dan l-Artikolu, l-Eurostat nidiet żewġ sejħiet għal proposta ta' appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali ta' l-istatistika:

- għall-implimentazzjoni fl-2006-2008 tal-moduli ta' Stħarriġ Intervista dwar kwistjonijiet ta' Saħħa Ewlenin;

- għall-implimentazzjoni u aktar tkabbir tas-Sistema ta' Kontabilità tas-Saħħa fl-UE (f'kooperazzjoni ma' l-OECD u d-WHO).

Għall-ewwel wieħed, EUR 132 246.90 fl-aħħar mill-aħħar ġew sottodelegati u użati għal ħames ftehimiet ta' għotjiet ma' l-Istati Membri dwar il-proġett "Implimentazzjoni tal-moduli dwar id-determinanti tas-saħħa, il-kura tas-saħħa u varjabbli ta' sfond għall-Istħarriġ Intervista dwar is-Saħħa Ewropea (SISE)".

Għat-tieni wieħed, EUR 105 528.81 fl-aħħar mill-aħħar ġew sottodelegati u użati għal ħames ftehimiet ma' l-Istati Membri u għal tnejn mal-pajjiżi EFTA.

Fi kliem ieħor, 47.56% tat-total ta' baġit sottodelegat stmat intużaw għal 10 ftehimiet ta' għotjiet ma' l-Istati Membri u għal tnejn mal-pajjiżi EFTA.

4. APPOġġ STRUTTURALI

4.1. Aġenzija Eżekuttiva għall-Programm ta' Saħħa Pubblika

Għajnuna teknika, xjentifika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi implimentata s-sejħa għal proposti 2006 ġiet ipprovduta mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Programm ta' Saħħa Pubblika (AESP). L-Aġenzija, li twaqqfet fl-2005[10], saret operattiva fl-2006. Hija organizzat is-sejħa għal proposti 2006, ikkoordinat l-evalwazzjoni tal-proġetti li ntbagħtu, u nnegozjat u ffirmat il-kuntratti ta' kofinanzjament.

5. IL-PROGRAMM TA' SAħħA PUBBLIKA 2003-2008: EVALWAZZJONI INTERIM

L-ewwel Deċiżjoni dwar il-Programm ta' Saħħa Pubblika ta' l-2002 ipprevediet evalwazzjoni esterna ta' l-implimentazzjoni u l-kisbiet ta' l-ewwel tliet snin tal-programm, li trid issir sar-raba' sena. Ir-Rapport tal-Bidu ġie ffinalizzat f'Marzu 2006 u tqiegħed fuq is-sit Europa[11]. Ir-Rapport (Evalwazzjoni Interim) Finali ġie ppubblikat fl-2007 u jinsab fuq is-sit Europa[12].

6. L-ATTIVITAJIET EWLENIN FL-2006

6.1. Tagħrif dwar is-saħħa

Bħala parti mill-komponent "sistema ta' tagħrif u għarfien dwar is-saħħa" tal-Programm ta' Saħħa Pubblika ta' l-UE, rapport dwar "L-Alkoħol fl-Ewropa: Perspettiva ta' saħħa pubblika" [13] ġie ppubblikat f'Ġunju.

L-Ewwel Konferenza dwar il-Prevenzjoni tal-Korrimenti u l-Promozzjoni tas-Sikurezza[14] Ewropea seħħet fi Vjenna f'Ġunju. Ġiet organizzata mill-Presidenza Awstrijaka bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea. Għal darb'oħra f'Ġunju, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Azzjonijiet għal Ewropa aktar Sikura"[15] ġiet adottata mill-Kummissjoni.

Sitt studji ta' l-Ewrobarometru dwar suġġetti differenti (żbalji mediċi, prevenzjoni ta' l-AIDS, ikel u saħħa, drawwiet marbuta mat-tabakk, benessri mentali, u prevenzjoni marbuta mas-saħħa) ġew implimentati u ppubblikati matul is-sena biex ikopru lakuni ta' tagħrif f'dawn l-oqsma.

Konferenza e-Saħħa ta' Livell Għoli [16] seħħet f'Mejju taħt il-Presidenza Awstrijaka bħala parti mill-fażi ta' tkomplija għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-E-Saħħa. Proġett ieħor importanti tnieda f'Mejju: il- Portall tas-Saħħa Pubblika ta' l-Unjoni Ewropea [17] li jipprovdi punt wieħed ta' aċċess għal tagħrif marbut mas-saħħa fil-livelli reġjonali, nazzjonali u Ewropej.

