52008DC0192




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.4.2008

KUMM(2008) 192 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Progress fil-ħolqien tas-suq intern tal-gass u l-elettriku [SEG(2008) 460]

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Progress fil-ħolqien tas-suq intern tal-gass u l-elettriku

A. IL-KUNTEST

Ir-rilevanza ta’ l-enerġija għat-tkabbir u l-kompetittività ta’ l-Ewropa kulma tmur qiegħda tikber. Servizzi ta’ l-enerġija ta’ min joqgħod fuqhom u bi prezzijiet aċċettabbli kemm għall-utenti industrijali kif ukoll domestiċi għadhom fattur ewlieni fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku. Suq intern ta’ l-enerġija li jaħdem tajjeb huwa fondamentali biex tintlaħaq kull waħda mit-tliet sfidi ta’ l-enerġija Ewropea – il-kompetittività, is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-provvista.

L-aħħar pass fit-triq lejn swieq kompetittivi ta’ l-enerġija ntlaħaq fl-1 ta’ Lulju 2007 bil-ftuħ totali tas-swieq nazzjonali tal-bejgħ bl-imnut. Mill-perspettiva ġuridika, il-konsumaturi Ewropej issa kollha jistgħu jagħżlu l-fornitur tagħhom u jibbenefikaw mill-kompetizzjoni.

Madankollu, dan ir-rapport juri li, fil-prattika, għadna wisq 'il bogħod mis-suċċess ta’ l-integrazzjoni tas-suq. Bi ftit eċċezzjonijiet biss, il-firxa ekonomika tas-swieq ta’ l-elettriku u l-gass fl-UE għadha ma marritx lil hinn mil-livell nazzjonali, filwaqt li l-kompetizzjoni għadha limitata.

Dan ir-rapport juri li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-problemi identifikati fir-Rapport tal-Progress 2006/07 u l-Inkjesta Settorjali dwar is-swieq Ewropej ta’ l-elettriku u l-gass tal-Kummissjoni għadhom preżenti. Mhux in-nuqqasijiet kollha jistgħu jissolvew permezz leġiżlazzjoni eżistenti: jinħtieġu miżuri leġiżlattivi aħjar.

B. żVILUPPI F’OQSMA EWLENIN, NUQQASIJIET LI JIFDAL

1. Implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni

L-Istati Membri kollha[1] laħqu d-data ta’ skadenza ta’ l-1 ta’ Lulju 2007 biex jiftħu għal kollox is-swieq tagħhom tal-gass u l-elettriku[2]. Madankollu, żdied it-tfixkil għall-kompetizzjoni ħielsa u ġusta minħabba l-koeżistenza ta’ taqsimiet miftuħa tas-suq u r-regolamentazzjoni tal-prezzijiet tal-provvista għall-utent aħħari.

Wara aktar minn tliet snin mid-data ta’ skadenza ta’ Lulju 2004 għall-implimentazzjoni, xi Stati Membri għadhom ma implimentawx kif suppost ir-rekwiżiti legali tad-Direttivi dwar l-Elettriku u l-Gass[3]. B’mod partikolari, dan jikkonċerna oqsma bażiċi tal-liberalizzazzjoni tas-suq, bħall-kontroll regolatorju, is-separazzjoni, u t-tariffi regolati tal-provvista, kif ukoll il-komunikazzjoni ta’ l-Obbligi tas-Servizz Pubbliku.

Ir-regolaturi għandhom rwol ewlieni statutorju fil-monitoraġġ tal-konformità ta' l-operaturi tan- netwerks. L-ERGEG[4] jiżvolġi rwol importanti biex jikkoordina l-monitoraġġ nazzjonali u b'hekk jarmonizza r-reviżjoni tal-konformità. Il-monitoraġġ ta’ l-ERGEG[5] fl-2007 ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Elettriku[6] u l-Gass[7] juri nuqqas ta’ konformità f’oqsma ta’ rilevanza bażika għall-iżvilupp ta’ swieq fluwidi, bħalma huma t-trasparenza u l-allokazzjoni tal-kapaċità primarja. Madwar 15% ta’ l-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni (TSOs) tal-gass Ewropej ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ trasparenza tal-gass. Madwar terz mit-TSOs ma jippubblikawx il-flussi mgħoddija, ir-rati ta’ użu tal-kapaċità u t-tbassir meħtieġ legalment tal-kapaċitajiet disponibbli. Fl-istess waqt, terz mit-TSOs li jużaw it-“3 minus shipper rule”[8] ma jippubblikawx id-dejta aggregata meħtieġa, u madwar 85% tat-TSOs japplikaw ir-regola ta’ eżenzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni regolatorja meħtieġa.

