Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Ir-rwol tal-PKS fl-implimentazzjoni ta’ l-approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni ta’ l-ibħra [SEG(2008) 449] /* KUMM/2008/0187 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 11.4.2008 KUMM(2008) 187 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Ir-rwol tal-PKS fl-implimentazzjoni ta’ l-approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni ta’ l-ibħra [SEG(2008) 449] Introduzzjoni u ambitu It-Trattat fl-Artikolu 6 tiegħu jinkludi l-obbligu li r-rekwiżiti tal-ħarsien ta’ l-ambjent jiġu integrati fil-politiki Komunitarji bħall-Politika Komuni tas-Sajd (PKS)[1]. Ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-PKS[2] jistabbilixxi li wieħed mill-għanijiet operattivi tal-PKS huwa l-implimentazzjoni progressiva ta’ l-approċċ ekosistemiku lejn il-ġestjoni tas-sajd. L-approċċ ekosistemiku huwa inkluż ukoll bħala għan globali f’diversi ftehimiet internazzjonali li ffirmawhom l-Istati Membri, bħall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) u d-Dikjarazzjoni tas-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (WSSD) li sar f’Johannesburg fl-2002. Fl-2002 ġie ppubblikat dokument tal-persunal tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltajiet u l-prijoritajiet għall-kooperazzjoni internazzjonali fir-rigward ta’ l-approċċ ekosistemiku lejn il-ġestjoni tas-sajd[3], imsejjes fuq id-Dikjarazzjoni ta’ Reykjavik adottata mill-Organizzazzjoni ta’ l-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO)[4] ftit xhur qabel. L-implimentazzjoni ta’ approċċ ekosistemiku fil-PKS tirrigwarda mhux biss l-ilmijiet Komunitarji iżda l-oċeani kollha madwar id-dinja. L-azzjoni Komunitarja għalhekk se tiżvolġi fl-istrumenti attwali tal-PKS għall-ilmijiet Komunitarji u permezz ta’ azzjonijiet Komunitarji f’Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs), permezz tal-proċess tan-NU u l-FAO jew, fejn xieraq, permezz ta’ ftehimiet bilaterali. Approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni ta’ l-ibħra ma jistax u m’għandux jiġi implimentat f’settur speċifiku biss, iżda jrid ikun trans-settorjali. Il-Politika Marittima Integrata[5] tikkostitwixxi l-qafas kumplessiv għall-azzjoni integrata fil-qasam marittimu, u l-pilastru ambjentali tagħha, id-Direttiva ta’ Qafas dwar Strateġija għall-Ibħra[6], tikkostitwixxi l-bażi ġenerali għall-implimentazzjoni ta’ l-approċċ ekosistemiku għall-ambjent tal-baħar. Id-Direttiva dwar il-Ħabitats[7], bir-rekwiżit tagħha li jiġu stabbiliti netwerks ta’ żoni protetti fis-settur ta’ l-ibħra, tipprovdi ċerti għodod importanti għall-approċċ ekosistemiku. L-għan ġenerali ta’ politika ta’ approċċ ekosistemiku lejn il-ġestjoni ta’ l-ibħra ma jistax jintlaħaq permezz ta’ politiki settorjali bħall-PKS waħedhom. Azzjonijiet f’politiki ta’ setturi differenti jridu jorbtu ma’ dan il-qafas integrattiv billi jiżviluppaw u jimplimentaw dawk il-miżuri li jistgħu jittieħdu fil-politika settorjali b’appoġġ għall-għanijiet ġenerali. Diġà ttieħdu diversi inizjattivi fil-kuntest tal-PKS li jikkontribwixxu għal dak il-għan, iżda dawn ma tqisux bħala parti minn strateġija kumplessiva għall-implimentazzjoni. L-għanijiet ta' din il-Komunikazzjoni huma: - li tirrapporta dwar dawk l-aspetti tal-PKS li kkontribwew għall-implimentazzjoni ta’ l-approċċ ekosistemiku sa issa, - li tippreżenta kif il-PKS torbot l-implimentazzjoni integrattiva u intersettorjali ta’ approċċ ekosistemiku mal-ġestjoni ta’ l-ibħra, u - li turi kif miżuri meħuda taħt il-PKS fil-ġejjieni se jkunu ggwidati minn approċċ ekosistemiku bħala l-prinċipju ġenerali. 