Il-proġett "Ewropa għas-saħħa u l-prosperità"[18] ġie kkoofinanzjat matul il-presidenza Finlandiża bħala parti mit-tema Presidenzjali ta' Saħħa fl-Istrateġiji Politiċi Kollha. Il-proġett immira lejn li jinfluwenza d-determinanti tas-saħħa fi strateġiji oħra nazzjonali u tal-Komunità u jiġbor l-aqwa għarfien li jeżisti dwar prassi tajba biex jinvolvi setturi oħra fit-titjib tas-saħħa u t-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi tas-saħħa. Bħala parti mill-proġett, il-Presidenza organizzat konferenza ministerjali ta' livell għoli f'Settembru dwar is-suġġett u pproduċiet pubblikazzjoni Is-Saħħa fl-Istrateġiji Politiċi Kollha: Prospetti u potenzjali , f'kooperazzjoni mal-pajjiżi parteċipanti u l-Osservatorju Ewropej WHO.

Il-proġett PERISTAT laqqa' kungress " Statistika Aħjar għal Saħħa Aħjar għan-nisa fit-tqala u t-trabi tagħhom" ,[19] ikkofinanzjat mill-Programm ta' Saħħa Pubblika, f'Porto (Portugall) fit-2-3 ta' Ġunju. Il-kungress kien fih sessjonijiet dwar "Strateġiji biex tiżdied l-utilizzazzjoni tat-tagħrif dwar is-saħħa perinatali", "Sistemi u Indikaturi ta' tagħrif dwar is-saħħa perinatali", "Analizzar ta' data minn għejjun ta' rutina għall-evalwazzjoni ta' prassi u riżultati" u "Assessjar ta' inugwaljanzi ġeografiċi u soċjali". Aktar minn 110 professjonist tas-saħħa, minn 26 pajjiż Ewropew flimkien ma' l-Awstralja u l-Istati Uniti, attendew il-kungress.

F'Ġunju 2006, it-Taskfors dwar il-Mard Rari, iffinanzjata mill-Programm ta' Saħħa Pubblika, bagħtet ir-rapport Kontribut għat-tfassil ta' politika: Għal kollaborazzjoni Ewropea dwar is-servizzi tas-saħħa u l- kura medika fil-qasam tal- mard rari[20] lill-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Servizzi tas-Saħħa u l-Kura Medika, filwaqt li aġġornat it-tagħrif dwar in-netwerks ta' referenza fl-Ewropa.

Il- Konferenza Ewropea dwar il-Konsensus dwar l-Immunodefiċjenzi Primarji [21] , ikkofinanzjata mill-Programm ta' Saħħa Pubblika, saret fi Frankfurt-am-Main fid-19-20 ta' Ġunju. Aktar minn 100 espert fl-immunoloġija klinika, il-kura IDP, is-saħħa pubblika, il-ġenetika, minn ministeri nazzjonali/UE tas-saħħa u aġenziji, ċentri akkademiċi, laboratorji tas-saħħa pubblika, l-industrija, organizzazzjonijiet professjonali u gruppi ta' pazjenti, tlaqqgħu flimkien biex jiġu identifikati u żviluppati strateġiji ta' saħħa pubblika għall-IDP.

6.2. Theddid għas-saħħa

Fil-bidu tas-sena seħħu erba' każi fatali fil-bniedem ta' l- influwenza tat-tjur fit-Turkija. Dan wassal għal reazzjoni minnufih mill-Kummissjoni, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ĊEKM) u d-WHO, u l-mekkaniżmi kollha ta' reazzjoni mwaqqfa minn qabel ġew attivati, saħansitra ntbagħat ekwipaġġ konġunt biex jgħin lill-awtoritajiet Torok. Twaqqaf Web portal ġdid biex ikun ta' tagħrif għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Istati Membri (HEDIS) u b'hekk kellu rwol ta' pijunir fil-preparazzjonijiet kontra l-kriżijiet ma' l-UE kollha. L-istat ta' preparazzjoni nazzjonali ta' l-Istati Membri ġie evalwat minn timijiet taċ- ĊEKM u esperti tal-Kummissjoni. Saret konferenza oħra konġunta bejn id-WHO-Kummissjoni-ĊEKM dwar l-istat ta' preparazzjoni f'Uppsala f'Mejju u d-DĠ għall-Ħarsien tas-Saħħa u l-Konsumatur ikkontribwixxa għas-suċċess tal-konferenza ta' Beijing (fejn kważi 2 biljuni dollari Amerikani ġew impenjati fil-ġlieda globali kontra l-influwenza tat-tjur u xi pandemija), u tal-konferenzi bħala tkomplija ta' din fi Vjenna u Bamako.