L-irrappurtar ta’ l-indikaturi tas-suq, li huwa responsabbiltà ta’ l-Istati Membri, ġeneralment mhuwiex suffiċjenti. Pereżempju, 30% biss mir-regolaturi nazzjonali jistgħu jindikaw ir-rati ta’ tibdil għall-gruppi ta’ l-industrija, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u l-utenti domestiċi.

2. Integrazzjoni tas-suq

L-integrazzjoni tas-suq għadha ma ġietx żviluppata b’mod suffiċjenti. Dan jidher pereżempju mid-differenzi fil-prezzijiet, fil-monopolji reġjonali u fil-konġestjoni transkonfinali persistenti bejn l-Istati Membri.

F’suq integrat tajjeb, il-kompetizzjoni żżomm prezzijiet simili bejn Stati Membri jew reġjuni ġirien. Il-prezzijiet ta’ l-enerġija għall-klijenti industrijali ta' l-elettriku fl-UE qed jibdew jitqarrbu lejn xulxin fiż-żoni Ewropej Ċentrali u tal-Majjistral, iżda għad hemm differenzi ta' kważi 100% f'xi każijiet[9]. L-użu aktar effiċjenti ta’ infrastruttura wassal għal xi titjib fil-korrelazzjoni tal-prezzijiet ta’ l-elettriku, partikolarment bejn ir-reġjun ta’ l-Olanda/il-Belġju/l-Awstrija/Franza/il-Ġermanja u s-suq Nordiku.

Il-kummerċ transkonfinali huwa sors ewlieni ta’ pressjoni kompetittiva fuq il-prezzijiet. Billi kapaċitajiet suffiċjenti ta’ netwerk huma prerekwiżit għal dan il-kummerċ, l-ostakli persistenti fl-infrastruttura tal-gass u l-elettriku jridu jitneħħew. F’ħames Stati Membri, il-kapaċità ta’ l-interkonnessjoni ta’ l-elettriku mqabbla mal-kapaċità li effettivament teżisti hija anqas minn 10%. F’għaxar Stati Membri oħra, hija bejn 10% u 30%. L-ippjanar ikkoordinat ta’ l-investiment u l-ittestjar tad-domanda tas-suq huma fundamentali għall-forniment tal-kapaċità minn perspettiva Ewropea. Passi li ttieħdu volontarjament fi ħdan l-Inizjattiva Reġjonali promossa mill-Kummissjoni bl-appoġġ operattiv ta’ l-ERGEG[10] (eż. stħarriġiet koordinati tad-domanda għal flussi ta’ gass fuq il-Peniżola Iberika, analiżi tat-trasport reġjonali u ta’ l-investiment fil-ħażna fir-Reġjun tal-Gass tax-Xlokk) huma ċertament pożittivi. Iżda arranġamenti volontarji ma jistgħux jiggarantixxu b'mod suffiċjenti l-livell ta' sigurtà meħtieġ biex ikopri d-domanda tas-suq.

In-nuqqas ta’ indipendenza ta’ l-operaturi tan-netwerks għadu joħloq ostaklu għal investiment adegwat. L-esperjenza turi li f’każijiet fejn l-operaturi nazzjonali huma azzjonisti fin-netwerks tat-trasport tal-gass fis-swieq tagħhom, dawn għandhom interess li jillimitaw il-kompetizzjoni fl-istess suq nazzjonali. Dan huwa ta’ sikwit ostaklu għal tkabbir suffiċjenti fil-kapaċità għal dik ta’ sistema li tiddomina l-provvista tal-gass. L-analiżi turi l-korrelazzjoni bejn separazzjoni u investiment xierqa. Is-sehem tad-dħul mill-konġestjoni li jiġi investit mill-ġdid f’kapaċità ta’ interkonnessjoni kien kważi d-doppju għat-TSOs bi sjieda separata minn dak għat-TSOs integrati vertikalment, u l-livelli ta’ investiment fit-tlieta sa erba’ snin mis-separazzjoni tas-sjieda talanqas irdoppjaw.

Madankollu, irridu nirrikonoxxu li hemm fatturi oħra li jinfluwenzaw il-livelli ta' investiment, partikolarmenti ir-regolamentazzjoni tat-tariffi. Ir-regolaturi għandhom jipprovdu qafas li jiffavorixxi l-investiment, li jinvolvi sistema regolatorja stabbli u inċentivi ġusti għall-investiment u suq integrat, inkluż, fost oħrajn, l-għan li jitnaqqsu t-tariffi. Ir-regolamentazzjoni ta’ inċentivi għadha ma ġietx żviluppata biżżejjed.