1. X’INHU APPROċċ EKOSISTEMIKU? B’mod speċifiku għas-sajd, il-FAO[8] qalet li l-għan huwa li “s-sajd jiġi ppjanat, żviluppat u ġestit b’tali mod li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u x-xewqat varji tas-soċjetajiet, mingħajr ma jiġu mhedda l-possibbiltajiet li l-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni jibbenefikaw mill-firxa sħiħa ta’ prodotti u servizzi pprovduti mill-ekosistemi ta’ l-ibħra”. L-approċċ hawnhekk huwa ddefinit bħala wieħed li “jfittex bilanċ bejn għanijiet soċjali diversi, billi jitqiesu l-għarfien u l-inċertezzi dwar il-komponenti bijotiċi, abijotiċi u umani ta’ l-ekosistemi u l-interazzjonijiet bejniethom u l-applikazzjoni ta’ approċċ integrat għas-sajd fi ħdan konfini ekoloġikament sinifikanti”. Abbażi ta’ definizzjonijiet aktar ġenerali tas-CBD[9] u tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES), dawn id-definizzjonijiet jagħmluha ċara li approċċ ekosistemiku huwa strument biex jiġi segwit l-iżvilupp sostenibbli fit-tliet dimensjonijiet tiegħu, li wkoll jiffurmaw parti mill-għanijiet ta’ l-Istrateġija ta’ l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli, jiġifieri l-ħarsien ambjentali, l-ekwità u l-koeżjoni soċjali, u l-prosperità ekonomika, u li huma mnaqqxa fir-Regolament Bażiku tal-PKS[10]. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tifhimha li approċċ ekosistemiku lejn il-ġestjoni tas-sajd jinvolvi l-assigurar tal-prodotti u s-servizzi mir-riżorsi akkwatiċi ħajjin għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri fi ħdan konfini ekoloġiċi sinifikanti. Ġestjoni bħal din tas-sajd se tfittex li tiżgura li l-benefiċċji mir-riżorsi ħajjin tal-baħar ikunu għolja, filwaqt li l-impatti diretti u indiretti ta’ l-operazzjonijiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar ikunu baxxi u mhux detrimentali għall-funzjonament, id-diversità u l-integrità ta’ dawn l-ekosistemi fil-ġejjieni. Approċċ ekosistemiku għalhekk ikompli mill-“mudell tal-limiti” li kien jintuża tradizzjonalment għall-ġestjoni tas-sajd u li kien jiffoka fuq ir-riżorsi fil-mira. Madankollu, il-kunċett ta’ “limiti” m’għadux iqis biss l-impatti fuq popolazzjoni fil-mira, iżda minflok, il-fatt li l-ekosistemi kollha għandhom limiti li, meta jinqabżu, tista’ tirriżulta bidla kbira fl-ekosistema. Limiti għall-impatti mis-sajd ikunu ekoloġikament sinifikanti jekk il-popolazzjonijiet mistada jinżammu f’livelli li jkunu ekoloġikament vijabbli, jekk id-diversità bijoloġika tinżamm u jekk l-impatti fuq l-istruttura, il-proċessi u l-funzjonijiet ta’ l-ekosistema jinżammu f’livelli aċċettabbli[11]. Barra minn hekk, peress li s-sajd jinteraġixxi ma’ attivitajiet oħra tal-bniedem u l-konsegwenzi tagħhom fuq il-baħar, dawn l-interazzjonijiet ukoll iridu jitqiesu. 2. L-INTEGRAZZJONI TAL-ġESTJONI TAS-SAJD F’APPROċċ EKOSISTEMIKU LEJN IL-ġESTJONI TA’ L-IBħRA Il-ġestjoni tas-sajd tista’ tikkontribwixxi għal approċċ ekosistemiku, iżda approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni ta’ l-ibħra jrid integra s-setturi ekonomiċi kollha li għandhom impatt fuq l-ekosistema tal-baħar. Ċerti pajjiżi, bħall-Awstralja, adottaw approċċ fejn il-ġestjoni tas-sajd terfa’ fuqha r-rwol li tintegra l-interessi umani differenti fl-ekosistema ta’ l-ibħra u tipprovdi għall-ġestjoni integrata kumplessiva tar-riskji li jirriżultaw mill-interazzjoni tal-bniedem ma’ l-ambjent ta’ l-ibħra. Approċċ bħal dan ma jidhirx li huwa għażla fattibbli fil-kuntest ta’ l-UE, b’tant ibħra reġjonali, li kull wieħed minnhom huwa soġġett għall-interessi ta’ diversi Stati Membri, u fejn l-ekosistemi ta’ l-ibħra f’ħafna każijiet jinkludu ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiżi terzi. F’din l-istruttura aktar kumplessa, il-politiki integrattivi speċifiċi bħalma hi l-Istrateġija għall-Ibħra[12] għandhom jipprovdu qafas intersettorjali għall-ġestjoni ta’ l-ibħra. Il-PKS se tikkontribwixxi għal dak il-qafas billi tieħu miżuri skond il-benefiċċji u l-impatti tas-sajd. Il-kundizzjonijiet ta’ l-istokkijiet tal-ħut u l-ħabitats tal-ħut se jkunu elementi importanti fil-valutazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb li huwa ppjanat fl-Istrateġija ta’ l-Ibħra. Il-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd li se jikkontribwixxu biex jinkiseb status ambjentali tajjeb se jiġu żviluppati u implimentati. Iż-żoni protetti huma għodda importanti biex