Miżuri għall- kontroll ta' għadd ta' inċidenti ta' mard innotifikati mis-Sistema ta' Twissija u Reazzjoni Bikrija ta' l-UE (STRB), imwaqqfa bid-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE[22] , ġew ikkoordinati mid-DĠ għall-Ħarsien tas-Saħħa u l-Konsumatur. L-aktar importanti kienu l-każijiet ta' influwenza tat-tjur fit-Turkija, it-tifqigħa Chikungunya fiż-żona ta' l-Oċean Indjan, bosta tifqigħat ta' infezzjonijiet min-Norovirus fuq il-vapuri ta' btala, każ ta' deni Lassa impurtat mill-Afrika lejn l-Ewropa u bosta każijiet ta' leġjonellożi dijanjostikati f'ċittadini ta' l-UE wara mawra f'lukanda fit-Taljandja. F'kollaborazzjoni mill-qrib maċ-ĊEKM, id-DĠ għall-Ħarsien tas-Saħħa u l-Konsumatur ħejja għal reviżjoni ta' l-2007 tad-definizzjonijiet ta' każijiet ta' l-UE u t-trasferiment tat-tħaddim tas-sistema EWRS u proġetti marbuta mal-Programm ta' Saħħa Pubblika dwar is-sorveljanza ta' mard li jittieħed lejn iċ-ĊEKM.

Tħeddid kimiku u radjnukleari. Il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar li jitwal il-mandat tal-Kumitat ta' Sigurtà tas-Saħħa (KSS), li jittratta każijiet ta' rilaxx deliberat ta' aġenti bijoloġiċi, kimiċi u radjunukleari bl-għan li ssir il-ħsara. Il-Kumitat jikkoordina wkoll l-ippjanar ta' l-istat ta' preparazzjoni kontra l-influwenza. Il-ħtieġa li jissokta x-xogħol ta' dan il-Kumitat inħasset aktar mit-tixrid ulterjuri ta' l-influwenza tat-tjur u l-użu kriminali tal-polonium 210 fir-Renju Unit, li wassal ukoll għat-tniġġis ta' bosta ajruplani kummerċjali, b'għadd għoli ħafna ta' ċittadini ta' l-UE li ġew esposti għal periklu radjoloġiku potenzjali. Il-kapaċità ta' reazzjoni għal grajjiet bħal dawn żdiedet bis-sistema ġdida bbażata fuq il-web RAS-BICHAT u l-inawgurazzjoni tas-systema RAS-CHEM, li jintużaw għal twissija minnufih ta' attakki u ġrajjiet li jinvolvu aġenti bijoloġiċi, kimiċi u radjunukleari.

Stat ta' tħejjija ġenerika għal theddid ta' saħħa. Biex jitjieb aktar l-istat ta' tħejjija ġenerika tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, ittieħdu bosta miżuri biex jiġu implimentati t-tagħlimiet meħuda minn żewġ eżerċizzji ta' simulazzjoni organizzati fl-2005. Fost titjib ieħor, id-DĠ għall-Ħarsien tas-Saħħa u l-Konsumatur waqqaf Grupp kontra l-Kriżi li jwassal ir-riżorsi kollha adattati li għandu d-DĠ għall-ġestjoni ta' kriżi ewlenija. Ix-xogħol tal-grupp kellu appoġġ bit-twaqqif ta' kmamar ġodda għal kontra l-kriżi fil-Lussemburgu u Brussell. L-abilità ta' l-Istati Membri li jużaw is-sistemi disponibbli ta' twissija u tagħrif rapidu ttejjbet b'sessjonijiet ta' taħriġ speċjali li ngħataw mid-DĠ.

6.3. Determinanti tas-saħħa

Wara l-"Komunikazzjoni dwar il-ġlieda kontra l- HIV/AIDS fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi ġirien, 2006-2009"[23], twaqqfet konferenza ta' livell għoli dwar sesswalità aktar responsabbli għaż-żgħażagħ. L-ewwel kisba tagħha kienet il-ġrajja f'Novembru "AIDS ftakar fiha - Lejla ta' tagħrif pubbliċitarju dwar l-HIV/AIDS bit-TV". Tissokta l-kooperazzjoni u l-konsultazzjoni ma' l-Istati Membri u l-partijiet interessati, speċjalment permezz tal-Grupp ta' Riflessjoni u l-Forum tas-Soċjetà Ċivili dwar l-HIV/AIDS.