Id-differenzi legali bejn l-Istati Membri għadhom ostaklu għall-integrazzjoni tas-suq. Pereżempju, skema pilota kkoordinata ta’ rkant tal-kapaċità tal-gass fir-Reġjun tal-Gass tal-Majjistral[11] ma komplietx minħabba differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Hemm bżonn ta’ aktar appoġġ mill-Istati Membri biex negħilbu dawn l-ostakli.

Il-benefiċċji kollha ta’ infrastruttura suffiċjenti mhux se jinħassu sakemm il-kapaċità ma tkunx disponibbli għall-parteċipanti tas-suq fuq bażi mhux diskriminatorja li tixpruna l-kummerċ. It-trattament differenti tas-servizzi transkonfinali u tat-trażmissjoni domestika jrid jitqies bħala kruċjali għan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn l-utenti kif ukoll għall-kompatibbiltà mal-leġiżlazzjoni eżistenti (u proposta). Fl-istess ħin, jeħtieġ li s-sistemi ta' kapaċità jsiru flessibbli bl-aktar mod possibbli. Dan jista' jseħħ l-aktar f'sistema diżakkoppjata tad-dħul u l-ħruġ.

Żvilupp reġjonali

Inbdew proġetti bilaterali u multilaterali għat-titjib fl-integrazzjoni transkonfinali, bħall-Inizjattivi Reġjonali mmexxija mill-ERGEG, il-kooperazzjoni governattiva fi ħdan il-Fora Pentalaterali fil-Majjistral ta’ l-Ewropa u MIBEL/MIGAS għall-pajjiżi Iberiċi. Bil-maqlub ta’ inizjattivi oħra, il-Komunità ta’ l-Enerġija tixpruna l-kooperazzjoni reġjonali fuq bażi vinkolanti.

Dawn il-proġetti għandhom rwol utli fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ l-aħjar prattika. Pereżempju, l-Inizjattivi Reġjonali mmexxija mill-ERGEG ħadmu fuq allokazzjoni transkonfinali koordinata ta’ kapaċità fis-swieq tal-gass tal-Majjistral ta’ l-Ewropa, analiżi koordinata tad-domanda u ppjanar ta’ investiment fis-swieq tal-gass fl-Iberja u x-Xlokk ta’ l-Ewropa[12], regolamentazzjoni koordinata lejn teħid ta’ deċiżjonijiet regolatorji armonizzati u transkonfinali u lejn trasparenza aħjar. Fl-2006, il-proġett li għaqqad is-suq trilaterali ta’ l-elettriku – mekkaniżmu ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità li jiggarantixxi flussi ta’ enerġija fid-direzzjoni t-tajba skond il-prezz immedjat – beda jopera bejn Franza, il-Belġju u l-Olanda, u żied b'mod drastiku l-effiċjenza tat-twassil tal-produzzjoni ta' enerġija fir-reġjun. Il-Forum Pentalaterali dwar l-elettriku wassal għal ftehim fuq mekkaniżmu komuni ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità transkonfinali bbażata fuq flussi għar-reġjun kollu. Il-ħidma fuq il-gass bdiet reċentement u hija mistennija li tiffoka fuq l-ostakli legali u s-siġurtà tal-provvista. F’Novembru 2007, ir-Repubblika ta’ l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq bdew il-ħolqien ta’ suq komuni bl-ingrossa ta’ l-elettriku. Huwa ppjanat progress f’suq tal-gass.

L-istrateġija reġjonali tippermetti li jitqiesu livelli differenti ta’ żvilupp fis-suq, bil-għan komuni tal-ħolqien tas-suq uniku.

3. Konċentrazzjoni u konsolidazzjoni

L-istrutturi tas-suq fuq skala nazzjonali għadhom ikkonċentrati ħafna. Barra minn hekk, l-operaturi jikkontrollaw faċilitajiet ta’ infrastruttura essenzjali, u dan ikompli jżid il-poter tagħhom fis-suq.

Bejn l-2005 u Ġunju ta’ l-2007, l-għadd ta’ fornituri indipendenti fuq is-suq ta’ l-elettriku żdied f’40% ta’ l-Istati Membri fejn id-dejta kienet disponibbli. Fil-gass, l-għadd żdied biss fi kwart mill-Istati Membri. Madankollu, fi Franza, l-Italja, il-Polonja u l-Olanda, iż-żieda kienet ta’ 50% jew aktar (minn 10 għal 15-il fornitur fi Franza ; minn 0 għal 75 fil-Polonja; minn 8 għal 20 fl-Olanda; minn 123 għal 182 (2006) fl-Italja). F’7 minn 21 Stat Membru, m’hemm l-ebda fornitur indipendenti attiv fis-suq nazzjonali tal-gass. Fl-elettriku dan huwa rrapportat biss f’Ċipru, iżda m’hemmx dejta rilevanti għall-elettriku għal 15-il Stat Membru.