jitħarsu ħabitats u speċijiet sensittivi fi ħdan approċċ ekosistemiku. Id-Direttiva dwar il-Ħabitats[13] tipprovdi għall-istabbiliment ta’ netwerk ta’ żoni protetti rappreżentattivi, ukoll fl-isfera ta’ l-ibħra. Il-PKS tipprovdi l-istrumenti meħtieġa biex jiġi rregolat is-sajd sabiex l-għanijiet ta’ żoni protetti bħal dawn jinkisbu. Il-kompitu tal-ġestjoni tas-sajd fi ħdan l-approċċ ekosistemiku fil-kuntest ta’ l-UE għalhekk huwa li: 1. l-impatti diretti u indiretti tas-sajd fuq l-ekosistemi ta’ l-ibħra jinżammu f’limiti stabbiliti għal ekosistemi tal-baħar f’qagħda ta’ saħħa tajba u popolazzjonijiet ta’ ħut li jkunu ekoloġikament vijabbli permezz ta’ l-inklużjoni ta’ l-għarfien kollu li għandna dwar l-interazzjonijiet bejn is-sajd u l-ekosistemi ta’ l-ibħra f’deċiżjonijiet fil-kuntest tal-PKS, u 2. jiġi żgurat li l-azzjonijiet meħuda fil-qasam tas-sajd ikunu konsistenti ma’ u ta’ appoġġ għall-azzjonijiet meħuda fil-kuntest ta’ l-Istrateġija intersettorjali għall-Ibħra u d-Direttiva dwar il-Ħabitats. L-approċċ integrat, permezz tal-Politika dwar l-Ibħra u l-pilastru ambjentali tagħha, l-Istrateġija għall-Ibħra, se jkunu ta’ benefiċċju totali għas-sajd billi jiżguraw il-ġestjoni integrattiva ta’ l-interazzjonijiet kollha umani, ambjnetali u ekonomiċi fl-isfera marittima. Il-benefiċċji għas-sajd ta’ approċċ ekosistemiku lejn il-ġestjoni ta’ l-ibħra huma estensivi. Is-sajd x’aktarx huwa dak is-settur marittimu li l-aktar jiddependi direttament fuq ekosistemi tal-baħar f’qagħda ta’ saħħa tajba, u għalhekk huwa wkoll is-settur li jirbaħ l-aktar minn ħarsien integrat ta’ dawn l-ekosistemi. L-approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni ta’ l-ibħra se jindirizza t-tħassib li ta’ spiss tesprimi l-industrija tas-sajd, li ħafna attivitajiet tal-bniedem għandhom impatt negattiv fuq l-ekosistemi tal-baħar u l-istokkijiet tal-ħut, u li dawn l-impatti kollha, mhux biss is-sajd, għandhom jiġu amministrati sabiex jiġu mħarsa l-ekosistemi tal-baħar u l-istokkijiet tal-ħut. Approċċ ekosistemiku integrat għandu jagħmel dak li l-ġestjoni tas-sajd ma tistax tagħmel waħedha: li jiġi żgurat li l-ekosistemi tal-baħar jirkupraw għall-qagħda ta’ saħħa tajba, u jinżammu hekk, biex tiġi żgurata l-bażi għall-produttività ta’ l-istokkijiet tal-ħut fil-ġejjieni. 3. KWISTJONIJIET EWLENIN LI GħANDHOM JIġU INDIRIZZATI Fi ħdan l-għan kumplessiv ta’ approċċ ekosistemiku, jeħtieġ li jiġu ddefiniti għanijiet speċifiċi rigward is-servizzi ekosistemiċi (jiġifieri l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi mis-sajd) kif ukoll konfini ekoloġiċi sinifikanti għall-implatti tas-sajd (jiġifieri l-popolazzjonijiet jinżammu f’livelli vijabbli, li tinżamm id-diversità bijoloġika u li l-impatti fuq l-istruttura, il-proċessi u l-funzjonijiet ta’ l-ekosistema jinżammu f’livelli aċċettabbli[14]). Punt tal-bidu għall-azzjoni huwa d-deskrizzjoni ta’ l-ekosistemi u l-istruttura, il-proċessi u l-funzjonijiet tagħhom bl-użu ta’ l-għarfien kollu disponibbli. Parti importanti se tkun ukoll it-tkomplija u l-espansjoni tal-valutazzjoni attwali ta’ l-istatus u x-xejriet ta’ l-istokkijiet tal-ħut u ta’ l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistemi. Dawn il-valutazzjonijiet jeħtieġ li jiġu aġġornati l-ħin kollu hekk kif aktar tagħrif isir disponibbli. Il-korpi xjentifiċi kkonsultati għall-parir fit-tħejjija tal-miżuri għall-ġestjoni tas-sajd isejsu fuq sensieli ta’ għarfien rilevanti miġbura fuq perjodu twil dwar l-iżvilupp ta’ l-istokkijiet u l-effetti tal-miżuri ta’ ġestjoni, u diġà qed iqisu tagħrif rilevanti għall-ekosistemi fil-valutazzjonijiet tagħhom. L-impatt ewlieni tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar huwa l-qtil ta’ annimali tal-baħar. Ħut, krostaċji u organiżmi oħra tal-baħar jitneħħew mill-ekosistema tal-baħar u jittellgħu l-art, iżda jinqatlu wkoll inċidentalment jekk jinqabdu bħala qabda inċidentali mhux mixtieqa u mormija lura l-baħar, inkella jekk iferihom l-irkaptu tas-sajd mingħajr ma jittellgħu