Wara proċess ta' konsultazzjoni wiesgħa, il-Kummissjoni adottat "Komunikazzjoni dwar Strateġija ta' l-UE biex tagħti appoġġ lill-Istati Membri fit-tnaqqis ta' ħsara marbuta ma' l- alkoħol "[24] f'Ottubru. Ġew identifikati ħames żoni ta' prijorità li huma rilevanti fl-Istati Membri kollha u fejn l-azzjoni mill-Komunità tista' żżid il-valur ta' l-istrateġiji nazzjonali: "Ipproteġi liż-żgħażagħ, lit-tfal u lit-tarbija fil-ġuf"; "Naqqas il-korrimenti u l-imwiet mill-inċidenti tat-traffiku marbuta ma’ l-alkoħol"; "Ħares lill-adulti mill-ħsara marbuta ma’ l-alkoħol u naqqas l-impatt negattiv fuq il-post tax-xogħol"; "Informa, eduka u qajjem għarfien dwar l-impatt tal-konsum ta' l-alkoħol perikoluż u ta' ħsara, u dwar mudelli ta' konsum xieraq" u "Żviluppa u żomm bażi komuni ta' evidenza fuq livell ta' l-UE". Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill li ġew adottati f'Novembru 2006 laqgħu l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u approvaw l-azzjonijiet stabbiliti fiha.

F'Settembru, il-Kummissjoni ippubblikat ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper “Il-promozzjoni ta’ dieta tajba għas-saħħa u l-attività fiżika: dimensjoni Ewropea għall-prevenzjoni tal-piż żejjed, l-obeżità u l-mard kroniku"[25] Il-Kummissjoni ssoktat il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u l-istima ta' l-impatt dwar White Paper fuq In-Nutrizzjoni u l-Attività Fiżika[26]. Il-Pjattaforma Ewropea ta' Azzjoni dwar Dieta, Attività Fiżika u Saħħa ressqet u bdiet timplimenta 177 impenn dwar azzjonijiet biex twaqqaf u treġġa lura t-tendenzi attwali ta' l-obeżità. Skambji dwar sħubiji pubbliċi-privati bejn membri tal-Pjattaforma u aġenti simili fl-Istati Uniti seħħu f'Mejju.

Il-Kampanja UE 2005-2008 "GĦAJNUNA: Għal Ħajja mingħajr Tabakk" kontra t-tipjip li hija intiża l-aktar għall-adolexxenti (15 sa 18-il sena) u adulti zgħażagħ (18 sa 30 sena) issoktat. Il-kampanja indirizzat it-tliet temi ewlenin tal- kontroll tat-tabakk (prevenzjoni, waqfin mit-tipjip, u l-perikli tat-tipjip passiv) permezz ta' medda ta' mezzi inklużi t-televixin u l-Internett, l-istampa u l-organizzazzjoni ta' avvenimenti ta' relazzjonijiet pubbliċi. Il-kampanja ta' kejl tas-CO mnedija f'Marzu kisbet aktar minn 90 000 test u 'l fuq minn 250 avveniment seħħu ma' l-UE kollha. Fl-aħħarnett, il-Manifesto Żgħażagħ Ewropej kontra t-Tabakk[27], imtellgħa miż-żgħażagħ innifshom fuq il-bażi ta' 25 konsultazzjoni nazzjonali, tlesta biex jitqassam.

Saret konsultazzjoni pubblika[28] estensiva dwar il-Green Paper "Il-promozzjoni tas-saħħa mentali tal-popolazzjoni: Lejn strateġija dwar is-saħħa mentali għall-UE"[29] ta' Ottubru 2005. Il-konsultazzjoni kkonfermat l-appoġġ qawwi mill-pubbliku ġenerali għall-iżvilupp ta' strateġija ta' saħħa mentali fuq livell ta' l-UE.