Is-swieq bl-imnut għadhom ma ġewx żviluppati sew, l-aktar minħabba aċċess limitat għall-provvisti tal-gass għall-operaturi ġodda. Saħansitra fis-suq l-aktar żviluppat – ir-Renju Unit – il-produtturi tal-gass jiddominaw il-forzi kompetittivi. Id-dħul ta’ operaturi ġodda fis-settur tal-provvista jibqa’ kruċjali kemm għall-kompetizzjoni kif ukoll għas-sigurtà tal-provvista. L-LNG jiżvolġi rwol importanti.

Flimkien mas-swieq nazzjonali kkonċentrati għall-aħħar, tkompli t-tendenza ta’ konsolidazzjoni u konċentrazzjoni. Sakemm l-atturi li jfeġġu minn merġers u akkwisti jaġixxu fuq bażi verament kompetittiva, dan mhux bilfors ikollu effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. Gvernijiet, regolaturi nazzjonali u awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom joħolqu qafas li jimponi tabilħaqq imġieba kompetittiva meta ma jkunx mistenni li din tiżviluppa minn strutturi tas-suq, jiġifieri permezz ta' programmi ta’ bejgħ tal-kapaċità u tal-gass, jew permezz ta’ rekwiżiti stretti ta’ trasparenza.

4. Xejriet fil-prezzijiet

Klijenti fl-Istati Membri UE-15 ibbenefikaw minn tfaddil kumulattiv tal-prezz mil-liberalizzazzjoni ta’ l-elettriku fl-ordni ta’ €60 biljun fil-perjodu 1998 sa 2004. Parti minn dan it-tfaddil tpatta b'żidiet fil-prezzijiet f'perjodi aktar tard. Il-prezzijiet tal-gass ta’ l-UE-27 għolew flimkien ma’ l-evoluzzjoni fil-prezzijiet taż-żejt. Il-prezzijiet telgħu għall-utenti industrijali b’medja ta’ 35% bejn l-2005 u l-2006 u bi 12% aktar fl-2007. Iż-żieda globali mill-2005 sa l-2007 kienet simili għall-konsumaturi domestiċi, għalkemm l-ogħla żidiet fil-prezz seħħew l-aktar fl-2007[13].

Ir-raġunijiet għal dawn l-iżviluppi huma diversi. Billi l-kompetizzjoni għadha limitata, il-pressjonijiet kompetittivi fuq il-prezzijiet huma dgħajfa b’mod korrispondenti. Barra minn hekk, il-prezzijiet jirriflettu x-xejriet ġenerali, notevolment fil-prezzijiet taż-żejt, li għolew b’aktar minn 50% bejn l-2005 u l-2007. Minħabba r-rabta li hemm bejn il-prezzijiet tal-gass mal-prezzijiet taż-żejt u l-importanza dejjem tiżdied tal-gass fil-produzzjoni ta’ l-enerġija, l-evoluzzjoni fil-prezzijiet taż-żejt tolqot il-prezzijiet kemm tal-gass kif ukoll ta’ l-elettriku.

Fl-istess waqt, hemm indikazzjonijiet li l-indipendenza ta’ l-operaturi tan-netwerks qed ikollha effett tajjeb fuq il-prezzijiet, billi tippromwovi l-effiċjenza tan-netwerk, tiffaċilita l-aċċess tan-netwerk għal persuni terzi u tikkontribwixxi għall-kunfidenza tas-suq. Minn meta nfetaħ is-suq fl-1998, l-Istati Membri b’TSOs bi sjieda separata kellhom esperjenza aktar pożittiva ta’ evoluzzjoni fil-prezzijiet minn Stati Membri fejn it-TSOs kienu u għadhom relatati ma' kumpaniji ta’ provvista.

5. L-indipendenza ta’ l-operaturi tan-netwerks

Is-separazzjoni funzjonali għadha mhijiex implimentata b’mod effettiv fl-Istati Membri kollha[14]. Dan japplika kemm għall-elettriku u għall-gass u kif ukoll għall-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni u d-distribuzzzjoni. Xi Stati Membri wasslu ’l hemm mir-rekwiżiti attwali ta’ separazzjoni. Fl-elettriku, madwar nofs l-Istati Membri għandhom operaturi ta' netwerks bi sjieda separata; fil-gass, seba’ Stati Membri[15].

Fil-livell ta’ distribuzzjoni, l-Istati Membri qed jagħmlu użu estensiv ta’ derogi: nofs l-Istati Membri jippermettu li operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni b’anqas minn 100 000 kljient jiġu eżentati minn rekwiżiti ta’ separazzjoni legali, kemm għall-elettriku kif ukoll għall-gass[16].