abbord. Is-sajd jista’ jkollu wkoll impatt fuq il-ħabitats meta l-irkaptu tas-sajd jiġi f’kuntatt mal-qiegħ u għalhekk jaffettwa s-sottostrat tal-qiegħ u l-organiżmi li jgħixu fi jew fuq il-qiegħ. Kemm l-impatt dirett tal-qtil ta’ l-annimali tal-baħar kif ukoll l-impatt fuq il-ħabitats huma l-ewwel u qabel kollox marbuta ma’ l-ammont ta’ attivitajiet ta’ sajd li jseħħu. Il-pressjoni tas-sajd fuq 80% ta’ l-istokkijiet tal-ħut Ewropej bħalissa hija lil hinn mill-miri sostenibbli. Dan ifisser li l-biċċa l-kbira tal-flotot tas-sajd Ewropej iwettqu attività tas-sajd li taqbeż l-attività meħtieġa biex is-sajd ikun sostenibbli, ukoll jekk is-sostenibbiltà titqies biss mill-perspettiva limitata ta’ l-istokkijiet partikolari ta’ ħut li jiġu mistada mill-flotot. Għaldaqtsant, l-ewwel kompitu għall-ġestjoni tas-sajd, li huwa wkoll l-aktar wieħed importanti, huwa li titnaqqas il-pressjoni kumplessiva tas-sajd għal livelli sostenibbli. Billi titnaqqas l-attività tas-sajd jinqatlu inqas annimali mis-sajd, u l-impatt fuq l-istruttura u l-funzjonament ta’ l-ekosistemi tal-baħar għalhekk ikun aktar baxx; inqas ħut, krostaċji, tjur tal-baħar u mammiferi tal-baħar jinqatlu inċidentalment minn operazzjonijiet tas-sajd u l-popolazzjonijiet ta’ dawn l-ispeċijiet għalhekk ma jintlaqtux daqshekk, inqas individwi ta’ speċijiet sensittivi jinqabdu inċidentalment u l-impatt fuq il-ħabitats ikun inqas. L-istrumenti ewlenin biex tittieħed azzjoni kontra l-pressjoni globali tas-sajd huma pjanijiet ta’ ġestjoni fit-tul li jibnu fuq ir-rekwiżit tal-WSSD biex l-istokkijiet tal-ħut jerġgħu jirkupraw għal-livelli ta’ l-‘ogħla rendiment sostenibbli’ (MSY). Mill-2002 ġew adottati diversi pjanijiet ta’ rkupru u ta’ ġestjoni fit-tul fil-kuntest tal-PKS, u ġew ippubblikati komunikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni ta’ l-MSY u dwar politika ġdida għat-tnaqqis tal-qabdiet inċidentali (ara l-kapitolu 6). Lil hinn minn tnaqqis ġenerali bħal dan ta’ l-impatti tas-sajd fuq l-ekosistema, jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet speċifiċi li ġejjin: Hemm il-ħtieġa li jiġu mħarsa l-ħabitats sensittivi tal-baħar . Il-ħabitats kollha li jiġu f’kuntatt fiżiku ma’ l-irkaptu tas-sajd huma affettwati. Filwaqt li ċertu tip ta’ qigħan u l-organiżmi li jiddependu fuqhom jistgħu jkunu jifilħu għal impatti bħal dawn, jeżistu wkoll ħabitats li jiġu affettwati b’mod sinifikanti u fit-tul mill-impatti tal-kuntatt ma’ l-irkaptu tas-sajd. Sikek tal-korall f’ibħra kesħin, bħal- Lophelia pertusa jistgħu pereżempju jieħdu bosta għexieren ta’ snin biex jirkupraw mill-impatti ta’ kuntatt wieħed ma’ xibka tat-tkarkir tal-qiegħ. In-netwerk ta’ żoni tal-baħar protetti Natura 2000 se jipprovdi ħarsien għal ħabitats rappreżentattivi. L-użu kkoordinat ta’ strumenti tal-PKS bħall-għeluq għal ċertu tip ta’ sajd jew żoni fejn il-qbid ikun ipprojbit se jiġi implimentat kif meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet tas-sit speċifiku Natura 2000”. Lil hinn minn dan, jittieħdu miżuri speċifiċi biex jitnaqqsu l-impatti mekkaniċi ta’ l-irkaptu tas-sajd ukoll barra minn żoni protetti bħal dawn, u se jittieħdu wkoll miżuri ulterjuri biex jiġu mħarsa ħabitats sensittivi meta jirriżulta għarfien ta’ ħabitats bħal dawn u theddid għalihom. Diġà ttieħdu diversi inizjattivi f’dan il-qasam (ara l-kapitolu 6). Teżisti wkoll il-ħtieġa li jiġu mħarsa speċijiet protetti li jinqatlu inċidentalment f’operazzjonijiet tas-sajd, kif ukoll speċijiet mistada li tnaqqsu għal livelli aktar baxxi minn dawk li huma bijoloġikament sikuri. Il-pjanijiet ta’ rkupru huma l-istrument ewlieni biex jerġgħu jinbnew l-istokkijiet li waqgħu għal-livelli mhux sikuri, u l-politika ġdida dwar ir-rimi lura se tikkontribwixxi għall-ħarsien ta’ speċijiet sensittivi minn qabdiet inċidentali mhux mixtieqa. Strumenti oħra għall-ħarsien ta’ speċijiet sensittivi huma regolamenti dwar il-forma u l-użu ta’ l-irkaptu tas-sajd li jnaqqas il-qabdiet inċidentali mhux mixtieqa ta’ speċijiet bħal dawn u