Il-Kummissjoni kkooperat ma' l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari mad-WHO u l-Kummissjoni tagħha dwar id-Determinanti Soċjali tas-Saħħa, biex iġġib 'il quddiem għarfien u żvilupp ta' politika għal azzjoni fil-qasam tad- determinanti soċjali u l-inugwaljanzi tas-saħħa. Il-Grupp ta' Esperti ta' l-UE dwar id-Determinanti Soċjali u l-Inugwaljanzi tas-Saħħa ta bidu għal studju ta' l-implikazzjonijiet makroekonomiċi ta' l-inugwaljanzi tas-saħħa u pprovda mekkaniżmu għall-iskambju tal-prassi tajba dwar żviluppi fil-politika nazzjonali. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Saħħa fl-Istrateġiji Politiċi Kollha ntlaħaq ftehim dwarhom taħt il-presidenza Finlandiża li enfażizzat l-importanza ta' l-indirizzar tad-determinanti soċjali tas-saħħa permezz ta' strateġiji politiċi f'għadd differenti ta' setturi. Id-dokument ta' diskussjoni tal-Kummissjoni għal strateġija ġdida dwar is-saħħa "Is-Saħħa fl-Ewropa: Approċċ Strateġiku" ippropona li waħda mill-fergħat ewlenin ta' l-istrateġija ġdida għandha tkun azzjoni ta' għajnuna fit-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi tas-saħħa u tad-differenzi fis-saħħa bejn il-pajjiżi u fi ħdanhom.

Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2003 dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis ta' ħsara marbuta mas-saħħa assoċjata mad-dipendenza[30] mid-droga ġie abbozzat fl-2006 u ntbagħat lill-Kunsill u l-Parlament fl-2007. Ingħata bidu għat-tħejjijiet ta' rapport dwar it-trattament minħabba drogi u proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar drogi u ħabsijiet kif stabbilit fil-Pjan ta' Azzjoni dwar Drogi Ewropej mistennija rispettivament fl-2007 u fl-2008.

Għadd ta' miżuri ttieħdu taħt il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ambjent u s-Saħħa ta' l-UE 2004-2010. Grupp ta' ħidma ta' esperti dwar il-kwalità ta' l-arja fil-magħluq twaqqaf f'Ottubru 2006 b'mandat biex jipprovdi forum għall-iskambju ta' l-aqwa prassi u tagħrif, biex jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar programmi ta' l-UE u l-politika marbuta mal-kwalità ta' l-arja fil-magħluq, u biex jagħti pariri dwar azzjonijiet bil-għan li titnaqqas l-emissjoni/konċentrazzjoni rilevanti ta' tniġġis.

6.4. L-evalwazzjoni tar-riskju

Il-Kumitati Xjentifiċi rilevanti għall-Programm ta' Saħħa Pubblika (2003-2008) ġew iffinanzjati kif stabbilit fl-Artikolu 1.4.6 tal-Pjan ta' Ħidma għall-2006[31].

Matul l-2006, it-tliet Kumitati Xjentifiċi[32], jiġifieri l-Kumitat Xjentifiku dwar il-Prodotti tal-Konsumatur (KXPK), il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji tas-Saħħa u l-Ambjent (KXSA), u l-Kumitat Xjentifiku dwar Riskji Emerġenti u Identifikati Milhux (KXREIM), adottaw medda wiesgħa ta' opinjonijiet li jkopru ħwejjeġ bħal ċerti zebgħat għax-xar (bħala parti minn reviżjoni dwar riskji possibbli ta' kanċer), is-sikurezza tas-sodot tax-xemx, sustanzi attwali skond ir-Regolament 793/93, sustanzi oħra bħal l-organostanniċi, l-effetti possibbli ta' sustanzi rilaxxjati fl-arja minn prodotti li jirrifreskaw l-arja, l-effett ta' kampijiet elettromanjetiċi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-konvenjenza ta' metodoloġiji attwali għall-istima tar-riskji tan-nanomaterjali.

Biex jinżamm kont tad- data xjentifika ġdida dwar il- kampijiet elettromanjetiċi , il-Kumitat Xjentifiku dwar Riskji Emerġenti u Identifikati Milhux[33] (KXREIM), intalab iwettaq reviżjoni komprensiva ta' l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar it-Tossiċità, l-Eko-tossiċità u l-Ambjent (KXTEA) ta' Ottubru 2001 dwar l-effetti possibbli għas-saħħa mill-kampijiet elettromanjetiċi, kampijiet ta' frekwenza tar-radju u radjazzjoni tal-mikrowajv. L-opinjoni KXREIM kienet soġġetta għall-konsultazzjoni pubblika minn Settembru sa Novembru u verżjoni finali kellha tiġi ppubblikata fl-ewwel kwart ta' l-2007.