L-indipendenza insuffiċjenti ta’ l-operaturi tan-netwerks iġġib nuqqas ta’ investiment f’kapaċitajiet ta’ netwerk u b’mod partikolari f’kapaċitajiet transkonfinali mhux adegwati. Separazzjoni legali ma kinitx biżżejjed biex tlaħħaq ma' dan l-effett.

6. Regolamentazzjoni effettiva minn regolaturi

Minkejja li d-Direttivi dwar l-Elettriku u l-Gass jirrekjedu li r-regolaturi jżommu serje minima ta’ setgħat, il-livelli mhux ugwali ta’ poteri regolatorji transkonfinali ma tjibux. F’xi Stati Membri, il-poteri tqassmu bejn bosta regolaturi fuq livelli nazzjonali u reġjonali, inkluża l-awtorità tal-kompetizzjoni u/jew il-ministeru. Dan aktarx iwassal għal nuqqas akbar ta’ koerenza. Superviżjoni regolatorja ta’ swieq bl-ingrossa u bl-imnut ma tantx teżisti fl-ebda Stat Membru.

In-nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni Ewropea ta’ sikwit tiffaċċa penali li mhumiex suffiċjenti jew effettivi f'leġiżlazzjoni nazzjonali. Fl-istess waqt, ir-rapporti ta’ monitoraġġ dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti ta’ l-ERGEG juru fiċ-ċar li r-regolaturi ma għandhomx impenn sħiħ biżżejjed li jużaw poteri eżistenti biex jixprunaw l-implimentazzjoni, b'mod attiv, ta’ rekwiżiti legali . Rapport ta’ l-ERGEG lill-erbatax-il Forum ta’ Madrid, pereżempju, wera biss każ wieħed ta’ awtorità regolatorja li tuża il-poter tagħha biex timponi sanzjonijiet fuq TSO li ma tikkonformax ma’ rekwiżiti legali.

L-iskop ta’ l-integrazzjoni tas-suq jirrekjedi armonizzazzjoni transkonfinali tad-deċiżjonijiet regolatorji. L-ERGEG u l-Fora Regolatorji Ewropej għall-elettriku u l-gass (“Forum ta’ Firenze” / “Forum ta’ Madrid”) jikkontribwixxu ċertament għal dan il-proċess billi jipprovdu pjattaformi ta’ diskussjoni biex isolvu problemi fuq livell prattiku u jiżviluppaw soluzzjonijiet ta’ l-aħjar prattika miftehma b’mod komuni. Madankollu, il-“vojt regolatorju” għadu ostaklu għat-teħid ta’ deċiżjonijiet koordinat transkonfinalment, li ma jistax jitranġa mill-mudell eżistenti ta’ kooperazzjoni volontarja mill-ERGEG.

7. Dimensjoni tal-klijenti

Reazzjoni tal-klijenti – tibdil tal-fornitur

Tibdil fl-elettriku huwa f’livell għoli fil-pajjiżi Iberiċi, ir-Repubblika Ċeka u l-pajjiżi Nordiċi u jaqbeż il-medja għall-klijenti industrijali kbar ħafna fil-Ġermanja, l-Awstrija u l-Lussemburgu. F’bosta mill-pajjiżi l-oħra, ir-rata annwali ta' tibdil għal utenti domestiċi hija ta' madwar 1% jew anqas. L-istess jiġri fil-gass, ħlief li l-Italja hija waħda mill-pajjiżi b’rata akbar minn 1%. Waqt li r-rati ta’ tibdil għal klijenti kbar jibqgħu jiżdiedu, bosta mill-klijenti tan-negozji ż-żgħar u dawk domestiċi għad għandhom ambitu limitat biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ għażla.

Ir-rati ta’ tibdil mhumiex l-uniku indikatur ta’ kompetizzjoni li tiffunzjona fi swieq bl-imnut. Ħafna drabi, offerti li jikkompetu ma’ xulxin ma jkunux disponibbli jew ikunu simili wisq biex joffru għażla reali. L-Istati Membri u r-regolaturi nazzjonali għandhom jiżguraw li jeżistu proċeduri trasparenti u sempliċi ta’ tibdil, sabiex il-klijenti jingħataw il-kunfidenza li għandhom bżonn. Barra minn hekk, it-tariffi regolatorji fuq provvista jgħawġu l-kompetizzjoni bl-imnut.