l-għeluq ta’ żoni fejn qabdiet inċidentali bħal dawn huma probabbli. Pressjoni aktar baxxa mis-sajd u ħarsien speċifiku ta’ speċijiet u ħabitats sensittivi se jnaqqsu l-impatt tas-sajd fuq l-istruttura, id-diversità u l-funzjonament ta’ l-ekosistemi. Madankollu jeżistu każijiet fejn jistgħu ikunu meħtieġa miżuri speċifiċi biex jiġu evitati distorsjonijiet fix-xibka alimentari u sabiex jiġi żgurat li l-proċessi naturali ekosistemiċi ma jiġux imfixkla. Eżempju ta’ dan huwa kif ċerti kolonji ta’ tjur tal-baħar jiddependu fuq iċ-ċiċċirell għal finijiet riproduttivi fuq il-kosta tal-punent tal-Gran Brittanja (ara l-kapitolu 6). Katalisti ambjentali għandhom impatt fuq l-ekosistemi tal-baħar u l-istokkijiet tal-ħut. F’ċerti każijiet is-sajd jista’ jiggrava l-impatti negattivi ta’ katalisti bħal dawn. Il-Bord Intergovernattiv għat-Tibdil fil-Klima stqarr li dan jista’ jkun il-każ fir-rigward ta’ ċerti impatti tal-klima fuq l-istokkijiet tal-ħut. Huwa aspett integrali ta’ l-approċċ prekawzjonarju li s-sajd għandu jitwettaq b’mod li jiflaħ għall-bidla ambjentali u b’hekk l-istokkijiet tal-ħut qatt m’għandhom jiġu sfruttati sa punt li ma jkunux flessibbli biżżejjed biex jifilħu għat-tibdil ambjentali. Il-Kummissjoni talbet speċifikament lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) u l-ICES biex jinkorporaw kwalunkwe għarfien eżistenti dwar il-katalisti ambjentali fil-valutazzjonijiet ta’ l-ekosistemi u tas-sajd, kif ukoll fil-parir tagħhom. 4. OPERAZJONALIZZAZZJONI U GOVERNANZA Approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tal-baħar jimplika li fil-proċess ikollhom jiġu rikonċiljati diversi interessi li kemm-il darba jikkonfliġġu. Filwaqt li fil-medda l-qasira jista’ jkun hemm kontradizzjonijiet bejn l-għanijiet soċjali u r-rekwiżit li s-sajd jitwettaq f’konfini ekoloġiċi sinifikanti, dawn il-kontradizzjonijiet ġeneralment jgħibu fuq perjodu itwal għaliex ekosistemi f’qagħda ta’ saħħa tajba huma prerekwiżit biex l-industrija tas-sajd tibqa’ teżisti. L-għanijiet ġenerali elenkati hawn fuq ġeneralment japplikaw, iżda teżisti wkoll il-ħtieġa li jiġu spjegati u li jsiru operattivi għal ċerti ekosistemi u setturi tas-sajd. Dan għandu jsir f’interazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, il-gvernijiet u l-partijiet interessati. Il-mekkaniżmu ewlieni għall-interazzjoni mal-partijiet interessati fi ħdan il-PKS jikkonsisti fil-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (RACs). Il-konfini ġenerali ta’ approċċ ekosistemiku ġenerali għandhom jiġu definiti permezz ta’ l-identifikazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb permezz ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istrateġija għall-Ibħra. Se jiġu żviluppati għanijiet speċifiċi għas-sajd permezz tal-pjanijiet ta’ ġestjoni fit-tul abbażi tal-kunċett ta’ l-MSY, iżda fil-ġejjieni dawn għandhom jintegraw ukoll konsiderazzjonijiet ta’ impatti ekosistemiċi mis-setturi tas-sajd ikkonċernati. L-għanijiet għandhom jiġu operazzjonalizzati f’azzjonijiet speċifiċi. Ġie argumentat li approċċ ekosistemiku jeħtieġ sistema ta’ ġestjoni olistika u integrata, li tkun ibbażata fuq il-previżjonijiet ta’ l-effetti ekosistemiċi diversi tas-sajd u tal-miżuri ta’ ġestjoni. Iżda l-għarfien tad-dinamika ta’ l-ekosistemi u s-sajd qatt ma jista’ jkun sħiħ, u ħafna effetti tas-sajd u tal-miżuri ta’ ġestjoni b’riżultat ta’ dan ma jistgħux jiġu previsti b'mod preċiż. Jiġri wkoll li l-għarfien jeżisti iżda ma jiġix applikat biżżejjed, inkella bil-mod wisq. Għalhekk, għarfien inkomplet u strumenti insuffiċjenti għall-integrazzjoni m’għandhomx jipprevjenu l-azzjoni. Il-progress fuq il-bażi ta’ għarfien eżistenti u bi strumenti preżenti jista’ u jrid jintlaħaq. L-għarfien attwali jippermettilna nieħdu miżuri ta’ ġestjoni fid-direzzjoni t-tajba. Imbagħad għandhom jiġu stabbiliti miżuri biex jiġu ssorveljati r-riżultati u jittieħdu miżuri korrettivi. Kemm id-dokumenti ta’ gwida tas-CBD[15] kif ukoll ta’ l-ICES[16] jgħidu li l-approċċ ekosistemiku