Fid-dawl tar-riżultati ta' konsultazzjoni mnedija f'Ottubru 2005 dwar metodi ta' evalwazzjoni tar-riskju għall-prodotti tan- nanoteknoloġiji, f'Marzu il-KXREIM adotta opinjoni dwar il-konvenjenza tal-metodoloġiji attwali biex ssir evalwazzjoni tar-riskji potenzjali tan-nanomaterjali. L-opinjoni KXREIM ikkonkludiet li xi tibdil fil-metodi attwali ta' ittestjar u monitoraġġ ikunu meħtieġa biex jittieħed kont tal-karatteristiċi uniċi tal-prodotti tan-nanoteknoloġija u enfażizzat il-ħtieġa ta' approċċ ta' evalwazzjoni tar-riskju każ b'każ. Hija wkoll identifikat nuqqasijiet ta' għarfien, speċjalment fir-rigward ta' l-espożizzjoni tal-bniedem, l-effetti fuq is-saħħa u l-impatti fuq l-ambjent.

Il-kooperazzjoni bejn il-Kumitati Xjentifiċi u l-panels tad-Direttorat-Ġenerali għall-Ħarsien tas-Saħħa u l-Konsumatur, id-Direttorat-Ġenerali għall-Impjieg, Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs, l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza ta' l-Ikel, iċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard, l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ġiet ikkonfermata fit-tieni laqgħa tagħhom, kif kien fl-interess komuni tagħhom li jaħdmu flimkien fi ħdan qafas komuni għall-evalwazzjoni tar-riskju.

[1] ĠU L 271, 09.10.2002, p. 1.

[2] http://europa.eu.int/comm/health/ph_programme/keydo_programme_2003_2008_en.htm.

[3] ĠU L 42, 14.2.2006, p. 29.

[4] ĠU C 37, 14.02.2006, p. 14.

[5] http://ec.europa.eu/health/ph_programme/howtoapply/proposal_docs/call2006_en.pdf.

[6] http://ec.europa.eu/phea/documents/Evaluation_summary_REPORT_170107.pdf.

[7] C(2007)3354 tal-13.7.2007.

[8] ĠU L 194, 18.7.2001, p. 26.

[9] ĠU L 42, 14.2.2006, p. 29.

[10] C(2004)4839 ta' 15.12.2004, ĠU L 369, 16.12.2004, p. 73.

[11] http://ec.europa.eu/health/ph_programme/documents/evaluation/inter_evaluation_en.pdf.

[12] http://ec.europa.eu/health/ph_programme/documents/evaluation/PHP_evaluation_en.pdf.

[13] http://ec.europa.eu/health-eu/news_alcoholineurope_en.htm.

[14] http://www.eurosafe.eu.com/csi/eurosafe.nsf/html/homepage/$file/index.htm.

[15] http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/environment/IPP/documents/com_328_en.pdf.

[16] http://ec.europa.eu/health/ph_projects/2005/action1/action1_2005_3_en.htm.

[17] http://health.europa.eu.

[18] http://ec.europa.eu/health/ph_projects/2005/action1/action1_2005_full_en.htm#21.

[19] http://ec.europa.eu/health/ph_information/documents/ev_20060602_prog_en.pdf.

[20] http://ec.europa.eu/health/ph_threats/non_com/rare_8_en.htm.

[21] http://www.eupidconference.com/Publications_Consensus.aspx.

22 Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Settembru 1998 li twaqqaf netwerk għas-sorveljanza epidemjoloġika u l-kontroll ta' mard li jittieħed fil-Komunità, ĠU L 268, 3.10.1998, p. 1–7.

[22]

[23] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2005:0654:FIN:EN:PDF.

[24] http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/alcohol/documents/alcohol_com_625_en.pdf.

[25] http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/nutrition/documents/nutrition_gp_en.pdf.

[26] http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/nutrition/documents/nutrition_wp_en.pdf.

[27] http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/Tobacco/help/manifesto_en.htm.

[28] http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/mental/green_paper/consultation_en.htm.

[29] http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/mental/green_paper/mental_gp_en.pdf.

[30] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/site/en/com/2007/com2007_0199en01.pdf.

[31] ĠU L 42, 14.2.2006, p. 29.

[32] http://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/committees_en.htm.

[33] http://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/04_scenihr/04_scenihr_en.htm.