Kwalità tas-servizz

Normalment, il-liberalizzazzjoni tas-suq għandha l-għan li ttejjeb il-pożizzjoni tal-klijenti. Il-possibbiltà ta’ l-għażla tal-fornitur u l-pressjoni kompetittiva konsegwenti jwasslu għal tqabbil aħjar tal-provvista tas-servizz mad-domanda ta' l-utent. Id-Direttivi dwar il-Gass u l-Elettriku jenfasizzaw b’mod ċar id-drittijiet tal-klijent. Stħarriġiet fis-suq ikkonkludew li l-livell ta’ sodisfazzjoni bil-kwalità tas-servizzi ta’ l-elettriku u l-gass mogħtija, huwa ġeneralment tajjeb[17]. It-tħassib li l-introduzzjoni tal-kompetizzjoni twassal għal tnaqqis fl-istandards tas-servizzi jew għal problemi fil-provvista tas-servizz universali sarraf fix-xejn.

Biex jinkisbu benefiċċji mil-liberalizzazzjoni jinħtieġ aċċess għall-provvista ta’ l-enerġija. L-analiżi[18] turi li maġġoranza kbira ħafna ta’ l-utenti aħħarin Ewropej għandhom aċċess tajjeb għall-elettriku u l-gass – il-medja għall-UE-27 titla’ għal 93% għas-settur ta’ l-elettriku li ma jistax jiġi sostitwit, u 72% għall-gass fejn ta’ sikwit ikun hemm sostitwiti. Bħala medja, żewġ terzi (66%) taċ-ċittadini ta’ l-UE jqisu li l-ispiża tas-servizzi ta’ l-elettriku tista’ tintlaħaq; iċ-ċifra għall-gass hija simili. L-ebda settur ma wera varjazzjonijiet sinifikanti skond il-kategorija soċjodemografika jew bejn ir-riżultati għall-UE-15 u l-UE-27[19].

Prezzijiet regolati

Il-koeżistenza ta’ swieq miftuħa ta’ l-enerġija u prezzijiet regolati ta’ enerġija hija pjuttost komuni fl-Istati Membri ta’ l-UE: tinstab f’terz tas-swieq tal-gass għal talanqas settur wieħed tas-suq u f’aktar minn nofs tas-swieq ta’ l-elettriku. Għal bosta Stati Membri b'regolazzjoni tal-prezzijiet, ir-regolazzjoni mhijiex limitata għall-klijenti żgħar – il-forniment lis-setturi kollha ta’ klijenti jista’ jsir bi prezzijiet regolati[20].

L-effetti ħżiena ta’ prezzijiet regolati ta’ l-enerġija jibqgħu jġibu tħassib kbir. Iwasslu mill-ewwel għal tagħwiġ tal-kompetizzjoni u jnaqqsu l-fluwidità fi swieq bl-ingrossa. Fuq medda twila, prezzijiet regolati jagħtu sinjali ħżiena tal-prezz lill-investituri u b’hekk għandhom impatt negattiv fuq l-iżvilupp ta’ infrastuttura ġdida. Bl-istipular ta’ livell ta’ prezz li ma jippermettix fornituri ġodda li jagħtu provvista bi prezzijiet li jkopru l-ispejjeż, ir-regolamentazzjoni tal-prezz toħloq ostaklu għad-dħul fis-suq ta’ fornituri alternattivi u b’hekk thedded direttament is-sigurtà tal-provvista. Għas-suq Franċiż, pereżempju, l-iskambju ta’ enerġija indika l-inkapaċità tiegħu li jistipula prezz ta’ referenza fis-suq meta jkun hemm prezzijiet ta’ enerġija regolati. Miżuri għal ħarsien tal-klijent ma għandhomx jitħalltu ma’ strumenti kompetittivi, iżda għandhom jiġu indirizzati b’mezzi separati.

C. IS-SIGURTÀ TAL-PROVVISTA

Rapporti prospettivi Ewropej dwar l-elettriku fis-sajf u fix-xitwa mfassla fl-2007 mill-Grupp Ewropew ta’ Operaturi ta’ Sistemi ta’ Trażmissjoni ta’ l-Elettriku (ETSO) u Operaturi Ewropej ta’ Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass (Infrastruttura tal-Gass Ewropa, GIE) jissuġerixxu li l-ebda riskju partikolari ta’ qtugħ ta’ dawl ma huwa mistenni fuq medda medja ta’ żmien. Dawn ir-rapporti jiġbru fl-qosor il-previżjonijiet tal-bilanċ ta’ l-elettriku nazzjonali u reġjonali, billi jsibu l-ekwilibriju bejn il-ġenerazzjoni u l-ogħla domanda. Ir-rapporti jivvalutaw l-adegwatezza globali tas-sistemi interkonnessi. Madankollu, f’kundizzjonijiet ħarxa bħal temperaturi għoljin jew baxxi ħafna jew kriżijiet fil-provvista tal-gass, ikun hemm pressjoni akbar fuq is-sistemi ta’ l-enerġija, speċjalment jekk dak l-istess perjodu jkun kritiku wkoll għal pajjiżi ġirien.