jesiġi l-ġestjoni adattivi biex tiġi indirizzata n-natura kumplessa u dinamika ta’ l-ekosistemi u fin-nuqqas ta’ għarfien sħiħ dwar kif jaħdmu. Il-ġestjoni għalhekk trid tkun kapaċi twieġeb għal inċertezzi bħal dawn u jkun fiha elementi ta’ tagħlim fil-prattika jew riżultati mir-riċerka. Jista’ jagħti l-każ li jkunu meħtieġa miżuri saħansitra meta ċerti relazzjonijiet ta’ kawża u effett ikunu għadhom ma ġewx stabbiliti kompletament mil-lat xjentifiku. Ir-riżultati tal-ġestjoni mbagħad jeħtieġ li jiġu ssorveljati sabiex il-ġestjoni tal-futur tiġi adattata. L-analiżi tar-riżultati u tal-pariri rigward l-għażliet għall-adattament tal-ġestjoni jintalab mill-istituzzjonijiet li jipprovdu pariri bbażati fuq ir-riċerka lill-Kummissjoni, l-aktar l-iSTECF, li ta’ spiss tibni fuq il-pariri ta’ l-ICES. L-istrumenti finanzjarji tal-Komunità għandhom jintużaw kemm jista’ jkun biex jinkiseb il-progress u tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ l-approċċ ekosistemiku. Fil-qasam tas-sajd, il-fondi disponibbli għar-riċerka u l-ġbir tad-dejta diġà qed jikkontribwixxu għal dan. Il-Fond Ewropew tas-Sajd (EFF) għandu jintuża kompletament fuq il-livell ta’ l-Istati Membri biex titrawwem l-implimentazzjoni ta’ l-approċċ ekosistemiku permezz ta’ – pereżempju – appoġġ għall-iżvilupp ta’ prassi u teknoloġiji tas-sajd b’impatt baxx fuq l-ekosistema kif ukoll fuq it-titjib tal-kuxjenza. 5. X'SAR S'ISSA? Sa issa ttieħdu diversi inizjattivi fil-kuntest tal-PKS li se jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-ġestjoni integrata ta’ l-ibħra abbażi ta’ l-approċċ ekosistemiku: - Peress li fil-qagħda attwali fl-Ewropa l-ewwel u l-aktar pass importanti f’approċċ ekosistemiku huwa tnaqqis sinifikanti tal-pressjonijiet kumplessiva mis-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar, ġiet żviluppata politika sabiex jitnaqqas l-isfruttament tal-popolazzjonijiet tal-ħut tal-baħar għal-livelli MSY, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar l-MSY[17]. - It-tnaqqis tal-pressjoni tas-sajd għal livelli MSY huwa appoġġat minn politika biex jitnaqqsu u eventwalment jiġu eliminati qabdiet inċidentali mhux mixtieqa (il-politika dwar ir-rimi lura). Dan se jiġi implimentat gradwalment settur tas-sajd b’settur tas-sajd permezz tal-politika ġdida dwar ir-rimi lura[18]. - Ittieħdu inizjattivi fil-kuntest tal-PKS għall-protezzjoni tal- ħabitats sensittivi mill-effetti negattivi tas-sajd, bħal pereżempju l-għeluq tas-sikek tal-korall ta’ l-ilma kiesaħ fil-punent ta’ l-Irlanda[19]. Dawn l-azzjonijiet huma mmirati biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti Natura 2000 li jappartjenu għan-netwerk ekoloġiku mwaqqaf mid-Direttiva dwar il-Ħabitats. Fiż-żona tal-Mediterran, l-użu tal-ħammiela u xbieki miġbuda f’fond ta’ aktar minn 1000 metru, ġie pprojbit biex jiġu mħarsa l-ħabitats sensittivi tal-fond, fosthom sikek tal-korall, u tliet żoni f’ilmijiet internazzjonali ngħalqu għas-sajd skond deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) u implimentati fil-liġi Komunitarja. Barra minn hekk, ir-Regolament dwar il-Mediterran huwa mmirat lejn standard għoli ta’ ħarsien tal-ħabitats sensittivi bħalma huma l-qigħan tal- Posidonia u tal-mäerl (li huma elenkati wkoll fid-Direttiva dwar il-ħabitats), u jesiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu netwerk ta’ żoni protetti mis-sajd biex jiġu mħarsa żoni ta’ żvilupp bikri tal-ħut, żoni riproduttivi inkella ekosistemi tal-baħar ġeneralment. - Ittieħdu wkoll miżuri biex jiġi evitat il-qbid inċidentali ta’ mammiferi tal-baħar permezz ta’ leġiżlazzjoni li tirrikjedi l-użu obbligatorju tal-pingers fuq il-pariti, u qed jitħejjew pjanijet ta’ azzjoni dwar it-tnaqqis tal-qabdiet inċidentali tat-tjur tal-baħar u l-elażmobranki ( elasmobranches ). - Is-sajd jista’ jkollu impatt fuq il-funzjonament ta’ l-ekosistemi billi jneħħi wisq ikel għall-predaturi (inkella, fil-każ tar-rimi lura, biż-żieda tad-disponibbiltà ta’ l-ikel għall-organiżmi li jgħixu fuq il-karonji) u