Il-provvista ta’ kapaċitajiet suffiċjenti ta’ trasport għadha element kritiku mhux biss għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni iżda wkoll għas-sigurtà tal-provvista. F’termini ta’ provvista tal-gass b’mod partikolari, l-Unjoni Ewropea tibqa’ tiddependi dejjem aktar mill-importazzjonijiet[21]. Bir-riservi indiġeni ta’ gass dejjem jonqsu u l-konsum tal-gass mad-dinja kollha mistenni li jiżdied b’mod sinifikanti, id-diversifikazzjoni ta’ rotot jew ta’ għejun għandha rwol ewlieni biex tnaqqas id-dipendenza fuq it-tliet għejun ewlenin attwali, li huma r-Russja, in-Norveġja u l-Alġerija. Bi prezzijiet tal-gass dejjem tilgħin ’il fuq, ir-rwol ta’ l-LNG fid-diversifikazzjoni kulma jmur qed jikber.

In-netwerks ta’ l-elettriku u tal-gass jinsabu fil-qalba ta’ suq Ewropew li jiffunzjona tajjeb. Għad hemm ostakli għat-tkomplija ta’ proġetti ta’ prijorità li diġà huma identifikati. Ġew nominati l-koordinaturi għall-proġetti ddikjarati li huma ta’ interess Ewropew u li ltaqgħu ma’ dewmien jew diffikultajiet fl-implimentazzjoni. Dawn il-proġetti huma: (1) Konnessjoni enerġetika bejn il-Ġermanja, il-Polonja u l-Litwanja; (2) Konnessjonijiet ma’ enerġija mir-riħ ’il barra mix-xatt fit-Tramuntana ta’ l-Ewropa; (3) Interkonnessjoni bejn Franza u Spanja; u (4) il-pajpline tal-gass Nabucco.

Għall-elettriku, id-dipendenza mill-importazzjonijiet hija aktar baxxa. Il-ġenerazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq għejun indiġeni, inklużi s-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, u fuq fjuwils li għandhom suq dinji diversifikat (eż. il-faħam). Madankollu, id-dipendenza tal-ġenerazzjoni ta’ enerġija mill-gass, li ħafna minnu huwa importat, qiegħda tiżdied. Flimkien ma' dan, l-investituri fl-infrastruttura qed jiffaċċjaw sfidi ġodda. Is-sistema ta’ l-elettriku qed issir dipendenti mill-infrastruttura tal-gass. L-investiment fil-produzzjoni ta’ elettriku li jiġġedded (bħar-riħ) jeħtieġ infrastruttura ta’ trasport b’kapaċita għolja biex jadatta is-sistema għal użu sbilanċjat ta’ kapaċità.

Wara x-xitwa kiesħa ta’ l-2005/2006, xi pajjiżi impenjaw ruħhom li jibnu ħażna ta’ gass u li jagħmlu l-akbar użu ta’ kapaċità ta’ importazzjoni. L-Italja, pereżempju, introduċiet kuntratti ta’ trasport jew ħlas fejn trasportaturi tal-merkanzija setgħu jagħżlu li jitilqu minn kapaċitajiet ta’ trasportazzjoni sabiex iżidu l-użu fiżiku tal-kapaċitajiet. Mill-aħħar ta’ l-2006 sa l-2007, tfaċċat provvista żejda żgħira ta’ gass li ppermettiet żieda fil-kummerċ tal-gass, u b'hekk ġabet xi fluwidità fiċ-ċentri kummerċjali tal-gass. Wieħed għad irid jara jekk din għandhiex issir il-bażi għal żviluppi pożittivi u dinamiċi fis-suq għall-ġejjieni.

L-UE mhux biss għandha bżonn tkompli tiffoka fuq id-dimensjoni strateġika tar-relazzjonijiet tagħha fl-enerġija ma’ pajjiżi terzi, partikolarment il-fornituri, iżda għandha wkoll tiftakar fl-importanza li tipprovdi struttura ta’ suq li jippermetti fornituri u investituri li jibbenefikaw minn suq miftuħ u flussi ta’ enerġija mingħajr ostakli. Dan jirrekjedi azzjoni mill-Kummissjoni, il-gvernijiet u r-regolaturi kif ukoll mill-operaturi tan-netwerks. Fattur kruċjali huwa d-dewmien fil-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għal investimenti. Dawn illum jikkostitwixxu riskju ewlieni għas-sigurtà tal-provvista u għall-iżvilupp tas-suq intern.