b’hekk jaffettwa b’mod negattiv il-popolazzjonijiet, pereżempju tat-tjur tal-baħar. Biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, ġew magħluqa ċerti żoni għas-sajd taċ-ċiċċirell li jinsabu f’raġġ li fih itiru l-kolonji ta’ tjur tal-baħar li jiddependu fuq priża bħal din. - Dan l-aħħar ittieħdu diversi azzjonijiet biex jiġu limitati l-impatti negattivi tas-sajd, bħall-projbizzjoni ta’ l-użu tax-xbieki f’fond ta’ aktar minn 200 metru f’ċerti żoni, projbizzjoni ta’ prattiċi tas-sajd qerrieda inkella azzjonijiet kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (IUU) f’ilmijiet Ewropej u internazzjonali[20]. - Approċċ adattiv qed jiġi applikat dejjem aktar fil-PKS biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ inċertezza u – fil-politika ta’ l-MSY – sitwazzjonijiet fejn diversi speċijiet b’dinamiċi u interazzjonijiet differenti jinqabdu fl-istess ħin u fejn l-effetti kumplessivi tal-miżuri ta’ politika għalhekk ma jistgħux ikunu magħrufa. - Sabiex jiġi żgurat il-progress biex il-ġestjoni tas-sajd tikkontribwixxi għall-approċċ ekosistemiku, għandha sseħħ tranżizzjoni minn deċiżjonijiet ad hoc għal pjanijiet ta’ rkupru u ta’ ġestjoni fit-tul abbażi tal-prinċipji tas-sostenibbiltà ekoloġika. Fl-aħħar snin pjanijiet bħal dawn ġew żviluppati għal diversi stokkijiet fl-ilmijiet ta’ l-UE u stokkijiet li naqsmuhom ma’ msieħba oħra, inklużi l-pjanijiet ta’ rkupru jew ta’ ġestjoni għall-aringi tal-Baħar tat-Tramuntana, il-marlozz tat-tramuntana, l-istokkijiet kollha tal-merluzz fl-ilmijiet Komunitarji u t-tonn fiż-żona ta’ l-ICCAT. - Approċċ ekosistemiku jrid ikun appoġġat minn informazzjoni bbażata fuq ir-riċerka. Il-Kummissjoni, permezz ta’ programmi ta’ qafas, bdiet u ffinanzjat diversi proġetti ta’ riċerka biex nifhmu l-ekosistemi ta’ l-ibħra u biex niżviluppaw strutturi ħalli għarfien bħal dan jiddaħħal fl-approċċ ekosistemiku. - L-istudju tar-Regolament dwar il-Ġbir tad-Dejta b’appoġġ għaċ-ċaqliqa lejn approċċ ekosistemiku biex tiġi inkluża informazzjoni ġdida li hi meħtieġa għall-monitoraġġ ta’ l-impatti ekoloġiċi usa' tas-sajd ġie kkompletat. Ir-Regolament il-ġdid huwa mistenni li jidħol fis-seħħ mill-2009 u se jkopri l-ġbir tad-dejta li tista’ tkun il-bażi għal indikaturi marbuta ma’ l-impatti ekoloġiċi tas-sajd, u b'hekk ikunu ta’ appoġġ għall-approċċ ekosistemiku lejn il-ġestjoni[21]. - L-ewwel ġabra ta’ indikaturi għall-monitoraġġ ta’ l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistema ġie magħżul u huwa ppublikat flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni bħala dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa miżuri bħal dawn biex tnaqqas jew telimina l-impatt ekoloġiku tas-sajd kull meta jsir diponibbli għarfien ġdid dwar impatti bħal dawn. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni talbet lill-ICES u lill-iSTECF biex jipprovduha b’pariri dwar kwalunkwe għarfien ġdid rigward l-interazzjoni bejn is-sajd u l-ekosistemi. Il-ġbir tad-dejta biex jinsiltu l-indikaturi dwar l-effetti ekosistemiċi tas-sajd se jiġi inkluż fil-programmi tal-ġbir tad-dejta mill-Istati Membri mill-2009 ‘l quddiem. 6. IL-PASSI LI JMISS Il-PKS se tappoġġa politiki mmirati lejn l-approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni ta’ l-ibħra: - Fil-medda l-qasira għal dik medja se jkomplu l-passi biex titnaqqas il-pressjoni kkumplessiva mis-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar, fosthom l-implimentazzjoni ta’ l-approċċ MSY il-ġdid permezz ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni fit-tul u fi proposti annwali jew multiannwali dwar il-limitazzjonijiet tal-qabdiet. - Se tiġi żviluppata leġiżlazzjoni biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali mhux mixtieqa permezz tal-politika dwar ir-rimi lura, u l-miżuri tekniċi se jiġu riveduti biex jinkludu konsiderazzjonijiet dwar il-ħsara lill-ħabitats u r-rimi lura. - Għal gruppi speċifiċi ta’ speċijiet sensittivi, qed jiġu żviluppati pjanijiet ta’ azzjoni fejn jintużaw ġabriet ta’ strumenti biex tiġi pprovduta protezzjoni speċifika. Fl-2008 se jiġi ppubblikat pjan ta’ azzjoni għall-ħarsien tal-klieb il-baħar u l-elażmobranki u fl-2009 se jiġi ppubblikat pjan ta’ azzjoni għall-ħarsien tat-tjur tal-baħar. - Permezz tar-regolament il-ġdid propost fl-2008, miżuri tekniċi ssimplifikati se jagħtu bidu għal titjib fis-selettività ta’ l-irkaptu tas-sajd. - Il-kundizzjoni tal-popolazzjonijiet tas-sajd se tkun element għad-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb fil-kuntest ta’ l-Istrateġija għall-Ibħra, u se jiġu implimentati strumenti tal-PKS biex jintlaħqu għanijiet marbuta mal-popolazzjonijiet tal-ħut u l-impatti tas-sajd fuq il-ħabitats u l-ispeċijiet sensittivi. - L-ewwel sett ta’ indikaturi magħżula se jservu ta’ bażi prattika għall-maniġers tas-sajd fl-implimentazzjoni ta’ l-approċċ ekosistemiku. Dan se jkompli jiġi żviluppat u kkompletat u d-dejta ta’ appoġġ se tinġabar fl-ambitu tar-Regolament rivedut dwar il-Ġbir tad-Dejta li għandu jidħol fis-seħħ mill-2009. - L-istrumenti tal-PKS se jintużaw biex tiġi żgurata ġestjoni xierqa ta' l-attivitajiet tas-sajd f'żoni protetti mill-leġiżlazzjoni Komunitarja (eż. siti Natura 2000, jew żoni protetti oħra, inklużi taħt id-Direttiva ta' Qafas għal Strateġija Marittima). - Il-Komunità se tappoġġa inizjattivi biex tippromwovi l-approċċ ekosistemiku fl-RFMOs, fil-qafas tan-NU u fora internazzjonali oħra u, fejn xieraq, fi ftehimiet bilaterali. - Barra minn hekk l-approċċ ekosistemiku se jitqies bħala l-prinċipju ta’ gwida għal deċiżjonijiet taħt il-PKS fejn se jittieħed approċċ inkrementali biex jiġu indirizzati kwistjonijiet marbuta ma' pressjoni ta' sajd żejda fuq il-popolazzjonijiet u l-ekosistemi, it-tnaqqis ta' l-impatti fuq il-ħabitats u l-ispeċijiet sensittivi u l-prevenzjoni ta' distorsjonijiet fl-istruttura u l-funzjonament ta’ l-ekosistemi. - Ir-riċerka fuq l-approċċ ekosistemiku se tibqa’ prijorità fil-programm FP7 u l-attivitajiet ta’ riċerka dwar l-aspetti kollha tagħha se jibqgħu jiġu promossi sabiex jittejjeb l-għarfien u jimtlew il-lakuni fid-deskrizzjonijiet ta' l-ekosistemi tal-baħar, biex b'hekk jingħata kontribut għall-proċess adattiv ta' l-implimentazzjoni tiegħu. Minbarra dan, ix-xjenzjati u l-maniġers jeħtieġ li jintensifikaw id-djalogu tagħhom sabiex l-għodod ta’ ġestjoni jistgħu jittejbu kontinwament. - L-Istati Membri huma mistiedna jużaw il-possibbiltajiet ta’ finanzjament tal-EFF sabiex jinkiseb progress fl-implimentazzjoni ta’ approċċ ekosistemiku permezz tal-promozzjoni ta’ miżuri bħat-titjib ta’ l-għarfien u l-ġestjoni tas-sajd, taħriġ tas-sajjieda fi prassi tas-sajd b’impatt baxx, u l-iżvilupp ta’ prassi u teknoloġiji b’impatt baxx fuq l-ambjent. [1] Verżjoni konsolidata tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU C 325, 24.12.2002, p. 42). [2] Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 (ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59). [3] SEC(2001) 1696. [4] http://www.fao.org/docrep/meeting/004/Y2211e.htm. [5] COM(2007) 575 finali u SEC(2007)1278. [6] Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent tal-Baħar (Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marittima) – għadha ma ġietx ippubblikata . [7] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7. [8] FAO 2003. L-Approċċ Ekosistemiku għas-Sajd. Linji Gwida Tekniċi tal-FAO għal Sajd Responsabbli. Nru 4, Suppl. 2. Ruma, FAO. 112 pp. [9] CBD – COP 5, Deċiżjoni V/6 (http://www.cbd.int/convention/cop-5-dec.shtml?m=COP-05&id=7148&lg=0). [10] Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002. [11] FAO 2003. [12] Direttiva ta’ Qafas għal Strateġija ta’ l-Ibħra, għadha mhix ippubblikata . [13] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE. [14] FAO 2003. [15] Deċiżjoni CBD V/6, paragrafu 10. [16] Rapport ta’ riċerka kooperattiva ta’ l-ICES Nru 273, kapitolu 6.1. [17] COM(2006) 360 finali. [18] COM(2007) 136 finali. [19] COM(2007) 570 finali. [20] COM(2007) 604 u 605 finali. [21] Regolament 199/2008.