D. KONKLUżJONIJIET

Minkejja xi żviluppi li jagħtu kuraġġ, notevolment fil-koordinazzjoni transkonfinali fuq livell reġjonali, l-analiżi globali tal-progress fis-suq intern ta’ l-elettriku u l-gass naturali turi li l-ostakli ewlenin għal funzjoni effiċjenti tas-suq għadhom preżenti.

L-implimentazzjoni inadegwata tal-leġiżlazzjoni Ewropea tibqa’ fattur kruċjali. L-iżvilupp irid jiġi xprunat mill-Kummissjoni, l-Istati Membri, ir-regolaturi u l-industrija lkoll flimkien.

- Fuq l-istess linja, ir-regolaturi nazzjonali għandha tingħatalhom is-setgħa biex ikunu jistgħu jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni mill-partijiet interessati.

- Ir-regolaturi nnifishom għandhom jaġixxu fuq ir-responsabbiltà tagħhom stess biex jixprunaw l-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti legali. Ċertament hemm bżonn ta’ armonizzazzjoni transkonfinali ta’ mudelli regolatorji ta’ l-aħjar prattika jekk iridu jitnaqqsu l-ostakli prattiċi għall-kummerċ transkonfinali. L-Inizjattivi Reġjonali xprunati mill-ERGEG u proġetti oħra simili fil-livell tal-gvern huma kontribuzzjonijiet pożittivi għal dan il-proċess.

- L-industrija trid tikkonforma mar-rekwiżiti legali, bla l-ebda kompromess. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea ma tippermettix negozjati.

- Prezzijiet regolati ta’ enerġija jkomplu jqajmu tħassib kbir.

Il-kwistjonijiet ewlenin fl-oqsma differenti jaqsmu żewġ karatteristiċi komuni: impatt sinifikanti li jfixkel l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ l-elettriku u l-gass li jiffunzjona tajjeb, u n-nuqqas ta’ soluzzjoni għal din il-problema fil-qafas legali eżistenti. Il-Kummissjoni għalhekk indirizzat dawn in-nuqqasijiet f’pakkett leġiżlattiv, li ppreżentat fid-19 ta’ Settembru, 2007.

[1] Għajr f'każijiet li mhumiex ta’ deroga.

[2] Anness Tekniku (TA), taqsima 1.

[3] TA, taqsima 1.

[4] Il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Gass imwaqqaf mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/796/KE tal-11 ta’ Novembru 2003.

[5] Li jinstab fuq is-sit www.ergeg.org

[6] Ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003.

[7] Ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005.

[8] Regola li tippermetti lit-TSOs livell ristrett ta’ pubblikazzjoni fejn anqas minn 3 trasportaturi huma attivi fil-punt tan-netwerk rilevanti; ara l-Artikolu 6(5) tar-Regolament (KE) Nru 1775/2005.

[9] TA, taqsima 5.

[10] www.ergeg.org.

[11] UK, NL, B, F, IRL, DE, DK, SW, N-IRL, in-Norveġja (osservatur).

[12] AT, CZ, GR, H, IT, PL, SK, SI.

[13] Eurostat, dejta ta’ l-1 ta' Jannar ta' kull sena.

[14] Il-konsultazzjoni pubblika dwar linjigwida ta’ separazzjoni funzjonali fi ħdan l-ERGEG, pereżempju, it-TSOs, qajmet il-ħtieġa li l-managers ta’ netwerk jinvolvu ruħhom fit-tmexxija ta’ kumpaniji integrati, u anke biex dawk il-managers jingħataw inċentivi marbuta mas-suċċess tal-kumpanija integrata b'mod ġenerali. Ara l-kummenti ppubblikati fis-sit www.ergeg.org – Public Consultations – Energy – GGP Functional Unbundling.

[15] TA, taqsima 7.

[16] TA, taqsima 7.

[17] EWROBAROMETRU, Prezzijiet u kwalità tas-servizz ta’ interess ġenerali, Settembru 2005; u Stħarriġ dwar is-Sodisfazzjoni tal-Konsumatur, 2007. http://ec.europa.eu/consumers/cons_int/serv_gen/cons_satisf/consumer_service_finrep_en.pdf.

[18] EWROBAROMETRU, Servizzi ta’ Interess Ġenerali – Kapitolu 1.4-1.5, Lulju 2007.

[19] EWROBAROMETRU, Servizzi ta’ Interess Ġenerali – Kapitolu 3.1, Lulju 2007.

[20] ERGEG, Reviżjoni ta’ l-istatus tar-regolazzjoni tal-prezzijiet fuq l-utent aħħari, 14.6.2007 (Ref: E07-CPR-08-04), ww.ergeg.org.

[21] TA, taqsima 8.